IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 7.12.2016
COM(2016) 941 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
IT-TITJIB U L-IMMODERNIZZAR TAL-EDUKAZZJONI
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52016DC0941
COMMUNICATION FROM THE COMMISSION TO THE EUROPEAN PARLIAMENT, THE COUNCIL, THE EUROPEAN ECONOMIC AND SOCIAL COMMITTEE AND THE COMMITTEE OF THE REGIONS IMPROVING AND MODERNISING EDUCATION
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI IT-TITJIB U L-IMMODERNIZZAR TAL-EDUKAZZJONI
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI IT-TITJIB U L-IMMODERNIZZAR TAL-EDUKAZZJONI
COM/2016/0941 final
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 7.12.2016
COM(2016) 941 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
IT-TITJIB U L-IMMODERNIZZAR TAL-EDUKAZZJONI
It-titjib u l-immodernizzar tal-edukazzjoni
Edukazzjoni ta’ Kwalità Għolja Għal Kulħadd
1. L-edukazzjoni hija ta’ importanza strateġika għas-soċjetajiet tagħna u għall-iżvilupp ekonomiku
Il-prosperità tal-Ewropa u l-istil ta’ ħajja huma bbażati fuq l-assi l-aktar importanti tagħha: niesha. F’soċjetà li qed tinbidel u l-ambjent kompetittiv globali, edukazzjoni ta’ kwalità hija kruċjali biex l-UE tiżgura l-koeżjoni soċjali, il-kompetittività u t-tkabbir sostenibbli. Biex ikunu jistgħu jintlaħqu l-objettivi tal-impjiegi, it-tkabbir, l-investiment u l-kompetittività, u l-ġustizzja soċjali fil-qalba tagħha, huwa importanti ħafna li ninvestu fiż-żgħażagħ. Il-forniment ta’ edukazzjoni ta’ kwalità għolja għal kulħadd huwa wieħed mill-aqwa investimenti li tista’ tagħmel soċjetà.
Edukazzjoni ta’ kwalità għal kulħadd hija l-pedament għall-koeżjoni soċjali u għal soċjetà miftuħa. Edukazzjoni ta’ kwalità hija ħafna iktar minn investiment ekonomiku. Hija essenzjali għall-iżvilupp personali, soċjali u professjonali kif ukoll għall-impjegabbiltà tul il-ħajja. U tista’ tkun wieħed mill-iktar modi effettivi biex ikunu indirizzati l-inugwaljanzi soċjoekonomiċi u tkun promossa l-inklużjoni soċjali. Sabiex jintlaħqu dawn l-objettivi, is-sistemi edukattivi jeħtieġ li jkunu aċċessibbli u li jagħtu opportunitajiet indaqs għal kulħadd, irrispettivament mill-isfond tal-persuna, u li jipproduċu eżiti ta’ kwalità għolja.
Is-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ fl-Ewropa jagħtu riżultati tajbin... l-Istati Membri huma primarjament responsabbli għas-sistemi tagħhom tal-edukazzjoni u t-taħriġ, u kollha kemm huma wettqu riformi u evalwazzjonijiet bejn il-pari sinifikanti matul is-snin. L-Ewropa għamlet progress tajjeb fit-titjib tal-edukazzjoni kumplessivament. Dan pereżempju huwa viżibbli fiss-sehem dejjem akbar ta’ żgħażagħ li jiggradwaw mill-edukazzjoni għolja, filwaqt li tintlaħaq il-mira ewlenija tal-Ewropa 2020 ta’ 40 %. Bl-istess mod, huwa suċċess ewlieni li s-sehem ta’ dawk li jitilqu mill-iskola kmieni naqas matul il-perjodu 2005–2015 bi 30 %, biex issa jammonta għal medja ta’ 11 % għall-UE.
... iżda m’hemmx lok għall-kompjaċenza. Ir-riżultati reċenti tal-istħarriġ PISA tal-OECD 1 jikkonfermaw li parti kbira tal-istudenti ta’ 15-il sena għandhom ħiliet bażiċi baxxi wisq fil-qari, il-matematika u x-xjenza u, l-aktar ħaġa li toħloq tħassib hi li r-riżultati huma agħar minn tal-2012. Il-paraguni bejn il-pajjiżi juru li xi Stati Membri jeħtieġ li jnaqqsu l-għadd ta’ studenti b’ħiliet bażiċi baxxi ħafna (li jammontaw, f’xi Stati Membri, għal aktar minn 30 %). Fid-dawl tal-impjegabbiltà, aktar progress huwa meħtieġ biex jintlaħaq il-livell ta’ referenza ta’ rata ta’ impjieg ta’ 82 % tal-persuni gradwati żgħażagħ li jrid jintlaħaq sal-2020. Illum, dan is-sehem jammonta għal 77 % biss. Tħassib ewlieni ieħor huwa li ħafna żgħażagħ li jħallu l-iskola qabel iż-żmien mingħajr kwalifika formali, b’mod partikolari, fil-grupp tal-istudenti mwielda barra mill-pajjiż, li għalihom is-sehem ta’ persuni li jieqfu mill-iskola qabel iż-żmien jammonta għal 19 %. Din l-evidenza turi li hemm ħtieġa ċara biex jittejbu l-prestazzjoni u r-riżultati tas-sistemi ta’ edukazzjoni u ta’ taħriġ. L-influss reċenti ta’ refuġjati jirrikjedi wkoll rispons rapidu u strateġija effettiva għall-integrazzjoni.
Il-kwalità tal-edukazzjoni għandha ssir realtà għall-istudenti kollha. Partikolarment inkwetanti huwa li l-istudenti bi sfond soċjoekonomiku vulnerabbli huma rrappreżentati bil-kbir fost l-istudenti b’livell baxx ta’ kisbiet. Sfida oħra hija li noffru kwalità edukazzjonali ugwali madwar l-UE, inkluż f’żoni remoti. Dan jindika r-riskju li hemm diviżjoni fis-sistema tal-edukazzjoni. L-edukazzjoni toffri opportunità unika biex jiġu miġġielda l-inugwaljanzi soċjoekonomiċi u stereotipi tas-sessi u biex ikun żgurat li ħadd ma jibqa’ lura. Madankollu, fil-preżent, is-sistemi edukattivi Ewropej mhumiex effettivi biżżejjed fl-użu ta’ dan il-potenzjal.
Is-sistemi edukattivi jeħtieġ li jkunu modernizzati u li l-kwalità tal-edukazzjoni tittejjeb kontinwament. Il-globalizzazzjoni u t-tibdil teknoloġiku joffri possibiltajiet ġodda, għall-edukazzjoni u għax-xogħol. Kwart biss tat-tfal tal-iskola fl-Ewropa jiġu mgħallma minn għalliema diġitalment kunfidenti 2 . It-trasformazzjoni diġitali qiegħda tibdel is-suq tax-xogħol u teħtieġ settijiet ta’ ħiliet ġodda. It-teknoloġiji diġitali joffru wkoll modi ġodda ta’ tagħlim dment li hemm aċċess adegwat għal dawn it-teknoloġiji. Sabiex jaħsdu l-benefiċċji ta’ dawn ix-xejriet, is-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ iridu jirrispondu aħjar għal dawn ir-realtajiet li dejjem qed jinbidlu. Edukazzjoni ta’ kwalità għolja hija essenzjali sabiex iż-żgħażagħ jakkwistaw ħiliet, għarfien, attitudnijiet u mentalitajiet li jeħtieġu biex jgħinuhom jaħtfu l-opportunitajiet il-ġodda. Is-sistemi tal-iskola jitħabtu biex jipprovdu biżżejjed kompetenzi ewlenin, bħal ħiliet diġitali u intraprenditorjali jew kompetenzi soċjali u ċiviċi. Din il-kwistjoni jeħtieġ li tkun indirizzata. Il-ħidma biex titjieb il-kwalità tal-edukazzjoni hija mira li hija rilevanti għall-Istati Membri kollha. Anke l-pajjiżi li għandhom prestazzjoni tajba ma jistgħux ma jibqgħux fuq ponot subgħajhom. L-iżgurar ta’ edukazzjoni ta’ kwalità għolja huwa kompitu li qatt ma jitlesta: jeħtieġ attenzjoni kontinwa, titjib u adattament.
L-effiċjenza teħtieġ li tiġi mtejba: iż-żamma ta’ sistemi ta’ edukazzjoni ta’ kwalità għolja u inklużiva ġġib magħha żvantaġġi u tirrikjedi finanzjament xieraq. Bħala tip ta’ nefqa pubblika li ssaħħaħ t-tkabbir, l-infiq fuq l-edukazzjoni għandu l-potenzjal li jippromwovi l-ġustizzja soċjali kif ukoll ekonomija innovattiva u kompetittiva, biex b’hekk joffri prospetti tajba ta’ impjieg. Fl-2014, għall-ewwel darba fi tliet snin, l-infiq pubbliku żdied f’termini reali, u laħaq l-4,9 % tal-PDG 3 . Madankollu, m’hemm l-ebda garanzija li ż-żieda fin-nefqa pubblika tagħti riżultati aħjar b’mod awtomatiku. Fil-fatt, it-tqabbil tar-riżultati ta’ PISA u l-livell tan-nefqa pubblika fuq l-edukazzjoni preprimarja u skolastika juri differenzi kbar fil-mod kif l-Istati Membri jagħmlu użu effiċjenti mir-riżorsi tagħhom. Din l-evidenza turi l-importanza kritika ta’ effiċjenza akbar, jiġifieri li jsir l-aħjar użu possibbli ta’ riżorsi limitati biex ikunu żgurati l-kwalità, l-ekwità u l-prestazzjoni.
Għandhom jissaħħu l-isforzi politiċi biex ninvestu b’mod aktar effettiv fiż-żgħażagħ.
Il-fokus ta’ din il-Komunikazzjoni huwa fuq l-enfażi tar-rwol fundamentali tal-edukazzjoni u fuq l-istabbiliment ta’ modijiet biex ikunu appoġġati l-isforzi tal-Istati Membri, kemm f’setturi speċifiċi tal-edukazzjoni (il-Kapitolu 2) kif ukoll b’mod ġenerali (il-Kapitolu 3). Din il-Komunikazzjoni hija parti minn pakkett ikbar ta’ azzjonijiet għall-appoġġ favur iż-żgħażagħ. L-isforzi mġedda biex itejbu u jimmodernizzaw l-edukazzjoni huma marbuta mill-qrib u parzjalment mibnija fuq l-Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa
4
, li tnediet f’Ġunju 2016. L-azzjonijiet stabbiliti taħt dawn l-inizjattivi għandhom jikkumplimentaw u jsaħħu lil xulxin.
2. Aktar appoġġ mill-UE lill-Istati Membri fl-immodernizzar tal-edukazzjoni għolja u dik skolastika
L-UE tista’ tappoġġa l-isforzi ta’ riforma tal-Istati Membri biex jimmodernizzaw edukazzjoni għolja u dik skolastika. Fl-2017, il-Kummissjoni se tippreżenta inizjattivi speċifiċi li jindirizzaw il-kwistjonijiet ewlenin fl-oqsma tal-edukazzjoni għolja u dik skolastika. Dawn l-inizjattivi se jitħejjew b’rispett sħiħ għall-prinċipju ta’ sussidjarjetà u b’kooperazzjoni mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati ewlenin fl-Istati Membri, bħalma huma l-assoċjazzjonijiet ta’ min jitgħallem, l-għalliema, il-kapijiet tal-iskola u l-ġenituri, l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.
2.1. L-iskola u l-edukazzjoni bikrija tat-tfal
Edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal
L-edukazzjoni u kura bikrija ta' kwalità tat-tfal huma kruċjali biex tiġi pprovduta l-bażi għall-iżvilupp personali u tagħlim kontinwu. L-ewwel snin ta’ ħajjithom, huma ta’ importanza kritika biex jiżviluppaw il-ħiliet konjittivi u nonkonjittivi. In-nuqqasijiet fl-istadji bikrija tal-iżvilupp huma diffiċli li jinkisbu fi stadju aktar tard fil-ħajja. Min-naħa l-oħra, edukazzjoni ta’ kwalità għolja, provduta minn età żgħira, hija bażi soda biex jinkisbu ħiliet aktar faċilment matul il-ħajja kollha.
Edukazzjoni ta’ kwalità għolja kmieni fit-tfulija hija mod effettiv u effiċjenti biex nippromwovu l-ġustizzja soċjali. Din tgħin biex jitnaqqsu t-tluq bikri mill-iskola u wkoll ir-riżultati baxxi u għandha rwol sinifikanti biex jingħeleb l-iżvantaġġ edukattiv, billi tfal minn sfond soċjoekonomiku vulnerabbli jinagħtaw ċans li javvanzaw fil-mobbiltà soċjali. Barra minn hekk, il-forniment ta’ edukazzjoni u kura bikrija ta' kwalità tat-tfal jiswa relattivament ftit u huwa wisq aktar effettiv milli azzjoni biex issewwi l-ħsara aktar tard fil-ħajja. Din hija r-raġuni għaliex kull tentativ biex tittejjeb l-edukazzjoni u l-effiċjenza tas-sistemi edukattivi teħtieġ li tibda b’ħarsa lejn dak li jiġri f’età żgħira ħafna.
Il-Kwalità u l-aċċessibilità huma importanti. L-Istati Membri kważi laħqu l-punt ta’ riferiment ta’ 95 % stabbilit fil-qafas tal-kooperazzjoni fl-edukazzjoni u t-taħriġ 2020 biex jipprovdu edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal, b’medja ta’ rata ta’ parteċipazzjoni fl-UE ta’ 94,3 % fl-2014 5 . Madankollu, tfal minn sfond żvantaġġat u l-gruppi ta’ minoranza għadhom mhumiex irrappreżentati biżżejjed 6 . Madankollu, il-kura u l-edukazzjoni bikrija tat-tfal jista' jkollhom l-impatt pożittiv tagħhom fuq l-ugwaljanza u l-mobilità soċjali biss, jekk ikunu aċċessibbli għal kulħadd, ikunu ta’ kwalità għolja u jkunu jistgħu jinkisbu bi prezz raġonevoli. L-ilħuq ta’ dawn l-objettivi se jirrikjedi aktar titjib. B’mod partikolari, huwa essenzjali li jsir investiment f’edukaturi kwalifikati u mħarrġa u li jitfasslu curricula li jistimulaw it-tfal u jrawwmu l-proċess ta’ tagħlim tagħhom.
Il-Kummissjoni se tkompli tappoġġa l-Istati Membri fl-għoti ta’ edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal ta’ kwalità għolja u żżid l-isforzi biex tgħinhom jitgħallmu minn xulxin u jidentifikaw x’jaħdem l-aħjar. Dan jiżgura tranżizzjoni ottimali għat-tfal mill-edukazzjoni bikrija sal-iskejjel primarji.
Edukazzjoni skolastika
L-Ewropa jeħtieġ li tiżviluppa u tinnova l-edukazzjoni skolastika. Ħafna sistemi edukattivi skolastiċi jitħabtu biex jirreaġixxu għal bidliet profondi u kumplessi li għaddejjin minnhom is-soċjetajiet u l-ekonomiji tagħna. Jeħtieġ li l-iskejjel jiġu adattati għall-kuntest li qed jinbidel, li joperaw fih, inkluża l-era diġitali u d-diversità li dejjem qed tiżdied fost l-istudenti. Dawn il-kwistjonijiet kollha jeħtieġu mhux biss l-adattament tal-curricula tal-iskola, iżda wkoll tagħlim aktar divers u tagħlim li jindirizza l-ħtiġijiet ta’ dawk kollha li qegħdin jitgħallmu. Li wieħed ikun parti mill-istess sistema edukattiva mhux neċessarjament toffri l-istess opportunitajiet għal kulħadd. Hemm differenzi sinifikanti fil-kwalità tal-edukazzjoni fl-istess sistema edukattiva. Dawn l-isfidi jwasslu għal pressjoni dejjem akbar fuq il-governanza tas-sistemi edukattivi tal-iskejjel biex jippromwovu edukazzjoni ta’ kwalità għolja u l-inklużjoni sostenibbli permezz tal-innovazzjoni. L-Ewropa teħtieġ li tiżgura li d-distakk diġitali ma jiggravax u li jkun żgurat aċċess adegwat għar-riżorsi u l-infrastruttura diġitali għal kulħadd.
Rabta mill-qrib bejn l-iskejjel u l-ambjent tagħhom tippermettilhom li jadattaw għal ċirkostanzi lokali speċifiċi. Hija tippermetti lill-iskejjel li jsaħħu l-kooperazzjoni tagħhom mal-komunità lokali u li joffru esperjenzi ta’ tagħlim aktar sinifikanti għaż-żgħażagħ lil hinn mill-iskola u mill-istrutturi tat-tagħlim formali. Il-bilanċ it-tajjeb bejn l-awtonomija tal-iskola u rresponsabbiltà jgħin biex jittejbu s-sistemi edukattivi u jiġu prodotti riżultati ta’ kwalità għolja.
Il-kwalità tat-tagħlim u tat-tmexxija tal-iskejjel huma kruċjali. Wieħed mill-elementi ewlenin fit-titjib tal-kwalità, l-eżiti soċjali u l-effiċjenza tal-iskejjel huwa li jingħata appoġġ akbar għal għalliema u mexxejja tal-iskejjel. L-għalliema għandhom rwol ewlieni fit-tixrid tal-għarfien u valuri komuni u fl-għoti ta’ appoġġ lill-istudenti li ġejjin minn sfond soċjoekonomiku vulnerabbli. fBiex l-għalliema jkunu jistgħu jaqdu dawn il-kompiti diffiċli, jeħtieġ investiment strateġiku ta’ tmexxija effettiva fl-iskejjel u professjoni tal-għalliema li hija bbażata fuq edukazzjoni inizjali eċċellenti u fuq l-iżvilupp professjonali tul il-karriera. Il-ħiliet u l-kompetenzi diġitali għandhom jiġu inklużi kemm fit-taħriġ fuq il-post tax-xogħol kif wkoll fit-taħriġ qabel il-karriera tal-għalliema u għandhom ikunu appoġġati b’mod attiv mill-mexxejja tal-iskejjel.
Il-Kummissjoni se:
- tislet, fuq il-bażi ta’ dejta ta’ PISA 2016 il-ġdid kif ukoll il-kooperazzjoni mal-OECD, konklużjonijiet politiċi u tappoġġa l-iżvilupp tal-politika fuq livell tal-UE u dak nazzjonali biex titjieb l-effikaċja tal-użu tar-riżorsi fl-iskejjel;
- kif imħabbar fl-Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa, tirrieżamina il-Qafas tal-2006 ta’ Kompetenzi Ewlenin għat-Tagħlim Tul il-Ħajja biex taġġorna id-definizzjonijiet attwali tiegħu u tadatta għall-ħtiġijiet ġodda fis-soċjetà u l-ekonomija u tattira attenzjoni mġedda għal riżultati ta’ tagħlim u biex jiġi promoss l-iżvilupp tal-kompetenzi tal-istudenti.
- tappoġġa l-mentalità u l-ħiliet intraprenditorjali (it-trawwim ta’ sens ta’ inizjattiva, kreattività, innovazzjoni u responsabbiltà) u edukazzjoni intraprenditorjali permezz ta’ azzjoni dedikata li tistieden lill-Istati Membri biex jinkoraġġixxu esperjenza ta’ intraprenditorija għal kulħadd qabel ma titlesta l-edukazzjoni inizjali;
- kif imħabbar fl-Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa, tintensifika l-ħidma mal-Istati Membri, ma’ gruppi ta’ interess u ma’ industriji ta’ Koalizzjoni għall-Ħiliet u l-Impjiegi Diġitali, inkluż il-Grupp ta’ Ħidma ET2020 dwar ħiliet diġitali biex jiġu identifikati l-isfidi u timplimenta l-aħjar prattiki għall-edukazzjoni diġitali.
- tipproponi qafas ta’ politika u abbozz ta’ Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u valuri komuni permezz tal-edukazzjoni u t-tagħlim mhux formali sabiex jipprovdu appoġġ u gwida lill-Istati Membri.
-tappoġġa b’mod attiv l-edukazzjoni tal-għalliema u l-iżvilupp professjonali kontinwu fit-trażmissjoni effikaċi tal-valuri komuni li fuqhom hija msejsa l-Unjoni;
- tippromwovi edukazzjoni inklużiva permezz tal-iżvilupp ulterjuri ta’ Għodod Ewropej għall-Iskejjel kif ukoll l-użu tal-fondi ta’ Erasmus + u ta’ Orizzont 2020, inkluż l-appoġġ għal netwerk ta’ skejjel għall-inklużjoni biex jippromwovu prattika tajba fil-qasam ta’ tagħlim inklużiv (eż. l-integrazzjoni tal-istudenti migranti u t-tagħlim ta’ valuri komuni);
- toffri attivitajiet ta’ tagħlim bejn il-pari mmirat u innovattiv biex jistimolaw it-tagħlim tal-politika dwar il-governanza tas-sistemi skolastiċi (assigurazzjoni ta’ kwalità, l-ottimizzazzjoni tal-użu tar-riżorsi, it-tranżizzjoni ta’ dawk li jitgħallmu permezz tal-edukazzjoni);
L-użu netwerks transnazzjonali tal-Fond Soċjali Ewropew biex isir skambju tal-aħjar prattiki, b’mod partikolari, in-Netwerk tat-Tagħlim u tal-Ħiliet. In-netwerk jipprovdi lok għal tagħlim reċiproku bejn il-fruntieri biex jgħin lill-Istati Membri u lil partijiet ikkonċernati oħra jtejbu l-politiki u l-prattiki tagħhom fil-ġestjoni tal-investiment tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej fit-tagħlim u l-ħiliet;
- tippromwovi l-użu tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej għall-modernizzazzjoni tas-sistemi ta’ edukazzjoni u ta’ taħriġ u biex ikun żgurat aċċess aħjar għal edukazzjoni ta’ kwalità tajba u jitnaqqas it-tluq bikri mill-iskola;
- tiżviluppa ulterjorment l-eTwinning u l-iSchool Education Gateway biex tappoġġa skambji kostruttivi bejn l-għalliema u prattikanti oħra dwar x’jaħdem fl-edukazzjoni skolastika.
2.2. Edukazzjoni għolja
L-Ewropa jeħtieġ li tkompli b’mod attiv l-immodernizzar tal-edukazzjoni għolja.
It-twessigħ tal-aċċess għall-edukazzjoni għolja f’dawn l-aħħar snin ċertament kien wieħed mill-istejjer ewlenin Ewropej ta’ suċċess. Madankollu, ir-reazzjoni għad-domanda għal ħiliet ta’ livell għoli fis-soċjetà u fl-ekonomija għadha sfida kbira għall-universitajiet u l-kulleġġi tal-Ewropa. Minkejja l-ħafna eżempji ta’ eċċellenza u l-impenn tal-persunal, tal-istudenti u tal-partijiet ikkonċernati, konsultazzjoni pubblika reċenti tal-Kummissjoni
7
żvelat tħassib dwar in-nuqqas ta’ qbil bejn dak li l-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja qed jipprovdu bħalissa u l-ħiliet li l-gradwati għandhom bżonn biex jirnexxu.
Il-kwalità tat-tagħlim hija fattur ewlieni biex titjieb il-kwalità fl-edukazzjoni għolja. Huma meħtieġa sforzi akbar biex ninvestu f’taħriġ pedagoġiku tal-persunal akkademiku, li huwa qasam li tradizzjonalment ingħata inqas importanza mill-output tar-riċerka. B’mod partikolari, l-istatus u l-kwalità tat-tagħlim fl-edukazzjoni għolja jeħtieġu li jitjiebu. Dan jeħtieġ progress fl-iżvilupp, ir-rikonoxximent u l-kumpens tat-tagħlim ta’ kwalità għolja. Barra minn hekk, id-diversità dejjem tiżdied tal-popolazzjoni tal-istudenti tagħmel it-tagħlim professjonali iktar urġenti minn qatt qabel. Jeħtieġ li l-għalliema jkunu ppreparati u mħarrġa tajjeb biex ikunu jistgħu jilqgħu studenti bi sfond, aspettattivi u ħtiġijiet differenti.
Fl-2017, il-Kummissjoni se tippreżenta pakkett ta’ inizjattivi fil-qasam tal-edukazzjoni għolja. L-aġenda tal-modernizzazzjoni fl-edukazzjoni għolja tappoġġa lill-Istati Membri, lill-istituzzjonijiet edukattivi, lill-persunal u lill-istudenti biex itejbu l-edukazzjoni u t-taħriġ madwar l-UE. Biex tipprovdi bażi solida għall-ħidma futura, il-Kummissjoni se tippreżenta aġenda aġġornata 8 u mġedda għall-edukazzjoni għolja fl-2017, li tibni fuq ir-reazzjonijiet għall-konsultazzjoni pubblika dwar il-prijoritajiet għall-kooperazzjoni tal-UE li ġew konklużi fil-bidu tal-2016.
Il-Kummissjoni se:
- tgħin lill-edukazzjoni għolja biex tarma aħjar liż-żgħażagħ bil-ħiliet u l-kompetenzi li jeħtieġu għas-soċjetà tal-lum, billi tappoġġa kooperazzjoni aktar b’saħħitha għat-tfassil effikaċi tal-programm u ta’ politika tajba. Kif imħabbar fl-Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa, u bħala parti mill-isforzi tagħha biex ittejjeb il-bażi ta’ evidenza għall-politika u l-prattika fl-edukazzjoni għolja, il-Kummissjoni se taħdem mal-Istati Membri biex itejbu d-disponibbiltà ta’ dejta dwar l-impjiegi u l-eżiti soċjali tal-gradwati ("stħarriġ dwar is-sitwazzjoni tal-gradwati") li tkopri wkoll l-edukazzjoni u t-taħiġ vokazzjonali;
- Iżżid il-kontribut tal-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja għall-innovazzjoni reġjonali billi tibni aktar rabtiet u li jkunu aktar b’saħħithom bejn universitajiet, negozji u organizzazzjonijiet oħra - biex b’hekk tgħaqqad flimkien ukoll mal-istrateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti fil-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej u jinfetħu bibien ġodda bejn l-edukazzjoni għolja u l-post tax-xogħol;
- ittejjeb l-interazzjoni bejn ir-riċerka u t-tagħlim sabiex jiġi żgurat li t-tagħlim ikun ibbażat fuq għarfien tal-ogħla livell u rikonoxxut b’mod adegwat u li l-gradwati jkollom ħiliet għas-soluzzjoni tal-problemi u ħiliet analitiċi b’saħħithom;
- biex tippromwovi investiment adegwat u effettiv fl-edukazzjoni għolja u tappoġġa lill-awtoritajiet tal-Istati Membri, il-Kummissjoni se tiffoka fuq tliet oqsma ta’ attività fl-2017:
Rieżami tan-nefqa effettiva fl-edukazzjoni għolja mill-esperti esterni u kkordinata mal-ħidma li hemm għaddejja mill-OECD, li jirrapporta kmieni fl-2018;
Programm imtejjeb ta’ pariri tal-pari dwar it-tfassil ta’ sistema ta’ finanzjament,li jibni fuq proġetti pilota ta’ suċċess fir-Repubblika Ċeka u eżerċizzju li għadu kemm beda fis-Slovenja.
Riċerka ta’ azzjoni biex ittejjeb il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej b’appoġġ għall-edukazzjoni għolja. Immexxi miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka u ffinanzjati permezz ta’ Erasmus +, dan ix-xogħol jinvolvi l-analiżi ta’ kif l-edukazzjoni għolja qed tiġi involuta fl-implimentazzjoni ta’ strateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti u kif qed tipprovdi parir konkret lill-awtoritajiet lokali u reġjonali u lill-partijiet ikkonċernati dwar kif jistgħu jiġu ottimizzati l-attivitajiet biex jinkiseb l-impatt massimu. Filwaqt li dan ix-xogħol beda f’żewġ reġjuni pilota, il-ħsieb huwa li l-ħidma tkun estiża aktar, abbażi tar-riżultati tal-ħidma attwali.
3. Appoġġ aħjar għall-Istati Membri biex jixprunaw ir-riformi għal sistemi edukattivi aħjar
Inpoġġu l-edukazzjoni 'l fuq fl-aġenda politika. L-isforzi biex tkun xprunata aġenda għal titjib fil-kwalità u fill-prestazzjoni fl-edukazzjoni jeħtieġ li jibdew billi isir sensibilizzazzjoni dwar l-urġenza li tittieħed azzjoni. Peress li ħafna benefiċċji ta’ edukazzjoni tajba jakkumulaw f’oqsma politiċi oħra - bħall-politika soċjali, taċ-ċittadinanza, tal-impjiegi, ekonomika jew tas-sigurtà, huwa neċessarju li wieħed jara r-riformi edukattivi f’kuntest wiesa’. Dibattitu fl-ogħla livell politiku jista’ jgħin biex jiskatta l-momentum politiku neċessarju biex tingħata aktar attenzjoni u tittieħed azzjoni biex tittejjeb il-kwalità tas-sistemi edukattivi.
It-twettiq ta’ riformi fl-edukazzjoni fis-Semestru Ewropew tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Diġà llum, il-linji gwida dwar l-impjiegi 9 għandhom mandat biex jixprunaw riformi u kwistjonijiet edukattivi marbuta mal-edukazzjoni bħala parti mill-ħidma skont is-Semestru Ewropew. Il-bażi ta’ evidenza dwar l-edukazzjoni fis-Semestru Ewropew tista’ tissaħħaħ aktar billi jsir użu aħjar mir-rapport analitiku “Monitoraġġ tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ”. Barra minn hekk, jista’ wkoll jiġi esplorat kif id-dejta tal-OECD dwar il-ħiliet tista’ tkun sfruttata aħjar bħala indikatur jew punt ta’ riferiment biex ikun immonitorjat il-progress fit-titjib tal-kwalità tal-eżiti edukattivi.
Nappoġġaw l-isforzi ta’ riforma tal-Istati Membri. Id-deċiżjoni dwar kif għandhom jiġu żviluppati s-sistemi ta’ edukazzjoni u taħriġ hija responsabbiltà tal-Istati Membri. L-immodernizzar u t-titjib tal-edukazzjoni jeħtieġu riformi li huma bbażati fuq għarfien sod dwar x’jaħdem sew fl-edukazzjoni. L-UE tista’ tgħin biex tinforma l-għażliet ta’ politika ta’ dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fl-Istati Membri billi tipprovdi dejta komparattiva, issaħħaħ il-bażi ta’ evidenza, twettaq analiżi u tistabbilixxi punti ta’ riferiment, tippromwovi tagħlim reċiproku, taqsam l-għarfien dwar prattika tajba u billi toffri appoġġ immirat, li jibni fuq kooperazzjoni eżistenti ma’ bosta fornituri ta’ dejta interna u esterna, inkluża l-OECD.
It-titjib tal-kooperazzjoni bejn l-oqsma tal-politika. Minħabba l-interkonnessjonijiet bejn l-edukazzjoni u oqsma oħra ta’ politika, il-kooperazzjoni fost il-politiki tista’ tissaħħaħ. Dan jista’ jieħu l-forma ta’ diskussjonijiet konġunti dwar il-politika, li jorbtu l-edukazzjoni mal-ekonomija, mal-finanzi, mal-impjiegi, mal-protezzjoni soċjali, ma’ politiki tas-saħħa u tal-inklużjoni, inkluż dwar l-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi. L-edukazzjoni għandha rwol importanti wkoll fil-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni li twassal għall-estremiżmu vjolenti 10 . Kooperazzjoni bħal din tkun ukoll strumentali fit-titjib tal-bażi ta’ evidenza dwar x’jaħdem sew fl-edukazzjoni.
Fokus akbar fuq l-effiċjenza. Sforzi politiċi biex tiżdied l-effiċjenza tal-edukazzjoni jibbenefikaw mill-kombinazzjoni tal-għarfien espert tal-atturi fil-qasam tal-edukazzjoni u oqsma oħra ta’ politika, b’mod partikolari, l-inklużjoni soċjali, l-impjieg, il-politika ekonomika u l-finanzi pubbliċi. L-għan għandu jkun li jinkisbu riżultati aħjar. Element innovattiv għandu jkun li naħdmu flimkien, pereżempju, il-Kumitat tal-Politika Ekonomika, il-Kumitat tal-Impjiegi jew il-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali. Filwaqt li jibnu fuq l-esperjenza pożittiva fil-qasam tas-saħħa u l-kura fit-tul, is-servizzi tal-Kummissjoni jistgħu jippreparaw b’mod konġunt mal-Kumitat tal-Politika Ekonomika (u korpi rilevanti oħra) analiżi dwar politiki u sistemi tal-edukazzjoni u l-effiċjenza u l-prestazzjoni tagħhom. Dan ix-xogħol jista’ jikkontribwixxi wkoll għal kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn il-formazzjonijiet tal-Kunsill, pereżempju bejn il-Kunsill Edukazzjoni, Żgħażagħ, Kultura u Sport, il-Kunsill Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumaturi u l-Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji.
Il-Kummissjoni se:
- toħloq aċċess faċli onlajn għall-prattiki tajba dwar “x’jaħdem fl-edukazzjoni”, li jaġixxi bħala punt uniku ta' kuntatt faċli għall-utent, li jibni fuq l-għodod eżistenti onlajn u jikkumplementahom;
- tappoġġa l-isforzi kontinwi tal-Istati Membri biex ilaħħqu mat-trasformazzjoni diġitali fl-edukazzjoni;
- toffri appoġġ imsaħħaħ u miżjud maħdum skont l-esiġenzi tal-Istati Membri permezz ta’ pariri tal-pari, billi tgħaqqad pari professjonali mill-amministrazzjonijiet nazzjonali biex jipprovdu parir estern għal pajjiż li jitlob l-appoġġ dwar ir-riforma tal-edukazzjoni;
- issaħħaħ il-bażi ta’ evidenza (b’mod partikolari permezz tal-Monitoraġġ tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ), u t-titjib tal-kwalità tal-analiżi (pereżempju billi tiġi promossa l-kooperazzjoni bejn l-oqsma tal-politika u l-parteċipazzjoni ta’ korpi bħall-Kumitat tal-Politika Ekonomika) sabiex jitnaqqsu l-lakuni fl-għarfien dwar fatturi ewlenin li jirfdu d-sistemi bi prestazzjoni tajba.
4. Konklużjoni
L-immodernizzar u t-titjib tal-kwalità tal-edukazzjoni jeħtieġ riformi. Id-deċiżjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ dawn ir-riformi hija f’idejn l-Istati Membri. Fl-istess waqt, l-Istati Membri kollha għandhom interess komuni li dawn ir-riformi jagħmlu progress u jipproduċu riżultati, li minnhom tibbenefika l-Ewropa kollha kemm hi, pereżempju fil-forma koeżjoni soċjali, ekwità, aktar tkabbir, impjiegi, innovazzjoni u kompetittività.
L-UE tista’ tassisti l-isforzi tal-Istati Membri. Din il-Komunikazzjoni tqiegħed it-titjib u l-immodernizzar tal-edukazzjoni bħala prijorità ewlenija fuq l-aġenda tal-UE. Hija tistabbilixxi azzjoni mmirata fil-livell tal-UE li tista’ tappoġġa lill-Istati Membri fl-isforzi ta’ riforma tagħhom u tgħin biex tinbena aġenda kondiviża biex l-edukazzjoni ta’ kwalità għolja ssir realtà għal kulħadd.
http://www.oecd.org/pisa/
Survey of Schools: ICT in Education Benchmarking Access, Use and Attitudes to Technology in Europe’s Schools (https://ec.europa.eu/digital-single-market/sites/digital-agenda/files/KK-31-13-401-EN-N.pdf)
Din il-medja tal-UE taħbi differenzi sinifikanti bejn l-Istati Membri. L-infiq fuq l-edukazzjoni bħala perċentwali tal-PDG għal Stati Membri speċifiċi jvarja minn 3 % għal 7,2 %.
COM (2016) 381 Final – " Aġenda Ġdida tal-Ħiliet għall-Ewropa: Naħdmu flimkien biex insaħħu l-kapital uman, l-impjegabbiltà u l-kompetittività”. L-aġenda tiffoka fuq li aktar persuni jiksbu ħiliet aħjar, l-użu aħjar tal-kapaċitajiet eżistenti u t-titjib tal-għarfien u l-informazzjoni f'dak li għandu x'jaqsam ma' ħiliet.
Il-Monitoraġġ tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ 2016 (ec.europa.eu/education/monitor)
J. Bennet, 2012, Early childhood education and care (ECEC) for children from disadvantaged backgrounds: Findings from a European literature review and two case studies
SWD(2016) 195 final
Fl-20 ta’ Settembru 2011, il-Kummissjoni ppreżentat Komunikazzjoni dwar “Insostnu t-tkabbir u l-impjiegi - aġenda għall-immodernizzar tas-sistemi ta’ edukazzjoni għolja fl-Ewropa” (COM(2011) 567 final).
L-Artikolu 146 tat-TFUE jistipula li l-Istati Membri għandhom iqisu l-promozzjoni tal-impjiegi bħala kwistjoni ta’ interess komuni u għandhom jikkoordinaw l-azzjoni tagħhom f’dan ir-rigward fil-Kunsill. B’konformità mal-Artikolu 148 tat-TFUE, il-Kunsill ifassal linji gwida li l-Istati Membri għandhom iqisu fil-politika tagħhom dwar l-impjiegi.
Ara r-rwol tal-edukazzjoni fil-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni "L-appoġġ favur il-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni li twassal għal estremiżmu vjolenti" (COM(2016)379)"