Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015XC0131(03)

    Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni ta’ emenda skont l-Artikolu 50(2), il-punt a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

    ĠU C 33, 31.1.2015, p. 6–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    31.1.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 33/6


    Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni ta’ emenda skont l-Artikolu 50(2), il-punt a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

    (2015/C 33/05)

    Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt ta’ oppożizzjoni għall-applikazzjoni għal emenda skont l-Artikolu 51 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).

    APPLIKAZZJONI GĦALL-APPROVAZZJONI TA’ EMENDA FL-ISPEĊIFIKAZZJONI TAL-PRODOTT TA’ DESIGNAZZJONI TA’ ORIĠINI PROTETTA/INDIKAZZJONI ĠEOGRAFIKA PROTETTA LI MHIX MINURI

    APPLIKAZZJONI GĦALL-APPROVAZZJONI TA’ EMENDA SKONT L-EWWEL SUBPARAGRAFU TAL-ARTIKOLU 53(2) TAR-REGOLAMENT (UE) Nru 1151/2012

    “CILIEGIA DI VIGNOLA”

    Nru UE: IT-IĠP-0105-01246 – 23.7.2014

    DPO ( ) IĠP ( X )

    1.   Grupp li japplika u interess leġittimu

    Consorzio di tutela della Ciliegia di Vignola IGP

    Tel. +39 059773645

    e-mail: consorziodellaciliegia@legalmail.it

    Indirizz: Via dell’agricoltura 354

    41058 Vignola (Modena)

    L-ITALJA

    2.   Stat Membru jew Pajjiż terz

    L-Italja

    3.   Intestatura tal-ispeċifikazzjoni affettwata mill-emenda

        Isem il-prodott

        Deskrizzjoni tal-prodott

        Żona ġeografika

        Prova tal-oriġini

        Metodu ta’ produzzjoni

        Rabta

        Tikkettar

        Oħrajn [Ippakkjar]

    4.   Tip ta’ emenda

        Emenda fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott ta’ DOP jew IĠP reġistrata li mhix minuri skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

        Emenda fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott ta’ DOP jew IĠP reġistrata li għaliha ma ġiex ippubblikat Dokument Uniku (jew l-ekwuvalenti), li mhix minuri skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

    5.   Emenda (emendi)

    Deskrizzjoni tal-prodott

    Twessigħ tal-medda ta’ varietajiet: il-lista tal-varjetajiet aċċettati ġiet aġġornata biex tinkludi varjetajiet ġodda li s’issa kienu esklużi mill-ispeċifikazzjoni tal-prodott. Il-varjetajiet ġodda joffru karatteristiċi marbuta mal-produzzjoni kif ukoll mal-kwalità (konservabilità, konsistenza, dija u daqs) li huma tal-istess livell jew ogħla minn dak tal-varjetajiet diġà inklużi fl-ispeċifikazzjoni tal-produzzjoni. Bis-saħħa taż-żieda ta’ dawn il-varjetajiet il-perjodu ta’ ħsad u ta’ kummerċjalizzazzjoni taċ-ċirasa ġie estiż, u b’hekk iċ-“Ciliegia di Vignola” IĠP tibqa’ fis-swieq matul il-perjodu kollu tal-ħsad.

    Il-varjetajiet addizzjonali huma kif ġej:

    Bikrin: Early Bigi u Lory, Burlat;

    Medji: Celeste, Giant Red - Primegiant, Carmen, Grace Star, Santina, Vera, Cristalina, New Star, Black Star, Kanada Giant;

    Mwaħħrin: Regina, Summer Charm (Staccato).

    Barra minn hekk, sabiex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tal-produtturi fil-ġejjieni għal dik li hija l-introduzzjoni ta’ varjetajiet ġodda miksuba permezz tar-riċerka xjentifika, u sabiex ikun żgurat li l-karatteristiċi oriġinali taċ-ċirasa “Ciliegia di Vignola” jibqgħu ppreżervati, fl-Artikolu 2 tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott saret iż-żieda tal-paragrafu li ġej:

    “Għall-produzzjoni taċ-‘Ciliegia di Vignola’, huwa permess l-użu ta’ kultivar oħrajn ta’ ċirasa miksuba bis-saħħa tar-riċerka dwar il-varjetajiet kemm-il darba jiġi ppruvat permezz ta’ evidenza sperimentali u dokumentarja li l-metodu ta’ produzzjoni u l-karatteristiċi kwalitattivi tas-siġra tal-frott huma konsistenti ma’ din l-ispeċifikazzjoni tal-prodott. L-użu ta’ dawn il-kultivar għall-produzzjoni taċ-‘Ciliegia di Vignola’ irid jiġi notifikat bil-quddiem u jiġi evalwat mill-Ministeru għall-Politika Alimentari u tal-Forestrija, li għal dan il-fini jista’ jitlob il-parir tekniku tal-korp ta’ spezzjoni jew ta’ xi korp ieħor”.

    Valur ta’ aċidità: tneħħa l-valur massimu ta’ aċidità tal-frott peress li t-testijiet imwettqa matul l-istaġun urew li dan il-valur jista’ jvarja b’mod konsiderevoli skont fatturi li mhumiex marbuta mal-kwalità tal-frott, bħal pereżempju l-mod ta’ kif jiġi ppreżervat. Għaldaqstant inbidel il-valur ta’ aċidità ta’ qabel li kien bejn ħames (5) u għaxar (10) g/l ta’ aċidu maliku u issa sar valur minimu ta’ mhux anqas minn ħames (5) g/l ta’ aċidu maliku.

    Deskrizzjoni tad-daqsijiet minimi għall-varjetajiet introdotti: bħala riżultat tal-estensjoni tal-medda tal-varjetajiet, ġew inklużi l-varjetajiet hawn fuq imsemmija fil-kategoriji ta’ daqs minimu rilevanti (20 mm, 21 mm, 22 mm).

    Metodu ta’ produzzjoni

    Metodu ta’ koltivazzjoni u densità tal-pjanti għal kull ettaru: żdied metodu ġdid bil-koltivazzjoni tas-siġar madwar magħżel. Ġiet permessa densità ta’ 2 000 pjanta kull ettaru. Bis-saħħa ta’ metodi ta’ koltivazzjoni aktar moderni u l-introduzzjoni ta’ varjetajiet ta’ speċi intiżi biex jikkontrollaw l-għoli tas-siġar, it-tkabbir jista’ jsir b’densitajiet ogħla minn dawk tal-metodi tradizzjonali li jirriżulta f’użu aktar razzjonali tal-ħamrija.

    Tikkettar

    Indikazzjoni tar-regjun ta’ origini: ġie emendat l-Artikolu 8 tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott sabiex il-kelmiet “Emilia Romagna” jistgħu jidhru fuq il-pakkett. It-talba għal din l-emenda ġejja min-naħa ta’ grupp ta’ produtturi li jixtiequ jinfurmaw il-konsumaturi dwar f’liema reġjun tinsab iż-żona ta’ produzzjoni taċ-“Ciliegia di Vignola”, sabiex ikun aktar faċli għalihom jidentifikaw iż-żona ġeografika preċiża.

    Kodiċi ta’ identifikazzjoni tal-produttur: ġiet introdotta l-possibbiltà li l-produttur jiġi identifikat mill-pakkett permezz ta’ kodiċi ta’ identifikazzjoni assenjat mill-korp ta’ spezzjoni. Bis-saħħa ta’ din l-emenda huwa aktar faċli għall-operaturi li, matul il-perjodu qasir ta’ kummerċjalizzazzjoni taċ-ċirasa, jkollhom jimmaniġġjaw bosta pakketti ta’ prodotti li jiġu minn ħafna produtturi. Dan il-kodiċi li jiġi assenjat mill-korp ta’ spezzjoni se jħaffef il-proċeduri ta’ kummerċjalizzazzjoni filwaqt li jiggarantixxi t-traċċabilità sħiħa tal-prodott.

    Ippakkjar

    Semplifikazzjoni fid-deskrizzjoni tal-format tal-pakketti: Biex jintlaħqu l-bosta ħtiġijiet tas-suq u tal-konsumaturi għal dawk li huma daqsijiet tal-pakketti, tneħħiet l-indikazzjoni tal-formati individwali permessi u minflokha hemm deskrizzjoni iktar fil-qosor tal-materjali ta’ ppakkjar u l-piż minimu (250 g) u massimu (6 kg) tal-pakkett. Il-proċeduri ta’ ppakkjar, il-piż u l-materjali differenti tal-pakketti jridu xorta waħda jkunu tali li jiżguraw li l-frott iżomm il-karatteristiċi tiegħu u ma ssirlux ħsara.

    B’mod speċifiku, il-paragrafu:

    “Iċ-‘Ciliegia di Vignola’ IĠP titqiegħed fis-suq fl-imballaġġi li ġejjin li huma ssiġġillati b’tali mod li l-pakkett ma jkunx jista’ jerġa’ jintuża wara li jinfetaħ:

    kaxxi tal-injam, tal-kartun jew tal-plastik tal-5 kg, maqsumin f’żewġ partijiet b’diviżorji tal-kartonċin mqiegħda perpendikolarment mal-itwal naħa tal-kaxxa.

    kaxxi tal-kartun, tal-injam jew tal-plastik 40 × 60 li fihom joqgħodu 10/12-il tilar għal ammont totali ta’ 5 jew 6 kg.

    kaxxi tal-kartun, tal-injam jew tal-plastik 30 × 40 li fihom joqgħodu 6 tilari ta’ 500 g għal ammont totali ta’ 3 kg.

    pakketti tal-kartun ta’ 1 200, 2 000 u 2 500 g.

    pakketti f’boroż tal-plastik polimeriku li tgħaddi l-arja minnu ta’ 250, 500 g jew 1 kg. 1.”

    Issa hemm dan il-kliem:

    “Iċ-‘Ciliegia di Vignola’ IĠP titqiegħed fis-suq f’pakketti li huma ssiġġillati b’tali mod li ma jkunux jistgħu jerġgħu jintużaw wara li jinfetħu.

    Dawn il-pakketti jridu jkunu tal-injam, kartun, plastika, jew tertuqa polimerika li tgħaddi l-arja minnha, ta’ piż li jvarja bejn minimu ta’ 250 gr sa mhux aktar minn kg. 6. L-ippakkjar isir b’mod li jiġu żgurati kundizzjonijiet xierqa biex jinżammu l-karatteristiċi tal-frott u ma ssirlux ħsara.”

    Bejgħ tal-prodott ippakkjat lill-konsumatur f’porzjonijiet żgħar: ġiet introdotta l-possibbiltà li l-prodott jinbiegħ lill-konsumatur finali f’porzjonijiet żgħar minn pakketti jew kaxxi ssiġġillati, kemm-il darba l-prodott jitqiegħed f’kompartimenti jew kontenituri speċifiċi li b’mod li jidher ikun hemm fuqhom l-istess informazzjoni meħtieġa għall-ippakkjar imsemmi fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott. Bis-saħħa ta’ din l-emenda l-operaturi jkunu jistgħu jbiegħu l-prodott - f’pakketti jew kaxxi ssiġġillati - fil-kwantità mixtieqa mill-konsumatur u l-konsumatur ikollu dejjem il-garanzija ta’ informazzjoni korretta huwa u jixtri l-prodott.

    DOKUMENT UNIKU

    “CILIEGIA DI VIGNOLA”

    Nru UE: IT-IĠP-0105-01246 – 23.7.2014

    DPO ( ) IĠP ( X )

    1.   Isem

    “Ciliegia di Vignola”

    2.   Stat Membru jew Pajjiż terz

    L-Italja

    3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

    3.1.   Tip ta’ prodott

    Klassi 1.6 – Frott, ħaxix u ċereali friski u pproċessati

    3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li japplika għalih l-isem fl-punt 1

    Fil-produzzjoni ta’ “Ciliegia di Vignola” jintuża l-frott tal-varjetajiet li ġejjin:

    Bikrin: Early Bigi u Lory, Bigarreau Moreau u Burlat, Mora di Vignola;

    Medji: Celeste, Giant Red - Primegiant, Carmen, Grace Star, Santina, Vera, Cristalina, Durone dell’Anella, Anellone, Giorgia, Durone Nero I, Samba, New Star, Black Star, Kanada Giant, Van;

    Mwaħħrin: Durone Nero II, Durone della Marca, Lapins, Ferrovia, Sweet Heart, Regina, Summer Charm (Staccato);

    “Għall-produzzjoni taċ-‘Ciliegia di Vignola’, huwa permess l-użu ta’ kultivar oħrajn ta’ ċirasa miksuba bis-saħħa tar-riċerka dwar il-varjetajiet kemm-il darba jiġi ppruvat permezz ta’ evidenza sperimentali u dokumentarja li l-metodu ta’ produzzjoni u l-karatteristiċi kwalitattivi tas-siġra tal-frott huma konsistenti ma’ din l-ispeċifikazzjoni tal-prodott. L-użu ta’ dawn il-kultivar għall-produzzjoni taċ-‘Ciliegia di Vignola’ irid jiġi notifikat bil-quddiem u jiġi evalwat mill-Ministeru għall-Politika Agrikola, Alimentari u tal-Forestrija, li għal dan il-fini jista’ jitlob il-parir tekniku tal-korp ta’ spezzjoni jew ta’ xi korp ieħor”.

    Iċ-“Ciliegia di Vignola” irid jkollha l-karatteristiċi kwalitattivi li ġejjin:

    polpa konsistenti u li tqarmeċ ħlief għall-Mora di Vignola,

    Qoxra dejjem tleqq li għat-tip “Durone della Marca” għandha tkun ta’ kulur isfar u aħmar brillanti, u għat-tipi l-oħra ta’ kulur aħmar brillanti li jvarja għal aħmar skur;

    togħma ħelwa u bnina,

    il-gradi Brix ma jridux ikunu inqas minn 10° għall-varjetajiet bikrin u 12° għat-tipi l-oħra kollha,

    aċidità mhux inqas minn 5 g/l ta’ aċidu maliku.

    Id-daqsijiet minimi tal-varjetajiet huma kif ġej:

    20 mm: Mora di Vignola;

    21 mm: Durone dell’Anella, Giorgia, Durone Nero II, Durone della Marca, Sweet Heart;

    22 mm: Bigarreau Moreau u Burlat, Lapins, Van, Early Bigi u Lory, Celeste, Giant Red - Primegiant, Carmen, Grace Star, Santina, Vera, Cristalina, New Star, Black Star, Kanada Giant, Regina, Summer Charm (Staccato);

    23 mm: Durone Nero I, Anellone, Samba, Ferrovia.

    Meta l-frott jitlesta għall-konsum irid ikun:

    sħiħ, mingħajr ħsara,

    bil-friegħi;

    nadif, mingħajr materjal barrani viżibbli,

    sħiħ, mingħajr tħassir u residwi viżibbli ta’ pestiċidi;

    mingħajr parassiti.

    3.3.   Għalf għall-annimali (għal dawk il-prodotti ta’ oriġini mill-annimali biss) u materja prima (għal dawk il-prodotti pproċessati biss)

    3.4.   Passi speċifiċi fil-produzzjoni li għandhom iseħħu fiż-żona ġeografika ddefinita

    Il-fażijiet kollha tal-produzzjoni taċ-“Ciliegia di Vignola” sal-ħsad tal-prodott iridu jseħħu esklużivament fl-ambitu taż-żona ġeografika identifikata fil-punt 4.

    3.5.   Regolamenti speċifiċi applikabbli għat-tqattigħ, għall-ħakk, għall-ippakkjar, eċċ. tal-prodott li għalih tirreferi d-denominazzjoni reġistrata

    Iċ-“Ciliegia di Vignola” IĠP titqiegħed fis-suq f’pakketti li huma ssiġġillati b’tali mod li ma jkunux jistgħu jerġgħu jintużaw wara li jinfetħu.

    Dawn il-pakketti jridu jkunu tal-injam, kartun, plastika, jew tertuqa polimerika li tgħaddi l-arja minnha, ta’ piż li jvarja bejn minimu ta’ 250 gr sa mhux aktar minn kg. 6. L-ippakkjar isir b’mod li jiġu żgurati kundizzjonijiet xierqa biex jinżammu l-karatteristiċi tal-frott u ma ssirlux ħsara.

    ġiet introdotta l-possibbiltà li l-prodott jinbiegħ lill-konsumatur finali f’porzjonijiet żgħar minn pakketti jew kaxxi ssiġġillati, kemm-il darba l-prodott jitqiegħed f’kompartimenti jew kontenituri speċifiċi li b’mod li jidher ikun hemm fuqhom l-istess informazzjoni meħtieġa għall-ippakkjar imsemmi fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott.

    Il-kontenut ta’ kull pakkett għandu jkun uniformi u jkun fih biss ċirasa tal-istess kwalità u varjetà; huma previsti l-qisien li ġejjin:

    minn 20 sa 24 mm;

    minn 20 sa 28 mm;

    iktar minn 28 mm.

    Iċ-Ciliegia di Vignola titlesta għall-ippakkjar u tiġi ppakkjata eżatt wara l-ħsad, direttament fl-ażjenda jew fil-kooperattivi fiż-żona tal-produzzjoni. Hekk il-prodott jasal fis-suq u għand il-konsumatur f’qasir żmien u mingħajr manipulazzjoni żejda.

    L-ipproċessar taċ-“Ciliegia di Vignola”, jiġifieri t-tħejjija xierqa tal-prodott għall-imballaġġ u t-tqegħid fil-pakketti, irid iseħħ fiż-żona tal-oriġini bħala garanzija tal-karatteristiċi tal-kwalità tal-frott, inkluż kemm huwa frisk u sħiħ, u biex ma tinqasamx jew titħassarx il-qoxra, biex tiġi evitata kull manipulazzjoni u trasportazzjoni żejda li jħassru l-frotta u konsegwentement inaqqsu l-kummerċjabbiltà tal-prodott.

    Il-prodott jista’ jiġi maħżun fil-kesħa, kemm-il darba t-temperatura ma tinżilx taħt 0,5 °C u l-umdità relattiva ma tkunx ogħla minn 90 %; biex iċ-“Cilegia di Vignola” tibqa’ friska, il-perjodu massimu ta’ ħażna mkessħa tal-frott huwa ta’ erba’ ġimgħat.

    3.6.   Regoli speċifiċi applikabbli għat-tikkettar tal-prodott li għalih tagħmel referenza din id-denominazzjoni reġistrata

    Il-logo taċ-“Ciliegia di Vignola” IĠP huwa dan li ġej:

    Image

    Dan irid jitwaħħal fuq il-pakketti għall-bejgħ u b’mod obbligatorju jrid ikollu miegħu s-simbolu grafiku tal-Indikazzjoni Ġeografika Protetta tal-Unjoni.

    Il-qisien tal-logo jistgħu jvarjaw skont id-daqs tal-pakkett, sakemm jibqgħu proporzjonati l-qisien standard.

    Il-kelmiet “Emilia Romagna” jistgħu jidhru fuq il-pakkett.

    Dan li ġej irid jidher ukoll:

    L-isem tal-produttur, l-isem kummerċjali, l-indirizz u/jew il-kodiċi ta’ identifikazzjoni uniku assenjat mill-korp tal-kontroll; L-isem tal-imballatur, l-isem kummerċjali u l-indirizz.

    4.   Deskrizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

    Iż-żona ta’ produzzjoni taċ-“Ciliegia di Vignola” tikkonsisti minn strippa ta’ għoljiet sekondarji li jvarjaw minn 30 sa 950 metru ‘l fuq mill-livell tal-baħar tul ix-xmara Panaro u mogħdijiet iżgħar oħrajn tal-ilma u tinkludi t-territorji li ġejjin tal-muniċipalitajiet tal-Provinċji ta’ Modena u Bologna:

    Il-provinċja ta’ Modena: Castelfranco Emilia, Castelnuovo Rangone, Castelvetro di Modena, Guiglia, Lama Mocogno, Marano sul Panaro, Modena, Montese, Pavullo nel Frignano, San Cesario sul Panaro, Savignano sul Panaro, Serramazzoni, Spilamberto, Vignola, u Zocca.

    Il-provinċja ta’ Bologna: Bazzano, Casalecchio di Reno, Castel d’Aiano, Castello di Serravalle, Crespellano, Gaggio Montano, Marzabotto, Monte S. Pietro, Monteveglio, Sasso Marconi, Savigno, Vergato, u Zola Predosa.

    5.   Rabta maż-żona ġeografika

    Iż-żona ta’ produzzjoni hija kkaratterizzata mill-għoljiet tul ix-xmara Panaro u mogħdijiiet żgħar oħrajn tal-ilma, li jiffurmaw strippa ta’ art fejn il-klima flimkien mal-kundizzjonijiet tal-ħamrija partikolari huma favorevoli ħafna għall-kultivazzjoni taċ-ċirasa. Il-klima hija friska u ftit li xejn kontinentali fejn fir-rebbiegħa tinżel ħafna xita u fis-sajf rari jkun hemm in-nixfa. Ir-radjazzjoni tax-xemx mhix għolja ħafna.

    Il-ħamrija, li hija ta’ oriġini alluvjonali għandha tendenza li tkun maħlula, poruża u friska, u hija partikolarment fertili minħabba l-ħamla li ġiet depożitata fil-perjodi tal-għargħar mix-xmara Panaro u mogħdijiet żgħar oħra tal-ilma.

    Il-medda tal-kultivazzjoni taċ-ċirasa tinsab minn 30 metru sa 950 metru ‘l fuq mil-livell tal-baħar. Iċ-ċirasa ma tiġix ikkultivata barra minn din iż-żona ġeografika definita; fil-fatt fiż-żoni biswit, il-kultivazzjoni ġiet abbandunata żmien ilu, minħabba l-fatt li l-produzzjoni u l-kwalità tal-prodott jirriżultaw fi frotta li hija definittivament inferjuri meta mqabbla mal-prodott li ġej minn ġewwa ż-żona definita, tant li l-kultivazzjoni ma trendix ekonomikament. Apparti mill-partikolaritajiet tal-ħamrija tat-territorju u l-ispeċifiċità tal-mikroklima deskritta hawn fuq, il-fatturi l-oħra li jiddeterminaw il-kwalità taċ-Ciliegia di Vignola huma l-għarfien u l-kapaċità tal-produtturi; dawn jgħaddu mill-missier għall-iben minn ġenerazzjoni għall-oħra u jikkonsistu fit-teknika agronomika, il-ġbir u l-ippakkjar tal-prodott, li jsiru biss bl-idejn, u li jippermettu li l-konsumatur jiġi ppreżentat bi prodott li għandu karatteristiċi kummerċjali eċċellenti.

    Iċ-Ċiliegie di Vignola jintgħażlu skont qisien akbar minn dawk stabbiliti fl-istandards tat-tqegħid fis-suq u jilħqu qies ta’ iktar minn 28 mm. Minħabba din il-partikolarità, kif jirriżulta mill-istħarriġ u l-istudji fis-suq li jsiru minn kumpaniji tar-riċerka speċjalizzati, fis-swieq bħal ta’ Turin, Milan u Hamburg il-prezz taċ-ċirasa huwa kważi dejjem ogħla meta mqabbel ma’ ċirasa oħra, u ħafna mill-konsumaturi jirrikonoxxu lil Vignola bħala ċirasa li ġejja minn żona tal-produzzjoni eċċellenti.

    Iċ-ċirasa hija frotta li tippreferi l-frisk u ħamrija newtrali jew nieqsa mill-aċidu. Iż-żona tat-tkabbir taċ-ċirasa ta’ Vignola għandha dawn iż-żewġ kundizzjonijiet, u minħabba f’hekk il-frotta sabet ambjent ideali fejn infirxet u stabbiliet lilha nnifisha.

    Il-karatteristiċi tal-ħamrija taż-żona ġeografika tal-produzzjoni ta’ “Ciliegia di Vignola” jippermettu li s-siġra taċ-ċirasa tikber partikolarment sabiħa.

    Il-kwantità ta’ radjazzjoni tax-xemx, li mhix għolja wisq, tinfluwenza l-intensità tal-kulur tal-frotta tal-għadma b’mod pożittiv u tistimula l-mod ta’ kif tleqq b’mod naturali, u minħabba f’hekk il-prodott ippreżentat fis-suq huwa estetikament eċċellenti mingħajr il-bżonn ta’ xi trattament partikolari.

    Fattur ieħor importanti hija l-professjonalità tal-operaturi, b’mod partikolari l-produtturi, li sal-lum għadhom japplikaw il-patrimonju tal-għarfien li ġie akkumulat matul iż-żmien fit-teknika tal-produzzjoni, il-ġbir u l-ippakkjar.

    Fil-fatt, filwaqt li hemm it-tendenza naturali lejn l-innvovazzjoni tal-proċess ta’ produzzjoni, il-ġbir, l-għażla u l-ippakkjar iseħħu rigorożament bl-idejn minn persuni esperti li minn dejjem kienu “jafu” iċ-ċirasa sew. Din il-professjonalità hija fatt kulturali li ġej direttament mit-tradizzjoni; għarfien li għadda minn ġenerazzjoni għall-oħra u li llum jippermetti li jżid, ma’ prodott li huwa diġà eċċezzjonali, marka oħra ta’ rikonoxximent li tiddistingwi ċ-ċirasa li ġejja minn Vignola bħala superjuri għal kwalunkwe ċirasa oħra li ġejja minn postijiet oħrajn.

    Il-produttori ilhom minn għexieren ta’ snin li ddeċidew, bis-saħħa ta’ impenji vinkolanti reċiproċi, li jqiegħdu għall-bejgh biss frott li d-daqs minimu tiegħu huwa skont il-qisien definiti fil-punt 3.2, sabiex jipproteġu l-produzzjoni lokali u biex joħorġu l-ispeċifiċità taċ-ċirasa kkultivata u ppakkjata fiż-żona tal-oriġini.

    Minbarra dan, l-għażla varjata li matul iż-żmien ġiet stabbilita fiż-żona ġeografika u l-iżvilupp tal-kultivazzjoni f’altitudnijiet varji jiżguraw perjodu estensiv fil-perjodu tal-ħsad u l-preżenza tal-prodott fis-suq matul l-istaġun kollu tal-produzzjoni u li b’mod regolari jogħġob lill-konsumaturi u jikseb impatt tajjeb fuq il-prezzijiet.

    Iċ-“Ciliegia di Vignola” hija għalhekk mingħajr dubju marbuta mat-territorju, il-partikolarità tal-ħamrija, l-eċċezzjonalità tal-mikroklima, u l-għarfien u l-kapaċità tal-produtturi. Mhux inqas importanti wkoll huwa l-fatt li l-bdiewa taż-żona ġeografika identifikata kienu jikkonċentraw il-provvista taċ-ċirasa ġewwa Vignola, fejn sa mill-1928 diġà kien hemm is-suq tal-frott ta’ Vignola (Mercato Ortofrutticolo di Vignola), wieħed mill-iktar antiki fl-Italja, li warajh tnisslu strutturi ta’ pproċessar u kummerċjalizzazzjoni oħrajn. Dawn il-fatturi kollha wasslu biex il-konsumaturi jidentifikaw il-produzzjoni taż-żona mal-isem ta’ Ciliegia di Vignola.

    L-istabbilment fis-swieq taċ-“Ciliegia di Vignola” għalhekk ippermetta l-iżvilupp ta’ inizjattivi kummerċjali b’saħħithom, li jaffettetwaw katina sħiħa tal-kummerċ mill-produzzjoni sat-tqegħid tal-frott fis-suq; fil-fatt fit-territorju ġew żviluppati impriżi agrikoli, kooperattivi ta’ pproċessar/tqegħid fis-suq, suq tal-frott b’erba’ kummissarji, artiġjani, produtturi tal-ippakkjar, trasportaturi u persuni li jiġbru l-frott.

    L-importanza taċ-“Ciliegia di Vignola” għat-territorju li storikament jipproduċiha dehret matul is-snin f’għadd ta’ fieri, festi u pubblikazzjonijiet; il-“Festa dei Ciliegi in Fiore” li tingħata ħafna importanza, seħħet l-ewwel darba f’April tal-1970 u l-festa “a Vignola, è tempo di Ciliegie”, seħħet l-ewwel darba fl-1989.

    L-Assoċjazzjoni Nazzjonali “Città delle Ciliegie”, stabbilita f’Ġunju tal-2003, kull sena torganizza Konkors Nazzjonali “Ciliegie d’Italia” fl-okkażjoni tal-Festa Nazzjonali “Città delle Ciliegie” li kull sena tiġi ċċelebrata f’lokalità differenti; iċ-ċirasa ta’ Vignola rebħet l-ewwel premju fl-2005 ġewwa Celleno (VT), fl-2006 ġewwa Orvieto (TR) u fl-2009 ġewwa Bracigliano (SA), konferma tar-reputazzjoni tal-kwalità għolja li ċ-Ciliegia di Vignola irnexxielha tikseb matul is-snin.

    Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni

    (it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012)

    L-amministrazzjoni preżenti nediet il-proċedura nazzjonali ta’ oppożizzjoni bil-pubblikazzjoni tal-proposta tal-emenda tal-ispeċifikazzjoni tal-IĠP “Ciliegia di Vignola” fil-Gazzetta Ufficiale della Repubblica Italiana Nru 120 tas-26 ta’ Mejju 2014.

    It-test sħiħ tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott jinsab fuq is-sit tal-Internet li ġej: http://www.politicheagricole.it/flex/cm/pages/ServeBLOB.php/L/IT/IDPagina/3335

    Jew

    billi wieħed imur direttament fil-paġna ewlenija tas-sit elettroniku tal-Ministeru għall-Politika Agrikola, Alimentari u tal-Forestrija (www.politicheagricole.it), jikklikkja fuq “Prodotti DOP IGP” (fil-parti ta’ fuq tal-lemin tal-iskrin) u finalment fuq “Disciplinari di Produzione all’esame dell’UE”.


    (1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.


    Top