IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Strasburgu, 15.12.2015
COM(2015) 668 final
2015/0306(COD)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
fuq dokument tal-ivvjaġġar Ewropew għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Ir-raġunijiet għall-proposta u l-objettivi tagħha
Fl-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni, il-Kummissjoni speċifikat sett ta’ miżuri u inizjattivi li għandhom l-għan li jipprovdu soluzzjonijiet strutturali għal ġestjoni aħjar tal-migrazzjoni fl-aspetti kollha tagħha. Ir-ritorn effettiv ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma jissodisfawx jew li ma għadhomx jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ dħul, soġġorn jew residenza fi Stat Membru tal-Unjoni hija parti essenzjali minn approċċ komprensiv biex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tal-politiki ta’ migrazzjoni tal-UE u biex tinżamm il-fiduċja tal-pubbliku fis-sistema tal-Unjoni dwar il-migrazzjoni.
Iż-żieda fir-rata tar-ritorn ta’ migranti irregolari tillibera l-kapaċitajiet ta' akkoljenza għal dawk li huma ġenwinament fil-bżonn ta’ protezzjoni, kif mirfud mill-isforzi mġedda tal-Unjoni għall-protezzjoni ta’ dawk fil-bżonn, inkluż permezz ta’ rilokazzjoni u ta’ risistemazzjoni. Politika ta' ritorn li hija kredibbli u implimentata b’mod effettiv timxi id f’id ma’ politika ta’ migrazzjoni aktar miftuħa.
Madankollu, is-sistema tal-UE għar-ritorn tal-migranti irregolari mhijiex effettiva biżżejjed. Pereżempju, fl-2014, kienu inqas minn 40 % biss tal-għadd totali ta’ deċiżjonijiet ta’ ritorn maħruġa mill-Istati Membri li ġew infurzati. Il-Kummissjoni ppreżentat Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar ir-Ritorn fid-9 ta’ Settembru 2015 sabiex tindirizza r-raġunijiet sottostanti għal dan, inklużi metodi biex tiżdied l-aċċettazzjoni tad-dokument ta’ vjaġġar standard għall-espulsjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi.
In-nuqqas ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar validi maħruġa mill-pajjiż ta’ destinazzjoni tal-persuna rimpatrijata huwa wieħed mill-ostakli prinċipali biex ir-ritorn jirnexxi. Fil-preżent, l-Istati Membri jistgħu joħorġu dokument ta’ sostituzzjoni għal dawk iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment li ma jkollhomx dokument tal-ivvjaġġar validu. Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 1994 tistabbilixxi dokument tal-ivvjaġġar standard għall-espulsjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi; madankollu, ir-rikonoxximent tagħha minn pajjiżi terzi huwa baxx, inkluż minħabba karatteristiċi u standards ta’ sigurtà mhux sodisfaċenti.
Il-ħtieġa li tiġi indirizzata din il-kwistjoni ġiet enfasizzata wkoll fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-8 ta’ Ottubru 2015, li fihom l-Istati Membri impenjaw ruħhom li jużaw id-dokument standard tal-ivvjaġġar b’mod aktar regolari f’operazzjonijiet ta’ ritorn. Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-15 ta’ Ottubru 2015 enfasizzaw aktar din il-ħtieġa.
L-objettiv ta’ din il-proposta huwa li jiġi stabbilit dokument tal-ivvjaġġar Ewropew għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma suġġetti għal deċiżjoni ta’ ritorn, li jipprovdi format uniformi u karatteristiċi tekniċi u ta’ sigurtà msaħħa biex tiġi żgurata aċċettazzjoni usa’ minn pajjiżi terzi u ż-żieda fl-użu ta’ tali dokument għall-fini ta’ riammissjoni. L-użu tiegħu għandu jkun promoss fil-ftehimiet tal-UE u dawk ta' riammissjoni bilaterali jew oħrajn.
•Il-konsistenza mad-dispożizzjonijiet ta' politika eżistenti fil-qasam tal-politika
Din il-proposta ssegwi t-tħabbir tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar ir-Ritorn li jesplora modi biex jiżdied ir-rikonoxximent tal-laissez-passer tal-UE minn pajjiżi terzi. Id-dokument tal-ivvjaġġar Ewropew għar-ritorn għandu jgħin biex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti fl-Aġenda dwar il-Migrazzjoni biex tissaħħaħ l-effettività tas-sistema tal-UE għar-ritorn tal-migranti irregolari, speċjalment ta’ dawk li ma jkollhomx dokumenti tal-ivvjaġġar validi, u biex tiżdied ir-rata ta’ ritorn, billi jiġi żgurat li pajjiżi terzi jissodisfaw l-obbligi internazzjonali tagħhom li jieħdu lura ċ-ċittadini tagħhom stess li jirrisjedu b’mod irregolari fl-Ewropa.
Il-proposta għal dokument tal-ivvjaġġar Ewropew għar-ritorn hija konformi u tibni fuq id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar ir-Ritorn, li tistabbilixxi standards u proċeduri komuni għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment.
2.IL-BAŻI ĠURIDIKA, IS-SUSSIDJARJETÀ U L-PROPORZJONALITÀ
•Bażi ġuridika
L-Artikolu 79(2)(c) TFUE jagħti s-setgħa lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja sabiex jadottaw miżuri fil-qasam tal-immigrazzjoni illegali u residenza mhux awtorizzata, inkluża t-tneħħija u r-ripatrijazzjoni ta’ persuni li jirrisjedu mingħajr awtorizzazzjoni. Għalhekk, dan l-Artikolu huwa bażi ġuridika adegwata għat-twaqqif ta’ dokument tal-ivvjaġġar Ewropew għar-ritorn.
•Ġeometrija varjabbli
Fir-rigward ta’ ġeometrija varjabbli, din il-proposta ssegwi sistema komparabbli mad-Direttiva tar-Ritorn.
Skont l-Artikolu 4 tal-Protokoll 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka annessa mat-Trattati, id-Danimarka tiddeċiedi f’perjodu ta’ sitt xhur wara li l-Kunsill ikun iddeċieda dwar dan ir-Regolament, jekk tkunx se timplimenta din il-proposta, li tibni fuq l-acquis ta’ Schengen, fil-liġi nazzjonali tagħha.
Fir-rigward tar-Renju Unit u l-Irlanda, id-Direttiva dwar ir-Ritorn tippreżenta karattru ibridu, kif rifless fil-premessi (26) u (27) tagħha. Minn dan isegwi li kemm il-Protokoll 19 dwar l-acquis ta’ Schengen integrat fil-qafas tal-Unjoni Ewropea anness mat-Trattati, kif ukoll il-Protokoll 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja annessi mat-Trattati, japplikaw għal din il-proposta. Skont dan l-aħħar protokoll li mhuwiex ta' Schengen, ir-Renju Unit u l-Irlanda mhumiex se jieħdu sehem fl-adozzjoni ta' dan ir-Regolament u mhumiex marbutin bih jew suġġetti għall-applikazzjoni tiegħu; huma jistgħu madankollu jinnotifikaw lill-Kunsill li jixtiequ jieħdu sehem f’dan l-istrument.
Fuq il-bażi ta’ ftehimiet rispettivi li jassoċjaw dawn il-pajjiżi mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, l-Iżlanda, in-Norveġja, l-Iżvizzera u l-Liechtenstein għandhom jiġu vinkolati bir-Regolament propost.
•Is-sussidjarjetà
L-għan ta’ din il-proposta, li jiġi stabbilit dokument tal-ivvjaġġar Ewropew għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’karatteristiċi msaħħa ta' sigurtà bil-ħsieb li jitjieb ir-rikonoxximent ta’ dan id-dokument minn pajjiżi terzi, ma jistax jintlaħaq b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri meta jaġixxu waħedhom. Dan huwa minħabba li l-koeżistenza ta’ diversi dokumenti nazzjonali tal-ivvjaġġar għar-ritorn, li jużaw formati, standards u karatteristiċi differenti ta’ sigurtà, tista’ tfixkel ir-rikonoxximent ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar bħal dawn fil-ftehimiet tal-UE dwar ir-riammissjoni ma’ pajjiżi terzi, u jkollha impatt negattiv fuq ir-ritorn u r-riammissjoni effettiva ta’ ċittadini minn pajjiżi terzi b’residenza illegali. L-objettiv ta’ din il-proposta jista', għalhekk, jintlaħaq aħjar mill-Unjoni Ewropea.
•Il-proporzjonalità
Minħabba li r-Regolament propost jarmonizza l-format u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi ta’ dokument tal-ivvjaġġar Ewropew għar-ritorn u ma jemendax jew jimmodifikax standards u regoli komuni dwar ir-ritorn stabbiliti permezz tad-Direttiva dwar ir-ritorn, b’mod konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dan ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq l-objettiv tiegħu.
Barra minn hekk, minħabba karatteristiċi ta’ sigurtà rilevanti u affidabbli diġà ġew stabbiliti għal formula standard għat-twaħħil tal-viża maħruġa mill-Istati Membri lil persuni li għandhom dokumenti tal-ivvjaġġar mhux rikonoxxuti mill-Istat Membru li jirrediġi l-formola, dawn il-karatteristiċi huma użati għad-dokument tal-ivvjaġġar Ewropew għar-ritorn. Dan jevita li jżid l-ispejjeż għall-Istati Membri.
•L-għażla tal-istrument
Sabiex jiġu stabbiliti fatturi armonizzati u uniformi, tiġi żgurata ċ-ċarezza tal-kunċetti u l-applikabbiltà diretta tad-dokument tal-ivvjaġġar Ewropew għar-ritorn, huwa xieraq li jiġi adottat dan l-att fil-forma ta’ Regolament. Fejn meħtieġ, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta l-adattamenti tekniċi meħtieġa għall-format tad-dokument tal-ivvjaġġar Ewropew permezz ta’ atti delegati.
3.IR-RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET TAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•L-evalwazzjonijiet ex post / il-kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti
Minħabba n-natura nonvinkolanti tagħha, ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 1994 dwar l-adozzjoni ta’ dokument ta’ vjaġġar standard għall-espulsjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi ma kinitx suġġetta għal evalwazzjoni. Madankollu, diskussjonijiet regolari ma’ rappreżentanti taż-żewġ Stati Membri u l-pajjiżi terzi juru li l-istrument eżistenti huwa inadegwat sabiex jiġi żgurat li l-istandards ta’ sigurtà meħtieġa biex isir ir-ritorn u r-riammissjoni ta’ ċittadini minn pajjiżi terzi b’residenza illegali.
Matul diskussjonijiet regolari mal-esperti tal-Istati Membri, l-ebda kwistjonijiet ma rriżultaw b’rabta ma’ karatteristiċi ta’ sigurtà applikabbli għal formula uniformi għat-twaħħil tal-viża maħruġa mill-Istati Membri lil persuni li għandhom dokumenti tal-ivvjaġġar mhux rikonoxxuti mill-Istat Membru li jirrediġi l-formola. Huwa għalhekk xieraq li jintużaw l-istess fatturi ta’ sigurtà għad-dokument tal-ivvjaġġar Ewropew għar-ritorn.
•Il-konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
L-esperti tal-Istati Membri ġew ikkonsultati fil-kuntest ta’ laqgħat u djalogi ta’ ritorn u riammissjoni. Huma ġew ikkonsultati wkoll permezz ta’ domanda ad hoc tan-Netwerk Ewropew dwar il-Migrazzjoni (European Migration Network - EMN) mniedi fl-14 ta’ Ottubru 2011. Din ikkonkludiet li dokument tal-ivjaġġar standard għall-espulsjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi huwa rarament aċċettat minn awtoritajiet ta' pajjiżi terzi, anke minħabba l-istandards ta’ sigurtà baxxi tiegħu.
•Il-ġbir u l-użu ta' kompetenzi
Il-proposta tibni fuq l-opinjonijiet espressi minn esperti nazzjonali tal-Istati Membri, li ġew ikkonsultati waqt laqgħat u djalogi ta’ ritorn u riammissjoni, kif ukoll permezz ta’ domandi tal-EMN, kif spjegat hawn fuq.
•Valutazzjoni tal-impatt
Minħabba l-urġenza tal-azzjoni meħtieġa biex jitjieb l-infurzar tar-ritorn u tiżdied ir-rata ta’ riammissjoni, inkluż ta’ dawk iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment li ma jkollhomx dokument tal-ivvjaġġar validu, ma saret l-ebda valutazzjoni tal-impatt.
•L-idoneità regolatorja u s-simplifikazzjoni
Id-dokument tal-ivvjaġġar Ewropew għar-ritorn inaqqas il-piż amministrattiv u burokratiku minn fuq l-Istati Membri u l-amministrazzjonijiet ta’ pajjiżi terzi, inkluż servizzi konsulari, u dan għandu jikkontribwixxi biex jitnaqqas it-tul tal-proċeduri amministrattivi neċessarji biex jiġi żgurat ir-ritorn u r-riammissjoni ta’ ċittadini minn pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment.
Barra minn hekk, billi jiġu applikati għad-dokument tal-ivvjaġġar Ewropew għar-ritorn il-karatteristiċi tas-sigurtà msaħħa li jkunu diġà applikabbli għal formula uniformi għat-twaħħil tal-viża maħruġa mill-Istati Membri lil persuni li għandhom dokumenti tal-ivvjaġġar mhux rikonoxxuti mill-Istat Membru li jirrediġi l-formola, ma jkun ebda spejjeż amministrattivi u finanzjarji addizzjonali għall-Istati Membri.
•Id-drittijiet fundamentali
Din il-proposta tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-protezzjoni f’każ ta’ tneħħija, tkeċċija jew estradizzjoni prevista fl-Artikolu 19 tal-Karta.
Din il-proposta tiddefinixxi biss il-format u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għad-dokument tal-ivvjaġġar Ewropew għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment u għalhekk ma għandhiex konsegwenzi sinifikanti fuq id-drittijiet fundamentali ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi.
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
Il-proposta ma għandha l-ebda impatt fuq il-baġit tal-UE.
Billi d-dokument propost tal-ivvjaġġar Ewropew għar-ritorn huwa maħsub għal użu singolu biss, u billi dan isegwi l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u l-karatteristiċi ta’ sigurtà li diġà hemm qbil dwarhom f’dak li għandu x’jaqsam mal-formoli uniformi għat-twaħħil tal-viża maħruġa mill-Istati Membri lil persuni li għandhom dokumenti tal-ivvjaġġar mhux rikonoxxuti mill-Istat Membru, l-ispejjeż addizzjonali għall-Istati Membri li jipproduċu u joħorġu t-tali dokument huma negliġibbli meta mqabbel mal-istatus quo.
5.ELEMENTI OĦRA
•Il-pjanijiet ta' implimentazzjoni u l-metodi ta’ monitoraġġ , evalwazzjoni u rapportar
L-utilità u l-effikaċja tad-dokument tal-ivvjaġġar Ewropew għandhom jiġu evalwati fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-ftehimiet ta’ riammissjoni tal-UE ma’ pajjiżi terzi.
•Spjegazzjoni dettaljata tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta
Il-proposta għandha l-għan li tarmonizza l-format u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għad-dokument tal-ivvjaġġar Ewropew għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment sabiex jiġu żgurati l-ogħla standards tekniċi u ta’ sigurtà, b’mod partikolari fir-rigward tas-salvagwardji kontra l-kontrafazzjoni u l-falsifikazzjoni. Dan jiffaċilita r-rikonoxximent ta’ dan id-dokument minn pajjiżi terzi għall-iskop ta’ ritorn u riammissjoni, b'mod partikolari fil-kuntest ta’ ftehimiet ta’ riammissjoni jew arranġamenti oħra ma’ pajjiżi terzi, kif ukoll fil-kuntest ta’ kooperazzjoni dwar ir-ritorn ma’ pajjiżi terzi li mhumiex koperti bi ftehimiet formali.
Id-dokument tal-ivvjaġġar Ewropew għar-ritorn igħin biex tiżdied il-flessibbiltà għall-awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi u jitnaqqas il-piż amministrattiv fuq l-awtoritajiet konsulari kompetenti. B’dan il-mod, l-ispejjeż għad-dokument tal-ivvjaġġar Ewropew għar-ritorn ikunu limitati għal wieħed minimu. Billi jħaffef il-proċeduri amministrattivi għar-ritorn, dan jikkontribwixxi biex jitnaqqas il-perjodu li matulu l-persuni rimpatrijati li ma jkunx għadhom tneħħew jinżammu f’detenzjoni amministrattiva.
L-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw il-ħruġ ta’ dokument tal-ivvjaġġar Ewropew għar-ritorn meta dokument li mhuwiex validu jew li ma għadux validu għall-ivvjaġġar, jew ċertifikat, jew kopja ta’ dawn id-dokumenti, jipprova ċ-ċittadinanza ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun qiegħed fil-pajjiż illegalment suġġett għal deċiżjoni ta’ ritorn (pereż. il-passaport, il-karta tal-identità, laissez-passer ta’ pajjiżi terzi skaduti; il-karta tal-identità militari jew marittima, il-liċenzja tas-sewqan; iċ-ċertifikat ta' ċittadinanza, twelid, żwieġ jew ċertifikat tar-reġistrazzjoni ċivili ieħor; informazzjoni dwar l-identità mis-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża). Barra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw il-ħruġ tad-dokument tal-ivvjaġġar Ewropew fil-każ fejn ċittadin ta’ pajjiż terz, li ċ-ċittadinanza tiegħu ġiet ikkonfermata mill-awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiż terz, ma jkunx irċieva dokument validu tal-ivvjaġġar fi żmien raġonevoli.
L-Artikolu 1: jistabbilixxi s-suġġett tal-proposta, l-format u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tad-dokument tal-ivvjaġġar Ewropew għar-ritorn.
L-Artikolu 2: jipprovdi definizzjoni ta’ termini ewlenin.
L-Artikolu 3: jistabbilixxi l-format, il-kontenut, il-lingwa u l-validità għad-dokument tal-ivvjaġġar Ewropew għar-Ritorn, u tagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex temenda l-format permezz ta’ atti delegati.
L-Artikolu 4: jiddefinixxi l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u l-karatteristiċi ta’ sigurtà għad-dokument tal-ivvjaġġar Ewropew għar-Ritorn, li huma dawk stabbiliti bl-Artikolu 2 tar- Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 333/2002 u li mhumiex pubbliċi għal raġunijiet ta’ sigurtà.
L-Artikolu 5: jistabbilixxi r-regoli dwar it-tariffi għall-ħruġ ta’ dokument ta’ vjaġġar Ewropew għal ritorn, li jkun mingħajr ħlas għal ċittadin ta’ pajjiż terz.
L-Artikolu 6: jistabbilixxi r-regoli għall-eżerċizzju tas-setgħat iddelegati mill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 290 TFUE.
L-Artikolu 7: jistabbilixxi li r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill fis-seħħ dwar dokument ta’ vjaġġar standard għall-espulsjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi tiġi mħassra u sostitwita.
L-Artikolu 8: jistabbilixxi r-regoli għad-dħul fis-seħħ u l-applikazzjoni ġeografika tar-Regolament.
2015/0306 (COD)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
fuq dokument tal-ivvjaġġar Ewropew għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 79(2)(c) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,
Billi:
(1)Ir-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma jissodisfawx jew li ma għadhomx jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ dħul, soġġorn jew residenza fl-Istati Membri, b’rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari l-prinċipju ta’ non-refoulement, u f’konformità mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/115/KE, huwa parti essenzjali mill-isforzi komprensivi sabiex jiġu żgurati l-kredibbiltà u t-tħaddim tajjeb tal-politiki dwar il-migrazzjoni tal-Unjoni u sabiex titnaqqas u tiġi skoraġġixxuta l-migrazzjoni irregolari.
(2)L-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri jesperjenzaw diffikultajiet biex jirritornaw ċittadini minn pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment u li ma għandhom ebda dokument tal-ivvjaġġar validu.
(3)It-titjib fil-kooperazzjoni dwar ir-ritorn u l-ammissjoni mill-ġdid mal-pajjiżi prinċipali ta’ oriġini u ta' tranżitu ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment hija essenzjali biex jiżdiedu r-rati ta’ ritorn, li mhumiex sodisfaċenti.
(4)Id-dokument tal-ivvjaġġar standard attwali għall-espulsjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, stabbilit bir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 1994, mhuwiex aċċettat b’mod wiesa’ mill-awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi, għal raġunijiet li jinkludi standards ta’ sigurtà inadegwati.
(5)Huwa għalhekk neċessarju li tiġi promossa l-aċċettazzjoni minn pajjiżi terzi ta' laissez-passer tar-ritorn Ewropew imtejjeb bħala d-dokument ta’ riferiment għal finijiet ta’ ritorn.
(6)Għandu jiġi stabbilit dokument tal-ivvjaġġar Ewropew aktar sikur għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi biex jiġu ffaċilitati r-ritorn u r-riammissjoni ta’ ċittadini minn pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment. Il-karatteristiċi ta’ sigurtà msaħħa tiegħu għandhom jiffaċilitaw ir-rikonoxximent tiegħu minn pajjiżi terzi. It-tali dokument għandu jgħin fit-twettiq ta’ ritorni fil-kuntest ta' ftehimiet ta' riammissjoni jew arranġamenti oħra ma’ pajjiżi terzi, kif ukoll fil-kuntest ta’ kooperazzjoni dwar ir-ritorn ma’ pajjiżi terzi li mhumiex koperti bi ftehimiet formali.
(7)Il-ftehimiet ta’ riammissjoni konklużi mill-Unjoni ma’ pajjiżi terzi għandhom ifittxu r-rikonoxximent tad-dokument tal-ivvjaġġar Ewropew għar-ritorn. L-Istati Membri għandhom ifittxu r-rikonoxximent tad-dokument tal-ivvjaġġar Ewropew għar-ritorn fi ftehimiet bilaterali u arranġamenti oħra kif ukoll fil-kuntest ta’ kooperazzjoni dwar ir-ritorn ma’ pajjiżi terzi li mhumiex koperti bi ftehimiet formali.
(8)Id-dokument tal-ivvjaġġar Ewropew għar-ritorn għandu jnaqqas il-piż amministrattiv u burokratiku minn fuq l-Istati Membri u l-amministrazzjonijiet ta’ pajjiżi terzi, inkluż servizzi konsulari, u dan għandu jikkontribwixxi biex jitnaqqas it-tul tal-proċeduri amministrattivi neċessarji biex jiġi żgurat ir-ritorn u r-riammissjoni ta’ ċittadini minn pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment.
(9)Dan ir-Regolament għandu jarmonizza l-format u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi ta’ dokument tal-ivvjaġġar għar-ritorn u ma għandux jarmonizza r-regoli dwar il-ħruġ ta’ tali dokument.
(10)Iċ-ċirkostanzi li fihom l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw il-ħruġ ta’ dokument tal-ivvjaġġar Ewropew għar-ritorn jinkludu każijiet fejn dokument li mhuwiex validu jew ma għadux validu għall-ivvjaġġar, ċertifikat ta' reġistrazzjoni ċivili, dokument uffiċjali ieħor, jew kopja tiegħu, jipprova ċ-ċittadinanza ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun qiegħed fil-pajjiż illegalment suġġett għal deċiżjoni ta’ ritorn. Eżempji ta’ tali dokumenti huma passaport, karta tal-identità jew laissez passer ta' pajjiżi terzi skaduti; il-karta tal-identità militari jew marittima, il-liċenzja tas-sewqan; iċ-ċittadinanza, iċ-ċertifikati tat-twelid u taż-żwieġ; estratt mis-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża. L-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw ukoll li joħorġu t-tali dokument fejn ċittadin ta’ pajjiż terz, li ċ-ċittadinanza tiegħu ġiet ikkonfermata mill-awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiż terz, ma jkunx irċieva dokument validu tal-ivvjaġġar fi żmien raġonevoli.
(11)Il-proposta u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tad-dokument tal-ivvjaġġar Ewropew għar-ritorn għandhom ikunu armonizzati sabiex jiġu żgurati l-ogħla standards tekniċi u ta’ sigurtà, b’mod partikolari fir-rigward tas-salvagwardji kontra l-kontrafazzjoni u l-falsifikazzjoni. Id-dokument għandu jkollu fuqu karatteristiċi ta' sigurtà armonizzati li jintgħarfu. Standards tekniċi u ta’ sigurtà għolja diġà jeżistu u huma stabbiliti skont l-Artikolu 2 tar- Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 333/2002, li għandu għalhekk jiġi applikat għad-dokument tal-ivvjaġġar Ewropew għar-ritorn.
(12)Sabiex jiġu emendati jew issupplimentati ċerti elementi mhux essenzjali tal-mudell għal dokument tal-ivvjaġġar Ewropew għar-ritorn, is-setgħa li jiġu adottati xi atti f’konformità mal- Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi ddelegata lill-Kummissjoni. Huwa ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol preparatorju tagħha, inkluż fil-livell tal-esperti.
(13)Il-Kummissjoni, meta tħejji u tfassal l-atti delegati, għandha tiżgura trażmissjoni simultanja, tempestiva u xierqa tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
(14)Rigward l-ipproċessar ta' dejta personali fil-qafas ta’ dan ir-Regolament, l-awtoritajiet kompetenti jwettqu l-kompiti tagħhom għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament skont il-liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva 95/46/KE.
(15)F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhijiex marbuta jew suġġetta għall-applikazzjoni tiegħu. Billi dan ir-Regolament jibni - sa fejn dan japplika għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma jissodisfawx jew li ma għadhomx jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ dħul skont ir-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill - dwar l-acquis ta’ Schengen, id-Danimarka għandha, f’konformità mal-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, tiddeċiedi f'perjodu ta’ sitt xhur wara li l-Kunsill ikun iddeċieda dwar dan ir-Regolament jekk hijiex sejra timplimentah fil-liġi nazzjonali tagħha.
(16)Sa fejn huwa japplika għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma jissodisfawx jew li ma għadhomx jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ dħul skont ir-Regolament (KE) Nru 562/2006, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fih ir-Renju Unit ma jieħux sehem, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE; b’hekk ir-Renju Unit mhuwiex qiegħed jieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhuwiex marbut bih jew suġġett għall-applikazzjoni tiegħu. Barra minn hekk, f'konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 3 u 4 ta' dak il-Protokoll, ir-Renju Unit mhuwiex qiegħed jieħu sehem fl-adozzjoni ta' dan ir-Regolament u mhuwiex marbut bih jew suġġett għall-applikazzjoni tiegħu.
(17)Sa fejn din tapplika għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma jissodisfawx jew li ma għadhomx jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ dħul skont ir-Regolament (KE) Nru 562/2006, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fih l-Irlanda ma tiħux sehem, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE; L-Irlanda għalhekk ma tiħux sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhijiex marbuta bih jew suġġetta għall-applikazzjoni tiegħu. F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, mehmuż mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 3 u 4 ta’ dan il-Protokoll, l-Irlanda mhijiex qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhijiex marbuta bih jew suġġetta għall-applikazzjoni tiegħu.
(18)Fir-rigward tal-Iżlanda u n-Norveġja, dan ir-Regolament jikkostitwixxi - sa fejn dan japplika għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma jissodisfawx jew li ma għadhomx jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ dħul skont ir-Regolament (KE) Nru 562/2006 - żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fit-tifsira tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja li jikkonċerna l-assoċjazzjoni ta’ dawn tal-aħħar mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE.
(19)Fir-rigward tal-Iżvizzera, dan ir-Regolament jikkostitwixxi - sa fejn dan japplika għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma jissodisfawx jew li ma għadhomx jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ dħul skont ir-Regolament (KE) Nru 562/2006 - żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fit-tifsira tal-Ftehim konkluż bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 1999/437/KE moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE.
(20)Rigward il-Liechtenstein, dan ir-Regolament jikkostitwixxi - sa fejn dan japplika għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma jissodisfawx jew li ma għadhomx jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ dħul skont ir-Regolament (KE) Nru 562/2006 - żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fit-tifsira tal-Protokoll iffirmat bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein għall-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 1999/437/KE moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/KE.
(21)Billi l-objettivi ta’ dan ir-Regolament ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu pjuttost, minħabba l-effetti tal-azzjoni prevista, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit fl-istess Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu dawn l-objettivi.
(22)Sabiex jiġu stabbiliti kundizzjonijiet uniformi u tiġi żgurata ċ-ċarezza tal-kunċetti, huwa xieraq li dan l-att jiġi adottat fil-forma ta’ Regolament.
(23)Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-protezzjoni f’każ ta’ tneħħija, tkeċċija jew estradizzjoni prevista fl-Artikolu 19 tal-Karta.
(24)Dan ir-Regolament għandu jirrevoka u jissostitwixxi r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 1994,
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Suġġett
Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-format u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi ta’ dokument tal-ivvjaġġar Ewropew għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-iskop ta' dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(1)"ċittadini ta' pajjiżi terzi" tfisser ċittadini ta' pajjiżi terzi kif definit fil-punt 1 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;
(2)"ritorn" tfisser ritorn kif definit fil-punt 3 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/115/KE;
(3)"deċiżjoni ta' ritorn" tfisser deċiżjoni ta' ritorn kif definit fil-punt 4 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/115/KE.
Artikolu 3
Dokument tal-ivvjaġġar Ewropew għar-ritorn
1.Il-format tad-dokument tal-ivvjaġġar Ewropew għar-ritorn jikkorrispondi mal-mudell stabbilit fl-Anness. Dan ikun fih l-informazzjoni li ġejja ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz:
(a)l-isem, il-kunjom, id-data tat-twelid, is-sess, iċ-ċittadinanza, il-marki distintivi u, jekk ikun magħruf, l-indirizz fil-pajjiż terz ta’ ritorn taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz;
(b)ritratt;
(c)l-awtorità li tkun ħarġitu, id-data tal-ħruġ u l-perjodu tal-validità.
2.Id-dokument tal-ivvjaġġar Ewropew għar-ritorn għandu jkun stabbilit fil-lingwa jew fil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru li joħroġ id-deċiżjoni ta’ ritorn u, fejn ikun xieraq, dan għandu jiġi tradott għall-Ingliż u l-Franċiż.
3.Id-dokument ikun validu għal vjaġġ singolu lejn il-pajjiż terz ta’ ritorn.
4.Fejn ikun meħtieġ, dokumenti addizzjonali meħtieġa għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jistgħu jiġu mehmuża mad-dokument tal-ivvjaġġar Ewropew għar-ritorn.
5.Il-Kummissjoni jkollha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 6 sabiex temenda l-format tad-dokument tal-ivvjaġġar Ewropew għar-ritorn.
Artikolu 4
Speċifikazzjonijiet tekniċi
1.Il-karatteristiċi ta’ sigurtà u speċifikazzjonijiet tekniċi għad-dokument tal-ivvjaġġar Ewropew għar-ritorn ikunu dawk stabbiliti b’applikazzjoni tal-Artikolu 2 tar- Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 333/2002.
2.L-Istati Membri jgħaddu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra kampjun tad-dokument tal-ivvjaġġar Ewropew għar-ritorn stabbilit f’konformità ma’ dan ir-Regolament.
Artikolu 5
Ħlasijiet tal-ħruġ
Id-dokument tal-ivvjaġġar għar-ritorn Ewropea jinħareġ mingħajr ħlas għaċ-ċittadin ta’ pajjiż terz.
Artikolu 6
Eżerċizzju tad-delega
1.Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.
2.Is-setgħa biex jiġu adottati l-atti ddelegati msemmija fl-Artikolu 3(5) tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta' żmien indeterminat minn (daħħal id-data tad-dħul fis-seħħ).
3.Id-delega ta’ setgħa msemmija fl-Artikolu 3(5) tista' tiġi revokata f'kull mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta' revoka ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Din tidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fiha. Din ma taffettwa l-validità ta' ebda att iddelegat diġà fis-seħħ.
4.Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
5.Att iddelegat adottat skont l-Artikolu 3(5) jidħol fis-seħħ biss jekk ma tkun saret l-ebda oġġezzjoni jew mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk ikun qabel l-iskadenza ta' dak il-perijodu, jekk il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex ser joġġezzjonaw. Dak il-perjodu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.
Artikolu 7
Revoka u sostituzzjoni ta’ Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 1994
Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 1994 dwar l-adozzjoni ta’ dokument tal-ivvjaġġar standard għall-espulsjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi hija b'din imħassra u sostitwita.
Artikolu 8
Id-dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-[…] jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri skont it-Trattati.
Magħmul fi Strasburgu,
Għall-Parlament Ewropew
Għall-Kunsill
Il-President
Il-President