IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 14.7.2015
COM(2015) 342 final
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni
(applikazzjoni mill-Ġermanja – EGF/2015/002 DE/Adam Opel)
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA
1.Ir-regoli applikabbli għall-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) huma stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 (ir-“Regolament tal-FEG”).
2.Fis-26 ta’ Frar 2015, il-Ġermanja ressqet l-applikazzjoni EGF/2015/002 DE/Adam Opel għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, wara sensji f’Adam Opel AG u fornitur wieħed fil-Ġermanja.
3.Wara li vvalutat din l-applikazzjoni, u bi qbil mad-dispożizzjonijiet applikabbli kollha tar-Regolament tal-FEG, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-kundizzjonijiet għall-għotja ta’ finanzjament mill-FEG huma ssodisfati.
SOMMARJU TAL-APPLIKAZZJONI
|
L-applikazzjoni tal-FEG
|
EGF/2015/002 DE/Adam Opel
|
|
L-Istat Membru
|
Il-Ġermanja
|
|
Ir-reġjun(i) ikkonċernat(i) (il-livell NUTS 2)
|
Arnsberg (DE A5)
|
|
Id-data tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni
|
26 ta’ Frar 2015
|
|
Id-data ta’ konferma tal-wasla tal-applikazzjoni
|
12 ta’ Marzu 2015
|
|
Id-data tat-talba għal informazzjoni addizzjonali
|
12 ta’ Marzu 2015
|
|
Id-data ta’ skadenza għall-għoti tal-informazzjoni addizzjonali
|
23 ta’ April 2015
|
|
Id-data ta’ skadenza għat-tlestija tal-valutazzjoni
|
16 ta’ Lulju 2015
|
|
Il-kriterju ta’ intervent
|
L-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament tal-FEG
|
L-intrapriża ewlenija
|
Adam Opel AG
|
L-għadd ta’ intrapriżi konċernati
|
2
|
|
Is-settur(i) tal-attività ekonomika
(Id-Diviżjoni tan-NACE Reviżjoni 2)
|
Diviżjoni 29 (Manifattura ta’ vetturi bil-mutur, trejlers u semitrejlers)
|
L-għadd ta’ sussidjarji, fornituri u produtturi fl-istadju aħħari tal-produzzjoni
|
1
|
|
Il-perjodu ta’ referenza ta’ erba’ xhur:
|
15 ta’ Awwissu 2014 – 15 ta’ Diċembru 2014
|
|
L-għadd ta’ sensji matul il-perjodu ta’ referenza (a)
|
2 881
|
|
L-għadd ta’ sensji qabel u wara l-perjodu ta’ referenza (b)
|
0
|
|
L-għadd totali ta’ sensji (a + b)
|
2 881
|
|
L-għadd totali ta’ benefiċjarji eliġibbli:
|
2 881
|
|
L-għadd totali ta’ benefiċjarji fil-mira
|
2 692
|
|
L-għadd ta’ żgħażagħ fil-mira li jinsabu barra mill-edukazzjoni, l-impjieg jew it-taħriġ (NEETs)
|
0
|
|
Il-baġit għas-servizzi personalizzati (EUR)
|
11 151 640
|
|
Il-baġit għall-implimentazzjoni tal-FEG (EUR)
|
446 066
|
|
Il-baġit totali (EUR)
|
11 597 706
|
|
Il-kontribuzzjoni tal-FEG (60 %) (EUR)
|
6 958 623
|
VALUTAZZJONI TAL-APPLIKAZZJONI
Proċedura
4.Il-Ġermanja sottomettiet l-applikazzjoni EGF/2015/002 DE/Adam Opel fis-26 ta’ Frar 2015 fi żmien 12-il ġimgħa mid-data li fiha ġew issodisfati l-kriterji ta’ intervent stabbiliti fl-Artikolu 4 tar-Regolament tal-FEG. Il-Kummissjoni rrikonoxxiet l-wasla tal-applikazzjoni fi żmien ġimagħtejn mid-data tas-sottomissjoni tagħha, fit-12 ta’ Marzu 2015, u talbet informazzjoni addizzjonali mill-Ġermanja fl-istess data. Din l-informazzjoni addizzjonali ngħatat fi żmien sitt ġimgħat mid-data tat-talba. Il-perjodu ta’ 12-il ġimgħa mill-wasla tal-applikazzjoni mimlija, li fih il-Kummissjoni għandha tiffinalizza l-valutazzjoni tagħha tal-konformità tal-applikazzjoni mal-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ kontribuzzjoni finanzjarja jiskadi fis-16 ta’ Lulju 2015.
L-eliġibbiltà tal-applikazzjoni
L-intrapriżi u l-benefiċjarji kkonċernati
5.L-applikazzjoni hija marbuta ma’ 2 881 ħaddiem li ngħataw is-sensja minn Adam Opel AG u minn fornitur wieħed. L-intrapriża ewlenija topera fis-settur ekonomiku kklassifikata taħt id-Diviżjoni 29 Reviżjoni 2 tan-NACE (Manifattura ta’ vetturi bil-mutur, trejlers u semitrejlers). Is-sensji saru mill-intrapriża ewlenija u jinsabu l-aktar fir-reġjun ta’ NUTS tal-livell 2 ta’ Arnsberg (DE A5)
|
L-intrapriżi u l-għadd ta’ sensji matul il-perjodu ta’ referenza
|
|
Adam Opel AG
|
2 826
|
Johnson Controls
|
55
|
L-għadd totali ta’ intrapriżi: 2
|
L-għadd totali ta’ sensji:
|
2 881
|
|
L-għadd totali ta’ persuni li jaħdmu għal rashom li l-attività tagħhom waqfet:
|
0
|
|
L-għadd totali ta’ ħaddiema eliġibbli u persuni li jaħdmu għal rashom:
|
2 881
|
Il-kriterji ta’ intervent
6.Il-Ġermanja ressqet l-applikazzjoni skont il-kriterji ta’ intervent tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament tal-FEG, li jeħtieġu li tal-inqas 500 ħaddiem ikunu ngħataw is-sensja fuq perjodu ta’ referenza ta’ erba’ xhur f’intrapriża fi Stat Membru, inklużi l-ħaddiema li ngħataw is-sensja mill-fornituri u mill-produtturi fl-istadju aħħari tal-produzzjoni u/jew persuni li jaħdmu għal rashom li l-attività tagħhom waqfet.
7.Il-perjodu ta’ referenza ta’ erba’ xhur tal-applikazzjoni hu mill-15 ta’ Awwissu 2014 sal-15 ta’ Diċembru 2014.
8.Is-sensji matul il-perjodu ta’ referenza huma kif ġej:
–2 826 ħaddiem li ngħataw is-sensja minn Adam Opel AG,
–55 ħaddiem li ngħataw is-sensja minn Johnson Controls Objekt Bochum GmbH & Co. KG, fornitur ta’ Adam Opel AG.
Il-kalkolu tas-sensji u tal-waqfien tal-attività
9.Is-sensji matul il-perjodu ta’ referenza ġew ikkalkulati kif ġej:
–2 881 mid-data tal-avviż individwali ta’ min iħaddem biex ikeċċi jew iwaqqaf il-kuntratt ta’ impjieg tal-ħaddiem.
Il-benefiċjarji eliġibbli
10.L-għadd totali ta’ benefiċjarji eliġibbli huwa ta’ 2 881.
Ir-rabta bejn is-sensji u l-kriżi finanzjarja u ekonomika globali indirizzata fir-Regolament (KE) Nru 546/2009
11.Sabiex tiġi stabbilita r-rabta bejn is-sensji u l-kriżi finanzjarja u ekonomika globali indirizzata fir-Regolament (KE) Nru 546/2009, il-Ġermanja targumenta li minħabba l-kriżi, l-għadd ta’ karozzi mibjugħin fl-Ewropa huwa l-aktar baxx mill-1997. Fil-Punent tal-Ewropa l-bejgħ waqa’ b’mod drammatiku u naqas għal livell rekord f’dawn l-aħħar 20 sena. Bħala konsegwenza tal-kriżi finanzjarja u ekonomika, l-għadd ta’ karozzi rreġistrati ġodda fl-UE u fl-Istati Membri tal-EFTA ra tnaqqis ta’ 25 % bejn l-2007 u l-2013 (minn aktar minn 16-il miljun karozza ġdida rreġistrata għal 12-il miljun skont l-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Manifatturi tal-Karozzi). Il-manifatturi ta’ vetturi żgħar u ta’ daqs medju tas-segment tal-prezzijiet medji ntlaqtu partikolarment ħażin, filwaqt li l-bejgħ ta’ karozzi bi prezzijiet ekonomiċi kif ukoll ta’ karozzi primjum jew lussużi ma ġewx affettwati daqshekk mill-kriżi. L-Assoċjazzjoni Ġermaniża tal-Manifatturi tal-Karozzi (Verband der Automobilindustrie) irrapportat tnaqqis sinifikanti fis-sehem mis-suq għall-manifatturi kollha rilevanti fis-suq Ewropew ta’ vetturi żgħar u ta’ daqs medju fis-segment tal-prezzijiet medji, bħal Opel, Fiat, PSA, Renault (minbarra Dacia), Ford u Toyota, sa mill-2007. Minbarra t-tnaqqis globali fil-bejgħ tal-karozzi, tista’ tiġi osservata ċaqlieqa mill-vetturi bi prezzijiet medji għall-vetturi bi prezzijiet ekonomiċi. It-tnaqqis sinifikanti fil-bejgħ globali tal-karozzi jista’ jiġi attribwit għall-kriżi ekonomika u finanzjarja li għaddejja bħalissa. Bejn l-2007 u l-2013, EUROSTAT irrapportat żieda sinifikanti fil-qgħad fl-UE (7,2 % fl-2007 għal 10,8 % fl-2013), li probabbilment se jkollha impatt fuq l-infiq tal-konsumatur.
12.Il-manifattur tal-karozzi Ġermaniż, l-intrapriża Adam Opel AG, akkwistata minn General Motors fl-1931, qed tbiegħ il-karozzi tagħha bil-marki kummerċjali Opel u Vauxhall primarjament fis-suq Ewropew u hija wieħed mill-atturi ewlenin fis-segment tal-prezzijiet medji tal-vetturi żgħar u ta’ daqs medju. Adam Opel AG intlaqtet partikolarment sew mill-kriżi. Bħala konsegwenza tal-iżviluppi deskritti hawn fuq, il-bejgħ tal-karozzi Opel/Vauxhall fl-Ewropa waqa’ b’mod drammatiku. Bejn l-2007 u l-2013, il-bejgħ waqa’ b’39 %.
13.Bħala konsegwenza tat-tnaqqis sinifikanti fil-bejgħ tal-karozzi, Adam Opel AG iffaċċjat il-problema ta’ kapaċitajiet żejda. Minħabba li l-ispejjeż fissi tat-tħaddim ta’ impjant tal-produzzjoni baqgħu l-istess, tnaqqis fin-numru ta’ vetturi prodotti fisser żieda fl-ispejjeż tal-produzzjoni għal kull vettura u għalhekk tnaqqis fil-marġini. Fil-preżent Adam Opel AG qed topera ħames impjanti għall-produzzjoni tal-karozzi Opel u Vauxhall fl-Ewopa: tnejn fil-Ġermanja (it-tielet impjant, Bochum, ingħalaq fil-31 ta’ Diċembru 2014 u huwa s-suġġett ta’ din il-proposta), u wieħed kull wieħed fil-Polonja, fir-Renju Unit u fi Spanja.
14.Sal-lum, is-settur tar-Reviżjoni 2 tad-Diviżjoni 29 tan-NACE (Manifattura ta’ vetturi bil-mutur, trejlers u semitrejlers) kien soġġett għal 21 applikazzjoni għall-FEG, bi 11 minnhom ibbażati fuq il-globalizzazzjoni relatata mal-kummerċ u 10 fuq il-kriżi finanzjarja u ekonomika globali. Fil-maġġoranza ta’ dawn il-każijiet, iż-żewġ kriterji (il-globalizzazzjoni u l-kriżi) influwenzaw f’livelli differenti d-deċiżjoni li tingħata sensja lill-ħaddiema. Huwa mbagħad f’idejn l-Istat Membru li jiddetermina liema kienet il-kawża prinċipali f’applikazzjoni speċifika u li jipprovdi analiżi raġunata tal-konnessjoni bejn is-sensji u dak il-kriterju partikulari, billi juri kawżalità ċara.
L-avvenimenti li wasslu għas-sensji u għall-waqfien tal-attività
15.L-avveniment li wassal għal dawk is-sensji huwa l-għeluq għalkollox tal-impjant tal-produzzjoni ta’ Adam Opel AG f’Bochum. Bejn l-2007 u l-2013, Opel naqqset il-volumi tal-produzzjoni tal-impjant ta’ Bochum b’55 %. Il-produzzjoni ż-żejda kkawżata minn tnaqqis sinifikanti fil-bejgħ tal-karozzi bħala konsegwenza tal-kriżi finanzjarja u ekomomika sfurzat lil Adam Opel AG biex taġġusta mill-ġdid il-kapaċitajiet tal-produzzjoni tagħha fl-Ewropa sabiex tqabbilhom mad-domanda. Il-proċess ta’ ristrutturar li segwa wassal għall-għeluq tal-faċilità tal-produzzjoni f’Antwerp, il-Belġju. L-għeluq tal-impjant ta’ Antwerp kien is-suġġett tal-applikazzjoni FEG/2010/031 BE/Generals Motors Belgium, li l-Belġju bbaża fuq il-kriterju tal-kriżi. Il-kontinwazzjoni tal-kriżi globali finanzjarja u ekomomika poġġiet pressjoni fuq Adam Opel AG biex tnaqqas il-kapaċitajiet tal-produzzjoni tagħha għal darb’oħra u biex tagħlaq waħda mill-fabbriki tagħha li kien fadal. Minħabba li l-linji tal-karozzi prodotti fl-impjant tagħha ta’ Bochum kienu wasslu biex jilħqu t-tmiem taċ-ċikli tal-produzzjoni rispettivi tagħhom, Adam Opel AG iddeċidiet li tagħlaq din il-fabbrika tal-produzzjoni partikolari.
16.Fi Frar 2013, Adam Opel AG ippruvat tfittex ftehim kollettiv mal-forza tax-xogħol tagħha Ġermaniża, billi offriet li tkompli bl-impjanti kollha tal-produzzjoni Ġermaniżi u ggarantixxiet l-impjieg tal-ħaddiema kollha fil-Ġermanja sal-aħħar ta’ Diċembru tal-2016. L-impjant tal-produzzjoni f’Bochum ikun ingħalaq sal-aħħar ta’ dak il-perjodu. Is-sħab soċjali tal-impjanti kollha tal-produzzjoni kkonċernati, minbarra Bochum, qablu mal-pjan. Fir-rigward tal-impjant tal-produzzjoni ta’ Bochum, li kien għadu jimpjega forza tax-xogħol ta’ 3 280 fl-2013, Adam Opel AG kompliet bin-negozjati mal-ħaddiema tal-metall ta’ Gewerkschaft IG Metall. Tnaqqis ulterjuri fil-bejgħ tal-karozzi sforza lil Adam Opel AG tagħlaq il-faċilità tal-produzzjoni ta’ Bochum aktar kmieni miż-żmien ippjanat oriġinarjament. F’Ġunju 2014, is-sħab soċjali qablu li l-impjant jingħalaq fl-aħħar ta’ Diċembru 2014 u li tinħoloq kumpanija ta’ trasferiment. F’Awwissu 2014, il-ħaddiema kollha kienu offruti ftehimiet biex jibbenefikaw mis-servizzi tal-kumpaniji ta’ trasferiment. 2 637 minnhom iffirmaw ftehim tripartiku biex jiġu impjegati minn kumpanija ta’ trasferiment malli jtemmu l-impjieg tagħhom ma’ Adam Opel AG.
17.Il-ħolqien ta’ kumpanija ta’ trasferiment mhuwiex obbligatorju skont il-liġi Ġermaniża. Ma hemm l-ebda obbligu fuq in-naħa tal-kumpanija li tat is-sensji li tikkontribwixxi lejn il-ħolqien ta’ kumpanija ta’ trasferiment. Mingħajr il-parteċipazzjoni tal-kumpanija li tat is-sensji, l-ebda kumpanija ta’ trasferiment ma kienet tinħoloq, u l-personal mogħti s-sensja kien jispiċċa qiegħed. Jekk il-kumpanija li tat is-sensji toffri li tipparteċipa, u jekk is-sħab soċjali jaqblu li joħolqu kumpanija ta’ trasferiment, il-liġi soċjali Ġermaniża tistabbilixxi l-qafas legali (§§ 110 u 111, SGB III).
18.Minħabba l-għeluq tal-impjant ta’ Adam Opel AG, il-fornitur tagħha Johnson Controls Objekt Bochum GmbH&Co. KG kellu jaġġusta l-kapaċitajiet tal-produzzjoni tiegħu bl-istess mod u ddeċieda li jagħlaq il-faċilitajiet tal-produzzjoni għall-komponenti tal-Opel. Fit-23 ta’ Settembru 2014, is-sħab soċjali qablu fuq pjan soċjali. Bħala konsegwenza, 55 ħaddiem ingħataw is-sensja. Il-pjan soċjali ma jinkludix il-ħolqien ta’ kumpanija ta’ trasferiment u l-persunal mogħti s-sensja spiċċa qiegħed.
L-impatt mistenni tas-sensji fuq l-ekonomija u l-impjiegi lokali, reġjonali jew nazzjonali
19.Is-sensji għandhom impatt negattiv sinifikanti fuq l-ekonomija lokali f’Bochum. Bochum hija belt fiż-żona tar-Ruhr, żona industrijali urbanizzata ħafna fl-Istat Federali Ġermaniż tat-Tramuntana tar-Rhine-Westphalia. Iż-żona tar-Ruhr, tradizzjonalment reġjun tal-minjieri tal-faħam u tal-produzzjoni tal-azzar, ilha tiffaċċja bidliet strutturali enormi sa mis-snin sittin. Filwaqt li fis-snin tmenin is-settur tal-minjieri tal-faħam kien għadu jimpjega iżjed minn 100 000 ħaddiem, dan in-numru waqa’ b’madwar 90 %. Il-minjieri tal-faħam fiż-żona tar-Ruhr huma mistennija li jtemmu l-operat sal-2018, meta s-sussidji tal-gvern fl-aħħar jieqfu. Ir-rata ta’ qgħad fiż-żona tar-Ruhr diġà tilħaq livelli ferm ogħla mill-medja tal-Ġermanja. Ir-rata tal-qgħad fil-belt ta’ Bochum fil-preżent hija ta’ 11 % (28 809 ċittadini qiegħda huma rreġistrati mas-Servizz Pubbliku lokali tal-Impjiegi). In-nuqqas ta’ kumpanija ta’ trasferiment fil-każ tal-Opel kien jikkawża żieda fin-numru ta’ persuni qiegħda b’aktar minn 5 %. Aktar minn 25 % tal-persunal mogħti s-sensja għandu iżjed minn 55 sena u għalhekk jista’ jkollu impatt ferm aktar sinifikanti fuq in-numru ta’ persuni qiegħda ta’ dak il-grupp partikolari ta’ etajiet (f’Bochum, fil-preżent hemm 4 940 persuna qiegħda rreġistrata li għandha iżjed minn 55 sena)
Il-benefiċjarji fil-mira u l-azzjonijiet proposti
Il-benefiċjarji fil-mira
20.In-numru stmat ta’ ħaddiema mogħtija s-sensja li mistennija jipparteċipaw fil-miżuri huwa ta’ 2 692. L-analiżi ta’ dawn il-ħaddiema skont is-sess, iċ-ċittadinanza u l-età hija kif ġej:
|
Il-kategorija
|
L-għadd ta’
benefiċjarji fil-mira
|
|
Sess:
|
Irġiel:
|
2 583
|
(95,95 %)
|
|
|
Nisa:
|
109
|
(4,05 %)
|
|
Ċittadinanza:
|
ċittadini tal-UE:
|
2 552
|
(94,80 %)
|
|
|
mhux ċittadini tal-UE:
|
140
|
(5,20 %)
|
|
Grupp ta’ età:
|
15-24 sena:
|
60
|
(2,23 %)
|
|
|
25-29 sena:
|
48
|
(1,78 %)
|
|
|
30-54 sena:
|
1 878
|
(69,76 %)
|
|
|
55-64 sena:
|
706
|
(26,23 %)
|
|
|
iktar minn 64 sena:
|
0
|
(0 %)
|
L-eliġibbiltà tal-azzjonijiet proposti
21.Kif stipulat hawn fuq, is-sħab soċjali qablu fuq il-ħolqien ta’ kumpaniji ta’ trasferiment u fdaw lil TÜV Nord Transfer GmbH bil-ħolqien ta’ tliet kumpaniji ta’ trasferiment, li jkopru tliet lottijiet differenti ta’ ħaddiema mogħtija s-sensja tal-impjant ta’ Bochum ta’ Adam Opel AG. Dan huwa meħtieġ għaliex total ta’ 188 ħaddiem huma parti minn grupp tal-għeluq li l-ħidma tagħhom hija li jistralċaw il-faċilitajiet. Filwaqt li l-parti l-kbira tal-ħaddiema mogħtija s-sensja daħlu fl-ewwel kumpanija ta’ trasferiment fl-1 ta’ Jannar 2015, il-membri tal-gruppi tal-għeluq daħlu fit-tieni u t-tielet kumpaniji fl-1 ta’ April u fl-1 ta’ Lulju 2015, rispettivament. Skont il-pjan soċjali, Adam Opel AG qablet li toffri miżuri addizzjonali għall-eks impjegati tagħha u dawn l-offerti u miżuri addizzjonali huma mogħtija mill-kumpanija ta’ trasferiment, iżda mhumiex parti mill-applikazzjoni tal-FEG. Meta l-awtoritajiet Ġermaniżi jkunu fiduċjużi biżżejjed li l-finanzjament mill-FEG probabbilment ikun ġej, il-55 eks ħaddiema mogħtija s-sensja ta’ Johnson Controls Objekt Bochum GmbH & Co. KG se jingħataw l-opportunità li jipparteċipaw fil-miżuri mwettqa mill-kumpaniji ta’ trasferiment. Dawn mhux se jiffirmaw kuntratt ta’ impjieg mal-kumpanija ta’ trasferiment, iżda se jkunu permessi jipparteċipaw fil-miżuri ffinanzjati mill-FEG imwettqa mill-kumpanija ta’ trasferiment. Il-miżuri kollha li ġejjin jikkombinaw flimkien biex jiffurmaw pakkett ta’ servizzi personalizzati kkordinati mill-kumpaniji ta’ trasferiment u għandhom l-għan li jintegraw mill-ġdid fix-xogħol lill-ħaddiema mogħtija s-sensja:
–Miżuri ta’ taħriġ vokazzjonali (Qualifizierungen): Dawn huma offruti lil ħaddiema eliġibbli wara l-ħolqien ta’ profili u intervisti ta’ gwida dwar il-karriera, u għandhom l-intenzjoni li jgħinuhom jibbenefikaw mill-opportunitajiet fis-suq tax-xogħol. Il-korsijiet ta’ taħriġ offruti se jiffokaw fuq is-setturi bi prospetti għall-futur, bħall-IT, it-trasport, il-loġistika jew l-elettronika. Il-korsijiet jistgħu jingħataw individwalment jew fi gruppi, u jvarjaw minn kompetenzi bażiċi għal korsijiet għat-titjib tal-ħiliet u korsijiet li jipprepraw il-parteċipanti għal bidliet fil-karriera u għax-xogħol f’setturi oħrajn jew biex jibdew in-negozji tagħhom.
–Gwida dwar il-Karriera (Berufsorientierung): Dan il-pakkett se jinkludi diversi strumenti bħal analiżi tas-suq tax-xogħol, tfittxija ta’ xogħol, tixrid ta’ għarfien dwar strateġiji għall-awtopromozzjoni, taħriġ fl-applikazzjonijiet tax-xogħol kif ukoll fl-intervisti għax-xogħol.
–Gruppi ta’ pari / Gruppi ta’ ħidma: Dawn se jkunu fora ta’ gruppi assistiti minn faċilitatur, li se jgħinu lill-parteċipanti jaqsmu ideat u riflessjonijiet. Il-gruppi ta’ pari jistgħu jiffokaw fuq firxa ta’ suġġetti, bħall-ġestjoni tal-ħin, l-awtoġestjoni, il-liġi tax-xogħol, il-promozzjoni ta’ miżuri tas-saħħa jew it-tekniki tat-tagħlim.
–Servizz ta’ pariri dwar il-bidu ta’ negozju (Existenzgründerberatung): Dan se jinkludi pakkett ta’ servizzi ta’ konsulenza għal dawk interessati li jibdew in-negozji tagħhom stess. Dawn is-servizzi se jinkludu miżuri ta’ kkowċjar personalizzati u individwalizzati.
–Tfittxija ta’ Xogħol (Stellenakquise) / fieri tax-xogħol (Jobmessen): gwidi tax-xogħol professjonali se jgħinu fis-sejba ta’ postijiet battala potenzjali li jkunu għadhom ma ġewx ippubblikati, li jistgħu jkunu adatti għall-ħaddiema eliġibbli. Se jiġu organizzati avvenimenti bħal fieri tax-xogħol biex jiffaċilitaw il-kuntatt bejn min iħaddem u l-kandidati potenzjali.
–Servizzi ta’ mentoring u ta’ konsulenza ta’ segwitu (Nachbetreuung und - beratung): il-ħaddiema jistgħu jibbenefikaw minn servizzi ta’ konsulenza ta’ gwida ulterjuri wara li jibdew impjieg ġdid sabiex tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni fix-xogħol il-ġdid u sabiex jonqos ir-riskju li jitilfu x-xogħol.
–Benefiċċju għat-taħriġ (Transferkurzarbeitergeld): dan jammonta għal 60 % tad-dħul nett preċedenti tal-ħaddiem, jew 67 % jekk wieħed jew iżjed mit-tfal ikunu residenti fid-dar tal-benefiċjarju. Dan huwa pagabbli għal sa tnax-il xahar mid-data li fiha l-ħaddiem jidħol fil-kumpanija ta’ trasferiment.
22.L-azzjonijiet proposti deskritti hawnhekk jikkostitwixxu miżuri attivi fis-suq tax-xogħol fl-azzjonijiet eliġibbli stabbiliti fl-Artikolu 7 tar-Regolament tal-FEG. Dawn l-azzjonijiet ma jiħdux post il-miżuri passivi tal-protezzjoni soċjali.
23.Il-Ġermanja pprovdiet l-informazzjoni meħtieġa dwar l-azzjonijiet li huma obbligatorji għall-intrapriża kkonċernata permezz tal-liġi nazzjonali jew tal-ftehimiet kollettivi. Huma kkonfermaw li kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG ma tissostitwixxix dawn l-azzjonijiet.
Il-baġit stmat
24.L-ispejjeż totali stmati huma ta’ EUR 11 597 706, li jinkludu n-nefqa għal servizzi personalizzati ta’ EUR 11 151 640 u n-nefqa għal attivitajiet preparatorji, ta’ ġestjoni, informazzjoni u pubbliċità, kontroll u rapportar ta’ EUR 446 066.
25.Il-kontribuzzjoni finanzjarja totali mitluba mill-FEG hija ta’ EUR 6 958 623 (60 % tal-ispejjeż totali).
|
Azzjonijiet
|
L-għadd stmat ta’ parteċipanti
|
L-ispiża stmata għal kull parteċipant (ċifri mqarrba għall-eqreb numru)
(EUR)
|
L-ispejjeż totali stmati
(EUR)
|
|
Is-servizzi personalizzati (Azzjonijiet skont l-Artikolu 7(1)(a) u (c) tar-Regolament tal-FEG)
|
|
Miżuri ta’ taħriġ vokazzjonali (Qualifizierungsmaßnahmen)
|
1 559
|
3 445
|
5 370 244
|
|
Gwida dwar il-Karriera (Berufsorientierung)
|
750
|
931
|
697 917
|
|
Gruppi ta’ Pari/Gruppi ta’ Ħidma
|
600
|
388
|
232 939
|
|
Servizz ta’ pariri dwar il-bidu ta’ negozju (Existenzgründerberatung)
|
25
|
3 138
|
78 456
|
|
Tfittxija ta’ Xogħol (Stellenakquise)
|
500
|
657
|
328 299
|
|
Servizzi ta’ mentoring u ta’ pariri ta’ segwitu (Nachbetreuung / Beratung)
|
1 050
|
515
|
540 711
|
|
Subtotal (a):
Il-perċentwal tal-pakkett ta’ servizzi personalizzati
|
–
|
7 248 566
|
|
|
|
(65,00 %)
|
|
Benefiċċji u inċentivi (Azzjonijiet skont l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament tal-FEG)
|
|
Benefiċċju għat-taħriġ (Transferkurzarbeitergeld)
|
2 637
|
1 480
|
3 903 074
|
|
Subtotal (b):
Il-perċentwal tal-pakkett ta’ servizzi personalizzati:
|
–
|
3 903 074
|
|
|
|
(35,00 %)
|
|
Azzjonijiet skont l-Artikolu 7(4) tar-Regolament tal-FEG
|
|
1. Attivitajiet preparatorji
|
–
|
66 910
|
|
2. Ġestjoni
|
–
|
245 336
|
|
3. Informazzjoni u reklamar
|
–
|
22 303
|
|
4. Kontroll u rapportar
|
–
|
111 517
|
|
Subtotal (c):
Perċentwal tal-ispejjeż totali:
|
–
|
446 066
|
|
|
|
(3,85 %)
|
|
Spejjeż totali (a + b + c):
|
–
|
11 597 706
|
|
Il-kontribuzzjoni tal-FEG (60 % tal-ispejjeż totali)
|
–
|
6 958 623
|
26.L-ispejjeż tal-azzjonijiet identifikati fit-tabella ta’ hawn fuq bħala azzjonijiet skont l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament tal-FEG ma jaqbżux il-35 % tal-ispejjeż totali għall-pakkett ikkoordinat ta’ servizzi personalizzati. Il-Ġermanja kkonfermat li dawn l-azzjonijiet huma soġġetti għall-parteċipazzjoni attiva tal-benefiċjarji fil-mira fit-tfittxija għax-xogħol jew l-attivitajiet ta’ taħriġ. Huma biss l-attivitajiet iddokumentati li jistgħu jitqiesu u l-Ġermanja se tieħu ħsieb li tipprovdi rendikont tal-entrati.
Il-perjodu ta’ eliġibbiltà tan-nefqa
27.Il-Ġermanja bdiet tipprovdi servizzi personalizzati lill-benefiċjarji fil-mira mill-1 ta’ Jannar 2015. In-nefqa fuq l-azzjonijiet imsemmija hawn fuq għalhekk għandha tkun eliġibbli għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG mill-1 ta’ Jannar 2015 sas-26 ta’ Frar 2017.
28.Il-Ġermanja bdiet iġġarrab in-nefqa amministrattiva biex timplimenta l-FEG sa mill-1 ta’ Jannar 2015. Għaldhekk, in-nefqa għal attivitajiet ta’ tħejjija, ġestjoni, informazzjoni u pubbliċità, kontroll u rapportar għandha tkun eliġibbli għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG mill-1 ta’ Jannar 2015 sas-26 ta’ Awwissu 2017.
Il-komplementarjetà ma’ azzjonijiet iffinanzjati b’fondi nazzjonali jew tal-Unjoni
29.Is-sorsi tal-prefinanzjament jew kofinanzjament nazzjonali huma l-baġit Federali u l-Bundesagentur für Arbeit (is-Servizz Federali għall-Impjieg Pubbliku). Dawn jiffinanzjaw il-kontribuzzjoni nazzjonali ta’ 40 % tal-ispejjeż totali tal-miżuri ffinanzjati mill-FEG offruta mill-kumpanija ta’ trasferiment. Is-servizzi personalizzati jibdew bid-dħul tal-ħaddiema fil-kumpanija ta’ trasferiment, li hija ffinanzjata fil-bidu mill-gvern Ġermaniż u l-kumpanija li tat is-sensji. Il-ħaddiema jitħallsu benefiċċji għat-taħriġ (il-“Transferkurzarbeitergeld”), li huma eliġibbli għall-FEG filwaqt li l-ħaddiema qegħdin isegwu l-miżuri ta’ politika tas-suq tax-xogħol attivi (li ma jeħtieġux ikunu kofinanzjati mill-FEG, u li matul il-perjodu tal-bidu huma ffinanzjati mill-mekkaniżmi tal-kumpaniji ta’ trasferiment stabbiliti hawn fuq). Il-miżuri ta’ politika tas-suq tax-xogħol attivi addizzjonali ffinanzjati mill-FEG jibdew f’data aktar tard, meta l-awtoritajiet tal-FEG Ġermaniżi jipperċepixxu livell ta’ ċertezza li l-applikazzjoni tal-FEG tagħhom probabbilment se tirnexxi.
30.Il-Ġermanja kkonfermat li l-miżuri deskritti hawn fuq li qed jirċievu kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG mhux se jirċievu wkoll kontribuzzjonijiet finanzjarji minn strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni.
Il-proċeduri għall-konsultazzjoni mal-benefiċjarji fil-mira jew mar-rappreżentanti tagħhom, jew mas-sħab soċjali, kif ukoll mal-awtoritajiet lokali u reġjonali
31.Il-Ġermanja indikat li l-pakkett ikkoordinat ta’ servizzi personalizzati tfassal f’konsultazzjoni mas-sħab soċjali kif stabbilit hawn fuq.
Sistemi ta’ ġestjoni u kontroll
32.L-applikazzjoni tinkludi deskrizzjoni tas-sistema ta’ ġestjoni u kontroll li tispeċifika r-responsabbiltajiet tal-korpi involuti. Il-Ġermanja nnotifikat lill-Kummissjoni li l-kontribuzzjoni finanzjarja se tiġi amministrata mill-istess entitajiet fi ħdan il-Ministeru Federali għax-Xogħol u l-Affarijiet Soċjali (Bundesministerium für Arbeit und Soziales) li jamministraw l-FSE. Madankollu, fi ħdan il-“Gruppe Europäische Fonds für Beschäftigung”, huwa r-“Referat EF 4” li jaġixxi bħala l-awtorità maniġerjali għall-FEG, filwaqt li l-awtorità maniġerjali għall-FSE hija r-“Referat EF 1”. L-“Organisationseinheit Prüfbehörde” hija l-awtorità ta’ kontroll kemm għall-FEG kif ukoll għall-FSE. Dawn l-entitajiet amministraw ukoll il-kontribuzzjonijiet preċedenti mill-FEG lill-Ġermanja.
L-impenji mogħtija mill-Istat Membru kkonċernat
33.Il-Ġermanja tat l-assigurazzjonijiet kollha meħtieġa rigward dawn li ġejjin:
–il-prinċipji tal-ugwaljanza tat-trattament u tan-nondiskriminazzjoni se jiġu rispettati fil-kuntest tal-aċċess għall-azzjonijiet proposti u fl-implimentazzjoni tagħhom,
–inżammet il-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-UE dwar sensji kollettivi,
–l-intrapriżi li taw is-sensji, li komplew bl-attivitajiet tagħhom wara kkonformaw mal-obbligi legali tagħhom li jikkontrollaw is-sensji u pprovdew għall-ħaddiema tagħhom bix-xieraq,
–l-azzjonijiet proposti mhumiex se jirċievu għajnuna finanzjarja minn fondi oħrajn jew minn strumenti finanzjarji oħrajn tal-Unjoni, u kwalunkwe finanzjament doppju se jiġi evitat;
–l-azzjonijiet proposti se jkunu komplementari ma’ azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali;
–il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG se tkun konformi mar-regoli proċedurali u materjali tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat.
IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA
Proposta baġitarja
34.Il-FEG ma għandux jaqbeż ammont annwali massimu ta’ EUR 150 miljun (prezzijiet tal-2011), kif stipulat fl-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020.
35.Wara li eżaminat l-applikazzjoni fir-rigward tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament tal-FEG, u wara li qieset in-numru ta’ benefiċjarji fil-mira, l-azzjonijiet proposti u l-ispejjeż stmati, il-Kummissjoni tipproponi li jiġi mobilizzat il-FEG għall-ammont ta’ EUR 6 958 623, li jirrappreżenta 60 % tal-ispejjeż totali tal-azzjonijiet proposti, sabiex tiġi pprovduta kontribuzzjoni finanzjarja għall-applikazzjoni.
36.Id-deċiżjoni proposta biex jiġi mmobilizzat il-FEG se tittieħed b’mod konġunt mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill, kif stipulat fil-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja, il-kooperazzjoni fi kwistjonijiet baġitarji u l-ġestjoni finanzjarja tajba.
Atti relatati
37.Filwaqt li tippreżenta din il-proposta għal deċiżjoni biex jiġi mmobilizzat il-FEG, il-Kummissjoni se tippreżenta proposta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għal trasferiment tal-ammont ta’ EUR 6 958 623 fl-intestatura baġitarja rilevanti.
38.Filwaqt li tadotta din il-proposta għal deċiżjoni biex jiġi mobilizzat il-FEG, il-Kummissjoni se tadotta deċiżjoni fuq kontribuzzjoni finanzjarja, permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni, li se jidħol fis-seħħ fid-data li fiha l-Parlament Ewropew u l-Kunsill jadottaw id-deċiżjoni proposta biex jiġi mobilizzat il-FEG.
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni
(applikazzjoni mill-Ġermanja – EGF/2015/002 DE/Adam Opel)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidraw ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006, u b’mod partikolari l-Artikolu 15(4) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja, il-kooperazzjoni fi kwistjonijiet baġitarji u l-ġestjoni finanzjarja tajba, u b’mod partikolari l-punt 13 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) għandu l-għan li jipprovdi appoġġ lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja u lill-persuni li jaħdmu għal rashom li l-attività tagħhom tkun intemmet b’riżultat ta’ bidliet strutturali kbar fl-andament tal-kummerċ dinji minħabba l-globalizzazzjoni, b’riżultat ta’ kontinwazzjoni tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali, jew b’riżultat ta’ kriżi ekonomika u finanzjarja globali ġdida, u li jgħinhom fl-integrazzjoni mill-ġdid tagħhom fis-suq tax-xogħol.
(2)Il-FEG ma għandux jaqbeż l-ammont massimu annwali ta’ EUR 150 miljun (prezzijiet tal-2011), kif stabbilit fl-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013.
(3)Fis-26 ta’ Frar 2015, il-Ġermanja ressqet l-applikazzjoni EGF/2015/002 DE/Adam Opel għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, wara sensji f’Adam Opel AG u fornitur wieħed fil-Ġermanja. Din kienet issupplimentata b’informazzjoni addizzjonali skont l-Artikolu 8(3) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013. Dik l-applikazzjoni tikkonforma mar-rekwiżiti għad-determinazzjoni ta’ kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG skont l-Artikolu 13 ta’ dak ir-Regolament.
(4)Il-FEG għandu, għalhekk, ikun immobilizzat biex jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja ta’ EUR 6 958 623 fir-rigward tal-applikazzjoni mressqa mill-Ġermanja.
(5)Sabiex jitnaqqas kemm jista’ jkun iż-żmien meħud biex jiġi mmobilizzat il-FEG, din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ mid-data tal-adozzjoni tagħha,
ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2015, il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni huwa mmobilizzat biex jagħti s-somma ta’ EUR 6 958 623 f’approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ pagament.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Din tapplika mid-[data tal-adozzjoni tagħha].
Magħmul fi Brussell,
Għall-Parlament Ewropew
Għall-Kunsill
Il-President
Il-President