Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015PC0242

Rakkomandazzjoni għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tirrevoka d-Deċiżjoni 2013/319/KE dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv f'Malta

/* COM/2015/0242 final */

Brussell, 13.5.2015

COM(2015) 242 final

Rakkomandazzjoni għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tirrevoka d-Deċiżjoni 2013/319/KE dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv f'Malta


Rakkomandazzjoni għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tirrevoka d-Deċiżjoni 2013/319/KE dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv f'Malta

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 126(12) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni,

Billi:

(1)Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/319/UE tal-21 ta' Ġunju 2013 1 , wara li saret rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, ġie deċiż li kien jeżisti defiċit eċċessiv f'Malta. Il-Kunsill innota li d-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika f'Malta kien laħaq it-3,3 % tal-PDG fl-2012, u għalhekk qabeż il-valur ta' referenza ta' 3% tal-PDG stabbilit mit-Trattat, filwaqt li d-dejn gross tal-amministrazzjoni pubblika kien ogħla mill-valur ta' referenza ta' 60 % tal-PDG stabbilit mit-Trattat u Malta ma għamlitx progress suffiċjenti lejn konformità mal-limitu referenzjarju għat-tnaqqis tad-dejn, f'konformità mar-rekwiżiti tal-perjodu ta' tranżizzjoni 2 wara l-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv tagħha fl-2012 3 .

(2)Fil-21 ta' Ġunju 2013, skont l-Artikolu 126(7) TFUE u l-Artikolu 3(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) 1467/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv 4 , il-Kunsill, fuq il-bażi ta' rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, għamel rakkomandazzjoni indirizzata lil Malta bl-għan li s-sitwazzjoni tad-defiċit eċċessiv tintemm sa mhux aktar tard mill-2014. Ir-rakkomandazzjoni ġiet ippubblikata.

(3)Skont l-Artikolu 4 tal-Protokoll dwar il-proċedura ta' defiċit eċċessiv anness mat-Trattati, il-Kummissjoni tipprovdi d-dejta għall-implimentazzjoni ta' din il-proċedura. Bħala parti mill-applikazzjoni ta' dan il-Protokoll, l-Istati Membri għandhom jirrappurtaw dejta dwar id-defiċit u d-dejn tal-gvern tagħhom kif ukoll dwar varjabbli assoċjati oħra darbtejn fis-sena, jiġifieri qabel l-1 ta' April u qabel l-1 ta' Ottubru, skont l-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2009 tal-25 ta' Mejju 2009 dwar l-applikazzjoni tal-Protokoll dwar il-proċedura tad-defiċit eċċessiv anness mat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea 5 .

(4)Il-Kunsill għandu jieħu deċiżjoni biex jirrevoka deċiżjoni dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv fuq il-bażi tad-dejta notifikata. Barra minn hekk, deċiżjoni dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv għandha tiġi revokata biss jekk (i) il-previżjonijiet tal-Kummissjoni jindikaw li d-defiċit ma jkunx se jaqbeż il-limitu ta' 3 % tal-PDG tul il-perjodu ta' previżjoni 6 ; u (ii) il-proporzjon tad-dejn jissodisfa l-element li jħares 'il quddiem tal-valur referenzjarju tad-dejn.

(5)Abbażi tad-dejta pprovduta mill-Kummissjoni (Eurostat) skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 479/2009, wara n-notifika minn Malta f'April 2015, u abbażi tal-Programm ta' Stabbiltà tal-2015 u t-tbassir tar-rebbiegħa tal-2015 tas-servizzi tal-Kummissjoni, il-konklużjonijiet li ġejjin huma ġġustifikati:

Wara li laħaq l-ogħla livell tiegħu, jiġifieri 3,6 % tal-PDG fl-2012, id-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika tnaqqas għal 2,6 % tal-PDG fl-2013 u laħaq it-2,1 % tal-PDG fl-2014. It-tnaqqis fid-defiċit fl-2014 kien prinċipalment xprunat minn titjib fil-kundizzjonijiet ċikliċi u l-miżuri tal-baġit li wassal għal żieda sinifikanti fid-dħul kurrenti (bi 2,5 % tal-PDG) li aktar milli patta għaż-żieda fl-infiq kurrenti (b'0,8 % tal-PDG) u minn nefqa kapitali netta (b'0,1 % tal-PDG) li jista' jiġi spjegat b'rata ogħla ta' assorbiment ta' fondi tal-UE.

Il-Programm ta' Stabbiltà għall-perjodu 2015-18, sottomess mill-gvern Malti fit-30 ta' April 2015, jippjana li d-defiċit jinżel għal 1,6 tal-PDG fl-2015, imbagħad ikompli nieżel għal 1,1 % tal-PDG fl-2016. It-tbassir tar-rebbiegħa 2015 tal-Kummissjoni jbassar defiċit ta' 1,8 % tal-PDG fl-2015, u ta' 1,5 % tal-PDG fl-2016. B'hekk, id-defiċit mistenni li jibqa' taħt il-valur referenzjarju tat-Trattat ta' 3 % tal-PDG matul il-perjodu ta' tbassir.

Il-bilanċ strutturali, il huwa l-bilanċ tal-amministrazzjoni pubblika aġġustat għaċ-ċiklu ekonomiku u nett minn miżuri ta' darba u miżuri temporanji oħrajn, ittejjeb b'1,3 % tal-PDG fil-perjodu bejn l-2013 u l-2014.

Il-proporzjon tad-dejn mal-PDG żdied għal 69,2 % tal-PDG fl-2013, minn 67,4 % tal-PDG fl-2012, minħabba aġġustament temporanju bejn il-fondi u l-flussi li żied id-dejn. Imbagħad naqas għal 68,0 % tal-PDG fl-2014. Id-dejn gross tal-gvern huwa mbassar li jkompli jonqos għal 65,4 % tal-PDG fl-2016, ukoll minħabba x-xenarju makroekonomiku favorevoli. Barra minn hekk, il-konformità mar-regola tad-dejn li tħares 'il quddiem hija żgurata fl-2014.

(6)Mill-2015, li hija s-sena ta' wara dik li fiha saret il-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv, Malta hija soġġetta għall-parti preventiva tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, u għandha timxi lejn l-objettiv fuq terminu medju tagħha b'pass xieraq, inkluż li tirrispetta l-livell referenzjarju tal-infiq, u tikkonforma mal-kriterju tad-dejn skont l-Artikolu2(1a) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97. F'dan il-kuntest, jidher li hemm ir-riskju ta' xi devjazzjoni mill-aġġustament meħtieġ ta' 0,6 % tal-PDG lejn l-objettiv fuq terminu medju fl-2015 u l-2016. Fl-2015, it-titjib fil-bilanċ strutturali huwa mbassar li jkun 0,1 % tal-PDG taħt ir-rekwiżit. Filwaqt li l-aġġustament previst għall-2016 huwa konformi mar-rekwiżit, hemm ir-riskju ta' xi devjazzjoni għall-2015 u l-2016 meħuda flimkien. Għalhekk, ser jinħtieġu iktar miżuri fl-2015 u l-2016.

(7)Skont l-Artikolu 126(12) tat-Trattat, deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv għandha tiġi revokata meta, fil-fehma tal-Kunsill, id-defiċit eċċessiv fl-Istat Membru kkonċernat ikun ġie kkoreġut.

(8)Fil-fehma tal-Kunsill, id-defiċit eċċessiv f'Malta ġie kkoreġut u d-Deċiżjoni 2013/319/KE għalhekk għandha tiġi revokata,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Minn valutazzjoni ġenerali jirriżulta li l-qagħda ta' defiċit eċċessiv f'Malta ġiet ikkoreġuta.

Artikolu 2

Id-Deċiżjoni 2013/319/UE hija b'dan revokata.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika ta' Malta.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1) ĠU L 173, 26.06.2013, p. 52.
(2) Wara l-abrogazzjoni tal-PDE f'Diċembru 2012, skont il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, Malta bbenefikat minn perjodu ta' tranżizzjoni ta' tliet snin sabiex tikkonforma mal-limitu referenzjarju għat-tnaqqis tad-dejn, li beda fl-2012. Ir-rekwiżiti matul il-perjodu ta' tranżizzjoni huma stabbiliti fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1a) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97 u huma spjegati f'aktar dettall f'"L-ispeċifikazzjonijiet dwar l-implimentazzjoni tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir u l-Linji Gwida dwar il-format u l-kontenut tal-Programmi ta' Stabbiltà u Konverġenza" tat-3 ta' Settembru 2012 (Ara:
http://ec.europa.eu/economy_finance/economic_governance/sgp/pdf/coc/code_of_conduct_en.pdf). L-Aġġustament Strutturali Lineari Minimu (MLSA) meħtieġ għall-2012 kien ugwali għal 0,4 pps tal-PDG, filwaqt li fl-2012 id-defiċit strutturali ta' Malta ddeterjora b'½ pp tal-PDG.
(3) Id-defiċit u d-dejn tal-amministrazzjoni pubblika għall-2012 sussegwentement ġew riveduti u bħalissa huma ta' 3,6 % tal-PDG u 67,4 % tal-PDG rispettivament.
(4) ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6.
(5) ĠU L 145, 10.6.2009, p. 1.
(6) B'konformità mal-Ispeċifikazzjonijiet dwar l-implimentazzjoni tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir u l-Linji Gwida dwar il-format u l-kontenut ta' Programmi ta' Stabbiltà u Konverġenza.
Top