Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015IP0342

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Ottubru 2015 dwar ir-Repubblika Ċentru-Afrikana (2015/2874(RSP))

    ĠU C 349, 17.10.2017, p. 20–25 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    17.10.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 349/20


    P8_TA(2015)0342

    Ir-Repubblika Ċentru-Afrikana

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Ottubru 2015 dwar ir-Repubblika Ċentru-Afrikana (2015/2874(RSP))

    (2017/C 349/03)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra r-Riżoluzzjonijiet preċedenti tal-Parlament Ewropew dwar ir-Repubblika Ċentru-Afrikana,

    wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Frar 2015 dwar il-ħidma tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE (1)

    wara li kkunsidra r-Riżoluzzjonijiet tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE dwar ir-Repubblika Ċentru-Afrikana (CAR) tad-19 ta' Ġunju 2013, id-19 ta' Marzu 2014 u s-17 ta' Ġunju 2015,

    wara li kkunsidra l-istqarrijiet tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar is-sitwazzjoni fir-Repubblika Ċentru-Afrikana, partikolarment dik tat-13 ta' Ottubru 2014,

    wara li kkunsidra l-istqarrija tal-kelliem għas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) dwar il-vjolenza fir-Repubblika Ċentru-Afrikana tat-28 ta' Settembru 2015,

    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar fir-Repubblika Ċentru-Afrikana tad-9 ta' Frar 2015 u tal-20 ta' Lulju 2015,

    wara li kkunsidra l-kummenti magħmula minn Marie-Therese Keita Bocoum, l-espert indipendenti tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Ċentru-Afrikana, fl-1 ta' Ottubru 2015,

    wara li kkunsidra s-sejħa mis-Segretarju Ġenerali tan-NU Ban Ki-moon u tal-Kunsill ta' Sigurtà tat-28 ta' Settembru 2015, għal tmiem immedjat tal-vjolenza li faqqgħet għall-għarrieda fir-Repubblika Ċentru-Afrikana,

    wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni Nru. 2217(2015) tan-NU tat-28 ta' April 2015, li ġġedded il-mandat tal-MINUSCA sat-30 ta' April 2016, fuq l-istess livelli ta' truppi awtorizzati attwalwent, u li ġiet adottata mill-Kunsill tas-Sigurtà tul is-7434 laqgħa tiegħu,

    wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni Nru. 2196(2015) tan-NU li ġġedded ir-reġim tas-sanzjonijiet kontra r-Repubblika Ċentru-Afrikana sad-29 ta' Jannar 2016 u l-mandat tal-Bord ta' Esperti li qiegħed jassisti il-Kumitat tas-Sanzjonijiet 2127 Repubblika Ċentru-Afrikana sad-29 ta' Frar 2016,

    wara li kkunsidra r-Rapport ta' Evalwazzjoni tan-NU dwar l-Infurzar u l-Isforzi ta' Għajnuna għal Rimedju għal Sfruttament u Abbuż Sesswali tal-15 ta' Mejju 2015 tan-Nazzjonijiet Uniti u tal-Persunal Relatat f'Operazzjonijiet ta' Żamma ta' Paċi,

    wara li kkunsidra r-rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar ir-rakkomandazzjonijiet tal-Bord Indipendenti ta' Livell Għoli dwar Operazzjonijiet ta' Paċi, tal-11 ta' Settembru 2015,

    wara li kkunsidra ir-Rapport Finali tal-Kummissjoni Internazzjonali Indipendenti ta' Inkjesta dwar ir-Repubblika Ċentru-Afrikana tad-19 ta' Diċembru 2014,

    wara li kkunsidra l-Konferenza Internazzjonali ta' Livell Għoli dwar ir-Repubblika Ċentru-Afrikana, intitolata “From humanitarian aid to resilience” (Minn għajnuna umanitarja għal reżiljenza) li saret fi Brussell fis-26 ta' Mejju 2015,

    wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Diżarm, Demobilizzazzjoni, Ripatrijazzjoni u Reintegrazzjoni (DDRR) iffirmat fl-10 ta' Mejju 2015 minn numru kbir ta' gruppi armati tul il-Forum ta' Bangui,

    wara li kkunsidra l-Ftehim rivedut ta' Cotonou,

    wara li kkunsidrat il-Ftehim ta’ Libreville (il-Gabon) tal-11 ta’ Jannar 2013 dwar ir-riżoluzzjoni tal-kriżi politika-militari fir-Repubblika Ċentru-Afrikana, iffirmat taħt l-awspiċi tal-Kapijiet ta’ Stat u tal-Gvern tal-Komunità Ekonomika tal-Istati tal-Afrika Ċentrali (ECCAS), li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għat-tmiem tal-kriżi fir-Repubblika Ċentru-Afrikana,

    wara li kkunsidrat is-summits straordinarji tal-Kapijiet ta’ Stat u tal-Gvern tal-Komunità Ekonomika tal-Istati tal-Afrika Ċentrali (ECCAS), li saru fi N’Djamena (iċ-Ċhad) fil-21 ta' Diċembru 2012, fit-3 ta’ April 2013 u fit-18 ta’ April 2013, u d-deċiżjonijiet tagħhom li jistabbilixxu Kunsill Nazzjonali Tranżizzjonali (CNT) b’poteri leġiżlattivi u kostituttivi u li jadottaw pjan direzzjonali għall-proċess tat-tranżizzjoni fir-Repubblika Ċentru-Afrikana,

    wara li kkunsidra l-laqgħa tal-Grupp ta’ Kuntatt Internazzjonali tat-3 ta’ Mejju 2013 fi Brazzaville (ir-Repubblika tal-Kongo), li vvalidat il-pjan direzzjonali għat-tranżizzjoni u stabbilixxiet Fond Speċjali ta' assistenza għar-Repubblika Ċentru-Afrikana,

    wara li kkunsidra l-Ftehim dwar il-Waqfien mill-Ġlied iffirmat f'Lulju 2014,

    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tas-seba' laqgħa tal-Grupp ta' Kuntatt Internazzjonali dwar ir-Repubblika Ċentru-Afrikana, li saret fi Brazzaville fis-16 ta' Marzu 2015,

    wara li kkunsidra l-komunikati maħruġa mill-Kunsill tal-Paċi u s-Sigurtà tal-Unjoni Afrikana fis-17 ta’ Settembru 2014 u s-26 ta’ Marzu 2015,

    wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tar-Repubblika Ċentru-Afrikana li ġiet adottata mill-Kunsill Transizzjonali fl-aħħar ta' Awwissu 2015,

    wara li kkunsidra l-Istatut ta’ Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) tal-1998, ratifikat mir-Repubblika Ċentru-Afrikana fl-2001,

    wara li kkunsidra l-Protokoll Fakultattiv għall-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal dwar l-involviment tat-tfal f’kunflitti armati, li tiegħu r-Repubblika Ċentru-Afrikana hi firmatarja,

    wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    A.

    billi fi tmiem Settembru 2015, faqqaw kunflitti ġodda li ħallew 42 persuna mejta u li wasslu biex madwar 37 000 persuna ħarbu minn djarhom;

    B.

    billi fl-aħħar ta' Settembru 2015, 'il fuq minn 500 priġunier ħarbu mill-ħabs ta' Ngaragba f'Bangui u minn Bouar, inkluż awturi magħrufa ta' ksur u abbużi tad-drittijiet tal-bniedem; billi din toħloq theddida serja għall-persuni ċivili u għall-protezzjoni tal-vittmi u tax-xhieda; billi l-ħarba mill-ħabs tirrappreżenta intopp għaż-żamma tal-liġi u tal-ordni, u għall-ġlieda kontra l-impunità fir-Repubblika Ċentru-Afrikana;

    C.

    billi skont l-Uffiċċju għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji l-kondizzjonijiet tal-aġenziji tal-għajnuna f'Bangui qed imorru għall-agħar; billi bosta uffiċċji u residenzi ta' organizzazzjonijiet ta' sokkors ġew sakkeġġati u l-libertà ta' moviment tal-ħaddiema ġiet imxekkla, speċjalment il-ħaddiema tas-saħħa fl-isptarijiet;

    D.

    billi l-għajnuna umanitarja qed issir diffiċli minħabba l-ġlied u l-bosta barrikati ta' kontroll (roadblocks) li qed ifixklu l-kapaċità tal-awtoritajiet li jiksbu aċċess għall-eluf ta' persuni spustati internament u jivverifikaw il-bżonnijiet tagħhom; billi t-tħassib dwar l-aċċess sikur għal viċinati ta' Bangui kien ikkonfermat mill-Médecins sans Frontières (MSF), li qalu li f'ħafna każijiet il-persuni midruba kienu qegħdin jaslu bil-mixi u l-ambulanzi tal-gruppi kellhom problemi biex jiċċirkolaw peress li kapitali saret perikoluża wisq;

    E.

    billi n-NU ddeċidiet li testendi l-mandat tal-MINUSCA sat-30 ta' April 2016, b'limitu massimu awtorizzat ta' truppi ta' 10 750 persunal militari, inkluż 480 osservatur militari u uffiċjali ta' persunal militari u 2 080 persunal tal-pulizija, inkluż 400 uffiċjal tal-pulizija u 40 uffiċjal korrettiv;

    F.

    billi skont l-missjoni għaż-żamma ta' paċi tan-NU fil-pajjiż (MINUSCA), għalkemm is-sitwazzjoni tas-sigurtà kkalmat dan l-aħħar, għad hemm tensjonijiet f'Bangui, li kienet teatru ta' attakki kontra l-persuni ċivili, vjolenza bejn il-komunitajiet u attakki kontra l-persunal umanitarju;

    G.

    billi l-Kap Prosekutur tal-Qorti Kriminali Internazzjonali, Fatou Bensouda, appella lil dawk involuti fil-ġlied sabiex “jieqfu u jibqgħu lura mill-użu tal-vjolenza b'mod immedjat”, u żied ukoll li kwalunkwe delitt ta' gwerra kien ser jiġi kkastigat; billi fl-24 ta' Settembru 2014, infetħet it-tieni investigazzjoni fil-kunflitt fir-Repubblika Ċentru-Afrikana;

    H.

    billi l-ġlied reċenti qed jipperikola proċess ta' paċi li għadu fil-bidu tiegħu uu li jista' jixħet il-pajjiż lura għall-perjodu ikraħ fi tmiem l-2013 u fl-2014 meta nqatlu eluf u għexieren ta' eluf kellhom jaħarbu minn djarhom; billi l-kriminalità tibqa’ theddida ewlenija; billi s-sitwazzjoni tan-nisa fir-Repubblika Ċentru-Afrikana hi gravi ħafna, u billi l-istupru ħafna drabi jintuża bħala arma ta’ gwerra mill-partijiet kollha involuti;

    I.

    billi l-kolp ta' stat tal-2013 u t-tkeċċija mill-poter tal-Kap ta' Stat Tranżizzjonali, Michel Djotodia u tal-Prim Ministru Tranżizzjonali, Nicolas Tiangaye, kien akkumpanjat minn ksur massiċċ u qawwi tad-drittijiet tal-bniedem b'riskju ċar ta' ġenoċidju, inkluż qtil extraġudizzjarju, tortura, serq, atti ta' stupru u abbuż sesswali fuq skala kbira, il-ħtif ta' nisa u tfal u r-reklutaġġ furzat ta' suldati tfal;

    J.

    billi fl-4 ta' Ottubru 2015, iċ-Ċentru-Afrikani kellhom jiddeċiedu permezz ta' referendum dwar l-adozzjoni ta' kostituzzjoni ġdida u biex fl-istess ħin jeleġġu r-rappreżentanti tagħhom tul l-elezzjonijiet presidenzjali u leġiżlattivi li oriġinarjament kienu skedati għat-18 ta' Ottubru 2015 (l-ewwel ċiklu) u t-22 ta' Novembru 2015 (it-tieni ċiklu); billi l-awtoritajiet ta' tranżizzjoni ilhom għal ftit ġimgħat jaħdmu biex jipposponu l-votazzjonijiet, iżda l-Aġenzija Nazzjonali għall-Elezzjonijiet (NSA) kienet għadha ma ħabbritx skeda ġdida, il-listi tal-votazzjonijiet ma kinux stabbiliti u l-iskedi elettorali kienu għadhom ma tqassmux;

    K.

    billi l-pajjiż qed iħabbat wiċċu mal-agħar kriżi umanitarja mindu kiseb l-indipendenza fl-1960, li qed tolqot il-popolazzjoni sħiħa ta’ 4,6 miljun ruħ, li nofshom huma tfal; billi 2,7 miljun ruħ jeħtieġu l-assistenza, inkluża l-għajnuna għall-ikel, il-protezzjoni, u l-aċċess għall-kura tas-saħħa, l-ilma tajjeb għax-xorb, il-miżuri sanitarji u l-akkomodazzjoni; billi, skont l-istimi, aktar minn 100 000 tifel u tifla ħabbtu wiċċhom ma’ abbuż sesswali u ġew reklutati fi gruppi armati fil-pajjiż, u billi l-istmi juru wkoll li l-kriżi ħalliet miljun tifel u tifla mingħajr skola;

    L.

    billi, fil-5 ta’ Mejju 2015, xi gruppi armati fir-Repubblika Ċentru-Afrikana laħqu ftehim biex jeħilsu bejn 6 000 u 10 000 suldati tfal;

    M.

    billi l-operazzjoni għaż-żamma tal-paċi ttebbgħet minħabba allegazzjonijiet ta’ abbuż sesswali fuq tfal u bniet minn suldati tan-NU u ħaddiema għaż-żamma tal-paċi Franċiżi;

    N.

    billi, kemm il-grupp armat tas-Seleka kif ukoll dak anti-Balaka jagħmlu qligħ mill-kummerċ tal-injam u d-djamanti billi jikkontrollaw is-siti u “jimponu t-taxxi” jew permezz tal-estorsjoni ta’ flus minn dawk li jaħdmu fil-minjieri u l-kummerċjanti biex jingħataw “protezzjoni”, u billi l-kummerċjanti tar-Repubblika Ċentru-Afrikana xtraw djamanti li jiswew diversi miljuni ta’ dollari mingħajr ma investigaw adegwatament jekk kinux qed jiffinanzjaw lill-gruppi armati;

    O.

    billi r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem huwa valur fundamentali tal-Unjoni Ewropea u jirrappreżenta element essenzjali tal-Ftehim ta’ Cotonou, b’mod partikolari l-Artikolu 8 tiegħu;

    P.

    billi l-ġustizzja u l-prosekuzzjoni ta’ ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem huma fost l-aktar kompiti kritiċi meħtieġa biex jintemmu l-abbużi u tinbena mill-ġdid r-Repubblika Ċentru-Afrikana;

    Q.

    billi l-impunità tibqa’ karatteristika tal-vjolenza, minkejja l-fatt li l-Kunsill Tranżizzjonali u l-President interim kienu protagonisti fl-adozzjoni u l-introduzzjoni fil-liġi ta’ Qorti Kriminali Speċjali magħmula kemm minn imħallfin u prosekuturi nazzjonali kif ukoll internazzjonali, li se jinvestigaw u jressqu quddiem il-ġustizzja lil min wettaq ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Ċentru-Afrikana mill-2003 ’l hawn;

    R.

    billi, f’Settembru 2014, l-UE nediet l-ewwel tliet proġetti għall-iżvilupp mill-fond fiduċjarju multidonatur tal-UE fir-Repubblika Ċentru-Afrikana fl-oqsma tas-saħħa, il-ħolqien tal-impjieg, ir-riabilitazzjoni tal-infrastruttura li ġġarfet f’Bangui, u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa kif ukoll l-inklużjoni ekonomika tagħhom;

    S.

    billi, f’Marzu 2015, il-Kunsill Ewropew skjera l-missjoni konsultattiva militari tal-UE fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (EUMAM RCA) intiża biex tappoġġa l-awtoritajiet Ċentru-Afrikani fit-tħejjija ta’ riforma tas-settur tas-sigurtà fir-rigward tal-forzi armati;

    T.

    billi minn Mejju 2015 ’l hawn l-UE żiedet l-għajnuna tagħha għar-Repubblika Ċentru-Afrikana b’total ta’ EUR 72 miljun, inklużi riżorsi għall-għajnuna umanitarja (b’EUR 10 miljuni f’finanzjament ġdid), appoġġ baġitarju (b’EUR 40 miljun addizzjonali) u kontribuzzjoni ġdida lill-Fond Fiduċjarju tal-UE għar-Repubblika Ċentru-Afrikana (EUR 22 miljun);

    U.

    billi, fil-15 ta’ Lulju 2014, l-UE nediet l-ewwel fond fiduċjarju multidonatur tagħha b’sostenn għar-Repubblika Ċentru-Afrikana, intiż biex jippermetti t-tranżizzjoni minn reazzjoni għal emerġenza għal għajnuna għall-iżvilupp fit-tul;

    1.

    Jesprimi t-tħassib profond tiegħu dwar is-sitwazzjoni fir-Repubblika Ċentru-Afrikana, li tista’ twassal lill-pajjiż f’xifer gwerra ċivili jekk ma tiġix ikkontrollata l-aktar vjolenza reċenti; jiddeplora t-telf ta’ ħajjiet u jesprimi s-simpatija tiegħu lill-familji tal-vittmi u lill-popolazzjoni sħiħa tar-Repubblika Ċentru-Afrikana;

    2.

    Jikkundanna bil-qawwa l-attakki kontra l-organizzazzjonijiet umanitarji u r-residenzi waqt l-aħħar episodji ta’ vjolenza; jappella biex ikun possibbli l-moviment liberu tal-ħaddiema umanitarji biex ikunu jistgħu jilħqu persuni ċivili fil-bżonn, speċjalment il-popolazzjoni spostata; ifakkar li kważi nofs miljun ruħ spostati internament jeħtieġu ikel, kura tas-saħħa, ilma, miżuri sanitarji u iġjene, kenn u oġġetti domestiċi bażiċi b’urġenza;

    3.

    Jappella lill-awtoritajiet tar-Repubblika Ċentru-Afrikana sabiex jiffokaw fuq il-ġlieda kontra l-impunità u fuq l-istabbiliment mill-ġdid tal-istat tad-dritt, anki billi jżommu responsabbli quddiem il-ġustizzja lil min hemm wara din il-vjolenza; jilqa’ l-ħolqien ta’ Qorti Kriminali Speċjali biex tinvestiga u tressaq quddiem il-liġi lil min wettaq ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż mill-2003 ’l hawn, u jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa urġenti biex din tibda ħidmietha; jisħaq li l-appoġġ finanzjarju u tekniku huma essenzjali għall-funzjonament tagħha; jitlob li ssir laqgħa tad-donaturi internazzjonali mill-aktar fis possibbli; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tar-Repubblika Ċentru-Afrikana sabiex jadottaw proċedura ta’ reklutaġġ trasparenti u effiċjenti għall-persunal tal-Qorti;

    4.

    Ifaħħar lill-Komunità Ekonomika tal-Istati tal-Afrika Ċentrali għar-rwol kruċjali tagħha fl-istabbiliment tal-proċess ta’ tranżizzjoni u għall-pożizzjoni soda li ħadet waqt il-konsultazzjonijiet f'Addis Ababa fil-31 ta’ Jannar 2015 fir-rigward ta’ kull inizjattiva parallela li tista’ tikkomprometti l-isforzi attwali tal-komunità internazzjonali biex jerġa' jkun hemm il-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà fir-Repubblika Ċentru-Afrikana;

    5.

    Jilqa’ l-isforzi li saru s’issa mill-Gvern tranżizzjonali, iżda jitlob lill-awtoritajiet ta’ tranżizzjoni tar-Repubblika Ċentru-Afrikana u lill-komunità internazzjonali biex jindirizzaw il-kawżi ewlenin li wasslu għall-kriżi, bħal pereżempju l-faqar mifrux, id-disparitajiet u l-inugwaljanzi ekonomiċi, il-qgħad li dejjem jiżdied, u n-nuqqas ta’ ridistribuzzjoni tal-ġid mir-riżorsi naturali tal-pajjiż permezz tal-baġit tal-istat; jitlob li jsir approċċ komprensiv li jiffoka fuq is-sigurtà, l-għajnuna umanitarja, l-istabbilizzazzjoni u l-irkupru ekonomiku;

    6.

    Jistieden lill-komunità internazzjonali tappoġġa l-proċess politiku fir-Repubblika Ċentru-Afrikana f’dan iż-żmien kritiku u ttejjeb l-isforzi komuni sabiex jiġi ffaċilitat id-djalogu politiku, tinbena l-fiduċja u tiġi żgurata koeżistenza paċifika bejn il-komunitajiet reliġjużi fil-pajjiż; iħeġġeġ lill-Gvern tar-Repubblika Ċentru-Afrikana biex iqis bħala prijorità r-rikostruzzjoni tas-sistema edukattiva, bil-għan li jiffaċilita koeżistenza paċifika fit-tul;

    7.

    Jiddeplora l-fatt li minkejja li n-NU ddikjarat embargo fuq l-armi, it-tisħiħ tal-milizzji għadu għaddej; jistieden lill-partijiet kollha jirrispettaw il-ftehim dwar id-diżarm kif iffirmat fl-10 ta’ Mejju 2015; jisħaq li d-diżarm tal-gruppi armati jrid ikun prijorità assoluta, speċjalment qabel l-elezzjonijiet presidenzjali u ġenerali li għandhom isiru fir-Repubblika Ċentru-Afrikana qabel tmiem din is-sena;

    8.

    Iħeġġeġ lill-Unjoni Afrikana u lill-Unjoni Ewropea biex jużaw il-miżuri u l-għodod xierqa kollha biex jgħinu lill-Gvern tranżizzjonali jegħleb l-implożjoni ta’ stat li diġà huwa fraġli, l-eskalazzjoni interetnika u l-qawwa kontinwa tal-milizzji rivali, u jagħmel it-tranżizzjoni lejn stat li jiffunzjona u li hu wkoll inklużiv u demokratiku, b’mod partikolari permezz tal-Istrument għall-Istabbiltà u l-Paċi u l-Faċilità għall-Paċi fl-Afrika u l-Forza Afrikana ta' Intervent fil-Pront;

    9.

    Jilqa’ t-twaqqif tal-Forum ta’ Bangui għar-rikonċiljazzjoni u l-paċi, u jħeġġeġ il-parteċipazzjoni mingħajr kundizzjonijiet tal-mexxejja politiċi, militari u reliġjużi kollha kif ukoll tal-komunitajiet lokali u s-soċjetà ċivili; jinsisti li l-elezzjonijiet demokratiċi jridu jseħħu;

    10.

    Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u l-atturi internazzjonali oħra biex jagħmlu ħilithom biex jappoġġaw l-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet kif previst fil-pjan direzzjonali ta’ tranżizzjoni, b’mod partikolari billi jikkontribwixxu għall-programm ta’ assistenza elettorali immexxi mill-Programm ta' Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti (UNDP), b’tali mod li l-elezzjonijiet ikunu jistgħu jsiru qabel tmiem din is-sena, u b’hekk jissodisfaw element ewlieni tal-pjan direzzjonali ta’ tranżizzjoni;

    11.

    Ittenni l-appoġġ tiegħu għall-indipendenza, l-unità u l-integrità territorjali tar-Repubblika Ċentru-Afrikana; ifakkar fl-importanza tad-dritt tal-popli għall-awtodeterminazzjoni mingħajr indħil minn barra;

    12.

    Jafferma mill-ġdid l-appoġġ tiegħu lin-NU, lill-forza għaż-żamma tal-paċi “MINUSCA”, u lill-kontinġent militari Franċiż “Sangaris” qabel l-elezzjonijiet li għandhom isiru qabel tmiem din is-sena; jikkundanna bil-qawwa kull tentattiv li jiskoraġġixxi l-isforzi li għaddejjin lejn l-istabbiltà;

    13.

    Ifakkar li l-perijodu ta’ tranżizzjoni ser jintemm fit-30 ta’ Diċembru 2015; iħeġġeġ lill-awtoritajiet nazzjonali, bl-appoġġ tal-MINUSCA u l-forzi Sangaris, biex jerġgħu jġibu l-kalma fil-pajjiż, u b’mod aktar partikolari f’Bangui, bil-għan li jiġi rrispettat bl-aħjar mod possibbli l-kalendarju elettorali;

    14.

    Jilqa’ b’sodisfazzjon il-missjoni konsultattiva militari tal-UE (EUMAM RCA), u t-tnedija ta’ proġetti li jimmiraw li jistabbilixxu mill-ġdid il-kapaċitajiet tal-pulizija u l-ġendarmerija għas-sorveljanza tal-komunità u l-kontroll tal-irvellijiet, jistabbilixxu mill-ġdid iċ-ċentru tal-kmand operattiv konġunt, isaħħu l-ġudikatura, u jirriabilitaw il-faċilitajiet tal-ħabs;

    15.

    Jikkundanna bil-qawwa l-vjolenza kollha kontra t-tfal u n-nisa, u jħeġġeġ lill-milizzji u l-gruppi armati mhux statali biex iċedu l-armi tagħhom, iwaqqfu kull forma ta’ vjolenza u jeħilsu minnufih lit-tfal minn taħt idejhom; jistieden lill-partijiet ikkonċernati kollha biex jimpenjaw ruħhom biex iħarsu d-drittijiet tat-tfal u jipprevjenu ksur u abbużi ulterjuri fuq it-tfal; iħeġġeġ li l-bniet u n-nisa li huma vittmi ta’ stupru fil-kuntest ta’ kunflitt armat għandhom jiġu offruti firxa sħiħa ta’ servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttiva;

    16.

    Iħeġġeġ lill-kummerċjanti tad-djamanti tar-Repubblika Ċentru-Afrikana biex juru diliġenza, u lill-kumpaniji internazzjonali tad-djamanti biex jindirizzaw in-nuqqasijiet tal-Proċess ta' Kimberley fil-katina tal-provvista tad-djamanti mir-Repubblika Ċentru-Afrikana; jappella lill-awtoritajiet tar-Repubblika Ċentru-Afrikana u l-kumpaniji barranin biex jgħinu fit-tisħiħ tal-governanza fis-settur tal-estrazzjoni billi jirrispettaw l-Inizjattiva għat-trasparenza tal-industriji estrattivi;

    17.

    Jistieden lill-kumpaniji tad-djamanti internazzjonali jħarsu mill-qrib lejn l-oriġini tad-djamanti sabiex jevitaw milli jkebbsu l-kunflitt billi jixtru djamanti mir-Repubblika Ċentru-Afrikana li jkunu ġew estratti u nbiegħu b’mod illeċitu; iħeġġeġ lill-kumpaniji Ewropej li jkunu qed jinnegozjaw ma’ kumpaniji li jaqtgħu s-siġar tar-Repubblika Ċentru-Afrikana biex jirrispettaw ir-Regolament tal-UE dwar l-Injam, u jistieden lill-UE tinforza b’mod qawwi r-Regolament tagħha dwar l-Injam fir-rigward tal-importaturi tal-injam mir-Repubblika Ċentru-Afrikana;

    18.

    Jistieden lill-awtoritajiet tar-Repubblika Ċentru-Afrikana jiżviluppaw strateġija b’responsbilità nazzjonali bil-għan li jindirizzaw l-isfruttament u n-netwerks illegali tat-traffikar ta’ riżorsi naturali;

    19.

    Iħeġġeġ lill-pajjiżi li s-suldati tagħhom huma responsabbli għall-abbuż sesswali waqt li kienu fuq missjonijiet għaż-żamma tal-paċi fir-Repubblika Ċentru-Afrikana biex iżommuhom responsabbli u jressquhom quddiem il-ġustizzja, peress li l-impunità ma tistax tiġi ttollerata; jisħaq fuq il-ħtieġa urġenti għal riforma tal-istrutturi għaż-żamma tal-paċi billi jiġi stabbilit mekkaniżmu trasparenti u li jiffunzjona għas-sorveljanza u l-obbligu ta' rendikont; huwa konvint li delitti gravi bħal dawn jistgħu jitnaqqsu u jiġu evitati wkoll permezz tat-taħriġ u l-edukazzjoni;

    20.

    Iħeġġeġ lir-Repubblika Ċentru-Afrikana, l-istati ġirien tagħha u stati membri oħra tal-Konferenza Internazzjonali dwar ir-Reġjun tal-Lagi l-Kbar (ICGLR) biex jikkooperaw fil-livell reġjonali sabiex jinvestigaw u jiġġieldu kontra n-netwerks kriminali u l-gruppi armati reġjonali involuti fil-kuntrabandu u l-isfruttament illegali tar-riżorsi naturali, inkluż id-deheb u d-djamanti kif ukoll il-kaċċa illegali u t-traffikar tal-annimali u l-pjanti slavaġ;

    21.

    Jistieden lill-UE tagħmel dak kollu fis-setgħa tagħha biex tipprovdi assistenza kkoordinata aħjar u aktar effikaċi lin-nies tar-Repubblika Ċentru-Afrikana; jilqa’, fl-istess ħin, iż-żieda fl-impenn umanitarju tal-UE u tal-Istati Membri mar-Repubblika Ċentru-Afrikana fid-dawl tal-ħtiġijiet li dejjem qed jevolvu; jisħaq li l-għajnuna għas-salvataġġ għandha tingħata lil dawk fil-bżonn fir-Repubblika Ċentru-Afrikana, kif ukoll lir-rifuġjati fil-pajjiżi ġirien;

    22.

    Jiddeplora l-qerda tal-arkivji u r-reġistri pubbliċi min-naħa tal-milizzji; iħeġġeġ lill-UE biex tappoġġa l-istabbiliment mill-ġdid tar-reġistru pubbliku tar-Repubblika Ċentru-Afrikana, kif ukoll tipprevjeni kwalunkwe irregolarità elettorali;

    23.

    Jistieden lill-Istati Membri, kif ukoll lil donaturi oħra, biex iżidu l-kontribuzzjonijiet tagħhom għall-Fond tal-UE għar-Repubblika Ċentru-Afrikana, il-fond fiduċjarju għal Bêkou, li l-għan tiegħu hu li jippromwovi l-istabbilizzazzjoni u r-rikostruzzjoni tar-Repubblika Ċentru-Afrikana, b’kont meħud tal-ħtieġa li l-programmi ta’ rikostruzzjoni/żvilupp ikunu kkollegati aħjar mar-rispons umanitarju;

    24.

    Jistieden lill-UE, l-Unjoni Afrikana u l-komunità internazzjonali biex jagħtu sostenn lil dawk li sabu rifuġju fil-pajjiżi ġirien mir-Repubblika Ċentru-Afrikana;

    25.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-awtoritajiet tal-Gvern tranżizzjonali tar-Repubblika Ċentru-Afrikana, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà Federica Mogherini, lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Afrikana, lill-Komunità Ekonomika tal-Istati tal-Afrika Ċentrali (ECCAS), lill-Assemblea Parlamentari AKP-UE u lill-gvernijiet tal-Istati Membri tal-UE.


    (1)  Testi adottati, P8_TA(2015)0035.


    Top