Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015DC0190

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW Rapport dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/113/KE li timplimenta l-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fl-aċċess għal u l-provvista ta' merkanzija u servizzi

/* COM/2015/0190 final */

Brussell, 5.5.2015

COM(2015) 190 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

Rapport dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/113/KE li timplimenta l-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fl-aċċess għal u l-provvista ta' merkanzija u servizzi


Rapport dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/113/KE li timplimenta l-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fl-aċċess għal u l-provvista ta' merkanzija u servizzi

1.Introduzzjoni

L-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa huwa prinċipju fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea. Kemm it-Trattati tal-UE u kemm il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jipprojbixxu kwalunkwe diskriminazzjoni abbażi tas-sess u jeħtieġu li l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa tiġi żgurata fl-oqsma kollha.

Id-Direttiva 2004/113/KE 1 ("id-Direttiva") testendi l-protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni sesswali lil hinn mill-ambitu tradizzjonali tas-suq tax-xogħol għal oqsma ta' aċċess u provvista ta' merkanzija u servizzi. Din timplimenta l-obbligu ta' trattament indaqs fi tranżazzjonijiet ekonomiċi ta' kuljum li jaffettwaw il-ħajjiet taċ-ċittadini tal-UE.

Fl-ewwel rapport tagħha dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva, il-Kummissjoni għandha l-għan li tipprovdi stampa tas-sitwazzjoni attwali tal-implimentazzjoni fuq il-post.

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QtĠ) annullat l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva fis-sentenza Test Achats tagħha tal-2011 2 . Id-dispożizzjoni ppermettiet l-użu ta' fatturi attwarjali fuq bażi tas-sess fil-kuntratti tal-assigurazzjoni. Is-sentenza obbligat lill-Istati Membri biex jagħmlu l-primjums u l-benefiċċji unisex obbligatorji mill-21 ta' Diċembru 2012. Fl-2011, il-Kummissjoni adottat linji gwida li jikkonċernaw il-konsegwenzi tas-sentenza 3 . Dan ir-rapport isegwi l-linji gwida u jkopri l-implimentazzjoni tas-sentenza fl-Istati Membri. Madankollu, huwa mhuwiex limitat għall-qasam tas-servizzi finanzjarji imma jirrevedi komprensivament l-implimentazzjoni tad-Direttiva kollha kemm hi.

L-Istati Membri kollha pprovdew informazzjoni lill-Kummissjoni li kkontribwiet għar-rapport. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkonsultat lill-korpi nazzjonali tal-ugwaljanza u n-Netwerk Ewropew tagħhom (Equinet), lis-sħab soċjali, lill-għaqdiet tas-soċjetà ċivili u lin-Netwerk Ewropew tal-espert legali fil-qasam tas-sessi.

2.Is-sitwazzjoni attwali ta' traspożizzjoni u l-proċeduri ta' ksur

Id-Direttiva 2004/113/KE ġiet trasposta fil-liġi nazzjonali f'kull wieħed mit-28 Stat Membru.

Il-Kummissjoni ċċekkjat il-konformità tal-liġijiet ta' implimentazzjoni nazzjonali mad-Direttiva. Ir-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni u l-esperjenzi nazzjonali bl-applikazzjoni tagħha fuq il-post turi li għad hemm sfidi relatati mal-implimentazzjoni tad-Direttiva l-iktar fejn tikkonċerna d-deroga stipulata fl-Artikolu 4(5) li tippermetti l-provvista ta' merkanzija u servizzi b'mod esklussiv jew primarjament lil membri ta' sess wieħed b'ċerti kundizzjonijiet.

B'riżultat ta' dawn il-valutazzjonijiet, tqajmu domandi ma' 17-il Stat Membru. L-informazzjoni pprovduta żvelat li t-traspożizzjoni kienet suffiċentement ċara u konformi jew kienet emendata b'konformità mad-Direttiva fi 11 minn dawk l-Istati Membri. Għadu għaddej djalogu intensiv dwar l-implimentazzjoni suffiċenti tad-Direttiva ma' 6 Stati Membri 4 . It-tħassib huwa l-iktar dwar il-kamp ta' applikazzjoni ristrett tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, pereżempju permezz ta' fehim restrittiv iżżejjed tan-nozzjoni ta' merkanzija u servizzi li huma disponibbli għall-pubbliku u offruti barra mill-qasam tal-ħajja privata u tal-familja jew permezz ta' protezzjoni li tkopri lill-konsumaturi biss bħala riċevituri tas-servizzi. Kwistjoni rikorrenti oħra hija kamp ta' applikazzjoni wiesa' żżejjed tal-possibilità ta' ġustifikazzjoni għal trattament indaqs fuq il-bażi tal-Artikolu 4(5) tad-Direttiva, li tista' twassal għal trattament inugwali inġustifikat fil-prezzijiet tal-istess servizz (pereżempju l-prezzijiet tad-dħul fid-diskoteki jew avvenimenti sportivi jew fil-ħlas għall-kiri ta' karozzi). Xi kwistjonijiet huma relatati ma' protezzjoni insuffiċjenti fuq il-bażi ta' maternità u tqala fl-għoti ta' servizzi jew kamp ta’ applikazzjoni insuffiċjenti tad-dritt ta' kumpens, pereżempju minħabba n-nuqqas ta' intitolament għal kumpens għal danni immaterjali.

Il-Kummissjoni rċeviet għadd ta' lmenti mingħand iċ-ċittadini li l-parti l-kbira tagħhom jikkonċernaw każijiet individwali ta' allegazzjonijiet ta' diskriminazzjoni fi tranżazzjonijiet bejn partijiet privati mingħajr ebda involviment mill-Istati Membri. Dawn il-każijiet ma jikkonċernawx traspożizzjoni jew applikazzjoni inkorretta tad-Direttiva minn Stat Membru. F'dawn is-sitwazzjonijiet, ir-rimedji huma disponibbli biss fil-liġi nazzjonali u permezz tal-qrati nazzjonali. Ma hemm l-ebda proċediment ta' ksur pendenti wara lment li żvela traspożizzjoni jew implimentazzjoni inkorretta tad-Direttiva minn Stati Membri.

3.Kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva

Kif stipulat fl-Artikolu 3, id-Direttiva hija applikabbli għal kull min jipprovdi oġġetti u servizzi, li jkunu disponibbli għall-pubbliku u li jkunu offruti barra mill-qasam tal-ħajja privata u tal-familja. Hija tkopri kemm is-settur pubbliku u kemm is-settur privat, inklużi l-korpi pubbliċi.

3.1    In-nozzjoni tas-servizzi

Kif ġie rrimarkat fil-premessa 11 tad-Direttiva, is-servizzi huma dawk fl-ambitu tat-tifsira tal-Artikolu 57 TFUE. B'konformità ma' dik id-dispożizzjoni u l-ġurisprudenza rilevanti tal-QtĠ, servizz irid jikkostitwixxi attività ekonomika, jiġifieri ikun normalment ipprovdut għal rimunerazzjoni.

In-natura ekonomika tal-attività ma tiddependix fuq l-istatus legali nazzjonali tal-fornitur jew tas-servizz ikkonċernat. B'hekk il-Qorti qieset, pereżempju, li attivitajiet imwettqa minn membri ta' komunità reliġjuża jew filosofika 5 jistgħu jikkostitwixxu attività ekonomika u l-istess japplika għal attivitajiet imwettqa minn għaqda sportiva amatorjali 6 .

Huwa stabbilit sew mill-ġurisprudenza, b'mod partikolari, fil-qasam tas-servizzi tas-saħħa li s-servizz ma jridx bilfors jitħallas minn dawk li s-servizz ikun għalihom 7 .

Għalhekk id-Direttiva hija applikabbli għall-oġġetti u s-servizzi kollha li jsiru b'rimunerazzjoni (inklużi s-servizzi tas-saħħa 8 ) ħlief dawk espliċitament esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni tagħha, jiġifieri s-servizzi edukattivi u l-kontenut tal-midja u r-reklamar. Barra minn hekk, l-azzjonijiet tas-settur pubbliku li jinkludu l-ezerċizzju ta' awtorità pubblika (eż. il-pulizija) mingħajr ebda element ta' għoti ta' "servizz", mhumiex koperti mill-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva.

3.2    In-nozzjoni ta' oġġetti u servizzi disponibbli għall-pubbliku u offruti barra mill-qasam tal-ħajja privata u tal-familja

Id-Direttiva tistipula t-trattament indaqs bejn in-nisa u l-irġiel fl-aċċess għall-oġġetti u s-servizzi filwaqt li tispeċifika li tikkonċerna l-oġġetti u s-servizzi li huma "disponibbli għall-pubbliku" u "offruti barra mill-qasam tal-ħajja privata u tal-familja" (l-Artikolu 3(1)).  Jistgħu jinqalgħu kwistjonijiet dwar il-kamp ta' applikazzjoni preċiż tad-Direttiva u jista' jkollu rwol fid-deċiżjonijiet tal-Qorti.

In-nozzjoni ta' servizzi "disponibbli għall-pubbliku" u "offruti barra mill-qasam tal-ħajja privata u tal-familja" mill-banda l-oħra, jeskludu mill-kamp ta’ applikazzjoni, attivitajiet f'relazzjonijiet li huma esklussivament parti mill-qasam tal-ħajja privata u tal-familja u li mhumiex disponibbli għall-pubbliku. Dan ikun il-każ meta l-offerta ta' oġġetti u servizzi ma jsirx fi spazju pubbliku (eż. b'reklam f'gazzetta jew b'sit elettroniku aċċessibbli mill-pubbliku) imma l-oġġett jew servizz ikun offrut lil ċirku limitat ta' persuni (membri tal-familja, ħbieb, kollegi jew konoxxenzi oħrajn). Barra minn hekk, din l-esklużjoni tkopri sitwazzjonijiet fejn il-prossimità personali tal-persuna li toffri l-oġġetti jew is-servizzi tinfluwenza l-għażla tas-sieħeb kuntrattwali iktar minn konsiderazzjonijiet ekonomiċi ordinarji 9 .

3.3    In-nozzjoni ta' diskriminazzjoni sesswali – tibdil tas-sess

B'konformità mal-ġurisprudenza tal-QtĠ, il-kamp ta' applikazzjoni tal-prinċipju ta' trattament indaqs għall-irġiel u n-nisa u l-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni sesswali tapplika wkoll għal diskriminazzjoni bbażata fuq it-tibdil tas-sess ta' persuna 10 .

Ħames Stati Membri 11 biss inkludew espliċitament it-tibdil tas-sess bħala bażi speċifika ta' diskriminazzjoni fil-leġiżlazzjoni tagħhom. L-Istati Membri l-oħra ma koprewx espressament it-tibdil tas-sess imma sostnew li l-protezzjoni mid-diskriminazzjoni f'dan il-qasam ġejja mill-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni sesswali b'konformità mal-ġurisprudenza tal-QtĠ. Pereżempju, f'Ċipru, il-Qrati diġà ċċaraw li d-diskriminazzjoni fuq il-bażi ta' tibdil fis-sess taqa' taħt in-nozzjoni ta' diskriminazzjoni sesswali. Fl-Irlanda dan ġie ċċarat għad-diskriminazzjoni fil-qasam tal-impjiegi.

S'issa l-QtĠ iddeċidiet biss fuq it-tibdil tas-sess. Ma hemm l-ebda ġurisprudenza li tikkonċerna l-identità tal-ġeneru 12 b'mod iktar ġenerali kif kopert mill-protezzjoni mid-diskriminazzjoni sesswali imma l-Kummissjoni tqis li l-approċċ għandu jkun materjalment simili.

3.4    Id-definizzjoni ta' fastidju

L-Artikolu 4(3) tad-Direttiva jiċċara li l-fastidju u l-fastidju sesswali kif iddefiniti fl-Artikolu 2(c) u (d) jikkostitwixxu diskriminazzjoni pprojbita.

Ma ssemmiet l-ebda diffikultà speċifika fl-implimentazzjoni tal-projbizzjoni ta' fastidju bbażat fuq il-ġeneru fil-qasam tal-aċċess ugwali għall-oġġetti u s-servizzi. Madankollu, qamu xi mistoqsijiet f'xi Stati Membri 13 rigward l-implimentazzjoni reali f'sitwazzjonijiet meta l-fastidju jkun ġej minn parti terza li ma tkunx il-fornitur tal-oġġetti jew servizzi u l-kwistjoni tar-responsabbiltà f'sitwazzjoni bħal din. Il-kwistjoni tar-responsabbiltà ta' fornitur ta' servizz għal fastidju minn parti terza jista' jkun rilevanti b'mod partikolari meta s-servizz prinċipali huwa l-forniment ta' pjattaforma ta' komunikazzjoni bejn il-klijenti u l-fastidju jsir bl-użu tiegħu, pereżempju bl-internet.

Ġew irrapportati ftit ilmenti 14 li jikkonċernaw il-fastidju u l-fastidju sesswali fil-qasam tal-aċċess ugwali għall-oġġetti u s-servizzi. Hemm skarsezza ta' informazzjoni minħabba li xi Stati Membri ma jiġbrux dejta dwar din il-kwistjoni 15 u f'oħrajn ma ssir l-ebda differenzazzjoni li tikkonċerna l-bażi għad-diskriminazzjoni 16 .

3.5    Protezzjoni ta' nisa tqal u ommijiet

L-Artikolu 4(1)(a) isemmi espressament trattament inqas favorevoli għal raġunijiet ta' tqala jew maternità bħala diskriminazzjoni sesswali pprojbiti. Ma ġiet issenjalata l-ebda diffikultà fl-implimentazzjoni tal-protezzjoni ta' nisa tqal jew li jkunu qed ireddgħu. Madankollu, il-kwistjoni tat-traspożizzjoni korretta ta' din id-dispożizzjoni hija suġġetta għal djalogu intensiv mal-Istati Membri kkonċernati 17 li, jew stipulaw protezzjoni espliċita fil-liġi jew impliċitament jagħtu din il-protezzjoni mill-projbizzjoni ġenerali tad-diskriminazzjoni sesswali.

Jidher li hemm problemi prattiċi pjuttost imxerrdin li jikkonċernaw ir-restrizzjonijiet mill-fornituri tas-servizzi dwar il-possibilità ta' treddigħ fl-istabbilimenti tagħhom. F'xi Stati Membri hemm ristoranti li jipprojbixxu t-treddigħ fl-istabbilimenti tagħhom 18 . F'xi Stati Membri oħra jinqalgħu problemi għall-aċċess għas-servizzi bi pram 19 . Stat Membru wieħed 20 ippubblika gwida speċifika dwar il-kwistjoni tat-treddigħ waqt il-forniment jew l-użu ta' servizz.

Ġew ukoll irrapportati diffikultajiet, għalkemm b'inqas frekwenza, għal nisa tqal fl-oqsma tas-servizzi finanzjarji jew tad-djar. Il-Litwanja semmiet ir-rifjut li jingħataw servizzi ta' kreditu minħabba t-tqala u t-telf ta' introjtu li jirriżulta minnha. L-Awstrija rrapportat l-ilment ta' studenta tqila li wara li nqabdet tqila ntemmilha l-ftehim ta' residenza f'hostel immexxi mill-knisja.

4.Aċċess għal oġġetti u servizzi esklussivament għall-membri ta' sess wieħed jew b'termini differenti għall-irġiel u n-nisa

4.1    L-Artikolu 4(5) u l-implimentazzjoni tiegħu

L-Artikolu 4(5) tad-Direttiva jistipula li d-Direttiva ma għandhiex tipprekludi differenzi fi trattament, jekk il-forniment tal-oġġetti u s-servizzi esklussivament jew primarjament lil membri ta’ sess wieħed ikun iġġustifikat permezz ta’ għan leġittimu u l-mezzi biex jintlaħaq dak l-għan ikunu xierqa u meħtieġa. Il-premessa 16 tad-Direttiva tiċċara n-nozzjoni tal-għan leġittimu billi tistipula li dan l-għan jista' jkun il-protezzjoni tal-vittmi ta' vjolenza relatata mas-sess (eż. f'xelter għal sess wieħed), raġunijiet ta' privatezza jew deċenza, il-promozzjoni ta' ugwaljanza bejn is-sessi jew tal-interessi tal-irġiel jew in-nisa (eż. korpi volontarji ta' sess wieħed), il-libertà ta' assoċjazzjoni (klabbs privati ta' sess wieħed) u l-organizzazzjoni ta' attivitajiet sportivi (ta' sess wieħed).

L-implimentazzjoni korretta ta' din id-deroga tidher li hi waħda mill-kwistjonijiet ewlenin tal-implimentazzjoni tad-Direttiva li tikkonċerna t-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali kif ukoll l-interpretazzjoni tagħha f'każijiet individwali. L-informazzjoni pprovduta minn għadd ta' Stati Membri u partijiet interessati 21 turi li hemm xi diffikultajiet fl-interpretazzjoni u l-implimentazzjoni reali tal-Artikolu 4(5) bil-konsegwenza ta' inċertezza legali peress li jidher li hemm approċċi diverġenti li jikkonċernaw l-interpretazzjoni ta' din id-dispożizzjoni 22 .

Bħala eċċezzjoni għall-prinċipju ta' trattament indaqs, id-deroga trid tiġi interpretata b'mod dejjaq 23 . Jidher li tkopri biss sitwazzjonijiet fejn l-oġġetti u s-servizzi jkunu disponibbli esklussivament jew primarjament lill-membri ta' sess wieħed mingħajr il-possibilità li l-oġġetti u s-servizzi jkunu offruti lill-pubbliku ġenerali. F'każ li ż-żewġ sessi jkollhom aċċess għas-servizz jew l-oġġetti, japplikaw kundizzjonijiet differenti għall-irġiel u għan-nisa.

In-nuqqas relattiv ta' ġurisprudenza dwar din id-dispożizzjoni ssemma bħala d-diffikultà ewlenija fil-prattika biex tiġi vvalutata fuq bażi ta' każ b'każ il-ġustifikazzjoni u l-proporzjonalità ta' deroga bbażata fuq l-Artikolu 4(5) 24 .

Jidher li qed jinqalgħu ripetutament problemi dwar il-kwistjoni ta' jekk ir-rekwiżiti għal għan leġittimu skont dik id-dispożizzjoni jkunux issodisfati 25 . B'hekk, pereżempju, fir-rigward ta' ġinnasji, klabbs tal-eżerċizzju fiżiku jew tas-sbuħija għan-nisa biss, il-korpi tal-ugwaljanza jidhru li waslu għal konklużjonijiet differenti dwar jekk il-limitazzjoni tal-aċċess għall-membri ta' sess wieħed biss hix permessa jew le 26 .

Barra minn hekk, spiss il-fornituri tas-servizzi akkużati bi trattament differenti għan-nisa u l-irġiel ibbażat fuq is-sess (ġeneralment fil-forma ta' prezzijiet differenti) jippruvaw jużaw il-ġustifikazzjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 4(5) minkejja li s-servizz ma jkunx offrut esklussivament lill-membri ta' sess wieħed. Dan japplika, pereżempju, f'każijiet fejn l-għan ikun għadd bilanċjat ta' membri minn kull sess. Jidher li hemm interpretazzjonijiet differenti dwar l-ammissibilità ta' dawn il-prattiki.

4.1.1    Servizzi pprovduti lil sess wieħed biss

Xi wħud mill-każijiet fejn is-servizzi kienu offruti lill-membri ta' sess wieħed biss ittellgħu quddiem il-qrati nazzjonali 27 . Pereżempju, fil-Belġju nstab li ma kienx iġġustifikat li d-dħul f'ċentru tal-eżerċizzju fiżiku ikun riżervat esklussivament għan-nisa. Bl-istess mod, fid-Danimarka, qorti qieset li huwa diskriminatorju li lukanda rriżervat sular mgħammar għan-nisa biss.

F'xi setturi, anke jekk servizz ikun ipprovdut liż-żewġ sessi fil-prinċipju, il-fornituri tas-servizzi għandhom il-ħabta li xi kultant jirriżervaw l-aċċess temporanjament għall-membri ta' sess wieħed sabiex ikollhom għadd bilanċjat ta' membri taż-żewġ sessi. Dan hu l-każ l-iktar fid-diskoteki, fil-klabbs, fiċ-ċentri tal-eżerċizzju fiżiku u fl-ispas. Xi wħud minn dawn il-każijiet kienu s-suġġetti ta' deċiżjonijiet mill-qorti. Pereżempju, fil-Ġermanja bosta qrati ddeċidew li ma kienx iġġustifikat li d-dħul fi klabb jew l-aċċess għal ċentru tal-attività fiżika jkun temporanjament riżervat għan-nisa fuq il-bażi li r-rappreżentanza mixtieqa ta' nisa tkun għadha ma ntlaħqitx. Kuntrarjament, il-korp tal-ugwaljanza Ċek qies li prezzijiet differenti maħsuba biex jibbilanċjaw l-għadd ta' utenti jista' jkun iġġustifikat.

4.1.2    Differenza fil-prezzijiet tal-istess servizz

Fost l-iktar eżempji ta' trattament inugwali msemmija ta' spiss huwa li jinżamm prezz differenti għall-istess servizzi pprovduti. Din il-prattika ġrat l-iktar fis-settur tad-divertiment bi prezzijiet tad-dħul differenti għall-irġiel u għan-nisa fid-diskoteki (jew dħul b'xejn għan-nisa), klabbs jew barijiet 28 , fis-siti tal-internet biex toħroġ ma' xi ħadd 29 , fl-avvenimenti sportivi u attivitajiet ta' spas u ta' sawnas 30 . Differenza fil-prezzijiet skont is-sess tal-persuna huma komuni wkoll fis-servizzi tal-parrukkiera 31 .

Xi wħud minn dawn id-differenzi fil-prezzijiet kienu s-suġġetti ta' deċiżjonijiet tal-qorti biex tivvaluta n-neċessità u l-proporzjonalità fuq bażi ta' każ b'każ. Pereżempju, fl-Awstrija, qorti ddeċidiet li l-għan li tiġi estiża l-bażi ta' partitarji tal-futbol u l-promozzjoni tal-futbol tan-nisa kienu jiġġustifikaw biljetti tad-dħul orħos għan-nisa. Fil-Ġermanja, qorti ddeċidiet li l-użu bla ħlas min-nisa ta' sit tal-internet biex toħroġ ma' xi ħadd kien iġġustifikat mill-bżonn li n-nisa jkunu mħeġġa jirreġistraw li jkun ta' vantaġġ għall-irġiel li qed ifittxu sieħba fis-sit.

Il-Qorti Kostituzzjonali Awstrijaka ddeċidiet li limitu differenti tal-età għall-irġiel u għan-nisa li jikkonċerna l-aċċess mill-anzjani għal skonti fil-biljetti tat-trasport pubbliku marbuta mal-etajiet differenti tal-irtirar statutorju għall-irġiel u għan-nisa fl-Awstrija jikkostitwixxu diskriminazzjoni u li l-eżenzjoni korrispondenti mal-Artikolu 4(5) ma tapplikax għal servizzi offruti liż-żewġ sessi.

Kwistjoni rikorrenti oħra li qed twassal għall-ilmenti hija l-prattika kummerċjali ta' offerti speċjali għal żmien qasir għall-membri ta' sess wieħed (eż. Ladies Days), spiss fl-okkażjoni tal-jum internazzjonali tal-mara. Qed isiru taħditiet dwar dan f'xi Stati Membri li jikkonċernaw il-ġustifikazzjoni ta' dan it-tip ta' promozzjoni. Pereżempju, fil-Finlandja, il-Kumitat tal-Impjiegi u l-Ugwaljanza tal-Parlament Finlandiż ippropona li jippermetti biss promozzjonijiet immirati lejn wieħed mis-sess biss b'konnessjoni ma' okkażjonijiet rari u speċjali bħal Jum l-Omm jew Jum il-Missier u biss jekk il-valur tal-promozzjoni jkun relattivament minuri.

4.2    L-Artikolu 6 – Azzjoni pożittiva

Skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva, il-prinċipju ta' trattament indaqs ma għandu jipprevjeni lill-ebda Stat Membru milli jżomm jew jadotta miżuri speċifiċi li jipprevjenu jew jikkompensaw għall-iżvantaġġi marbuta mas-sess bil-ħsieb li jiżgura ugwaljanza sħiħa fil-prattika bejn l-irġiel u n-nisa.

Xi Stati Membri biss irrapportaw dwar l-eżistenza ta' dispożizzjonijiet speċifiċi ta' azzjoni pożittiva li tippermetti lill-fornituri jiddifferenzjaw bejn l-irġiel u n-nisa sabiex jilħqu bilanċ bejn iż-żewġ sessi fl-aċċess għall-oġġetti u s-servizzi. Pereżempju, fis-Slovakkja, l-awtoritajiet pubbliċi jew l-entitajiet ġuridiċi jistgħu jadottaw azzjonijiet pożittivi biex jeliminaw żvantaġġi relatati ma' raġunijiet ta' ġeneru jew sess, partikolarment bl-għan li jiġu żgurati opportunitajiet indaqs fil-prattika 32 . Fir-Renju Unit, dispożizzjoni ta' azzjoni pożittiva ġenerali tippermetti lill-fornituri biex jimmiraw il-forniment tal-oġġetti u s-servizzi lejn persuni ta' sess partikolari jekk ikun hemm evidenza ta' parteċipazzjoni sproporzjonatament baxxa 33

Ta' min jinnota li, minbarra d-deroga stipulata fl-Artikolu 4(5), l-Artikolu 6 tad-Direttiva xi kultant ukoll jintuża mill-fornituri tas-servizzi biex jiġġustifikaw it-trattament differenti tal-irġiel u n-nisa fil-forniment tal-oġġetti u s-servizzi. Fil-każ ta' interpretazzjoni dejqa tal-Artikolu 4(5), azzjoni pożittiva tista' tkun l-unika possibilità biex ikunu ġġustifikati kundizzjonijiet differenti ta' aċċess għall-oġġetti u s-servizzi proposti liż-żewġ sessi. Madankollu, din l-għażla dejjem tkun suġġetta għal valutazzjoni skont il-każ dwar in-neċessità u l-proporzjonalità tal-miżuri meħuda.

Xi qrati nazzjonali diġà ddeċidew dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 6 għal trattament differenzjat bħal dan. Pereżempju, fl-Awstrija, qorti inferjuri ddeċidiet li biljetti orħos għal-logħbiet tal-futbol għan-nisa kienu jikkostitwixxu azzjoni pożittiva fl-ambitu tat-tifsira tal-Att dwar it-Trattament Indaqs biex jiġu prevenuti jew eliminati l-iżvantaġġi tan-nisa 34 . Il-QtĠ għadha ma ddeċidietx dwar in-nozzjoni ta' azzjoni pożittiva barra mill-qasam speċifiku tal-aċċess għall-impjiegi. Madankollu, fis-sentenza Griesmar 35 , hija ddikjarat li regoli iktar ġenerużi għall-kalkolu tal-pensjonijiet okkupazzjonali għan-nisa ma jistgħux jiġi kkwalifikati bħala azzjoni pożittiva fir-rigward tal-iżvantaġġi għan-nisa minħabba l-interruzzjonijiet fil-karrieri tagħhom minħabba li la jipprevjenu u lanqas ma jeliminaw dawk l-iżvantaġġi. Fid-dawl ta' dik l-interpretazzjoni, azzjoni pożittiva ma tistax tkun disponibbli faċilment f'sitwazzjonijiet simili jekk ma jkunx hemm rabta ċara u diretta bejn it-trattament preferenzjali minn naħa u l-iżvantaġġi li jridu jiġu prevenuti jew eliminati min-naħa l-oħra.

5.Implimentazzjoni tas-sentenza Test-achats

5.1    Deċiżjoni

Fis-sentenza Test-Achats tagħha, il-QtĠ iddikjarat li l-Artikolu 5(2) li kien jippermetti ż-żamma ta' differenzazzjonijiet ibbażati fuq is-sess fl-għoti tas-servizzi tal-assigurazzjoni sakemm ikunu bbażati fuq dejta rilevanti u preċiża attwarja u statistika. Il-Qorti kkunsidrat li jekk tippermetti lill-Istati Membri jżommu mingħajr limitu temporanju eżenzjoni mir-regola unisex stipulata fl-Artikolu 5(1), l-Artikolu 5(2) imur kontra l-ksib tal-għan ta' trattament indaqs bejn l-irġiel u n-nisa fir-rigward tal-kalkolu tal-primjums u l-benefiċċji tal-assigurazzjoni, li huwa l-għan tad-Direttiva fil-qasam tal-assigurazzjoni. Għalhekk, l-Artikolu 5(2) huwa inkompatibbli mal-Artikoli 21 u 23 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Il-Qorti kkonkludiet li mill-21 ta' Diċembru 2012, ir-regola tal-unisex kellha tapplika mingħajr deroga fir-rigward tal-kalkolu tal-primjums u l-benefiċċji f'kuntratti ġodda tal-individwi.

5.2    Implimentazzjoni tad-deċiżjoni

27 Stat Membru diġà implimentaw id-deċiżjoni fil-leġiżlazzjoni tagħhom 36 . Fil-każijiet kollha, il-leġiżlazzjoni nazzjonali ġiet emendata 37 b'mod legalment vinkolanti billi ġiet adattata l-leġiżlazzjoni eżistenti dwar l-assigurazzjoni 38 , it-trattament indaqs 39 jew it-tnejn li huma 40 . Xi Stati Membri pprovdew gwida ulterjuri għall-faċilitazzjoni tal-bidliet fis-settur tal-assigurazzjoni. Pereżempju, fl-Awstrija, l-awtoritajiet tas-suq finanzjarju (FMA) bagħtu ċirkolari fejn talbu lill-kumpaniji assigurattivi jissostanzjaw it-tabelli attwarjali unisex tagħhom. Fir-Renju Unit, l-Awtorità tas-Servizzi Finanzjarji (FSA) ħarġet gwida.

Il-parti l-kbira tal-Istati Membri implimentaw id-deċiżjoni qabel ma skada ż-żmien mogħti mill-QtĠ 41 . Fi ftit Stati Membri, il-leġiżlazzjoni daħlet fis-seħħ wara 42 . L-Istati Membri jidhru li rċevew xi ftit ilmenti biss dwar ksur tal-prinċipju unisex mill-kumpaniji tal-assigurazzjoni. Madankollu, fin-Netherlands, f'sentenza reċenti, il-korp tal-ugwaljanza (2014-97 ta' Awwissu 2014) iddeċieda li assiguratur kien iddiskrimina illegalment kontra mara fuq bażi tas-sess tagħha billi taha kumpens wara inċident ikkalkulat fuq il-preżunzjoni/statistiki li ma kinitx se taħdem, minħabba li hi mara, bejn l-etajiet ta' 27 u 36 sena u li kienet se taħdem biss part-time. L-istess każ kien deċiż ukoll minn Qorti Netherlandiża. Hija waslet għall-konklużjoni li l-użu ta' statistiki attwarjali fir-rigward tal-isfond kulturali u tas-sess ma jmurx kontra l-prinċipju tal-ugwaljanza. Il-kawża issa hija pendenti quddiem il-Qorti tal-Appell.

Il-konformità tal-liġijiet kollha nnotifikati mis-sentenza Test-Achats ġiet ivverifikata mill-Kummissjoni. B'riżultat ta' dawn il-valutazzjonijiet, tqajmu domandi ma' xi Stati Membru. Fuq il-bażi tat-tweġibiet li ngħatat, il-Kummissjoni tista' tibda proċedimenti ta' ksur f'każ ta' nuqqas ta' konformità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali mad-deċiżjoni.

Stat Membru wieħed irrapporta li l-implimentazzjoni tad-deċiżjoni għadha għaddejja imma l-leġiżlazzjoni għadha ma ġiet adottata 43 . Il-Kummissjoni qed issegwi s-sitwazzjoni f'dan l-Istat Membru mill-qrib u se tidħol fi djalogu f'każ ta' nuqqas milli jadotta l-miżuri ta' implimentazzjoni neċessarji.

Il-ġurisprudenza tal-QtĠ ma tapplikax direttament fil-pajjiżi tal-EFTA 44 . Għalhekk, biex tiġi żgurata l-koerenza tal-leġiżlazzjoni, fit-30 ta' Jannar 2014 infetħet proċedura għall-possibilità tal-adattament tal-Anness XVIII tal-Ftehim ŻEE għad-deċiżjoni Test-Achats 45 .

Kif stabbilit fil-linji gwida tal-Kummissjoni dwar Test-Achats, id-deċiżjoni tikkonċerna biss kuntratti tal-assigurazzjoni privati koperti mill-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 2004/113/KE. Ma għandha l-ebda implikazzjonijiet diretti għall-pensjonijiet okkupazzjonali li huma koperti mid-Direttiva 2006/54/KE. L-Artikolu 9(1)(h) tad-Direttiva jippermetti li jkunu ffissati livelli differenti ta’ benefiċċji għall-irġiel u għan-nisa meta dan ikun iġġustifikat minn fatturi attwarjali tal-kalkolu.

Xi Stati Membri madankollu ddeċidew li japplikaw ir-regola tal-unisex anke għall-iskemi tal-pensjonijiet okkupazzjonali sabiex jiżguraw l-ugwaljanza bejn is-sessi fl-oqsma kollha 46 . Imma l-maġġoranza vasta tal-Istati Membri stipulaw l-implimentazzjoni tar-regola tal-unisex biss kif mitlub mid-deċiżjoni jiġifieri għall-kuntratti tal-assigurazzjoni privata. F'dawk l-Istati Membri differenzi bbażati fuq dejta attwarjali rigward l-istennija tal-għomor għadhom ammissibbli għall-pensjonijiet okkupazzjonali.

5.3    L-impatt ekonomiku tad-deċiżjoni fuq is-suq assigurattiv

Wara d-deċiżjoni ta' Test-Achats partijiet mis-settur assigurattiv bassru riperkussjonijiet sinifikattivi fuq il-livelli tal-prezzijiet billi sostnew li t-telf tas-sess bħala fattur ta' allokazzjoni tar-riskju ħafifa u affidabbli kien se jwassal għal żieda fil-prezzijiet kumplessivi tal-prodotti assigurattivi. 

Is-sentenza u l-implimentazzjoni tagħha kellhom xi spejjeż ta' darba għall-industrija assigurattiva meta kellhom joħolqu tabelli attwarjali unisex u jagħtu prezz ġdid u jvaraw mill-ġdid il-prodotti tagħhom biex jagħmluhom ta' sess newtru. Dawn l-ispejjeż ta' konformità inizjali ġew stmati għal madwar €14-il miljun għal Spanja u € 7.7 miljun għan-Netherlands.

Fir-rigward tal-iżviluppi fil-prezzijiet tal-assigurazzjoni jrid jiġi enfasizzat li ma hemm l-ebda evidenza ekonomika preċiża tal-impatt tad-deċiżjoni. Diffiċli li tipprovdi dejta affidabbli u kwantifikabbli u informazzjoni dwar l-impatt tal-qabża lejn prezzijiet unisex għal għadd ta' raġunijiet.

In-nuqqas ta' dejta disponibbli enfasizzata minn xi Stati Membri u mill-partijiet interessati 47 x'aktarx li hi marbuta mal-fatt li d-deċiżjoni Test-Achats kellha sal-21 ta' Diċembru 2012 biex tiġi implimentata. Il-perjodu li għadda minn dak iż-żmien huwa qasir wisq biex jippermetti l-ġbir ta' evidenza u dejta ekonomiċi li jmorru lil hinn minn effetti għat-terminu l-qasir.

Barra minn hekk, huwa kumpless ħafna biex tiddistingwi l-effetti ta' fatturi differenti li jaffettwaw l-evoluzzjoni tas-suq tal-assigurazzjoni u biex tistima korrettament l-influwenza speċifika tal-fattur tal-primjum unisex fuq il-prezz jew l-iżvilupp tal-prodott. Fil-parti l-kbira tas-swieq, l-assiguraturi kellhom jimplimentaw mhux biss primjums unisex imma għadd ta' żviluppi ġuridiċi u regolatorji oħrajn li jaffettwaw il-livelli tal-prezzijiet, kemm fil-livell nazzjonali u kemm f'tal-UE 48 .

Apparti r-rekwiżiti ġuridiċi, il-kumpaniji tal-assigurazzjoni jistgħu jkunu biddlu fatturi tal-prodott biex itejbu l-prodotti assigurattivi fiċ-ċiklu regolari tal-prodott. Setgħu implimentaw ukoll żviluppi fil-valutazzjonijiet tal-fatturi ta' riskju 49 , użaw kriterji ġodda biex jivvaluaw il-prodotti tagħhom u jiddifferenzjaw il-prodott (eż. l-użu ta' telematika - magħrufa bħala t-teknoloġija tal-"kaxxa s-sewda" - mill-assiguraturi fl-assigurazzjoni tal-karozza 50 ) jew żviluppaw prodotti ġodda biex jattiraw klijenti partikolari. Pereżempju, fi Spanja, xi assiguraturi introduċew prodotti ġodda li jibbenefikaw l-iktar lin-nisa biex b'hekk jattiraw klijenti nisa. Offerti oħrajn jikkonċernaw il-kopertura kontra s-serq ta' basktijiet li jkunu ġol-karozza jew għajnuna speċifika għal nisa tqal f'każ li jkollhom problemi tas-saħħa waqt li jkunu qed isuqu. Dawn il-bidliet kollha setgħu influwenzaw il-prezz tal-prodotti jew il-kopertura pprovduta.

Fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli, l-impatt tal-introduzzjoni tal-prinċipju unisex għall-prezzijiet tal-assigurazzjoni jidher li kien ġeneralment insinifikanti jew moderat 51 . Kif mistenni u kif kien inevitabbli li jiġri, il-primjums għolew għan-nisa (u naqsu għall-irġiel) għal ċerti assigurazzjonijiet (bħall-assigurazzjoni tal-karozza). Skont Insurance Sweden, l-assigurazzjoni tal-karozza għal nisa żgħażagħ għola b'xi 10% filwaqt li rġiel żgħażagħ li huma sovrarappreżentati fl-inċidenti tat-traffiku kisbu tnaqqis korrispondenti fil-primjums tal-assigurazzjoni tagħhom. Fl-Italja, riċerka li saret minn Lulju 2012 sa Jannar 2013 turi li l-primjums għal nisa tal-mezzaetà li huma sewwieqa esperti kienu 3% ogħla minn dawk tal-irġiel fl-istess sitwazzjoni qabel Diċembru 2012. Is-sitwazzjoni hija pjuttost differenti għas-sewwieqa żgħażagħ: qabel Diċembru 2012 in-nisa kienu jħallsu 18% inqas mill-irġiel għall-assigurazzjoni tal-karozza u wara dik id-data, iż-żieda tal-primjums tagħhom b'sa 18% ikkorrispondiet għan tnaqqis fil-primjums tal-irġiel b'10%. Għal linji ta' prodotti oħrajn kien hemm żidiet fil-primjums għall-irġiel (u tnaqqis għan-nisa). Imma kollox ma' kollox, għalkemm l-istampa ma tidhirx li hi identika kullimkien, l-impatt fuq is-suq jidher li kien pjuttost newtrali jew limitat ħafna u fi kwalunkwe każ jidher li ma hemm l-ebda indikazzjoni ta' żviluppi tal-prezzijiet bla ġustifikazzjoni.

6.protezzjoni mogħtija lill-vittmi ta' diskriminazzjoni

Hemm aċċess għal rimedju permezz ta' proċedimenti ġudizzjarji kif ukoll permezz ta' korpi tal-ugwaljanza nazzjonali li huma responsabbli, fost affarijiet oħra, biex jipprovdu assistenza għall-vittmi. Dawn id-dispożizzjonijiet huma prattikament identiċi fl-acquis tal-UE kontra d-diskriminazzjoni u dwar it-trattament indaqs u r-riżultanzi li nstabu reċentement fir-rapporti dwar Direttivi oħrajn 52 fir-rigward ta' kunċetti ewlenin bħall-aċċess għall-ġustizzja, ir-regola tal-oneru tal-prova u r-rekwiżit ta' sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi japplikaw bl-istess mod hawnhekk.

Biex tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni u jiġi żgurat it-trattament indaqs, l-Istati Membri u l-partijiet interessati rrikonoxxew li l-korpi tal-ugwaljanza huma essenzjali biex il-liġi tiġi infurzata u biex jiġi żgurat li d-drittijiet legali jkunu applikati realment. Huwa għalhekk li l-Kummissjoni, fil-komunikazzjoni tagħha dwar l-aġenda għall-Ġustizzja tal-UE għall-2020, enfasizzat ir-rwol ċentrali li jista' jkollhom il-korpi tal-ugwaljanza fl-iżgurar ta' rimedji effettivi għaċ-ċittadini 53 . Il-Kummissjoni se tkompli tiżgura b'xogħolha li l-korpi tal-ugwaljanza jkunu jistgħu effettivament ikollhom rwol sħiħ, speċjalment permezz tal-monitoraġġ u l-infurzar tar-regoli applikabbli. Hija se tesplora wkoll modi biex tiċċara r-rekwiżiti li jikkonċernaw il-korpi tal-ugwaljanza skont id-Direttiva, partikolarment il-kunċetti ċentrali tal-indipendenza u l-effettività.

Il-Kummissjoni se tippromwovi l-aħjar prattiki biex iċ-ċittadini jkunu jafu aħjar id-drittijiet tagħhom sabiex tiggarantixxi l-applikazzjoni sħiħa tal-prinċipju tat-trattament indaqs madwar l-UE u biex tkompli ssaħħaħ il-protezzjoni lill-vittmi.

7.Il-konklużjonijiet u l-passi li jmiss

Fil-qasam speċifiku tas-servizzi finanzjarji, l-implimentazzjoni tad-deċiżjoni Test-Achats fis-settur tal-assigurazzjoni kienet l-iktar sfida importanti. L-Istati Membri kollha diġà implimentaw id-deċiżjoni jew qed jimplimentawha. Xi Stati Membri għażlu li jmorru lil hinn mill-applikazzjoni tar-regola unisex għat-tipi kollha tal-assigurazzjoni u tal-pensjoni, u b'hekk anke għall-fondi tas-sigurtà soċjali okkupazzjonali li huma koperti mid-Direttiva 2006/54/KE. F'Settembru 2014, il-QtĠ iddeċidiet li l-benefiċċji differenzjati fuq il-bażi ta' dejta attwarjali huma inammissibbli fil-pensjonijiet tas-sigurtà soċjali statutorja skont id-Direttiva 79/7/KEE 54 . Fid-dawl ta' dawn l-iżviluppi, il-Kummissjoni se tivvaluta l-applikazzjoni ta' kundizzjonijiet differenzjati skont is-sess għall-pensjonijiet okkupazzjonali skont id-Direttiva 2006/54/KE u jekk għandhiex tittieħed azzjoni biex tiġi żgurata l-applikazzjoni komprensiva tar-regola unisex fil-pilastri kollha tas-sistema tal-pensjonijiet, kemm jekk volontarja u kemm jekk okkupazzjonali jew statutorja.

Fir-rigward tal-impatti tas-sentenza Test-Achats fuq il-livelli tal-prezzijiet tal-assigurazzjoni, jidher li għadu kmieni wisq biex naslu għal konklużjonijiet finali. Madankollu, fuq il-bażi tal-ftit evidenza disponibbli l-impatt jidher li huwa limitat ħafna.

Rigward l-implimentazzjoni tad-Direttiva, l-Istati Membri kollha ħadu miżuri biex jittrasponu d-Direttiva fl-ordnijiet ġuridiċi domestiċi u jwaqqfu l-proċeduri u l-korpi għall-implimentazzjoni tagħha. Il-Kummissjoni ma tqisx li jkun neċessarju li tipproponi emendi għad-Direttiva f'dan l-istadju imma se tipprijoritizza l-indirizzar tal-bqija tal-kwistjonijiet tat-traspożizzjoni fl-Istati Membri kkonċernati, l-iktar fir-rigward tal-kamp ta' applikazzjoni tal-eċċezzjoni stipulata fl-Artikolu 4(5) tad-Direttiva.

Iktar xogħol ta' infurzar kif ukoll ġurisprudenza fil-livell nazzjonali u fil-livell tal-UE għandhom iwasslu għal kjarifiki dwar xi wħud mill-kwistjonijiet li tqajmu f'dan ir-rapport. Minn hemm 'il quddiem, l-isfida ewlenija se tkun biex l-Istati Membri jiżguraw li l-awtoritajiet ġudizzjarji u l-korpi tal-ugwaljanza tagħhom sistematikament jipprovdu protezzjoni sħiħa u reali lill-vittmi. Il-Kummissjoni se tkompli l-attivitajiet ta' monitoraġġ tagħha u tappoġġa lill-Istati Membri sabiex jirrealizzaw il-potenzjal sħiħ tad-Direttiva.

(1)

   Id-Direttiva tal-Kunsill 2004/113/KE tat-13 ta' Diċembru 2004 li timplimenta l-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fl-aċċess għal u l-provvista ta' merkanzija u servizzi, ĠU L 373, 21.12.2004, p.37.

(2)

   Is-sentenza tal-1 ta’ Marzu 2011 fil-Kawża C-236/09, ĠU C 130 30.4.2011, p.4.

(3)

   Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni – Linji gwida dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/113/KE fis-settur tal-assigurazzjoni, fid-dawl tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-Kawża C-236/09 (Test-Achats), C(2011) 9497 finali, it-22 ta' Diċembru 2011, ĠU C 11, 13.01.2012.

(4)

   BE, DE, DK, LT, LV, PL.

(5)

   Il-Kawża C-196/87 Steymann, il-5 ta' Ottubru 1988, para. 9 u 12.

(6)

   Ara pereżempju l-Kawżi C-51/96 Deliège u C-191/97, Pacqué, il-11 ta' April 2000, para. 46.

(7)

   Ara pereżempju, C-157/99 Smits and Peerbooms, it-12 ta' Lulju 2001, para.57.

(8)

     Madankollu, id-diskriminazzjoni sesswali fi skemi ta' sigurtà soċjali statutorji huma koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 79/7/KEE.

(9)

     Eż. meta persuna toffri s-sullokazzjoni ta' kamra fl-appartament tagħha. F'dak il-każ jidher li l-esklużjoni tkun tapplika anke jekk il-kamra tkun offruta lill-pubbliku f'gazzetta jew fuq l-internet.

(10)

   Ara l-kawża C-13/94 P vs S u Cornwall County Council, it-30 ta' April 1996 u l-kawża C-423/04,     Richards vs Secretary for Work and Pensions, is-27 ta' April 2006.

(11)

   BE, CZ, SE, SK, UK.

(12)

       Għal aktar informazzjoni dwar l-identità tal-ġeneru ara r-rapport tal-2011 "Discrimination on the grounds of sex, gender identity and gender expression", min-netwerk Ewropew ta' esperti ġuridiċi fil-qasam tan-nondiskriminazzjoni. Dan ir-rapport tista' ssibu fl-indirizz li ġej: http://bookshop.europa.eu/en/trans-and-    intersex-people-pbDS3212033

(13)

     Speċjalment AT

(14)

   AT b'madwar 50 ilment fl-2012, BE b'ilment jew tnejn kull sena (b'xi wħud minn persuni transġeneri), DK bi 15 sa 20 każ, SE b'ħames każi bejn l-2009 u l-2013. FR irrapportat in-nuqqas ta' dejta distinta u speċifika li tikkonċerna l-fastidju fl-aċċess għall-oġġetti u s-servizzi.

(15)

   CZ.

(16)

   BG.

(17)

     LT u LV.

(18)

       Eż. fid-DK. Każijiet simili ġew irrapportati fl-EE u fl-HU fir-ristoranti u fl-IE fiċ-ċinema u fit-teatri.

(19)

   HU, LV.

(20)

   UK.

(21)

   AT, BE, DK, Equinet.

(22)

   Ara r-rapport ta' Equinet dwar il-korpi tal-ugwaljanza fl-Istati Membri differenti.

(23)

   ara partikolarment il-kawża C-451/03, Servizi Ausiliari Dottori Commercialisti Srl, it-30 ta' Marzu 2006, para.45.

(24)

   BE, HU.

(25)

   Interessanti li xi Stati Membri, eż. BE u NL, għażlu li jelenkaw b'mod eżawrjenti s-setturi li jistgħu jibbenefikaw minn din id-deroga fil-leġiżlazzjoni tagħhom jew jistipulaw din il-possibilità.

(26)

   Ara r-rapport ta' Equinet.

(27)

   Kompartiment ferrovjarju (CZ) jew sular f'lukanda (DK) riżervati għan-nisa biss.

(28)

   Irrapportat minn AT, BE, DK, LV, PL, SI.

(29)

   Irrapportat minn BE, DE, DK.

(30)

   Irrapportat minn MT, PL, SI.

(31)

   Irrapportat minn SI, DK.

(32)

     SK, l-Artikolu 8a tal-Att ta' Kontra d-Diskriminazzjoni.

(33)

   L-Artikolu 158 tal-Att tal-2010

(34)

   Il-Qorti Distrettwali ta' Leopoldstadt (31 C 649/09z-9). Ara wkoll fuq, fit-taqsima 4.1 dwar il-qrati Ġermaniżi li japplikaw l-Artikolu 4(5) f'sitwazzjoni komparabbli.

(35)

   C-366/99, Griesmar, id-29 ta' Novembru 2001.

(36)

   F'xi Stati Membri (eż. DE, FR, IT, UK), id-deċiżjoni u l-implimentazzjoni tagħha wasslu għal dibattitu intens u attenzjoni konsiderevoli mill-midja.

(37)

   Ara r-rapport EIOPA dwar l-implimentazzjoni tad-deċiżjoni Test Achats EIOPA-CCPFI-13/091, is-6 ta' Frar 2014.

(38)

   AT, BG, DE, EE, FI, FR, GR, HR, CZ, HU, LT, LV, PL, SI.

(39)

   BE, CY, DK, IE, NL, SE, UK.

(40)

   ES, MT, RO, SK.

(41)

   AT, BE, DK, FI, FR, GR, IE, HU, LV, NL, MT, SE, SI u UK.

(42)

   CY, CZ, DE, EE, ES, LT, PL, RO, SK.

(43)

   LU.

(44)

   Madankollu, il-Qorti tal-EFTA trid dovutament tqis il-prinċipji stipulati mid-deċiżjonijiet rilevanti tal-QtĠ skont il-ftehim tal-Artikolu 3(2) Sorveljanza/Qorti tal-EFTA.

(45)

   In-Norveġja diġà adottat l-emendi neċessarji fl-20 ta' Ġunju 2014 bi dħul fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2015.

(46)

   BG, CY, CZ, DK, FR, LV, SE.

(47)

   FR, LU, Insurance Europe, BIPAR, AAE. Xi tweġibiet fakkru wkoll f'restrizzjonijiet fil-monitoraġġ sistematiku tal-primjums tal-assigurazzjoni skont il-liġi tal-kompetizzjoni tal-UE.

(48)

   Bħad-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 25 ta’ Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-Assigurazzjoni u tar-Riassigurazzjoni (Solvibbiltà II).

(49)

   Insurance Europe.

(50)

   Kif identifikat minn EIOPA fl-aħħar rapport dwar it-tendenzi tal-konsumaturi tagħha, EIOPA-BoS-13/175 rev1, il-15 ta' Diċembru 2013.

(51)

   FI, CZ, PL, LT, HR.

(52)

   Ara pereżempju, ir-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, Rapport Konġunt dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta’ Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew etniċità ("id-Direttiva dwar l-Ugwaljanza Razzjali") u tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol ("id-Direttiva dwar l-Ugwaljanza fl-Impjieg"), is-17 ta' Jannar 2014, COM(2014) 2 finali.

(53)

   Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, L-Aġenda tal-Ġustizzja tal-UE għall-2020 – It-tisħiħ tal-fiduċja, tal-mobbiltà u tat-tkabbir fl-Unjoni, C(2014)144 finali, 11 ta' Marzu 2014.

(54)

   C-318/13, Proċedura mibdija minn X, it-3 ta' Settembru 2014.

Top