IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 22.4.2015
COM(2015) 176 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
Ir-reviżjoni tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar l-organiżmi ġenetikament modifikati (OĠM)
1.INTRODUZZJONI
Il-Kummissjoni Ewropea ġiet maħtura fuq il-bażi ta’ ġabra ta’ Linji Gwida Politiċi li ppreżentat lill-Parlament Ewropew. F’dawn il-Linji Gwida, il-Kummissjoni ħadet l-impenn li tirrevedi l-leġiżlazzjoni attwali dwar l-awtorizzazzjoni tal-organiżmi ġenetikament modifikati (OĠM).
Din il-Komunikazzjoni tirrapporta dwar ir-riżultati tal-eżami li għamlet il-Kummissjoni tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet għall-awtorizzazzjoni tal-OĠM u tistipula r-raġunament li wassal għall-proposta leġiżlattiva adottata mill-Kummissjoni.
Il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet fil-qasam tal-OĠM huwa rregolat kemm minn qafas legali speċifiku kif ukoll minn regoli istituzzjonali komuni. Din il-Komunikazzjoni tiġbor fil-qosor il-kuntest ta’ dawn id-deċiżjonijiet, tiddiskuti l-mod kif il-proċess ta’ awtorizzazzjoni jaħdem fil-prattika u tiddeskrivi l-bidliet li ddaħħlu dan l-aħħar.
Tispjega wkoll il-konklużjoni li waslet għaliha l-Kummissjoni u l-kunsiderazzjonijiet li għamlet biex waslet għaliha: iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali speċifiċi għal OĠM li huma l-bażi tal-impenn fil-Linji Gwida Politiċi, b’mod partikolari l-kwistjonijiet demokratiċi u ġuridiċi.
2.IL-PROĊESS TAT-TEĦID TAD-DEĊIŻJONIJIET FIL-QASAM TAL-OĠM
2.1. Il-qafas ġuridiku
L-Unjoni Ewropea għandha qafas ġuridiku komprensiv fis-seħħ għall-awtorizzazzjoni, it-traċċabbiltà u l-ittikkettar ta’ OĠM.
Ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 dwar ikel u għalf ġenetikament modifikat (“ir-Regolament tal-2003”) ikopri ikel, ingredjenti tal-ikel u għalf li fihom l-OĠM, jikkonsistu minn OĠM jew huma prodotti minn OĠM. Ikopri wkoll OĠM għal użi oħrajn bħall-kultivazzjoni, jekk ikunu ser jintużaw bħala materjal ta’ sors għall-produzzjoni tal-ikel u l-għalf. Dawn kollha ta’ hawn fuq, kif koperti mir-Regolament tal-2003, minn hawn ’il quddiem jissejħu “ikel u għalf ġenetikament modifikat”.
Il-biċċa leġiżlazzjoni l-oħra f’dan il-qasam hija d-Direttiva 2001/18/KE dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta’ organiżmi modifikati ġenetikament (“id-Direttiva tal-2001”). Din tkopri l-OMĠ għal użi oħra li mhumiex l-ikel u l-għalf (notevolment il-kultivazzjoni).
It-tnejn li huma jistipulaw proċeduri ta’ awtorizzazzjoni li l-għan tagħhom huwa li jiżguraw li t-tqegħid fis-suq tal-prodotti kkonċernati ma jippreżentax riskju lil saħħet il-bniedem jew l-annimali jew lill-ambjent. Minħabba f'hekk, fil-qalba tal-proċedura hemm valutazzjoni xjentifika tar-riskju: kull awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta’ prodott għandha tiġi ġġustifikata kif xieraq, u l-bażi prinċipali li fuqha għandha sserraħ tali ġustifikazzjoni hija valutazzjoni xjentifika. Skont il-leġiżlazzjoni, ir-responsabbiltà għall-valutazzjonijiet xjentifiċi tar-riskju hija tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA), f’kooperazzjoni mal-korpi xjentifiċi tal-Istati Membri.
Minn perspettiva legali, id-deċiżjonijiet li jawtorizzaw l-OĠM ikollhom l-għamla ta’ atti ta’ implimentazzjoni adottati mill-Kummissjoni. Għalhekk, filwaqt li l-Kummissjoni għandha rwol deċiżiv fil-proċess tal-awtorizzazzjoni, l-Istati Membri huma involuti ħafna wkoll.
L-involviment tal-Istati Membri fl-istadju tal-awtorizzazzjoni
L-Istati Membri huma involuti f’żewġ stadji: jivvutaw fuq l-abbozzi tad-deċiżjonijiet ippreżentati mill-Kummissjoni fil-Kumitat Permanenti, u mbagħad, jekk ma tkun tista' tittieħed l-ebda deċiżjoni f’dak il-livell, jivvutaw fil-Kumitat tal-Appell. Bħal fil-kumitati l-oħra kollha mwaqqfin skont il-leġiżlazzjoni tal-UE, l-Istati Membri jivvutaw skont ir-regola tal-maġġoranza kwalifikata, kif iddefinit fit-Trattat.
Fejn ma jkunx hemm maġġoranza kwalifikata favur jew kontra l-abbozz tad-deċiżjoni fil-Kumitat tal-Appell, ir-riżultat ikun “ebda opinjoni”.
L-adozzjoni finali mill-Kummissjoni
Ir-regoli li jmexxu din il-proċedura (ir-Regolament (UE) Nru 182/2011) jipprovdu li fejn fil-Kumitat tal-Appell ikun hemm ir-riżultat "ebda opinjoni", "il-Kummissjoni tista’ tadotta l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni"
. Din il-formulazzjoni timplika li l-Kummissjoni tista’ teżerċita ċertu ammont ta’ diskrezzjoni. Fil-każ ta’ deċiżjonijiet marbuta mal-OĠM, madankollu, ir-Regolament tal-2003 u d-Direttiva tal-2001 inaqqsu ferm l-ammont ta’ manuvrar possibbli minnha. Is-sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel, interpretata fid-dawl tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tirrikjedi li l-Kummissjoni tadotta deċiżjoni (li tawtorizza jew tipprojbixxi t-tqegħid tal-prodott fis-suq tal-UE) f’perjodu ta’ żmien raġonevoli. Dan ifisser li fejn il-leġiżlazzjoni tipprojbixxi t-tqegħid fis-suq ta’ prodott (f’dan il-każ, OĠM) sakemm ma jkunx awtorizzat, il-korp tal-awtorizzazzjoni (f’dan il-każ, il-Kummissjoni) ma jistax sempliċement jastjeni indefinittivament milli jieħu deċiżjoni (sew jekk jawtorizza u sew jekk jipprojbixxi l-prodott) jekk nassumu li tkun tressqet talba valida għall-awtorizzazzjoni. Għalhekk, fejn vot jirriżulta f’“ebda opinjoni”, il-Kummissjoni ma tistax sempliċement tastjeni milli tieħu deċiżjoni.
Miżuri tal-emerġenza possibbli fil-livell tal-UE jew tal-Istati Membri
Ir-Regolament tal-2003 jinkludi dispożizzjonijiet li jippermettu lill-Kummissjoni jew lill-Istati Membri jadottaw miżuri ta’ emerġenza sabiex OĠM awtorizzat jitwaqqaf milli jitqiegħed fis-suq jew jitwaqqaf milli jintuża. Jista' jsir rikors għal-tali miżuri biss jekk ikun hemm evidenza xjentifika li turi li l-prodott x’aktarx joħloq riskju serju għas-saħħa jew għall-ambjent.
2.2. Ir-realtà tat-teħid tad-deċiżjonijiet għall-awtorizzazzjoni tal-OĠM
Mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, l-Istati Membri qatt ma kisbu maġġoranza kwalifikata favur jew kontra abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza l-OĠM, kemm jekk għall-kultivazzjoni u kemm jekk għall-ikel u l-għalf ġenetikament modifikat. Ir-riżultat dejjem kien “ebda opinjoni”. Dan kien il-każ konsistentement fl-istadji kollha tal-proċedura (kemm fil-Kumitat Permanenti kif ukoll fil-Kumitat tal-Appell, skont ir-regoli attwali, u fil-Kunsill fil-passat) (ara t-Tabelli 1 sa 3 u l-Grafika 1 tal-Anness).
OĠM għall-kultivazzjoni
Il-kultivazzjoni tal-OĠM fl-UE hija limitata. Mill-1990 'l hawn, tliet OĠM biss ġew awtorizzati għall-kultivazzjoni, u prodott wieħed biss (il-qamħirrum MON 810) huwa awtorizzat bħalissa. Dan jiġi kkultivat f’ħames Stati Membri u l-erja tal-art fejn jitkabbar tirrappreżenta biss 1,5 % tal-erja totali tal-art li fuqha jitkabbar il-qamħirrum fl-UE.
L-għadd żgħir ta’ awtorizzazzjonijiet għall-kultivazzjoni mogħtija s’issa, kif ukoll il-klawżoli ta’ salvagwardja adottati minn għadd ta’ Stati Membri għall-prevenzjoni tal-użu ta’ OĠM awtorizzati mil-leġiżlazzjoni tal-UE, juru l-pożizzjoni ta’ ħafna Stati Membri fuq din il-kwistjoni. F'dawn l-aħħar snin, ir-reżistenza għall-OĠM fil-kultivazzjoni żdiedet, u ħafna Stati Membri opponew l-awtorizzazzjoni tal-qamħirrum 1507 fil-Kunsill fi Frar 2014 (ara t-Tabella 1 tal-Anness).
Ikel u għalf ġenetikament modifikat
L-għadd ta’ prodotti tal-ikel ġenetikament modifikati disponibbli għax-xiri huwa żgħir (minkejja li l-awtorizzazzjoni konġunta mal-għalf tfisser li huwa awtorizzat għadd ikbar). L-evidenza mill-istħarriġiet tal-opinjoni tikkonferma l-impressjoni ġenerali li ċ-ċittadini tal-UE huma kontra l-ikel ġenetikament modifikat. Ħafna bejjiegħa tal-ikel għażlu li ma jbigħux ikel ġenetikament modifikat. Dan jista’ jkun minħabba r-rekwiżiti tal-ittikkettjar għall-ikel ġenetikament modifikat, u wkoll minħabba d-disponibbiltà ta’ alternattivi li mhumiex ġenetikament modifikati.
Xi konsumaturi jkunu jridu jkunu ċerti li ma hemm l-ebda OĠM involut fi kwalunkwe stadju tal-produzzjoni tal-ikel li jixtru. Għaldaqstant, għadd ta’ produtturi, negozjanti u bejjiegħa tal-bhejjem, f’diversi Stati Membri, ippruvaw jużaw il-fatt li ma jużawx l-OĠM bħala vantaġġ kompetittiv. Dan wassal għall-użu ta’ tikketti bħal “Mitmugħa għalf ħielsa mill-modifikazzjoni ġenetika” jew "Organiku".
Għall-kuntrarju tas-sitwazzjoni għall-ikel ġenetikament modifikat, fl-UE hemm suq imdaqqas għall-għalf ġenetikament modifikat. Dan huwa partikolarment minnu għall-għalf kompost, li huwa taħlita ta’ materjali tal-għalf għall-annimali tal-irziezet b'kontenut għoli ta' enerġija u proteini. Il-biċċa l-kbira tal-għalf li jintuża fl-UE jiġi importat (fl-2013, aktar minn 60 % tal-bżonnijiet tal-UE ta' proteini tal-pjanti nqdew mill-importazzjonijiet — essenzjalment il-fażola tas-sojja u l-fażola tas-sojja mitħuna), u l-importazzjonijiet jiġu prinċipalment minn pajjiżi fejn il-kultivazzjoni hija ddominata mill-OĠM — 90 % tal-importazzjonijiet joriġinaw minn pajjiżi fejn madwar 90 % tal-art użata għall-fażola tas-sojja titħawwel b’fażola tas-sojja modifikata ġenetikament. Ir-raġunijiet ewlenin għall-użu mifrux tal-fażola tas-sojja mitħuna ġenetikament modifikata jidhru li huma d-disponibbiltà, il-prezz u l-kompetittività.
Madankollu, il-fatt li l-għalf ġenetikament modifikat jintuża ħafna, ma affettwax ix-xejriet tal-votazzjonijiet. Il-votazzjonijiet dwar l-ikel u l-għalf ġenetikament modifikat ikomplu jwasslu sistematikament għal “ebda opinjoni” (ara t-Tabelli 2 u 3 u l-Grafika 1 tal-Anness). Filwaqt li maż-żmien il-pożizzjonijiet tal-votazzjoni fil-biċċa l-kbira stabbilizzaw ruħhom, tipikament ikun hemm iktar Stati Membri li jappoġġaw abbozz ta’ deċiżjoni milli jkun hemm li jopponuh.
Filwaqt li l-Istati Membri kienu ħerqana li jintroduċu klawżoli ta’ salvagwardja għall-prevenzjoni tal-użu tal-OĠM għall-kultivazzjoni, dawn ma ntużawx b'mod wiesa' għall-ikel u l-għalf ġenetikament modifikat (Stat Membru wieħed biss bħalissa għandu miżuri fis-seħħ li huma marbuta ma’ tliet prodotti). Madankollu, l-għadd ta’ Stati Membri li jivvutaw kontra l-awtorizzazzjoni ta’ ikel u għalf ġenetikament modifikat juri li l-Istati Membri ma jħossux li l-proċess jippermettilhom jindirizzaw bis-sħiħ it-tħassibiet individwali tagħhom.
Konklużjoni dwar il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet
Issa saret “in-norma” għal deċiżjoni dwar l-awtorizzazzjonijiet tal-OMĠ li d-dossier jiġi rritornat lill-Kummissjoni għad-deċiżjoni finali, u b'hekk id-deċiżjonijiet f’dan il-qasam saru pjuttost l-eċċezzjoni, minflok il-funzjonament normali tal-proċedura tal-komitoloġija sħiħa tal-UE. Il-kwistjonijiet imqajma mill-Istati Membri li opponew l-awtorizzazzjonijiet ħafna drabi ma jkunux ibbażati fuq kunsiderazzjonijiet xjentifiċi, iżda jirriflettu t-tħassib nazzjonali li ma jkunx biss marbut ma' kwistjonijiet tas-sikurezza tal-OĠM għas-saħħa jew għall-ambjent.
Filwaqt li l-leġiżlazzjoni attwali tippermetti lill-Kummissjoni tqis “fatturi leġittimi l-oħra” minbarra l-valutazzjoni tar-riskju mwettqa mill-EFSA, xorta ma kinitx f’pożizzjoni li tiġġustifika projbizzjoni għall-UE kollha tal-prodotti li l-EFSA tqis li huma sikuri abbażi ta’ dawn il-fatturi.
Dan jimplika de facto li l-Kummissjoni sistematikament titqiegħed f’sitwazzjoni fejn ikollha tieħu deċiżjoni dwar awtorizzazzjonijiet mingħajr l-appoġġ tal-Istati Membri fil-kumitati rilevanti. Din is-sitwazzjoni hija speċifika għall-għoti tal-awtorizzazzjonijiet tal-OĠM.
3.IR-RIFORMA RIĊENTI TAR-REGOLI GĦALL-OMĠ AWTORIZZATI GĦALL-KULTIVAZZJONI
Fl-2010, il-Kummissjoni ppreżentat proposta biex temenda l-leġiżlazzjoni dwar l-OĠM biex iżżid ir-raġunijiet li minħabba fihom l-Istati Membri jkunu jistgħu jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-kultivazzjoni ta’ OĠM awtorizzati mill-UE fit-territorju tagħhom ("esklużjoni fakultattiva" ("opt-outs")). Fil-memorandum ta’ spjegazzjoni tal-proposta, il-Kummissjoni spjegat li “il-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali tat-teħid tad-deċiżjonijiet huma meqjusa bħala l-aktar oqfsa xierqa biex jindirizzaw il-partikolaritajiet marbuta mal-kultivazzjoni tal-OĠM”. L-emenda proposta issa ġiet adottata fil-liġi tal-UE bħala d-Direttiva (UE) 2015/412 (“id-Direttiva tal-2015”). Din tippermetti lill-Istati Membri jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-kultivazzjoni ta’ OĠM fit-territorju tagħhom (jew parti minnu) bil-kundizzjoni li tali miżuri jkunu ġġustifikati abbażi ta’ raġunijiet konvinċenti li mhumiex ir-riskju għas-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali u għall-ambjent, jiġifieri, kriterji li mhumiex dawk ivvalutati mill-EFSA fil-valutazzjoni tar-riskju tagħha. Dan huwa żvilupp importanti billi jippermetti lill-Istati Membri jikkunsidraw il-kuntest nazzjonali tagħhom, fejn jista’ jkun hemm raġunijiet leġittimi biex jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-kultivazzjoni tal-OĠM, minbarra dawk relatati mar-riskji għas-saħħa u l-ambjent. L-Istati Membri jistgħu għalhekk iqisu l-kunsiderazzjonijiet lil hinn minn dawk koperti mis-sistema tal-awtorizzazzjoni tal-UE, li hija ffukata fuq valutazzjoni xjentifika u topera fi ħdan il-limiti imposti mil-liġi tal-UE. Id-dispożizzjoni tapplika kemm għal awtorizzazzjonijiet futuri u kif ukoll għal OĠM li diġà ġew awtorizzati fil-livell tal-UE.
Għalhekk, id-Direttiva tal-2015 lill-Istati Membri tagħtihom aktar flessibbiltà biex jiddeċiedu jekk jixtiqux jikkultivaw l-OĠM fit-territorju tagħhom jew le, filwaqt li xorta żżomm is-sistema tal-awtorizzazzjoni tal-UE bbażata fuq il-valutazzjoni tar-riskju. Għalhekk, id-Direttiva tindirizza waħda mit-tħassibiet ewlenin espressi matul is-snin dwar il-proċedura tal-awtorizzazzjoni, u hija kompletament konformi mal-approċċ stipulat fil-Linji Gwida Politiċi ppreżentati mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew.
Id-Direttiva tal-2015 tapplika biss, madankollu, għal OĠM għall-kultivazzjoni u mhux għal ikel u għalf ġenetikament modifikat, li jirrappreżentaw il-maġġoranza tal-awtorizzazzjonijiet mogħtija fl-UE.
4.IL-PROPOSTA TAL-KUMMISSJONI
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tipproponi li temenda r-Regolament tal-2003 b’tali mod li l-Istati Membri jkunu jistgħu jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-użu, fit-territorju kollu tagħhom jew parti minnu, ta’ ikel u għalf ġenetikament modifikat awtorizzat fil-livell tal-UE għal raġunijiet konvinċenti oħra minbarra r-riskju lis-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali jew lill-ambjent — jiġifieri, kriterji li mhumiex dawk ivvalutati mill-EFSA fil-valutazzjoni tar-riskju tagħha.
Il-miżuri adottati mill-Istati Membri għandhom ikunu kompatibbli mar-regoli dwar is-suq intern, u b’mod partikolari mal-Artikolu 34 TFUE, li jipprojbixxi miżuri li jkollhom effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi fuq il-moviment liberu tal-merkanzija. Għalhekk, l-Istati Membri li jagħmlu użu minn din il-proposta se jkollhom bżonn jiġġustifikaw il-miżuri introdotti minħabba raġunijiet konformi mal-Artikolu 36 TFUE u mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja għal raġunijiet prevalenti ta’ interess pubbliku
. Kwalunkwe Stat Membru li jixtieq jagħmel użu minn din l-“esklużjoni fakultattiva” se jkollu jipprovdi ġustifikazzjoni għal dak il-każ speċifiku, filwaqt li jqis l-OĠM ikkonċernat, it-tip ta’ miżura ppjanata, u ċ-ċirkostanzi speċifiċi preżenti fil-livell nazzjonali jew reġjonali li jikkostitwixxu r-raġuni għal tali “esklużjoni fakultattiva”. Huma u jeżerċitaw din il-kompetenza l-ġdida tagħhom, l-Istati Membri jibqgħu marbutin bis-sħiħ bl-obbligi internazzjonali tagħhom, fosthom ir-regoli tad-WTO.
Din il-proposta se tirrifletti u tikkumplimenta d-drittijiet diġà mogħtija lill-Istati Membri fir-rigward tal-OĠM għall-kultivazzjoni mid-Direttiva tal-2015 – u se tkopri l-għadd ferm akbar ta’ awtorizzazzjonijiet mogħtija, li huma dawk għall-ikel u l-għalf. L-UE se jkollha ġabra konsistenti ta’ regoli għall-awtorizzazzjonijiet ĠM għall-kultivazzjoni u għall-ikel u l-għalf. Bħal fil-każ tad-Direttiva tal-2015, l-effett prattiku tal-proposta ser jiddependi fuq kemm l-Istati Membri jagħmlu użu mid-dispożizzjonijiet tagħha.
Il-Kummissjoni temmen li dan huwa l-mod it-tajjeb kif tindirizza l-isfidi fir-rigward tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet fil-livell tal-UE.
Fit-tħejjija ta’ din il-proposta, il-Kummissjoni qieset il-parametri essenzjali li ġejjin:
L-ewwel nett, il-Kummissjoni tqis li huwa importanti li tinżamm sistema unika ta’ ġestjoni tar-riskju, ibbażata fuq valutazzjoni indipendenti tar-riskju, bi preferenza għal sistema li tinvolvi awtorizzazzjonijiet nazzjonali b’rikonoxximent reċiproku. Sistema unika ta' ġestjoni tar-riskju hija l-aktar mod effettiv sabiex ikun żgurat l-istess livell ta’ protezzjoni madwar l-UE, u kif jiġi żgurat ukoll il-funzjonament tas-suq intern.
It-tieni nett, l-Artikolu 41 tal-Karta u l-ġurisprudenza tal-Qorti dwar ir-reġimi tal-awtorizzazzjoni minn qabel jobbligaw lill-Kummissjoni, bħala l-amministratur tar-riskju, li tieħu deċiżjonijiet dwar l-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni. Il-Kummissjoni ma tistax iżżomm id-deċiżjonijiet pendenti indefinittvament, jiġifieri li effettivament timponi moratorju fuq l-awtorizzazzjonijiet.
It-tielet nett, il-qafas ġuridiku u istituzzjonali eżistenti tal-UE għandu jiġi rispettat. Il-piż relattiv tal-vot tal-Istati Membri fil-Kunsill huwa stabbilit fit-Trattati u r-Regolament li jirregola l-adozzjoni ta’ atti ta’ implimentazzjoni huwa bbażat fuq dawn ir-regoli tal-votazzjoni. L-istess Regolament jistabbilixxi wkoll ir-regoli li jridu jiġu applikati f’sitwazzjonijiet fejn ma jkunx hemm maġġoranza kwalifikata li tappoġġa jew topponi abbozz ta’ miżura ta’ implimentazzjoni. Dawn ir-regoli japplikaw għall-oqsma politiċi kollha. Għall-Kummissjoni mhux iġġustifikat li wieħed jitbiegħed mir-regoli proċedurali orizzontali maqbula għall-implimentazzjoni tal-acquis tal-UE.
5.KONKLUŻJONI
Għall-Kummissjoni huwa xieraq li l-qafas ġuridiku għat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar l-ikel u l-għalf ġenetikament modifikat jiġi adattat. Il-Linji Gwida Politiċi ppreżentati mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew jispjegaw il-problema għall-kuntest speċifiku tal-OĠM — jiġifieri li s-sistema ma kinitx tippermetti li jitqies it-tħassib individwali tal-gvernijiet eletti demokratikament. Il-Kummissjoni tipproponi li l-Istati Membri jitħallew jużaw fatturi leġittimi biex jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-użu ta’ OĠM fit-territorju tagħhom, filwaqt li jiżguraw li l-miżuri jkunu konformi mar-regoli dwar is-suq intern u mal-qafas istituzzjonali tal-UE. Dan għandu jgħin lill-Istati Membri biex jindirizzaw fil-livell nazzjonali l-kunsiderazzjonijiet li mhumiex koperti mill-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE.
Kif indikat ukoll fil-Linji Gwida Politiċi, il-Kummissjoni hija impenjata li tapprofondixxi s-suq intern. Il-konklużjonijiet li waslet għalihom din il-Komunikazzjoni jikkonċernaw il-problemi li tfaċċaw fil-kuntest tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet għall-atti ta’ implimentazzjoni dwar l-OĠM, u ma jistgħux jiġu estrapolati lil hinn minn dan il-kuntest partikolari.
Għalhekk, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill il-Kummissjoni tipproponilhom emenda lill-qafas legali tal-ikel u l-għalf ġenetikament modifikat biex testendi s-soluzzjoni miftiehma fil-bidu ta’ din is-sena mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill għall-kultivazzjoni tal-OĠM lill-ikel u l-għalf ġenetikament modifikat.