Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014PC0739

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tapprova l-Pjan Direttur Shift2Rail

/* COM/2014/0739 final - 2014/0354 (NLE) */

52014PC0739

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tapprova l-Pjan Direttur Shift2Rail /* COM/2014/0739 final - 2014/0354 (NLE) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.           IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 642/2014 tas-16 ta’ Ġunju 2014 li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta Shift2Rail (minn hawn 'il quddiem ir-"Regolament S2R")[1] daħal fis-seħħ fis-7 ta’ Lulju 2014, u b’hekk stabbilixxa formalment sħubija ġdida pubblika-privata biex tmexxi l-attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni b’appoġġ għall-iżvilupp ta’ servizzi ferrovjarji aħjar fl-Ewropa.

Il-membri fundaturi tal-Impriża Konġunta Shift2Rail huma identifikati fir-Regolament S2R u jinkludu l-Unjoni, irrappreżentata mill-Kummissjoni, kif ukoll tmien imsieħba mill-industrija, li huma: Alstom Transport, Ansaldo STS, Bombardier Transportation, Construcciones y Auxiliar de Ferrocariles, Network Rail, Siemens Aktiengesellschaft, Thales u Trafikverket.

Għandhom jintgħażlu membri assoċjati addizzjonali permezz ta’ sejħa miftuħa għas-sħubija, imnedija mill-Kummissjoni fi żmien tliet (3) xhur mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament S2R.

L-għan ta’ Shift2Rail huwa li jappoġġja l-għanijiet tal-White Paper dwar it-Trasport tal-2011[2] u l-bidla modali ta' mezzi ta' trasport oħrajn anqas sostenibbli għal ferroviji, permezz ta' miżuri li jagħmlu s-settur ferrovjarju aktar kosteffiċjenti u attraenti.

It-teknoloġiji u s-soluzzjonijiet innovattivi li għandhom jiġu żviluppati, murija u vvalidati minn Shift2Rail huma mistennija li jirdoppjaw il-kapaċità tas-sistema tat-trasport ferrovjarju, inaqqsu l-ispiża taċ-ċiklu tal-ħajja b'50 % u jnaqqsu n-nuqqas ta' affidabbiltà u l-wasliet tard b'50%. L-Impriża Konġunta se tappoġġja wkoll it-tmexxija globali tal-industrija ferrovjarja Ewropea, u b’hekk jinħolqu l-impjiegi u jiżdieu l-esportazzjonijiet.

Skont l-Artikoli 1(4) u 2(a) tal-Anness I tar-Regolament S2R, l-Impriża Konġunta tax-Shift2Rail għandha tistabbilixxi, tiżviluppa u tiżgura l-implimentazzjoni effettiva u effiċjenti ta’ Pjan Direttur. Dan il-Pjan Direttur għandu jkun dokument li jħares 'il quddiem u jiddefinixxi r-riċerka prijoritarja u l-attivitajiet ta’ innovazzjoni biex jistimula l-innovazzjoni fis-settur ferrovjarju fuq medda twila ta’ żmien.

Skont l-Artikolu 1(3) tal-Anness I tar-Regolament S2R, il-Pjan Direttur tax-Shift2Rail għandu jkun strutturat madwar il-ħames oqsma tematiċi jew il-"Programmi ta’ Innovazzjoni" (“PIs”) li ġejjin:

· PI 1: Ferroviji Affidabbli u Kosteffiċjenti, inklużi ferroviji b'kapaċità għolja u ferroviji ta' veloċità għolja;

· PI 2: Sistemi Avvanzati għall-Ġestjoni u l-Kontroll tat-Traffiku;

· PI 3: Infrastruttura ta' Kapaċità Għolja, Affidabbli u Kosteffiċjenti;

· PI 4: Soluzzjonijiet tal-IT għal Servizzi Ferrovjarji Attraenti;

· PI 5: Teknoloġiji għal Merkanzija Ewropea Sostenibbli u Attraenti.

2.           RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MA' PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Il-verżjoni inizjali tal-Pjan Direttur Shift2Rail ġiet żviluppata mill-Impriża Konġunta Shift2Rail kif imsawra inizjalment mill-Membri Fundaturi tagħha fi proċess immexxi mill-Kummissjoni u b’konsultazzjoni mal-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea u l-Pjattaforma Teknoloġika tal-Kunsill Konsultattiv għar-Riċerka Ewropea dwar il-Ferroviji (European Rail Research Advisory Council - ERRAC).

Din tintegra wkoll kummenti li waslu minn firxa wiesgħa ta’ partijiet ikkonċernati waqt diversi laqgħat individwali mar-rappreżentanti tas-settur u waqt laqgħa ta’ konsultazzjoni pubblika li saret fl-20 ta’ Ġunju 2014, li fiha ħadu sehem madwar 200 parti kkonċernata.

Il-konsultazzjoni wriet li l-verżjoni attwali tal-Pjan Direttur hija bbilanċjata u appoġġata sew.

Fl-24 ta’ Settembru 2014, il-Bord tat-Tmexxija tal-Impriża Konġunta Shift2Rail approva l-verżjoni inizjali tal-Pjan Direttur Shift2Rail.

3.           ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

Din il-proposta tikkonċerna l-approvazzjoni mill-Kunsill tal-Pjan Direttur Shift2Rail, skont il-proċedura deskritta fl-Artikolu 1(4) tal-Anness I tar-Regolament S2R.

2014/0354 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tapprova l-Pjan Direttur Shift2Rail

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 642/2014 tas-16 ta’ Ġunju 2014 li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta Shift2Rail, b’mod partikolari l-Artikolu 1(4) tal-Anness I ta' dan ir-Regolament[3] ,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)       Il-Pjan Direttur S2R għandu jiġi stabbilit u żviluppat mill-Impriża Konġunta Shift2Rail, b'konsultazzjoni mal-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea u l-Pjattaforma Teknoloġika tal-Kunsill Konsultattiv għar-Riċerka Ewropea dwar il-Ferroviji (ERRAC), biex jistimula l-innovazzjoni fis-settur ferrovjarju fuq medda twila ta' żmien,

(2)       Il-Pjan Direttur Shift2Rail għandu jidentifika l-prijoritajiet ewlenin u l-innovazzjonijiet teknoloġiċi u operazzjonali essenzjali meħtieġa mill-partijiet ikkonċernati kollha biex jinkisbu l-għanijiet speċifiċi tal-Impriża Konġunta Shift2Rail imsemmija fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 642/2014,

(3)       Il-Pjan Direttur Shift2Rail għandu jkun xprunat mill-prestazzjoni u strutturat madwar numru limitat ta’ oqsma tematiċi ewlenin, jew Programmi ta’ Innovazzjoni kif identifikat fl-Artikolu 1(3) tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 642/2014,

(4)       Il-verżjoni tal-Pjan Direttur Shift2Rail approvata mill-Bord Governattiv fl-24 ta’ Settembru 2014 u li tintegra kontribuzzjonijiet ewlenin mill-partijiet ikkonċernati rilevanti, tikkostitwixxi l-bażi tas-sejħa għal membri assoċjati mnedija mill-Kummissjoni fis-6 ta’ Ottubru 2014 skont l-Artikolu 4(2) tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 642/2014 u l-bażi għall-istabbiliment tal-pjan ta’ ħidma tal-Impriża Konġunta Shift2Rail,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu Uniku

Il-Pjan Direttur strateġiku Shift2Rail huwa b’dan approvat.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

[1]               ĠU L 177, 17.6.2014, p. 9.

[2]               Il-White Paper "Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b'mod effiċjenti", COM(2011)144 finali.

[3]               ĠU L 177, 17.6.2014, p. 9.

Top