Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014PC0673

    Proposta għal DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL li tawtorizza lill-Kroazja biex tapplika eżenzjoni tat-taxxa għaż-żejt tal-gass li jintuża biex jitħaddem makkinarju għat-tneħħija tal-mini għal skopijiet umanitarji b’konformità mal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE

    /* COM/2014/0673 final - 2014/0312 (NLE) */

    52014PC0673

    Proposta għal DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL li tawtorizza lill-Kroazja biex tapplika eżenzjoni tat-taxxa għaż-żejt tal-gass li jintuża biex jitħaddem makkinarju għat-tneħħija tal-mini għal skopijiet umanitarji b’konformità mal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE /* COM/2014/0673 final - 2014/0312 (NLE) */


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.           IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

    It-tassazzjoni fuq prodotti ta' enerġija u fuq l-elettriku fl-Unjoni hija rregolata bid-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE ([1])(minn issa 'l quddiem imsejħa d-“Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija” jew id-“Direttiva”).

    Skont l-Artikolu 19(1) tad-Direttiva, flimkien mad-dispożizzjonijiet previsti b’mod partikolari fl-Artikoli 5, 15 u 17 tagħha, il-Kunsill, billi jaġixxi b’mod unanimu fuq proposta tal-Kummissjoni, jista’ jawtorizza lil kwalunkwe Stat Membru biex jintroduċi aktar eżenzjonijiet jew tnaqqis fil-livell ta’ tassazzjoni għal kunsiderazzjonijiet politiċi speċifiċi.

    L-għan ta’ din il-proposta huwa li jippermetti lill-Kroazja tapplika eżenzjoni tat-taxxa għaż-żejt tal-gass li jintuża biex jopera makkinarju speċjalizzat fit-tneħħija tal-mini għal skopijiet umanitarji . Din l-eżenzjoni hija intiża biex tnaqqas l-ispejjeż għal persuni ġuridiċi rreġistrati li jwettqu attivitajiet ta’ tneħħija tal-mini u għaldaqstant taċċellera dawn l-attivitajiet u tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-politika tat-tneħħija tal-mini għal skopijiet umanitarji fil-Kroazja.

    It-tnaqqis fit-taxxa se jtaffi l-attivitajiet ta’ tneħħija ta’ mini li qed iseħħu skont il-Konvenzjoni Internazzjonali fuq il-Projbizzjoni tal-Użu, il-Kumulazzjoni, il-Produzzjoni u t-Trasferiment ta’ Mini Kontra l-Persunal u dwar id-Distruzzjoni Tagħhom (Trattat ta’ Ottawa, 1998), il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Munizzjon tat-Tip Cluster iffirmata f’Oslo fl-2008, li tipprojbixxi l-użu, it-trasferiment, il-ħażna u d-distruzzjoni ta’ munizzjon tat-tip cluster maħżuna f’perjodu ta’ tmien snin, u  l-Att dwar it-Tneħħija ta' Mini għal Skopijiet Umanitarji tar-Repubblika tal-Kroazja tal-2005.

    L-għan tal-miżura li trid tiġi applikata mill-Kroazja huwa li jingħata inċentiv għall-ikklerjar aktar mgħaġġel ta' għelieqi suspettati li huma mminati, u l-liberazzjoni ta’ art agrikola u foresti u b’hekk tagħmilhom aċċessibbli għal darb’oħra għal attivitajiet ekonomiċi. Il-miżura hija mistennija wkoll li jkollha effetti pożittivi immedjati fuq il-ħajja u s-saħħa tal-bniedem fiż-żoni kkontaminati b’mini u munizzjon li għadu ma splodiex.

    Mingħajr l-applikazzjoni tal-miżura, l-operaturi tat-tagħmir għat-tneħħija ta’ mini awtorizzati li jwettqu operazzjonijiet ta’ tneħħija ta’ mini fit-territorju tal-Kroazja ser ikollhom iħallsu rata tad-dazju tas-sisa nazzjonali fuq il-żejt tal-gass li jintuża bħala fjuwil tal-magni li bħalissa jammonta għal HRK 2 860 (app. EUR 375.54) ([2]) u li tapplika għall-użu ta' propellant kif ukoll użi f’magni stazzjonarji, f'makkinarju kbir u f’vetturi intenzjonati għall-użu mhux fi triq pubblika (l-Artikolu 8(2)(b), (c) u (d) tad-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija). Eżenzjoni mit-taxxa għal perjodu ta’ żmien limitat se tippermetti lill-operaturi inaqqsu l-ispejjeż tagħhom għall-attivitajiet ta’ tneħħija ta’ mini u jżidu l-marġni ta’ qligħ tagħhom għal perjodu ta’ żmien limitat, biex b’hekk jinħoloq inċentiv biex jintensifikaw il-ħidma tagħhom għall-perjodu ta’ applikazzjoni tal-miżura. Dan se jħaffef il-proċess tat-tneħħija tal-mini.

    It-talba u l-kuntest ġenerali tagħha

    Permezz ta’ ittra ddatata t-8 ta’ April 2014, l-awtoritajiet Kroati talbu deċiżjoni ta' awtorizzazzjoni li se tippermetti lill-Kroazja tapplika eżenzjoni tat-taxxa għaż-żejt tal-gass li jintuża biex iħaddem il-makkinarju fit-tneħħija tal-mini għal skopijiet umanitarji f’konformità mal-Artikolu 19 tad- Direttiva 2003/96/KE. Iktar tagħrif u kjarifiki ġew pprovduti mill-awtoritajiet Kroati fil-15 ta’ Lulju 2014.

    L-intenzjoni tal-awtoritajiet Kroati huwa li japplikaw eżenzjoni tat-taxxa għaż-żejt tal-gass li jintuża biex iħaddem il-makkinarju fit-tneħħija tal-mini għal skopijiet umanitarji. Il-miżura se tiġi implimentata billi tiġi applikata sistema ta’ rifużjoni ta’ dazji tas-sisa mħallsa, sabiex titħaffef it-tneħħija tal-mini fiż-żoni kontaminati li jifdal. Magni li se jużaw żejt tal-gass eżentati mill-ħlas tat-taxxi tas-sisa għandhom jiġu kklassifikati skont l-iskop tagħhom, l-għodda tax-xogħol tagħhom u l-metodu tagħhom ta’ tħaddim.

    Skont l-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Kroati mill-1 ta' Jannar 2014, it-total taż-żoni susspettati li għandhom il-mini u żoni kkontaminati biss bi splussivi mhux sploduti fil-Kroazja kopra 613.6 km2. Il-Kroazja tistma li l-potenzjal tal-produzzjoni mhux użata taż-żoni forestali kkontaminati mill-mini jirrappreżenta telf annwali ta’ madwar EUR 30 miljun. 55 % ta’ żoni agrikoli kkontaminati jikkostitwixxu art li tinħadem filwaqt li l-bqija huma fil-marġ u fil-mergħat. Huwa stmat li 900 000 ruħ (madwar 20 % tal-popolazzjoni) għadhom jgħixu qrib ħafna taż-żoni fejn huwa ssusspettat li hemm il-mini. Bejn l-1991 u l-2013, kien hemm 1 353 inċidenti relatati mal-mini jew aċċidenti f’żoni kkontaminati bil-mini, u li affettwaw 1 976 ruħ u kkawżaw 510 mewt.

    Il-Kroazja talbet li jingħata permess għall-eżenzjoni għal perjodu ta' sitt snin, li huwa l-perjodu massimu indikat fl-Artikolu 19(2) tad-Direttiva.

    Kamp ta' applikazzjoni

    Il-benefiċjarji tal-miżura se jkunu persuni ġuridiċi li jkunu awtorizzati miċ-Ċentru Kroat għall-Azzjoni fil-Minjieri u li jkunu rreġistrati biex jieħdu sehem fit-tneħħija tal-mini għal skopijiet umanitarji u skont l-Att tat-Tneħħija tal-Mini għal Skopijiet Umanitarji ([3]), ir-Regoli dwar il-kondotta tat-tneħħija tal-mini għal skopijiet umanitarji ([4]) u r-Regoli dwar ir-rekwiżiti tekniċi biex tiġi ddeterminata l-konformità tal-makkinarju li jintuża fit-tneħħija tal-mini għal skopijiet umanitarji ([5]). Il-benefiċjarji se jikklerjaw il-mini u l-art bl-użu ta’ makkinarju li jneħħi l-mini u se joħolqu l-kundizzjonijiet biex dawk li jwettqu xogħol pirotekniku jkunu jistgħu jiddiżattivaw il-mini mhux sploduti. Il-magni akkreditati se jiġu ddefiniti skont it-tip tagħhom, l-għan u l-konsum tal-fjuwil, li min-naħa tagħhom jiddependu fuq il-profondità tal-ispazju, il-veloċità tal-magna, id-densità tal-ispazju u l-effett tal-magna fuq mogħdijiet b’ħamrija kompatta lokali. Il-miżura għandha tingħata permezz ta’ ħlas lura tas-sisa mħallsa, billi jinġabru il-fatturi mħallsin għat-tali użu. Dawn ir-rekords sa jkun fihom dettalji tax-xerrejja, in-numri tas-serje tal-magni, in-numru ta’ sigħat ta’ tħaddim tal-magni, il-kwantità ta’ żejt tal-gass mixtrija u d-data tax-xiri.

    Skont iċ-ċifri pprovduti mill-awtoritajiet Kroati, fil-Kroazja hemm 36 persuni ġuridiċi rreġistrati b’47 magni li ntużaw fit-tneħħija tal-mini għal skopijiet umanitarji. Madankollu, il-miżura mhix maħsuba li tkun ristretta biss għal dawn l-operaturi akkreditati iżda ser tapplika għal kwalunkwe operatur akkreditat u makkinarju ta’ tneħħija ta’ mini ġodda li jistgħu jintużaw għal dan il-għan, fil-futur. Iċ-Ċentru Kroat għall-Azzjoni fil-Minjieri takkredita u żżomm rekord tal-magni ġodda tat-tneħħija tal-mini kollha maħsuba biex jintużaw għat-tneħħija tal-mini għal skopijiet umanitarji.

    Skont l-awtoritajiet Kroati l-ammont tal-vantaġġ għal kull benefiċjarju li jinkiseb mill-miżura se jiddependi fuq id-daqs taż-żona li għandha tiġi kklerjata mill-mini permezz ta' makkinarju tat-tneħħija tal-mini u fuq il-konsum totali taż-żejt tal-gass li jintuża biex jitħaddem il-makkinarju meta jkunu qed jitneħħew il-mini minn żona bħal din. Il-Kroazja tistma li l-ammont tal-benefiċċju li jirriżulta mit-tnaqqis ta’ taxxa kkalkolata abbażi ta’ ċifri ta’ konsum tal-fjuwil medju għall-operaturi kollha involuti fit-tneħħija tal-mini fl-2013 huwa bejn wieħed u ieħor HRK 2 907 038 (app. EUR 381 736.50), li jfisser li l-ammont medju kull magna huwa stmat li huwa HRK 61 859.15 jew EUR 8 123.01 kull sena. L-awtoritajiet Kroati jantiċipaw li għas-sitt snin li fihom se tapplika l-miżura, l-ispiża annwali tal-baġit ibbażata fuq il-konsum medju stmat se tiżdied u se tkun ta': HRK 2 965 179 (app. EUR 389 371.23) għall-2015, HRK 3 024 482 (app. EUR 397 158.66) għall-2016, HRK 3 084 971 (app. EUR 405 101.83) għall-2017, HRK 3 146 671 (app. EUR 413 203.87) għall-2018, HRK 3 209 604 (app. EUR 421 467.94) għall-2019, HRK 3 273 796 (app. EUR 429 897.30) għall-2020 u l-ammont totali se jkun: HRK 18 704 706 (app. EUR 2 456 200.83).

    L-eżekuzzjoni tal-miżura

    Id-dipartimenti kompetenti taċ-Ċentru Kroat għall-Azzjoni fil-Minjieri (HCR) ser jissorveljaw u jżommu reġistri tat-tħaddim tal-makkinarju. Għandhom jinżammu rekords għal kull proġett (sit). Se jkun hemm formola speċjali għal kull magna li fuqha se jiġu rreġistrati s-sigħat ta’ operat, il-prestazzjoni u l-konsum tal-fjuwil għal kull jum.

    Meta proġett ikun intemm, l-operatur tat-tneħħija tal-mini għandu jissottometti formola tat-taxxa tas-sisa għall-makkinarju tagħha impjegat fuq is-sit, akkumpanjata minn formola ta' reġistrar għal kull magna. Il-formoli se jiġu approvati mill-maniġer tas-sit u vverifikati minn uffiċjal HCR responsabbli għall-monitoraġġ tal-proġett, li għandu jkun preżenti fuq is-sit ta’ tneħħija ta’ mini f’kull ħin għall-finijiet ta’ verifiki fuq il-post.

    Skont ir-responsabbiltà ġenerali tagħha li tissorvelja l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni fiskali, l-Amministrazzjoni tat-Taxxa tal-Ministeru tal-Finanzi se twettaq, abbażi ta’ informazzjoni dwar is-sit fejn tkun qed isseħħ l-attività ta’ tneħħija ta’ mini, kontrolli sistematiċi tal-fjuwil li jintuża f’makkinarju għat-tneħħija tal-mini barra milli twettaq id-dmirijiet ta’ monitoraġġ l-oħra tagħha. L-eżenzjoni mit-taxxa għandha tingħata permezz ta’ ħlas lura tas-sisa mħallsa.

    L-argumenti tal-awtoritajiet Kroati dwar l-impatt tal-miżura fuq is-suq intern

    Il-miżura mhux se tiffavorixxi ċerti impriżi fuq oħrajn, peress li ser tapplika għall-impriżi kollha involuti fit-tneħħija tal-mini għal skopijiet umanitarji, u b’hekk ebda vantaġġ ekonomiku mhu ser jingħata lil kwalunkwe intrapriża partikolari involuta. Bl-istess mod il-Kroazja tassumi li l-miżura mhux se taffettwa l-kummerċ fi ħdan l-UE minħabba n-natura speċifika tagħha u li hija limitata għaż-żoni kkontaminati bil-mini tar-Repubblika tal-Kroazja.

    Dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta

    Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta' Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta' enerġija u elettriku b'mod partikolari l-Artikoli 8(1) u 8(2)(c) u (d).

    Valutazzjoni tal-miżura skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE

    Konsiderazzjonijiet speċifiċi ta’ politika

    L-Artikolu 19(1), l-ewwel subparagrafu, tad-Direttiva jgħid hekk:

    "Flimkien ma’ dawn id-dispożizzjonijiet msemmija fl-Artikoli ta' qabel, b'mod partikolari l-Artikoli 5, 15 u 17, il-Kunsill, li jaġixxi b'mod unanimu fuq xi proposta tal-Kummissjoni, jista' jawtorizza lil kwalunkwe Stat Membru biex jintroduċi iktar eżenzjonijiet u tnaqqis għall-konsiderazzjonijiet politiki speċifiċi."

    Permezz tal-eżenzjoni mit-taxxa in kwistjoni, l-awtoritajiet Kroati isegwu l-għan li jħaffu t-tneħħija tal-mini fiż-żona miż-żoni kkontaminati li fadal f’diversi reġjuni tal-Kroazja. Mingħajr il-miżura, iż-żejt tal-gass li jintuża biex jitħaddem il-makkinarju tat-tneħħija tal-mini għal skopijiet umanitarji jkun intaxxat HRK 2 860 (app. EUR 375.54) kull 1 000 l. Ta' min jinnota li l-Kroazja tapplika l-istess rata ta' tassazzjoni għaż-żejt tal-gass li jintuża bħala propellant u għall-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 8(2)(c) u (d) tad-Direttiva 2003/96/KE. Barra minn hekk, l-applikazzjoni (b'limitu ta' żmien) ta’ eżenzjoni fiskali mitluba toħloq inċentiv għall-operaturi ekonomiċi involuti f’attivitajiet ta’ tneħħija ta’ mini għal skopijiet umanitarji biex jiffinalizzaw il-ħidma tagħhom qabel ma jiskadi l-perjodu ta’ sitt snin tal-miżura u għalhekk jikkontribwixxi għall-għan ta’ politika ddikjarat, li huwa li titħaffef it-tneħħija tal-mini fiż-żona ta’ żoni kkontaminati li jifdal. Fil-Kroazja, minbarra l-miżura prevista, m’hemmx sussidji oħra li japplikaw għal operaturi ekonomiċi involuti fit-tneħħija tal-mini għal skopijiet umanitarji.

    Il-Kroazja enfasizzat li l-applikazzjoni tal-miżura hija mistennija li jkollha effetti pożittivi immedjati fuq il-ħajja u s-saħħa tal-bniedem fiż-żoni kkontaminati b’mini u munizzjon li għadu ma splodiex. B’konformità ma’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tinnota li skont l-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Kroati fil-perjodu bejn l-1991 u l-2013, 1 976 persuna sostnew korrimenti marbuta mal-mini fil-Kroazja, fejn 510 minnhom mietu. Tinnota wkoll li dan it-telf ta’ dħul min-nuqqas ta’ kultivazzjoni ta' art agrikola kkontaminata bil-mini jista’ tilħaq l-ammont ta’ EUR 50 miljun.

    Wieħed jista' jikkonkludi li x-xewqa li tiġi applikata eżenzjoni tat-taxxa għaż-żejt tal-gass li jintuża biex jitħaddem il-makkinarju fit-tneħħija tal-mini għal skopijiet umanitarji f’diversi reġjuni tal-Kroazja hija bbażata fuq kunsiderazzjonijiet speċifiċi ta’ politika b’mod partikolari fir-rigward ta' politika soċjali, tas-sikurezza, tas-saħħa u reġjonali.

    Il-konsistenza mal-politiki u mal-għanijiet l-oħra tal-Unjoni

    Il-miżura mitluba tirrigwarda prinċipalment il-politika reġjonali tal-UE dwar is-saħħa u l-ambjent sal-punt li tgħin parzjalment għat-tnaqqis aktar rapidu taż-żoni kkontaminati bil-mini tar-Repubblika tal-Kroazja li jippreżentaw theddida għall-ħajja u s-saħħa tal-bniedem, annimali domestikati u slavaġ. Wieħed għandu jinnota li huwa stmat li 900 000 persuna fil-Kroazja għadhom jgħixu qrib żoni susspettati li għandhom il-mini u b'hekk is-saħħa u s-sikurezza tagħhom qiegħda fil-periklu.

    Il-Kummissjoni tinnota li l-miżura hija limitata għal żejt tal-gass li jintuża f’magni speċifiċi akkreditati imfassla u mibnija speċifikament għat-tindif ta’ żoni fejn hemm il-mini u li hija limitata wkoll għal żoni kkontaminati bil-mini fir-Repubblika tal-Kroazja. Ta’ min isemmi wkoll li dawn il-magni ma jistgħux jintużaw għal kwalunkwe tip ta’ trasport fit-toroq pubbliċi.

    Għaldaqstant jista' jiġi konkluż li l-miżura hija kompatibbli mal-politiki tal-Unjoni fl-oqsma ta' saħħa, ambjent, enerġija u trasport.

    Skont iċ-ċirkostanzi deskritti, il-miżura tidher li hija aċċettabbli wkoll mill-aspett tal-funzjonament xieraq tas-suq intern u l-ħtieġa biex tkun żgurata l-kompetizzjoni ġusta. B’mod partikolari, minħabba l-fatt li l-miżura mhix se tiffavorixxi ċerti intrapriżi fuq oħrajn peress li ser tapplika għall-intrapriżi kollha involuti fit-tneħħija tal-mini għal skopijiet umanitarji fil-Kroazja. Bl-istess mod, il-miżura mhux se taffettwa l-kummerċ fi ħdan l-UE minħabba n-natura speċifika tagħha u li hija limitata għaż-żoni kkontaminati bil-mini tar-Repubblika tal-Kroazja.

    Il-perjodu ta’ applikazzjoni tal-miżura

    Il-Kummissjoni tissuġġerixxi li l-perjodu ta' applikazzjoni għandu jiġi stabbilit skont il-perjodu massimu permess mid-Direttiva 2003/96/KE, jiġifieri sitt snin. Dan il-perjodu jidher li huwa adattat biex jippermetti lill-awtoritajiet Kroati biex jiġbru l-informazzjoni biex jivvalutaw ir-riżultati tal-miżura u biex jipprovdu lill-operaturi ekonomiċi li jkunu qed jibbenefikaw minnha livell suffiċjenti ta’ ċertezza u biżżejjed ħin biex jikkonkludu l-proċess tat-tneħħija tal-mini miż-żoni kkontaminati.

    Regoli dwar l-għajnuna mill-Istat

    L-awtoritajiet Kroati pprevedew li tapplika eżenzjoni tat-taxxa għaż-żejt tal-gass li jintuża biex jitħaddem makkinarju fit-tneħħija tal-mini għal skopijiet umanitarji permezz ta’ rifużjoni tad-dazju tas-sisa kollu. Il-miżura tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat u għandha tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 108(3) tat-TFUE.

    2.           IR-RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

    Il-konsultazzjoni mal-partijiet interessati

    Din il-proposta hija bbażata fuq talba mill-Kroazja u tikkonċerna biss dan l-Istat Membru.

    Ġbir u użu ta’ kompetenzi

    Ma kienx hemm bżonn ta’ kompetenzi esterni.

    Valutazzjoni tal-impatt

    Din il-proposta tikkonċerna awtorizzazzjoni lil Stat Membru individwali fuq talba tiegħu stess.

    3.           L-ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

    Il-prinċipju tas-sussidjarjetà

    Il-qasam tat-tassazzjoni indiretta kopert mill-Artikolu 113 TFUE mhuwiex fih innifsu fil-kompetenza esklussiva tal-Unjoni Ewropea fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 3 TFUE.

    Madankollu, l-eżerċizzju tal-Istati Membri tal-kompetenzi tagħhom f’dan il-qasam huwa ċirkoskritt u limitat ħafna mil-liġi eżistenti tal-UE. Skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE, il-Kunsill biss għandu s-setgħa li jawtorizza lil xi Stat Membru jintroduċi eżenzjonijiet jew tnaqqis ulterjuri, skont it-tifsira ta’ dik id-dispożizzjoni. L-Istati Membri ma jistgħux jieħdu post il-Kunsill.

    Il-proposta għalhekk tirrispetta l-prinċipju tas-sussidjarjetà.

    Il-prinċipju tal-proporzjonalità

    Il-proposta tirrispetta l-prinċipju tal-proporzjonalità. It-tnaqqis fit-taxxa ma jeċċedix dak li hu neċessarju biex jintlaħaq l-għan inkwistjoni (ara l-kunsiderazzjonijiet dwar l-aspetti tas-suq intern u l-kompetizzjoni ġusta, hawn fuq).

    Għażla tal-istrumenti

    Strument(i) propost(i): Deċiżjoni tal-Kunsill.

    L-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96 jipprovdi għal din it-tip ta’ miżura biss.

    4.           IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

    Il-miżura ma timponi l-ebda piż finanzjarju jew amministrattiv fuq l-Unjoni. Il-proposta għalhekk ma għandha l-ebda impatt fuq il-baġit tal-Unjoni.

    2014/0312 (NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

    li tawtorizza lill-Kroazja biex tapplika eżenzjoni tat-taxxa għaż-żejt tal-gass li jintuża biex jitħaddem makkinarju għat-tneħħija tal-mini għal skopijiet umanitarji b’konformità mal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku ([6]), u b’mod partikolari l-Artikolu 19 tagħha,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)       Permezz ta’ ittra ddatata t-8 ta’ April 2014, l-awtoritajiet Kroati talbu deċiżjoni ta' awtorizzazzjoni li se tippermetti lill-Kroazja tapplika eżenzjoni tat-taxxa għaż-żejt tal-gass li jintuża biex iħaddem il-makkinarju fit-tneħħija tal-mini għal skopijiet umanitarji f’konformità mal-Artikolu 19 tad- Direttiva 2003/96/KE.

    (2)       Bl-eżenzjoni fit-taxxa li bi ħsiebha tapplika, il-Kroazja għandha l-għan li tħaffef it-tneħħija tal-mini fiż-żoni kkontaminati li fadal f’diversi reġjuni. Il-miżura għalhekk se jkollha effetti pożittivi immedjati fuq il-ħajja u s-saħħa tal-bniedem f’dawn ir-reġjuni.

    (3)       Il-miżura hija limitata għal magni speċifiċi akkreditati imfassla u mibnija speċifikament għat-tindif ta’ żoni fejn hemm il-mini.

    (4)       Il-miżura hija limitata għal żoni kkontaminati bil-mini fit-territorju tal-Kroazja.

    (5)       Il-miżura se tapplika għall-operaturi kollha involuti fit-tneħħija tal-mini għal skopijiet umanitarji fil-Kroazja, u b’hekk ebda vantaġġ ekonomiku mhu ser jingħata lil kwalunkwe operatur partikolari involut.

    (6)       Konsegwentement, il-miżura hija aċċettabbli mill-perspettiva tal-funzjonament xieraq tas-suq intern u l-ħtieġa biex tkun żgurata l-kompetizzjoni ġusta u hija kompatibbli mal-politiki tal-Unjoni Ewropea fl-oqsma tas-saħħa, l-ambjent, l-enerġija u t-trasport.

    (7)       Mill-Artikolu 19(2) tad-Direttiva 2003/96/KE jirriżulta li kull awtorizzazzjoni mogħtija skont dan l-Artikolu jrid ikollha żmien strettament limitat. Sabiex l-operaturi ekonomiċi kkonċernati jiġu pprovduti b’livell suffiċjenti ta’ ċertezza u biżżejjed żmien biex jikkonkludu l-proċess ta’ tneħħija tal-mini taz-zoni kkontaminati, qed tingħata awtorizzazzjoni għal perjodu ta’ sitt snin.

    (8)       Din id-Deċiżjoni hija bla ħsara għall-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-Kroazja hija b’dan awtorizzata li teżenta mit-tassazzjoni, iż-żejt tal-gass li jintuża sabiex jitħaddem il-makkinarju speċjalizzat li jintuża fit-tneħħija tal-mini għal skopijiet umanitarji fit-territorju tiegħu. Il-miżura hija limitata għal magni speċifiċi akkreditati imfassla u mibnija speċifikament għat-tindif ta’ żoni fejn hemm il-mini.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha jkollha effett fl-istess jum tan-notifika tagħha. Tiskadi sitt snin wara.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Kroazja.

    Magħmul fi Brussell,

                                                                           Għall-Kunsill

                                                                           Il-President

    ([1])            Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta' Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta' enerġija u elettriku (ĠU L 283, 31.10.2003, p. 51).

    ([2])            Il-kalkolazzjonijiet kollha huma bbażati fuq ir-rata tal-kambju fl-1 ta’ Ottubru 2013, jiġifieri HRK 7,6153 għal EUR 1. Cf. ĠU C 286, 2.10.2013.

    ([3])            Gazzetta Uffiċjali tar-Repubblika tal-Kroazja-NN Nri 153/2005, 63/2007 u 152/2008.

    ([4])            Gazzetta Uffiċjali tar-Repubblika tal-Kroazja-NN Nri 53/2007, 111/2007 u 141/2011.

    ([5])            Gazzetta Uffiċjali tar-Repubblika tal-Kroazja-NN Nri 53/2007, 39/2011 u 57/2013.

    ([6])            ĠU L 283, 31.10.2003, p. 51.

    Top