This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52014PC0290
Proposal for a COUNCIL DECISION on the conclusion, on behalf of the European Union, of the agreement between the European Union and its Member States and Iceland concerning Iceland's participation in the joint fulfilment of commitments of the European Union, its Member States and Iceland in the second commitment period of the Kyoto Protocol to the United Nations Framework Convention on Climate Change
Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha u l-Islanda dwar il-parteċipazzjoni tal-Islanda fit-twettiq konġunt tal-impenji tal-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri tagħha u l-Islanda fit-tieni perjodu ta’ impenn tal-Protokoll ta’ Kyoto għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima
Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha u l-Islanda dwar il-parteċipazzjoni tal-Islanda fit-twettiq konġunt tal-impenji tal-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri tagħha u l-Islanda fit-tieni perjodu ta’ impenn tal-Protokoll ta’ Kyoto għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima
/* COM/2014/0290 final - 2014/0151 (NLE) */
Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha u l-Islanda dwar il-parteċipazzjoni tal-Islanda fit-twettiq konġunt tal-impenji tal-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri tagħha u l-Islanda fit-tieni perjodu ta’ impenn tal-Protokoll ta’ Kyoto għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima /* COM/2014/0290 final - 2014/0151 (NLE) */
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI 1. IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA Dawn il-proposti jirrigwardaw
deċiżjonijiet tal-Kunsill, li jridu jiġu adottati skont
l-Artikolu 218(5) u (6) tat-TFUE, għall-iffirmar u l-konklużjoni
tal-ftehim bejn l-Unjoni, l-Istati Membri u l-Islanda dwar
il-parteċipazzjoni tal-Islanda fl-issodisfar konġunt tal-impenji
tal-Unjoni, l-Istati Membri u l-Islanda fit-tieni perjodu ta' impenn
tal-Protokoll ta' Kyoto fil-konfront tal-Konvenzjoni ta' Qafas tan-Nazzjonijiet
Uniti dwar il-Bidla fil-Klima. F’Diċembru 2012, fil-Konferenza ta'
Doha dwar it-Tibdil fil-Klima, il-192 Parti għall-Protokoll ta’ Kyoto
għall-Konvenzjoni ta' Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Bidla
fil-Klima, adottaw emenda għall-Protokoll ta’ Kyoto (l-Emenda ta' Doha)[1]. L-Emenda ta’ Doha
tistabbilixxi t-tieni perjodu ta’ impenn skont il-Protokoll ta’ Kyoto, li jibda
mill-1 ta’ Jannar 2013 u jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2020,
b’impenji ta’ tnaqqis ta’ emissjonijiet legalment vinkolanti
għall-Partijiet elenkati fl-Anness B. Fost dawn il-Partijiet hemm
l-Unjoni, l-Istati Membri u l-Islanda. L-Artikolu 4 tal-Protokoll ta’ Kyoto
jippermetti lill-partijiet iwettqu l-impenji tagħhom b’mod konġunt.
L-Unjoni u l-15-il Parti li kienu Stati Membri meta ġie ffirmat
il-Protokoll ta’ Kyoto fl-1997 għażlu li jagħmlu hekk
għall-ewwel perjodu ta’ impenn (2008-12), u qablu dwar/stabbilixxew
it-termini tal-impenn konġunt tagħhom għall-ewwel perjodu ta'
impenn meta rratifikaw il-Protokoll fl-2002.[2]
L-Emenda ta' Doha[3],
u d-dikjarazzjoni tal-Unjoni, l-Istati Membri u l-Islanda hekk kif ġiet
adottata,[4]
tesprimi l-intenzjoni ta' dawn il-Partijiet li jwettqu l-miri ta' tnaqqis
tagħhom skont it-tieni perjodu ta' impenn b'mod konġunt.
Il-Kummissjoni pproponiet Deċiżjoni tal-Kunsill dwar
il-konklużjoni tal-Emenda ta' Doha għall-Protokoll ta’ Kjoto
lill-UNFCCC u t-twettiq konġunt tal-impenji tiegħu f’Novembru 2013.[5] Din il-proposta
bħalissa qed tiġi diskussa. L-intenzjoni li l-Unjoni Ewropea, l-Istati
Membri tagħha u l-Islanda b'mod konġunt jissodisfaw l-impenji fit-tieni
perjodu ta’ impenn tal-Protokoll ta’ Kyoto tmur lura għall-2009. F’ittra
lill-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tat-3 ta’ Ġunju 2009,
l-Islanda talbu għal diskussjonijiet formali dwar it-tħabbir ta'
ssodisfar konġunt tal-impenji tagħhom mal-Unjoni Ewropea u l-Istati
Membri fit-tieni perjodu ta’ impenn tal-Protokoll ta’ Kyoto. Il-Kunsill,
fil-laqgħa tiegħu tal-15 ta’ Diċembru 2009, laqa’ din it-talba u
stieden lill-Kummissjoni biex “tippreżenta rakkomandazzjoni
għall-ftuħ tan-negozjati meħtieġa mal-Islanda b'konformità
mal-prinċipji u l-kriterji stabbiliti fil-Pakkett dwar il-Klima u
l-Enerġija tal-UE”.[6] Il-Kummissjoni ppreżentat
ir-rakkomandazzjoni tagħha għal Deċiżjoni tal-Kunsill li
tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati mal-Islanda lill-Kunsill f’Ġunju 2013.
F’Diċembru 2013, il-Kunsill ta mandat lill-Kummissjoni biex tiftaħ,
f’isem l-Unjoni, in-negozjati mal-Islanda dwar ftehim li jistabbilixxi
l-kondizzjonijiet ta’ twettiq konġunt fir-rigward tal-parteċipazzjoni
tal-Islanda fit-twettiq konġunt tal-impenji mill-Unjoni, l-Istati Membri u
l-Islanda. Ir-rappreżentanti tal-Istati Membri fil-Kunsill wkoll taw
mandat lill-Kummissjoni biex tinnegozja dan il-ftehim, f’isem l-Istati Membri,
fir-rigward ta’ oqsma li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istati Membri.
Dawn in-negozjati tmexxew, f’konformità mad-direttivi ta’ negozjar, fuq
il-bażi tal- Artikolu 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni
Ewropea u rriżultaw fil-ftehim mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni
proposta. 2. Il-Ftehim mal-Islanda Il-Ftehim mal-Islanda mehmuż ma’ din
id-Deċiżjoni proposta jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li jirregolaw
il-parteċipazzjoni tal-Islanda fit-twettiq konġunt tal-impenji
mill-Unjoni, l-Istati Membri tagħha u l-Islanda. Ma jistabbilixxi ebda obbligu
għall-Unjoni jew l-Istati Membri tagħha. Il-parteċipazzjoni tal-Islanda
fit-twettiq konġunt L-Islanda tipparteċipa fit-twettiq
konġunt fuq l-istess bażi bħal dik tal-Istati Membri. Il-livell
tal-emissjonijiet tal-Islanda, li huwa identiku għall-ammont assenjat
lilha, se jkun marbut mal-emissjonijiet tal-Islanda minn gassijiet u setturi
koperti bit-tieni perjodu ta’ impenn tal-Protokoll ta’ Kyoto iżda li
mhumiex koperti bis-sistema tal-UE tal-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet ta’
gassijiet b’effett ta’ serra (Direttiva 2003/87/KE[7]). [daħħal it-test dwar l-ammont
assenjat tal-Islanda, ladarba jkun iddeterminat] Il-Ftehim mal-Islanda, fl-Anness II
tiegħu, se jkollu l-istess termini ta’ twettiq konġunt li huma wkoll
stabbiliti fl-Anness mehmuż mad-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar
il-konklużjoni tal-Emenda ta' Doha għall-Protokoll ta’ Kyoto
għall-UNFCCC u t-twettiq konġunt tal-impenji tiegħu. Applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni
rilevanti tal-UE għall-Islanda Bħala Partijiet fil-Protokoll ta’ Kyoto,
l-Unjoni u l-Istati Membri huma soġġetti għal għadd ta’
rekwiżiti ta’ monitoraġġ, rappurtar u verifika skont
il-Protokoll ta’ Kyoto. Għall-Partijiet li jkunu qablu li jwettqu
l-impenji tagħhom b’mod konġunt, xi ftit minn din l-informazzjoni
trid tiġi ppreżentata b’mod konġunt. Bħala konsegwenza,
il-Kummissjoni se titlob informazzjoni mill-Iżlanda biex l-Unjoni tkun
tista’ twettaq l-impenji tagħha ta’ rappurtar. Barra minn hekk, l-Islanda
se jkun hemm bżonn li tieħu sehem fis-sistema ta’ reġistrazzjoni
tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha li huma rilevanti għat-twettiq
tal-impenji skont il-Protokoll ta’ Kyoto. Dan jirrikjedi li l-Islanda tapplikaw
il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni li ma tapplikax għal pajjiżi
terzi (inklużi l-Partijiet għaż-Żona Ekonomika Ewropea),
speċjalment b’rabta mal-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika
tal-emissjonijiet kif ukoll fir-rigward tat-tħaddim ta’ reġistru u
tal-kontabilità għat-tranżazzjonijiet marbuta mal-implimentazzjoni
tal-impenji tal-Unjoni, l-Istati Membri tagħha u l-Islanda fit-tieni
perjodu ta’ impenn tal-Protokoll ta’ Kyoto, f’konformità mat-termini ta’
twettiq konġunt u r-regoli miftiehma internazzjonalment. Il-ftehim fih, fl-Anness I tiegħu, lista
ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni li għandha tkun vinkolanti fuq
l-Islanda. Huwa jipprovdi wkoll għal proċedura li temenda din
il-lista, biex tiġi żgurata l-parteċipazzjoni tal-Islanda
fit-twettiq konġunt u jsegwi l-istess regoli u responsabbiltajiet
bħal dawk tal-Istati Membri, f’konformità ma’ rekwiżiti miftiehma
internazzjonalment. Kumitat ta’ Twettiq Konġunt Il-Ftehim mal-Islanda jipprovdi
għall-istabbiliment ta’ Kumitat ta’ Twettiq Konġunt li jiżgura
l-implimentazzjoni u t-tħaddim effettiv ta’ dan il-ftehim. Dan il-kumitat
jikkonsisti minn rappreżentanti tal-Unjoni, l-Istati Membri u l-Islanda u
jieħu d-deċiżjonijiet b’kunsens. Jista’ jieħu
deċiżjonijiet dwar l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni
tal-Unjoni rilevanti għall-Islanda u jwettaq skambji ta’ fehmiet u
informazzjoni marbuta mal-implimentazzjoni tat-termini ta’ t-twettiq
konġunt. Il-laqgħat tiegħu se jiġu rranġati, kull meta
jkun possibbli, biex ikunu qrib dawk tal-Kumitat dwar it-Tibdil fil-Klima,
stabbilit skont l-Artikolu 26 tar-Regolament 525/2013[8]. Tul u terminazzjoni tal-ftehim mal-Islanda Il-ftehim mal-Islanda jiġi konkluż
għal perjodu ta’ żmien limitat, sakemm l-affarijiet kollha marbuta
mal-implimentazzjoni tat-tieni perjodu ta’ impenn se jkunu tlestew. Dan huwa
f’konformità mal-Artikolu 4 tal-Protokoll ta’ Kyoto li jeħtieġ
li kwalunkwe ftehim tal-Partijiet jissodisfa b'mod konġunt l-impenji
tagħhom li jibqa' jitħaddem matul il-perjodu tal-impenji rispettivi. F’każ ta’ xi ksur mill-Islanda, jew
oġġezzjoni mill-Islanda li temenda l-lista ta’ atti legali
b’applikazzjoni fl-Islanda skont dan il-ftehim, l-Islanda se tkun responsabbli
b’mod individwali li tagħti kont tal-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett
ta’ serra koperti mill-Protokoll ta’ Kyoto, inklużi dawk taħt
l-ambitu tas-sistema tal-UE tal-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet
tal-gassijuiet b'effetti ta' serra. Dan il-ftehim ma għandu l-ebda
implikazzjoni baġitarja għall-Unjoni. 2014/0151 (NLE) Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni
Ewropea, tal-ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha u
l-Islanda dwar il-parteċipazzjoni tal-Islanda fit-twettiq konġunt
tal-impenji tal-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri tagħha u l-Islanda
fit-tieni perjodu ta’ impenn tal-Protokoll ta’ Kyoto għall-Konvenzjoni
Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament
tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 192(1) flimkien
mal-Artikolu 218(6)(a) tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni
Ewropea, Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament
Ewropew[9],
Billi: (1) Il-Protokoll ta’ Kyoto
għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima
(“il-Protokoll”) daħal fis-seħħ fis-16 ta’ Frar 2005 u fih
impenji ta’ tnaqqis ta’ emissjonijiet legalment vinkolanti għall-ewwel
perjodu ta’ impenn, mill- 2008 sal-2012 għall-Partijiet elenkati fl-Anness
B tiegħu. L-Unjoni u l-Istati Membri rratifikaw il-Protokoll fil-31 ta’
Mejju 2002, u qablu li jwettqu l-impenji tiegħu skont l-ewwel perjodu ta’
impenn b’mod konġunt.[10]
L-Islanda rratifikat il-Protokoll fit-23 ta’ Mejju 2002. (2) Fil-Konferenza ta' Doha dwar
il-Klima f’Diċembru 2012, il-Partijiet kollha għall-Protokoll qabdlu
dwar l-Emenda ta' Doha li tistabbilixxi t-tieni perjodu ta’ impenn
tal-Protokoll (li beda mill-1 ta’ Jannar 2013 u jispiċċa fil-31 ta’
Diċembru 2020). L-Emenda ta' Doha temenda l-Anness B tal-Protokoll
ta’ Kyoto, billi tistabbilixxi aktar impenji ta’ mitigazzjoni legalment
vinkolanti għall-Partijiet elenkati f’dak l-Anness għat-tieni perjodu
ta’ impenn, u temenda u tistipula aktar dispożizzjonijiet dwar
l-implimentazzjoni tal-impenji tal-Partijiet matul it-tieni perjodu ta’ impenn. (3) Il-miri għall-Unjoni
Ewropea, l-Istati Membri tagħha u l-Islanda huma mdaħħlin
fl-Emenda ta’ Doha b’nota ta' qiegħ il-paġna li tiddikjara li dawn
il-miri huma msejsa fuq il-fehim li se jintlaħqu b’mod konġunt skont
l-Artikolu 4 tal-Protokoll tal-Protokoll ta' Kyoto.[11] L-Unjoni, l-Istati
Membri u l-Islanda wkoll ħarġu dikjarazzjoni konġunta
mal-adozzjoni tal-Emenda ta’ Doha[12],,
li tesprimi l-intenzjoni tagħhom li jwettqu l-impenji tagħhom
fit-tieni perjodu ta’ impenn b’mod konġunt. Id-dikjarazzjoni ġiet
aċċettata matul laqgħa ad hoc tal-Ministri tal-UE f’Doha
u approvata mill-Kunsill fis-17 ta’ Diċembru 2012.[13] (4) Fl-istess dikjarazzjoni,
l-Unjoni, l-Istati Membri u l-Islanda ddikjaraw ukoll, f’konformità mal-
Artikolu 4(1) tal-Protokoll ta’ Kyoto, li jippermetti lill-Partijiet
iwettqu l-impenji tagħhom skont l- Artikolu 3 tal-Protokoll b’mod
konġunt, li l- Artikolu 3(7ter) tal-Protokoll se jiġi applikat
għall-ammont assenjat konġunt skont il-ftehim dwar it-twettiq
konġunt mill-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri tagħha, il-Kroazja u
l-Islanda u mhux se jiġi applikat għall-Istati Membri, il-Kroazja jew
l-Islanda individwalment. (5) Il-Kunsill, fil-laqgħa
tiegħu tal-15 ta’ Diċembru 2009, laqa’ talba mill-Islanda biex
twettaq l-impenji tagħha skont it-tieni perjodu ta’ impenn b’mod
konġunt mal-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha u stieden
lill-Kummissjoni tippreżenta rakkomandazzjoni għall-ftuħ
tan-negozjati meħtieġa dwar ftehim mal-Islanda li huwa konformi
mal-prinċipji u l-kriterji stabbiliti fil-Pakkett tal-Enerġija u
l-Klima tal-Unjoni.[14] (6) L-Artikolu 4(1)
tal-Protokoll jeħtieġ li l-Partijiet jaqblu li jissodisfaw l-impenji
tagħhom skont l-Artikolu 3 tal-Protokoll b’mod konġunt sabiex
jistabbilixxu l-livell ta’ emissjoni rispettiv allokat lil kull wieħed
mill-Partijiet fil-ftehim f’dak il-ftehim. L-Artikolu 4(2) tal-Protokoll ta’
Kyoto jeħtieġ li l-Partijiet fil-ftehim tat-twettiq konġunt
jinnotifikaw lis-Segretarjat tal-Protokoll dwar it-termini ta’ dak il-ftehim
fid-data tad-depożitu tal-istrumenti tagħhom ta’ ratifika jew ta’
approvazzjoni. (7) It-termini tal-ftehim biex
b'mod konġunt jitwettqu l-impenji tal-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri
tagħha u l-Islanda skont l-Artikolu 3 tal-Protokoll ta’ Kyoto huma
stabbiliti fl-anness tad-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar
il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Emenda ta' Doha
għall-Protokoll ta’ Kyoto għall-UNFCCC u t-twettiq konġunt
tal-impenji tiegħu.[15]
Dawn l-istess termini huma wkoll stipulati f’anness tal-ttehim mal-Islanda. (8) Biex jiġi żgurat li
l-impenji tal-Islanda fit-twettiq konġunt huma stabbiliti u applikati
b’mod mhux diskriminatorju, li jittrattaw l-Islanda u lill-Istati Membri
bl-istess mod, il-livell tal-emissjonijiet għall-Islanda ġie
stabbilit b’mod li huwa konsistenti kemm mal-impenn ta’ tnaqqis ta’
emissjonijiet kwantifikati miktuba fit-tielet kolonna tal-Anness B
għall-Protokoll ta’ Kyoto (kif emendat mill-Emenda ta’ Doha) u
mal-leġiżlazzjoni tal-UE, inkluż il-pakkett dwar il-Klima u
l-Enerġija tal-2009 u l-prinċipji u l-kriterji li fuqhom huma
bbażati l-objettivi f’dik il-leġiżlazzjoni. (9) Il-Ftehim ġie ffirmat
nhar […] b'konformità mad-Deċiżjoni [ir-referenza
tad-deċiżjoni dakinhar tal-firma]. (10) Bil-ħsieb li jinkiseb
id-dħul fis-seħħ mingħajr dewmien tal-Emenda ta’ Doha,
qabel il-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti f’Pariġi fi tmiem l-2015, li
għandha tadotta strument legali ġdid li jorbot għall-perjodu ta’
wara l-2020, u biex jiġi enfasizzat l-impenn tal-Unjoni, l-Istati Membri u
l-Islanda li jagħti lok għall-forza legali tat-tieni perjodu ta’
impenn fiż-żmien propizju, l-Unjoni, l-Istati Membri u l-Islanda se
jfittxu li jirratifikaw kemm l-Emenda ta' Doha kif ukoll il-ftehim dwar
il-parteċipazzjoni tal-Islanda fit-twettiq konġunt tal-impenji
mill-Unjoni, l-Istati Membri u l-Islanda fit-tieni perjodu ta’ impenn
tal-Protokoll ta’ Kyoto mhux aktar tard minn Frar 2015. (11) Il-ftehim li jikkonċerna
l-parteċipazzjoni tal-Islanda fit-twettiq konġunt tal-impenji
mill-Unjoni, l-Istati Membri tagħha u l-Islanda fit-tieni perjodu ta’
impenn tal-Protokoll ta’ Kyoto għandu jiġi konkluż f'isem
l-Unjoni Ewropea. ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI: Artikolu 1 Il-ftehim li jikkonċerna
l-parteċipazzjoni fit-twettiq konġunt tal-impenji mill-Unjoni
Ewropea, l-Istati Membri tagħha u l-Islanda fit-tieni perjodu ta’ impenn
tal-Protokoll ta’ Kyoto huwa b'dan konkluż f'isem l-Unjoni Ewropea. It-test tal-Ftehim jinsab mehmuż ma’ din
id-Deċiżjoni. Artikolu 2 Il-President tal-Kunsill għandu
jaħtar lill-persuna li jkollha s-setgħa li tipproċedi, f’isem
l-Unjoni Ewropea, biex tiddepożita l-istrument ta’ ratifika previst
fl-Artikolu 10 tal-Ftehim mas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill
tal-Unjoni Ewropea, sabiex tesprimi l-kunsens tal-Unjoni Ewropea li tkun
marbuta bil-Ftehim. Artikolu 3 Din id-Deċiżjoni għandha
tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni
tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Magħmul fi Brussell, Għall-Kunsill Il-President [1] Id-Deċiżjoni 1/CMP.8, adottata mill-Konferenza
tal-Partijiet li serviet ta' laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll ta’
Kyoto, FCCC/KP/CMP/2012/13/Add.1 [2] Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/358/KE tal-25 ta’ April 2002
dwar l-approvazzjoni f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Protokoll ta' Kyoto
għall-Konvenzjoni Kwadru tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima u
t-twettiq konġunt tal-obbligi tiegħu (ĠU L 130, 15.5.2002,
p. 1). [3] Ara n-noti f’qiegħ il-paġna 4, 6 u 8
mehmuża mal-impenji kkwantifikati ta’ limitazzjoni jew tnaqqis
fl-emissjonijiet reġistrati għall-Unjoni, l-Istati Membri, il-Kroazja
u l-Islanda fit-tielet kolonna tal-Anness B (Artikolu 1 tal-Emenda ta'
Doha) li jiddikjaraw li dawn l-impenji “huma bbażati fuq il-fehma li dawn
se jiġu ssodisfatti b’mod konġunt”. [4] It-test sħiħ ta’ din id-dikjarazzjoni hu
rifless fil-paragrafu 45 tar-Rapport tal-Konferenza tal-Partijiet li
serviet bħala l-laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll ta’ Kyoto
fit-tmien sessjoni tagħha, li saret f’Doha mis-26 ta’ Novembru
sat-8 ta’ Diċembru 2012 (FCCC/KP/CMP/2012/13. [5] COM(2013)768 tal-6 ta' Novembru 2013. [6] Il-Konklużjonijiet
tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 2009 dwar il-Ftehim ta’
Twettiq Konġunt mal-Islanda fir-rigward ta’ ftehim internazzjonali
fil-ġejjieni dwar il-klima. [7] Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti
ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda
d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE [8] Ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u
tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar mekkaniżmu
għall-monitoraġġ u r-rapportar ta' emissjonijiet ta' gassijiet
serra u għar-rapportar ta' informazzjoni oħra relatata mat-tibdil
fil-klima fil-livelli nazzjonali u tal-Unjoni u li jħassar id-Deċiżjoni
Nru 280/2004/KE [9] ĠU C , , p. . [10] Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/358/KE tal-25 ta’ April 2002
dwar l-approvazzjoni f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Protokoll ta' Kyoto
għall-Konvenzjoni Kwadru tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima u
t-twettiq konġunt tal-obbligi tiegħu, ĠU L 130/1, 15.5.2002,
p. 1. [11] In-nota 4 f’qiegħ il-paġna tal-Anness B
tal-Protokoll, kif emendat permezz tal-Emenda ta' Doha. [12] Riflessa fil-paragrafu 45 tar-Rapport tal-Konferenza
tal-Partijiet li serviet bħala l-laqgħa tal-Partijiet
għall-Protokoll ta’ Kyoto fit-tmien sessjoni tagħha, li saret f’Doha
mis-26 ta’ Novembru sat-8 ta’ Diċembru 2012,
Parti 1: Il-proċedimenti, Dokument FCCC/KP/CMP/2012/13. [13] Il-Kunsill
tas-17 ta’ Diċembru 2012 li japprova d-dikjarazzjoni magħmula
mill-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha flimkien mal-Kroazja u
l-Islanda fil-Konferenza dwar il-Klima f’Doha. [14] Il-Konklużjonijiet
tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 2009 dwar il-Ftehim ta’
Twettiq Konġunt mal-Islanda fir-rigward ta’ ftehim internazzjonali
fil-ġejjieni dwar il-klima. [15] [daħħal
ir-referenza]. Ftehim li jikkonċerna
l-parteċipazzjoni tal-Islanda fit-twettiq konġunt tal-impenji
tal-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri tagħha u l-Islanda fit-tieni perjodu
ta’ impenn tal-Protokoll ta’ Kyoto L-Unjoni Ewropea, ir-Renju tal-Belġju,
ir-Repubblika tal-Bulgarija, ir-Repubblika tal-Kroazja, ir-Repubblika
Ċeka, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja,
ir-Repubblika tal-Estonja, l-Irlanda, ir-Repubblika Ellenika, ir-Renju ta'
Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Taljana, ir-Repubblika
ta' Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, il-Gran
Dukat tal-Lussemburgu, l-Ungerija, Malta, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi,
ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika
Portugiża, ir-Rumanija, ir-Repubblika tas-Slovenja, ir-Repubblika
Slovakka, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Renju tal-Isvezja u r-Renju Unit
tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq u l-Islanda (minn issa 'l quddiem
imsejħa "il-Partijiet".), Filwaqt li jitfakkar li: Id-dikjarazzjoni konġunta f’Doha fit-8
ta’ Diċembru 2012 tiddikjara li l-impenji ta’ limitazzjoni u tnaqqis
fl-emissjonijiet ikkwantifikati għall-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri
tagħha, il-Kroazja u l-Islanda għat-tieni perjodu ta’ impenn skont
il-Protokoll ta’ Kyoto huma bbażati fuq il-fehma li dawn se jitwettqu
b’mod konġunt skont l-Artikolu 4 tal-Protokoll ta’ Kyoto; li
l-Artikolu 3, paragrafu 7 ter, se jiġi applikat għall-ammont
assenjat konġunt, skont il-ftehim dwar it-twettiq konġunt tal-Unjoni
Ewropea, l-Istati Membri tagħha, il-Kroazja u l-Islanda, u mhux se
jiġi applikat għall-Istati Membri, il-Kroazja jew l-Islanda
individwalment; F’dik l-istess dikjarazzjoni konġunta,
l-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri tagħha u l-Islanda ddikjaraw li se
jiddepożitaw l-istrumenti ta' aċċettazzjoni fl-istess ħin,
kif kien il-każ għal il-Protokoll ta’ Kyoto nnifsu, sabiex ikun
żgurat d-dħul fis-seħħ simultanju għall-Unjoni
Ewropea, is-27 Stat Membru, il-Kroazja u l-Islanda; L-Islanda tipparteċipa fil-Kumitat dwar
it-Tibdil fil-Klima tal-Unjoni Ewropea, stabbilit skont l-Artikolu 26
tar-Regolament (UE) Nru 525/2013, kif ukoll il-Grupp ta’ Ħidma I
fl-ambitu tal-Kumitat dwar it-Tibdil fil-Klima. Iddeċidew li jikkonkludu l-ftehim li
ġej: Artikolu 1 – (għan tal-Ftehim) L-għan ta’ dan il-ftehim huwa li jiġu
stabbiliti t-termini li jirregolaw il-parteċipazzjoni tal-Islanda
fit-twettiq tal-impenji konġunti tal-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri
tagħha u l-Islanda għat-tieni perjodu ta’ impenn tal-Protokoll ta’
Kyoto, u biex jippermetti implimentazzjoni effettiva ta’ din
il-parteċipazzjoni, inkluża l-kontribuzzjoni tal-Islanda lejn
l-Unjoni fit-twettiq tar-rekwiżiti ta’ rappurtar tagħha
għat-tieni perjodu ta’ impenn tal-Protokoll ta’ Kyoto. Artikolu 2 (definizzjonijiet) Għall-finijiet ta’ dan il-ftehim: (a)
“Il-Protokoll ta’ Kyoto” tfisser il-Protokoll ta’
Kyoto għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil
fil-Klima (UNFCCC), kif emendat permezz tal-Emenda ta' Doha għal dan
il-Protokoll, miftiehma fit-8 ta’ Diċembru 2012 f’Doha; (b)
“L-Emenda ta' Doha” tfisser l-Emenda ta' Doha
għall-Protokoll ta’ Kyoto għall-UNFCCC, miftiehma fit-8 ta’
Diċembru 2012 f’Doha, li tistabbilixxi t-tieni perjodu ta’ impenn
tal-Protokoll ta’ Kyoto mill-1 ta’ Jannar 2013 sal-31 ta’ Diċembru 2020; (c)
‘Termini ta’ twettiq konġunt” tfisser
it-termini stabbiliti fl-Anness 2 ta’ dan il-ftehim; (d)
"Id-Direttiva ETS" tfisser id-Direttiva
2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi skema
għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra ġewwa
l-Komunità, kif emendata. Artikolu 3 (twettiq konġunt) (1) Il-Partijiet jaqblu li jwettqu l-impenji
ta’ limitazzjoni u tnaqqis fl-emissjonijiet ikkwantifikati għat-tieni
perjodu ta’ impenn miktuba fit-tielet kolonna tal-Anness B għall-Protokoll
ta’ Kyoto b'mod konġunt, skont it-termini tat-twettiq konġunt. (2) Għal dan l-għan, l-Islanda
għandha tieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex
tiżgura li l-emissjonijiet antropoġeniċi aggregati tagħha
espressi f'ekwivalenti ta' dijossidu tal-karbonju fit-tieni perjodu ta’ impenn
tal-gassijiet serra elenkati fl-Anness A tal-Protokoll ta’ Kyoto minn sorsi u
bjar koperti mill-Protokoll ta’ Kyoto, li ma jaqgħux fl-ambitu
tad-Direttiva ETS, ma jaqbżux l-ammonti assenjat lilha fit-termini
tat-twettiq konġunt. (3) Mingħajr preġudizzju
għall-Artikolu 8 ta’ dan il-ftehim, l-Islanda għandha,
fl-aħħar tat-tieni perjodu ta’ impenn, u skont id-Deċiżjoni
1/CMP.8 u deċiżjonijiet rilevanti oħrajn tal-UNFCCC jew il-korpi
tal-Protokoll ta’ Kyoto, u t-termini tat-twettiq konġunt, tirtira
mir-reġistru nazzjonali tagħha AAUs, CERs, ERUs, RMUs, tCERs jew
lCERs ekwivalenti għall-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra
minn sorsi u tal-assorbiment minn bjar koperti bl-ammont assenjat tagħha. Artikolu 4 (applikazzjoni
tal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni Ewropea) (1) L-atti legali elenkati fl-Anness 1
għandhom ikunu vinkolati għall-Islanda u jsiru applikabbli
fl-Islanda. Kull meta l-atti legali inklużi fl-Anness 1 ikun fihom
referenzi għall-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, ir-referenzi għandhom,
għall-finijiet ta’ dan il-ftehim, jinftiehmu wkoll bħala referenzi
għall-Islanda. (2) L-Anness 1 jista' jiġi emendat
b’deċiżjoni tal-Kumitat ta’ Twettiq Konġunt stabbilit permezz
tal-Artikolu 6 ta’ dan il-ftehim. (3) Il-Kumitat ta' Twettiq Konġunt jista’
jiddeċiedi dwar aktar modalitajiet tekniċi dwar l-applikazzjoni
għall-Islanda tal-atti legali elenkati fl-Anness I. (4) Fil-każ ta’ emendi fl-Anness I li
jeħtieġu bidliet fil-leġiżlazzjoni primarja fl-Islanda,
id-dħul fis-seħħ ta’ dawn l-emendi għandu jqis
iż-żmien meħtieġ għall-adozzjoni ta’ dawn il-bidliet
mill-Islanda u l-ħtieġa li jiżguraw konformità
mar-rekwiżiti tal-Protokoll ta’ Kyoto u d-deċiżjonijiet. (5) Huwa ta’ importanza partikolari li
l-Kummissjoni żżomm il-prassi normali tagħha u twettaq
konsultazzjonijiet ma’ esperti, inklużi esperti mill-Islanda, qabel ma
tadotta atti delegati inklużi jew li għandhom jiġu inklużi
fl-Anness I. Artikolu 5 (rappurtar) (1) Sal-15 ta’ April 2015,
l-Islanda għandha tressaq ir-rapport lis-Segretarjat tal-UNFCCC biex
tiffaċilita l-kalkolu tal-ammont assenjat lilha, bi qbil ma dan il-ftehim,
mar-rekwiżiti tal-Protokoll ta’ Kyoto, mal-Emenda ta' Doha u
d-deċiżjonijiet adottati fiha. (2) L-Unjoni Ewropea għandha tħejji
r-rapport biex tiffaċilita l-kalkolu tal-ammont assenjat tal-Unjoni u
r-rapport biex tiffaċilita l-kalkolu tal-ammont konġunt assenjat
tal-Unjoni, l-Istati Membri tagħha u l-Islanda ("l-ammont
konġunt assenjat") bi qbil ma dan il-ftehim, mar-rekwiżiti
tal-Protokoll ta’ Kyoto, mal-Emenda ta' Doha u d-deċiżjonijiet
adottati fiha. L-Unjoni għandha tressaq dan
ir-rapport lis-Segretarjat tal-UN FCCC sal-15 ta' April 2015. Artikolu 6 (Kumitat ta' Twettiq
Konġunt) (1) Kumitat ta' Twettiq Konġunt, li
jikkonsisti minn rappreżentanti tal-Partijiet, huwa b’dan stabbilit. (2) Il-Kumitat ta' Twettiq Konġunt
għandu jiżgura l-implimentazzjoni u l-operat effettiv ta’ dan
il-ftehim. Għal dan l-għan, huwa għandu jieħu
d-deċiżjonijiet previsti fl-Artikolu 4 ta’ dan il-ftehim u
jwettaq skambji ta’ fehmiet u informazzjoni marbuta mal-implimentazzjoni
tat-termini tat-twettiq konġunt. Il-Kumitat ta' Twettiq Konġunt
għandu jieħu d-deċiżjonijiet kollha b’kunsens. (3) Il-Kumitat ta' Twettiq Konġunt għandu
jiltaqa’ fuq talba, lill-Unjoni Ewropea, ta’ waħda jew aktar
mill-Partijiet jew fuq l-inizjattiva tal-Unjoni Ewropea. (4) Il-membri tal-Kumitat ta’ Twettiq
Konġunt li jirrappreżentaw l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri
tagħha għandhom inizjalment ikunu rappreżentanti tal-Kummissjoni
u l-Istati Membri li qed jieħdu sehem ukoll fil-Kumitat dwar it-Tibdil
fil-Klima tal-Unjoni Ewropea, stabbilit f’konformità mal-Artikolu 26
tar-Regolament 525/2013[1].
Għandu jinħatar ir-rappreżentant tal-Islanda mill-Ministeru
għall-Ambjent u r-Riżorsi Naturali tagħha. Il-laqgħat
tal-Kumitat ta' Twettiq Konġunt għandhom ikunu organizzati, kull meta
jkun possibbli, u jkunu qrib dawk tal-Kumitat dwar it-Tibdil fil-Klima (5) Il-Kumitat ta' Twettiq Konġunt
għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu b’kunsens. Artikolu 7 (ebda riżerva) Ebda riżerva ma tista' ssir f'dan
il-ftehim. Artikolu 8 (dewmien u konformità) (1) Dan il-ftehim jitqies konkluż
għall-perjodu taż-żmien sa tmiem il-perjodu addizzjonali
għat-twettiq tal-impenji fit-tieni perjodu ta’ impenn tal-Protokoll ta’
Kyoto, jew sakemm kwalunkwe kwistjoni ta’ implimentazzjoni skont il-Protokoll
ta’ Kyoto għal kwalunkwe waħda mill-Partijiet, marbuta ma’ dak
il-perjodu ta’ impenn jew l-implimentazzjoni tat-twettiq konġunt, tiġi
riżolta, skont liema jkun l-iktar tard. Ma jistax jiġi tterminat
qabel. (2) L-Islanda għandha tinnotifika
l-Kumitat ta' Twettiq Konġunt dwar xi nuqqas reali jew imminenti
fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-ftehim. Kwalunkwe nuqqas
bħal dan għandu jkun iġġustifikat għas-sodisfazzjoni
tal-membri tiegħu fi żmien 30 jum min-notifika. Inkella, in-nuqqas
ta' applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-ftehim jikkostitwixxi
ksur ta’ dan il-ftehim. (3) F’każ ta’ ksur ta’ dan il-ftehim jew
l-oġġezzjoni mill-Islanda li temenda l-Anness I tagħha
skont l-Artikolu 4, paragrafu 2, l-Islanda għandha tikkontabilizza
t-total tal-emissjonijiet antropoġeniċi ekwivalenti ta’ dijossidu
tal-karbonju minn sorsi u mill-assorbimenti minn bjar fl-Islanda koperti
mill-Protokoll ta’ Kyoto fit-tieni perjodu ta’ impenn, inklużi
emissjonijiet minn sorsi koperti mill-iskema għall-iskambju ta’ kwoti
tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tal-Unjoni Ewropea, kontra l-objettiv ta’
tnaqqis ta’ emissjonijiet kwantifikati tagħha inkluż fit-tielet
kolonna tal-Anness B tal-Protokoll ta’ Kyoto u, fl-aħħar tat-tieni
perjodu ta’ impenn, tirtira mir-reġistru nazzjonali tagħha AAUs,
CERs, ERUs, RMUs, tCERs jew lCERs ekwivalenti għal dawk l-emissjonijiet. Artikolu 9 (Depożitarju) L-oriġinal ta’ dan il-ftehim, li huwa
awtentiku indaqs fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni Ewropea u
fl-Islandiż, għandu jiġi ddepożitat għand
is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Artikolu 10 (depożitu ta’
strumenti ta' ratifika) (1) Dan il-ftehim għandu jiġi
ratifikat mill-Partijiet f'konformità mar-regoli nazzjonali rispettivi
tagħhom. Kull Parti għandha tiddepożita l-istrumenti tagħha
ta’ ratifika għand is-Segretarju-Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni
Ewropea, jew qabel jew fl-istess waqt tad-depożitu tal-istrument ta’
aċċettazzjoni tal-Emenda ta' Doha għand is-Segretarju
Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti. (2) L-Islanda għandha tiddepożita
l-istrument tagħha ta’ aċċettazzjoni tal-Emenda ta' Doha
għand is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, b’konformità
mal- Artikolu 20(4) u l- Artikolu 21(7) tal-Protokoll ta’ Kyoto mhux
aktar tard mid-data ta’ depożitu tal-aħħar strument ta’
aċċettazzjoni mill-Unjoni Ewropea jew l-Istati Membri tagħha. (3) Meta tiddepożita l-istrument ta’
aċċettazzjoni tal-Emenda ta’ Doha, l-Islanda għandha tinnotifika
wkoll it-termini tat-twettiq konġunt, f’isimha stess, lis-Segretarjat
tal-Konvenzjoni ta’ Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima skont
l-Artikolu 4, il-paragrafu 2, tal-Protokoll ta’ Kyoto. Artikolu 11 (Dħul fis-seħħ) Dan il-ftehim għandu jidħol
fis-seħħ fid-[disgħin] jum wara d-data li fiha l-Partijiet
kollha jkunu ddepożitaw l-istrument ta’ ratifika tagħhom. Magħmul fi …. Anness
1 (Lista
stipulata fl-Artikolu 4) 1.
Ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament
Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar mekkaniżmu
għall-monitoraġġ u r-rapportar ta' emissjonijiet ta' gassijiet
serra u għar-rapportar ta' informazzjoni oħra relatata mat-tibdil
fil-klima fil-livelli nazzjonali u tal-Unjoni u li jħassar
id-Deċiżjoni Nru 280/2004/KE (imsemmija bħala r-"Regolament
525/2013"), għajr għall-Artikoli 4, 7 lit. f, 15 sa 20 u 22.
Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 21 japplikaw bħala rilevanti. 2.
Atti Delegati u ta’ Implimentazzjoni attwali u
futuri bbażati fuq ir-Regolament 525/2013. Anness
2 (it-termini
ta’ twettiq konġunt kif annessi mad-Deċiżjoni ta' Ratifika li
tikkonkludi, f’isem l-Unjoni Ewropea, l-Emenda ta’ Doha — inkluż
ċifra ta’ tCO2ekw bħala livell ta’ emissjoni tal-Islanda/ammont
assenjat qabel l-applikazzjoni tal-Art. 3 (7bis) PK) [1] Ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u
tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar mekkaniżmu
għall-monitoraġġ u r-rapportar ta' emissjonijiet ta' gassijiet
serra u għar-rapportar ta' informazzjoni oħra relatata mat-tibdil
fil-klima fil-livelli nazzjonali u tal-Unjoni u li jħassar
id-Deċiżjoni Nru 280/2004/KE.