Este documento es un extracto de la web EUR-Lex
Documento 52014PC0020
Proposal for a DECISION OF THE EUROPEAN PARLIAMENT AND OF THE COUNCIL concerning the establishment and operation of a market stability reserve for the Union greenhouse gas emission trading scheme and amending Directive 2003/87/EC
Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar l-istabbiliment u t-tħaddim ta’ riżerva tal-istabbiltà tas-suq għall-iskema ta’ negozjar tal-emmissjonijiet tal-gassijiet serra tal-Unjoni u li temenda d-Direttiva 2003/87/KE
Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar l-istabbiliment u t-tħaddim ta’ riżerva tal-istabbiltà tas-suq għall-iskema ta’ negozjar tal-emmissjonijiet tal-gassijiet serra tal-Unjoni u li temenda d-Direttiva 2003/87/KE
/* COM/2014/020 final - 2014/0011 (COD) */
Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar l-istabbiliment u t-tħaddim ta’ riżerva tal-istabbiltà tas-suq għall-iskema ta’ negozjar tal-emmissjonijiet tal-gassijiet serra tal-Unjoni u li temenda d-Direttiva 2003/87/KE /* COM/2014/020 final - 2014/0011 (COD) */
MEMORANDUM TA’
SPJEGAZZJONI 1. Introduzzjoni Fil-bidu tat-tielet perjodu ta’ negozjar (2013-2020),
is-Sistema ta’ Negozjar tal-Emissjonijiet (ETS) tal-UE kienet ikkaratterizzata
minn żbilanċ kbir bejn il-provvista u d-domanda tal-kwoti, u dan
irriżulta f’surplus ta’ madwar 2 biljun kwota li huwa mistenni li
jikber matul is-snin li ġejjin għal aktar minn 2.6 biljun kwota
sal-2020. Ir-raġuni għal dan
l-iżbilanċ hija primarjament diskrepanza bejn il-provvista tal-irkant
tal-kwoti tal-emissjonijiet, li hija stabbilita b’mod strett ħafna, u
d-domanda għalihom, li hija flessibbli u tiġi affettwata
miċ-ċikli ekonomiċi, il-prezzijiet tal-karburanti fossili kif
ukoll fatturi oħra. Domanda dgħajfa ġeneralment tmur flimkien
ma’ tnaqqis fil-provvista. Madankollu, fis-suq tal-karbonju tal-UE, dan mhuwiex
il-każ għall-provvista tal-irkant fl-iskema regolatorja attwali. L-EU ETS kienet stabbilita biex tikseb il-miri
ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet tal-UE b’mod armonizzat u kosteffikaċi. Filwaqt li l-objettiv ambjentali huwa ggarantit mil-limitu
massimu, il-preżenza ta’ surplus tnaqqas l-inċentivi għal
investiment b’emissjonijiet baxxi ta’ karbonju u b’hekk taffettwa b’mod
negattiv il-kosteffikaċja tas-sistema. Filwaqt li l-atturi ekonomiċi
jieħdu deċiżjonijiet ta’ investiment kontra l-isfond ta’
provvista żejda ta’ kwoti fis-suq u s-sinjal tal-prezz korrispondenti,
l-ispejjeż globali rilevanti għall-isfida tat-tibdil fil-klima aktarx
li jiżdiedu meta jitqiesu fuq żmien medju sa twil. Fil-qosor, jekk ma
jiġux indirizzati, dawn l-iżbilanċi ser jaffettwaw b’mod qawwi
l-abbiltà tal-EU ETS li tilħaq il-mira tal-ETS f’fażijiet tal-futur
b’mod kosteffikaċi, meta jkunu jridu jintlaħqu objettivi ta’
emissjonijiet domestiċi sinifikament aktar impenjattivi mil-lum[1]. Huwa mistenni li l-mira tal-gass serra
għall-2030 deċiża bħala parti mill-qafas politiku tal-klima
u l-enerġija ser tirriżulta f’fattur ta’ tnaqqis lineari aktar
ambizzjuż applikat mill-bidu tal-fażi 4 fl-2021. Dan għandu jtaffi l-iżbilanċ tas-suq
maż-żmien u b’mod gradwali. Madankollu, il-valutazzjoni tal-impatt li
takkumpanja l-qafas tal-2030 tindika li fattur lineari aktar ambizzjuż
mhuwiex suffiċjenti biex jindirizza l-implikazzjonijiet negattivi
tal-iżbilanc qawwi fis-suq. Fl-istess ħin ser iħalli wkoll
lill-EU ETS mingħajr protezzjoni kontra xokkijiet mhux mistennija u
għal għarrieda fil-ġejjieni. Għal dawn ir-raġunijiet, għandu jkun hemm deroga
mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva sabiex tiġi stabbilita
riżerva tal-istabbiltà tas-suq. 2. kuntest tal-proposta Bħala miżura għal żmien
qasir biex jiġu mitigati l-effetti tas-surplus, kien deċiż li
jiġi pospost (“back-load”) l-irkantar ta’ 900 miljun kwota fis-snin
bikrija tal-fażi 3. F’dan il-kuntest,
il-Kummissjoni affermat ukoll mill-ġdid l-impenn tagħha li
tippreżenta għażliet għall-azzjoni bil-għan li tadotta
miżuri strutturali xierqa oħra biex issaħħaħ l-ETS
matul il-fażi 3[2]. Meta wieħed iqis li s-surplus huwa ta’
natura strutturali u dejjiema, tinħtieġ azzjoni ulterjuri biex
tissaħħaħ l-EU ETS biex tiġi żgurata tranżizzjoni
kosteffikaċi għal ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’
karbonju. F'Novembru 2012 il-Kummissjoni
stabbilixxiet lista mhux eżawrjenti ta’ sitt għażliet
għar-riforma strutturali tal-EU ETS fir-Rapport tagħha dwar l-Istat
tas-Suq Ewropew tal-Karbonju fl-2012 (Rapport dwar is-Suq tal-Karbonju)[3]. Mid-diskussjoni li saret matul il-konsultazzjoni pubblika
li segwiet dan ir-rapport, ħareġ li għażla addizzjonali
tkun l-istabbiliment ta’ riżerva tal-istabbiltà tas-suq li tista’ twassal
biex il-provvista tal-irkantar tal-kwoti tal-emissjonijiet tkun aktar
flessibbli u żżid ir-reżistenza għax-xokkijiet. Flimkien ma’ din il-proposta huma ppubblikati
rapport ta’ valutazzjoni tal-impatt u sommarju eżekuttiv. Il-valutazzjoni
tal-impatt uriet li l-istabbiliment ta’ riżerva tal-istabbiltà tas-suq
jista’ jgħin biex jindirizza l-iżbilancji attwali u jwassal biex
l-ETS tkun aktar reżistenti għal xi avveniment potenzjali fuq skala
kbira fil-futur li jista’ jfixkel b’mod serju l-bilanċ bejn il-provvista u
d-domanda. Fir-rigward tad-diversi elementi ta’
disinn, intwera li t-tħaddim tar-riżerva tal-istabbiltà tas-suq
fir-rigward tal-għadd totali ta’ kwoti fiċ-ċirkolazzjoni
għandu l-vantaġġ li jaqbad il-bidliet fid-domanda mhux biss
minħabba bidliet makroekonomiċi, iżda anki l-impatti ta’ fatturi
oħra bħal politiki kumplimentari, kif ukoll bidliet fin-naħa
tal-provvista bħall-influss ta’ krediti internazzjonali. 3. Aspetti legali tal-proposta Biex tiġi żgurata l-prevedibbiltà,
ir-riżerva tal-istabbiltà tas-suq hija ddisinjata bħala
mekkaniżmu oġġettiv u bbażat fuq ir-regoli, li fuq
il-bażi tiegħu l-volumi ta’ rkant huma aġġustati b’“mod
awtomatiku” taħt kundizzjonijiet definiti minn qabel u li jiġu applikati
fil-fażi 4 tal-EU ETS li tibda fl-2021. Filwaqt
li l-valutazzjoni tal-impatt uriet li l-istabbiliment ta’ riżerva tal-istabbiltà
tas-suq sa mill-fażi 3 joħloq benefiċċji
għat-tisħiħ u l-effikaċja tas-suq tal-karbonju,
it-trasferiment huwa mistenni li jipprovdi xi eżenzjoni temporanja
fis-snin li ġejjin. Għalhekk, huwa propost li tiġi stabbilita
riżerva tal-istabbiltà tas-suq fil-bidu tal-fażi 4 biex
il-parteċipanti tas-suq jingħataw biżżejjed żmien biex
jadattaw għall-introduzzjoni tar-riżerva u ċertezza regolatorja
suffiċjenti matul il-fażi 3 tal-EU ETS. Ir-riżerva tal-istabbiltà tas-suq
stabbilita f’din il-proposta tiffunzjona billi tattiva l-aġġustamenti
għall-volumi ta’ azzjoni annwali f’sitwazzjonijiet fejn l-għadd totali
ta’ kwoti fiċ-ċirkolazzjoni ma jkunx jaqa’ taħt ċerta medda
definita minn qabel: (a)
Iż-żieda ta’ kwoti mar-riżerva billi
jitnaqqsu mill-volumi ta’ rkant futuri bil-għan li tittaffa l-instabbiltà
tas-suq minħabba surplus temporanju kbir fl-EU ETS jekk is-surplus totali
jkun aktar minn 833 miljun kwota; (b)
Il-ħruġ ta’ kwoti mir-riżerva u
ż-żieda tagħhom mal-volumi ta’ rkant tal-futur, bil-għan li
tittaffa l-instabbiltà tas-suq minħabba defiċit temporanju kbir fl-EU
ETC, sakemm il-bilanċ favorevoli jkun taħt l-400 miljun kwota. Il-kwoti b’hekk jitqiegħdu u
jinħarġu mir-riżerva ta’ stabbiltà tas-suq b’rabta mal-għadd
totali ta’ kwoti fiċ-ċirkolazzjoni. Dan
l-indikatur huwa kejl dirett għall-iżbilanċ attwali bejn
il-provvista u d-domanda u għalhekk huwa ppreferut minn miżuri
indiretti u inċerti għal motivaturi importanti tas-suq
bħall-PDG, il-prezzijiet tal-karburanti, it-temp u l-preċipitazzjoni,
eċċ. Il-limitu massimu u minimu tal-medda kienu ddeterminati wara
konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati u jirriflettu medda fejn
l-esperjenza turi li s-suq seta’ jaħdem b’mod ordnat. Biex tiġi żgurata l-prevedibbiltà u
bidliet aktar gradwali fir-riżerva ta’ stabbiltà tas-suq,
jinħareġ volum definit minn qabel ta’ 100 miljun kwota fis-sena
meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin. Din il-kwantità tirrappreżenta bejn wieħed u
ieħor 5 % tal-emissjonijiet annwali attwali fl-EU ETS li abbażi
tal-esperjenza storika għandhom ikunu suffiċjenti biex jissodisfaw
anki żidiet ta’ malajr u qawwija fid-domanda. L-introduzzjoni ta’ riżerva tal-istabbiltà
tas-suq tirrappreżenta potenzjalment bidla sinifikanti fid-disinn u t-tħaddim
tal-EU ETS. Tagħlim bikri meħud mit-tħaddim tar-regoli ta’
riżerva jista’ jirriżulta li huwa siewi u jippermetti titjib
fid-disinn tar-regoli ta’ riżerva. Fl-istess ħin il-prevedibbiltà u
l-istabbiltà huma importanti għal suq tal-karbonju ta’ suċċess.
Sabiex jinstab il-bilanċ it-tajjeb, il-proposta tipprevedi reviżjoni
b’fokus partikolari fuq ċerti parametri ta’ riżerva sal-2026. Il-proposta tinkludi wkoll
dispożizzjonijiet li għandhom l-għan li jagħmlu l-provvista
tal-irkantar uniformi fis-snin madwar it-tranżizzjonijiet bejn
il-fażijiet ta’ negozjar f’każijiet fejn l-inadempjenza inkella
kienet twassal għal bidliet drastiċi. Dan
l-effett huwa newtrali għall-volum matul il-perjodu ta’ tliet snin u
jikkonsisti minn medja sempliċi ta’ volumi annwali li jtaffu l-impatti
tranżitorji jew temporarji potenzjali fuq il-provvista tal-irkant
mill-modalitajiet stabbiliti bid-Direttiva 2003/87/KE u r-Regolament
tal-Kummissjoni Nru 1031/2010 għal tmiem il-perjodu fir-rigward ta’,
pereżempju, il-kwoti li jifdal fir-riżerva tal-entrati l-ġodda
fi tmiem il-perjodu, il-kwoti li ma jkunux ġew allokati minħabba
l-għeluq jew taħt id-deroga għall-immodernizzar tas-settur
tal-elettriku. Jekk il-volum ta’ kwoti li għandhom jiġu rkantati
fl-aħħar sena tal-perjodu jaqbeż l-ammont medju li għandu
jiġi rkantat fis-sentejn ta’ wara b’aktar minn 30 %, din
id-differenza titqassam b’mod ugwali matul is-snin. Din id-dispożizzjoni
tibni fuq l-esperjenza miksuba fit-tranżizzjoni mill-fażi 2 għall-fażi 3
tal-EU ETS u tevita li jkun hemm ripetizzjoni tal-implikazzjonijiet negattivi
tal-modalitajiet ta’ tranżizzjoni. Il-proposta tieħu l-istess bażi
legali bħad-Direttiva 2003/87/KE. Fid-dawl tal-isfond
u l-kamp ta’ applikazzjoni temporali, hija sottomessa bħala parti
mill-politiki tal-klima u l-enerġija għall-2030. Id-dritt tal-UE li taġixxi joriġina
mill-fatt li l-ETS topera bħala sistema mifruxa madwar l-UE b’mod
kompletament armonizzat. Huwa konformi mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà u
proporzjonalità stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. 2014/0011 (COD) Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
U TAL-KUNSILL dwar l-istabbiliment u t-tħaddim ta’
riżerva tal-istabbiltà tas-suq għall-iskema ta’ negozjar
tal-emmissjonijiet tal-gassijiet serra tal-Unjoni u li temenda d-Direttiva 2003/87/KE
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE) IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL
TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar
il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 192(1)
tiegħu, Wara li kkunsidraw
il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea, Wara li ntbagħat
l-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-Parlamenti nazzjonali, Wara li kkunsidraw
l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[4], Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat
tar-Reġjuni[5],
Waqt li jaġixxu skont il-proċedura
ordinarja leġiżlattiva, Billi: (1) L-Artikolu 10(5) tad-Direttiva 2003/87/KE
tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[6] jipprovdi li kull sena għandu
jiġi ppreżentat rapport annwali dwar il-funzjonament tas-suq Ewropew
tal-karbonju lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill. (2) Ir-rapport
mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar l-istat tas-suq
Ewropew tal-karbonju fl-2012[7]
identifika l-ħtieġa għal miżuri sabiex jiġu
indirizzati l-iżbilanċi strutturali bejn il-provvista u d-domanda. Il-valutazzjoni tal-impatt dwar il-qafas ta’ politika dwar
l-enerġija u l-klima għall-2030.[8] tindika li dan
l-iżbilanċ huwa mistenni li jibqa’, u mhux ser jiġi indirizzat
b’mod suffiċjenti billi l-perkors lineari jiġi adattat għal mira
aktar stretta f’dan il-qafas. Bidla fil-fattur
lineari tibdel biss gradwalment il-limitu massimu. Għaldaqstant,
il-bilanċ favorevoli jispiċċa jonqos ukoll gradwalment biss,
b’tali mod li s-suq ikollu jkompli jopera għal aktar minn deċennju b’surplus
ta’ madwar 2 biljun kwota jew aktar. Sabiex tiġi indirizzata din
il-problema u biex is-Sistema Ewropea ta’ Negozjar tal-Emissjonijiet tkun aktar
reżistenti għall-iżbilanċi, għandha tiġi
stabbilita riżerva tal-istabbiltà tas-suq. Biex tiġi żgurata
ċ-ċertezza regolatorja fir-rigward tal-provvista tal-irkant
fil-fażi 3 u biex ikun hemm ftit aġġustament
għaż-żmien meħtieġ għall-introduzzjoni tal-bidla
fid-disinn, ir-riżerva tal-istabbiltà tas-suq għandha tiġi
stabbilita mill-fażi 4 li tibda fl-2021. Sabiex jinżamm grad
massimu ta’ prevedibbiltà, għandhom jiġu stabbiliti regoli ċari
għat-tqegħid tal-kwoti fir-riżerva u għall-ħruġ
tagħhom mir-riżerva. Meta l-kundizzjonijiet jiġu ssodisfati, sa
mill-2021, il-kwoti li jikkorrispondu għal 12 % tal-għadd ta’
kwoti fiċ-ċirkolazzjoni fis-sena x-2 għandhom
jitqiegħdu fir-riżerva. Għandu jinħareġ għadd korrispondenti
ta’ kwoti mir-riżerva meta l-għadd totali ta’ kwoti
fiċ-ċirkolazzjoni jkun anqas minn 400 miljun. (3) Barra
minn hekk, minbarra l-istabbiliment tar-riżerva tal-istabbiltà tas-suq,
għandhom isiru xi emendi konsegwenzjali għad-Direttiva 2003/87/KE
biex jiġu żgurati l-konsistenza u t-tħaddim sigur tal-ETS. B’mod
partikolari, it-tħaddim tad-Direttiva 2003/87/KE jista’ jwassal
għal volumi kbar ta’ kwoti li għandhom jiġu rkantanti fi tmiem
kull perjodu ta’ negozjar li jistgħu jfixklu l-istabbiltà tas-suq.
Għaldaqstant, sabiex tiġi evitata sitwazzjoni ta’ suq ta’ provvista
ta’ kwoti żbilanċjat fi tmiem wieħed mill-perjodi ta’ negozjar u
l-bidu ta’ dak li jmiss b’effetti li jistgħu jfixklu s-suq, għandu
jsir provvediment għall-irkantar tal-parti ta’ kwalunkwe żieda kbira
fil-provvista fi tmiem wieħed mill-perjodi ta’ negozjar fl-ewwel sentejn
tal-perjodu li jmiss. (4) Il-Kummissjoni
għandha tirrevedi l-funzjonament tar-riżerva tal-istabbiltà tas-suq
fir-rigward tat-tħaddim tagħha fid-dawl tal-esperjenza dwar
l-applikazzjoni tagħha. Ir-reviżjoni tal-funzjonament
tar-riżerva tal-istabbiltà tas-suq għandha b’mod partikolari
tikkunsidra jekk ir-regoli dwar it-tqegħid ta’ kwoti fir-riżerva
humiex xierqa fir-rigward tal-mira segwita biex jiġu indirizzati
l-iżbilanċi strutturali bejn il-provvista u d-domanda. (5) L-Artikoli 10
u 13(2) tad-Direttiva 2003/87/KE għandhom jiġu emendati kif
xieraq, ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI: Artikolu 1
Riżerva tal-istabbiltà
tas-suq 1. Tiġi stabbilita
riżerva tal-stabbiltà tas-suq, li għandha tibda taħdem mill-1 ta’ Jannar 2021. 2. Il-Kummissjoni għandha
tippubblika l-għadd totali ta’ kwoti fiċ-ċirkolazzjoni kull
sena, sal-15 ta’ Mejju tas-sena sussegwenti. L-għadd totali ta’ kwoti fiċ-ċirkolazzjoni
għas-sena x għandu jkun l-għadd kumulattiv ta’ kwoti
maħruġa fil-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2008,
inkluż in-numru skont l-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2003/87/KE
f’dak il-perjodu u d-drittijiet biex jintużaw il-krediti internazzjonali
eżerċitati mill-installazzjonijiet taħt is-sistema ta’ negozjar
tal-emissjonijiet tal-UE fir-rigward tal-emissjonijiet sal-31 ta’ Diċembru tas-sena x,
li minnu jitnaqqsu t-tunnellati kumulattivi tal-emissjonijiet ivverifikati
mill-installazzjonijiet skont is-sistema ta’ negozjar tal-emissjonijiet tal-UE
bejn l-1 ta’ Jannar 2008 u l-31 ta’ Diċembru tas-sena x,
kwalunkwe kwota kkanċellata skont l-Artikolu 12(4)
tad-Direttiva 2003/87/KE u l-għadd ta’ kwoti fir-riżerva. Ma
għandhomx jitqiesu l-emissjonijiet matul il-perjodu ta’ tliet snin li
jibda mill-2005 u jispiċċa fl-2007 u l-kwoti maħruġa
fir-rigward ta’ dawk l-emissjonijiet. L-ewwel pubblikazzjoni għandha
sseħħ sal-15 ta’ Mejju 2017. 3. F’kull sena mill-2021 ’il
quddiem, għadd ta’ kwoti ugwali għal 12 % tal-għadd totali
ta’ kwoti fiċ-ċirkolazzjoni fis-sena x-2, kif ippubblikat f’Mejju
tas-sena x-1 għandhom jitqiegħdu fir-riżerva, sakemm l-għadd
ta’ kwoti li għandhom jitqiegħdu fir-riżerva ma jkunx anqas minn
100 miljun. 4. Fi kwalunkwe sena, jekk l-għadd
totali ta’ kwoti fiċ-ċirkolazzjoni jkun aktar baxx minn 400 miljun,
għandhom jinħarġu 100 miljun kwota mir-riżerva. F’każ li jkun hemm anqas minn 100 miljun kwota
fir-riżerva, il-kwoti kollha fir-riżerva għandhom
jinħarġu skont dan il-paragrafu. 5. Fi kwalunkwe sena, jekk
il-paragrafu 4 ma jkunx applikabbli u l-miżuri jiġu adottati
skont l-Artikolu 29a tad-Direttiva, għandhom jinħarġu 100 miljun
kwota mir-riżerva. F’każ li jkun hemm anqas
minn 100 miljun kwota fir-riżerva, il-kwoti kollha fir-riżerva
għandhom jinħarġu skont dan il-paragrafu. 6. Fejn tittieħed azzjoni
skont il-paragrafi 3 jew 5, il-kalendarji tal-irkant għandhom iqisu
l-kwoti li tqiegħdu fir-riżerva jew li għandhom
jinħarġu mir-riżerva. Artikolu 2
Emendi għad-Direttiva 2003/87/KE Id-Direttiva 2003/87/KE hija emendata kif
ġej: 1. L-Artikolu 10(1) jibidel
b’dan li ġej: 2. “1. Mill-2021 ’il quddiem,
l-Istati Membri għandhom jirkantaw il-kwoti kollha li jingħataw
mingħajr ħlas skont l-Artikolu 10a u 10c u li ma
jitqiegħdux fir-riżerva tal-istabbiltà tas-suq stabbilita
bid-Deċiżjoni [OPEU jekk jogħġbok daħħal
in-numru ta‘ din id-Deċiżjoni meta jkun magħruf] tal-Parlament
Ewropew u tal-Kunsill(*).” 3. Fl-Artikolu 10,
għandu jiddaħħal il-paragrafu li ġej: “1a. Fejn il-volum tal-kwoti li għandhom jiġu rkantati
mill-Istati Membri fl-aħħar sena ta’ kull perjodu msemmi
fl-Artikolu 13(1) jaqbeż b’aktar minn 30 % tal-volum tal-irkant
medju mistenni għall-ewwel sentejn tal-perjodu ta’ wara qabel
l-applikazzjoni tal-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni [OPEU jekk
jogħġbok daħħal in-numru ta’ din id-Deċiżjoni
meta jkun magħruf] żewġ terzi tad-differenza bejn il-volumi
għandhom jitnaqqsu mill-volumi tal-irkantar fl-aħħar sena
tal-perjodu u miżjuda f’pagamenti ugwali għall-volumi li
għandhom jiġu rkantati mill-Istati Membri fl-ewwel sentejn
tal-perjodu ta’ wara.” 4. Fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(2),
tiżdied is-sentenza li ġejja: “Bl-istess
mod, il-kwoti miżmuma fir-riżerva tal-istabbiltà tas-suq stabbilita
bid-Deċiżjoni [OPEU jekk jogħġbok daħħal
in-numru ta’ din id-Deċiżjoni meta tkun magħrufa] u li ma
għadhomx validi għandhom jiġu ssostitwiti minn kwoti li huma
validi għall-perjodu attwali.” Artikolu 3
Reviżjoni Sal-31 ta’ Diċembru 2026,
il-Kummissjoni għandha tirrevedi r-riżerva tal-istabbiltà tas-suq
abbażi ta’ analiżi tal-funzjonament ordnat tas-suq Ewropew
tal-karbonju, u tissottometti proposta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill
meta dan ikun xieraq. Ir-reviżjoni għandha tagħti attenzjoni
partikolari liċ-ċifra perċentwali għad-determinazzjoni tal-għadd
ta’ kwoti li għandhom jitqiegħdu fir-riżerva skont
l-Artikolu 1(3) u l-valur numeriku tal-valuri limiti għall-għadd
totali ta’ kwoti fiċ-ċirkolazzjoni stabbilit mill-Artikolu 1(4). Artikolu 4
Dispożizzjoni
tranżitorja L-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2003/87/KE
kif emendat bid-Direttiva 2009/29/KE għandu jibqa’ japplika sal-31 ta’ Diċembru 2020. Artikolu 5
Dħul fis-seħħ Din id-Deċiżjoni għandha
tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni
tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Magħmul fi Brussell, Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill Il-President Il-President [1] COM(2012) 652 finali [2] COM(2012) 416 finali [3] COM(2012) 652 [4] ĠU C , , p.. [5] ĠU C , , p.. [6] Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u
tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema
għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa
l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32). [7] COM(2012)652 finali. [8] Daħħal referenza.