Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014DC0509

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-operat tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej (ASE) u s-Sistema Ewropea tas-Superviżjuri Finanzjarji (SESF)

COM/2014/0509 final

Brussell, 8.8.2014

COM(2014) 509 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-operat tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej (ASE) u s-Sistema Ewropea tas-Superviżjuri Finanzjarji (SESF)

{SWD(2014) 261 final}


1)INTRODUZZJONI

It-tliet Awtoritajiet Superviżorji Ewropej (ASE), l-Awtorità Bankarja Ewropea (ABE), l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA), u l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA), li jaħdmu f'netwerk ta’ awtoritajiet nazzjonali kompetenti (ANK), il-Kumitat Konġunt tal-ASE (KK) u l-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS), jikkostitwixxu s-Sistema Ewropea ta’ Superviżuri Finanzjarji (SESF).

Fid-dawl ta’ nuqqasijiet fis-superviżjoni finanzjarja esposti mill-kriżi finanzjarja fl-2008, il-President Barroso talab lil grupp ta’ esperti ta’ livell għoli, ippresedut mis-Sur Jacques de Larosière, biex jagħmel proposti sabiex jissaħħu l-arranġamenti superviżorji Ewropej, bil-għan li tiġi stabbilita sistema Ewropea ta’ superviżjoni aktar effiċjenti, integrata u sostenibbli. Abbażi tar-rakkomandazzjonijiet maħruġa mill-grupp f’Ottubru 2009 il-Kummissjoni ppreżentat proposti biex tissaħħaħ is-superviżjoni finanzjarja, li ġew adottati mill-koleġiżlaturi f’Novembru 2010. L-ASE bdew l-operazzjonijiet tagħhom f’Jannar 2011.

Ir-Regolamenti fundaturi tal-ASE 1 jesiġu li l-Kummissjoni tippubblika rapport ġenerali kmieni fl-2014 dwar l-esperjenza miksuba bħala riżultat tal-operazzjonijiet tal-Awtoritajiet u l-proċeduri stipulati f’dawn ir-Regolamenti. Dan ir-rapport se jintbagħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, flimkien ma' kwalunkwe proposti li jakkumpanjawh, kif xieraq.

Il-Kummissjoni vvalutat fid-dettall l-operat tal-ASE li jkopri l-perjodu mill-bidu nett tagħhom sa Diċembru 2013, bl-involviment ta' firxa wiesgħa ta’ partijiet ikkonċernati. Il-Kummissjoni organizzat seduta pubblika dwar ir-rieżami tas-SESF (Mejju 2013), kif ukoll konsultazzjoni pubblika u mmirata lejn il-partijiet ikkonċernati (April – Lulju 2013). Ġew ikkunsidrati l-awtovalutazzjoni pprovduta mill-ASE 2 , ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-rieżami tas-SESF ta’ Marzu 2014 3 kif ukoll l-istudji li saru mill-FMI 4 u l-Parlament Ewropew. 5  

Ir-rieżami wera li minkejja l-perjodu ta’ rappurtar qasir, kollox ma' kollox l-ASE kellhom prestazzjoni tajba. Huma rnexxielhom jibnu organizzazzjonijiet li jiffunzjonaw, bdew jiksbu riżultati fuq il-mandati tagħhom u żviluppaw il-profili tagħhom stess. Fejn ġew identifikati oqsma ta’ titjib dan ir-rapport jidentifika l-ambitu għal azzjoni fit-terminu qasir u l-ħtieġa għal valutazzjoni ulterjuri fir-rigward ta’ titjib possibbli fit-terminu medju. Evalwazzjoni aktar dettaljata tal-operazzjonijiet tal-ASE/SESF hija ppreżentata fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li jakkumpanja dan ir-rapport.

Minbarra r-rekwiżit għal rieżami perjodiku dwar il-prestazzjoni tal-ASE/SESF il-Kummissjoni hi meħtieġa tfassal rapport sas-16 ta’ Ġunju 2014 fir-rigward tas-setgħa ddelegata biex tadotta standards tekniċi regolatorji konferiti fuq il-Kummissjoni skont l-Artikolu 11(1) ta’ Regolamenti fundaturi. Ir-rapport rispettiv jinsab fl-Anness I ta’ dan ir-Rapport.

2)IL-MANDAT U R-RWOLI TAL-ASE

L-arkitettura superviżorja l-ġdida, flimkien mal-ASE u l-BERS fiċ-ċentru tagħha, hija l-pedament ta’ riformi komprensivi li nbdew mill-Kummissjoni minn mindu faqqgħet il-kriżi finanzjarja. L-għan ġenerali tal-ASE huwa li jsaħħu b’mod sostenibbli l-istabbiltà u l-effikaċja tas-sistema finanzjarja madwar l-UE kollha.

Aktar speċifikament, ir-raġunament sottostanti għat-twaqqif tal-ASE kien li jiżguraw kooperazzjoni eqreb u skambju ta’ informazzjoni fost is-superviżuri nazzjonali, jiffaċilitataw l-adozzjoni ta’ soluzzjonijiet għal problemi transfruntieri tal-UE, u javvanzaw l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni koerenti ta’ regoli. Billi jħejju standards uniformi u jiżguraw konverġenza u koordinazzjoni superviżorji tal-ASE għandhom ikomplu jsawru l-iżvilupp ta’ ġabra unika ta’ regoli applikabbli għat-28 Stat Membru kollha tal-UE, u b’hekk jikkontribwixxu għall-funzjonament tas-Suq Uniku.

Għal dan l-għan, fir-Regolamenti fundaturi u l-leġiżlazzjoni sekondarja sussegwenti tal-Unjoni l-ASE ġew assenjati rwoli u setgħat regolatorji, superviżorji, ta' stabilità finanzjarja u għall-ħarsien tal-konsumatur, inklużi dawn li ġejjin:

Li jiżviluppaw abbozz ta’ standards tekniċi u joħorġu linji gwida u rakkomandazzjonijiet, konsistenti ma' prinċipji ta’ regolazzjoni aħjar;

Joħorġu opinjonijiet lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni Ewropea;

Jirriżolvu każijiet ta' nuqqas ta' qbil bejn superviżuri nazzjonali, fejn il-leġiżlazzjoni tkun teħtieġ li jikkooperaw jew jiftehmu;

Jagħtu kontribut biex tiġi żgurata l-applikazzjoni konsistenti ta' regoli tekniċi tal-UE (inklużi l-evalwazzjonijiet bejn il-pari);

Rwol ta' koordinazzjoni f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza;

L-ESMA teżerċita setgħat superviżorji diretti fuq l-Aġenziji tal-Klassifikazzjoni tal-Kreditu u r-Repożitorji tat-Tranżazzjonijiet;

Jiġbru l-informazzjoni meħtieġa biex iwettqu l-mandat tagħhom;

Uħud mis-setgħat tal-ASE huma ċirkoskritti ulterjorment minn atti tal-Unjoni 6 . B’mod partikolari, l-ASE iridu jeżerċitaw il-kompiti u s-setgħat assenjati lilhom fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-atti tal-Unjoni ddikjarat fir-Regolamenti fundaturi tagħhom 7 , il-miżuri adottati minnhom, jew kwalunkwe atti ulterjuri tal-Unjoni li jistgħu jikkonferixxu kompiti fuqhom.

L-istabbiliment ta’ Unjoni Bankarja, u b’mod partikolari tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU) u l-Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni (MUR) bħala komponenti ewlenin tagħha, se jkollha impatt fuq il-funzjonament tas-SESF, iżda ma tikkontestax l-eżistenza u n-neċessità tagħha. Għall-kuntrarju, l-ASE se jkomplu jkunu responsabbli għall-istabbiliment ta’ standards u prattiki komuni regolatorji u superviżorji u għall-applikazzjoni konsistenti ta’ miżuri tal-UE madwar is-Suq Uniku. Evalwazzjoni tal-interazzjonijiet bejn is-SESF u l-Unjoni Bankarja tkun prematura f’dan l-istadju iżda se jiġu mmonitorjati mill-qrib fil-futur.

3)VALUTAZZJONI TAL-ĦIDMA TAL-ASE: KISBIET EWLENIN U OQSMA TA’ TITJIB

Effikaċja u effiċjenza ġenerali L-ASE malajr stabbilixxew organizzazzjonijiet li jiffuzjonaw tajjeb bl-objettiv li jagħtu kontribut biex jirrestawraw il-kunfidenza fis-settur finanzjarju. Ir-riżultati tal-analiżi juru li l-ambitu tal-mandat tal-ASE huwa kkunsidrat biżżejjed wiesa' bi spazju għal estensjonijiet possibbli mmirati, bħal fl-oqsma tal-protezzjoni tal-konsumaturi/tal-investitur 8 , l-infurzar ta’ Standards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju (IFRS) kif ukoll fil-qasam tas-sistema bankarja parallela. 9

Direzzjoni futura proposta:

F'dan l-isfond, il-Kummissjoni se tkompli teżamina f’terminu ta' żmien medju sa twil jekk hemmx bżonn li jitwessgħu l-mandati attwali tal-ASE biex ikopru oqsma ġodda bħalma huma l-infurzar tal-IFRS, rwol ta’ sorveljanza aktar b'saħħtu rigward il-validazzjoni tal-mudell intern partikolarment fil-qasam tal-assikurazzjoni, u s-sistema bankarja parallela.

Rwol regolatorju: Ix-xogħol imwettaq mill-ASE dwar l-iżvilupp ta’ ktieb tar-regoli uniku kkontribwixxa b’mod sinifikanti lejn armonizzazzjoni u koerenza regolatorja mtejba u tejjeb l-fehim reċiproku bejn is-superviżuri. Huwa ppermetta wkoll lill-UE tgħammar lilha nnifisha b’ammont sinifikanti ta’ regoli ta’ kwalità għolja f’limitu ta’ żmien relattivament qasir.

Proċessi trasparenti, inklużivi u effiċjenti huma meqjusa bħala kruċjali f’dan il-qasam. Bosta partijiet ikkonċernati indikaw il-ħtieġa li jkun hemm skadenzi flessibbli, jiġifieri skadenzi li jkunu dipendenti fuq id-dħul fis-seħħ tal-ftehim finali tal-att bażiku tal-Unjoni, għas-sottomissjoni ta’ abbozz ta’ standards tekniċi lill-Kummissjoni. Dan ikun jipprovdi lill-ASE biżżejjed żmien biex iħejju abbozzi ta’ standards ta’ kwalità għolja u jippermetti li ssir konsultazzjoni pubblika b'qafas ta' żmien adegwat. Barra minn hekk, xi tħassib indika n-nuqqas ta’ rispons dettaljat dwar il-konsultazzjonijiet u n-nuqqas perċepit ta' spiss ta’ analiżi tal-kostbenefiċċji ta’ kwalità għolja.

Il-partijiet ikkonċernati u l-ASE nfushom ripetutament talbu għal iżjed involviment tal-ASE fil-preparazzjoni tal-leġiżlazzjoni ta’ livell 1 dwar is-servizzi finanzjarji. L-ASE huma stabbiliti bħala aġenziji deċentralizzati u għalhekk għandhom rwol importanti fil-kontribut għall-implimentazzjoni tal-politiki tal-Unjoni. Madankollu, huma disinti mill-istituzzjonijiet Ewropej u r-rwol tagħhom fil-proċess regolatorju għalhekk irid jiġi vvalutata fil-limiti imposti mit-Trattat.

Filwaqt li dejjem żdiedu l-kompiti regolatorji mal-volum ta' xogħol tal-ASE matul il-perjodu kopert mir-rieżami, diversi partijiet ikkonċernati enfasizzaw li l-iżviluppi rilevanti mhux dejjem kienu akkumpanjati minn żieda ekwivalenti f’termini ta’ riżorsi umani u baġitarji korrispondenti.

Linji gwida u rakkomandazzjonijiet adottati mill-ASE skont l- Artikolu 16 tar-Regolamenti tal-ASE huma ta’ natura mhux vinkolanti iżda għandhom karatteristiċi speċifiċi (effett “ikkonforma jew spjega”). Dawn kienu strument flessibbli għall-konverġenza madankollu il-partijiet ikkonċernati indikaw xi inċertezzi fir-rigward tal-ambitu u n-natura konkreta ta’ dawn il-miżuri. Fil-fehma tal-Kummissjoni l-użu tas-setgħat tal-ASE irid ikun ibbażat fis-sod fuq il-bażi legali li tkopri l-atti tagħhom. B’mod partikolari, iż-żewġ objettivi għall-ħruġ ta’ linji gwida u rakkomandazzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 16(1) ta’ dawn ir-Regolamenti fundaturi, jiġifieri li jiġu stabbiliti “prattiki superviżorji konsistenti, effiċjenti u effikaċi” u biex tiġi żgurata l-applikazzjoni “komuni, uniformi u konsistenti tal-liġi tal-Unjoni” għandhom jinqraw b’mod kumulattiv.  

Ħafna partijiet ikkonċernati talbu għal aktar ċarezza dwar il-possibbiltà ta’ kontestazzjoni tal-linji gwida u rakkomandazzjonijiet skont il-liġi tal-UE. Fil-fehma tal-Kummissjoni l-Artikolu 60 tar-Regolamenti fundaturi huwa limitat għal deċiżjonijiet u għalhekk ma jipprovdix bażi legali sabiex jiġu kkontestati l-linji gwida u r-rakkomandazzjonijiet. Sakemm Linji gwida u rakkomandazzjonijiet ikunu bl-intenzjoni li jipproduċu effetti legali fil-konfront ta’ partijiet terzi għandhom ikunu soġġetti għal rieżami skont l-Artikolu 263(1) tat-TFUE. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja għad ma kellhiex l-opportunità tiġġudika dan l-aspett partikolari tar-Regolamenti tal-ASE.

Ġew ippreżentati aktar minn 150 standard tekniku f’forma ta’ abbozz ta’ standards tekniċi lill-Kummissjoni matul il-perjodu ta’ rieżami. L-ESMA ressaq 92 abbozz ta’ standards tekniċi. Wara li fir-rebbiegħa tal-2013, in-negozjati dwar il-qafas tas-CRDIV/CRR ġew konklużi b'suċċess, l-ABE ressqet 58 abbozz ta’ standards tekniċi, filwaqt li l-EIOPA wettqet xogħol preparatorju estensiv minħabba n-negozjati pendenti dwar il-qafas ta' Solvenza II / Omnibus II u ressqet l-ewwel standard tekniku. Abbozz konġunt ta’ standard tekniku regolatorju dwar id-Direttivi tal-Konglomerati Finanzjarji tressaq mit-tliet ASE fl-2013. Matul il-perjodu taħt rieżami l-Kummissjoni approvat aktar minn 45 standard tekniku b’kollox li minnhom tlieta biss intbagħtu lura lill-ASE għal emendi ulterjuri.

Direzzjoni futura proposta:

Sabiex jirrimedjaw it-tħassib li esprimew il-partijiet ikkonċernati, l-ASE għandhom fi żmien qasir isaħħu t-trasparenza tal-proċess regolatorju, inkluż billi jistabbilixxu perjodu ta’ żmien adegwat biex jirreaġixxu għall-konsultazzjonijiet pubbliċi u billi jipprovdu aktar rispons dettaljat dwar l-input li jirċievu f'din l-okkażjoni. L-ASE għandhom jiżguraw ukoll li l-analiżi tal-kostbenefiċċji u l-abbozzi tat-testi legali għall-istandards tekniċi jkunu ta’ kwalità għolja. L-abbozzi ta’ standards tekniċi għandhom sistematikament ikunu soġġetti għal konsultazzjonijiet pubbliċi.

Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni se tagħti attenzjoni partikolari għall-adegwatezza ta’ skedi ta’ żmien u l-ambitu tas-setgħat għal standards tekniċi fl-abbozz tal-proposti leġiżlattivi tagħha u matul id-diskussjonijiet li jsiru fil-proċess leġiżlattiv.

Rwol superviżorju: Il-ħolqien ta' kultura superviżorja komuni tal-Unjoni u l-promozzjoni ta' prattiki superviżorji konverġenti huwa neċessarjament objettiv fit-terminu twil. L-ASE sa issa ffukaw fuq ir-rwol regolatorju tagħhom. Dan jista’ jiġi parzjalment spjegat mill-ħtieġa għal prijoritizzazzjoni minħabba riżorsi skarsi iżda jidher li huwa wkoll marbut ma’ xi nuqqasijiet fl-istruttura ta’ governanza tal-ASE 10 . 

L-ASE bdew iwettqu evalwazzjonijiet bejn il-pari. Huwa mifhum li se jsir użu akbar minn din l-għodda, inkluż mhux biss evalwazzjonijiet bejn il-pari tematiċi iżda wkoll evalwazzjonijiet bejn il-pari dwar il-pajjiżi u segwitu aktar sistematiku, ladarba l-ħidma fuq il-qafas regolatorju tkun avvanzat.

L-EBA u l-EIOPA, u bit-twaqqif tas-CCP minn Settembru 2013 anke l-ESMA, kienu involuti b’mod attiv fl-aspetti kollha tal-ħidma ta’ kulleġġi tas-superviżuri u tejjbu l-funzjonament tagħhom permezz tal-forniment ta’ gwida u s-sorveljanza tal-aġendi u l-pjanijiet ta’ azzjoni annwali. L-ASE ikkontribwew biex jittejjeb ir-rappurtar superviżorju u l-iżvelar. Madankollu, jista’ jsir użu aktar effettiv tad-dritt tal-ASE għal aċċess għad-dejta mill-awtoritajiet kompetenti u l-istituzzjonijiet finanzjarji, suġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolamenti tal-ASE.

L-ASE ma ħarġux rakkomandazzjonijiet, jew tabilħaqq deċiżjonijiet vinkolanti skont l-Artikoli 17 sa 19 tar-Regolament dwar l-ASE (eż. dwar il-ksur tal-liġi, sitwazzjonijiet ta’ emerġenza, medjazzjoni vinkolanti), iżda għamlu użu mis-setgħat medjazzjoni tagħhom u l-pressjoni morali. In-nuqqas ta’ użu ta’ medjazzjoni vinkolanti huwa attribwit mill-partijiet ikkonċernati għal diversi kawżi inkluż l-istruttura ta’ governanza attwali tal-ASE li ma tiffavorixxix deċiżjonijiet jew proċediment kontra l-awtoritajiet nazzjonali, l-effett dissważiv tas-setgħat rilevanti kif ukoll in-nuqqas ta’ ċarezza tar-Regolamenti fundaturi fir-rigward tal-ambitu u l-iskattaturi għal medjazzjoni vinkolanti. Alternattiva waħda possibbli għal eżami ulterjuri tista’ tkun li jiġi ċċarat fir-Regolamenti fundaturi l-ambitu u l-iskattaturi għal medjazzjoni vinkolanti.

L-attivitajiet tal-ASE fir-rigward ta’ kwistjonijiet internazzjonali huma deskritti mill-mandati sottostanti tagħhom. Il-preżenza tal-ASE f’organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti hija perċepita bħala kontribut biex tiġi żgurata konsistenza ma’ standard ta' referenza globali u hija mistennija li tkompli ssaħħaħ u tikkumplimenta l-vuċi Europea, flimkien mal-Kummissjoni, f’fora internazzjonali. Ir-rekwiżiti speċifiċi rigward il-ħidma internazzjonali ta’ aġenziji deċentralizzati stabbiliti fl-Approċċ Komuni għal dawn l-aġenziji, huma maħsuba biex jgħinu lill-aġenziji joperaw fil-mandat tagħhom u fil-qafas istituzzjonali attwali.

Direzzjoni futura proposta:

Bħala l-ewwel pass immedjat biex jindirizza t-tħassib tal-partijiet ikkonċernati l-ASE għandhom jikkunsidraw li jżidu l-attenzjoni fuq il-konverġenza superviżorja, b’mod partikulari permezz ta’ aktar użu ta’ evalwazzjonijiet bejn il-pari u segwitu xieraq.

Fit-tieni stadju, il-Kummissjoni se tesplora l-possibbiltajiet biex tagħmel rieżami tal-iskattaturi għal setgħat vinkolanti ta’ medjazzjoni u l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom, inkluża l-kjarifika possibbli dwar il-kamp ta’ applikazzjoni u l-iskattaturi fir-Regolament fundatur. Bl-istess mod il-Kummissjoni ser teżamina ulterjorment jekk id-dritt tal-ASE għal aċċess għad-dejta għandux jissaħħaħ biex jingħatalhom aċċess dirett għad-dejta, fejn meħtieġ, għall-prestazzjoni tal-kompiti tagħhom.

L-istabbiltà finanzjarja – ir-rwol ta' monitoraġġ u koordinazzjoni: L-ASE attivament taw kontribut għall-monitoraġġ tal-iżviluppi fis-swieq finanzjarji u għall-ittestjar tar-reżiljenza tal-istituzzjonijiet kif ukoll tas-sistema finanzjarja tal-UE globalment. Għal dan il-għan, l-ESA stabbilixxew diversi għodod biex jissodisfaw ir-responsabbiltajiet ta’ identifikazzjoni tar-riskju sistemiku tagħhom. Sal-lum l-ebda sitwazzjoni ta’ emerġenza ma ġiet iddikjarata iżda l-ASE ħadu passi sabiex jaġixxu b’mod effettiv jekk dan ikun meħtieġ.

L-ASE ħadu diversi miżuri biex jippromwovu azzjoni kkoordinata u biex jiffaċilitaw l-iskambju ta’ informazzjoni. L-iktar eżempji notevoli jinkludu l-eżerċizzju ta’ rikapitalizzazzjoni tal-2011/12 kif ukoll ir-rapport tal-Kumitat Konġunt dwar ir-riskji transsettorjali 11 , il-koordinazzjoni ta’ miżuri tal-AETS adottati mill-awtoritajiet kompetenti dwar il-bejgħ ta' pożizzjoni qasira 12 , u l-opinjoni tal-EIOPA dwar l-ambjent ta’rati ta’ interessi baxxi. 13 Il-biċċa l-kbira tal-partijiet ikkonċernati esprimew sodisfazzjon kbir bir-rwol ta’ koordinazzjoni tal-ASE.

Ir-rwol tal-protezzjoni tal-konsumatur: L-ASE stabbilixxew strutturi interni dwar kwistjonijiet tal-ħarsien tal-konsumatur fl-organizzazzjonijiet tagħhom. In-natura orizzontali tal-protezzjoni tal-konsumatur tippermetti l-implimentazzjoni tagħha permezz ta’ diversi aspetti ta’ ħidma tal-ASE. Filwaqt li huwa minnu li għad hemm ambitu limitat għall-awtoritajiet biex (temporanjament) jipprojbixxu jew jirrestrinġu ċerti attivitajiet finanzjarji skont l-Artikolu 9(5) tar-Regolamenti tal-ASE u sa issa l-ebda sitwazzjoni ta’ emerġenza ma ġiet iddikjarata, l-ambitu rilevanti ta’ azzjoni stabbilit fir-Regolamenti fundaturi huwa wiesa' u jista’ jsir użu aħjar mid-dispożizzjonijiet eżistenti. Barra minn hekk, fil-preżent is-setgħat tal-Artikolu 9(5) jistgħu jiġu eżerċitati biss jekk speċifikati fl-atti leġiżlattivi settorjali msemmija fl-Artikolu 1(2), li bħalissa japplika biss għal xi atti leġiżlattivi. Għandha tingħata kunsiderazzjoni biex l-Artikolu 9(5) jiġi kkonvertit f'awtorizzazzjoni awtonoma.

Fil-fatt bosta awtoritajiet nazzjonali rrappreżentati fil-Bordijiet tas-Superviżuri rispettivi ma għandhomx mandati ta’ protezzjoni tal-konsumatur fil-livell nazzjonali u għalhekk jonqoshom il-kompetenzi neċessarji u għandhom it-tendenza li jagħtu prijorità lil kwistjonijiet oħra li jikkonċernawhom b'mod aktar dirett.. Biex jirrimedjaw dan il-fatt l-ASE jistgħu jintroduċu mekkaniżmu li jiżgura l-kooperazzjoni mill-qrib u l-involviment tal-awtoritajiet nazzjonali rilevanti sabiex jiksbu l-kompetenzi u jiġi żgurat approċċ komprensiv lejn il-protezzjoni tal-konsumaturi fil-livell tal-ASE.

It-tliet ASE kollha ppubblikaw gwida dwar il-kwistjonijiet tal-ħarsien tal-konsumatur u ġew organizzati diversi jiem iddedikati lill Konsumaturi/Investituri. Sa issa, l-ASE ħarġu erba’ twissijiet, notevolment fuq l-investimenti f’Munita Barranija (Forex) (Diċembru 2011), dwar il-perikoli tal-investimenti onlajn (Settembru 2012), dwar il-Kuntratti għad-Differenzi (Contracts for Differences- CfD) (April 2013), u dwar il-muniti virtwali (Diċembru 2013) li ġew ippubblikati fuq il-websajts rilevanti. 14 Madankollu, sa issa l-għarfien pubbliku dwar dawn it-twissijiet jidher li hu limitat.

Barra minn hekk, biex jiġi żgurat qafas li jkun konsistenti madwar is-setturi u koordinazzjoni xierqa ta’ attivitajiet tal-ASE, ikun jista’ jsir aktar użu tal-Kumitat Konġunt (KK). Dan jista’ jinkiseb, pereżempju, permezz tal-iskambju tal-aħjar prattiki bejn l-awtoritajiet li jippermetti definizzjoni u kjarifika aħjar tal-kompetenzi rilevanti tagħhom b'konformita mal-bażi legali. 15

Direzzjoni futura proposta:

Bħala l-ewwel pass biex jiġi indirizzat it-tħassib tal-partijiet ikkonċernati, l-ASE għandhom jikkunsidraw li jingħata profil ogħla lill-kwistjonijiet relatati mal-protezzjoni tal-konsumaturi/tal-investituri (inkluż iżjed viżibbiltà) u li jsir użu sħiħ mis-setgħat disponibbli. Bl-istess mod jista’ jsir użu usa' u aktar strutturat tal-Kumitat Konġunt. L-ASE għandhom jiżguraw ukoll, sa fejn hu possibbli, il-kooperazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumatur kif ukoll l-involviment tagħhom fejn dawn ikunu distinti minn dawk rappreżentati fil-livell tal-Bord tas-Superviżuri.

Fit-tieni stadju l-Kummissjoni se teżamina jekk l-Artikolu 9(5) tar-Regolamenti tal-ASE għandux jiġi kkonvertiti f'awtorizzazzjoni awtonoma.

Il-governanza, korpi konġunti tal-organizzazzjoni interna u gruppi ta' partijiet ikkonċernati (PK) L-ASE huma meħtieġa jieħdu azzjoni permezz tal-Bordijiet ta' Superviżuri rispettivi tagħhom fl-interess uniku tal-Unjoni Ewropea. 16 Filwaqt li l-kambjament minn proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet ibbażat fuq il-kunsens għal-votazzjoni attwali hija pass ’il quddiem, ir-rwol predominanti tar-rappreżentanti tal-NCAs fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet wassal għal xi kritika. B’mod partikolari, it-tħassib prevalenti huwa li l-opinjonijiet nazzjonali aktar milli l-interessi li jikkonċernaw l-UE kollha huma dawk li jiddominaw il-proċedimenti. 17 Għandha tingħata konsiderazzjoni lill-għażliet li se jsaħħu l-effikaċja u l-effiċjenza tal-ASE, filwaqt li jinżamm livell għoli ta’ responsabbiltà.

Huwa kkunsidrat li l-Bordijiet Maniġerjali tal-ASE jaħdmu b’mod sodisfaċenti. Bl-istess mod huwa ġeneralment rikonoxxut li l-Presidenti u d-Diretturi Eżekuttivi qdew il-missjoni tagħhom b’mod effettiv u, b’mod ġenerali, taw profil għoli lill-awtoritajiet tagħhom. Barra minn hekk, rwol usa’ tal-persunal tal-ASE f’korpi preparatorji, bħall-presidenza tal-kumitati permanenti u tal-gruppi ta’ ħidma u l-abbozzar ta’ dokumenti importanti, jista' jitqies fost alternattivi oħra biex itejjeb il-funzjonament tal-ASE filwaqt li jirrispetta l-ħtieġa għal responsabbilita lejn il-Bord tas-Superviżuri.

Iż-żewġ korpi konġunti tal-ASE, jiġifieri l-Bord tal-Appell u l-Kumitat Konġunt, urew li huma mekkaniżmi utli biex ikunu żgurati fehmiet konsistenti u kooperazzjoni transettorjali. B’mod partikolari, il-Kumitat Konġunt għandu l-potenzjal li jkollu rwol iktar prominenti fl-iffaċilitar tal-kooperazzjoni transettorjali iżda l-viżibilità, it-trasparenza u l-governanza jistgħu jiġu mtejba.

Filwaqt li r-rwol ta’ gruppi ta’ partijiet ikkonċernati (SG) għandu valur għall-maġġoranza tal-partijiet ikkonċernati l-impatt tagħhom sa issa kien limitat u r-rekwiżiti tar-riżorsi għat-twaqqif u t-tmexxija tagħhom huma estensivi. Ġie mlissen tħassib rigward l-isfida biex tkun żgurata rappreżentazzjoni bbilanċjata tad-diversi gruppi ta' interess u b'mod partikolari, il-konsumaturi, l-utenti tas-servizzi finanzjarji, ir-rappreżentanti tal-impjegati u l-SME. 18 Xi wħud minn dawn in-nuqqasijiet jistgħu jiġu indirizzati billi l-mandati jiġu estiżi għall-membri tal-SG u b'ħatriet skalati biex tkun żgurata l-kontinwità.

Direzzjoni futura proposta:

Hemm għadd ta’ titjibiet fuq medda qasira ta’ żmien li jistgħu jiġu mwettqa mill-ASE sabiex jindirizzaw it-tħassib f’dan il-qasam, filwaqt li jiżguraw li l-Bord tas-Superviżuri jżomm is-sorveljanza tiegħu ta’ kwalunkwe delegazzjoni. B’mod partikolari għandha tingħata kunsiderazzjoni lil:

Ir-rwol u l-influwenza tal-persunal tal-ASE fil-korpi preparatorji jistgħu jittejbu;

L-awtorità tal-President tista’ tiġi msaħħa permezz ta’ iktar użu tad-delega ta’ kompiti speċifiċi f’konformità mal-Artikolu 41(1) tar-Regolamenti tal-ASE;

Ir-rwol, il-viżibilità u t-trasparenza tal-Kumitat Konġunt jistgħu jissaħħew;

Il-gruppi tal-partijiet ikkonċernati jistgħu jiġu ffurmati b’mod iktar ibbilanċjat u t-trasparenza tax-xogħol rilevanti tagħhom tista’ tissaħħaħ;

Fuq medda itwal ta’ żmien u filwaqt li tippreserva l-bilanċ kawt li ntlaħaq fil-kuntest tat-twaqqif tal-MSU, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 81a tar-Regolament tal-ABE li jirrikjedi li l-arranġamenti ta’ votazzjoni jiġu rieżaminati ladarba l-għadd tal-Istati Membri mhux parteċipanti jilħaq l-erbgħa 19 , il-Kummissjoni se tesplora alternattivi dwar kif tista’ tittejjeb il-governanza tal-ASE biex tiżgura li d-deċiżjonijiet jittieħdu fl-interess tal-UE kollha kemm hi.

Finanzjament: Il-baġits tal-ASE huma bbażati fuq 60 % kontribuzzjoni mill-ANK u 40 % kontribuzzjoni mill-baġit tal-UE 20 u huma totalment soġġetti għal regoli ta’ trasparenza finanzjarja applikabbli b’mod partikolari lejn l-awtoritajiet tal-baġit. Filwaqt li l-baġits tagħhom żdiedu b’mod sinifikanti sa mill-bidu tagħhom, il-biċċa l-kbira tal-partijiet ikkonċernati jqisu l-arranġamenti attwali ta’ finanzjament bħala mhux proporzjonali mal-kompiti u r-responsabbiltajiet dejjem jiżdiedu tagħhom. B’mod partikolari, il-partijiet ikkonċernati huma mħassba li hemm ir-riskju li aktar żiediet jistgħu jissarrfu fi tnaqqis ta’ finanzjament fil-livell nazzjonali u/jew ma jidhrux li huma sostenibbli għal diversi ANK. Analiżi ulterjuri tista’ titwettaq biex tivvaluta l-possibbiltà ta’ mudelli differenti ta’ finanzjament għall-ASE, inkluż billi jiżdied il-livell ta’ finanzjament billi jiġu ġġenerati tariffi u imposti.

Direzzjoni futura proposta:

Minħabba r-restrizzjonijiet baġitarji tal-UE u dawk nazzjonali, il-Kummissjoni tikkunsidra li għandha għaldaqstant tkun prevista reviżjoni tal-mudell ta’ finanzjament attwali, idealment billi jiġu aboliti l-kontribuzzjonijiet tal-UE u dawk nazzjonali. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni se tniedi xogħol preparatorju biex jittejbu l-arranġamenti ta’ finanzjament tal-ASE sabiex ikunu jistgħu jissodisfaw il-mandat tagħhom filwaqt li jitqiesu restrizzjonijiet baġitarji. Il-Kummissjoni se teżamina wkoll il-kundizzjonijiet għall-finanzjament tal-ASE permezz ta’ mudelli ta’ finanzjament alternattivi, inkluż valutazzjonijiet tal-proporzjonalità u impatt ta’ kull mudell previst.



Struttura tal-ASE L-istruttura kumplessiva tal-ASE tidher adatta minħabba li tqis l-elementi kollha tas-settur tas-servizzi finanzjarji u tiffaċilita l-kooperazzjoni mill-qrib bejn id-dimensjoni mikro-(ASE) u makroprudenzjali (BERS). Talbiet għal bidliet strutturali, bħall-fużjoni tal-awtoritajiet f’sede unika jew l-introduzzjoni ta’ approċċ twin-peaks 21 , għandu jiġi vvalutat bir-reqqa fid-dawl tal-istabbiliment ta’ Unjoni Bankarja.

Hemm kunsens wiesa’ fuq l-effikaċja u l-effiċjenza ta’ superviżjoni diretta tal-Aġenzija ta' Klassifikazzjoni tal-Kreditu mill-AETS u dwar il-mandat tagħha għas-superviżjoni tar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet. Tista’ tiġi kkunsidrata l-estensjonjoni tas-setgħat superviżorji diretti għal infrastrutturi kritiċi tas-suq kif tqajmet minn diversi partijiet ikkonċernati.

Direzzjoni futura proposta:

Fuq dan l-isfond, il-Kummissjoni se tkompli tirrifletti u tivvaluta aktar fi żmien medju jew twil, il-ħtieġa għal bidliet strutturali addizzjonali, inkluż sede unika u l-estensjoni possibbli ta’ superviżjoni diretta għal infrastrutturi tas-suq integrati.

4)KONKLUŻJONIJIET

Minkejja ċirkostanzi diffiċli l-ASE malajr stabbilixxew organizzazzjonijiet li jiffunzjonaw tajjeb. Kollox ma' kollox il-prestazzjoni tagħhom fuq firxa wiesgħa ta' kompiti kienet tajba, filwaqt li ffaċċjaw d-domandi dejjem jiżdiedu b’riżorsi umani limitati. Ir-rieżami żvela xi oqsma fejn huwa meħtieġ aktar titjib fit-terminu qasir u medju bil-għan li l-ASE jkunu jistgħu jisfruttaw bis-sħiħ il-mandati tagħhom, filwaqt li jitqies l-istabbiliment tal-Unjoni Bankarja.

I.    Oqsma ta' titjib fit-terminu qasir

Xi titjib jista' jiġi implimentat fit-terminu qasir mill-ASE u l-Kummissjoni u ma jeħtieġ l-ebda bidla fil-qafas leġiżlattiv. Dan huwa l-każ f’dak li jirrigwarda:

L-attenzjoni fuq il-konverġenza superviżorja tista’ tiżdied sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni konsistenti tal-liġi tal-UE, b’mod partikolari jista' jsir użu aktar u aħjar ta’ evalwazzjonijiet bejn il-pari kif ukoll jeħtieġ li jiġi żgurat segwitu aktar sistematiku fejn ġew identifikati n-nuqqasijiet.

Titjib fit-trasparenza tal-proċess biex jitħejja abbozz ta’ standards tekniċi jew biex jingħataw pariri lill-Kummissjoni u tkun żgurata, fejn meħtieġ, analiżi tal-kostbenefiċċji ta’ kwalità għolja, inkluż analiżi tal-kostijiet tal-impatti fuq il-partijiet ikkonċernati u d-Drittijiet Fundamentali fejn relevanti;

Il-kompiti ta’ protezzjoni tal-investitur/konsumaturi jingħataw prijorità akbar u jsir użu sħiħ mis-setgħat disponibbli.

Tittejjeb il-governanza interna:

oIl-formazzjoni tal-gruppi tal-partijiet ikkonċernati għandha tkun ibbilanċjata, filwaqt li titqies l-opinjoni tal-Ombudsman. It-trasparenza tal-ħidma tal-gruppi tal-partijiet ikkonċernati tista' tissaħħaħ.

oIr-rwol u l-influwenza tal-persunal tal-ASE fil-korpi preparatorji, bħal gruppi ta’ ħidma, kumitati permanenti, task forces eċċ. jistgħu jissaħħu.

oIr-rwol u l-viżibilità tal-Kumitat Konġunt jistgħu jittejbu, pereżempju permezz ta’ websajt apposta u l-pubblikazzjoni sistematika tax-xogħol tiegħu. L-ASE jistgħu jagħmlu użu aħjar mill-Kumitat Konġunt bili jiffokaw fuq kwistjonijiet ewlenin transsettorjali, inkluż dwar il-protezzjoni tal-konsumatur u tal-investitur kif ukoll kwistjonijiet prudenzjali.

oBiex tissaħħaħ l-awtorità tal-President u biex il-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet isir rapidu fl-interess Ewropew, ikun jista’ jsir aktar użu mid-delega ta’ kompiti speċifiċi lill-President, pereżempju dwar talbiet għal informazzjoni, hekk kif previst fl-Artikolu 41(1) tar-Regolament tal-ASE.

Fit-terminu qasir il-Kummissjoni se tieħu azzjoni fl-oqsma li ġejjin:

Tiżgura li l-għoti tas-setgħat għal standards tekniċi fi proposti leġiżlattivi futuri jkollhom skadenzi relattivi għad-dħul fis-seħħ tal-att legali bażiku.

Tagħti attenzjoni partikolari lill-adegwatezza tal-iskadenzi u l-ambitu tal-awtorizzazzjonijiet għal standards tekniċi fl-abbozzi tal-proposti leġiżlattivi u matul diskussjonijiet li jsiru fil-kuntest tal-proċess leġiżlattiv.

II.    Oqsma prinċipali potenzjali għal titjib possibbli fit-terminu medju

Fl-istess ħin, ħafna mill-kwistjonijiet enfasizzati mill-partijiet ikkonċernati li jistħoqqilhom aktar attenzjoni jimplikaw azzjoni leġiżlattiva biex temenda ir-Regolamenti fundaturi tal-ASE. Il-Kummissjoni għandha l-ħsieb li tkompli teżamina l-aspetti tekniċi u legali tal-kwistjonijiet varji mqajma u li tniedi xogħol preparatorju biex tivvaluta l-alternattivi possibbli sabiex jiġu indirizzati dawn il-kwistjonijiet f’terminu medju. Din il-ħidma se teżamina b’mod partikolari:

Mingħajr preġudizzju għall-Ftehim dwar l-arranġamenti ta’ votazzjoni tal-ABE milħuq taħt il-pakkett tal-MSU il-governanza tal-ASE tista’ tittejjeb biex issaħħaħ aktar il-kapaċità tal-Bord tas-Superviżuri li jieħdu deċiżjonijiet rapidi fl-interess tal-UE kollha kemm hi. Jista' jiġi kkunsidrat li jissaħħu l-awtorità u r-rwol tal-President u li tiġi emendata l-formazjoni u l-mandat tal-Bord Maniġerjali sabiex jingħata funzjonijiet aktar permanenti u eżekuttivi.

Titjib fl-arranġamenti ta’ finanzjament tal-ASE, inkluż l-użu ta’ sorsi alternattivi ta’ finanzjament, li idealment jabolixxi l-kontribuzzjonijiet tal-UE u dawk nazzjonali.

L-ASE jista' jkollhom aċċess dirett għal dejta fejn meħtieġ għall-eżekuzzjoni tal-kompiti tagħhom u f’konformità mal-leġiżlazzjoni applikabbli 22 . Ir-rwol tal-President u/jew tal-Bord Maniġerjali jista' possibbilment jissaħħaħ f'dan ir-rigward.

Estensjonijiet possibbli tal-mandati attwali għandhom jiġu vvalutati bir-reqqa fid-dawl tal-prinċipju tas-sussidjarjetà u fl-isfond tal-kostijiet u l-benefiċċji. Oqsma potenzjali għal aktar kompiti li jiġu assenjati lill-ASE kkonċernati jistgħu jinkludu il-qasam tal-infurzar tal-IFRS, ir-rwol ta’ sorveljanza aqwa dwar il-validazzjoni tal-mudell intern, is-sistema bankarja parallela, u s-superviżjoni diretta tal-infrastruttura tas-suq integrata ħafna, bħas-CCP.

L-ambitu tal-Artikolu 9(5) tar-Regolamenti tal-ASE jista' jiġi kkonvertit f'awtorizzazzjoni awtonoma.

Il-mandat fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumatur/investitur jista’ jiġi ċċarat u mtejjeb fejn ikun meħtieġ, sabiex jiġu definiti aħjar ir-rwoli rispettivi u l-prijoritajiet tal-ASE bi rwol ċentrali assenjati lill-Kumitat Konġunt.

It-tisħiħ possibbli tas-setgħat tal-ASE għas-soluzzjoni tat-tilwim.

It-tul ta’ mandati għal Gruppi ta’ Partijiet ikkonċernati jista' jiżdied. Għandha tingħata kunsiderazzjoni biex il-gruppi ta’ partijiet ikkonċernati jkunu limitati għal wieħed għal kull ASE.

Il-ħtieġa possibbli għal bidliet strutturali, inkluż sede unika u l-estensjoni tas-setgħat ta' superviżjoni diretta għall-infrastrutturi tas-suq integrat.

(1)

Ara r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010, 1094/2010, u 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010; ĠU tal-15 ta’ Diċembru 2010, L 331, p. 12-119.

(2)

Il-Kumitat Konġunt (KK 2012 100), ir-Rapport ta' Awtovalutazzjoni tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej, il-21 ta’ Diċembru 2012 (mhux pubbliku).

(3)

Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Marzu 2014 li tinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar ir-Rieżami tas-Sistema Ewropea tas-Superviżjuri Finanzjarji (SESF)

(4)

Il-Fond Monetarju Internazzjonali – Programm ta' Valutazzjoni tas-Settur Finanzjarju fil-livell tal-UE, Marzu 2013.

(5)

Ara PE 507.490 (dwar il-BERS) u PE 507.446 (dwar l-ASE) it-tnejn ta’ Ottubru 2013.

(6)

Pereżempju r- Regolament (UE) Nru 236/2012 dwardwar bejgħ bin-nieqes u ċerti aspetti tas-swaps ta’ inadempjenza tal-kreditu jiċċirkonskrivi l-kundizzjonijiet li taħthom l-ESMA jistgħu temporanjament jipprojbixxu l-bejgħ bin-nieqes (l-Artikolu 28).

(7)

L-aktar importanti l-Artikolu 1(2) tar-Regolamenti fundaturi rispettivament.

(8)

Dawn pereżempju jinkludu d-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Azzjonisti (2007/36/KE) u d-Direttiva dwar l-Offerti ta’ Xiri (2004/25/KE) fl-ambitu tal-ESMA skont l-Artikolu 1(2) tar-Regolament tal-ESMA.

(9)

Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlamet Ewropew dwar Sistema Bankarja Parallela – Nindirizzaw Sorsi Ġodda ta' Riskju fis-Settur Finanzjarju, COM(2013), 614 finali

(10)

Ara it-taqsima dwar il-governanza.

(11)

Għar-rapport ta' Awwissu 2013, ara: http://www.eba.europa.eu/documents/10180/43119/ESAs_joint_risk_report_autumn_2013_final.pdf.

(12)

http://www.esma.europa.eu/content/Update-measures-adopted-competent-authorities-short-selling-0.

(13)

Ara: https://eiopa.europa.eu/en/publications/eiopa-opinions/index.html.

(14)

Ara: http://www.esma.europa.eu/page/News-investors .

(15)

Eżempju tajjeb ta’ din il-kooperazzjoni intensifikata jinstab fil-qasam tal-ġestjoni tal-ilmenti fejn kemm l-ABE u l-AETS fittxew l-ispirazzjoni mix-xogħol ta' bażi u mill-pjan tal-EIOPA biex jiżviluppaw proċeduri identiċi għat-trattament tal-ilmenti għall-qasam bankarju u fil-qasam tat-titoli.

(16)

Wara li twaqqaf l-MSU t-teħid tad-deċiżjonijiet tal-ABE ġie emendat, biex ikun jipprovdi għal maġġoranza sempliċi doppja f’ċirkostanzi speċifikati.

(17)

Ara r-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta' Marzu 2014 li tinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar ir-Rieżami tas-Sistema Ewropea tas-Superviżuri Finanzjarji (SESF), para. AU; Ir-Rapport ta’ kull Pajjiż tal-FMI Nru 13/65, Marzu 2013, p. 11; Ir-rapport Mazar, Ottubru 2013, p. 34.

(18)

Il-kompożizzjoni tal-SG trid ukoll tkun tirrispetta l-opinjoni tal-Ombudsman Ewropew tas-7 ta' Novembru 2013 dwar il-kompożizzjoni tal-grupp tal-partijiet ikkonċernati tal-ABE wara li sar ilment minn Uni Europa f’Settembru 2011 li kkonferma għadd ta’ nuqqasijiet dwar il-proċess tal-għażla mwettaq mill-ABE għall-kompożizzjoni tad-diversi kategoriji ta’ partijiet ikkonċernati u sejjaħ għal rappreżentanza aktar ibbilanċjata tal-partijiet ikkonċernati tal-kategoriji differenti, f’termini ta’ bilanċ ġeografiku u bilanċ bejn is-sessi. Għal aktar informazzjoni dettaljata dwar id-deċiżjoni tal-Ombudsman ara: Id-Deċiżjoni tal-Ombudsman Ewropew li tagħlaq l-inkjesta tagħha dwar l-ilment 1966/2011/(EIS) LP kontra l-Awtorità Bankarja Ewropea.

(19)

Ara l-Artikolu 81a tar-Regolament (UE) Nru 1022/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2013 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) fir-rigward tal-konferiment ta' kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013, ĠU L 287 of 29.10.2013, pp. 5-14.

(20)

U tariffi ġġenerati mill-AETS għas-superviżjoni tal-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu u r-repożitorji tat-tranżazzjonijiet.

(21)

L-approċċ Twin Peaks jirreferi għal separazzjoni ta’ funzjonijiet regolatorji bejn żewġ regolaturi: wieħed

iwettaq kompiti prudenzjali u l-ieħor jiffoka fuq il-kondotta tal-operazzjonijiet.

(22)

 Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar tad-dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta, ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1-22

Top

Brussell, 8.8.2014

COM(2014) 509 final

ANNESS

mar-

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL

Dwar il-ħidma tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej (ASE) u s-Sistema Ewropea tas-Superviżuri Finanzjarji (SESF)

{SWD(2014) 261 final}


Rapport tal-Kummissjoni dwar l-eżerċizzju ta’ delega ta’ setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta standards tekniċi regolatorji skont l-Artikolu 11(1) tar-Regolamenti tal-ASE

Fejn il-leġiżlazzjoni settorjali tippermetti li l-ASE jiżviluppaw abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji (regulatory technical standards - RTS) dawn jeħtieġ li jiġu sussegwentement approvati mill-Kummissjoni sabiex tagħtihom effett ġuridiku f’konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolamenti fundaturi tal-ASE. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jistgħu, fi żmien speċifikat, joġġezzjonaw għal kwalunkwe RTS adottat mill-Kummissjoni. Jekk, mal-iskadenza tal-perjodu ta' oġġezzjoni, la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma jkunu oġġezzjonaw għall-RTS, dan jiġi ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u jidħol fis-seħħ fid-data stipulata fih.

L-Artikolu 11(1) tar-Regolamenti fundaturi speċifikament jipprevedi li s-setgħa tal-adozzjoni tal-abbozzi ta' RTS tiġi kkonferita lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ erba' snin mis-16 ta’ Diċembru 2010. Il-Kummissjoni tfassal rapport fir-rigward tas-setgħa delegata mhux aktar tard minn sitt xhur qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ erba’ snin.

Mill-bidu tal-ħidma tal-ASE f’Jannar 2011, diversi settijiet ta’ abbozzi ta’ RTS ġew approvati mill-Kummissjoni f’forma ta’ Regolamenti ta' Delega tal-Kummissjoni u sussegwentement ġew ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali, notevolment jissupplimentaw ir-Regolament dwar Bejgħ bin-Nieqes (UE) Nru 236/2012 tal-14.3.2012 1 , id-Direttiva dwar il-Prospetti 2010/73/UE 2 , ir-Regolament dwar derivati OTC [EMIR] (UE) Nru 648/2012 tal-4 ta’ Lulju 2012 3 , il-pakkett CRDIV/CRR (id-Direttiva 2013/36/UE; Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tas-26 ta’ Ġunju 2013) 4 u d-Direttiva dwar il-Konglomerati Finanzjarji 2002/87/KE tas-16.12.2002 5 . Numru sinifikanti ta’ abbozzi ulterjuri ta' RTS ġew ukoll approvati mill-Kummissjoni iżda fiż-żmien tal-abbozzar ta’ dan ir-rapport għadhom taħt skrutinju mill-koleġiżlaturi u għadhom ma daħlux fis-seħħ. 6  

Fejn setgħat rilevanti mogħtija għal abbozz ta' RTS f’att ġuridiku bażiku huma marbuta mill-qrib, jew fuq sustanza jew f’termini ta’ kalendarju, fil-prattika jkunu ta’ spiss ġew miġburin f’Regolament ta' Delega uniku 7 . L-għan huwa li tiġi żgurata l-koerenza bejn dawk id-dispożizzjonijiet, u li tiġi ffaċilitata perspettiva komprensiva u aċċess kumpatt minn persuni suġġetti għal dawk l-obbligi.

Mal-preżentazzjoni tal-abbozz ta' RTS lill-Kummissjoni din tal-aħħar tiddeċiedi fi żmien tliet xhur jekk tapprovahx. Skont ir-Regolamenti fundaturi l-Kummissjoni tista’ wkoll, wara koordinazzjoni mal-awtorità, tapprova l-abbozz ta' RTS parzjalment biss, jew b’emendi, fejn l-interessi tal-Unjoni jirrikjedu dan.

Il-maġġoranza tal-abbozzi ta' RTS ġew approvati mill-Kummissjoni mingħajr tibdil ulterjuri. 8 Fejn il-Kummissjoni qieset li l-emendi kienu meħtieġa, hija bagħtet lura l-abbozz ta' RTS lill-ASE kkonċernata filwaqt li ddikjarat ir-raġunijiet tagħha għad-devjazzjoni proposta f’konformità mal-Artikolu 10 (1) tar-Regolamenti fundaturi 9 .

Għal RTS, il-Kunsill u l-PE għandhom dritt ta’ oġġezzjoni fi żmien tliet xhur wara l-adozzjoni mill-Kummissjoni, li jista’ jiġi estiż bi tliet xhur oħra. Madankollu, jekk il-Kummissjoni tadotta standard tekniku li huwa l-istess bħall-abbozz sottomess mill-ASE, dan il-perjodu jitnaqqas għal xahar, li jista’ jiġi estiż b’xahar ieħor 10 . Ir-Regolamenti tal-ASE jeħtieġu li l-ASE jwettqu konsultazzjonijiet pubbliċi meta jkunu qed iħejju abbozz ta’ standards tekniċi u biex janalizzaw l-ispejjeż u l-benefiċċji potenzjali relatati, sakemm tali konsultazzjonijiet u analiżi huma sproporzjonati fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni u l-impatt tal-abbozz tal-istandard tekniku. Kontribut xieraq tal-partijiet ikkonċernati għal standards tekniċi regolatorji (u ta' implimentazzjoni) huwa għaldaqstant żgurat. Barra minn hekk, hija prattika stabbilita mill-Kummissjoni li tinforma b’mod regolari lill-Istati Membri u lill-Parlament Ewropew rrappreżentati fi gruppi u kumitati ta’ esperti tal-Kummissjoni dwar il-proċess li jkun għaddej.

B’mod ġenerali, id-delega tas-setgħat lill-Kummissjoni biex tapprova l-abbozzi tal-RTS kienet kruċjali biex tiġi żviluppata aktar il-ġabra unika tar-regoli u jiġu stabbiliti regoli ta’ kwalità għolja filwaqt li tibni fuq l-għarfien espert tekniku partikolari tal-ASE kkonċernata. Hija tipprovdi għal skrutinju demokratiku permezz tal-possibbiltà li l-koleġiżlaturi joġġezzjonaw għar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni. Il-perjodu ta’ żmien li fih il-Kummissjoni hija fil-prinċipju mistennija li tapprova abbozz ta’ RTS madankollu f’ċerti okkażjonijiet wera li huwa diffiċli li jintlaħaq, skont il-kumplessità tal-abbozz ta' RTS. Qabel l-approvazzjoni finali mill-Kulleġġ, id-dipartiment rilevanti tal-Kummissjoni jeħtieġ li jeżamina u jivvaluta bir-reqqa l-istandard propost, b’mod partikolari l-legalità tiegħu fid-dawl tal-għotja ta' setgħat sottostanti kif ukoll biex jiżgura t-traduzzjoni tiegħu fil-lingwi kollha tal-UE u biex jikkonsulta ma’ dipartimenti oħra tal-Kummissjoni. B'hekk, peress li l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji jista' jkun partikolarment kumpless skont il-każ, tista’ tiġi esplorata l-possibbiltà li jkun previst limitu taż-żmien kemmxejn itwal.

Il-Kummissjoni temmen li d-delega ta’ setgħat fir-rigward tal-abbozz ta' RTS tikkontribwixxi b’mod effettiv u tiffaċilita t-twaqqif tal-ġabra unika tar-regoli fil-qasam tas-servizzi finanzjarji. Filwaqt li jidher kmieni wisq fil-proċess biex wieħed jasal għal konklużjonijiet sodi dwar il-kwistjoni, il-Kummissjoni naturalment se tkompli tissorvelja l-implimentazzjoni tad-diversi għotjiet ta' setgħat li ġejjin għal abbozzi ta' RTS li huma stabbiliti f’diversi atti ta’ leġiżlazzjoni settorjali tal-Unjoni.

***

(1)

Ara r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 826/2012 tad-29.6.2012, ĠU L 251, 18.9.2012, p. 1 u r-Regolament ta' Delega (UE) Nru 919/2012 tal-5.7.2012, ĠU L 274, 9.10.2012, p. 16.

(2)

Ara r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 382/2014 tas-7.3.2014, ĠU L 111, 15.4.2014, p. 36.

(3)

Ara r-Regolamenti ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 152/2013, Nru 153/2013, Nru 149/2013, Nru 148/2013, Nru 150/2013, 151/2013 kollha tad-19.12.2013, ĠU L 52, 23.2.2013; u r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 285/2014 tat-13.2.2014, ĠU L 85, 21.3.2014, p. 1.

(4)

Ara r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 183/2014 tal-20.12.2013, ĠU L 57, 27.2.2014, p. 3; u r-Regolament ta' Delega (UE) Nru 241/2014 tas-7 ta' Jannar 2014, ĠU L 74, 14.3.2014, p. 8.

(5)

Ara r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 342/2014 tal-21.01.2014, ĠU L 100, 3.4.2014, p. 1.

(6)

Pereż. l-abbozz tar-Regolamenti ta’ Delega tal-Kummissjoni li jissupplimentaw id-Direttiva dwar Maniġers ta' Fondi ta’ Investiment Alternattivi [AIFMD] 2011/61/UE tat-8.6.2011; id-Direttiva tal-Aġenziji ta' Klassifikazzjoni tal-Kreditu 2013/14/UE u r-Regolament (UE) Nru 462/2013 it-tnejn tal-21.05.2013; id-Direttiva IORP 2003/41/KE, ĠU L 235, 23.9.2003, p. 10; kif ukoll abbozz ulterjuri ta' RTS skont il-qafas tas-CRDIV/CRR.

(7)

Bħala eżempju r-Regolament ta' Delega (UE) Nru 241/2014 tas-7 ta’ Jannar 2014, ĠU L 74, 14.3.2014, p. 8 li jiġbor 14-il għotja ta' setgħat għal abbozz ta' RTS peress li jirreferu għal elementi ta’ rekwiżiti ta’ fondi proprji tal-istituzzjonijiet u għal tnaqqis minn dawn l-istess elementi ta’ fondi proprji għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

(8)

Ara l-Premessi (23) u (24) tar-Regolamenti fundaturi.

(9)

Il-Kummissjoni, pereżempju, irrifjutat abbozz ta’ RTS dwar il-kulleġġi għal kontropartijiet ċentrali li ġie sottomess mill-ESMA f’Settembru 2012.

(10)

Il-perjodu ta’ oġġezzjoni ġie estiż b’xahar addizzjonali permezz ta’ emenda għar-Regolament fundatur tal-EBA fl-Artikolu 48 tad-Direttiva 2014/17 (id-Direttiva dwar il-Kreditu Ipotekarju). Fir-rigward tar-Regolamenti li jistabbilixxu l-ESMA u l-EIOPA emendi rilevanti ġew introdotti permezz tal-hekk imsejħa Direttiva Omnibus II [id-Direttiva 2014/51/UE tas-16 ta’ April 2014, ĠU L 153, 22.5.2014, p. 1].

Top