Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013PC0737

    Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL li jemenda l-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni tad-Dwana

    /* COM/2013/0737 final - 2013/0353 (NLE) */

    52013PC0737

    Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL li jemenda l-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni tad-Dwana /* COM/2013/0737 final - 2013/0353 (NLE) */


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.           KUNTEST TAL-PROPOSTA

    Il-proposta tal-abbozz preżenti tar-Regolament tal-Kunsill qiegħda biex tipprovdi għas-simplifikazzjoni tan-nomenklatura, kif ukoll għas-simplifikazzjoni tad-dazji doganali, fuq bażi awtonoma, għal ċerti artikoli sanitarji [assorbenti sanitarji (pads) u tampuni, ħrieqi u qliebi għat-trabi u artikli simili, ta' kwalunkwe materjal]

    Qabel l-introduzzjoni tal-verżjoni tal-2012 tas-Sistema Armonizzata (SA)[1], artikli sanitarji ta' dan it-tip kienu kklassifikati, skont in-natura jew il-materjal kostitwenti tagħhom, f'kapitoli differenti tan-nomenklatura SA, prinċipalment fil-Kapitoli 39, 48, 56, 61, 62 u 63. Bosta rati ta' dazju doganali kienu assoċjati ma' dawn l-artikli. Dan wassal għal sistema tariffarja kumplessa ta' klassifikazzjoni.

    Il-verżjoni tal-2012 tan-nomenklatura SA ħolqot intestatura SA speċifika waħda (9619 00) għal dawn l-artikli sanitarji. Madankollu, is-sitwazzjoni qabel l-2012 kienet trasposta fil-verżjoni tal-2012 tan-Nomenklatura Magħquda (NM) mingħajr ebda emenda ulterjuri. B'hekk, taħt il-kodiċi NM il-ġdid 9619 00, inżammet l-istess sistema ta' klassifikazzjoni tariffarja kumplessa.

    Minħabba li din il-kumplessità tista' twassal għal diffikultajiet bla bżonn u piż fl-applikazzjoni tan-NM, ikun xieraq li jkunu ssimplifikati kemm in-nomenklatura u kemm l-istruttura tariffarja, fuq bażi awtonoma (b'hekk, mingħajr ma tkun meħtieġa l-ebda emenda għall-iskeda tad-WTO tal-Unjoni), b'effett mill-1 ta' Jannar 2014.

    Il-proposta għandha l-għan li jkollha erba' kategoriji ta' prodott (minflok tmienja), b'kull wieħed minn dawn il-kategoriji jkun assoċjat ma' rata ta' dazju awtonoma waħda (erba' rati differenti, minflok tmienja).

    Il-proposta mehmuża ġiet diskussa mal-federazzjonijiet Ewropej. Hija meqjusa li hi approċċ ibbilanċjat, li jqis il-kuntest ġuridiku u l-interessi tal-industrija Ewropej.

    Ma hemm l-ebda telfien ta' dejta statistika rilevanti.

    Il-proposta ġiet diskussa wkoll mal-Istati Membri.

    Il-proposta hija konformi mal-politiki tal-kummerċ estern u tal-industrija tal-Unjoni.

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, huwa propost li r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 jiġi emendat skont dan.

    2.           RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

    It-Taqsima tan-Nomenklatura Tariffarja u Statistika tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali tal-Kummissjoni ġiet ikkonsultata bosta drabi (f'Ottubru u f'Diċembru 2012, u f'Marzu u f'Lulju 2013).

    Il-Grupp tal-Mistoqsijiet Tariffarji Ekonomiċi tal-Kummissjoni ġie kkonsultat fl-10 ta' Lulju 2013.

    L-industrija kienet ikkonsultata tul il-proċess kollu (u, b'mod partikolari, fil-laqgħat ta' Ġunju u Lulju 2011).

    3.           ELEMENTI ĠURIDIĊI TAL-PROPOSTA

    Il-bażi ġuridika tal-proposta hija l-Artikolu 31 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

    Il-prinċipju ta' sussidjarjetà ma japplikax, peress li l-proposta taqa' taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni.

    Kif previst mit-Trattat, il-proposta hija konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità minħabba li tħeġġeġ il-kummerċ bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi u tibbilanċja l-interess kummerċjali tal-operaturi ekonomiċi (manifatturi fl-Unjoni u importaturi) mingħajr ma tibdel l-iskeda tal-UE u d-WTO.

    Bis-saħħa tal-Artikolu 31 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, ir-rata ta' dazju awtonoma hija stabbilita mill-Kunsill li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata fuq il-bażi ta' proposta mill-Kummissjoni.

    4.           IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

    It-telf ta’ dħul f’riżorsi proprji tradizzjonali huwa madwar EUR 320 000 fuq bażi annwali (ibbażat fuq l-istatistika tal-importazzjoni tal-2012 u mingħajr ma jqis ir-reġimi preferenzjali).

    2013/0353 (NLE)

    Proposta għal

    REGOLAMENT TAL-KUNSILL

    li jemenda l-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni tad-Dwana

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 31 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)       Sal-2012, l-assorbenti sanitarji (pads) u t-tampuni, il-ħrieqi u l-qliebi għat-trabi u artikli simili, ta' kwalunkwe materjal kienu kklassifikati f'Kapitoli differenti tan-nomenklatura tas-Sistema Armonizzata, skont in-natura jew il-materjal kostitwenti tal-artikolu. Ma' dawn l-artikli kienu assoċjati rati ta' dazju doganali differenti. Dan wassal għal sistema tariffarja kumplessa ta' klassifikazzjoni.

    (2)       Fl-2012 inħolqot intestatura waħda 9619 00 fis-Sistema Armonizzata biex tkopri dawk l-artikli sanitarji. Madankollu, l-istess sistema tariffarja kumplessa nżammet taħt l-intestatura l-ġdida, li kienet maqsuma fi tnax-il subintestatura skont il-materjal kostitwenti, li kull wieħed minnhom jikkorrispondi għal rata ta' dazju konvenzjonali differenti.

    (3)       Instab li din is-sistema kumplessa kienet twassal għal diffikultajiet u piżijiet bla bżonn fl-applikazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Fl-interess tas-simplifikazzjoni leġiżlattiva u biex jiġu evitati diffikultajiet bla bżonn fl-applikazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda, huwa għalhekk xieraq li jiġu ssimplifikati kemm l-istruttura tan-nomenklatura u kemm dik tariffarja għal dawk l-artikli sanitarji, sabiex jiġu implimentati l-erba' kategoriji tal-prodott (minflok tmienja), b'kull waħda minnhom assoċjata ma' rata ta' dazju awtonoma waħda.

    (4)       Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87[2] għandu għalhekk jiġi emendat kif xieraq.

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87 huwa emendat skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2014.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell,

                                                                           Għall-Kunsill

                                                                           Il-President

    ANNESS

    Fl-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87, l-entrati għall-kodiċi NM 9619 00 sa 9619 00 90 fil-Parti Tnejn, Taqsima XX, Kapitolu 96, huma sostitwiti b’dan li ġej:

    "9619 00 || || Assorbenti sanitarji (pads), tampuni u ħrieqi u qliebi għat-trabi, u artikli simili, ta' kwalunkwe materjal:

    9619 00 30 || – || Ta' kkuttunar ta' materjali tat-tessuti

    (1)

    || – || Ta' materjali tat-tessuti oħrajn:

    9619 00 40 || – – || Assorbenti sanitarji (pads), tampuni u artikli simili

    (2)

    9619 00 50 || – – || Ħrieqi u qliebi għat-trabi u artikli simili

    (3)

    || – || Ta' materjali oħrajn:

    || – – || Assorbenti sanitarji (pads), tampuni u artikli simili:

    9619 00 71 || – – – || Assorbenti sanitarji (pads)

    (4)

    9619 00 75 || – – – || Tampuni

    (4)

    9619 00 79 || – – – || Oħrajn

    (4)

    || – – || Ħrieqi u qliebi għat-trabi, u artikli simili:

    9619 00 81 || – – – || Ħrieqi u qliebi għat-trabi

    (4)

    9619 00 89 || – – – || Oħrajn (pereżempju, artikli ta' kura għall-inkontinenza)

    (4)

    (1) Rata awtonoma ta’ dazju: 3,8 %.

    Rata konvenzjonali ta’ dazju:

    - Ta' fibri magħmula mill-bniedem: 5 %,

    - Ħlief ta' fibri magħmula mill-bniedem: 3,8 %.

    (2) Rata awtonoma ta’ dazju: 6,3 %.

    Rata konvenzjonali ta’ dazju:

    - Innittjati jew maħdumin bil-ganċ: 12 %,

    - Oħrajn: 10,5 %.

    (3) Rata awtonoma ta’ dazju: 10,5 %.

    Rata konvenzjonali ta’ dazju:

    - Innittjati jew maħdumin bil-ganċ: 12 %,

    - Oħrajn: 10,5 %.

    (4) Rata awtonoma ta’ dazju: B’xejn.

    Rata konvenzjonali ta’ dazju:

    - Tal-polpa tal-karta, karta, ikkuttunar taċ-ċelluloża jew xbieki ta’ fibri taċ-ċelluloża: B’xejn,

    - Ta' materjali oħrajn: 6,5%."

    DIKJARAZZJONI FINANZJARJA LEĠIŻLATTIVA

    1.           QAFAS TAL-PROPOSTA

                  1.1.    Titolu tal-proposta

    Ir-Regolament tal-Kunsill li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-tariffa Doganali Komuni ta' Dwana.

    1.2.    Natura tal-proposta

    Li jiġu stipulati dazji doganali awtonomi għal ċerti artikli sanitarji [assorbenti sanitarji (pads) u tampuni, ħrieqi u qliebi għat-trabi u artikli simili, ta' kwalunkwe materjal], b'bidliet xierqa għall-istruttura tariffarja.

                  1.3.    Għan

    Li tkun iffaċilitata l-klassifikazzjoni ta' ċerti artikli sanitarji, kif ukoll li t-tariffa tiġi ssimplifikata, fuq bażi awtonoma

                  1.4.    Bażijiet għall-proposta

    Qabel l-introduzzjoni tal-verżjoni tal-2012 tas-Sistema Armonizzata (SA), ċerti artikli sanitarji ddaħħlu flimkien taħt l-istess intestatura, minflok ma kienu kklassifikati f'kapitoli differenti tan-Nomenklatura Magħquda. Id-dazji doganali marbuta ma' dawn l-artikli sanitarji huma differenti, skont il-materjal kostitwenti.

    Il-proposta hija maħsuba li tagħmilha eħfef għall-importaturi jew esportaturi li jsibu l-klassifikazzjoni tal-artikli kkonċernati, kif ukoll biex tissimplifika l-kontroll mill-uffiċċji tad-dwana. La għandu jkun hemm telf sinifikanti ta' baġit u lanqas xi telf ta' dejta statistika rilevanti.

    1.5.    Tul ta’ żmien u impatt finanzjarju

    Tul ta' żmien:  proposta ta’ tul ta' żmien mhux limitat.

    Telf ta’ dħul f’riżorsi proprji tradizzjonali:         fil-medda ta’ EUR 320 000 fuq bażi annwali (ibbażat fuq l-istatistika tal-importazzjoni tal-2012; ftehimiet preferenzjali ma jitqisux).

                  1.6.    Metodu ta’ ġestjoni previst

    Applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-monitoraġġ, il-kontroll u l-ġestjoni tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni.

    2.           IMPATT FINANZJARJU STMAT TAL-PROPOSTA

    IMPATT STMAT FUQ ID-DĦUL

    – ¨  Il-proposta/L-inizjattiva ma għandha l-ebda impatt finanzjarju fuq id-dħul.

    – x   Il-proposta għandha l-impatt finanzjarju li ġej:

    x          fuq ir-riżorsi proprji

    ¨         fuq id-dħul mixxellanju

    Linja tad-dħul tal-baġit: || Approprjazzjonijiet disponibbli għas-sena baġitarja attwali || Impatt tal-proposta[3] || ||

    Sena 2012 0,326 (EUR miljun (sa 3 punti deċimali)) ||

    Artikolu 120 || / ||

    Il-proposta hija ta’ tul ta’ żmien mhux limitat.

    Speċifika l-metodu għall-kalkolu tal-impatt fuq id-dħul.

    Il-kalkolu tat-telf mid-dħul f'riżorsi proprji tradizzjonali huwa bbażat fuq il-valur tal-importazzjonijiet fl-Unjoni tul l-2012. Iċ-ċifri huma pprovduti mill-Eurostat.

    Il-kalkolu ma jqis l-ebda preferenzi tariffarji possibbli. Għalhekk dan huwa t-telf massimu possibbli.

    Il-kodiċi NM jiddaħħlu f'erba' kategoriji; għal kull kategorija, ir-rata ta' dazju awtonoma magħżula hija l-iktar waħda baxxa; it-telf tar-riżorsi tad-dazji doganali huma limitati għad-differenza bejn l-ammont miġbur fir-rigward tad-dazju attwali u l-ammont li jinġabar fir-rigward tad-dazju propost.

    It-telf totali stmat dettaljat huwa għalhekk ikkalkulat kif ġej:

    Il-kodiċi NM il-ġdid 9619 00 30 (li jgħaqqad dawk li kienu l-kodiċijiet NM 9619 00 31 u 9619 00 39):

    li japplika rata ta' dazju awtonoma ta' 3,8 % (dak li kien il-kodiċi NM 9619 00 39) għal dawk il-prodotti li qabel kienu suġġetti għal rata ta' 5 % (dak li kien il-kodiċi NM 9619 00 39), it-telf huwa ta' EUR 5 490        (valuri tan-negozju: EUR 457 140 × 5 % = EUR 22 860; 457 140 × 3,8 % = EUR 17 370; id-differenza = EUR 5 490);

    Il-kodiċi NM il-ġdid 9619 00 40 (li jgħaqqad dawk li kienu l-kodiċijiet NM 9619 00 41 u 9619 00 49):

    li japplika rata ta' dazju awtonoma ta' 6,3 % (dak li kien il-kodiċi NM 9619 00 49) għal dawk il-prodotti li qabel kienu suġġetti għal rata ta' 12 % (dak li kien il-kodiċi NM 9619 00 41), it-telf huwa ta' EUR 3 880      (valuri tan-negozju: EUR 68 030 × 12 % = EUR 8 160; EUR 68 030 × 6,3 % = EUR 4 290; id-differenza = EUR 3 880);

    Il-kodiċi NM il-ġdid 9619 00 50 (li jgħaqqad dawk li kienu l-kodiċijiet NM 9619 00 51 u 9619 00 59):

    li japplika rata ta' dazju awtonoma ta' 10,5 % (dak li kien il-kodiċi NM 9619 00 59) għal dawk il-prodotti li qabel kienu suġġetti għal rata ta' 12 % (dak li kien il-kodiċi NM 9619 00 51), it-telf huwa ta' EUR 31 020    (valuri tan-negozju: EUR 2 068 060 × 12 % = EUR 248 170; EUR 2 068 060 × 10,5 % = EUR 217 150; id-differenza = EUR 31 020);

    Il-kodiċijiet NM il-ġodda 9619 00 71 sa 9619 00 89 (li jgħaqqad dawk li kienu l-kodiċijiet NM 9619 00 11 sa 9619 00 29 ma' 9619 00 90):

    li japplika rata ta' dazju awtonoma ta' 0 % (dawk li kienu l-kodiċijiet NM 9619 00 11 sa 9619 00 29) għal dawk il-prodotti li qabel kienu suġġetti għal rata ta' 6,5 % (dak li kien il-kodiċi NM 9619 00 90), it-telf huwa ta' EUR 394 690            (valuri tan-negozju: EUR 6 072 100 × 6,5 % = EUR 394 690; EUR 6 072 100 × 0 % = EUR 0; id-differenza = EUR 394 690);

    It-telf totali stmat tad-dħul f’riżorsi proprji tradizzjonali fuq bażi annwali huwa għalhekk ikkalkulat kif ġej (bl-ammont tal-ispejjeż miġbura (25%) li issa qegħdin jitnaqqsu):

    EUR 5 490 + EUR 3 880+ EUR 31 020 + EUR 394 690 = EUR 435 080 x 75% = EUR 326 310

    It-telf ta' dħul f'riżorsi proprji tradizzjonali għandu jiġi kkumpensat mill-kontribuzzjonjiet tal-Istati Membri abbażi tal-ING.

    [1]               Id-Sistema Armonizzata ta’ Deskrizzjoni u Kodifikazzjoni tal-Merkanzija (Sistema Armonizzata) hija nomenklatura tal-"prodotti" internazzjonali żviluppata u rregolata mill-Organizzazzjoni Dinjija Doganali (WCO). In-Nomenklatura Magħquda (NM) tal-Unjoni hija stabbilita fuq il-bażi ta' din is-Sistema Armonizzata. Kull subintestatura tan-NM tikkonsisti f'kodiċi numerat ta' tmien ċifri. L-ewwel sitt ċifri ta' dan il-kodiċi numerat jikkorrispondi għall-intestatura rilevanti u s-subintestatura tas-Sistema Armonizzata.

    [2]               Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta' Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1).

    [3]               Fir-rigward ta’ riżorsi proprji tradizzjonali (dazji doganali, imposti fuq iz-zokkor), l-ammonti indikati jridu jkunu ammonti netti, jiġifieri ammonti grossi wara t-tnaqqis ta’ 25 % għall-ispejjeż ta’ ġbir.

    Top