This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52013PC0539
Proposal for a COUNCIL DECISION on the signing, on behalf of the European Union, of the Protocol to Eliminate Illicit Trade in Tobacco Products to the World Health Organisation's Framework Convention on Tobacco Control, in so far as the provisions of the Protocol are concerned which fall under Title V of Part III of the Treaty on the Functioning of the European Union
Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll biex jiġi Eliminat il-Kummerċ Illeċitu tal-Prodotti tat-Tabakk fil-Konvenzjoni ta’ Qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, meta jkunu kkonċernati d-dispożizzjonijiet tal-Protokoll li jaqgħu taħt it-Titolu V tal-Parti III tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea
Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll biex jiġi Eliminat il-Kummerċ Illeċitu tal-Prodotti tat-Tabakk fil-Konvenzjoni ta’ Qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, meta jkunu kkonċernati d-dispożizzjonijiet tal-Protokoll li jaqgħu taħt it-Titolu V tal-Parti III tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea
/* COM/2013/0539 final - 2013/0260 (NLE) */
Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll biex jiġi Eliminat il-Kummerċ Illeċitu tal-Prodotti tat-Tabakk fil-Konvenzjoni ta’ Qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, meta jkunu kkonċernati d-dispożizzjonijiet tal-Protokoll li jaqgħu taħt it-Titolu V tal-Parti III tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea /* COM/2013/0539 final - 2013/0260 (NLE) */
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI 1. KUNTEST TAL-PROPOSTA Fl-2003, l-Assemblea Dinjija tas-Saħħa
adottat il-Konvenzjoni ta’ Qafas dwar il-Kontroll fuq it-Tabakk (FCTC), li
għandha l-għan li tnaqqas b’mod komprensiv l-imwiet u l-mard relatati
mat-tabakk madwar id-dinja. Sal-lum, l-FCTC ġiet ratifikata minn 176
Parti. L-UE kkonkludiet l-FCTC permezz
tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/513/KE
tat-2 ta’ Ġunju 2004([1]). Fl-Artikolu 15 tagħha l-FCTC
tirrikonoxxi li l-eliminazzjoni tal-kummerċ illeċitu ta' prodotti
tat-tabakk inklużi l-kuntrabandu, il-manifattura illeċita u
l-iffalsifikar, hija komponent essenzjali tal-kontroll fuq it-tabakk, u
tobbliga lill-Partijiet sabiex jadottaw u jimplimentaw miżuri effettivi
biex jiġi eliminat il-kummerċ illeċitu. L-Artikolu 33 tal-FCTC
jipprevedi l-possibbiltà sabiex fil-Konferenza tal-Partijiet jiġu adottati
protokolli għall-Konvenzjoni. Fuq il-bażi ta’ dawn l-Artikoli, matul
it-tieni sessjoni tagħha f’Ġunju-Lulju 2007, fil-Konferenza
tal-Partijiet (COP) għall-FCTC ġie deċiż li jiġi
stabbilit Korp Intergovernattiv għan-Negozjar (INB) biex jinnegozja u
jabbozza protokoll għall-eliminazzjoni tal-kummerċ illeċitu ta'
prodotti tat-tabakk (iktar ’il quddiem imsejjaħ “il-Protokoll”). Fid-Deċiżjoni tiegħu
tal-20 ta’ Diċembru 2007, il-Kunsill awtorizza
lill-Kummissjoni sabiex tinnegozja l-Protokoll f’isem l-UE. Din
id-Deċiżjoni emendat id-Direttivi tan-negozjar għall-FCTC
fir-rigward tal-Protokoll. Id-direttivi għall-FCTC ġew adottati
mill-Kunsill fit-22 ta’ Ottubru 1999 u ssupplimentati fil-21 ta’ April 2001.
Wara l-ħames sessjoni tiegħu, l-INB
iddeċieda li jirrakkomanda li l-abbozz tal-Protokoll li dwaru ntlaħaq
kunsens jiġi kkunsidrat matul il-ħames COP tal-FCTC.
Għaldaqstant, il-Protokoll ġie adottat fit-12 ta’ Novembru 2012
matul il-ħames COP organizzata f’Seoul, ir-Repubblika tal-Korea. Skont l-Artikolu 43, il-Protokoll huwa
miftuħ għall-iffirmar mill-Partijiet għall-FCTC fi New York
sad-9 ta’ Jannar 2014. L-UE għandha tiffirma l-Protokoll
malajr kemm jista’ jkun. Il-Protokoll
jikkonsisti f’dispożizzjonijiet ewlenin dwar il-kontroll tal-katina
tal-provvista ta’ prodotti tat-tabakk u tat-tagħmir tal-manifattura ta’
dawk il-prodotti (Parti III: Kontroll tal-Katina tal-Provvista).
Il-Protokoll jeħtieġ l-introduzzjoni ta’ liċenzja, approvazzjoni
ekwivalenti jew sistema ta’ kontroll minn awtorità kompetenti għal
kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika involuti fil-manifattura u
fl-importazzjoni u l-esportazzjoni ta’ prodotti tat-tabakk u tagħmir
tal-manifattura (l-Artikolu 6 – Liċenzjar). Barra minn hekk,
jeħtieġ li l-persuni fiżiċi u ġuridiċi kollha
involuti fil-katina tal-provvista tat-tabakk, il-prodotti tat-tabakk u
t-tagħmir tal-manifattura, jaħdmu bid-diliġenza dovuta
fir-rigward tal-konsumaturi tagħhom (l-Artikolu 7 – Diliġenza
dovuta). Huwa jipprevedi l-istabbiliment ta’ skema globali ta’
traċċar u lokalizzazzjoni, fi żmien ħames snin
mid-dħul fis-seħħ tal-Protokoll, li tikkonsisti f’sistemi
nazzjonali ta’ traċċar u lokalizzazzjoni kkontrollati mill-Partijiet
għall-prodotti kollha tat-tabakk manifatturati fit-territorju tagħhom
jew importati fih (l-Artikolu 8 – Traċċar u Lokalizzazzjoni). Dawk l-Artikoli
huma komplimentati mid-dispożizzjonijiet dwar iż-żamma ta’
rekords u miżuri ta’ sigurtà u miżuri preventivi, inklużi
miżuri tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u r-rapportar ta’
tranżazzjonijiet suspettużi (l-Artikoli 9 u 10).
Dispożizzjonijiet oħrajn jirrigwardaw il-bejgħ fuq l-Internet,
it-telekomunikazzjoni jew kwalunkwe teknoloġija oħra li qed tevolvi (l-Artikolu 11),
il-bejgħ ħieles mid-dazju ta’ prodotti tat-tabakk u l-obbligu li
jiġu implimentati kontrolli effettivi fuq it-tabakk u l-prodotti
tat-tabakk fiż-żoni ħielsa, inkluż in-nuqqas ta’
taħlit tal-prodotti tat-tabakk ma’ prodotti mhux tat-tabakk fiż-żmien
li jitneħħew miż-żona ħielsa (l-Artikolu 12). Il-Parti IV
tal-Protokoll tiddefinixxi l-imġiba li għandha tiġi stabbilita
bħala illegali skont il-leġiżlazzjoni tal-Partijiet (l-Artikolu 14)
u tobbliga lill-Partijiet jiżguraw li persuni fiżiċi u
ġuridiċi jinżammu responsabbli għal tali mġiba
illegali, inklużi reati kriminali (l-Artikoli 15 u 16).
Dispożizzjonijiet ulterjuri jikkonċernaw ħlasijiet permezz ta’
sekwestru (l-Artikolu 17), l-immaniġġar tat-tabakk ikkonfiskat (l-Artikolu 18)
u tekniki investigattivi speċjali (l-Artikolu 19). Il-Parti V
tal-Protokoll tinkludi dispożizzjonijiet għall-iskambju ta’
informazzjoni relevanti bejn il-Partijiet (l-Artikoli20 sa 22), kooperazzjoni u
assistenza reċiproka (kemm amministrattiva kif ukoll legali fir-rigward
ta’ kwistjonijiet kriminali – l-Artikoli 23 u 24, u l-Artikoli27 sa 29),
il-ġurisdizzjoni (l-Artikolu 26) u l-estradizzjoni (l-Artikoli 30
u 31). 2. RIŻULTATI
TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI Il-koordinazzjoni mal-Istati Membri matul
in-negozjati saret fil-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill dwar l-Unjoni Doganali
u f’laqgħat lokali ta’ koordinazzjoni matul is-sessjonijiet tal-Korp
Intergovernattiv għan-Negozjar u l-Gruppi ta’ Ħidma Intersessjonali. Il-Parlament Ewropew kien infurmat dwar
l-eżitu tan-negozjati. 3. ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA Il-Protokoll jinkludi sett kumpless ta’
miżuri u regoli. L-għan ewlieni tal-Protokoll huwa li jikkontribwixxi
għall-isforzi kumplessivi ta’ kontroll fuq it-tabakk billi jiġu
miġġielda l-forom kollha ta’ kummerċ illeċitu fi prodotti
tat-tabakk u t-tagħmir tal-manifattura. Dan l-għan huwa segwit
permezz ta’ diversi settijiet ta’ miżuri li huma importanti ndaqs u
komplimentarji ma’ xulxin. Dawn il-miżuri jaqgħu f’oqsma differenti
ta’ attività tal-UE li jistgħu jerġgħu jitqassmu kif ġej: (a) il-manifattura,
il-preżentazzjoni u l-bejgħ ta’ prodotti tat-tabakk, (b) tassazzjoni armonizzata u regoli
relatati, (c) kontrolli doganali u kooperazzjoni
anki permezz ta’ assistenza amministrattiva reċiproka fi kwistjonijiet
doganali, (d) approssimazzjoni tar-reati
kriminali, kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali u
kooperazzjoni tal-pulizija. Is-soltu, dispożizzjonijiet individwali
jaqgħu taħt intestatura waħda, jew fi ftit każijiet,
taħt iktar minn waħda. Konsegwentement, l-UE għandha kompetenza
esterna biex tindirizza dawn il-kwistjonijiet. F’xi każijiet din
il-kompetenza hija ta’ natura esklużiva, b’konformità mal-Artikolu 3
tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Rigward l-Intestatura (a), il-Protokoll fih dispożizzjonijiet li huma koperti
mil-leġiżlazzjoni tal-UE bbażata fuq l-Artikolu 114 TFUE
dwar monitoraġġ u lokalizzazzjoni u bejgħ fuq l-internet,
telekomunikazzjonijiet u teknoloġija oħra li qed jevolvu. Rigward l-Intestatura (b), il-Protokoll fih dispożizzjonijiet li huma koperti
mil-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE dwar it-tassazzjoni
indiretta, b’mod partikolari l-liċenzjar, iż-żamma ta’ rekords,
il-bejgħ ħieles mid-dazju u l-kooperazzjoni amministrattiva
bbażati fuq l-Artikolu 113 TFUE. Rigward l-Intestatura (c), il-Protokoll fih dispożizzjonijiet li huma koperti minn
leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE bbażata fuq
l-Artikoli 33 u 207 TFUE dwar miżuri ta’ kontroll u verifika
applikabbli għal tranżitu internazzjonali jew trasbord ta’ prodotti
tat-tabakk u t-tagħmir tal-manifattura, u dwar il-kooperazzjoni
internazzjonali inkluża assistenza amministrattiva reċiproka. Il-Protokoll jinkludi wkoll ċerti
dispożizzjonijiet dwar id-definizzjoni ta’ mġiba llegali li tista’
tiġi stabbilita mill-Partijiet bħala reat mhux kriminali jew
bħala reat kriminali. F’dak li għandu x’jaqsam mar-reati mhux
kriminali, dawn jaqgħu taħt l-attività tal-UE fl-oqsma deskritti
taħt l-Intestaturi(a) sa (c). Il-kwistjonijiet imsemmija hawn fuq
jaqgħu taħt it-Titoli II u VII tal-Parti IV u
t-Titolu II tal-Parti V tat-TFUE. Għaldaqstant, sakemm
id-dispożizzjonijiet tiegħu ma jaqgħux taħt
it-Titolu V tal-Parti III tat-TFUE, il-Protokoll għandu
jiġi ffirmat, f’isem l-Unjoni, permezz ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill
separata, li huwa suġġett ta’ proposta separata. Rigward l-Intestatura (d), il-Protokoll fih dispożizzjonijiet li huma koperti
mil-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE dwar l-approssimazzjoni ta’
reati kriminali, kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi u kooperazzjoni
ġudizzjarja f'materji kriminali (rispettivament il-Kapitoli 4 u 5
tat-Titolu V tal-Parti III tat-TFUE). It-Titolu V
tal-Parti III tat-TFUE huwa rregolat minn skema speċjali peress li
d-Danimarka, ir-Renju Unit u l-Irlanda ma jiħdux sehem f’miżuri
taħt dak it-Titolu. Madankollu, ir-Renju Unit u l-Irlanda għandhom
il-possibbiltà li jieħdu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni
tal-miżuri. Il-Protokoll fih dispożizzjonijiet dwar
id-definizzjoni ta’ kondotta illegali li tista' tiġi stabbilita
mill-Partijiet bħala reat mhux kriminali jew kriminali, inkluż
l-istabbiliment tar-responsabbiltà ta’ persuni kemm fiżiċi kif ukoll
legali. Fir-rigward ta’ reati kriminali, l-UE għandha l-kompetenza f’dan
il-qasam fuq il-bażi tal-Artikolu 83 tat-TFUE. Il-lista ta'
mġiba illegali tinkludi wkoll il-laundering minn rikavati ta' mġiba
illegali stabbilita bħala reat kriminali. Skont id-Deċiżjoni
Qafas tal-Kunsill 2001/500/ĠAI[2]
tas-26 ta’ Ġunju 2001 dwar il-ħasil tal-flus,
l-identifikazzjoni, it-traċċar, l-iffriżar, il-qbid u l-konfiska
tal-mezzi u l-qligħ mill-kriminalità, l-Istati Membri jiżguraw li
ċerti reati ta’ ħasil tal-flus jiġu sanzjonati b’pieni
kriminali. Il-Protokoll fih miżuri li jikkonċernaw il-kooperazzjoni
ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali (l-għajnuna legali
reċiproka u l-estradizzjoni). L-UE għandha l-kompetenza f’dan
il-qasam abbażi tal-Artikolu 82 (1) tat-TFUE. Skont
id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/ĠAI[3]
tat-13 ta’ Ġunju 2002 fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew u
l-proċeduri ta’ ċediment bejn l-Istati Membri, l-Istati Membri
jistgħu joħorġu mandat ta’ arrest għal ċerti reati
definiti fid-Deċiżjoni, bħal frodi u parteċipazzjoni
f’organizzazzjoni kriminali, jekk jiġu ssodisfati ċerti
kundizzjonijiet. Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2003/577/ĠAI
tat-22 ta’ Lulju 2003 dwar l-eżekuzzjoni fl-Unjoni Ewropea
ta' mandati li jiffriżaw xi proprjetà jew xi evidenza[4] tistabbilixxi r-regoli li
taħthom l-Istati Membri se jagħrfu u jeżegwixxu mandat
fit-territorju tagħhom għall-iffriżar maħruġ minn
awtorità ġudizzjarja ta’ Stat Membru ieħor fil-qafas ta’
proċedimenti kriminali biex jassiguraw evidenza jew konfiska sussegwenti
ta’ proprjetà. Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2006/783/ĠAI
tas-6 ta’ Ottubru 2006 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju
ta’ rikonoxximent reċiproku għal ordnijiet ta’ konfiska[5] tistabbilixxi r-regoli li
taħthom l-Istati Membri jirrikonoxxu u jeżegwixxu ordni ta’ konfiska
fit-territorju tagħhom maħruġ minn qorti kompetenti fi
kwistjonijiet kriminali ta’ Stati Membri oħra. Il-Konvenzjoni stabbilita
mill-Kunsill f’konformità mal-Artikolu 34 tat-Trattat dwar l-Unjoni
Ewropea dwar Assistenza Reċiproka f'Materji Kriminali bejn l-Istati Membri
tal-Unjoni Ewropea[6]
tissupplimenta u tiffaċilita l-applikazzjoni ta’ strumenti li diġà
jeżistu deskritti fl-Artikolu 1 tagħha. L-assistenza
reċiproka tista' tiġi pprovduta fi proċeduri miġjuba
mill-awtoritajiet amministrattivi fir-rigward ta' atti li huma punibbli
taħt il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru rikjedenti jw mitlub, jew
tat-tnejn, minħabba li jkunu ksur tar-regoli tal-liġi, u meta
d-deċiżjoni tista' tagħti lok għal proċedimenti
quddiem qorti li jkollha ġurisdizzjoni b'mod partikulari fi kwistjonijiet
kriminali; L-assistenza reċiproka tista' tiġi pprovduta wkoll b’rabta
ma’ proċedimenti kriminali u proċedimenti li għandhom x’jaqsmu
ma’ reati jew ksur li persuna ġuridika tista’ tinżamm responsabbli
għalih fl-Istat Membru rikjedenti. Il-Protokoll jipprevedi miżuri dwar
il-kooperazzjoni tal-pulizija u doganali f’materji kriminali li jaqgħu
taħt il-kompetenza tal-UE abbażi tal-Artikolu 87(2) TFUE.
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/917/ĠAI
tat-30 ta’ Novembru 2009[7]
dwar l-użu tat-teknoloġija tal-informatika għall-finijiet
doganali hija l-bażi legali għat-twaqqif u l-użu tas-Sistema ta’
Informazzjoni Doganali li tgħin lill-Istati Membri fil-prevenzjoni,
l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ kontravenzjonijiet serji
tal-liġijiet nazzjonali. Skont l-Att tal-Kunsill 98/C 24/01
tat-18 ta’ Diċembru 1997 li jfassal, fuq il-bażi
tal-Artikolu K3 tat-Trattat dwar l-Unoni Ewropea, il-Konvenzjoni dwar
l-assistenza u l-kooperazzjoni reċiproka bejn l-amministrazzjonijiet
tad-dwana[8],
l-Istati Membri jipprovdu lil xulxin b’assistenza reċiproka u jikkooperaw
ma’ xulxin permezz tal-amministrazzjonijiet doganali tagħhom,
bil-għan li jipprevjenu u jsibu ksur tad-dispożizzjonijiet doganali
nazzjonali, u jikkontestaw u jikkastigaw ksur tad-dispożizzjonijiet
doganali nazzjonali u tal-Komunità. Il-kooperazzjoni transfruntiera hija
permessa skont il-Konvenzjoni għall-prevenzjoni, l-investigazzjoni u
l-prosekuzzjoni ta’ ksur fil-każ ta’ negozju illegali transfruntier
kummerċjali ta' merkanzija taxxabbli biex tiġi evaża t-taxxa jew
biex jinkisbu ħlasijiet mill-Istat li mhumiex awtorizzati ħlasijiet
b’rabta mal-importazzjoni jew l-esportazzjoni ta’ oġġetti, meta
l-limitu tan-negozju u r-riskju marbut ma’ taxxi u sussidji jkun tali li l-kost
finanzjarju potenzjali għalll-baġit tal-Komunitajiet Ewropej jew
l-Istati Membri jkun konsiderevoli (l-Artikolu 19). Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill[9] 2006/960/ĠAI
tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar is-simplifikazzjoni
tal-iskambju ta' informazzjoni u intelligence bejn l-awtoritajiet tal-infurzar
tal-liġi tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea ("Inizjattiva
Svediża") tistabbilixxi r-regoli li permezz tagħhom
l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri jistgħu
jiskambjaw l-informazzjoni u l-intelligence eżistenti rapidament u
effettivament għall-fini li jitwettqu investigazzjonijiet kriminali jew
operazzjonijiet ta' intelligence kriminali. Għaldaqstant, l-Artikoli 82(1),
l-Artikolu 83 u l-Artikolu 87(2) jikkostitwixxu l-bażi legali
taħt it-Titolu V tal-Parti III tat-TFUE għall-UE biex
jiffirmaw il-Protokoll. 2013/0260 (NLE) Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea,
tal-Protokoll biex jiġi Eliminat il-Kummerċ Illeċitu
tal-Prodotti tat-Tabakk fil-Konvenzjoni ta’ Qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija
tas-Saħħa, meta jkunu kkonċernati d-dispożizzjonijiet
tal-Protokoll li jaqgħu taħt it-Titolu V tal-Parti III
tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat dwar
il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 82(1),
l-Artikolu 83, u l-Artikolu 87(2), flimkien mal-Artikolu 218(5)
tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni
Ewropea, Billi: (1) Fit-22 ta’ Ottubru 1999,
il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tinnegozja, fil-kuntest
tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), Konvenzjoni ta’ Qafas
dwar il-Kontroll fuq it-Tabakk (FCTC) u protokolli relatati. Din
l-awtorizzazzjoni kienet emendata mill-Kunsill fil-21 ta’ April 2001
u fir-rigward tal-Protokoll biex jiġi Eliminat il-Kummerċ
Illeċitu ta' Prodotti tat-Tabakk (iktar ’il quddiem imsejjaħ
il-“Protokoll”) fl-20 ta’ Diċembru 2007. In-negozjati saru
mill-Kummissjoni fid-direttivi ta' negozjati adottati mill-Kunsill u ġew
iffinalizzati b’suċċess bl-adozzjoni tal-Protokoll waqt il-ħames
Konferenza tal-Partijiet għall-FCTC tad-WHO
fit-12 ta’ Novembru 2012, f’Seoul, ir-Repubblika tal-Korea. (2) Il-konklużjoni tal-FCTC
kienet approvata f’isem il-Komunità pemezz tad-Deċiżjoni
tal-Kunsill 2004/513/KE tat-2 ta’ Ġunju 2004 dwar
il-konklużjoni tal-Konvenzjoni Kwadru tal-Organizzazzjoni Dinjija
tas-Saħħa dwar il-Kontroll tat-Tabakk([10]), li hija kundizzjoni
għall-Unjoni Ewropea biex issir Parti għall-Protokoll. (3) Il-Protokoll jirrappreżenta
kontribuzzjoni sinifikanti għall-isforzi internazzjonali biex jiġu
eliminati l-forom kollha ta’ kummerċ illeċitu ta' prodotti tat-tabakk
li tikkostitwixxi komponent essenzjali ta' kontroll fuq it-tabakk. (4) [F’konformità
mal-Artikoli 1, 2, 3 u 4 tal-Protokoll (Nru 21) dwar
il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’
libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u
mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, ir-Renju Unit innotifika
x-xewqa tiegħu li jieħu sehem fl-adozzjoni u fl-applikazzjoni ta’ din
id-Deċiżjoni] JEW [Bla ħsara għall-Artikolu 4 tal-Protokoll
(Nru 21) dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit fir-rigward tal-ispazju
ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, mehmuż mat-Trattat dwar l-Unjoni
Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, ir-Renju Unit
mhuwiex se jieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u
mhuwiex marbut biha jew soġġett għall-applikazzjoni
tagħha]. (5) [F’konformità
mal-Artikoli 1, 2, 3 u 4 tal-Protokoll (Nru 21) dwar
il-pożizzjoni tal-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u
ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar
il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-Irlanda nnotifikat ix-xewqa tagħha
li tieħu sehem fl-adozzjoni u fl-applikazzjoni ta’ din
id-Deċiżjoni] JEW [Bla ħsara għall-Artikolu 4
tal-Protokoll (Nru 21) dwar il-pożizzjoni tal-Irlanda fir-rigward
tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, mehmuż mat-Trattat dwar
l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
l-Irlanda mhijiex se tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din
id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta
għall-applikazzjoni tagħha]. (6) F'konformità
mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll (Nru 22) dwar il-pożizzjoni
tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar
il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem
fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew
soġġetta għall-applikazzjoni tagħha. (7) Safejn ikunu kkonċernati
d-dispożizzjonijiet tal-Protokoll li jaqgħu fi ħdan il-kamp ta’
applikazzjoni tat-Titolu V tal-Parti III tat-Trattat dwar
il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-Protokoll għandu jiġi ffirmat
f’isem l-Unjoni Ewropea. (8) Safejn ikunu kkonċernati
d-dispożizzjonijiet tal-Protokoll li ma jaqgħux fil-kamp ta’
applikazzjoni tat-Titolu V tal-Parti III tat-Trattat dwar
il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-Protokoll għandu jiġi ffirmat
f’isem l-Unjoni Ewropea abbażi ta’ Deċiżjoni separata
tal-Kunsill, ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI: Artikolu 1 Bil-preżenti, l-iffirmar tal-Protokoll
biex jiġi Eliminat il-Kummerċ Illeċitu ta' Prodotti tat-Tabakk
għall-Konvenzjoni ta’ Qafas tad-WHO dwar il-Kontroll fuq it-Tabakk huwa
approvat f’isem l-Unjoni Ewropea, soġġett għall-konklużjoni
tal-Protokoll imsemmi. It-test tal-Protokoll li għandu jiġi
ffirmat huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni. Artikolu 2 Din id-Deċiżjoni tapplika meta
d-dispożizzjonijiet tal-Protokoll ma jaqgħu fil-kamp ta’
applikazzjoni tat-Titolu V tal-Parti III tat-Trattat dwar
il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Artikolu 3 Is-Segretarjat
Ġenerali tal-Kunsill jistabbilixxi l-istrument tas-setgħat
sħaħ għall-iffirmar tal-Protokoll, soġġett
għall-konklużjoni tiegħu, għall-persuna indikata
min-negozjatur tal-Protokoll. Artikolu 4 Din
id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum
tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni
Ewropea. Magħmul fi Brussell, Għall-Kunsill Il-President Anness PROTOKOLL BIEX
JIĠI ELIMINAT IL-KUMMERĊ ILLEĊITU FI PRODOTTI TAT-TABAKK Preambolu Il-Partijiet għal dan il-Protokoll, Filwaqt li jikkunsidraw li
fil-21 ta’ Mejju 2003,
fis-56 Assemblea Dinjija tas-Saħħa ġiet adottata b’kunsens
il-Konvenzjoni ta’ Qafas tad-WHO dwar il-Kontroll tat-Tabakk, li daħlet
fis-seħħ fis-27 ta’ Frar 2005; Filwaqt li jirrikonoxxu li l-Konvenzjoni
ta’ Qafas tad-WHO dwar il-Kontroll tat-Tabakk hija wieħed mill-iktar
trattati tan-Nazzjonijiet Uniti rratifikati malajr u
għodda fundamentali sabiex jintlaħqu l-għanijiet
tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa; Filwaqt li jfakkru l-Preambolu tal-Kostituzzjoni tal-Organizzazzjoni Dinjija
tas-Saħħa, li jiddikjara bħala dritt
fundamentali ta’ kull persuna mingħajr distinzjoni ta’ razza,
reliġjon, twemmin politiku, qagħda ekonomika u soċjali,
it-tgawdija tal-ogħla standard tas-saħħa possibbli; Filwaqt li huma determinati wkoll li jagħtu prijorità lid-dritt tagħhom li jipproteġu
s-saħħa pubblika; Filwaqt li jinsabu tassew imħassbin li l-kummerċ illeċitu ta' prodotti tat-tabakk qed
jikkontribwixxi sabiex tinxtered l-epidemija tat-tabakk, li hija problema
dinjija b’konsegwenzi serji għas-saħħa pubblika li titlob li
jkun hemm reazzjonijiet domestiċi u internazzjonali effettivi, xierqa u
komprensivi; Filwaqt li jirrikonoxxu wkoll li
l-kummerċ illeċitu ta' prodotti tat-tabakk ixekkel il-miżuri
tal-prezzijiet u tat-taxxi mfasslin biex isaħħu l-kontroll fuq
it-tabakk u b’hekk iżid l-aċċessibbiltà u l-affordabbiltà
tal-prodotti tat-tabakk; Filwaqt li jinsabu tassew mħassbin dwar l-effetti avversi li ż-żieda
fl-aċċessibbiltà u l-affordabbiltà tal-prodotti tat-tabakk
ikkummerċjalizzati b’mod illeċitu għandha fuq is-saħħa
pubblika u l-benesseri, b’mod partikolari
taż-żgħażagħ, il-foqra u gruppi vulnerabbli
oħrajn; Filwaqt li jinsabu tassew
mħassbin dwar l-implikazzjonijiet ekonomiċi
u soċjali sproporzjonati tal-kummerċ illeċitu fi prodotti
tat-tabakk fuq il-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp u l-pajjiżi
b’ekonomiji fi tranżizzjoni; Filwaqt li huma konxji tal-bżonn li tiġi żviluppata kapaċità
xjentifika, teknika u istituzzjonali sabiex jiġu ppjanati u implimentati
miżuri nazzjonali, reġjonali u internazzjonali xierqa bl-għan li
jiġu eliminati l-forom kollha ta’ kummerċ illeċitu fi prodotti
tat-tabakk; Filwaqt li jirrikonoxxu li
l-aċċess għar-riżorsi u t-teknoloġiji relevanti huwa
ta’ importanza kbira għat-tisħiħ tal-ħila tal-Partijiet,
b’mod partikolari fil-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp u
pajjiżi b’ekonomiji fi tranżizzjoni, sabiex jeliminaw il-forom kollha
ta’ kummerċ illeċitu fi prodotti tat-tabakk; Filwaqt li jirrikonoxxu wkoll li
għalkemm iż-żoni ħielsa huma stabbiliti biex
jiffaċilitaw il-kummerċ legali, dawn intużaw sabiex
jiffaċilitaw il-globalizzazzjoni tal-kummerċ illeċitu fi
prodotti tat-tabakk, kemm b’relazzjoni għat-tranżitu illeċitu
ta’ prodotti tal-kuntrabandu kif ukoll il-manifattura ta’ prodotti
illeċiti tat-tabakk; Filwaqt li jirrikonoxxu wkoll li
l-kummerċ illeċitu ta’ prodotti tat-tabakk ixekkel l-ekonomiji
tal-Partijiet u jaffettwa b’mod avvers l-istabbiltà u s-sigurtà tagħhom; Filwaqt li huma konxji wkoll li
l-kummerċ illeċitu fi prodotti tat-tabakk jiġġenera
profitti finanzjarji li jintużaw wkoll għall-finanzjament ta’
attività kriminali transnazzjonali, li ttellef l-għanijiet tal-gvern; Filwaqt li jirrikonoxxu li
l-kummerċ illeċitu fi prodotti tat-tabakk ixekkel l-għanijiet
tas-saħħa, jixħet iktar pressjoni fuq is-sistemi
tas-saħħa u jikkawża telf ta’ dħul għall-ekonomiji
tal-Partijiet; Filwaqt li huma konxji tal-Artikolu 5.3 tal-Konvenzjoni ta’
Qafas tad-WHO dwar il-Kontroll tat-Tabakk li fih il-Partijiet jaqblu li meta
jistabbilixxu u jimplimentaw il-politiki tagħhom dwar is-saħħa
pubblika fir-rigward tal-kontroll fuq it-tabakk, il-Partijiet jieħdu
azzjoni biex jipproteġu dawn
il-politiki minn interessi kummerċjali u interessi oħrajn
tal-industrija tat-tabakk b’konformità mal-liġi nazzjonali; Filwaqt li jenfasizzaw il-bżonn
li jkunu pronti għal kwalunkwe sforz mill-industrija tat-tabakk biex
ixxekkel jew tiżvija strateġiji għall-ġlieda kontra
l-kummerċ illeċitu ta' prodotti tat-tabakk u l-bżonn li jkunu
mgħarrfin dwar attivitajiet tal-industrija tat-tabakk li jħallu
impatt negattiv fuq l-istrateġiji għall-ġlieda kontra
l-kummerċ illeċitu ta' prodotti tat-tabakk; Filwaqt li jafu bl-Artikolu 6.2 tal-Konvenzjoni
ta’ Qafas tad-WTO dwar il-Kontroll tat-Tabakk, li jħeġġeġ
lill-Partijiet sabiex jipprojbixxu jew jirrestrinġu, kif xieraq,
il-bejgħ lil u/jew l-importazzjoni minn vjaġġaturi
internazzjonali ta’ prodotti tat-tabakk ħilsin minn taxxa jew dazju; Filwaqt li, barra minn hekk, jirrikonoxxu li t-tabakk u l-prodotti tat-tabakk fi tranżitu jew trasbord
internazzjonali jsibu kanal għall-kummerċ illeċitu; Filwaqt li jqisu li azzjoni effettiva għall-prevenzjoni u l-ġlieda ta’
kummerċ illeċitu ta' prodotti tat-tabakk teħtieġ
approċċ internazzjonali komprensiv għal u kooperazzjoni
mill-qrib dwar l-aspetti kollha tal-kummerċ illeċitu, inkluż kif
xieraq, il-kummerċ illeċitu tat-tabakk, tal-prodotti tat-tabakk u
t-tagħmir tal-manifattura; Filwaqt li jfakkru u jenfasizzaw l-importanza ta’ ftehimiet internazzjonali relevanti oħrajn
bħall-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Kriminalità Organizzata
Transnazzjonali, il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Korruzzjoni u
l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra t-Traffikar Illeċitu fi Drogi
Narkotiċi u Sustanzi Psikotropiċi u l-obbligu li l-Partijiet
għal dawn il-Konvenzjonijiet japplikaw, kif xieraq,
id-dispożizzjonijiet relevanti ta’ dawn il-Konvenzjonijiet
għall-kummerċ illeċitu tat-tabakk, prodotti tat-tabakk u
tagħmir tal-manifattura, u filwaqt li jħeġġu lil
dawk il-Partijiet li għadhom ma sarux Partijiet għal dawn
il-Ftehimiet biex jikkunsidraw li jagħmlu dan; Filwaqt li jirrikonoxxu l-bżonn
li jibnu kooperazzjoni msaħħa bejn is-Segretarjat
tal-Konvenzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Qafas tad-WHO dwar il-Kontroll tat-Tabakk u
l-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti kontra d-Drogi u l-Kriminalità,
l-Organizzazzjoni Dinjija Doganali u korpi oħrajn kif xieraq; Filwaqt li jfakkru l-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni ta’ Qafas tad-WTO
dwar il-Kontroll tat-Tabakk, li fih il-Partijiet jirrikonoxxu li, fost
l-oħrajn, l-eliminazzjoni tal-forom kollha ta’ kummerċ illeċitu
fi prodotti tat-tabakk, inkluż il-kuntrabandu u l-manifattura
illeċita, hija komponent essenzjali tal-kontroll fuq it-tabakk; Filwaqt li jqisu li dan
il-Protokoll ma għandux l-għan li jindirizza kwistjonijiet dwar
id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali; u Filwaqt li huma konvinti li s-supplimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Qafas tad-WHO dwar
il-Kontroll tat-Tabakk bi protokoll komprensiv
se tkun mezz b’saħħtu u effettiv għall-ġlieda kontra
l-kummerċ illeċitu ta' prodotti tat-tabakk u l-konsegwenzi
serji tiegħu, Bil-preżenti jaqblu kif ġej: PARTI I:
INTRODUZZJONI Artikolu 1 Użu
tat-termini 1 “Senserija” tfisser azzjoni
bħala aġent għal oħrajn, bħal f’kuntratti ta’
negozjar, xiri jew bejgħ bi ħlas ta’ tariffa jew kummissjoni. 2. “Sigarett” tfisser romblu ta’
tabakk imqatta' għat-tipjip, mibrum f’karta tas-sigaretti. Dan jeskludi
prodotti speċifiċi reġjonali bħall-bidis, ang hoon, u
prodotti simili oħrajn li jistgħu jitgeżwru f’karta jew weraq.
Għall-fini tal-Artikolu 8, “sigarett” jinkludi wkoll tabakk fin
“għat-trembil” sabiex isir sigarett. 3. “Konfiska”, li tinkludi sekwestru
fejn applikabbli, tfisser it-tiċħid permanenti ta’ proprjetà b’ordni
ta’ qorti jew awtorità kompetenti oħra. 4. “Kunsinna kkontrollata” tfisser
it-teknika li tippermetti kunsinni illeċiti jew suspettużi li
joħorġu, jgħaddu jew jidħlu fit-territorju ta’ Stat Membru
wieħed jew aktar, bl-għarfien u taħt is-superviżjoni
tal-awtoritajiet kompetenti, bl-għan ta’ investigazzjoni ta’ reat u
l-identifikazzjoni tal-persuni involuti fit-twettiq tar-reat. 5. “Żona ħielsa” tfisser
parti mit-territorju ta’ Parti fejn kwalunkwe prodott imdaħħal
normalment jitqies, f’dak li għandu x’jaqsam mad-dazji tal-importazzjoni u
t-taxxi kkonċernati, li jinsab barra mit-territorju Doganali. 6. “Kummerċ illeċitu”
tfisser kwalunkwe prattika jew imġiba pprojbita mil-liġi u li hija
relatata mal-produzzjoni, it-trasport bil-baħar, ir-riċevuta,
il-pussess, id-distribuzzjoni, il-bejgħ jew ix-xiri, inkluża kwalunkwe
prattika jew imġiba maħsuba biex tiffaċilita t-tali attività. 7. “Liċenzja” tfisser permess
minn awtorità kompetenti wara s-sottomissjoni tal-applikazzjoni
meħtieġa jew dokumentazzjoni oħra lill-awtorità kompetenti. 8. (a) “Tagħmir tal-manifattura”
tfisser makkinarju li huwa mfassal, jew adattat, sabiex jintuża biss
għall-manifattura ta’ prodotti tat-tabakk u huwa integrali
għall-proċess ta’ manifattura.[11] (b) “Kwalunkwe parti minnu”
fil-kuntest tat-tagħmir tal-manifattura tfisser kwalunkwe parti
identifikabbli li hija unika għat-tagħmir tal-manifattura użat
fil-manifattura ta’ prodotti tat-tabakk. 9. “Parti” tfisser Parti għal
dan il-Protokoll, sakemm il-kuntest ma jindikax mod ieħor. 10. “Dejta personali” tfisser
kwalunkwe informazzjoni relatata ma’ persuna fiżika identifikata jew
identifikabbli. 11. “Organizzazzjoni
għall-integrazzjoni ekonomika reġjonali” tfisser organizzazzjoni li
hija msawra minn diversi stati sovrani, u li l-Istati Membri tagħha
ttrasferewlha kompetenza fuq firxa ta’ kwistjonijiet, inkluża l-awtorità
li tieħu d-deċiżjonijiet vinkolanti fuq l-Istati Membri
tagħha fir-rigward ta’ dawk il-kwistjonijiet.[12] 12. Il-“katina tal-provvista” tkopri l-manifattura ta’ prodotti tat-tabakk u
tagħmir tal-manifattura, u l-importazzjoni jew l-esportazzjoni ta’
prodotti tat-tabakk u tagħmir tal-manifattura; u tista’ tiġi
estiża, fejn relevanti, għal attività waħda jew iktar minn dawn
li ġejjin meta dan jiġi deċiż minn Parti: (a) il-bejgħ bl-imnut ta’ prodotti
tat-tabakk; (b) il-kultivazzjoni tat-tabakk, minbarra
l-kultivaturi, il-bdiewa u l-produtturi tradizzjonali fuq skala
żgħira; (c) it-trasportazzjoni ta’ kwantitajiet
kummerċjali ta’ prodotti tat-tabakk jew tagħmir tal-manifattura; kif ukoll (d) il-bejgħ bl-ingrossa, is-senserija,
il-ħżin jew id-distribuzzjoni tat-tabakk u tal-prodotti tat-tabakk
jew tat-tagħmir tal-manifattura. 13.
“Prodotti tat-tabakk” tfisser prodotti magħmula kompletament jew
parzjalment mill-werqa tat-tabakk bħala materja prima, li huma
manifatturati għat-tipjip, għall-irdigħ, għall-magħda
jew għan-niskata. 14.
“Traċċar u lokalizzazzjoni” tfisser monitoraġġ sistematiku
u ħolqien mill-ġdid mill-awtoritajiet kompetenti jew kwalunkwe
persuna oħra li taġixxi f’isimhom, tar-rotta jew tal-moviment li
jkunu ħadu l-oġġetti permezz tal-katina tal-provvista, kif
spjegat fl-Artikolu 8. Artikolu 2 Relazzjoni bejn dan
il-Protokoll u ftehimiet oħra u strumenti legali 1. Id-dispożizzjonijiet
tal-Konvenzjoni ta’ Qafas tad-WHO dwar il-Kontroll tat-Tabakk li japplikaw
għall-protokolli tagħha, għandhom japplikaw għal dan
il-Protokoll. 2. Il-Partijiet li daħlu fit-tipi
ta’ ftehimiet imsemmija fl-Artikolu 2
tal-Konvenzjoni ta’ Qafas tad-WHO dwar il-Kontroll tat-Tabakk jikkomunikaw
it-tali ftehimiet lil-Laqgħat tal-Partijiet permezz tas-Segretarjat
tal-Konvenzjoni. 3. Xejn f’dan il-Protokoll ma jaffettwa d-drittijiet u
l-obbligi ta’ xi Parti skont xi konvenzjoni internazzjonali, trattat jew ftehim
internazzjonali oħrajn li hemm fis-seħħ għal dik il-Parti
li jidhrilha li għandhom probabilità ogħla li jwasslu għall-eliminazzjoni
tal-kummerċ illeċitu ta' prodotti tat-tabakk. 4. Xejn f’dan il-Protokoll ma jaffettwa d-drittijiet,
l-obbligi jew ir-responsabbiltajiet oħrajn tal-Partijiet skont
il-liġi internazzjonali, inkluża l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti
kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali. Artikolu 3 Għan L-għan ta’ dan il-Protokoll huwa li jelimina l-forom
kollha ta’ kummerċ illeċitu ta' prodotti tat-tabakk, b’konformità
mat-termini tal-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni ta’ Qafas tad-WTO dwar
il-Kontroll tat-Tabakk. PARTI II:
OBBLIGI ĠENERALI Artikolu 4 Obbligi ġenerali 1. Minbarra d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5
tal-Konvenzjoni ta’ Qafas tad-WTO dwar il-Kontroll tat-Tabakk, il-Partijiet: (a) jadottaw u jimplimentaw miżuri effettivi
li jikkontrollaw jew jirregolaw il-katina tal-provvista tal-prodotti koperti
minn dan il-Protokoll sabiex jipprevjenu, jevitaw, jaqbdu, jinvestigaw u
jieħdu passi kontra l-kummerċ illeċitu tat-tali prodotti, u
jikkooperaw flimkien għal dan l-għan; (b) jieħdu kwalunkwe miżura
neċessarja b’konformità mal-liġi nazzjonali tagħhom biex
iżidu l-effettività tal-awtoritajiet kompetenti u s-servizzi tagħhom,
inklużi d-dwana u l-pulizija responsabbli għall-prevenzjoni,
l-evitar, l-investigazzjoni, il-prosekuzzjoni u l-eliminazzjoni tal-forom
kollha ta’ kummerċ illeċitu tal-prodotti koperti minn dan
il-Protokoll; (c) jadottaw miżuri effettivi
għall-iffaċilitar jew il-kisba ta’ assistenza teknika jew
appoġġ finanzjarju, il-bini ta’ kapaċità u l-kooperazzjoni
internazzjonali sabiex jilħqu l-għanijiet ta’ dan il-Protokoll u
jiżguraw id-disponibbiltà għall-awtoritajiet kompetenti u l-iskambju
sigur magħhom ta’ informazzjoni li għandha tiġi skambjata skont
dan il-Protokol; (d) jikkooperaw mill-qrib flimkien, b’mod
konsistenti mas-sistemi legali u amministrattivi domestiċi rispettivi
tagħhom, sabiex tissaħħaħ l-effettività tal-azzjoni ta’
infurzar tal-liġi għall-ġlieda kontra l-imġiba llegali
inklużi reati kriminali stabbiliti b’konformità mal-Artikol 14 ta’
dan il-Protokoll; (e) jikkooperaw u jikkomunikaw, kif xieraq,
mal-organizzazzjonijiet intergovernattivi internazzjonali u reġjonali
relevanti fl-iskambju sigur[13] ta’ informazzjoni koperta minn dan il-Protokoll sabiex tiġi
promossa l-implimentazzjoni effettiva ta’ dan il-Protokoll; u (f) bil-mezzi u r-riżorsi li għandhom
għad-dispożizzjoni tagħhom, jikkooperaw biex jiġbru
riżorsi finanzjarji għall-implimentazzjoni effettiva ta’ dan
il-Protokoll permezz ta’ mekkaniżmi ta’ finanzjament bilaterali u
multilaterali. 2.
Fl-implimentazzjoni tal-obbligazzjonijiet tagħhom skont dan il-Protokoll,
il-Partijiet jiżguraw it-trasparenza massima possibbli fir-rigward ta’
kwalunkwe interazzjoni li jista’ jkollhom mal-industrija tat-tabakk. Artikolu 5 Protezzjoni tad-dejta
personali Meta jimplimentaw dan il-Protokoll,
il-Partijiet jipproteġu d-dejta personali tal-individwi tkun xi tkun
in-nazzjonalità jew ir-residenza, soġġetti għal-liġi
nazzjonali u filwaqt li jikkunsidraw l-istandards internazzjonali dwar
il-protezzjoni tad-dejta personali. PARTI III:
KONTROLL TAL-KATINA TAL-PROVVISTA Artikolu 6 Liċenzja,
approvazzjoni ekwivalenti jew sistema ta’ kontroll 1. Sabiex tilħaq l-għanijiet tal-Konvenzjoni ta’
Qafas tad-WHO dwar il-Kontroll tat-Tabakk u bl-għan li telimina
l-kummerċ illeċitu tal-prodotti tat-tabakk u t-tagħmir
tal-manifattura, kull Parti tipprojbixxi t-twettiq ta’ kwalunkwe waħda
minn dawn l-attivitajiet li ġejjin minn kwalunkwe persuna fiżika jew
ġuridika, ħlief fil-każ ta’ liċenzja jew approvazzjoni
ekwivalenti (minn hawn ’il quddiem imsejħa “liċenzja”) maħruġa, jew sistema ta’
kontroll implimentata, minn awtorità
kompetenti skont il-liġi nazzjonali: (a) il-manifattura ta’ prodotti tat-tabakk u
tagħmir tal-manifattura; u (b) l-importazzjoni jew l-esportazzjoni ta’
prodotti tat-tabakk u tagħmir tal-manifattura. 2. Kull Parti tagħmel kull sforz biex
tilliċenzja, sa fejn ikun xieraq, u meta l-attivitajiet li ġejjin ma
jkunux projbiti mil-liġi nazzjonali, lil kwalunkwe persuna fiżika jew
ġuridika involuta: (a) fil-bejgħ bl-imnut ta’ prodotti
tat-tabakk; (b) fil-kultivazzjoni tat-tabakk, minbarra
kultivaturi, bdiewa u produtturi tradizzjonali fuq skala żgħira; (c) fit-trasportazzjoni ta’ kwantitajiet
kummerċjali ta’ prodotti tat-tabakk jew tagħmir tal-manifattura; u (d) fil-bejgħ bl-ingrossa, is-senserija, il-ħżin
jew id-distribuzzjoni ta’ tabakk u prodotti tat-tabakk jew tagħmir
tal-manifattura. 3. Bl-għan li tiġi żgurata sistema effettiva
ta’ liċenzjar, kull Parti: (a) tistabbilixxi jew taħtar awtorità jew
awtoritajiet kompetenti biex joħorġu, iġeddu, jissospendu,
jirrevokaw u/jew jikkanċellaw liċenzji, skont
id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Protokoll, u b’konformità mal-liġi
nazzjonali tagħhom, biex iwettqu l-attivitajiet speċifikati
fil-paragrafu 1; (b) teħtieġ li kull applikazzjoni
għal liċenzja jkun fiha l-informazzjoni meħtieġa kollha
dwar l-applikant, li għandha tinkludi, fejn applikabbli: (i) meta l-applikant ikun persuna fiżika,
informazzjoni dwar l-identità tiegħu, inklużi l-isem sħiħ,
l-isem kummerċjali, in-numru tar-reġistrazzjoni tan-negozju (jekk ikun hemm), in-numri tar-reġistrazzjoni tat-taxxa applikabbli (jekk ikun hemm)
u kwalunkwe informazzjoni oħra li tippermetti li tiġi identifikata; (ii) meta l-applikant ikun persuna ġuridika,
informazzjoni dwar l-identità tiegħu, inklużi l-isem legali sħiħ,
l-isem kummerċjali, in-numru tar-reġistrazzjoni tan-negozju, id-data u l-post tal-inkorporazzjoni, il-post
tal-kwartieri ġenerali tal-korporazzjoni u s-sede prinċipali
tan-negozju, in-numri tar-reġistrazzjoni tat-taxxa applikabbli,
il-kopji tal-artikoli ta' inkorporazzjoni jew dokumenti ekwivalenti,
l-affiljati korporattivi tagħha, isem id-diretturi tagħha u ta’
kwalunkwe rappreżentant legali maħtur, inkluża kwalunkwe
informazzjoni oħra li tippermetti li tiġi identifikata; (iii) il-post preċiż tan-negozju
tal-unità/ajiet tal-manifattura, il-post tal-imħażen u
l-kapaċità tal-produzzjoni tan-negozju mmexxi mill-applikant; (iv) id-dettalji tal-prodotti tat-tabakk u
t-tagħmir tal-manifattura koperti mill-applikazzjoni,
bħad-deskrizzjoni tal-prodott, l-isem, il-marka kummerċjali
rreġistrata jekk ikun hemm, id-disinn, id-ditta, il-mudell jew
l-għamla u n-numru tas-serje tat-tagħmir tal-manifattura; (v) deskrizzjoni ta’ fejn se jiġi installat u
fejn se jintuża t-tagħmir tal-manifattura; (vi) id-dokumentazzjoni jew dikjarazzjoni rigward
kwalunkwe rekord kriminali; (vii) identifikazzjoni sħiħa
tal-kontijiet tal-bank li hemm il-ħsieb li jintużaw
fit-tranżazzjonijiet relevanti u kwalunkwe dettalji relevanti oħra
ta’ ħlas; u (viii) deskrizzjoni tas-suq tal-użu u tal-bejgħ
intenzjonat għall-prodotti tat-tabakk, b’attenzjoni partikolari li
jiġi żgurat li l-produzzjoni jew il-provvista tal-prodotti tat-tabakk
tkun proporzjonata għal domanda raġonevolment antiċipata; (c) tissorvelja u tiġbor, fejn applikabbli,
kwalunkwe tariffa tal-liċenzji li tista’ tkun imposta u tikkunsidra li
tużahom fl-amministrazzjoni u l-infurzar effettivi tas-sistema
tal-liċenzji jew għas-saħħa pubblika jew kwalunkwe attività
relatata oħra b’konformità mal-liġi nazzjonali; (d) tieħu l-miżuri xierqa biex
tipprevjeni, tidentifika u tinvestiga kwalunkwe prattika irregolari jew ta’
frodi fit-tħaddim tas-sistema tal-liċenzji; (e) tieħu miżuri bħal
reviżjoni perjodika, tiġdid, spezzjoni jew awditjar tal-liċenzji
fejn xieraq; (f) tistabbilixxi, fejn xieraq, perjodu ta’
żmien għall-iskadenza tal-liċenzji u l-applikazzjoni
meħtieġa mill-ġdid jew l-aġġornament tal-informazzjoni
tal-applikazzjoni; (g) tobbliga lil kwalunkwe persuna fiżika jew
ġuridika lliċenzjata sabiex tgħarraf lill-awtorità kompetenti
minn qabel dwar kwalunkwe bidla fil-post tan-negozju tagħha jew kwalunkwe
bidla sinifikanti fl-informazzjoni relevanti għall-attivitajiet kif
illiċenzjati; (h) tobbliga lil kwalunkwe persuna fiżika jew
ġuridika lliċenzjata sabiex tgħarraf lill-awtorità kompetenti, għal
azzjoni xierqa, dwar kwalunkwe akkwist jew ċessjoni ta’ tagħmir
tal-manifattura; u (i) tiżgura li l-qerda ta’ kwalunkwe
tagħmir tal-manifattura bħal dan jew parti minnu, issir taħt
is-superviżjoni tal-awtorità kompetenti. 4. Kull Parti tiżgura li ma tiġi
assenjata u/jew trasferita l-ebda liċenzja jekk il-persuna
lliċenzjata proposta ma tibgħatx l-informazzjoni xierqa li tinsab
fil-paragrafu 3, u jekk ma jkunx hemm l-approvazzjoni minn qabel
tal-awtorità kompetenti. 5. Ħames snin wara d-dħul fis-seħħ ta’
dan il-Protokoll, il-Laqgħa tal-Partijiet tiżgura fis-sessjoni li
jmiss li ssir riċerka bbażata fuq evidenza biex jiġi żgurat
jekk hemmx xi inputs ewlenin li huma essenzjali għall-manifattura
tal-prodotti tat-tabakk, jekk dawn humiex identifikabbli u jistgħux ikunu
soġġetti għall-mekkaniżmu ta’ kontroll effettiv. Fuq
il-bażi tat-tali riċerka, il-Laqgħa tal-Partijiet tikkunsidra
tiħux azzjoni xierqa. Artikolu 7 Diliġenza
dovuta 1. B’konsistenza mal-liġi
nazzjonali tagħha u l-għanijiet tal-Konvenzjoni ta’ Qafas tad-WHO
dwar il-Kontroll tat-Tabakk, kull Parti titlob li l-persuni fiżiċi u
ġuridiċi kollha involuti fil-katina tal-provvista tat-tabakk,
tal-prodotti tat-tabakk u t-tagħmir tal-manifattura: (a) jaħdmu bid-diliġenza dovuta qabel
il-bidu u matul ir-relazzjoni kummerċjali; (b) jissorveljaw il-bejgħ lill-klijenti
tagħhom biex jaraw li l-kwantitajiet huma proporzjonati għad-domanda
għat-tali prodotti fi ħdan is-suq tal-bejgħ jew l-użu
intenzjonat; u (c) jirrapportaw għand l-awtoritajiet
kompetenti kwalunkwe evidenza li l-klijent huwa involut f’attivitajiet li
jiksru l-obbligi tagħhom li jirriżultaw minn dan il-Protokoll. 2. Id-diliġenza dovuta skont
il-paragrafu 1, kif xieraq u b’mod konsistenti mal-liġi nazzjonali u
mal-għanijiet tal-Konvenzjoni ta’ Qafas tad-WHO dwar il-Kontroll
tat-Tabakk, tinkludi, fost l-oħrajn, rekwiżiti
għall-identifikazzjoni tal-konsumatur, bħall-kisba u
l-aġġornament ta’ informazzjoni relatata ma’ dan li ġej: (a) l-istabbiliment li l-persuna fiżika jew
ġuridika għandha liċenzja b’konformità mal-Artikolu 6; (b) meta l-klijent ikun persuna fiżika,
informazzjoni rigward l-identità tiegħu, inklużi l-isem
sħiħ, l-isem kummerċjali, in-numru tar-reġistrazzjoni
tan-negozju (jekk ikun hemm), in-numri tar-reġistrazzjoni tax-taxxa
applikabbli (jekk ikun hemm) u verifikazzjoni tal-identifikazzjoni
uffiċjali tiegħu; (c) meta l-klijent ikun persuna ġuridika,
informazzjoni rigward l-identità tiegħu inkluż l-isem sħiħ,
l-isem kummerċjali, in-numru tar-reġistrazzjoni tan-negozju, id-data
u l-post tal-inkorporazzjoni, il-post tal-kwartieri ġenerali
tal-korporazzjoni, is-sede prinċipali tan-negozju, in-numri
tar-reġistrazzjoni tat-taxxa applikabbli, kopji tal-artikoli ta'
inkorporazzjoni jew dokumenti ekwivalenti, l-affiljati korporattivi
tagħha, isem id-diretturi tagħha u kwalunkwe rappreżentant
ġuridiku magħżul, inkluż l-ismijiet tar-rappreżentanti
u l-verifika tal-identifikazzjoni uffiċjali tagħhom; (d) deskrizzjoni tas-suq tal-użu u
tal-bejgħ intenzjonat għat-tabakk, il-prodotti tat-tabakk u
t-tagħmir tal-manifattura; u (e) deskrizzjoni tal-post fejn se jiġi
installat u fejn se jintuża t-tagħmir tal-manifattura. 3.
Id-diliġenza dovuta skont il-paragrafu 1 tista’ tinkludi
rekwiżiti għall-identifikazzjoni tal-klijent, bħall-kisba u
l-aġġornament ta’ informazzjoni relatata ma’ dan li ġej: (a) id-dokumentazzjoni jew dikjarazzjoni dwar
kwalunkwe rekord kriminali; u (b) l-identifikazzjoni tal-kontijiet tal-bank li
hemm il-ħsieb li jintużaw fit-tranżazzjonijiet. 4. Fuq il-bażi
tal-informazzjoni rrapportata fil-paragrafu 1(c), kull Parti
tieħu l-miżuri neċessarji kollha li jiżguraw konformità
mal-obbligi li jirriżultaw mill-Protokoll, li jistgħu jinkludu
l-għażla ta’ klijent fil-ġurisdizzjoni tal-Parti sabiex isir
konsumatur imblukkat kif definit bil-liġi nazzjonali. Artikolu 8 Traċċar
u lokalizzazzjoni 1. Għall-fini ta’ sigurtà ulterjuri tal-katina
tal-provvista u sabiex tiġi assistita l-investigazzjoni tal-kummerċ
illeċitu ta' prodotti tat-tabakk, il-Partijiet jaqblu sabiex fi żmien
ħames snin mid-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Protokoll
jistabbilixxu skema globali ta’ traċċar u lokalizzazzjoni, li
tinkludi sistemi nazzjonali u/jew reġjonali ta’ traċċar u
lokalizzazzjoni, u punt fokali globali għall-kondiviżjoni ta’
informazzjoni li jkun jinsab fis-Segretarjat tal-Konvenzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Qafas tad-WHO dwar il-Kontroll
tat-Tabakk u li jkun aċċessibbli għall-Partijiet kollha sabiex
jippermetti lill-Partijiet jagħmlu domandi u jirċievu informazzjoni
relevanti. 2. B’konformità ma’ dan l-Artikolu, kull
Parti tistabbilixxi sistema ta’ traċċar u lokalizzazzjoni
kkontrollata mill-Parti għall-prodotti kollha tat-tabakk li huma
manifatturati jew importatati fit-territorju tagħha li tqis
il-bżonnijiet nazzjonali jew reġjonali speċifiċi
tagħha jew il-bżonnijiet speċifiċi reġjonali u
l-aħjar prattika disponibbli. 3. Bl-għan li tippermetti traċċar u
lokalizzazzjoni effettivi, kull Parti titlob li jkun hemm marki
tal-identifikazzjoni uniċi, siguri u li ma jinqalgħux (minn hawn ’il
quddiem imsejħa marki tal-identifikazzjoni uniċi), bħal
kodiċijiet jew timbri li jitwaħħlu ma’ jew li jiffurmaw parti
mill-pakketti u l-imballaġġi kollha u kwalunkwe ppakkjar fuq
in-naħa ta’ barra tas-sigaretti fi żmien ħames snin u għal
prodotti oħra tat-tabakk fi żmien għaxar snin mid-dħul
fis-seħħ ta’ dan il-Protokoll għal dik il-Parti. 4.1 Għall-fini tal-paragrafu 3, u bħala
parti mir-reġim globali ta’ traċċar u lokalizzazzjoni, kull
Parti teħtieġ li tqiegħed għad-dispożizzjoni
l-informazzjoni li ġejja, jew direttament jew aċċessibbli
permezz ta’ link, li tassisti lill-Partijiet fid-determinazzjoni
tal-oriġini tal-prodotti tat-tabakk, il-punt ta’ diverżjoni, fejn
applikabbli, u s-sorveljanza u -kontroll tal-moviment ta’ prodotti tat-tabakk u
l-istatus legali tagħhom: (a) id-data u l-post ta’ manifattura; (b) il-faċilità tal-manifattura; (c) il-magna użata għall-manifattura
tal-prodotti tat-tabakk; (d) ix-xift tal-produzzjoni jew il-ħin
tal-manifattura; (e) l-isem, il-fattura, in-numru tal-ordni u
r-rekords tal-ħlasijiet tal-ewwel konsumatur li mhuwiex affiljat
mal-manifattur; (f) is-suq intenzjonat tal-bejgħ bl-imnut; (g) id-deskrizzjoni tal-prodott; (h) kwalunkwe ħażna jew trasport
bil-baħar (i) l-identità ta’ kwalunkwe xerrej sussegwenti
magħruf; u (j) ir-rotta intenzjonata tal-vjeġġ,
id-data tal-vjeġġ, id-destinazzjoni tal-vjeġġ, il-punt ta’
tluq u d-destinatarju. 4.2 L-informazzjoni
fis-sottoparagrafi (a), (b), (g) u
fejn disponibbli (f), hija parti mill-marki ta’ identifikazzjoni
uniċi. 4.3 Meta l-informazzjoni
fis-sottoparagrafu (f) ma tkunx
disponibbli fiż-żmien tal-immarkar, il-Partijiet jitolbu l-inklużjoni
tat-tali informazzjoni b’konformità mal-Artikolu 15.2(a) tal-Konvenzjoni ta’ Qafas tad-WHO dwar il-Kontroll
tat-Tabakk. 5. Fi ħdan il-limiti ta’ żmien speċifikati
f’dan l-Artikolu, kull Parti titlob sabiex l-informazzjoni stabbilita
fil-paragrafu 4 tkun irreġistrata fiż-żmien tal-produzzjoni
jew fiż-żmien tal-ewwel vjeġġ minn kwalunkwe manifattur jew
fiż-żmien tal-importazzjoni fit-territorju tagħha. 6. Kull Parti tiżgura li l-informazzjoni
rreġistrata skont il-paragrafu 5 tkun aċċessibbli minn dik
il-Parti permezz ta’ link bil-marki tal-identifikazzjoni uniċi
meħtieġa skont il-paragrafi 3
u 4. 7. Kull Parti tiżgura li l-informazzjoni
rreġistrata skont il-paragrafu 5, kif ukoll il-marki ta’ identifikazzjoni
uniċi li jrendu t-tali informazzjoni aċċessibbli skont
il-paragrafu 6, tiddaħħal f’format stabbilit jew
awtorizzat mill-Parti u l-awtoritajiet kompetenti tagħha. 8. Kull Parti tiżgura li l-informazzjoni
rreġistrata skont il-paragrafu 5 tkun aċċessibbli
għall-punt fokali globali għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni
meta ssir talba, soġġetta għall-paragrafu 9, permezz ta’ interfaċċa elettronika
standard sigura mal-punt ċentrali nazzjonali u/jew reġjonali. Il-punt fokali globali għall-kondiviżjoni
tal-informazzjoni jikkompila lista tal-awtoritajiet kompetenti tal-Partijiet u
jagħmel il-lista disponibbli għall-Partijiet kollha. 9. Kull Parti jew l-awtorità kompetenti: (a) ikollha aċċess
għall-informazzjoni deskritta fil-paragrafu 4 fil-ħin billi
tressaq talba lill-punt fokali globali għall-kondiviżjoni
tal-informazzjoni; (b) titlob tali informazzjoni biss meta jkun hemm
bżonnha għall-finijiet ta’ kxif jew investigazzjoni ta’ kummerċ
illeċitu ta' prodotti tat-tabakk; (c) ma żżommx informazzjoni mingħajr
raġuni; (d) twieġeb it-talbiet għal
informazzjoni fir-rigward tal-paragrafu 4, b’konformità mal-liġi
nazzjonali tagħha; u (e) tipproteġi u tittratta bħala
kunfidenzjali, kif maqbul b’mod reċiproku, kwalunkwe informazzjoni
skambjata. 10.Kull
Parti tirrikjedi l-iżvilupp ulterjuri u l-espansjoni tal-kamp ta’
applikazzjoni tas-sistema applikabbli tat-traċċar u l-lokalizzazzjoni
sakemm kull dazju, taxxa relevanti u fejn xieraq kull obbligu ieħor, ikunu
ġew approvati fil-punt tal-manifattura, l-importazzjoni jew ir-rilaxx
mid-dwani jew mill-kontroll tas-sisa. 11. Il-Partijiet jikkooperaw flimkien u ma’
organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti, kif maqbul b’mod
reċiproku, fil-kondiviżjoni u l-iżvilupp tal-aħjar prattiki
għas-sistemi ta’ traċċar u lokalizzazzjoni inklużi: (a) l-iffaċilitar tal-iżvilupp,
it-trasferiment u l-akkwist ta’ teknoloġija mtejba
għat-traċċar u l-lokalizzazzjoni, inklużi l-għarfien,
il-ħiliet, il-kapaċità u l-kompetenza; (b) l-appoġġ għat-taħriġ
u għall-programmi għall-bini ta’ kapaċità għall-Partijiet
li jesprimu t-tali bżonn; u (c) l-iżvilupp ulterjuri tat-teknoloġija
għall-immarkar u l-iskenjar ta’ pakketti ta’ unitajiet u
imballaġġi ta’ prodotti tat-tabakk sabiex jagħmlu
aċċessibbli l-informazzjoni elenkata fil-paragrafu 4. 12. L-obbligi assenjati lil Parti ma
jitwettqux mill-industrija tat-tabakk jew jiġu delegati lilha. 13. Kull
Parti tiżgura li l-awtoritajiet kompetenti tagħha, meta jieħdu
sehem fl-iskema ta’ traċċar u lokalizzazzjoni, jinteraġixxu
mal-industrija tat-tabakk u dawk li jirrappreżentaw l-interessi
tal-industrija tat-tabakk safejn hu strettament neċessarju biss
fl-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu. 14. Kull Parti tista’ teħtieġ li
l-industrija tat-tabakk iġġarrab kwalunkwe nefqa assoċjata
mal-obbligi ta’ dik il-Parti skont dan l-Artikolu. Artikolu 9 Żamma
ta’ rekords 1. Kull Parti teħtieġ, kif xieraq, li l-persuni
fiżiċi u ġuridiċi kollha involuti fil-katina tal-provvista
tat-tabakk, tal-prodotti tat-tabakk u tat-tagħmir tal-manifattura,
iżommu rekords kompluti u preċiżi tat-tranżazzjonijiet
kollha relevanti. It-tali rekords iridu
jippermettu kontabbiltà sħiħa tal-materjali użati
fil-produzzjoni tal-prodotti tat-tabakk tagħhom. 2. Kull Parti, kif xieraq, teħtieġ li l-persuni
lliċenzjati b’konformità mal-Artikolu 6, jipprovdu, wara li ssirilhom
talba, l-informazzjoni li ġejja lill-awtoritajiet kompetenti: (a) informazzjoni ġenerali dwar il-volumi
tas-suq, ix-xejriet, il-previżjonijiet u informazzjoni oħra
relevanti; u (b) il-kwantitajiet ta’ prodotti tat-tabakk u tagħmir
tal-manifattura fil-pussess tad-detentur tal-liċenzja, f’kustodja jew
kontroll fl-istokk, f’imħażen tat-taxxa u tad-dwana skont l-iskema
ta’ tranżitu jew trasbord jew sospenzjoni tad-dazju mid-data li fiha ssir
it-talba. 3. Fir-rigward tal-prodotti tat-tabakk u
t-tagħmir tal-manifattura mibjugħin jew manifatturati fit-territorju
tal-Parti għall-esportazzjoni, jew soġġetti għal
ċaqliq bid-dazju sospiż fit-tranżitu jew it-trasbord
fit-territorju tal-Parti, kull Parti, kif xieraq, teħtieġ li
l-persuni liċenzjati b’konformità mal-Artikolu 6, jipprovdu, wara li
ssirilhom talba, lill-awtoritajiet kompetenti fil-pajjiż tat-tluq (b’mod
elettroniku, fejn teżisti l-infrastruttura) fil-ħin tat-tluq
mill-kontroll tagħhom bl-informazzjoni li ġejja: (a) id-data tal-vjeġġ
mill-aħħar punt ta’ kuntatt fiżiku tal-prodotti; (b) id-dettalji dwar il-prodotti trasportati
(inklużi d-ditta, l-ammont, il-maħżen); (c) ir-rotot intenzjonati u d-destinazzjoni
tal-vjeġġ; (d) l-identità tal-persuna/i fiżiċi jew
ġuridiċi li lilhom qed jiġu trasportati l-prodotti; (e) il-mezz ta’ trasportazzjoni, inkluża
l-identità tat-trasportatur; (f) id-data mistennija tal-wasla tal-kunsinna
fid-destinazzjoni intenzjonata tal-vjeġġ; u (g) is-suq tal-użu jew tal-bejgħ
bl-imnut intenzjonat. 4. Jekk dan ikun fattibbli, kull Parti teħtieġ li
l-bejjiegħa bl-imnut u l-kultivaturi tat-tabakk, minbarra kultivaturi
tradizzjonali li jaħdmu fuq bażi mhux kummerċjali, iżommu
rekords sħaħ u preċiżi tat-tranżazzjonijiet kollha
relevanti li jkunu involuti fihom, b’konformità mal-liġi nazzjonali
tagħha. 5. Għall-fini tal-implimentazzjoni
tal-paragrafu 1, kull Parti tadotta miżuri leġiżlattivi,
eżekuttivi, amministrattivi jew oħrajn effettivi li
jeħtieġu li r-rekords kollha: (a) jinżammu għal perjodu ta’ mill-inqas
erba’ snin; (b) jitqiegħdu għad-dispożizzjoni
tal-awtoritajiet kompetenti; u (c) jinżammu f’format, kif meħtieġ
mill-awtoritajiet kompetenti. 6. Kull Parti, kif
xieraq u soġġetta għal-liġi nazzjonali, tistabbilixxi
sistema sabiex taqsam id-dettalji li jinsabu fir-rekords kollha miżmuma
skont dan l-Artikolu ma’ Partijiet oħra. 7. Il-Partijiet jagħmlu kull sforz biex jikkooperaw
ma’ xulxin u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti
fil-kondiviżjoni u l-iżvilupp progressivi ta’ sistemi mtejba
għaż-żamma ta’ rekords. Artikolu 10 Sigurtà u miżuri
preventivi 1. Kull Parti, fejn xieraq u
b’konsistenza mal-liġi nazzjonali tagħha u l-għanijiet
tal-Konvenzjoni ta’ Qafas tad-WHO dwar il-Kontroll tat-Tabakk,
teħtieġ li l-persuni fiżiċi u ġuridiċi kollha
soġġetti għall-Artikolu 6 jieħdu l-miżuri
neċessarji biex jipprevjenu l-moviment
tal-prodotti tat-tabakk lejn kanali kummerċjali illeċiti,
inklużi, fost l-oħrajn: (a) ir-rapportar mal-awtoritajiet kompetenti: (i) it-trasferiment transfruntier ta’ flus
f’ammonti stipulati fil-liġi nazzjonali jew ta’ pagamenti in natura
transfruntiera; u (ii) kull “tranżazzjoni suspettuża”; u (b) il-forniment ta’ prodotti tat-tabakk jew
tagħmir tal-manifattura biss f’ammonti proporzjonati għad-domanda
għat-tali prodotti fis-suq tal-użu jew tal-bejgħ bl-imnut
intenzjonat. 2. Kull Parti, kif xieraq u b’mod konsistenti
mal-liġi nazzjonali tagħha u l-għanijiet tal-Konvenzjoni ta’
Qafas tad-WHO dwar il-Kontroll tat-Tabakk, teħtieġ li ħlasijiet
għal tranżazzjonijiet imwettqa minn persuni fiżiċi jew
ġuridiċi soġġetti għall-Artikolu 6, isiru biss
fil-munita u bl-istess ammont tal-fattura, u biss permezz ta’ modi legali ta’
ħlas minn istituzzjonijiet finanzjarji li jinsabu fit-territorju tas-suq intenzjonat
u ma jkunux operati permezz ta’ xi sistema alternattiva oħra ta’ rimessa. 3. Parti
tista’ teħtieġ li ħlasijiet li jsiru minn persuni
fiżiċi jew ġuridiċi soġġetti
għall-Artikolu 6 għal materjali użati
għall-manifattura ta’ prodotti tat-tabakk fil-ġurisdizzjoni
tagħha jsiru biss fil-munita u bl-istess ammont tal-fattura, u jsiru biss
permezz ta’ modi legali ta’ ħlas minn istituzzjonijiet finanzjarji li
jinsabu fit-territorju tas-suq intenzjonat u ma jkunux operati permezz ta’ xi
sistema alternattiva oħra ta’ rimessa. 4. Kull Parti tiżgura li kwalunkwe
kontravenzjoni tar-rekwiżiti ta’ dan l-Artikolu tkun soġġetta
għal proċeduri kriminali, ċivili jew amministrattivi xierqa u
għal sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u disważivi inklużi,
kif xieraq, sospensjoni jew kanċellament ta’ liċenzja. Artikolu 11 Bejgħ
fuq l-Internet, telekomunikazzjonijiet jew kwalunkwe teknoloġija oħra
li qed tevolvi 1. Kull Parti teħtieġ li
l-persuni fiżiċi u ġuridiċi kollha involuti fi kwalunkwe
tranżazzjoni fir-rigward ta’ prodotti tat-tabakk permezz ta’ modi ta’
bejgħ ibbażati fuq l-Internet, it-telekomunikazzjonijiet jew
kwalunkwe teknoloġija oħra li qed tevolvi, jikkonformaw mal-obbligi
relevanti kollha koperti minn dan il-Protokoll. 2. Kull Parti tikkunsidra l-probizzjoni tal-bejgħ
bl-imnut ta’ prodotti tat-tabakk permezz ta’ modi ta’ bejgħ ibbażati
fuq l-Internet, telekomunikazzjonijiet, jew kwalunkwe teknoloġija
oħra li qed tevolvi. Artikolu 12 Żoni
ħielsa u tranżitu internazzjonali 1. Kull Parti, fi żmien tliet snin mid-dħul
fis-seħħ ta’ dan il-Protokoll għal dik il-Parti, timplimenta
kontrolli effettivi fuq kull manifattura ta’ tabakk u prodotti tat-tabakk u
tranżazzjonijiet fihom, f’żoni ħielsa, bl-użu
tal-miżuri kollha relevanti kif previst f’dan il-Protokoll. 2. Barra minn hekk, it-taħlit ta’ prodotti tat-tabakk
ma’ prodotti mhux tat-tabakk f’kontenitur uniku jew kwalunkwe unità ta’
trasportazzjoni simili oħra fi żmien it-tneħħija
miż-żoni ħielsa, huwa pprojbit. 3. Kull Parti, b’konformità mal-liġi nazzjonali,
tadotta u tapplika miżuri ta’ kontroll u verifika għat-tranżitu
u t-trasbord internazzjonali, fi ħdan it-territorju tagħha, ta’
prodotti tat-tabakk u tagħmir tal-manifattura b’konformità
mad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Protokoll sabiex tipprevjeni
l-kummerċ illeċitu tat-tali prodotti. Artikolu 13 Bejgħ ħieles
mid-dazju 1. Kull Parti timplimenta miżuri effettivi sabiex
il-bejgħ ħieles mid-dazju jiġi soġġett
għad-dispożizzjonijiet relevanti kollha ta’ dan il-Protokoll,
b’kunsiderazzjoni għall-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni ta’ Qafas tad-WHO
dwar il-Kontroll tat-Tabakk. 2. Mhux iktar tard minn ħames snin wara d-dħul
fis-seħħ ta’ dan il-Protokoll, il-Laqgħa tal-Partijiet
tiżgura, waqt is-sessjoni li jmiss tagħha, li ssir riċerka
bbażata fuq evidenza biex tara kemm hu estiż il-kummerċ
illeċitu fi prodotti tat-tabakk relatat mal-bejgħ ħieles
mid-dazju tat-tali prodotti. Fuq il-bażi ta’ din ir-riċerka,
il-Laqgħa tal-Partijiet tikkunsidra li tieħu azzjoni ulterjuri
xierqa. PARTI IV:
REATI Artikolu 14 Imġiba illegali
inklużi reati kriminali 1. Kull Parti, soġġetta
għall-prinċipji bażiċi tal-liġi domestika tagħha,
tadotta miżuri leġiżlattivi u oħrajn bħal dawn, skont
kif ikun neċessarju, sabiex l-imġiba li ġejja tiġi
stabbilita bħala illegali skont il-liġi domestika tagħha: (a) il-manifattura, il-bejgħ bl-ingrossa,
is-senserija, il-bejgħ, it-trasportar, id-distribuzzjoni,
il-ħżin, il-vjeġġ, l-importazzjoni jew l-esportazzjoni
tat-tabakk, prodotti tat-tabakk jew it-tagħmir tal-manifattura li jmorru
kontra d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Protokoll; (b) (i) il-manifattura, il-bejgħ
bl-ingrossa, is-senserija, il-bejgħ, it-trasportar, id-distribuzzjoni,
il-ħżin, il-vjeġġ, l-importazzjoni jew l-esportazzjoni
tat-tabakk, prodotti tat-tabakk jew it-tagħmir tal-manifattura
mingħajr ma jitħallsu d-dazji, it-taxxi jew imposti oħra
applikabbli jew mingħajr ma jkollhom it-timbri fiskali, il-marki ta’
identifikazzjoni uniċi jew xi marka jew tabella oħra
meħtieġa; (ii) kwalunkwe att ieħor ta’ kuntrabandu jew
attentat ta’ kuntrabandu tat-tabakk, prodotti tat-tabakk jew tagħmir
tal-manifattura mhux kopert bil-paragrafu (b)(i); (c) (i) kwalunkwe forma oħra ta’
manifattura illeċita ta’ tabakk, prodotti tat-tabakk jew tagħmir
tal-manifattura, jew pakketti tat-tabakk li jkollhom timbri fiskali, marki
tal-identifikazzjoni uniċi jew kwalunkwe marka jew tabella oħra
meħtieġa li jkunu foloz; (ii) il-bejgħ bl-ingrossa, is-senserija,
il-bejgħ, it-trasportar, id-distribuzzjoni, il-ħżin,
il-vjeġġ, l-importazzjoni jew l-esportazzjoni ta’ tabakk,
manifatturat illegalment, prodotti tat-tabakk illeċiti, prodotti li
jkollhom timbri fiskali u/jew marki jew tabelli meħtieġa li jkunu
foloz, jew tagħmir illeċitu għall-manifattura; (d) it-taħlit ta’ prodotti tat-tabkk ma’
prodotti mhux tat-tabakk matul il-progressjoni permezz tal-katina
tal-provvista, għall-fini ta’ ħabi jew simulazzjoni ta’ prodotti tat-tabakk; (e) it-taħlit ta’ prodotti tat-tabakk ma’
prodotti mhux tat-tabakk bi ksur tal-Artikolu 12.2 ta’ dan il-Protokoll; (f) l-użu ta’ modi ta’ bejgħ
ibbażati fuq l-użu tal-Internet, it-telekomunikazzjoni jew kwalunkwe
teknoloġija oħra li qed tevolvi bi ksur ta’ dan il-Protokoll; (g) il-kisba minn persuna liċenzjata skont
l-Artikolu 6, ta’ tabakk, prodotti tat-tabakk jew tagħmir
tal-manifattura minn persuna li għandha tkun iżda li mhijiex
liċenzjata skont l-Artikolu 6; (h) it-tfixkil ta’ uffiċjal pubbliku jew
uffiċjal awtorizzat fit-twettiq ta’ dmirijietu relatati mal-prevenzjoni,
l-evitar, l-investigazzjoni jew l-eliminazzjoni ta’ kummerċ illeċitu
ta’ tabakk, prodotti tat-tabakk jew tagħmir tal-manifattura; (i) ( i) li wieħed jagħmel
dikjarazzjonijiet materjali li huma foloz, qarrierqa jew mhux sħaħ,
jew li wieħed jonqos milli jipprovdi xi informazzjoni meħtieġa
lil xi uffiċjal pubbliku jew uffiċjal awtorizzat fit-twettiq ta’
dmirijietu relatati mal-prevenzjoni, l-evitar, l-identifikazzjoni, l-investigazzjoni
jew l-eliminazzjoni ta’ kummerċ illeċitu ta’ tabakk, prodotti
tat-tabakk jew tagħmir għall-produzzjoni u meta dan ma jmurx kontra
d-dritt kontra l-awtoinkriminazzjoni; (ii) dikjarazzjonijiet żbaljati fuq formoli
uffiċjali dwar id-deskrizzjoni, il-kwantità jew il-valur tat-tabakk,
il-prodotti tat-tabakk jew it-tagħmir tal-manifattura jew kwalunkwe
informazzjoni speċifikata oħra fil-protokoll għall-finijiet ta’: (a) evażjoni tal-ħlas ta’ dazji, taxxi u
imposti oħra applikabbli, jew (b) preġudizzju ta’ xi miżura ta’
kontroll għall-prevenzjoni, l-evitar, l-identifikazzjoni,
l-investigazzjoni jew l-eliminazzjoni ta’ kummerċ illeċitu
tat-tabakk, prodotti tat-tabakk jew tagħmir tal-manifattura; (iii) in-nuqqas ta’ ħolqien jew żamma
ta’ rekords koperti minn dan il-protokoll jew iż-żamma ta’ rekords
foloz; kif ukoll (j) il-laundering ta' rikavati minn imġiba
illegali stabbilita bħala reat kriminali skont il-paragrafu 2. 2. Kull Parti, soġġetta għall-prinċipji
bażiċi tal-liġi domestika tagħha, tiddetermina liema
mġiba illegali stabbilita fil-paragrafu 1 jew kwalunkwe mġiba
oħra relatata ma’ kummerċ illeċitu ta’ tabakk, prodotti
tat-tabakk u tagħmir tal-manifattura li tmur kontra
d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Protokoll, hija reat kriminali u tadotta
miżuri leġiżlattivi u oħrajn skont kif ikun hemm bżonn
biex jagħtu effett għal din id-determinazzjoni. 3. Kull Parti tinnotifika
lis-Segretarjat ta’ dan il-Protokoll liema mill-imġiba illegali stabbilita
fil-paragrafi 1 u 2, dik il-Parti ddeterminat li hija reat kriminali
b’konformità mal-paragrafu 2, u tipprovdi lis-Segretarjat b’kopji
tal-liġijiet tagħha, jew deskrizzjoni tagħhom, li jagħtu
effett lill-paragrafu 2, kif ukoll dwar
kwalunkwe bidla sussegwenti fit-tali liġijiet. 4. Sabiex tissaħħaħ il-kooperazzjoni internazzjonali
fil-ġlieda kontra r-reati kriminali relatati mat-tabakk, mal-prodotti
tat-tabakk u t-tagħmir tal-manifattura, il-Partijiet huma
mħeġġa jirrevedu l-liġijiet nazzjonali tagħhom rigward
il-ħasil tal-flus, l-assistenza legali
reċiproka u l-estradizzzjoni, b’kunsiderazzjoni għall-konvenzjonijiet
internazzjonali relevanti li huma Partijiet għaliha, biex jiżguraw li
huma effettivi fl-infurzar tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Protokoll. Artikolu 15 Responsabbiltà
tal-persuni ġuridiċi 1. Kull Parti tadotta tali miżuri
skont kif neċessarju, b’mod konsistenti mal-prinċipji legali
tagħha, biex tistabbilixxi r-responsabbiltà tal-persuni ġuridiċi
għal imġiba illegali inklużi reati kriminali stabbiliti
b’konformità mal-Artikolu 14 ta’ dan il-Protokoll. 2. Skont il-prinċipji ġuridiċi ta’ kull
Parti, ir-responsabbiltà tal-persuni ġuridiċi tista’ tkun kriminali,
ċivili jew amministrattiva. 3. It-tali responsabbiltà hija mingħajr ħsara
għar-responsabbiltà tal-persuni fiżiċi li jkunu involuti
fl-imġiba illegali jew li jkunu wettqu r-reati kriminali stabbiliti
b’konformità mal-liġijiet u r-regolamenti nazzjonali u l-Artikolu 14
ta’ dan il-Protokoll. Artikolu 16 Prosekuzzjonijiet u
sanzjonijiet 1. Kull Parti tadotta t-tali miżuri skont kif ikun
hemm bżonn, b’konformità mal-liġi nazzjonali, biex ikun żgurat
li l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi miżmuma responsabbli
għal imġiba illegali inklużi reati kriminali stabbiliti
b’konformità mal-Artikolu 14 ikunu soġġetti għal
sanzjonijiet kriminali u mhux kriminali effettivi, proporzjonati u
dissważivi, inklużi
sanzjonijiet monetarji. 2. Kull Parti tagħmel kull sforz biex tiżgura li
kwalunkwe setgħat ġuridiċi diskrezzjonarji skont il-liġi
domestika relatati mal-prosekuzzjoni ta’ persuni għall-imġiba
illegali, inklużi reati kriminali stabbiliti b’konformità
mal-Artikolu 14, huma eżerċitati biex jimmassimizzaw
l-effettività tal-miżuri tal-infurzar tal-liġi fir-rigward tat-tali
mġiba illegali inklużi reati kriminali, u b’kunsiderazzjoni xierqa
għall-bżonn li jiġi evitat it-twettiq tat-tali mġiba
illegali inklużi reati. 3. Ma hemm xejn inkluż f’dan il-Protokoll li jaffettwa
l-prinċipju li d-deskrizzjoni ta’ imġiba illegali inklużi reati
kriminali stabbilita b’konformità ma’ dan il-Protokoll u tad-difiżi legali
applikabbli jew prinċipji legali oħra li jikkontrollaw il-legalità
tal-imġiba hija riżervata għal-liġi domestika tal-Parti u
li tali mġiba illegali inklużi reati kriminali tittieħed azzjoni
kontrihom u jiġu sanzjonati b’konformità ma’ dik il-liġi. Artikolu 17 Ħlasijiet permezz
ta’ sekwestru B’konformità mal-liġi domestika
tagħhom, il-Partijiet għandhom jikkunsidraw l-adozzjoni tat-tali
miżuri leġiżlattivi u oħrajn skont kif ikun hemm bżonn
biex jawtorizzaw lill-awtoritajiet kompetenti biex jitolbu ammont proporzjonat
għat-taxxi u d-dazji mitlufin mill-produttur, il-manifattur,
id-distributur, l-importatur jew l-esportatur ta’ tabakk, prodotti tat-tabakk
u/jew tagħmir tal-manifattura sekwestrati. Artikolu 18 Rimi jew qerda It-tabakk, il-prodotti tat-tabakk u t-tagħmir
tal-manifattura kollha kkonfiskati jinqerdu billi jintużaw metodi li ma
jagħmlux ħsara lill-ambjent kemm jista’ jkun, jew jintremew
b’konformità mal-liġi nazzjonali. Artikolu 19 Tekniki investigattivi
speċjali 1. Jekk il-prinċipji bażiċi tas-sistema
ġuridika domestika tagħha jippermettulha, kull Parti, skont
il-possibbiltajiet tagħha u skont il-kundizzjonijiet preskritti
mil-liġi domestika tagħha, tieħu l-miżuri neċessarji
sabiex tippermetti l-użu xieraq ta’ kunsinna kkontrollata u, meta tqis li
huwa xieraq, l-użu ta’ tekniki investigattivi speċjali, bħal forom ta’ sorveljanza elettroniċi
u oħrajn u operazzjonijiet pajżana mill-awtoritajiet kompetenti
fit-territorju tagħha għall-fini tal-ġlieda effettiva kontra
l-kummerċ illeċitu tat-tabakk, prodotti tat-tabakk u t-tagħmir
tal-manifattura. 2. Għall-fini ta’ investigazzjoni
tar-reati kriminali stabbiliti b’konformità mal-Artikolu 14,
il-Partijiet huma mħeġġa jikkonkludu, meta jkun hemm bżonn,
ftehimiet bilaterali u multilaterali xierqa jew arranġamenti
għall-użu tat-tekniki msemmija fil-paragrafu 1 fil-kuntest
tal-kooperazzjoni fil-livell internazzjonali. 3.Fin-nuqqas ta’ ftehim jew arrangement
kif stabbilit fil-paragrafu 2,
deċiżjonijiet sabiex jintużaw it-tali tekniki investigattivi
speċjali fil-livell internazzjonali jittieħdu fuq bażi ta’
każ b’każ u, meta jkun hemm bżonn, jistgħu jqisu
l-arranġamenti finanzjarji u l-ftehimiet fir-rigward
tal-eżerċitar tal-ġurisdizzjoni mill-Partijiet ikkonċernati. 4. Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza u l-bżonn
tal-kooperazzjoni internazzjonali u l-assistenza f’dan il-qasam u jikkooperaw
flimkien u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali fl-iżvilupp
tal-kapaċità sabiex jilħqu l-għanijiet ta’ dan l-Artikolu. PARTI V:
KOOPERAZZJONI INTERNAZZJONALI Artikolu 20 Kondiviżjoni ta’
informazzjoni ġenerali 1. Sabiex jilħqu l-għanijiet ta’ dan
il-Protokoll, il-Partijiet jirrapportaw, bħala parti mill-istrument
tar-rapportar tal-Konvenzjoni ta’ Qafas tad-WHO dwar il-Kontroll tat-Tabakk,
informazzjoni, soġġetta għal-liġi domestika, u fejn xieraq,
fost l-oħrajn, dwar kwistjonijiet bħal: (a) f’forma aggregata, id-dettalji dwar sekwestri
ta’ tabakk, prodotti tat-tabakk u tagħmir tal-manifattura, il-kwantità,
il-valur tas-sekwestri, id-deskrizzjonijiet tal-prodotti, id-dati u l-postijiet
tal-manifattura u t-taxxi evażi; (b) l-importazzjoni, l-esportazzjoni,
it-tranżitu, it-taxxa mħallsa, il-bejgħ ħieles mid-dazju, u
l-kwantità jew il-valur tal-produzzjoni tat-tabakk, tal-prodotti tat-tabakk jew
tat-tagħmir tal-manifattura; (c) ix-xejriet, il-metodi ta’ ħabi u l-modi
operandi użati fil-kummerċ illeċitu ta’ tabakk, prodotti
tat-tabakk jew tagħmir tal-manifattura; u (d) kwalunkwe informazzjoni oħra relevanti,
kif miftiehem mill-Partijiet. 2. Il-Partijiet jikkooperaw ma’ xulxin u ma’
organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti biex jibnu l-kapaċità
tal-Partijiet għall-ġbir u l-iskambju ta’ informazzjoni. 3. Il-Partijiet iqisu din l-informazzjoni bħala
kunfidenzjali u għall-użu tal-Partijiet biss, sakemm ma jkunx
iddikjarat mod ieħor mill-Parti emittenti. Artikolu 21 Kondiviżjoni ta’
informazzjoni dwar l-infurzar 1. Il-Partijiet, soġġetti għal-liġi
domestika jew għal xi trattat internazzjonali applikabbli, jiskambjaw, fuq
inizjattiva tagħhom stess jew meta ssir talba minn Parti li tipprovdi
ġustifikazzjoni xierqa li t-tali informazzjoni hija meħtieġa
għall-fini ta’ qbid jew investigazzjoni ta’ kummerċ illeċitu ta’
tabakk, prodotti tat-tabakk jew tagħmir tal-manifattura, l-informazzjoni
li ġejja: (a) rekords tal-liċenzji għall-persuni
fiżiċi u ġuridiċi kkonċernati; (b) informazzjoni għall-identifikazzjoni,
il-monitoraġġ u l-prosekuzzjoni ta’ persuni fiżiċi jew
ġuridiċi involuti fil-kummerċ illeċitu ta’ tabakk, prodotti
tat-tabakk jew tagħmir tal-manifattura; (c) rekords tal-investigazzjonijiet u
l-prosekuzzjonijiet; (d) rekords tal-ħlas għal
importazzjonijiet, esportazzjonijiet jew bejgħ ħieles mid-dazju ta’
tabakk, prodotti tat-tabakk jew tagħmir tal-manifattura; u (e) dettalji tas-sekwestri ta’ tabakk, prodotti
tat-tabakk jew tagħmir tal-manifattura (inklużi informazzjoni ta’
referenza għal każ fejn xieraq, il-kwantità, il-valur tas-sekwestru,
id-deskrizzjoni tal-prodott, l-entitajiet involuti, id-data u l-post
tal-manifattura) u l-modi operandi (inklużi l-mezzi ta’ trasport,
ħabi, rotta u detezzjoni). 2. L-informazzjoni li tasal mill-Partijiet skont dan
l-Artikolu tintuża esklużivament sabiex jintlaħqu
l-għanijiet ta’ dan il-Protokoll.
Il-Partijiet jistgħu jispeċifikaw li t-tali informazzjoni ma
tiġix kondiviża mingħajr il-qbil tal-Parti li tkun ipprovdiet
l-informazzjoni. Artikolu 22 Kondiviżjoni
tal-informazzjoni:kunfidenzjalità u protezzjoni tal-informazzjoni 1. Kull Parti taħtar l-awtoritajiet
kompetenti nazzjonali li lilhom tiġi pprovduta d-dejta msemmija
fl-Artikoli 20, 21 u 24 u tinnotifika lill-Partijiet bit-tali
ħatra permezz tas-Segretarjat tal-Konvenzjoni. 2.
L-iskambju tal-informazzjoni skont dan il-Protokoll hija soġġetta
għal-liġi domestika rigward il-kunfidenzjalità u l-privatezza.
Il-Partijiet jipproteġu, kif miftiehem b’mod reċiproku, kwalunkwe
informazzjoni kunfidenzjali li tiġi skambjata. Artikolu 23 Assistenza u
kooperazzjoni: taħriġ, assistenza teknika u kooperazzjoni f’oqsma
xjentifiċi, tekniċi u teknoloġiċi 1. Il-Partijiet jikkooperaw flimkien u/jew permezz ta’
organizzazzjonijiet kompetenti internazzjonali u reġjonali fil-forniment
ta’ taħriġ, assistenza teknika u kooperazzjoni f’oqsma
xjentifiċi, tekniċi u teknoloġiċi, sabiex jilħqu
l-għanijiet ta’ dan il-Protokoll kif miftiehem b’mod reċiproku. Din l-assistenza tista’ tinkludi t-trasferiment
ta’ kompetenza jew teknoloġija xierqa fl-oqsma tal-ġbir ta’
informazzjoni, l-infurzar tal-liġi, it-traċċar u
l-lokalizzazzjoni,l-immaniġġjar tal-informazzjoni,
il-protezzjoni ta’ dejta personali, l-interdizzjoni, is-sorveljanza
elettronika, l-analiżi forensika, l-assistenza legali reċiproka u
l-estradizzjoni. 2. Il-Partijiet jistgħu, kif xieraq, jidħlu fi
ftehimiet jew arranġamenti bilaterali, multilaterali jew kwalunkwe ftehim
jew arranġament ieħor biex jippromwovu t-taħriġ,
l-assistenza teknika u l-kooperazzjoni f’oqsma xjentifiċi, tekniċi u
teknoloġiċi filwaqt li jqisu l-bżonnijiet ta’ Partijiet li huma
Pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp u Partijiet b’ekonomija fi
tranżizzjoni. 3. Il-Partijiet
jikkooperaw, kif xieraq, biex jiżviluppaw u jirriċerkaw
il-possibbiltajiet tal-identifikazzjoni tal-oriġini ġeografika
eżatta tat-tabakk jew tal-prodotti tat-tabakk sekwestrati. Artikolu 24 Assistenza u
kooperazzjoni: investigazzjoni u prosekuzzjoni ta’ reati 1. Il-Partijiet, b’konformità mal-liġi domestika
tagħhom, jieħdu l-miżuri meħtieġa kollha, fejn xieraq,
biex isaħħu l-kooperazzjoni permezz ta’ arranġamenti
multilaterali, reġjonali jew bilaterali għall-prevenzjoni, il-qbid,
l-investigazzjoni, il-prosekuzzjoni u l-ikkastigar ta’ persuni fiżiċi
u ġuridiċi involuti f’kummerċ illeċitu ta’ tabakk, prodotti
tat-tabakk u tagħmir tal-manifattura. 2. Kull Parti tiżgura li
l-awtoritajiet amministrattivi, regolatorji, tal-infurzar tal-liġi u
oħrajn iddedikati għall-ġlieda kontra l-kummerċ
illeċitu ta’ tabakk, prodotti tat-tabakk jew tagħmir tal-manifattura
(minbarra, fejn permess, mil-liġi domestika, l-awtoritajiet
ġudizzjarji) jikkooperaw u jiskambjaw informazzjoni relevanti fil-livelli
nazzjonali u internazzjonali skont il-kundizzjonijiet preskritti fil-liġi
domestika tagħha. Artikolu 25 Protezzjoni
tas-sovranità 1. Il-Partijiet iwettqu l-obbligi tagħhom skont dan
il-Protokoll b’mod konsistenti mal-prinċipji ta’ ugwaljanza sovrana u
integrità territorjali tal-Istati u dak ta’ nuqqas ta’ intervent fl-affarijiet
domestiċi ta’ Stati oħra. 2. Xejn f’dan il-Protokoll ma jintitola lil Parti biex
teżerċita ġurisdizzjoni fit-territorju ta’ Stat Membru
ieħor u biex twettaq funzjonijiet li huma riservati esklużivament
għall-awtoritajiet ta’ dak l-Istat mil-liġi domestika tiegħu. Artikolu 26 Ġurisdizzjoni 1. Kull Parti tadotta tali miżuri skont kif ikun hemm
bżonn biex tistabbilixxi l-ġurisdizzjoni tagħha fuq ir-reati
kriminali stabbiliti b’konformità mal-Artikolu 14 meta: (a) ir-reat jitwettaq fit-territorju ta’ dik
il-Parti; jew (b) ir-reat jitwettaq abbord bastiment li jtajjar
il-bandiera ta’ dik il-Parti jew inġenju tal-ajru li huwa rreġistrat
skont il-liġijiet ta’ dik il-Parti fiż-żmien meta jkun twettaq
ir-reat. 2. Soġġetta għall-Artikolu 25, Parti tista’ tistabbilixxi wkoll
il-ġurisdizzjoni tagħha fuq kwalunkwe reat kriminali bħal dan
meta: (a) ir-reat jitwettaq kontra dik il-Parti; (b) ir-reat jitwettaq minn ċittadin ta’ dik
il-Parti jew minn persuna apolidi li għandha r-residenza abitwali
tagħha fit-territorju tagħha; jew (c) ir-reat huwa wieħed minn dawk stabbiliti
b’konformità mal-Artikolu 14 u jitwettaq barra mit-territorju tagħha
bl-għan ta’ twettiq ta’ reat stabbilit b’konformità mal-Artikolu 14
fit-territorju tagħha. 3. Għall-fini tal-Artikolu 30,
kull Parti tadotta miżuri bħal dawn skont kif jeħtieġ biex
tistabbilixxi l-ġurisdizzjoni tagħha fuq ir-reati kriminali
stabbiliti b’konformità mal-Artikolu 14 meta l-allegat trasgressur ikun
jinsab fit-territorju tagħha u ma testradixxix lit-tali persuna fuq l-unika
bażi li hija ċittadin tagħha. 4. Kull Parti tista’ tadotta wkoll
miżuri bħal dawn skont kif jeħtieġ biex tistabbilixxi
l-ġurisdizzjoni tagħha fuq ir-reati kriminali stabbiliti b’konformità
mal-Artikolu 14 meta l-allegat trasgessur ikun jinsab fit-territorju
tagħha u ma testradixxihx. 5. Jekk Parti li teżerċita
l-ġurisdizzjoni tagħha skont il-paragrafu 1 jew 2 tkun ġiet
notifikata jew tkun saret taf b’xi mod ieħor li Parti waħda jew iktar
qed iwettqu investigazzjoni, prosekuzzjoni jew proċedura ġudizzjarja
fir-rigward tal-istess imġiba, l-awtoritajiet kompetenti ta’ dawk
il-Partijiet jikkonsultaw lil xulxin kif xieraq, bl-għan li jikkoordinaw
l-azzjonijiet tagħhom. 6. Mingħajr ħsara
għan-normi tal-liġi internazzjonali ġenerali, dan il-Protokoll
ma jeskludix l-eżerċitar ta’ kwalunkwe ġurisdizzjoni kriminali
stabbilita minn Parti b’konformità mal-liġi domestika tagħha. Artikolu 27 Kooperazzjoni
fl-infurzar tal-liġi 1. Kull Parti tadotta, b’mod konsistenti mas-sistemi
ġuridiċi u amministrattivi domestiċi rispettivi tagħha,
miżuri effettivi biex: (a) issaħħaħ u, fejn hemm
bżonn, tistabbilixxi kanali ta’ komunikazzjoni bejn l-awtoritajiet
kompetenti, l-aġenziji u s-servizzi sabiex tiffaċilita l-iskambju
sigur u mgħaġġel tal-informazzjoni dwar l-aspetti kollha
tar-reati kriminali stabbiliti b’konformità mal-Artikolu 14; (b) tiżgura kooperazzjoni effettiva fost
l-awtoritajiet kompetenti, l-aġenziji, id-dwana, il-pulizija u
aġenziji oħrajn tal-infurzar tal-liġi; (c) tikkoopera ma’ Partijiet oħra fit-twettiq
ta’ inkjesti f’każijiet speċifiċi fir-rigward tar-reati
kriminali stabbiliti b’konformità mal-Artikolu 14 dwar: (i) l-identità, il-movimenti u l-attivitajiet
tal-persuni ssuspettati li kienu involuti fit-tali reati jew il-lokalità ta’
persuni oħra kkonċernati; (ii) iċ-ċaqliq tar-rikavati minn
kriminalità jew proprjetà li ġejjin mit-twettiq tat-tali reati; u (iii) iċ-ċaqliq ta’ proprjetà,
tagħmir jew strumentalitajiet oħrajn użati jew li huma
maħsubin sabiex jintużaw fit-twettiq tat-tali reati; (d) tipprovdi, meta dan ikun xieraq,
oġġetti jew kwantitajiet ta’ sustanzi neċessarji għal fini
analitiċi jew investigattivi; (e) tiffaċilita koordinazzjoni effettiva fost
l-awtoritajiet kompetenti tagħha, l-aġenziji u s-servizzi u
tippromwovi l-iskambju ta’ persunal u esperti oħra inklużi,
soġġetta għal ftehimiet jew arranġamenti bilaterali bejn
il-Partijiet ikkonċernati, il-kariga ta’ uffiċjal ta’ kollegament; (f) taqsam informazzjoni relevanti ma’ Partijiet
oħrajn dwar mezzi u metodi speċifiċi użati minn persuni
fiżiċi jew ġuridiċi fit-twettiq tat-tali reati,
inklużi fejn applikabbli, rotot u trasferimenti u l-użu ta’
identitajiet foloz, dokumenti mbagħbsin jew foloz jew mezzi oħra ta’
ħabi tal-attivitajiet tagħhom; u (g) taqsam informazzjoni relevanti u tikkoordina
miżuri amministrattivi u oħrajn kif xieraq għall-fini ta’
identifikazzjoni bikrija tar-reati kriminali stabbiliti skont
l-Artikolu 14. 2. Bl-għan li jagħtu effett lil dan il-Protokoll,
il-Partijiet jikkunsidraw li jidħlu fi ftehimiet jew arranġamenti
bilaterali u multilaterali dwar kooperazzjoni diretta bejn l-aġenziji
tal-infurzar tal-liġi tagħhom u, meta diġà jkunu jeżistu
t-tali ftehimiet jew arranġamenti, jemendawhom kif xieraq. Fin-nuqqas
tat-tali ftehimiet jew arranġamenti
bejn il-Partijiet ikkonċernati, il-Partijiet jistgħu jikkunsidraw dan
il-Protokoll bħala l-bażi għal kooperazzjoni reċiproka
fl-infurzar tal-liġi fir-rigward tar-reati koperti minn dan il-Protokoll. Meta jkun xieraq, il-Partijiet jagħmlu
użu sħiħ mill-ftehimiet jew l-arranġamenti, inklużi
organizzazzjonijiet internazzjonali jew reġjonali, biex isaħħu
l-kooperazzjoni bejn l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi. 3. Il-Partijiet jagħmlu kull sforz biex jikkooperaw
bil-mezzi li għandhom biex jirreaġixxu għall-kummerċ
illeċitu transnazzjonali ta’ prodotti tat-tabakk imwettaq bl-użu ta’
teknoloġija moderna. Artikolu 28 Assistenza
amministrattiva reċiproka B’mod konsistenti mas-sistemi ġuridiċi u
amministrattivi domestiċi rispettivi tagħhom, il-Partijiet jipprovdu
lil xulxin, jew wara li ssir talba jew fuq inizjattiva tagħhom stess, b’informazzjoni
biex jiżguraw applikazzjoni xierqa tal-liġijiet tad-dwana u
liġijiet relevanti oħra fil-prevenzjoni, il-qbid, l-investigazzjoni,
il-prosekuzzjoni u l-ġlieda kontra l-kummerċ illeċitu ta’
tabakk, prodotti tat-tabakk jew tagħmir tal-manifattura. Il-Partijiet
jittrattaw l-informazzjoni msemmija bħala kunfidenzjali u għal
użu ristrett, sakemm ma jkunx iddikjarat mod ieħor mill-Parti
emittenti. It-tali informazzjoni tista’ tinkludi: (a) tekniki doganali ġodda u tekniki
oħrajn ta’ infurzar b’effettività pprovata; (b) tendenzi, mezzi u metodi ġodda ta’
involvement f’kummerċ illeċitu ta’ tabakk, prodotti tat-tabakk u
tagħmir tal-manifattura; (c) oġġetti magħrufa li huma
suġġetti għal kummerċ illeċitu ta’ tabakk, prodotti
tat-tabakk u tagħmir tal-manifattura kif ukoll dettalji ta’ deskrizzjoni,
ippakkjar, trasportar u ħżin u metodi użati fir-rigward ta’ dawk
l-oġġetti; (d) persuni fiżiċi jew
ġuridiċi magħrufa li jkunu wettqu reat jew ikunu parti minn reat
stabbilit b’konformità mal-Artikolu 14; u (e) kwalunkwe dejta oħra li tkun tassisti lil
aġenziji speċifikati fil-valutazzjoni tar-riskji għal fini ta’
kontroll u ta’ infurzar oħra. Artikolu 29 Assistenza legali
reċiproka 1. Il-Partijiet jipprovdu
lil xulxin b’kemm jista’ jkun assistenza legali reċiproka fl-investigazzjonijiet,
il-prosekuzzjonijiet u l-proċeduri ġudizzjarji fir-rigward ta’ reati
kriminali stabbiliti b’konformità mal-Artikolu 14 ta’ dan il-Protokoll. 2. Assistenza
legali reċiproka tingħata kemm jista’ jkun skont il-liġijiet,
il-ftehimiet u l-arranġamenti relevanti tal-Parti mitluba fir-rigward ta’
investigazzjonijiet, prosekuzzjonijiet u proċedimenti ġudizzjarji
relatati mar-reati li għalihom jistgħu jinżammu responsabbli
l-persuni ġuridiċi b’konformità mal-Artikolu 15 ta’ dan il-Protokoll fil-Parti rikjedenti. 3. L-assistenza legali reċiproka li għandha
tingħata b’konformità ma’ dan l-Artikolu tista’ tintalab għal
kwalunkwe waħda minn dawn ir-raġunijiet: (a) sabiex jinġabru evidenza jew
dikjarazzjonijiet minn persuni; (b) sabiex jingħata servizz ta’ dokumenti
ġudizzjarji; (c) sabiex isiru tfittxijiet u sekwestri, u
ffriżar; (d) sabiex issir eżaminazzjoni ta’
oġġetti u siti; (e) sabiex tiġi pprovduta informazzjoni,
oġġetti ta’ evidenza u evalwazzjonijiet tal-esperti; (f) sabiex jiġu pprovduti kopji
oriġinali jew iċċertifikati ta’ dokumenti jew rekords relevanti,
inklużi rekords tal-gvern, tal-banek, finanzjarji, korporattivi jew
kummerċjali; (g) sabiex jiġi identifikat jew
traċċat rikavat minn reat, proprjetà, strumentalitajiet jew
affarijiet oħra għall-fini ta’ evidenza; (h) sabiex tiġi faċilitata d-dehra
volontarja ta’ persuni fil-Parti rikjedenti; u (i) għal kwalunkwe tip ta’ assistenza li ma
tmurx kontra l-liġi domestika tal-Parti rikjedenti. 4. Dan l-Artikolu ma jaffettwax l-obbligi skont xi trattat
bilaterali jew multilaterali li jirregola jew li se jirregola kompletament jew
parzjalment l-assistenza legali reċiproka. 5. Fuq il-bażi
tar-reċiproċità, il-paragrafi 6 sa 24 japplikaw
għal talbiet li jsiru b’konformità ma’ dan l-Artikolu jekk il-Partijiet
inkwistjoni ma jkunux marbuta bi trattat jew ftehim intergovernattiv ta’
assistenza legali reċiproka. Jekk il-Partijiet ikunu marbuta minn tali
trattat jew ftehim intergovernattiv, japplikaw id-dispożizzjonijiet
korrispondenti ta’ dak it-trattat jew ftehim intergovernattiv sakemm
il-Partijiet ma jaqblux li japplikaw il-paragrafi 6 sa 24 minflokhom. Il-Partijiet huma ferm imħeġġa biex japplikaw dawn
il-paragrafi jekk jiffaċilitaw il-kooperazzjoni. 6. Il-Partijiet jaħtru awtorità ċentrali li
jkollha r-responsabbiltà u s-setgħa li tirċievi talbiet għal
assistenza legali reċiproka u teżegwixxi t-talbiet jew
tibgħathom lill-awtoritajiet kompententi rispettivi tagħhom
għall-eżekuzzjoni. Meta Parti jkollha reġjun jew territorju
speċjali b’sistema separata ta’ assistenza legali reċiproka, tista’
taħtar awtorità ċentrali separata li jkollha l-istess funzjoni
għal dak ir-reġjun jew territorju. L-awtoritajiet ċentrali
jiżguraw eżekuzzjoni mgħaġġla u xierqa jew
trażmissjoni tat-talbiet li jkunu waslu. Meta l-awtorità ċentrali
tittrażmetti t-talba lil awtorità kompetenti għal eżekuzzjoni,
hija tħeġġeġ l-eżekuzzjoni mgħaġġla u
tajba tat-talba mill-awtorità kompetenti. Kull Parti tinnotifika lill-Kap tas-Segretarjat
tal-Konvenzjoni fi żmien l-adeżjoni, l-aċċettazzjoni,
l-approvazzjoni, il-konferma formali jew ir-ratifika ta’ dan il-Protokoll dwar
l-awtorità ċentrali magħżula għal dan l-għan. It-trażmissjoni tat-talbiet għal
assistenza legali reċiproka u kwalunkwe komunikazzjoni relatata
magħha ssir bejn l-awtoritajiet ċentrali maħturin
mill-Partijiet. Dan ir-rekwiżit ikun mingħajr ħsara
għad-dritt li Parti teħtieġ li t-tali talbiet u
komunikazzjonijiet jiġu indirizzati lilha permezz tal-kanal diplomatiku u,
f’ċirkustanzi urġenti, meta l-Partijiet jaqblu hekk, permezz
tal-organizzazzjonijiet internazzjonali xierqa, jekk dan ikun possibbli. 7. It-talbiet isiru bil-miktub jew, fejn possibbli, b’mezz
li kapaċi jipproduċi rekord bil-miktub, b’lingwa
aċċettabbli għall-Parti mitluba skont kundizzjonijiet li
jippermettu lil Parti tistabbilixxi awtentiċità. Il-lingwa jew lingwi
aċċettabbli għal kull Parti jiġu nnotifikati lil Kap
tas-Segretarjat tal-Konvenzjoni fi żmien l-adeżjoni,
l-aċċettazzjoni, l-approvazzjoni, il-konferma formali jew ir-ratifika
ta’ dan il-Protokoll. F’ċirkustanzi urġenti, u fejn dan ikun maqbul
bejn il-Partijiet, it-talbiet jistgħu jsiru b’mod orali, iżda wara
dawn għandhom jiġu kkonfermati bil-miktub. 8. Talba għal assistenza legali reċiproka
tinkludi: (a) l-identità tal-awtorità li tagħmel
it-talba; (b) is-suġġett u n-natura
tal-investigazzjoni, il-prosekuzzjoni jew il-proċedura ġudizzjarja li
magħhom hija relatata t-talba, u l-isem u l-funzjonijiet tal-awtorità li
twettaq it-tali investigazzjoni, prosekuzzjoni jew proċedura
ġudizzjarja; (c) sommarju tal-fatti relevanti, minbarra
fir-rigward ta’ talbiet għall-fini ta’ servizz ta’ dokumenti
ġudizzjarji; (d) deskrizzjoni tal-assistenza mitluba u
d-dettalji dwar kwalunkwe proċedura partikolari li l-Parti rikjedenti
tixtieq li tiġi segwita; (e) fejn possibbli, l-identità, il-lokalità u
n-nazzjonalità ta’ kwalunkwe persuna kkonċernata; (f) l-għan li għalih qed tintalab
l-evidenza, l-informazzjoni jew l-azzjoni; u (g) id-dispożizzjonijiet tal-liġi
domestika li huma relevanti għar-reat kriminali u l-kastig tiegħu. 9. Il-Parti mitluba tista’ titlob informazzjoni
addizzjonali meta dan jidhrilha neċessarju għall-eżekuzzjoni
tat-talba b’konformità mal-liġi domestika tagħha jew meta tista’
tiffaċilita tali eżekuzzjoni. 10. Talba tiġi eżegwita
b’konformità mal-liġi domestika tal-Parti mitluba u, safejn dan ma jkunx
jikser il-liġi domestika tal-Parti mitluba u fejn ikun possibbli,
b’konformità mal-proċeduri speċifikati fit-talba. 11. Il-Parti rikjedenti ma tibgħatx u ma tużax
informazzjoni jew evidenza pprovduta mill-Parti mitluba għal
investigazzjonijiet, prosekuzzjonijiet jew proċedimenti ġudizzjarji
minbarra dawk dikjarati fit-talba mingħajr l-approvazzjoni minn qabel
tal-Parti mitluba. Xejn f’dan il-paragrafu ma jżomm lill-Parti rikjedenti
milli tiddivulga fil-proċedimenti tagħha informazzjoni jew evidenza
li tiskaġuna persuna akkużata. Fil-każ tal-aħħar,
il-Parti rikjedenti tinnotifika lill-Parti mitluba qabel ma ssir
id-divulgazzjoni u, jekk tintalab hekk, tikkonsulta lill-Parti mitluba. Jekk, f’każ eċċezzjonali, ma jkunx
possibbli li jingħata avviż minn qabel, il-Parti rikjedenti
tgħarraf bla dewmien lill-Parti mitluba dwar id-divulgazzjoni. 12. Il-Parti rikjedenti tista’ teħtieġ li l-Parti
mitluba żżomm kunfidenzjali l-fatt u s-sustanza tat-talba, minbarra
safejn hu neċessarju biex teżegwixxi t-talba. Jekk il-Parti mitluba ma tikkonformax mar-rekwiżit ta’
kunfidenzjalità, għandha tgħarraf fil-pront lill-Parti rikjedenti. 13. Kull meta dan ikun possibbli u konsistenti
mal-prinċipji fundamentali tal-liġi domestika, meta individwu jkun
fit-territorju ta’ Parti u jkun se jinstema’ bħala xhud jew espert
mill-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ Parti oħra, l-ewwel Parti tista’,
wara li ssirilha talba mill-Parti l-oħra, tippermetti li s-seduta ssir
pemezz ta’ konferenza bil-vidjo jekk ma jkunx possibbli jew mixtieq
mill-persuna inkwistjoni li tidher personalment fit-territorju tal-Parti
rikjedenti. Il-Partijiet jistgħu jaqblu
li s-seduta ssir mill-awtorità ġudizzjarja tal-Parti rikjedenti u li
matulha tattendi l-awtorità ġudizzjarja tal-Parti mitluba. 14. Assistenza legali reċiproka tista’ tiġi
rifjutata: (a) jekk it-talba ma ssirx b’konformità ma’ dan
l-Artikolu; (b) jekk il-Parti mitluba tqis li
l-eżekuzzjoni tat-talba aktarx tippreġudika s-sovranità, is-sigurtà,
l-ordni pubblika tagħha jew interessi essenzjali oħra; (c) jekk l-awtoritajiet tal-Parti mitluba jkunu
pprojbiti mil-liġi domestika tagħha milli jwettqu l-azzjoni mitluba
fir-rigward ta’ kwalunkwe reat simili, li kieku kien soġġett
għal investigazzjoni, prosekuzzjoni jew proċedura ġudizzjarja
fil-ġurisdizzjoni tagħhom stess; (d) meta t-talba tinvolvi reat li l-penali massima
għalih fit-territorju tal-Parti mitluba tkun inqas minn sentejn ħabs
jew forom oħra ta’ ċaħda tal-libertà jew, fil-fehma tal-Parti
mitluba, l-għoti tal-assistenza jimponi piż fuq ir-riżorsi
tagħha li jkun sproporzjonat għall-gravità tar-reat; jew (e) jekk tkun tmur kontra s-sistema legali
tal-Parti mitluba fir-rigward tal-assistenza legali reċiproka sabiex
tintlaqa’ t-talba. 15. Jingħataw
raġunijiet għal kwalunkwe ċaħda ta’ assistenza legali
reċiproka. 16. Parti ma tirrifjutax milli tagħti assistenza
legali reċiproka skont dan l-Artikolu fuq il-bażi ta’ segretezza
bankarja. 17. Il-partijiet ma jistgħux jirrifjutaw talba
għal assistenza legali reċiproka fuq l-unika bażi li r-reat huwa
meqjus li jinvolvi kwistjonijiet fiskali wkoll. 18. Il-partijiet
jistgħu jirrifjutaw milli jagħtu assistenza legali reċiproka
skont dan l-Artikolu fuq il-bażi ta’ kriminalità doppja. Madankollu,
il-Parti mitluba, meta tqis li dan huwa xieraq, tista’tipprovdi assistenza,
sal-punt li hija tiddeċiedi bid-diskrezzjoni tagħha, irrispettivament
minn jekk l-imġiba tikkostitwixxix reat skont il-liġi domestika
tal-Parti mitluba. 19. Il-Parti mitluba teżeġwixxi t-talba għal
assistenza legali reċiproka malajr kemm jista’ jkun u tikkunsidra kemm
jista’ jkun kwalunkwe skadenza ssuġġerita mill-Parti rikjedenti u li
għaliha jingħataw raġunijiet, idealment fit-talba. Il-Parti
mitluba għandha twieġeb għal talbiet raġonevoli mill-Parti
rikjedenti rigward il-progress fl-indirizzar tagħha tat-talba. Il-Parti
rikjedenti tgħarraf fil-pront lill-Parti mitluba meta l-assistenza mitluba
ma tibqax meħtieġa. 20. L-assistenza legali
reċiproka tista’ tiġi posposta mill-Parti mitluba għaliex
ixxekkel investigazzjoni, prosekuzzjoni jew proċedura ġudizzjarja li
tkun għaddejja. 21. Qabel ma tirrifjuta talba skont
il-paragrafu 14 jew qabel tipposponi l-eżekuzzjoni tagħha skont
il-paragrafu 20, il-Parti mitluba tikkonsulta mal-Parti rikjedenti biex
tikkunsidra jekk l-assistenza tistax tingħata billi tkun
soġġetta għat-tali termini u kundizzjonijiet skont kif tqis li
huwa neċessarju. Jekk il-Parti rikjedenti taċċetta l-assistenza
soġġetta għal dawk il-kundizzjonijiet, din tikkonforma
mal-kundizzjonijiet. 22. L-ispejjeż ordinarji
għall-eżekuzzjoni ta’ talba jiġġarrbu mill-Parti mitluba,
sakemm ma jiġix miftiehem mod ieħor bejn il-Partijiet
ikkonċernati. Jekk huma meħtieġa jew se jkunu meħtieġa
spejjeż ta’ natura sostanzjali jew straordinarja sabiex tiġi
ssodisfata t-talba, il-Partijiet jikkonsultaw lil xulxin biex jiddeterminaw
it-termini u l-kundizzjonijiet li skonthom se tiġi eżegwita t-talba
kif ukoll il-mod li bih se jiġġarrbu l-ispejjeż. 23. Fil-każ ta’ talba, li Parti mitluba: (a) tipprovdi lill-Parti rikjedenti kopji
tar-rekords tal-gvern, dokumenti jew informazzjoni fil-pussess tagħha li
skont il-liġi domestika tagħha huma disponibbli għall-pubbliku
ġenerali; u (b) tista’, bid-diskrezzjoni tagħha,
tipprovdi lill-Parti rikjedenti, bis-sħiħ, b’mod parzjali jew
soġġetta għat-tali kundizzjonijiet kif tqis li huwa xieraq,
b’kopji ta’ kwalunkwe rekord, dokument jew informazzjoni tal-gvern fil-pussess
tagħha li skont il-liġi domestika tagħha mhumiex disponibbli
għall-pubbliku ġenerali. 24.
Il-Partijiet iqisu, skont kif ikun hemm bżonn, il-possibbiltà li
jikkonkludu ftehimiet jew arranġamenti bilaterali jew multilaterali li
jservu sabiex jagħtu effett prattiku lid-dispożizzjonijiet ta’ dan
l-Artikolu jew isaħħuhom. Artikolu 30 Estradizzjoni 1. Dan l-Artikolu japplika
għal reati kriminali stabbiliti b’konformità mal-Artikolu 14 ta’ dan
il-Protokoll meta: (a) il-persuna li hija s-suġġett
tat-talba għal estradizzjoni tinsab fit-territorju tal-Parti mitluba; (b) ir-reat kriminali li għalih qed tintalab
l-estradizzjoni huwa punibbli kemm skont il-liġi domestika tal-Parti
rikjedenti kif ukoll dik tal-Parti mitluba; u (c) ir-reat huwa punibbli b’perjodu massimu ta’
priġunerija jew forom oħra ta’ ċaħda tal-libertà ta’
mill-inqas erba’ snin jew b’penali iktar severi jew b’tali perjodu iqsar kif
maqbul bejn il-Partijiet ikkonċernati skont trattati bilaterali u
multilaterali jew ftehimiet internazzjonali oħrajn. 2. Kull wieħed mir-reati kriminali li
għalih japplika dan l-Artikolu jitqies inkluż bħala reat li
jista’ jwassal għal estradizzjoni fi kwalunkwe trattat dwar
l-estradizzjoni bejn il-Partijiet. Il-Partijiet jieħdu l-impenn li
jinkludu dawn ir-reati bħala reati li jistgħu jwasslu għal
estradizzjoni f’kull trattat dwar l-estradizzjoni li jiġi konkluż bejniethom. 3. Jekk
Parti li tagħmel l-estradizzjoni kondizzjonali għall-eżistenza
ta’ trattat tirċievi talba għal estradizzjoni minn Parti oħra li
ma għandha ebda trattat ta’ estradizzjoni magħha, din tista’ tqis dan
il-Protokoll bħala l-bażi legali għall-estradizzjoni fir-rigward
ta’ kwalunkwe reat kriminali li għalih japplika dan l-Artikolu. 4. Bejniethom, il-Partijiet li ma
jagħmlux l-estradizzjoni kondizzjonali fuq l-eżistenza ta’ trattat
jirrikonoxxu r-reati kriminali li għalihom japplika dan l-Artikolu
bħala reati li jistgħu jwasslu għal estradizzjoni. 5. L-estradizzjoni tkun suġġetta
għall-kundizzjonijiet previsti fil-liġi domestika tal-Parti mitluba
jew minn trattati dwar l-estradizzjoni applikabbli, inklużi fost
l-oħrajn, kundizzjonijiet relatati mar-rekwiżit ta’ penali minima
għall-estradizzjoni u l-motivi li fuqhom il-Parti mitluba tista’
tiċħad l-estradizzjoni. 6. Soġġetti għal-liġi
domestika tagħhom, il-Partijiet jieħdu impenn li jħaffu
l-proċeduri ta’ estradizzjoni u jissimplifikaw ir-rekwiżiti ta’
evidenza relatati magħhom fir-rigward ta’ kwalunkwe reat kriminali li
għalih japplika dan l-Artikolu. 7. Jekk parti li l-persuna li allegatment
wettqet ir-reat tinsab fit-territorju tagħha ma testradixxix lit-tali
persuna fir-rigward ta’ reat kriminali li għalih japplika dan l-Artikolu
għall-unika raġuni li l-persuna hija waħda
miċ-ċittadini tagħha, din tkun obbligata, wara li ssir talba
mill-Parti li qed titlob l-estradizzjoni, tissottometti l-każ
mingħajr dewmien żejjed lill-awtoritajiet kompetenti tagħha
għall-fini ta’ prosekuzzjoni. Dawk l-awtoritajiet jieħdu
d-deċiżjoni tagħhom u jwettqu l-proċeduri tagħhom
bl-istess mod bħal fil-każ ta’ kwalunkwe reat ieħor ta’ natura
simili skont il-liġi domestika ta’ dik il-Parti. Il-Partijiet ikkonċernati jikkooperaw flimkien, b’mod partikolari
dwar aspetti proċedurali u ta’ evidenza, biex jiżguraw
l-effiċjenza tat-tali prosekuzzjoni. 8. Kull meta Parti tkun awtorizzata skont il-liġi
domestika tagħha biex testradixxi jew inkella ċċedi wieħed
miċ-ċittadini tagħha bl-unika kundizzjoni li l-persuna tiġi
rritornata lil dik il-Parti biex tiskonta s-sentenza imposta b’konsegwenza
tal-proċess jew tal-proċedimenti li għalihom intalbet
l-estradizzjoni jew iċ-ċediment tal-persuna u dik il-Parti u l-Parti
li titlob l-estradizzjoni tal-persuna jaqblu ma’ din l-għażla u ma’
termini oħra meqjusin xierqa, it-tali estradizzjoni jew ċediment
kundizzjonali jkunu biżżejjed sabiex l-obbligu stabbilit
fil-paragrafu 7 jitqies issodisfat. 9. Jekk estradizzjoni, mitluba għall-fini ta’ infurzar
ta’ sentenza, tiġi rifjutata minħabba li l-persuna mfittxija hija
ċittadin tal-Parti mitluba, din tal-aħħar, jekk il-liġi
domestika tippermettilha u b’konformità mar-rekwiżiti tat-tali liġi,
wara li ssir applikazzjoni mill-Parti rikjedenti, tikkunsidra l-infurzar
tas-sentenza imposta skont il-liġi domestika tal-Parti rikjedenti jew
il-bqija tagħha. 10. Kwalunkwe persuna li fil-konfront
tagħha jkunu għaddejjin proċedimenti b’rabta ma’ xi wieħed
mir-reati kriminali li għalih japplika dan l-Artikolu, hija ggarantita
trattament ġust fl-istadji kollha tal-proċedimenti, inkluż
l-użu tad-drittijiet u l-garanziji kollha previsti fil-liġi domestika
tal-Parti li dik il-persuna tinsab fit-territorju tagħha. 11. Xejn f’dan
il-Protokoll ma jiġi interpretat li jimponi obbligu ta’ estradizzjoni jekk
il-Parti mitluba għandha motivi sostanzjali biex temmen li t-talba saret
għall-fini ta’ prosekuzzjoni jew kastig ta’ persuna minħabba s-sess,
ir-razza, ir-reliġjon, in-nazzjonalità, l-oriġini etnika jew
l-opinjonijiet politiċi tagħha jew li konformità ma’ dik it-talba
tikkawża ħsara għall-pożizzjoni ta’ dik il-persuna
għal xi waħda minn dawn ir-raġunijiet. 12. Il-Partijiet ma jistgħux jirrifjutaw talba
għal estradizzjoni għall-unika raġuni li dak ir-reat jitqies
ukoll li jinvolvi kwistjonijiet fiskali. 13. Qabel tiċħad
estradizzjoni, il-Parti mitluba tikkonsulta, fejn xieraq, mal-Parti rikjedenti
biex tipprovdilha opportunità raġonevoli biex tippreżenta
l-opinjonijiet tagħha u biex tipprovdi informazzjoni dwar l-allegazzjoni
tagħha. 14. Il-Partijiet ifittxu li jikkonkludu
ftehimiet jew arranġamenti bilaterali u multilaterali sabiex iwettqu
l-estradizzjoni jew isaħħu l-effettività tagħha. Meta
l-Partijiet ikunu marbutin minn trattat eżistenti jew arranġament
intergovernattiv, japplikaw id-dispożizzjonijiet korrispondenti ta’ dak
it-trattat jew arranġament intergovernattiv, sakemm il-Partijiet ma
jaqblux li japplikaw il-paragrafi 1 sa
13 minflokhom. Artikolu 31 Miżuri li
jiżguraw estradizzjoni 1. Soġġetta
għal-liġi domestika tagħha u t-trattati tagħha dwar l-estradizzjoni,
il-Parti mitluba, malli tkun issodisfata li ċ-ċirkostanzi jitolbu
hekk u huma urġenti, u wara li ssir talba mill-Parti rikjedenti, tista’
tieħu taħt kustodja lill-persuna li tkun qed tintalab l-estradizzjoni
tagħha u li tkun preżenti fit-territorju tagħha jew tieħu
miżuri xierqa oħra biex tiżgura l-preżenza tal-persuna
fil-proċedimenti ta’ estradizzjoni. 2. Miżuri meħuda b’konformità
mal-paragrafu 1 jiġu nnotifikati b’konformità mal-liġi
nazzjonali, kif xieraq u mingħajr dewmien, lill-Parti rikjedenti. 3. Kwalunkwe persuna li dwarha
jittieħdu l-miżuri msemmija fil-paragrafu 1, hija intitolata li: (a) tikkomunika bla dewmien mal-eqreb rappreżentant
xieraq tal-Istat li dik il-persuna hija ċittadin tiegħu jew, jekk
il-persuna hija apolidi, l-Istat tat-territorju li dik il-persuna tirrisjedi
fih b’mod abitwali; u (b) issirilha żjara minn rappreżentant ta’ dak
l-Istat. PARTI VI:
RAPPORTAR Artikolu 32 Rapportar u skambju ta’
informazzjoni 1. Kull Parti tissottometti lil-Laqgħa tal-Partijiet,
permezz tas-Segretarjat tal-Konvenzjoni, rapporti perjodiċi dwar
l-implimentazzjoni tagħha ta’ dan il-Protokoll. 2. Il-format u l-kontenut tat-tali rapport jiġu
determinati mil-Laqgħa tal-Partijiet. Dawn ir-rapporti ikunu parti
mill-istrument ta’ rapportar tal-Konvenzjoni ta’ Qafas tad-WHO dwar il-Kontroll
tat-Tabakk. 3. Il-kontenut tar-rapporti perjodiċi msemmija
fil-paragrafu 1 jiġi determinat b’kunsiderazzjoni, fost
l-oħrajn, għal dan li ġej: (a) informazzjoni
dwar miżuri leġiżlattivi, eżekuttivi, amministrattivi u
oħrajn meħuda biex jiġi implimentat dan il-Protokoll; (b) informazzjoni, kif xieraq, dwar kwalunkwe
limitazzjoni jew xkiel misjub fl-implimentazzjoni ta’ dan il-Protokoll u dwar
il-miżuri meħudin biex jingħeleb dan ix-xkiel; (c) informazzjoni, kif xieraq, dwar assistenza
finanzjarja u teknika pprovduta, riċevuta jew mitluba għal
attivitajiet relatati mal-eliminazzjoni tal-kummerċ illeċitu fi
prodotti tat-tabakk; u (d) l-informazzjoni speċifikata
fl-Artikolu 20. F’dawk
il-każijiet kollha, meta d-dejta relevanti diġà tkun qed
tinġabar bħala parti mill-mekkaniżmu ta’ rapportar
tal-Konferenza tal-Partijiet, il-Laqgħa tal-Partijiet ma għandhiex
tirrepeti dan b’tali mod li tkun qed tagħmel xogħol doppju. 4. Il-Laqgħa tal-Partijiet, skont
l-Artikoli 33 u 36, għandha tikkunsidra l-arranġamenti biex
tassisti lil Partijiet li huma pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp u
Partijiet b’ekonomija fi tranżizzjoni, wara li jagħmlu talba, sabiex
jilħqu l-obbligi tagħhom skont dan l-Artikolu. 5. Ir-rapportar ta’ informazjoni skont dawk
l-Artikoli jkun soġġett għal-liġi nazzjonali dwar
il-kunfidenzjalità u l-privatezza. Il-Partijiet jipproteġu, kif miftiehem
b’mod reċiproku, kwalunkwe informazzjoni kunfidenzjali li hija rapportata
jew skambjata. PARTI VII:
ARRANĠAMENTI ISTITUZZJONALI U RIŻORSI FINANZJARJI Artikolu 33 Laqgħa
tal-Partijiet 1. Bil-preżenti hija stabbilita Laqgħa
tal-Partijiet. L-ewwel sessjoni
tal-Laqgħa tal-Partijiet tiġi organizzata mis-Segretarjat
tal-Konvenzjoni eżatt qabel jew eżatt wara s-sessjoni regolari li
jkun imiss tal-Konferenza tal-Partijiet wara d-dħul fis-seħħ ta’
dan il-Protokoll. 2. Wara, is-Segretarjat tal-Konvenzjoni jorganizza
sessjonijiet regolari tal-Laqgħa tal-Partijiet, eżatt qabel jew
eżatt wara s-sessjonijiet regolari tal-Konferenza tal-Partijiet. 3. Is-sessjonijiet straordinarji
tal-Laqgħa tal-Partijiet jiġu organizzati kull meta jkunu meqjusin
neċessarji mil-Laqgħa jew wara li ssir talba bil-miktub minn
kwalunkwe Parti, diment li, fi żmien sitt xhur mill-komunikazzjoni tat-talba
lilhom mis-Segretarjat tal-Konvenzjoni, din tkun appoġġjata minn
tal-inqas terz tal-Partijiet. 4. Ir-Regoli ta’ Proċedura u
r-Regoli Finanzjarji tal-Konferenza għall-Konvenzjoni ta’ Qafas tad-WHO
dwar il-Kontroll tat-Tabakk japplikaw, mutatis mutandis, għal-Laqgħa tal-Partijiet sakemm il-Laqgħa tal-Partijiet
ma tiddeċidix mod ieħor. 5.
Il-Laqgħa tal-Partijiet tirrevedi regolarment l-implimentazzjoni
tal-Protokoll u tieħu d-deċiżjonijiet neċessarji biex
tippromwovi l-implimentazzjoni effettiva tiegħu. 6. Il-Laqgħa tal-Partijiet tiddeċiedi dwar
l-iskala u l-mekkaniżmu tal-kontribuzzjonijiet ivvalutati b’mod volontarju
mill-Partijiet għall-Protokoll għat-tħaddim ta’ dan il-Protokoll
kif ukoll riżorsi possibbli oħrajn għall-implimentazzjoni
tiegħu. 7. F’kull sessjoni ordinarja, il-Laqgħa tal-Partijiet
tadotta b’kunsens baġit u pjan ta’ ħidma għall-perjodu
finanzjarju sas-sessjoni ordinarja li jmiss, li jkunu separati mill-baġit
u l-pjan ta’ ħidma tal-Konvenzjoni ta’ Qafas tad-WHO dwar il-Kontroll tat-Tabakk.
Artikolu 34 Is-Segretarjat 1. Is-Segretarjat tal-Konvenzjoni jkun is-Segretarjat ta’
dan il-Protokoll 2. Il-funzjonijiet tas-Segretarjat tal-Konvenzjoni
fir-rigward tar-rwol tiegħu bħala s-segretarjat ta’ dan il-Protokoll
ikunu li: (a) jagħmel arranġamenti għal
sessjonijiet tal-Laqgħa tal-Partijiet u kwalunkwe korp sussidjarju kif
ukoll gruppi ta’ ħidma u korpi oħrajn stabbiliti mil-Laqgħa
tal-Partijiet u jipprovdilhom is-servizzi kif meħtieġa; (b) jirċievi, janalizza, jibgħat u
jipprovdi rispons lill-Partijiet ikkonċernati skont il-bżonn u
lil-Laqgħa tal-Partijiet dwar rapporti li jkunu waslulu skont dan
il-Protokoll u jiffaċilita l-iskambju ta’ informazzjoni bejn il-Partijiet; (c) jipprovdi appoġġ lill-Partijiet,
b’mod partikolari lill-Partijiet li huma pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp
jew Partijiet b’ekonomija fi tranżizzjoni, wara li ssir talba,
fil-ġbir, il-komunikazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni
meħtieġa b’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ dan
il-Protokoll, u assistenza fl-identifikazzjoni tar-riżorsi disponibbli biex
tiġi faċilitata l-implimentazzjoni tal-obbligi skont dan
il-Protokoll; (d) iħejji rapport dwar l-attivitajiet
tiegħu skont dan il-Protokoll bil-gwida tal-Laqgħa tal-Partijiet u
għas-sottomissjoni tagħha; (e) jiżgura,
bil-gwida tal-Laqgħa tal-Partijiet, il-koordinazzjoni neċessarja
mal-organizzazzjonijiet intergovernattivi internazzjonali u reġjonali
kompetenti u korpi oħrajn; (f) jidħol,
bil-gwida tal-Laqgħa tal-Partijiet, f’tali arranġamenti
amministrattivi jew kuntrattwali skont kif ikun hemm bżonn għar-rilaxx
effettiv tal-funzjonijiet tiegħu bħala segretarjat għal dan
il-Protokoll; (g) jirċievi u janalizza applikazzjonijiet
minn organizzazzjonijiet intergovernattivi u mhux governattivi li jixtiequ jkun
akkreditati bħala osservaturi waqt il-laqgħa tal-Partijiet, filwaqt
li jiżgura li mhumiex affiljati mal-industrija tat-tabakk, u jippreżenta l-applikazzjonijiet analizzati
lil-Laqgħa tal-Partijiet għall-kunsiderazzjoni tagħha; u (h) iwettaq funzjonijiet segretarjali oħrajn
speċifikati minn dan il-Protokoll u funzjonijiet oħra bħal dawn
determinati mil-Laqgħa tal-Partijiet. Artikolu 35 Relazzjonijiet bejn
il-Laqgħa tal-Partijiet u organizzazzjonijiet intergovernattivi Sabiex tiġi pprovduta kooperazzjoni teknika u
finanzjarja ħalli jintlaħaq l-għan ta’ dan il-Protokoll,
il-Laqgħat tal-Partijiet jistgħu jitolbu l-kooperazzjoni ta’
organizzazzjonijiet intergovernattivi internazzjonali u reġjonali
kompetenti, inklużi istituzzjonijiet finanzjarji u tal-iżvilupp. Artikolu 36 Riżorsi
Finanzjarji 1. Il-Partijiet jirrikonoxxu r-rwol importanti li
r-riżorsi finanzjarji għandhom fl-ilħuq tal-għan ta’ dan
il-Protokoll, u jirrikonoxxu l-importanza tal-Artikolu 26 tal-Konvenzjoni ta’ Qafas tad-WHO dwar
il-Kontroll tat-Tabakk għall-ilħuq tal-għanijiet tal-Konvenzjoni. 2. Kull Parti tipprovdi appoġġ finanzjarju
fir-rigward tal-attivitajiet nazzjonali tagħha intiżi biex
jilħqu l-għan ta’ dan il-Protokoll, b’konformità mal-pjanijiet,
il-prijoritajiet u l-programmi nazzjonali. 3. Il-Partijiet jippromwovu kif xieraq,
l-użu ta’ kanali bilaterali, reġjonali, sottoreġjonali u kanali
multilaterali oħrajn biex jipprovdu finanzjament
għat-tisħiħ tal-kapaċità ta’ Partijiet li huma pajjiżi
fil-fażi tal-iżvilupp u Partijiet b’ekonomija fi tranżizzjoni
sabiex jilħqu l-għanijiet ta’ dan il-Protokoll. 4. Mingħajr ħsara
għall-Artikolu 18, il-Partijiet huma mħeġġa,
soġġetti għal-liġijiet u l-politiki nazzjonali u fejn dan
ikun xieraq, sabiex jużaw ir-rikavat konfiskat minn delitt li ġej minn
kummerċ illeċitu ta’ tabakk, prodotti tat-tabakk u tagħmir
tal-manifattura biex jilħqu l-għanijiet stabbiliti f’dan
il-Protokoll. 5. Il-Partijiet rappreżentati
f’organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali relevanti u
istituzzjonijiet finanzjarji u tal-iżvilupp iħeġġu lil dawn
l-entitajiet sabiex jipprovdu assistenza finanzjarja għal Partijiet li
huma pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp u Partijiet b’ekonomija fi
tranżizzjoni biex jassistuhom fl-ilħuq tal-obbligi tagħhom skont
dan il-Protokoll, mingħajr limitazzjoni fuq id-drittijiet
tal-parteċipazzjoni f’dawn l-organizzazzjonijiet. 6. Il-Partijiet jaqblu li: (a) jassistu lill-Partijiet fl-ilħuq
tal-obbligi tagħhom skont dan il-Protokoll, ir-riżorsi potenzjali u
eżistenti relevanti kollha disponibbli għal attivitajiet relatati
mal-għan ta’ dan il-Protokoll għandhom jiġu mmobilizzati u
użati għall-benefiċċju tal-Partijiet kollha,
speċjalment il-Partijiet li huma pajjiżi fil-fażi
tal-iżvilupp jew Partijiet b’ekonomija fi tranżizzjoni; u (b) is-Segretarjat
tal-Konvenzjoni, meta jintalab, jagħti pariri lill-Partijiet li huma
pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp u lil Partijiet b’ekonomija fi
tranżizzjoni, dwar sorsi disponibbli għall-finanzjament sabiex
titħaffef l-implimentazzjoni tal-obbligi tagħhom skont dan
il-Protokoll. 7. Il-Partijiet jistgħu jitolbu li l-industrija tat-tabakk
iġġarrab l-ispejjeż assoċjati mal-obbligi tal-Parti biex
jilħqu l-għanijiet tal-Protokoll, b’konformità mal-Artikolu 5.3
tal-Konvenzjoni ta’ Qafas tad-WHO dwar il-Kontroll tat-Tabakk. 8. Il-Partijiet, soġġetti għal-liġi
domestika tagħhom, jagħmlu kull sforz biex jiksbu awtofinanzjament
tal-implimentazzjoni tal-Protokoll, inkluż permezz tal-impożizzjoni
ta’ taxxi u forom oħra ta’ tariffi fuq prodotti tat-tabakk. PARTI VIII:
SOLUZZJONI TA’ TILWIM Artikolu 37 Soluzzjoni ta’ tilwim Is-soluzzjoni ta’ tilwim bejn il-Partijiet dwar
l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ dan il-Protokoll hija rregolata
mill-Artikolu 27 tal-Konvenzjoni ta’
Qafas tad-WHO dwar il-Kontroll tat-Tabakk. PARTI IX:
ŻVILUPP TAL-PROTOKOLL Artikolu 38 Emendi għal dan
il-Protokoll 1. Kwalunkwe Parti tista’ tipproponi emendi għal dan
il-Protokoll. 2. L-emendi għal dan il-Protokoll jiġu
kkunsidrati u adottati mil-Laqgħa tal-Partijiet. It-test ta’ kwalunkwe
emenda proposta għal dan il-Protokoll jiġi kkomunikat lill-Partijiet
mis-Segretarjat tal-Konvenzjoni tal-inqas sitt xhur qabel is-sessjoni li
matulha jiġi propost għall-adozzjoni. Is-Segretarjat tal-Konvenzjoni
jikkomunika wkoll emendi proposti għall-firmatarji ta’ dan il-Protokoll u,
għall-fini ta’ informazzjoni, għad-Depożitarju. 3. Il-Partijiet jagħmlu kull sforz biex jaslu
għal ftehim permezz ta’ kunsens dwar kwalunkwe emenda proposta għal
dan il-Protokoll. Jekk ikunu saru l-isforzi kollha biex jintlaħaq kunsens
u ma jintlaħaq ebda ftehim, l-emenda, bħala l-aħħar
alternattiva disponibbli, tiġi adottata b’maġġoranza ta’ voti
ta’ tliet kwarti tal-Partijiet preżenti u li jivvutaw waqt is-sessjoni. Għall-fini ta’ dan l-Artikolu,
il-“Partijiet preżenti u li jivvutaw” tfisser il-Partijiet li jkunu
preżenti u li jixħtu l-vot ta’ qbil jew le tagħhom. Kwalunkwe emenda adottata tiġi kkomunikata mis-Segretarjat
tal-Konvenzjoni lid-Depożitarju,
li jgħaddiha lill-Partijiet kollha għal aċċettazzjoni. 4. L-istrumenti ta’ aċċettazzjoni fir-rigward ta’
emenda jiġu depożitati mad-Depożitarju. Emenda adottata
b’konformità mal-paragrafu 3 tidħol fis-seħħ għal dawk
il-Partijiet li jkunu aċċettawha fid-90 jum wara d-data tal-wasla
għand id-Depożitarju ta’ strument ta’ aċċettazzjoni
b’tal-inqas żewġ terzi tal-Partijiet. 5. L-emenda tidħol
fis-seħħ għal kwalunkwe Parti oħra fid-90 jum wara d-data
li fiha l-Parti tiddepożita mad-Depożitarju l-istrument ta’
aċċettazzjoni tagħha tal-emenda msemmija. Artikolu 39 Adozzjoni u emenda
tal-annessi ta’ dan il-Protokoll 1. Kwalunkwe Parti tista’ tagħmel proposti għal
anness ta’ dan il-Protokoll u tista’ tipproponi emendi għal annessi ta’
dan il-Protokoll. 2. L-annessi jiġu ristretti għal listi, formoli u
kwalunkwe materjal deskrittiv ieħor relatat ma’ kwistjonijiet
proċedurali, xjentifiċi, tekniċi jew amministrattivi. 3. L-annessi għal dan
il-Protokoll u l-emendi għalihom jiġu proposti, adottati u
jidħlu fis-seħħ b’konformità mal-proċedura stabbilita
fl-Artikolu 38. PARTI X:
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI Artikolu 40 Riżervazzjonijiet Ma tista’ ssir ebda riżerva għal dan il-Protokoll. Artikolu 41 Irtirar 1. Fi kwalunkwe waqt wara sentejn mid-data ta’ dħul
fis-seħħ ta’ dan il-Protokoll għal Parti, dik il-Parti tista’
tirtira mill-Protokoll billi tibgħat avviż bil-miktub
lid-Depożitarju. 2. Kwalunkwe rtirar bħal dan jidħol
fis-seħħ wara li tgħaddi sena mid-data tal-wasla għand
id-Depożitarju tal-avviż tal-irtirar jew f’data iktar tard li
tiġi speċifikata fl-avviż tal-irtirar. 3. Kwalunkwe Parti li tirtira mill-Konvenzjoni ta’ Qafas
tad-WHO dwar il-Kontroll tat-Tabakk titqies li rtirat minn dan il-Protokoll
ukoll, b’effett mid-data tal-irtirar tagħha mill-Konvenzjoni ta’ Qafas
tad-WHO dwar il-Kontroll tat-Tabakk. Artikolu 42 Dritt għal vot 1. Kull Parti għal dan il-Protokoll jkollha vot
wieħed, ħlief kif previst fil-paragrafu 2. 2. Organizzazzjonijiet reġjonali
għall-integrazzjoni ekonomika, f’oqsma li jaqgħu taħt
il-kompetenza tagħhom, jeżerċitaw id-dritt tagħhom li
jivvutaw b’għadd ta’ voti daqs l-għadd tal-Istati Membri tagħhom li huma Partijiet għal dan il-Protokoll. Tali organizzazzjoni ma teżerċitax
id-dritt tagħha li tivvota jekk kwalunkwe Stat Membru tagħha
jeżerċita d-dritt tiegħu, u viċi versa. Artikolu 43 Firma Il-Protokoll huwa miftuħ sabiex jiġi ffirmat
mill-Partijiet kollha tal-Konvenzjoni ta’ Qafas tad-WHO dwar il-Kontroll
tat-Tabakk fil-Kwartieri Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija
tas-Saħħa f’Ġinevra bejn l-10 u
l-11 ta’ Jannar 2013, u wara fil-Kwartieri Ġenerali
tan-Nazzjonijiet Uniti fi New York sad-9 ta’ Jannar 2014. Artikolu 44 Ratifika,
aċċettazzjoni, approvazzjoni, konferma formali jew adeżjoni 1. Dan il-Protokoll ikun soġġett
għar-ratifika, l-aċċettazzjoni, l-approvazzjoni jew
l-adeżjoni mill-Istati u għall-konferma formali jew l-adeżjoni
mill-organizzazzjonijiet reġjonali għall-integrazzjoni ekonomika li
huma Parti għall-Konvenzjoni ta’ Qafas tad-WHO dwar il-Kontroll
tat-Tabakk. Huwa jkun miftuħ
għall-adeżjoni mill-jum wara d-data li fiha l-Protokoll
jingħalaq għall-firem. L-istrumenti ta’ ratifika,
aċċettazzjoni, approvazzjoni, konferma formali jew adeżjoni
jiġu depożitati mad-Depożitarju. 2.
Kwalunkwe organizzazzjoni reġjonali għall-integrazzjoni ekonomika li
ssir Parti li ma jkollha ebda mill-Istati Membri tagħha li huma Parti tkun
marbuta bl-obbligi kollha skont dan il-Protokoll. Fil-każ ta’ organizzazzjoni waħda jew iktar li l-Istat Membru
tagħha huwa Parti, l-organizzazzjoni u l-Istati Membri tagħha
jiddeċiedu dwar ir-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom
għat-twettiq tal-obbligi tagħhom skont dan il-Protokoll. F’dawn il-każijiet,
l-organizzazzjoni u l-Istati Membri ma jkunux intitolati jeżerċitaw
id-drittijiet skont dan il-Protokoll fl-istess ħin. 3. Fl-istrumenti tagħhom relatati
mal-konferma formali jew fl-istrumenti tagħhom għall-adeżjoni,
l-organizzazzjonijiet reġjonali għall-integrazzjoni ekonomika jiddikjaraw
il-limitu tal-kompetenza tagħhom fir-rigward ta’ oqsma rregolati minn dan
il-Protokoll. Dawn l-organizzazzjonijiet jgħarrfu wkoll
lid-Depożitarju, li min-naħa tiegħu jgħarraf
lill-Partijiet, dwar kwalunkwe modifika sostanzjali fil-limitu tal-kompetenza
tagħhom. Artikolu 45 Dħul
fis-seħħ 1. Dan il-Protokoll jidħol fis-seħħ
fid-90 jum wara d-data tad-depożitu tal-40 strument
għar-ratifika, l-aċċettazzjoni, l-approvazzjoni, il-konferma
formali jew l-adeżjoni mad-Depożitarju. 2. Għal kull Parti għall-Konvenzjoni ta’ Qafas
tad-WHO dwar il-Kontroll tat-Tabakk, li tirratifika, taċċetta,
tapprova jew formalment tikkonferma dan il-Protokoll, jew taderixxi miegħu
wara li tissodisfa l-kundizzjonijiet għad-dħul fis-seħħ
stabbiliti fil-paragrafu 1, dan
il-Protokoll jidħol fis-seħħ fid-disgħin jum wara d-data
tad-depożitu tal-istrument ta’ ratifika, aċċettazzjoni,
approvazzjoni, adeżjoni jew konferma formali tagħha. 3. Għall-fini ta’ dan l-Artikolu,
kwalunkwe strument iddepożitat minn organizzazzjoni reġjonali
għall-integrazzjoni ekonomika ma jkunx jgħodd bħala addizzjonali
mal-istrumenti ddepożitati mill-Istati Membri ta’ dik l-organizzazzjoni. Artikolu 46 Depożitarju Is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti jkun
id-Depożitarju ta’ dan il-Protokoll. Artikolu 47 Testi awtentiċi L-oriġinal ta’ dan il-Protokoll, li t-testi
tiegħu bl-Għarbi, iċ-Ċiniż, l-Ingliż,
il-Franċiż, ir-Russu u l-Ispanjol huma awtentiċi ndaqs,
jiġi ddepożitat mas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti. [1] ĠU L 312, 15.6.2004, p. 8. [2] ĠU L 362, 5.7.2001, p. 1. [3] ĠU L 190, 18.7.2002, p. 1. [4] ĠU L 196, 2.8.2003, p. 1. [5] ĠU L 328, 2.11.2006, p. 1. [6] L-Att tal-Kunsill 2000/C 197/01
tad-29 ta' Mejju 2000 li jistabbilixxi, skont l-Artikolu 34
tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-Konvenzjoni dwar l-Assistenza
Reċiproka f'Materji Kriminali bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea,
ĠU C 197, 12.7.2000, p. 1. [7] ĠU L 323, 10.7.2009, p. 1. [8] ĠU C 24, 23.01.1998, p. 1. [9] ĠU L 386, 29.12.2006, p. 1. [10] ĠU L 312, 15.6.2004, p. 8. [11] Il-Partijiet jistgħu jinkludu referenza
għas-Sistema Armonizzata ta’ Deskrizzjoni u Kodifikazzjoni tal-Merkanzija
mill-Organizzazzjoni Dinjija Doganali għal dan l-għan, kull fejn
applikabbli. [12] Fejn xieraq, nazzjonali jew domestiċi se jirreferu
bl-istess mod għal organizzazzjonijiet ta’ integrazzjoni ekonomika
reġjonali. [13] Skambju sigur ta’ informazzjoni bejn il-partijiet huwa
reżistenti għall-interċettazzjoni jew it-tbagħbis
(falsifikazzjoni). Fi kliem ieħor, l-informazzjoni skambjata bejn
iż-żewġ partijiet ma tistax tinqara jew tiġi mmodifikata
minn parti terza.