Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013PC0430

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL Dwar kooperazzjoni mtejba bejn is-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi (PES)

/* COM/2013/0430 final - 2013/0202 (COD) */

52013PC0430

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL Dwar kooperazzjoni mtejba bejn is-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi (PES) /* COM/2013/0430 final - 2013/0202 (COD) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.           KUNTEST TAL-PROPOSTA        

Din il-proposta legali, miżura ta' inċentiva skont l-Artikolu 149 tat-TFUE, għandha l-għan li ssaħħaħ il-kooperazzjoni bejn is-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi (PES) tal-Istati Membri. Is-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi huma responsabbli mill-implimentazzjoni ta' politiki attivi tas-suq tax-xogħol u mill-forniment ta' servizzi tal-impjiegi fl-interess pubbliku. Huma jagħmlu parti mill-ministeri, korpi pubbliċi jew korporazzjonijiet (mingħajr skop ta’ qligħ) rilevanti li jaqgħu taħt il-liġi pubblika. Is-servizzi offruti mis-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi lill-ħaddiema u lil min iħaddem jinkludu informazzjoni dwar is-suq tax-xogħol, għajnuna fit-tiftix tax-xogħol, għoti ta' pariri, gwida vokazzjonali, kollokament u għajnuna għall-mobbiltà okkupazzjonali u ġeografika. Is-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi huma wkoll responsabbli ta’ spiss mill-qgħad u minn sistemi oħra ta' benefiċċji soċjali. L-effiċjenza tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi hija fattur essenzjali biex jirnexxu l-politiki dwar l-impjiegi.

It-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn is-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi fl-UE ġie rikonoxxut bħala element kruċjali biex jintlaħqu l-miri tal-impjiegi tal-Istrateġija Ewropa 2020[1]. Il-Kummissjoni regolarment tkellmet favur il-modernizzazzjoni tat-twassil tas-servizzi tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi, favur is-sħubijiet bejn is-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi, u favur it-trasformazzjoni tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi f'"aġenziji li jimmaniġġjaw it-tranżizzjoni" li jwasslu taħlita ġdida ta' politiki dwar l-impjiegi li jkunu kemm "attivi" kif ukoll "passivi"[2]. Riċentement, il-Kunsill talab li jkun hemm sħubijiet bejn is-servizzi pubbliċi u privati tal-impjieg, min iħaddem, is-sħab soċjali u r-rappreżentanti taż-żgħażagħ meta jwasslu skemi ta' garanziji għaż-żgħażagħ[3]. Is-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi huma wkoll indirizzati direttament fil-linji gwida Ewropej attwali għall-politiki dwar l-impjiegi tal-Istati Membri, il-"linji gwida dwar l-impjiegi"[4].

It-tnaqqis fil-baġits pubbliċi u l-bżonn ta' aktar kost-effettività fis-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi wasslu lil bosta Stati Membri biex jagħmlu riformi fis-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi billi waħħduhom ma' fornituri tal-benefiċċji tal-qgħad, esternalizzaw is-servizzi lill-fornituri privati, qasmu s-servizzi tal-qgħad skont ir-reġjun u l-muniċipju, u tejbu t-twassil tas-servizz permezz tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICTs) u tal-għodod għall-użu indipendenti (self-service). Fl-istess ħin, in-nefqa tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi (minbarra l-benefiċċji tal-qgħad) qed tinbidel kontinwament: stħarriġ regolari fost is-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi[5] żvela li bejn l-2007 u l-2010 in-nefqa żdiedet, filwaqt li din naqset l-aktar fl-2011. L-aħħar projezzjonijiet tal-baġit juru li l-maġġoranza tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi jantiċipaw li fl-2013 in-nefqa se tkun ogħla mis-sena preċedenti.           

Minħabba d-diversità nazzjonali f’dak li jikkonċerna l-mudelli tan-negozju tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi, l-istrumenti, il-kundizzjonijiet tas-suq tax-xogħol u l-kuntest legali tagħhom, is-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi għandhom livelli differenti ta' effettività meta jwettqu programmi tas-suq tax-xogħol. Filwaqt li l-Istati Membri jibqgħu responsabbli mill-organizzazzjoni, il-persunal u l-immaniġġjar tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi tagħhom, din il-proposta leġiżlattiva tistabbilixxi Netwerk Ewropew tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi li jipprovdi pjattaforma biex titqabbel il-prestazzjoni tagħhom f'livell Ewropew, biex b'hekk jinstabu prattiki tajbin u jitrawwem it-tagħlim reċiproku sabiex jissaħħu l-kapaċità u l-effiċjenza tas-servizz. L-esperjenza wrietna li minn rajhom, l-Istati Membri ma jinvolvux ruħhom biżżejjed fl-attivitajiet tat-tagħlim reċiproku u tal-valutazzjoni komparattiva.        

Il-kollaborazzjoni tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi fil-livell tal-UE tmur lura sal-1997 meta l-Kummissjoni waqqfet grupp konsultattiv informali tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi sabiex jippromwovi l-kooperazzjoni, l-iskambju u t-tagħlim reċiproku bejn l-organizzazzjonijiet membri tagħha[6] u biex jirċievi rispons speċjalizzat dwar inizjattivi tal-politika fil-qasam tal-impjiegi. Minkejja l-progress li sar matul is-snin, il-mudell ta’ kooperazzjoni attwali juri ammont konsiderevoli ta' limitazzjonijiet.  

Il-parteċipazzjoni tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi nazzjonali f'dawn l-attivitajiet tibqa' volontarja, u din tfixkel il-prospetti ta' identifikazzjoni bikrija ta' prestazzjoni fqira mis-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi u problemi strutturali u potenzjali fis-suq tax-xogħol li jirriżultaw minn dan it-tfixkil. Huwa nieqes ukoll mekkaniżmu ta’ rappurtar, u dan ifisser li dawk li jfasslu l-politika fuq livell nazzjonali u fuq livell tal-UE ma jinżammux infurmati b'mod sistematiku dwar ir-riżultati tal-valutazzjoni komparattiva eżistenti u dwar il-prattiki tat-tagħlim reċiproku.

L-isforzi biex is-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi jsiru aktar komparabbli permezz tal-aggregazzjoni tagħhom skont il-mudelli tan-negozju s'issa ma rnexxewx. Ir-rabtiet bejn l-attivitajiet tal-valutazzjoni komparattiva u dawk tat-taggħlim reċiproku huma dgħajfa u inkonsistenti u l-bażi ta’ evidenza għall-attivitajiet tal-Programm ta’ Tagħlim Reċiproku eżistenti mhix xjentifikament b’saħħitha. Il-parteċipazzjoni f’tagħlim reċiproku hija limitata għal grupp żgħir ta’ Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi u għalhekk l-effetti mhumiex mifruxa biżżejjed.

Is-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi huma meħtieġa jadattaw il-mudelli tal-organizzazzjoni, l-istrateġiji u l-proċessi tan-negozju tagħhom għal bidliet b'ritmu mgħaġġel jekk iridu jsiru “organizzazzjonijiet tat-tagħlim” u jikkontribwixxu għax-xogħol tal-Kumitat tal-Impjiegi. Fid-dokument riċenti tiegħu "L-Istrateġija tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi tal-UE 2020"[7] - in-Netwerk tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi identifika ħames oqsma ewlenin għall-bidla sabiex jinkisbu l-għanijiet tal-istrateġija Ewropa 2020. i) tiġi stabbilita konnessjoni man-naħa tad-domanda; ii) jiġi adottat rwol ta' konduttur permezz ta' kooperazzjoni/sħubijiet; iii) jiġu żviluppati operazzjonijiet orjentati lejn il-ħiliet; iv) jitfittex li jkun hemm eżiti sostenibbli mill-attivazzjoni; v) jittejbu l-karrieri.

Din il-proposta leġiżlattiva għandha l-għan li tespandi, issaħħaħ u tikkonsolida inizjattivi li jkunu għadhom għaddejjin għall-benefiċċju tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi kollha. Proposta ta’ kooperazzjoni mtejba bejn is-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi tikkostitwixxi azzjoni miftiehma biex timmodernizzahom u tagħtihom is-setgħa biex jaġixxu flimkien b’suċċess fid-dawl tal-kriżi ekonomika attwali.

Netwerk Ewropew tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi li jkun stabbilit fuq bażi legali solida jkun kapaċi jżid b’mod komprensiv l-attivitajiet ikkoordinati fost is-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi u jipprovdi lin-Netwerk il-leġittimità li jaġixxi. Struttura formalizzata hija l-prerekwiżit għaż-żieda fil-potenzjal tan-netwerk biex jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' miżuri ta' implimentazzjoni tal-politika li jkunu innovattivi u bbażati fuq l-evidenza b'konformità mal-objettivi tal-Ewropa 2020. Dan jiffaċilita wkoll l-implimentazzjoni tal-proġetti tas-suq tax-xogħol iffinanzjati mill-Fond Soċjali Ewropew (FSE). L-inizjattiva proposta tista' tikkontribwixxi għal titjib fil-kosteffiċjenza.          

In-Netwerk tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi stabbilit skont din id-Deċiżjoni se jwettaq inizjattivi fl-għamla ta' miżuri ta' inċentiva mfassla biex itejbu l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fil-qasam tal-impjiegi. Dawn huma b’żieda mal-kooperazzjoni tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi fi ħdan il-EURES abbażi tal-Artikoli 45 u 46 tat-Trattat.

2.           IR-RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT     

F’konformità mal-enfasi akbar li qed issir fuq l-iżvilupp tal-politika bbażata fuq l-evidenza, din il-proposta hija msejsa fuq għadd ta’ studji ta’ evalwazzjoni u konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati.

Ta' rilevanza partikolari kienu: L-istudji dwar il-mudelli tan-negozju tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi[8], dwar is-sistemi ta' kejl tal-prestazzjoni tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi u l-mobbiltà ġeografika tal-ħaddiema[9], dwar ir-rwol tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi relatat mal-“flessigurtà”[10], dwar ir-rwol tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi fir-rigward tal-antiċipazzjoni tal-bżonn ta' ħiliet tal-forza tax-xogħol u t-tħejjija tan-nies għal impjiegi ġodda[11]. Ir-riżultati tal-programm tat-tagħlim reċiproku tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi[12] u r-riżultati tal-kwestjonarju tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi dwar ir-rispons għall-kriżi 2009-2013[13] tqiesu flimkien mar-riżultati tal-proġett tal-valutazzjoni komparattiva attwali tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi[14], ikkofinanzjati mill-Kummissjoni.

Il-futur tal-inizjattiva tal-valutazzjoni komparattiva tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi ġie diskuss diversi drabi fl-2012 u fl-2013 mal-grupp konsultattiv attwali tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi. F'Marzu u f'Mejju tal-2013 saret konsultazzjoni mal-grupp dwar l-elementi ewlenin ta’ din il-proposta; il-membri kienu mistiedna jikkummentaw dwar l-għanijiet, l-inizjattivi u l-għażliet ta’ politika potenzjali ta’ din il-proposta.

F’Jannar tal-2013, il-grupp ħareġ nota ta' diskussjoni "Lejn inizjattiva integrata għal tagħlim komparattiv tas-Servizzi Pubbliċi Ewropej tal-Impjiegi". Din in-nota tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi ġiet diskussa matul il-laqgħa informali tal-Ministri tal-Impjiegi u dawk Soċjali (“EPSCO informali”) u l-Kumitat tal-Impjiegi (EMCO). L-EPSCO informali rrikonoxxa li aktar kooperazzjoni li tkun aktar iffokata bejn is-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi twassal għal skambju aħjar tal-aħjar prattiki u talab li ssir proposta ddettaljata dwar inizjattiva ta' "tagħlim komparattiv".[15]

Il-konsultazzjonijiet u l-istudji msemmija hawn fuq jikkonfermaw li hemm ftehim ġenerali fost il-partijiet interessati dwar il-bżonn ta' kooperazzjoni mtejba fost is-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi. Is-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi kollha għandhom isiru atturi attivi fi ħdan in-netwerk. Bl-istess mod, kien hemm appoġġ wiesa’ għall-estensjoni tal-kamp ta' applikazzjoni tal-mekkaniżmu għall-valutazzjoni komparattiva u biex ikun hemm rabta aħjar bejn il-valutazzjoni komparattiva u l-attivitajiet tat-tagħlim reċiproku.

Is-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi kienu involuti wkoll b’mod trasparenti u fil-ħin fit-tħejjija biex titħabbar din id-Deċiżjoni fil-CWP-2013-14 u fit-tħejjijiet aktar dettaljati ta' dan it-test hawnhekk ippreżentat. L-opinjonijiet tagħhom bil-kitba u mil-laqgħat ta' konsultazzjoni miftuħa nġabru flimkien u ġew ikkunsidrati fir-rigward tal-aspetti ewlenin li jikkonċernaw direttament lilhom, jiġifieri: l-inizjattivi/attivitajiet tan-netwerk; l-istruttura tat-tmexxija tan-netwerk; ir-rwol tal-Kummissjoni; il-kooperazzjoni ma’ fornituri oħrajn tas-servizzi tal-impjiegi u l-kooperazzjoni mal-Kunsill partikolarment mal-Kumitat tal-Impjiegi (EMCO).

Minħabba li l-proposta leġiżlattiva fil-parti l-kbira se jkollha impatti indiretti u minħabba li l-elementi tekniċi ewlenin tal-inizjattiva tal-valutazzjoni komparattiva u tat-tagħlim reċiproku se jiġu definiti f'Att iddelegat, ġie kkunsidrat li valutazzjoni tal-impatt ma tkunx proporzjonata. Bl-istess mod, mhuwa mistenni l-ebda impatt baġitarju. 

3.           ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA  

Id-dritt għal azzjoni ġej mill-Artikolu 149 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea li jiddikjara li "l-Parlament Ewropew u l-Kunsill, ......., jistgħu jadottaw miżuri ta' inċentiva li jkunu mmirati biex jinkoraġġixxu l-kooperazzjoni bejn Stati Membri u biex isostnu l-azzjoni tagħhom fil-qasam tal-impjiegi permezz ta' inizjattivi li jkollhom l-għan li jiżviluppaw l-iskambju ta' informazzjoni u tal-aħjar prattiki, li jipprovdu l-analiżi komparattiva u pariri kif ukoll li jippromwovu atteġġjamenti innovattivi u esperjenzi tal-valutazzjoni, partikolarment billi jirrikorru għal proġetti pilota. ….".

L-azzjoni tal-Unjoni hija wkoll ġustifikata fuq il-bażi li l-proposta leġiżlattiva dwar il-kooperazzjoni msaħħa bejn is-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi se tikkontribwixxi għall-objettivi tat-trattat, b’mod partikolari se tippromwovi livell massimu ta’ impjiegi (l-Artikolu 3 tat-TUE).

Il-proposta kollha dwar il-kooperazzjoni msaħħa bejn is-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi hija miżura ta' inċentiva fis-sens tal-Artikolu 149. Fid-dawl tan-natura tal-miżura ta' inċentiva proposta, l-għażla tal-istrument legali – Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill – hija l-aktar xierqa.

Iż-żieda fil-kooperazzjoni biex is-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi jiġu inċentivati jaħdmu flimkien fuq inizjattivi speċifiċi tikkonforma mal-prinċipju tas-sussidjarjetà peress li tfittex tgħin lill-Istati Membri biex jimmodernizzaw is-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi tagħhom fil-kuntest tal-kriżi ekonomika attwali u bil-għan li tintlaħaq il-mira tal-impjiegi tal-Ewropa 2020.

Ġeneralment, fil-qasam tal-koordinazzjoni bejn is-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi hemm valur miżjud fl-interventi tal-Unjoni meta mqabbel mal-Istati Membri li jaġixxu minn rajhom. Is-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi għandhom mandat biex imexxu 'l quddiem lill-interessi u l-prijoritajiet nazzjonali; normalment huma ma jinteraġixxux f'kuntest tal-UE kollha kemm hi. L-attivitajiet tal-valutazzjoni komparattiva u tat-tagħlim reċiproku fil-livell tal-UE jżidu l-valur tal-attivitajiet ta' livell simili fuq skala iżgħar li possibilment isiru minn ftit Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi nazzjonali biss li jivvolontarjaw biex isawru l-kooperazzjoni mal-UE kollha.

Il-proposta tikkonforma mal-prinċipju tal-proporzjonalità peress li hija proposta f’forma ta’ miżuri ta' inċentiva għas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjieg u din ittul skont kemm ittul l-istrateġija Ewropa 2020 kif ġie miftiehem fil-Kunsill.     

4.           IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

Il-proposta tal-Kummissjoni għal Qafas Finanzjarju Pluriennali tinkludi proposta ta’ EUR 958,19-il miljun fuq Programm tal-Unjoni Ewropea għall-Bidla u l-Innovazzjoni Soċjali (PSCI) għall-perjodu 2014-2020. Il-finanzjament għal kooperazzjoni mtejba bejn is-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi se jiġi mit-taqsima PSCI/PROGRESS/Impjiegi. Huwa previst ammont annwali indikattiv ta’ EUR 4 miljun għall-miżura ta' inċentiva deskritta hawn fuq. Madwar EUR 3 miljun huma previsti għall-attivitajiet tal-valutazzjoni komparattiva u tat-tagħlim reċiproku; jistgħu jiġu ppubblikati diversi sejħiet għall-offerti. X'aktarx li se jintużaw madwar EUR 1 miljun għal-laqgħat dwar in-netwerk u għall-istudji xjentifiċi dwar kwistjonijiet tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi.

Il-proposta leġiżlattiva hija newtrali f'termini baġitarji u ma teħtieġx riżorsi ta' persunal addizzjonali. Il-persunal tal-Kummissjoni – ekwivalenti għal żewġ persuni u nofs full-time – li attwalment jaħdmlu f'DĠ EMPL fuq kwistjonijiet tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi se jsir is-Segretarjat tan-Netwerk tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi.           

5.           ATTI DELEGATI   

Il-proposta leġiżlattiva tinkludi dispożizzjoni li tagħti lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti delegati. Fil-parti l-kbira tagħha din se tikkonċerna att delegat li jpoġġi fis-seħħ il-qafas ġenerali għall-implimentazzjoni tal-attivitajiet tal-valutazzjoni komparattiva u tat-tagħlim reċiproku.   

L-għażla li jintuża l-istrument legali ta’ atti delegati hija ġustifikata peress li din se tikkumplimenta l-att bażiku b’elementi mhux essenzjali aktar dettaljati, f’dan il-każ il-qafas ġenerali għall-implimentazzjoni tal-attivitajiet tal-valutazzjoni komparattiva u tat-tagħlim reċiproku.        

Il-qafas ġenerali se jinkludi l-elementi tekniċi tas-sistemi tal-valutazzjoni komparattiva bħall-metodoloġija, l-indikaturi kwantitattivi u kwalitattivi bażiċi biex jivvalutaw l-eżiti, ir-riżultati, l-impatt u l-kostijiet tal-mudelli differenti tan-negozju, tal-proċessi, tal-prestazzjonijiet u tal-għodod tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi kif ukoll kriterji oħrajn għall-identifikazzjoni tal-aħjar prattiki. Huwa se jiddefinixxi r-rekwiżiti għat-twassil tad-dejta kull xahar u/jew kull sena għas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi, l-istrumenti tat-tagħlim tal-programm integrat għat-tagħlim reċiproku bħal sessjonijiet ta' ħidma, evalwazzjonijiet bejn il-pari, għajnuna teknika, żjarat ta’ studju u t-termini ta’ parteċipazzjoni fl-attivitajiet tal-valutazzjoni komprattiva u tat-tagħlim reċiproku.        

Huwa ppjanat li l-ġbir tad-dejta u l-analiżi tal-eżerċizzju tal-valutazzjoni komparattiva jiġu esternalizzati. Is-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi se jkunu assoċjati ma’ dan il-proċess sabiex jiżguraw is-sjieda tar-riżultati tal-valutazzjoni komparattiva.      

Dejjem jekk is-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi jaqblu, huwa mistenni li jkunu jistgħu jintużaw il-maġġoranza tal-partijiet tal-proġetti attwali fuq bażi volontarja tal-valutazzjoni komparattiva tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi. Hemm għadd ta' perjodi taż-żmien disponibbli għal diversi indikaturi li jkejlu t-tranżizzjonijiet li jgħaddu minnhom persuni li jkunu qed ifittxu impjieg meta jsibu impjieg bħat-tranżizzjoni minn qiegħda għal impjegati, it-tranżizzjoni minn qiegħda għal impjegati qabel ma jkunu ilhom wisq qiegħda, u t-tranżizzjoni mill-miżuri tat-taħriġ għall-impjieg. Diversi indikaturi jkejlu l-aċċess għal postijiet vakanti u t-tlaqqigħ ma’ kandidati xierqa. u kemm il-persuni li qed ifittxu impjieg u min iħaddem huma kuntenti bis-servizzi pprovduti.           

Jeħtieġ li jiġu definiti indikaturi addizzjonali u varjabbli tal-kuntest biex jivvalutaw l-interdipendenza bejn il-mudelli u l-proċessi kummerċjali mar-riżultati.         

Il-qafas ġenerali se jiddefinixxi l-parti l-kbira tal-elementi tal-attivitajiet tal-valutazzjoni komparattiva u tat-tagħlim reċiproku. Id-dettalji tekniċi li jistgħu jinbidlu mal-medda taż-żmien se jiġu inklużi fil-programm ta’ ħidma annwali tan-netwerk tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi.

2013/0202 (COD)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

Dwar kooperazzjoni mtejba bejn is-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi (PES)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Europea, u b’mod partikolari l-Artikolu 149 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[16],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni[17],

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1) Fis-17 ta’ Ġunju 2010, il-Kunsill Ewropew[18] approva l-proposta tal-Kummissjoni għal Strateġija tal-Ewropa 2020 għal impjiegi u għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv[19]. Il-Kunsill Ewropew irrakkomanda mobilizzazzjoni sħiħa tal-istrumenti u l-politiki xierqa tal-UE għall-appoġġ biex jinkisbu l-objettivi komuni u ħeġġeġ lill-Istati Membri biex iżidu l-azzjoni koordinata. Is-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi (PES) għandhom rwol ċentrali biex tintlaħaq il-mira tal-Ewropa 2020 ta' rata ta' impjiegi ta' 75 % għan-nisa u l-irġiel ta’ bejn l-20 u l-64 sena sal-2020.

(2) L-Artikolu 45 tat-Trattat jiggarantixxi l-moviment liberu tal-ħaddiema fl-Unjoni filwaqt li l-Artikolu 46 jistipula miżuri li jwasslu għal din il-libertà, b’mod partikolari billi jiżguraw kooperazzjoni mill-qrib bejn is-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi. Madankollu, in-Netwerk tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi stabbilit skont din id-Deċiżjoni, minbarra l-aspetti ġenerali tal-mobbiltà ġeografika, ikopri wkoll firxa wiesgħa tal-objettivi u l-inizjattivi permezz ta' miżuri ta' inċentiva maħsuba biex itejbu l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fil-qasam tal-impjiegi. Għaldaqstant, l-Artikolu 149 tat-Trattat huwa l-bażi legali xierqa għal din id-Deċiżjoni.

(3) Skont l-Artikolu 148(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, fil-21 ta' Ottubru 2010, il-Kunsill adotta linji gwida għall-politiki dwar l-impjiegi. Dawn il-linji gwida integrati jorjentaw lill-Istati Membri fid-definizzjoni tal-programmi nazzjonali ta' riforma tagħhom u fl-implimentazzjoni tar-riformi. Il-linji gwida dwar l-impjiegi jiffurmaw il-bażi għal rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż li l-Kunsill jindirizza lill-Istati Membri skont l-Artikolu 148(4) tat-TFUE. F’dawn l-aħħar snin dawn inkludew rakkomandazzjonijiet speċifiċi dwar il-funzjonament u l-kapaċità tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi u l-effettività tal-politiki attivi tas-suq tax-xogħol fl-Istati Membri.

(4) Dawn ir-rakkomandazzjonijiet igawdu aktar appoġġ b'bażi ta' evidenza mtejba, b'rispons dwar is-suċċess tal-implimentazzjoni tal-politika u b'kooperazzjoni bejn is-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi tal-Istati Membri. Għal dan il-għan, in-Netwerk tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi li se jiġi stabbilit skont din id-Deċiżjoni għandu jwettaq inizjattivi konkreti bħal sistemi tal-valutazzjoni komparattiva bbażati fuq evidenza komuni, attivitajiet tat-tagħlim reċiproku korrispondenti, għajnuna reċiproka bejn il-membri tan-netwerk u l-implimentazzjoni ta' azzjonijiet strateġiċi għall-immodernizzar tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi. L-għarfien speċifiku tan-netwerk u tal-membri individwali tiegħu għandu jintuża wkoll biex jipprovdi, fuq talba tal-Kunsill tal-Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur (EPSCO) u l-Kumitat tal-Impjiegi (EMCO), evidenza għall-iżvilupp tal-politiki dwar l-impjiegi.

(5) Il-laqgħa informali tal-ministri tal-EPSCO irrikonoxxiet li żieda f'kooperazzjoni aktar iffokata bejn is-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi twassal għal skambju aħjar tal-aħjar prattiki u talbet li ssir proposta ddettaljata dwar inizjattiva tat-"tagħlim komparattiv".[20]

(6) In-Netwerk tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi stabbilit skont din id-Deċiżjoni għandu jaħdem f'kooperazzjoni mill-qrib mal-EMCO abbażi tal-Artikolu 150 tat-TFUE u għandu jikkontribwixxi għall-ħidma tiegħu bħala fornitur tal-evidenza fattwali u r-rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-politika. Il-kontribut tan-Netwerk tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi lill-Kunsill se jgħaddi mill-EMCO. B’mod partikolari, l-għarfien konġunt tan-Netwerk tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi dwar aspetti tat-twassil tal-politiki dwar l-impjieg u l-analiżi komparattiva tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi jista' jkun ta' għajnuna għal min jieħu deċiżjonijiet politiċi kemm f'livell nazzjonali kif ukoll f'livell tal-Unjoni fil-valutazzjoni u t-tfassil tal-politiki dwar l-impjiegi.

(7) In-Netwerk tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi għandu jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-inizjattivi tal-politika fil-qasam tal-impjiegi bħar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar it-Twaqqif ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ[21]. In-netwerk jista’ jappoġġa wkoll inizjattivi li għandhom l-għan li jiffaċilitaw it-tranżizzjoni mill-edukazzjoni u t-taħriġ għax-xogħol, anki bi trasparenza aħjar tal-ħiliet u l-kwalifiki.

(8) In-Netwerk tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi għandu jirrinforza l-kooperazzjoni bejn il-membri tiegħu, jiżviluppa inizjattivi konġunti li jkollhom l-għan li jagħmlu skambju tal-informazzjoni u tal-aħjar prattiki fl-oqsma kollha koperti mis-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi, jagħmel analiżi komparattiva u jagħti pariri kif ukoll jippromwovi approċċi innovattivi fit-twassil tas-servizzi tal-impjiegi. Permezz tat-twaqqif ta' dan in-netwerk se jkun jista' jsir paragun ibbażat fuq l-evidenza u orjentat lejn il-prestazzjoni tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi kollha li jwassal għall-identifikazzjoni tal-aħjar prattiki. B’dawn ir-riżultati, il-membri tan-netwerk għandhom ikunu jistgħu jiffurmaw it-tfassil u t-twassil tas-servizzi tal-impjiegi fi ħdan ir-responsabbiltajiet speċifiċi tagħhom. L-inizjattivi mwettqa min-Netwerk għandhom itejbu l-effettività tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi u jippermettu nfiq pubbliku li jkun aktar effiċjenti.

(9) Sabiex jiġi stabbilit qafas ġenerali għall-implimentazzjoni tal-inizjattivi tal-valutazzjoni komparattiva u tat-tagħlim reċiproku, għandha tiġi delegata lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti b'konformità mal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tad-definizzjoni tal-elementi tekniċi tas-sistemi tal-valutazzjoni komparattiva u tal-attivitajiet tat-tagħlim reċiproku. Dan għandu jinkludi l-metodoloġija, l-indikaturi kwantitattivi u kwalitattivi bażiċi għall-valutazzjoni tal-prestazzjoni tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi, l-istrumenti tat-tagħlim tal-programm integrat tat-tagħlim reċiproku u t-termini għall-parteċipazzjoni f'dawn l-inizjattivi. . Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol ta' tħejjija tagħha, inkluż fil-livell espert, b'mod partikolari l-esperti tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi. Meta tħejji u tfassal atti ddelegati, il-Kummissjoni għandha tara li ssir trażmissjoni simultanja, fil-ħin u xierqa tad-dokumenti relevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(10) Minħabba l-varjetà tal-mudelli, tal-kompiti u tal-forom tat-twassil tas-servizzi tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi, huwa sta għal kull Stat Membru li jinnomina membru għall-Bord tan-Netwerk tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi mill-maniġment ta' livell għoli tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi tiegħu. Meta applikabbli, il-membru għandu jirrappreżenta fil-Bord, is-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi l-oħra mill-Istat Membru. Il-membri maħtura għandu jkollhom il-kapaċità li jieħdu deċiżjonijiet f'isem l-organizzazzjoni li tibgħathom. Sabiex ikun żgurat l-involviment ta’ kull Servizz Pubbliku tal-Impjiegi fil-ħidmiet tan-Netwerk, l-attivitajiet għandhom ikunu miftuħa għal kull livell ta’ parteċipazzjoni.

(11) In-Netwerk tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi għandu jkompli jibni fuq l-esperjenza u jissostitwixxi grupp konsultattiv informali eżistenti tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi tal-UE/ŻEE li l-Kummissjoni ilha tappoġġa sa mill-1997. L-opinjonijiet ta’ dan il-grupp ġew ikkunsidrati fl-abbozzar ta’ din id-Deċiżjoni.

(12) L-oqsma ewlenin għall-azzjoni identifikati minn dan il-grupp informali ta' esperti fid-dokument tiegħu "L-Istrateġija tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi 2020"[22] għandhom iservu bħala orjentazzjoni għad-dħul fis-seħħ tal-kunċett previst għall-immodernizzar u t-tisħiħ tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi.

(13) In-Netwerk tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi għandu jipprovdi għajnuna reċiproka għall-benefiċċju tal-membri tiegħu u jgħinhom jappoġġaw lil xulxin fl-immodernizzar tal-istrutturi organizzattivi u t-twassil tas-servizzi billi jtejjeb il-kooperazzjoni, b'mod partikolari t-trasferiment tal-għarfien, taż-żjarat ta' studju, u l-iskambju ta' persunal.

(14) In-netwerk tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi u l-inizjattivi tiegħu għandhom ikunu ffinanzjati permezz tat-taqsima PROGRESS/impjieg tal-"Programm għall-Bidla u l-Innovazzjoni Soċjali" skont l-approprjazzjonijiet stipulati mill-awtorità baġitarja.

(15) Għall-proġetti żviluppati min-netwerk jew identifikati f'attivitajiet tat-tagħlim reċiproku u mbagħad implimentati fis-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi individwali, l-Istati Membri għandhom aċċess għall-finanzjament mill-Fond Soċjali Ewropew (FSE), il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) u Orizzont 2020.

(16) Il-Kummissjoni se tieħu l-passi amministrattivi meħtieġa biex twaqqaf in-netwerk.

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1 Twaqqif

Netwerk tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi (PES) madwar l-UE kollha – minn hawn 'il quddiem “in-Netwerk” – huwa stabbilit għall-perjodu li jestendi mill-1 ta' Jannar 2014 sal-31 ta' Diċembru 2020. In-Netwerk se jwettaq l-inizjattivi kif definit fl-Artikolu 3.

In-Netwerk jinkludi:

(a) is-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi kif nominati mill-Istati Membri, u

(b) l-Kummissjoni.

L-Istati Membri b’Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi li huma reġjonali u awtonomi għandhom jiżguraw rappreżentanza adegwata fl-inizjattivi speċifiċi tan-Netwerk.

Artikolu 2 Objettivi

Permezz ta’ dan in-Netwerk, il-miżura ta' inċentiva prevista hawnhekk għandha tikkontribwixxi:

(a) għall-implimentazzjoni tal-istrateġija Ewropa 2020 għall-impjiegi u tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv, u l-miri ewlenin tagħha speċjalment dawk li għandhom x’jaqsmu mal-impjiegi;

(b) għall-funzjonament aħjar tas-swieq tax-xogħol fl-UE;

(c) għall-integrazzjoni aħjar tas-swieq tax-xogħol;

(d) għal aktar mobilità ġeografika u okkupazzjonali;

(e) għall-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali u l-integrazzjoni ta’ persuni esklużi mis-suq tax-xogħol.

Artikolu 3 Inizjattivi tan-Netwerk

1.           In-Netwerk għandu b’mod partikolari:

(a) Jiżviluppa u jimplimenta sistemi tal-valutazzjoni komparattiva bbażati fuq l-evidenza mal-Ewropa kollha fost is-servizzi pubbliċi tal-impjiegi abbażi tal-użu tal-indikaturi kwantitattivi u kwalitattivi biex jivvalutaw il-prestazzjonijiet tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi u biex jiġbru evidenza bil-għan li jistabbilixxu mutur adegwat għat-tagħlim reċiproku. Huwa għandu wkoll jipparteċipa b'mod attiv fl-implimentazzjoni ta' dawn l-attivitajiet billi jaqsam dejta, għarfien u prattiki mal-oħrajn.

(b) Jipprovdi għajnuna reċiproka, jew permezz ta' attivitajiet bejn il-pari jew permezz ta' attivitajiet fi grupp, permezz ta' kooperazzjoni, skambji tal-informazzjoni, tal-esperjenza u tal-persunal bejn il-membri tiegħu li jinkludu appoġġ għall-implimentazzjoni ta' rakkomandazzjonijiet tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi relatati ma' pajjiżi li jinħarġu mill-Kunsill.

(c) Jadotta u jimplimenta kunċett għall-immodernizzar u t-tisħiħ tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi f’oqsma ewlenin.

(d) Jipprepara rapporti fil-qasam tal-impjiegi, fuq it-talba jew tal-Kunsill jew tal-Kummissjoni jew fuq l-inizjattiva tiegħu stess.

(e) Jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni ta’ inizjattivi ta' politika fil-qasam tal-impjiegi.

(f) In-Netwerk għandu jadotta u jimplimenta programm annwali li jiddeskrivi f'dettall il-metodi ta' ħidma tiegħu, ir-riżultati tanġibbli u dettalji oħra relatati mal-implimentazzjoni tas-sistemi tal-valutazzjoni komparattiva.

2.           In-Netwerk għandu jistabbilixxi mekkaniżmu ta' rappurtar fir-rigward tal-inizjattivi 3.1.a u 3.1.b. Skont din id-dispożizzjoni, il-membri tan-netwerk għandhom jippreżentaw rapport lin-netwerk kull sena.

Artikolu 4 Kooperazzjoni

In-Netwerk għandu jikkoopera mal-partijiet interessati tas-suq tax-xogħol inklużi fornituri oħra tas-servizzi tal-impjieg billi jinvolvihom f'attivitajiet rilevanti u f'laqgħat tan-Netwerk u billi jagħmel skambju magħhom tal-informazzjoni u tad-dejta.

Artikolu 5 Funzjonament tan-Netwerk

1.           In-Netwerk għandu jitmexxa minn Bord li għalih kull Stat Membru għandu jinnomina membru wieħed u membru supplenti wieħed mill-maniġment ta' livell għoli tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi tiegħu. Il-Kummissjoni għandha taħtar membru wieħed u membru supplenti wieħed għall-Bord. Il-membri supplenti għandhom jieħdu post il-membri kull meta jkun meħtieġ.

2.           Għandhom jinħatru President u żewġ Viċi Presidenti minn fost il-membri tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi tal-Bord; il-President se jirrappreżenta n-Netwerk. Il-Viċi Presidenti għandhom jieħdu post il-President kull meta jkun meħtieġ.

3.           Il-Bord għandu jadotta r-Regoli ta' Proċedura tiegħu permezz ta' deċiżjoni unanima li fost l-oħrajn tkun tinkludi l-arranġamenti għat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Bord, id-dispożizzjonijiet dwar il-ħatra u l-mandat tal-President u l-Viċi Presidenti tan-netwerk. B'deċiżjoni meħuda mill-maġġoranza, il-Bord għandu jadotta l-programm ta’ ħidma annwali li jinkludi t-twaqqif ta' gruppi ta’ ħidma u l-arranġamenti tal-lingwa tal-laqgħat tan-Netwerk, u r-rapport annwali dwar in-netwerk li għandu jiġi ppubblikat.

4.           Il-Bord se jkun megħjun minn Segretarjat pprovdut mill-Kummissjoni u bbażat fi ħdanha. F'kooperazzjoni mal-President u mal-Viċi Presidenti, is-Segretarjat se jħejji l-laqgħat tal-Bord, il-programm ta’ ħidma annwali u r-rapport annwali.

Artikolu 6 Appoġġ Finanzjarju għal din il-miżura ta' inċentiva

Ir-riżorsi globali għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni għandhom jiġu stabbiliti fil-qafas tal-Programm għall-Bidla u l-Innovazzjoni Soċjali, li l-approprjazzjonijiet tiegħu ta' kull sena għandha tawtorizzahom l-awtorità baġitarja fil-limiti tal-Qafas Finanzjarju.

Artikolu 7 Adozzjoni ta' qafas ġenerali

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 8 dwar qafas ġenerali għat-twassil tal-attivitajiet tal-valutazzjoni komparattiva u tat-tagħlim reċiproku kif definit fl-Artikolu 3.1 inklużi l-metodoloġija, l-indikaturi kwantitattivi u kwalitattivi bażiċi għall-valutazzjoni tal-prestazzjoni tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi, l-istrumenti tat-tagħlim tal-programm integrat tat-tagħlim reċiproku u t-termini għall-parteċipazzjoni f'dawn l-inizjattivi.  

Artikolu 8 Eżerċitar tad-delega

1.           Is-setgħa li tadotta atti delegati tingħata lill-Kummissjoni skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

2.           Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 7 għandha tingħata lill-Kummissjoni għal seba’ snin sa mid-data tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni

3.           Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 7 tista' tiġi rrevokata meta jidhirlu l-Parlament Ewropew jew il-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fiha. Din m'għandhiex taffettwa l-validità ta' xi att delegat li diġà huwa fis-seħħ.

4.           Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.           Att delegat adottat skont l-Artikolu 7 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma joġġezzjonawx fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 9 Rieżami

Erba’ snin wara d-dħul fis-seħħ tagħha, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport dwar l-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni. B’mod partikolari, ir-rapport għandu jivvaluta sa liema punt in-netwerk ikkontribwixxa għall-kisba tal-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 2 u jekk issodisfax il-kompiti tiegħu.       

Artikolu 10 Indirizzati

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew                           Għall-Kunsill

Il-President                                                    Il-President

[1]               Komunikazzjoni mill-Kummissjoni Ewropa 2020, strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv, COM(2010) 2020 finali

[2]               Komunikazzjoni mill-Kummissjoni, Aġenda għall-ħiliet ġodda u l-impjiegi: Kontribut Ewropew lejn livell massimu ta’ impjiegi, COM(2010) 682 finali, Komunikazzjoni mill-Kummissjoni "Lejn irkupru li jwassal għall-ħolqien abbundanti ta’ impjiegi", COM(2012) 173 finali

[3]               Il-konklużjonijiet tal-EPSCO tat-28 ta' Frar 2013

[4]               Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-linji gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-impjiegi, 2010/707/UE, il-21 ta' Ottubru 2010

[5]               Il-kwestjonarju tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi dwar ir-rispons għall-kriżi 2010-2013, il-Laboratorju Ewropew għall-Mobbiltà tal-Impjiegi

[6]               Il-grupp jinkludi s-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi tal-Istati Membri tal-UE, in-Norveġja, l-Islanda u l-Liechtenstein (ŻEE)

[7]               Il-Kontribut tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi għall-UE 2020, id-Dokument dwar il-Prestazzjoni tal-Istrateġija tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi 2020, 2012

[8]               Studju dwar il-mudelli tan-negozju tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi, il-Laboratorju Ewropew tal-Mobbiltà tal-Impjiegi 2012

[9]               Sistemi ta' kejl tal-prestazzjoni tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi u l-mobbiltà ġeografika tal-impjiegi, Ecorys 2012

[10]             Ir-rwol tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi relatat mal-"Flessigurtà" fis-Swieq tax-Xogħol Ewropej, l-Istitut Teknoloġiku Daniż, 2009

[11]             Nantiċipaw x'ħiliet teħtieġ il-forza tax-xogħol u nħejju n-nies għal impjiegi ġodda - Xi rwol se jieħdu s-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi fl-identifikazzjoni bikrija ta' x'ħiliet se jkollha bżonn il-forza tax-xogħol u kif tista' ttejjeb il-ħiliet li għandha? l-Istitut Teknoloġiku Daniż, 2010

[12]             "Djalogu bejn is-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi" huwa l-programm ta' għajnuna tal-Kummissjoni Ewropea għas-servizzi pubbliċi tal-impjiegi, aktar informazzjoni tinstab fuq:          http://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=964&langId=en

[13]             Il-kwestjonarju tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi dwar ir-rispons għall-kriżi 2010-2013, il-Laboratorju Ewropew għall-Mobbiltà tal-Impjiegi

[14]             Il-proġett tal-valutazzjoni komparattiva tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi huwa proġett tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi fuq bażi volontarja, kofinanzjat minn PROGRESS, aktar informazzjoni tinstab fuq http://www.pes-benchmarking.eu/english/about.asp?IdPageLv=1

[15]             Laqgħa informali tal-Ministri tal-EPSCO, Dublin, is-7-8 ta’ Frar 2013.

[16]             ĠU C , , p. .

[17]             ĠU C , , p. .

[18]             Nru: EUCO 13/10 datata s-17/6/2010.

[19]             Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Ewropa 2020, Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv", COM(2010) 2020 tat-3 ta' Marzu 2010.

[20]             Laqgħa informali tal-Ministri tal-EPSCO, Dublin, is-7-8 ta’ Frar 2013.

[21]             Ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar it-twaqqif ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ (7123/13)

[22]             Il-Kontribut tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjieg għall-UE 2020, id-Dokument dwar il-Prestazzjoni tal-Istrateġija tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi 2020, l-2012.

Top