Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013PC0177

    Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li għandha tadotta l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt bejn l-UE u l-Isvizzera, fir-rigward tad-definizzjoni tal-każijiet ta’ eżenzjoni mit-trażmissjoni tad-dejta msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tal-Anness I tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar is-simplifikazzjoni tal-kontrolli u tal-formalitajiet fir-rigward tat-trasport ta’ oġġetti kif ukoll dwar miżuri doganali ta’ sigurtà

    /* COM/2013/0177 final - 2013/0093 (NLE) */

    52013PC0177

    Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li għandha tadotta l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt bejn l-UE u l-Isvizzera, fir-rigward tad-definizzjoni tal-każijiet ta’ eżenzjoni mit-trażmissjoni tad-dejta msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tal-Anness I tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar is-simplifikazzjoni tal-kontrolli u tal-formalitajiet fir-rigward tat-trasport ta’ oġġetti kif ukoll dwar miżuri doganali ta’ sigurtà /* COM/2013/0177 final - 2013/0093 (NLE) */


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.           IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

    Il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar is-simplifikazzjoni tal-kontrolli u tal-formalitajiet fir-rigward tat-trasport ta’ oġġetti kif ukoll dwar miżuri doganali ta’ sigurtà[1], għandu l-għan li jżomm is-simplifikazzjoni tal-kontrolli u tal-formalitajiet meta l-oġġetti jgħaddu mill-fruntieri kif ukoll il-fluss bla tfixkil tal-iskambji bejn il-partijiet kontraenti, filwaqt li jiggarantixxi livell għoli ta’ sigurtà fil-katina tal-provvista.

    Fil-każ ta’ esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi, is-sigurtà msemmija hawn fuq hija garantita, fost l-oħrajn, permezz tal-obbligu li wieħed jippreżenta minn qabel dikjarazzjoni sommarja tal-ħruġ li tkun tinkludi d-dejta tas-sigurtà lill-uffiċċju tad-dwana tal-esportazzjonijiet. Meta l-oġġetti jitilqu minn territorju doganali Svizzeru lejn pajjiż terz billi jaqsmu t-territorju doganali tal-Unjoni, id-dejta tas-sigurtà msemmija f’din id-dikjarazzjoni trid tiġi trażmessa lill-uffiċċju tal-ħruġ li jinsab fl-Unjoni. L-istess proċedura tapplika viċeversa għall-oġġetti li jitilqu mill-Unjoni u li jgħaddu minn xi uffiċċju tal-ħruġ li jinsab fl-Isvizzera.

    Il-Kumitat Konġunt imwaqqaf skont l-Artikolu 19(1) tal-Ftehim imsemmi, huwa responsabbli mill-ġestjoni u mill-applikazzjoni korretta ta’ dan il-Ftehim. Dan il-Kumitat jista’ jiddetermina l-każijiet li għalihom ma tkunx meħtieġa t-trażmissjoni tad-dejta. Din l-eżenzjoni mit-trażmissjoni hija soġġetta għall-kundizzjoni li din ma tkunx ta’ ħsara għal-livell ta’ sigurtà garantit mill-Ftehim. Dan l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt bejn l-UE u l-Isvizzera jipproponi eżenzjoni mit-trażmissjoni tad-dejta tas-sigurtà għal ċerti esportazzjonijiet indiretti li jitwettqu bl-ajru. Il-kundizzjoni li jinżamm il-livell ta’ sigurtà titqies bħala ssodisfata billi, qabel ma l-oġġetti jiġu mgħobbija fuq inġenju tal-ajru, it-trasportaturi tal-ajru jissottomettu l-merkanzija kollha għall-kontrolli tas-sigurtà msemmija fl-Anness 17 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago dwar l-avjazzjoni ċivili internazzjonali.

    2.           IR-RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

    Il-konsultazzjoni mal-partijiet interessati

    L-awtoritajiet doganali Svizzeri approvaw l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt.

    Valutazzjoni tal-impatt

    Mhux meħtieġ li ssir valutazzjoni tal-impatt ladarba d-deċiżjoni tqiegħed fil-prattika dispożizzjoni tal-Ftehim mingħajr ma timmodifika l-kontenut tagħha.

    3.           L-ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

    Din il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill tikkostitwixxi l-istrument legali biex tiġi definita l-pożizzjoni li għandha tadotta l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt bejn l-UE u l-Isvizzera, fir-rigward tal-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar is-simplifikazzjoni tal-kontrolli u tal formalitajiet fir-rigward tat-trasport ta’ oġġetti kif ukoll dwar miżuri doganali ta’ sigurtà.

    F’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2009/556/KE tal-25 ta’ Ġunju 2009 dwar l-applikazzjoni provviżorja u l-konklużjoni tal-Ftehim imsemmi qabel[2], il-pożizzjoni komuni tal-Unjoni Ewropea hija adottata mill-Kunsill, li qed jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata fuq proposta tal-Kummissjoni.

    4.           IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

    Din id-deċiżjoni ma għandha l-ebda implikazzjoni finanzjarja fuq il-baġit tal-Unjoni Ewropea.

    5.           ELEMENTI MHUX OBBLIGATORJI

    L-ebda

    2013/0093 (NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    dwar il-pożizzjoni li għandha tadotta l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt bejn l-UE u l-Isvizzera, fir-rigward tad-definizzjoni tal-każijiet ta’ eżenzjoni mit-trażmissjoni tad-dejta msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tal-Anness I tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar is-simplifikazzjoni tal-kontrolli u tal-formalitajiet fir-rigward tat-trasport ta’ oġġetti kif ukoll dwar miżuri doganali ta’ sigurtà

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(4) flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-Ftehim konkluż bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera fil-25 ta' Ġunju 2009 dwar is-simplifikazzjoni tal-kontrolli u tal-formalitajiet fir-rigward tat-trasport ta’ oġġetti kif ukoll dwar miżuri doganali ta’ sigurtà[3] (minn issa 'l quddiem imsejjaħ “il-Ftehim”),

    Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2009/556/KE tal-25 ta’ Ġunju 2009 dwar l-applikazzjoni provviżorja u l-konklużjoni tal-Ftehim imsemmi qabel[4], u b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5 tagħha,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)       skont l-Artikolu 21 tal-Ftehim, il-ġestjoni tiegħu taqa’ taħt il-kompetenzi tal-Kumitat Konġunt li twaqqaf permezz ta’ dan il-Ftehim (minn issa ‘l quddiem imsejjaħ “il-Kumitat Konġunt bejn l-UE u l-Isvizzera”);

    (2)       it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tal-Anness I tal-Ftehim jipprevedi li l-Kumitat Konġunt jista' jiddetermina l-każijiet li għalihom ma tkunx meħtieġa t-trażmissjoni tad-dejta msemmija fl-ewwel subparagrafu, sakemm dawn ma jkunux ta’ ħsara għal-livell ta’ sigurtà garantit mill-Ftehim;

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-pożizzjoni li se tadotta l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt bejn l-UE u l-Isvizzera fir-rigward tad-definizzjoni tal-każijiet ta’ eżenzjoni mit-trażmissjoni tad-dejta msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tal-Anness I tal-Ftehim, hija definita fl-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt bejn l-UE u l-Isvizzera, li jinsab mehmuż hawnhekk.

    Artikolu 2

    Wara l-adozzjoni tagħha, id-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt se tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ dakinhar tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi Brussell,

                                                                           Għall-Kunsill

                                                                           Il-President

    ANNESS

    ABBOZZ TA'

    DEĊIŻJONI NRU …/2013 TAL-KUMITAT KONĠUNT BEJN L-UE U L-ISVIZZERA

    ta’ …

    li tistabbilixxi l-każijiet ta’ eżenzjoni mit-trażmissjoni tad-dejta msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tal-Anness I tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera tal-25 ta’ Ġunju 2009 dwar is-simplifikazzjoni tal-kontrolli u tal-formalitajiet fir-rigward tat-trasport ta’ oġġetti kif ukoll dwar miżuri doganali ta’ sigurtà

    IL-KUMITAT KONĠUNT,

    Wara li kkunsidra l-Ftehim konkluż bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera tal-25 ta' Ġunju 2009 dwar is-simplifikazzjoni tal-kontrolli u tal-formalitajiet fir-rigward tat-trasport ta’ merkanziji kif ukoll dwar miżuri doganali ta’ sigurtà (minn issa 'l quddiem imsejjaħ “il-Ftehim”), u b'mod partikolari l-Artikolu 21(3) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tal-Anness I tiegħu;

    Billi:

    (1) il-Ftehim għandu l-għan li jżomm is-simplifikazzjoni tal-kontrolli u tal-formalitajiet meta l-oġġetti jgħaddu mill-fruntieri kif ukoll il-fluss bla tfixkil tal-iskambji bejn il-partijiet kontraenti, filwaqt li jiggarantixxi livell għoli ta’ sigurtà fil-katina tal-provvista;

    (2) il-partijiet kontraenti qed jimpenjaw ruħhom biex jiggarantixxu livell ta' sigurtà ekwivalenti fit-territorju rispettiv tagħhom, permezz ta' miżuri bbażati fuq il-leġiżlazzjoni fis-seħħ fl-Unjoni Ewropea;

    (3) meta l-oġġetti jitilqu mit-territorju doganali ta’ parti kontraenti lejn pajjiż terz billi jaqsmu t-territorju doganali tal-parti kontraenti l-oħra, id-dejta tas-sigurtà msemmija fid-dikjarazzjoni sommarja ta’ ħruġ li tkun ġiet ippreżentata lill-awtorità kompetenti tal-ewwel parti kontraenti, tiġi trażmessa minn din tal-aħħar lill-awtorità kompetenti tat-tieni parti kontraenti;

    (4) il-Kumitat Konġunt jista’ jiddetermina l-każijiet li għalihom ma tkunx meħtieġa t-trażmissjoni tad-dejta, sakemm dawn ma jkunux ta’ ħsara għal-livell ta’ sigurtà garantit mill-Ftehim;

    (5) l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera huma l-partijiet kontraenti għall-Konvenzjoni ta’ Chicago dwar l-avjazzjoni ċivili internazzjonali; skont l-Anness 17 ta’ din il-Konvenzjoni, bil-għan li l-avjazzjoni internazzjonali tiġi protetta minn atti ta’ interferenza illeċita, it-trasportaturi tal-ajru jridu jissottomettu l-merkanzija kollha għall-kontrolli tas-sigurtà qabel ma tiġi mgħobbija fuq xi inġenju tal-ajru;

    (6) il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera huma marbuta mill-Ftehim dwar it-trasport bl-ajru, li ġie konkluż fil-21 ta’ Ġunju 1999, li jirregola b’mod partikolari s-sigurtà u s-sikurezza fl-ajru;

    IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    Fil-każ tal-esportazzjonijiet ta’ oġġetti msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tal-Anness I tal-Ftehim, it-trażmissjoni tad-dejta ma tkunx meħtieġa sakemm:

    (a) ikun hemm kumpanija tal-ajru li tkun inkarigata mill-oġġetti, sabiex tiżgura t-trasport tagħhom barra mit-territorju doganali tal-partijiet kontraenti;

    (b) il-ħruġ tal-oġġetti mill-uffiċċju tad-dwana tat-tieni parti kontraenti jitwettaq bl-ajru;

    (c) tkun ġiet ippreżentata dikarazzjoni sommarja ta’ ħruġ jew dikjarazzjoni doganali ta' esportazzjoni li tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti għal din id-dikjarazzjoni sommarja, lill-uffiċċju tad-dwana kompetenti għall-post fejn jiġu esportati l-oġġetti;

    (d) meta l-oġġetti jaslu fl-uffiċċju tad-dwana fil-post tal-ħruġ tat-territorju doganali tat-tieni parti kontraenti, it-trasportatur iqiegħed għad-dispożizzjoni tal-uffiċċju inkwistjoni, meta dan jagħmel talba għaliha, kopja tad-dikjarazzjoni sommarja ta’ ħruġ għall-oġġetti kkonċernati.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ l-għada tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi Brussell,

    GĦALL-KUMITAT KONĠUNT

    IL-PRESIDENT

    [1]               ĠU L 199, 31.7.2009, p. 24

    [2]               ĠU L 199, 31.7.2009, p. 22

    [3]               ĠU L 199, 31.7.2009, p. 24

    [4]               ĠU L 199, 31.7.2009, p. 22

    Top