This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52013PC0093
Proposal for a COUNCIL DECISION on the position to be adopted, on behalf of the European Union, at the Eleventh Conference of the Parties to the Basel Convention on the Control of Transboundary Movements of Hazardous Wastes and Their Disposal, with regard to amendments to the list of waste contained in Annex IX (List B) of this Convention
Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni Ewropea, fil-Ħdax-il Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta' Basilea dwar il-Kontroll tal-Movimenti li Jaqsmu l-Fruntieri tal-Iskart ta' Riskju u d-Disponiment Minnhom, fir-rigward tal-emendi fil-lista ta' skart inkluża fl-Anness IX (il-Lista B) ta' din il-Konvenzjoni
Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni Ewropea, fil-Ħdax-il Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta' Basilea dwar il-Kontroll tal-Movimenti li Jaqsmu l-Fruntieri tal-Iskart ta' Riskju u d-Disponiment Minnhom, fir-rigward tal-emendi fil-lista ta' skart inkluża fl-Anness IX (il-Lista B) ta' din il-Konvenzjoni
/* COM/2013/093 final - 2013/0055 (NLE) */
Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni Ewropea, fil-Ħdax-il Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta' Basilea dwar il-Kontroll tal-Movimenti li Jaqsmu l-Fruntieri tal-Iskart ta' Riskju u d-Disponiment Minnhom, fir-rigward tal-emendi fil-lista ta' skart inkluża fl-Anness IX (il-Lista B) ta' din il-Konvenzjoni /* COM/2013/093 final - 2013/0055 (NLE) */
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI 1. Il-Konvenzjoni ta’ Basilea
dwar il-Kontroll tal-Movimenti li Jaqsmu l-Fruntieri tal-Iskart ta' Riskju u
d-Disponiment Minnhom, li saret fit-22 ta’ Marzu 1989
(il-“Konvenzjoni ta’ Basilea"), tistabbilixxi proċedura ta’ kontroll
għall-esportazzjoni u l-importazzjoni tal-iskart ta’ riskju bejn
il-Partijiet. Il-Konvenzjoni daħlet fis-seħħ fl-1992 u issa
torbot 175 Parti. L-UE hija waħda mill-Partijiet
għall-Konvenzjoni ta’ Basilea. 2. Il-proċedura sabiex
jiġu emendati l-annessi tal-Konvenzjoni ta’ Basilea hija rregolata
mill-Artikoli 17 u 18 tal-Konvenzjoni. Kwalunkwe emenda proposta
għandha ssir minn Parti u tiġi kkomunikata mis-Segretarjat
lill-Partijiet kollha tal-inqas sitt xhur qabel il-laqgħa li fiha tiġi
proposta għall-adozzjoni. Kwalunkwe emenda ta’ dan it-tip għandha
tiġi adottata waqt laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet u tista’
tidħol fis-seħħ sitt xhur wara d-data li fiha d-Depożitarju
jkun ħareġ notifika permezz ta’ ċirkolari. 3. L-Anness IX
tal-Konvenzjoni ta' Basilea fih lista tal-iskart. L-iskart elenkat mhux se jkun
kopert mill-paragrafu 1(a) tal-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni u
għalhekk mhuwiex meqjus bħala "skart ta' riskju"
għall-fini tal-Konvenzjoni, sakemm ma jkunx jinkludi l-materjal
tal-Anness I sal-punt li jwassal biex dan jimmanifesta karatteristika
tal-Anness III. L-Anness I jelenka l-kategoriji ta' skart li
għandu jiġi kkontrollat (flussi ta' skart) u l-kostitwenti
tal-iskart. L-Anness III jinkludi lista ta' karatteristiċi ta'
riskju. Il-ħames applikazzjonijiet li ġejjin
għal entrati ġodda fl-Anness IX (il-Lista B) tal-Konvenzjoni ta'
Basilea ġew sottomessi f’Jannar u fi Frar tal-2011: (a)
Il-frazzjoni ta' plastik li ma tistax tiġi sseparata mill-pretrattament
ta' imballaġġi ta' likwidi użati;
(b) Skart ta' laminat ta' tikketti adeżivi sensittivi għall-pressjoni
li jkun fih materja prima fil-produzzjoni tal-materjal tat-tikketti li ma tkunx
koperta mill-entrata B3020 fl-Anness IX;
(c) Il-frazzjoni ta' aluminjuplastik li ma tistax tiġi sseparata
mill-pretrattament ta' imballaġġi ta' likwidi użati;
(d) Skart bijodegradabbli nadif mill-agrikoltura, l-ortikoltura, il-forestrija,
il-ġonna, il-parks u ċ-ċimiterji;
(e) Imballaġġ kompost li jinkludi l-aktar karti u xi plastik, li ma
jkunx fih residwi u li mhux kopert bl-entrata B3020 fl-Anness IX. 4. L-entrati tal-iskart li
jidhru hawn fuq żdiedu mal-Anness IIIB tar-Regolament (KE)
Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
tal-14 ta' Ġunju 2006 dwar vjeġġi ta' skart[1], fuq bażi provviżorja
sakemm tittieħed deċiżjoni dwar l-inklużjoni tagħhom
fl-Anness IX (il-Lista B) tal-Konvenzjoni ta' Basilea. Din
id-deċiżjoni ġiet adottata permezz tar-Regolament
tal-Kummissjoni (UE) Nru 135/2012 li jemenda r-Regolament (KE)
Nru 1013/2006 biex jinkludi ċertu skart mhux klassifikat
fl-Anness IIIB tiegħu[2]. 5. Il-Grupp ta' Ħidma
b'Mandat Indeterminat (OEWG), fit-tmien laqgħa tiegħu li saret
fil-25-28 ta' Settembru 2012, ħa nota tal-emendi proposti.
Wara li saru diskussjonijiet dwar dawn il-proposti, l-OEWG, fil-paragrafu 2
tad-deċiżjoni tiegħu OEWG-8/6, qabel li fil-Konferenza
tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta' Basilea jippreżenta l-abbozz ta'
entrati li ġej għall-Anness IX tal-Konvenzjoni, sabiex dan
jiġi kkunsidrat matul il-Ħdax-il Laqgħa tagħha
f'Mejju 2013 (COP-11): "B3075 L-iskart tal-bijomassa naturali
bbażat fuq il-pjanti mill-agrikoltura, l-ortikultura, il-forestrija,
il-ġonna, il-parks u ċ-ċimiterji li ma fihx materjali
tal-Anness I f'konċentrazzjonijiet biżżejjed biex
jimmanifesta karatteristiċi tal-Anness III u li ma fihx speċijiet
invażivi". Fil-paragrafu 3 tad-deċiżjoni
OEWG-8/6, l-OEWG ħa nota wkoll tal-abbozz ta' entrati alternattiv
possibbli li ġej għall-Anness IX tal-Konvenzjoni, li għandu
jiġi kkunsidrat mis-COP-11 u li fih erba’ mill-proposti jistgħu jingħaqdu,
filwaqt li jiġi nnutat li l-emenda proposta fuq l-iskart ta' laminat
tat-tikketti tista' tiġi integrata jew le: "B3025 Imballaġġ kompost li
[prinċipalment] jikkonsisti minn karti, plastik u aluminju [u frazzjonijiet
li fihom dawn il-materjali] mill-pretrattament ta' tali imballaġġ [,
inkluż [adeżiv sensittiv għall-pressjoni] skart ta' laminat
tat-tikketti], li ma fihx residwi u lanqas materjali tal-Anness I
f'konċentrazzjonijiet biżżejjed biex ikunu manifestati
karatteristiċi tal-Anness III". 6. COP-11 tista' tiddeċiedi
li fl-Anness IX (il-Lista B) tal-Konvenzjoni tinkludi, kwalunkwe entrati
ta' skart proposti fl-applikazzjonijiet ta' hawn fuq, jew kwalunkwe entrata ta'
skart imressqa mill-Grupp ta' Ħidma b'Mandat Indeterminat (OEWG) fit-tmien
laqgħa tagħhom, jew kwalunkwe entrata ta' hawn fuq li fiha l-emendi. 2013/0055 (NLE) Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li għandha
tiġi adottata, f'isem l-Unjoni Ewropea, fil-Ħdax-il Konferenza tal-Partijiet
għall-Konvenzjoni ta' Basilea dwar il-Kontroll tal-Movimenti li Jaqsmu
l-Fruntieri tal-Iskart ta' Riskju u d-Disponiment Minnhom, fir-rigward
tal-emendi fil-lista ta' skart inkluża fl-Anness IX (il-Lista B) ta'
din il-Konvenzjoni IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat dwar
il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 191(1),
flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni
Ewropea, Billi: (1) Il-Konvenzjoni ta' Basilea dwar
il-Kontroll tal-Movimenti li Jaqsmu l-Fruntieri tal-Iskart ta' Riskju u
d-Disponiment Minnhom daħlet fis-seħħ fl-1992. (2) Skont l-Artikoli 17 u 18
tal-Konvenzjoni ta' Basilea, l-emendi għal din il-Konvenzjoni
għandhom jiġu adottati f'laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet. (3) Ħames applikazzjonijiet
għal entrati ġodda fl-Anness IX (il-Lista B) tal-Konvenzjoni
ġew sottomessi f’Jannar u fi Frar tal-2011. Dawn l-entrati żdiedu,
fuq bażi provviżorja sakemm tittieħed deċiżjoni dwar
l-inklużjoni tagħhom fl-Anness IX (il-Lista B) tal-Konvenzjoni,
mal-Anness IIIB tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament
Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Ġunju 2006 dwar
vjeġġi ta' skart[3]
permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 135/2012 li jemenda
r-Regolament (KE) Nru 1013/2006 biex jinkludi ċertu skart mhux
klassifikat fl-Anness IIIB tiegħu[4]. (4) Wara li kkunsidra l-proposti
sottomessi, il-Grupp ta' Ħidma b'Mandat Indeterminat (OEWG), fit-tmien
laqgħa tiegħu li saret fil-25-28 ta' Settembru 2012,
qabel li fil-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta' Basilea
jippreżenta żewġ abbozzi ta' entrati fl-Anness IX
tal-Konvenzjoni sabiex dawn jiġu kkunsidrati. (5) Il-Ħdax-il Konferenza
tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta' Basilea tista' tiddeċiedi li
fl-Anness IX (il-Lista B) tal-Konvenzjoni tinkludi kwalunkwe entrata ta'
skart proposta fl-applikazzjonijiet ta' hawn fuq, jew kwalunkwe entrata ta'
skart imressqa mill-Grupp ta' Ħidma b'Mandat Indeterminat (OEWG) fit-tmien
laqgħa tiegħu, jew kwalunkwe entrata ta' hawn fuq li fiha l-emendi. ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI: Artikolu 1 Il-pożizzjoni li għandha
tittieħed mill-Unjoni Ewropea fil-Ħdax-il Konferenza tal-Partijiet
għall-Konvenzjoni ta' Basilea għandha tkun dik li fl-Anness IX
(il-Lista B) tal-Konvenzjoni tiġi inkluża kwalunkwe entrata ta' skart
kif propost fl-applikazzjonijiet sottomessi, jew kwalunkwe entrata ta' skart
imressqa mill-Grupp ta' Ħidma b'Mandat Indeterminat (OEWG) fit-tmien
laqgħa tiegħu, jew kwalunkwe entrata ta' hawn fuq li fiha emendi
xierqa. Jista' jsir qbil dwar bidliet żgħar
f'din il-pożizzjoni mir-rappreżentanti tal-Unjoni fil-Ħdax-il
Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta' Basilea mingħajr
deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill. Artikolu 2 Wara li tiġi adottata,
id-Deċiżjoni tal-Ħdax-il Konferenza tal-Partijiet
għall-Konvenzjoni ta' Basilea fir-rigward tal-emendi tal-Anness IX
(il-Lista B) tal-Konvenzjoni għandha tkun ippubblikata f'Il-Ġurnal
Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Artikolu 3 Din id-Deċiżjoni għandha
tidħol fis-seħħ [ …]. Magħmul fi Brussell, Għall-Kunsill Il-President [1] ĠU L 190, 12.7.2006, p.1 [2] ĠU L 46, 17.2.2012, p.30. [3] ĠU L 190, 12.7.2006, p.1 [4] ĠU L 46, 17.2.2012, p.30.