This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52013DC0762
COMMUNICATION FROM THE COMMISSION TO THE EUROPEAN PARLIAMENT AND THE COUNCIL Implementing the Energy Efficiency Directive – Commission Guidance
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL L-Implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija — il-Gwida tal-Kummissjoni
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL L-Implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija — il-Gwida tal-Kummissjoni
/* COM/2013/0762 final */
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL L-Implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija — il-Gwida tal-Kummissjoni /* COM/2013/0762 final */
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL L-Implimentazzjoni tad-Direttiva dwar
l-Effiċjenza fl-Enerġija — il-Gwida tal-Kummissjoni 1. Introduzzjoni
l-Ewropa ma tiflaħx taħli
l-enerġija. Il-kisba ta’ Ewropa effiċjenti fl-enerġija ilha mira
tal-UE għal żmien twil, appoġġata kemm-il darba
mill-Kapijiet tal-Istati u l-Gvernijiet tal-UE. Fl-2007 il-Kunsill Ewropew adotta
għanijiet ambizzjużi dwar l-enerġija u t-tibdil fil-klima
għall-2020 — biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta'
serra b’20 %, biex jiżdied is-sehem tal-enerġija li
tiġġedded b’ 20 % u biex tintlaħaq effiċjenza
fl-enerġija ta' 20 %[1].
Dawn il-miri ġew ikkonfermati
mill-ġdid fl-Istrateġija Ewropa 2020[2],
li hija maqsuma fost l-istituzzjonijiet Ewropej, l-Istati Membri u
l-imsieħba soċjali, li lkoll għandhom rwol importanti x'jaqdu
biex jiżguraw li l-UE tieħu l-azzjonijiet meħtieġa biex
jintlaħqu l-miri ta’ Ewropa 2020. Tbassir fl-2010[3]
wera li l-mira dwar l-effiċjenza enerġetika tal-UE għall-2020 ma
kienetx se tintlaħaq u li għaldaqstant miżuri ġodda kienu
meħtieġa fil-livell Ewropew u dak nazzjonali. Biex tegħleb din
is-sitwazzjoni, fl-2011 il-Kummissjoni ressqet proposta għal Direttiva
dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija. Il-proposta bniet fuq l-esperjenza
miksuba f’diversi oqsma, notevolment dwar il-prestazzjoni enerġetika
tal-bini, dwar is-servizzi tal-enerġija u dwar il-koġenerazzjoni. Dak
li jgħaqqad lil dawn l-oqsma huwa l-potenzjal kbir
għall-effiċjenza enerġetika li għadu jeżisti, biex
b’hekk il-proposta bdiet mill-bażi li l-maġġoranza ta’ frankar
tal-enerġija meħtieġ jista’ jintlaħaq permezz ta’ titjib
fl-effiċjenza enerġetika (jiġifieri billi jintuża inqas
kontribut enerġetiku għall-istess livell ta’ attività ekonomika jew
servizz). L-għan ġenerali tal-proposta kien li jingħata
kontribut sinifikanti biex tintlaħaq il-mira għall-effiċjenza
fl-enerġija tal-UE għall-2020 kif ukoll biex tistabbilixxi qafas
komuni biex tkun promossa l-effiċjenza fl-enerġija fl-Unjoni lil hinn
mill-2020. Dik il-proposta kienet eventwalment adottata miż-żewġ
koleġiżlaturi fil-25 ta’ Ottubru 2012 bħala
d-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija 2012/27/UE[4]. 2. Id-Direttiva
dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija Id-Direttiva dwar l-Effiċjenza
fl-Enerġija (l-“EED” - Energy Efficiency Directive) ġiet ippubblikata
fil-Ġurnal Uffiċjali fl-14 ta’ Novembru 2012, u
daħlet fis-seħħ fl-4 ta’ Diċembru 2012.
L-Istati Membri se jkollhom jittrasponuha sal-5 ta’ Ġunju 2014
(minbarra ċerti dispożizzjonijiet li għalihom hija prevista data
tat-traspożizzjoni differenti[5]).
L-EED tippreżenta miżuri legalment
vinkolanti sabiex jiżdiedu l-isforzi tal-Istati Membri biex jużaw
l-enerġija b’mod aktar effiċjenti fl-istadji kollha tal-katina
enerġetika – mit-trasformazzjoni tal-enerġija u d-distribuzzjoni
tagħha sal-konsum finali tagħha. L-aktar rekwiżiti importanti
tad-Direttiva, f’termini ta’ politika futura dwar l-enerġija, huma
ppreżentati fil-qosor hawn taħt. L-ewwel nett, biex issaħħaħ
l-impenn politiku meħud mill-Istati Membri fl-Istrateġija
UE 2020, l-EED tiddefinixxi b’mod ċar u tikkwantifika
għall-ewwel darba l-mira għall-effiċjenza enerġetika tal-UE
bħala l-"konsum enerġetiku tal-Unjoni għall-2020 ta'
mhux aktar minn 1 474 Mtoe[6]
enerġija primarja jew mhux aktar minn 1 078 Mtoe ta' enerġija
finali"[7].
Bl-adeżjoni tal-Kroazja fl-1 ta’ Lulju 2013, dawn il-miri
ġew aġġustati għal “mhux aktar minn 1 483 Mtoe
enerġija primarja jew mhux aktar minn 1 086 Mtoe enerġija
finali”. L-implimentazzjoni sħiħa u korretta
tal-EED se taqdi rwol importanti fil-kisba tal-mira tal-UE 2020 ta'
20 % effiċjenza enerġetika li mbagħad se tikkontribwixxi
għall-qafas UE 2030 għall-politiki tal-klima u
tal-enerġija, kif spjegat fil-Green Paper COM (2013) 169 finali.
L-evalwazzjoni tal-progress lejn il-miri nazzjonali indikattivi għall-effiċjenza
enerġetika stabbiliti mill-Istati Membri f'konformità mal-Artikolu 3
tal-EED se tikkontribwixxi għad-diskussjoni dwar liema tipi ta’ mira u
f’liema livell jistgħu jkunu xierqa għall-2030. L-EED jeħtieġ ukoll lill-Istati
Membri li jistabbilixxu miri indikattivi nazzjonali tal-effiċjenza
enerġetika għall-2020, li jistgħu jkunu bbażata fuq
indikaturi differenti (konsum tal-enerġija primarja jew finali, jew
l-iffrankar tal-enerġija primarja jew finali, jew l-intensità
tal-enerġija). L-Istati Membri kellhom jinnotifikaw dawn il-miri u kif
dawn isarrfu f’termini tal-użu ta' enerġija primarja u finali fl-2020
lill-Kummissjoni sat-30 ta’ April 2013 jew bħala parti
mill-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma jew f’komunikazzjoni separata[8]. Dan it-tagħrif ġie mdaħħal
fil-proċess tas-Semestru Ewropew[9],
u qiegħed ikun evalwat bħala element fil-valutazzjoni tal-probabbiltà
tal-kisba tal-mira ġenerali tal-UE sal-2020 u sa fejn l-isforzi
individwali jilħqu l-mira komuni. L-Istati Membri kollha issa nnotifikaw
il-miri indikattivi nazzjonali tagħhom, għalkemm tnejn għadhom
ma ġewx irrappurtati fil-format rikkjest mid-Direttiva. Il-miri
indikattivi nazzjonali tal-effiċjenza, meħudin kollettivament,
jissuġġerixxu li l-Istati Membri jimmiraw li jikbsu biss madwar
16.4 % ta' frankar mill-enerġija primarja u 17.7 % ta' frankar
mill-enerġija finali sal-2020 - mhux l-20 % kollha meħtieġa
biex tintlaħaq il-mira ġenerali tal-UE[10]. Madanakollu, evalwazzjoni
iktar profonda li tinkludi l-miri tal-Istati Membri kollha, riżultati tal-mudelli
enerġetiċi u l-inklużjoni ta' iktar strumenti politiċi li
qegħdin jiġu żviluppati bħalissa se jkollhom jiġu
meħuda qabel ikun jista' jingħata riżultat iktar affidabbli.
F'konformità mal-Artikolu 3(2) u l-Artikolu 24(7) tal-EED,
il-Kummissjoni għandha tressaq il-valutazzjoni tagħha dwar
il-progress miksub lejn il-mira 2020 għall-effiċjenza enerġetika
lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill
sat-30 ta’ Ġunju 2014. Barra minn hekk, id-Direttiva tirrikkjedi li
sat-30 ta’ April 2014 l-Istati Membri jistabbilixxu u
jippubblikaw l-istrateġiji fit-tul tagħhom dwaw ir-rinnovazzjoni
tal-bini, obbligu kruċjali minħabba li kważi 40 %
tal-konsum finali tal-enerġija huwa fid-djar, fl-uffiċini
pubbliċi u privati, fil-ħwienet u f'binjiet oħrajn. Il-binjiet
tas-settur pubbliku għandhom imexxu billi jagħtu eżempju —
3 % tal-bini li jkun proprjetà ta’ u okkupat minn gvernijiet ċentrali
għandu jiġi rinovat kull sena għal-livell li l-Istat Membru
stabbilixxa skont id-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu
tal-Enerġija[11].
Ir-rwol ewlieni tas-settur pubbliku huwa rikonoxxut ukoll
fid-dispożizzjonijiet tal-EED dwar l-akkwist pubbliku, bil-gvern
ċentrali rikkjest, taħt ċerti kundizzjonijiet, li jixtri l-aktar
prodotti, servizzi u bini effiċjenti fl-enerġija. l-Istati Membri jridu jiżguraw li
ċertu ammont ta’ ffrankar tal-enerġija jitwettaq tul il-perjodu
2014-2020 fil-livell tal-utent finali jew billi jistabbilixxu jew skema
għall-obbligi ta’ effiċjenza enerġetika inkella miżuri ta’
politika alternattivi. Biex ikun hemm rikonoxximent tal-potenzjal ta’
ffrankar sinifikanti tal-enerġija f'intrapriżi tal-kategoriji u
t-tipi kollha, l-intrapriżi kollha huma mħeġġa jkollhom
verifiki enerġetiċi, u dan huwa obbligatorja kull erba’ snin għal
dawk li mhumiex SMEs. L-Istati Membri huma rikkjesti li jiżviluppaw
programmi biex iħeġġu lill-SMEs biex iwettqu verifiki
tal-enerġija u biex jissensibilizzaw lill-familji dwar
il-benefiċċji ta’ tali verifiki. Permezz tal-identifikazzjoni ta’
possibiltajiet ta’ ffrankar tal-enerġija, il-verifiki tal-enerġija se
jservu ta’ bażi għall-iżvilupp ta’ suq għas-servizzi
tal-enerġija. L-informazzjoni dwar il-konsum enerġetiku
hija kruċjali biex il-klijenti jagħmlu deċiżjonijiet
infurmati dwar il-provvista u l-użu tal-enerġija. Għaldaqstant,
id-Direttiva tinkludi rekwiżiti dettaljati dwar il-metraġġ u
l-ħruġ ta’ kontijiet għall-klijenti finali. Madwar 30 % tal-enerġija primarja
tal-UE tintuża mis-settur tal-enerġija, l-aktar
għat-trasformazzjoni tal-enerġija għall-elettriku u
t-tisħin u għad-distribuzzjoni. Għaldaqstant id-Direttiva
għandha l-għan li timmassimizza l-effiċjenza tal-grilja u
tal-infrastruttura u li tippermetti u tippromwovi t-tweġiba
għad-domanda u tistabbilixxi obbligi u l-inkoraġġiment
għall-użu ikbar ta’ koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja
u għat-tisħin u t-tkessiħ distrettwali. L-effiċjenza fl-enerġija hija
waħda mill-mezzi l-aktar kost-effettivi għat-titjib fis-sigurtà
tal-forniment tal-enerġija, u għat-tnaqqis fl-emissjonijiet ta’
gassijiet b’effett ta’ serra u sustanzi oħrajn li jniġġsu. Is-sistema
tal-enerġija u s-soċjetà kollha kemm hi jeħtieġ li jsiru
ħafna iktar effiċjenti fl-enerġija. It-titjib
tal-effiċjenza fl-enerġija hija prijorità fix-xenarji kollha
tad-dekarbonizzazzjoni ppreżentati fil-Pjan Direzzjonali
għall-Enerġija 2050 u għalhekk l-attenzjoni għandha tibqa'
primarjament iffukata fuq l-effiċjenza fl-enerġija anki f’dan
il-kuntest. Analiżi ta’ tendenzi f’indikaturi
prinċipali tissuġġerixxi li, bil-politiki tal-effiċjenza
tal-enerġija b’saħħithom u l-implimentazzjoni sħiħa
tal-EED, l-UE tista’ terġa' taqbad it-triq biex tilħaq il-mira
tagħha fl-2020. Jekk dan jinkiseb, kull sena sal-2020, l-ispejjeż
tal-enerġija tad-djar u l-industriji Ewropej ikunu madwar
€ 38 biljun inqas, il-ħtieġa għall-investiment
fil-ġenerazzjoni tal-enerġija u d-distribuzzjoni jkun madwar
€ 6 biljun inqas u jkun hemm madwar € 24 biljun investiti
fit-titjib fid-djar u l-uffiċini tagħna, fil-provvediment ta’
vantaġġ kompetittiv għall-industriji tagħna u l-ħolqien
ta' impjiegi lokali. 3. Dokumenti
ta’ ħidma tal-persunal bi gwida aktar dettaljata dwar
id-dispożizzjonijiet tal-EED Il-maġġoranza
tad-dispożizzjonijiet tal-EED għandhom jiġu trasposti
fil-liġi nazzjonali sal-5 ta' Ġunju 2014.
Għall-Artikolu 7 l-Istati Membri jridu jibagħtu l-miżuri
pjanati tal-politika lill-Kummissjoni
sal-5 ta’ Diċembru 2013. L-użu tal-appoċċ
alternattiv mill-Istati Membri fl-Artikolu 5(6) u l-eżenzjonijiet
għar-rekwiżiti tal-Artikolu 14(5) għandhom jiġu
nnotifikati lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Diċembru 2013. Peress li l-effiċjenza tal-enerġija
tiddependi fuq diversi azzjonijiet fuq skala żgħira, id-Direttiva
dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija fiha dispożizzjonijiet kumplessi u
dettaljati, ħafna drabi ta’ natura teknika ħafna. Il-Kummissjoni hija
mħassba li taħdem mill-qrib mal-Istati Membri fit-traspożizzjoni
u l-implimentazzjoni effettiva tad-Direttiva, u għal dan l-għan,
ħejjiet seba’ Dokumenti ta’ Ħidma tal-Persunal (DĦP), li
jispjegaw f’aktar dettall kif, fl-opinjoni tas-servizzi tal-Kummissjoni,
ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva għandhom jinqraw u kif
jistgħu jiġu applikati l-aħjar. Dawn id-DĦP ma jibdlux
l-effetti legali tad-Direttiva u huma mingħajr preġudizzju għal
interpretazzjoni li torbot tad-Direttiva kif mogħtija mill-Qorti
tal-Ġustizzja. Id-dokumenti jittrattaw suġġetti fid-Direttiva li
huma legalment kumplessi, eżiġenti biex jiġu trasposti u
għandhom potenzjal għoli f’termini ta’ impatt fuq l-effiċjenza
enerġetika. Dawn jikkonċernaw
l-Artikoli 5-11, 14 u 15 tal-EED, li jinkludu
dispożizzjonijiet dwar bini tal-gvern ċentrali, l-akkwist pubbliku,
l-obbligi u l-alternattivi tal-effiċjenza enerġetika, il-verifiki
tal-enerġija, il-metraġġ u l-ħruġ tal-kontijiet,
il-koġenerazzjoni u l-grilji u t-tweġiba għad-domanda.
Għandu jiġi nnutat li l-EED fiha rekwiżiti minimi u li, skont
l-Artikolu 1(2), l-Istati Membri jistgħu jintroduċu miżuri
aktar stretti kompatibbli mal-liġi tal-Unjoni. Id-DĦP dettaljati se jkun marbuta ma’ din
il-Komunikazzjoni u sommarju qasir tal-kwistjonijiet ewlenin huwa mogħti
hawn taħt. Peress li t-traspożizzjoni
sħiħa tal-EED f’ordnijiet legali nazzjonali tirrikjedi ppjanar
fit-tul, il-Kummissjoni qiegħda tippubblika din il-Komunikazzjoni u
d-DĦP ta' magħha qabel id-data ta' għeluq
tat-traspożizzjoni tad-Direttiva. 3.1. Gwida
dwar l-Artikolu 5 (Ir-rwol eżemplari tal-bini tal-gvern
ċentrali) L-Artikolu 5 jirrikjedi li kull sena
l-gvernijiet ċentrali tal-Istati Membri jirrinnovaw 3 % tal-erja
totali tal-art tal-binjiet li huma jippossjedu u jokkupaw li ma jilħqux
ir-rekwiżiti ta’ effiċjenza minimi stabbiliti skont id-Direttiva dwar
ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija 2010/31/KE mill-inqas
għal-livelli ta' effiċjenza li huma stabbilew fl-applikazzjoni ta'
dik id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu u jagħmlu
pubblikament disponibbli inventarju tal-bini kollu rilevanti tal-gvern
ċentrali sal-31 ta’ Diċembru 2013. Jekk Stat Membru
jirrinova aktar minn 3 % tal-erja totali tal-art tal-bini tal-gvern
ċentrali, dan jista' jingħadd bħala parti mill-obbligi tagħha
f’kull waħda mit-tliet snin preċedenti jew mit-tliet snin
sussegwenti. Bħala alternattiva għar-rekwiżit li jirrinnovaw
3 % tal-ispazju totali tal-art tal-bini tal-gvern ċentrali, l-Istati
Membri jistgħu jieħdu miżuri kost-effettivi oħra li jiksbu
tal-anqas livell ekwivalenti ta’ ffrankar tal-enerġija fil-bini tal-gvern
ċentrali tagħhom. L-ammont ta’ ffrankar tal-enerġija
meħtieġ skont l-approċċ alternattiv hija kumulattiva, li
jfisser li l-Istati Membri huma meħtieġa jilħqu s-somma ta’
frankar annwali tal-enerġija tul il-perjodu kollu bejn l-2014 u l-2020,
irrispettivament mill-iffrankar miksub f’kull sena individwali matul dak
il-perjodu. L-Istati Membri jistgħu jużaw stimi biex jiġi
stabbilit il-livell meħtieġ ta’ tfaddil. Għad-determinazzjoni tal-kamp ta'
applikazzjoni tal-obbligu skont l-Artikolu 5, id-definizzjoni ta’ “gvern
ċentrali” mogħtija fl-Artikolu 2(9) tal-EED hija kruċjali.
'Gvern ċentrali' tfisser 'id-dipartimenti amministrattivi kollha li
l-kompetenzi tagħhom testendi fuq it-territorju kollu ta' Stat Membru'.
B’segwitu għal din id-definizzjoni, l-Istati Membri jistgħu jirreferu
għall-Anness IV tad-Direttiva dwar l-Akkwist Pubbliku[12], li tinkludi elenku ta’ korpi
tal-gvern ċentrali fl-Istati Membri kollha, kif ukoll
għad-definizzjoni tal-gvern ċentrali li tinsab fil-Gwida
għar-Regolament tal-Kunsill 479/2009/KE dwar l-applikazzjoni tal-Protokoll
dwar il-proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv.
Għall-Istati Membri bi struttura federali l-aħħar sentenza
tal-premessa 17 tal-EED hija rilevanti. Id-DĦP dwar l-Artikolu 5 jistipula
kriterji u referenzi possibbli għall-istabbiliment ta' liema bini jaqa’
fil-kamp ta' applikazzjoni tal-obbligu. Dan jagħti wkoll eżempji
prattiċi ta’ kif it-3 % mira ta' tiġdid u l-obbligu skont
l-approċċ alternattiv jistgħu jiġu stabbiliti u
milħuqa. 3.2. Gwida
dwar l-Artikolu 6 (Ix-xiri mill-korpi pubbliċi) Id-Direttiva dwar l-Akkwist Pubbliku
2004/18/KE tistabbilixxi l-qafas dwar l-akkwisti u għandha l-għan li
tiżgura prinċipji bħalma huma l-kompetizzjoni ġusta u
l-kisba tal-aħjar valur għall-flus tal-kontribwenti. Dan iħalli
għal leġiżlazzjoni speċifika, bħall-EED, kwalunkwe
definizzjoni ta’ x’għandu jinxtara. L-Artikolu 6 tal-EED jirrikkjedi,
taħt ċerti kundizzjonijiet, li l-gvernijiet ċentrali jixtru
prodotti, servizzi u bini bi prestazzjoni għolja fl-effiċjenza
enerġetika definiti permezz ta’ atti leġiżlattivi tal-UE,
bħad-Direttiva dwar it-Tikkettar tal-Enerġija[13] u regolamenti delegati li
jissupplimentaw, id-Direttiva dwar l-Ekodisinn[14]
u r-regolamenti implimentattivi tagħha, id-Direttiva dwar ir-rendiment
tal-bini fl-użu tal-enerġija jew il-Programm Energy Star.
L-Anness III tal-EED jistabbilixxi elenku ta’ rekwiżiti
għall-effiċjenza enerġetika definiti f’dawn l-atti tal-UE. Id-DĦP jiċċara
d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-atti tal-UE msemmija fl-Anness III
fir-rgward tal-akkwist pubbliku. Hawnhekk ukoll id-definizzjoni ta’ “gvern
ċentrali” hija kruċjali għad-determinazzjoni tal-kamp ta’
applikazzjoni tal-obbligi tal-akkwist pubbliku. L-obbligu tal-akkwist pubbliku hija
kondizzjonali fuq elementi bħall-kosteffettività, l-idoneità teknika u
s-sostenibbiltà usgħa. Id-DĦP jispjega dawn il-“kundizzjonalitajiet”,
pereżempju d-differenza bejn l-kosteffettività taċ-ċiklu
tal-ħajja u l-vijabbiltà ekonomika, u f’liema ċirkustanzi l-Istati
Membri jistgħu japplikawhom. Dan jagħti wkoll kriterji possibbli li
abbażi tagħhom l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu liema
entitajiet huma koperti permezz tal-obbligi tal-akkwist pubbliku. 3.3. Gwida
dwar l-Artikolu 7 (Obbligi dwar l-effiċjenza enerġetika u
alternattivi) L-Artikolu 7 huwa responsabbli għal
nofs l-iffrankar tal-enerġija li l-EED għandha tikseb. Din hija
kumplessa u xi dispożizzjonijiet[15]
għandhom jibdew japplikaw qabel it-tmiem tal-perjodu ta’
traspożizzjoni tal-EED. . Dan l-Artikolu jirrikjedi li l-Istati Membri
jistabbilixxu skemi dwar l-obbligi tal-effiċjenza enerġetika jew li
jużaw miżuri ta’ politika alternattivi biex jiksbu ċertu ammont
immirat ta’ ffrankar tal-enerġija mal-klijenti finali. L-iffrankar
tal-enerġija li għandu jinkiseb permezz tal-iskemi tal-obbligi
tal-effiċjenza enerġetika u miżuri alternattivi skont
il-paragrafu 9 għandhom ikunu mill-inqas ekwivalenti għall-kisba
ta’ ffrankar ġdid ta’ 1.5 % kull sena
mill-1 ta’ Jannar 2014
sal-31 ta’ Diċembru 2020 tal-bejgħ annwali tal-enerġija
lill-klijenti finali tad-distributuri tal-enerġija kollha jew il-kumpaniji
kollha tal-bejgħ tal-enerġija fil-livell tal-klijent li bil-volum fuq
il-medja tal-2010, 2011 u 2012. Id-DĦP jispjega kif dan l-ammont immirat
ġenerali ta' frankar ġdid u kumulattiv ta’ enerġija li għandu
jintlaħaq matul il-perjodu tal-obbligu 2014-2020 għandu jiġi
kkalkulat, u jiċċara liema settijiet ta’ dejta statistiċi
jistgħu jintużaw. Barra minn hekk, dan l-ammont jista’ jitnaqqas
mill-Istati Membri sa 25 % bl-użu ta’ erba’ possibbiltajiet
speċifiċi, jiġifieri billi jintużaw rati iktar baxxi
għat-tfaddil, li jeskludu parzjalment jew b'mod sħiħ
l-industriji ETS, li jippermettu ċertu frankar min-naħa tal-provvista
jew l-għadd tal-iffrankar enerġetiku minn azzjoni bikrija
mill-31 ta’ Diċembru 2008 li jkun għadhom iwasslu
impatt fl-2020. Id-DĦP jispjega kif dawn il-possibbiltajiet stabbiliti
fl-Artikolu 7(2) jistgħu jintużaw. Id-DĦP jagħti eżempji tat-tipi
ta’ miżuri ta' politika u l-iffrankar tal-enerġija li jirriżulta
minnhom li jistgħu jiġu kkunsidrati. Id-DĦP jiġbed ukoll
l-attenzjoni lejn il-metodi u l-prinċipji stabbiliti fl-Anness V
tal-EED li jeħtieġu li jkunu segwiti fil-kalkolu tal-iffrankar
tal-enerġija. Hekk kif huwa meħtieġ frankar
“ġdid”, mhux kull ħaġa li l-Istati Membri għamlu f'kull
żmien fil-qasam tal-effiċjenza enerġetika mil-lat tal-użu
finali tista' tingħadd għall-għanijiet tal-Artikolu 7.
Id-DĦP jispjega li l-iffrankar tal-enerġija miksub minn azzjonijiet
individwali fi ħdan il-perjodu tal-obbligu (jiġifieri mill-1 ta’ Jannar 2014
sal-31 ta’ Diċembru 2020) jistgħu jiġu
magħduda, anki jekk il-miżura ta’ politika li wasslet
għall-azzjonijiet ġiet adottata/introdotta qabel
l-1 ta’ Jannar 2014. F’termini ta’ traspożizzjoni u
implimentazzjoni, sal-5 ta’ Diċembru 2013, l-Istati Membri
għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni l-metodoloġija dettaljata
pjanata, proposta jew legalment definita għat-tħaddim tagħhom
tal-iskema ta’ obbligi ta’ effiċjenza enerġetika, kif ukoll
il-miżuri ta’ politika li huma jippjanaw bħala miżuri alternattivi.
Għandu jiġi mfakkar li l-Istati
Membri huma rikkjesti li jistabbilixxu regoli dwar pieni effettivi,
proporzjonati u disswassivi applikabbli fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità
mad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont dan l-Artikolu
(l-Artikolu 13 EED). 3.4. Gwida
dwar l-Artikolu 8 (Il-Verifiki tal-Enerġija u s-Sistemi ta'
Ġestjoni tal-Enerġija) L-Artikolu 8 jimponi żewġ
obbligi prinċipali fuq l-Istati Membri: li jippromwovu d-disponibbiltà ta’
verifiki tal-enerġija fost il-klijenti finali fis-setturi kollha u biex
jiġi żgurat li l-intrapriżi li mhumiex SMEs iwettqu verifiki
tal-enerġija mill-inqas kull erba’ snin. Il-verifiki għandhom ikunu
kost-effettivi u mwettqa minn esperti kwalifikata/akkreditati jew sorveljati
minn awtoritajiet indipendenti. L-EED jiddefinixxi “SMEs” permezz ta' referenza
għar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE u d-DĦP jispjega
l-elementi tad-definizzjoni kif stabbiliti fir-Rakkomandazzjoni (inqas minn 250
impjegat, fatturat annwali li ma jaqbiżx l-EUR 50 miljun, u/jew
total annwali tal-karta tal-bilanċ li ma jaqbiżx
l-EUR 43 miljun). Japplikaw regoli nazzjonali tax-xogħol rigward
id-definizzjoni ta’ ‘impjegati’. Id-DĦP jispjega li skont id-definizzjoni
tal-UE, intrapriża f’pajjiż wieħed għandha tiddetermina
jekk hix sieħba jew marbuta ma’ intrapriża f’pajjiż ieħor.
Dan ikun il-każ jekk intrapriża ikollha iktar minn 25 %
tal-kapital jew tad-drittijiet tal-vot f’intrapriża oħra[16] (jew viċi versa) u f’dan
il-każ in-numru totali ta’ impjegati tas-sieħeb/sieħba jew
kumpaniji marbuta għandhom jiġu analizzati biex ikun verifikat jekk
l-intrapriżi humiex SMEs jew le. L-applikazzjoni ta’ din id-definizzjoni
fil-prattika teħtieġ, pereżempju, il-konsiderazzjoni ta’ dejta
konsolidata dwar kull intrapriża, inkluż fi Stati Membri oħra u
barra l-Ewropa, sabiex jiżguraw definizzjoni u trattament armonizzati
madwar l-UE. Id-DĦP jagħti eżempji ta’ miżuri, bħal
reġistri tal-SMEs, reġistri pubbliċi ta’ kumpaniji skont
id-daqs, eċċ., li jistgħu jkunu utli fl-identifikazzjoni ta'
liema intrapriżi jaqgħu taħt l-obbligu tal-verifika enerġetika. Bħala riżultat, friegħi
żgħar fi Stat Membru wieħed jista’ jkollhom il-ħtieġa
li jwettqu verifika tal-enerġija kull erba’ snin minħabba li ma
jaqgħux taħt id-definizzjoni ta’ SME u għaldaqstant jaqgħu
taħt il-kategorija ta’ intrapriżi kbar. Dan m’għandux jitqies
bħala piż żejjed jew sproporzjonat[17] għax fuq naħa dawn
l-intrapriżi jista' jkun li jkunu qegħdin jimplimentaw sistemi ta’
ġestjoni tal-enerġija u għaldaqstant jiġu eżentati
minn dan l-obbligu ta’ verifika jew jista’ jkollhom arranġamenti fejn
il-fergħa tista’ tkun mgħejuna bil-verifika, pereżempju minn
esperti interni tal-kumpanija ewlenija; u min-naħa l-oħra,
minħabba li l-verifika tal-enerġija inkwistjoni x’aktarx ikollha kamp
ta' applikazzjoni u spiża iktar limitati. Id-DĦP jispjega l-flessibbiltà stipulata
fl-Artikolu 8 biex jiġu ssodisfati l-obbligi ta’ verifika.
Għaldaqstant, l-intrapriżi kbar li jimplimentaw sistemi ta’
ġestjoni tal-enerġija jew ambjentali huma eżenti
mir-rekwiżit ta’ verifiki tal-enerġija kull erba’ snin.
Intrapriżi kbar li jimplimentaw verifiki tal-enerġija taħt
ftehimiet volontarji (b’sorveljanza xierqa) huma kkunsidrati li jissodisfaw
ir-rekwiżit tal-enerġija regolari tal-verifika. Għall-fini li tiġi garantita
l-kwalità għolja tal-verifiki tal-enerġija u s-sistemi tal-ġestjoni
tal-enerġija, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu rekwiżiti
minimi għall-verifiki tal-enerġija bbażati fuq l-Anness VI
tal-EED, u d-DĦP jagħti eżempji prattiċi tal-livell ta’
dettall li verifika tal-enerġija għandha tinkludi. In-nota ta’ gwida
tispjega wkoll kif is-sistemi ta’ verifika tal-EED jirrigwardaw l-valutazzjoni
tal-akkreditazzjoni u tal-konformità, hekk kif irregolat mir-Regolament (KE)
Nru 765/2008. Għandu jiġi mfakkar li, bħal
fil-każ tal-Artikolu 7, l-Istati Membri huma rikkjesti li
jistabbilixxu regoli dwar il-penali applikabbli f’każ ta’ nuqqas ta’
konformità mad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati għal verifiki
tal-enerġija. 3.5. Gwida
dwar l-Artikoli 9-11 (Informazzjoni dwar il-metraġġ u
l-ħruġ tal-kontijiet) L-Artikolu 9 jirrikjedi li l-klijenti
finali tal-elettriku, tal-gass naturali, tat-tisħin distrettwali,
tat-tkessiħ distrettwali u tal-ilma sħun għandu jkollhom
arloġġi individwali bi prezz kompetittiv li jirrifletti b’mod
preċiż il-konsum tal-enerġija tagħhom u tipprovdi
informazzjoni dwar iż-żmien ta’ użu tal-enerġija
tagħhom (b’eċċezzjonijiet ibbażati fuq raġunijiet
tekniċi u finanzjarji). Id-dispożizzjonijiet tal-EED dwar
l-informazzjoni dwar il-metraġġ u l-ħruġ tal-kontijiet
jieħdu f’idejhom u jagħmlu aktar effettivi uħud
mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva iktar bikrija 2006/32/KE dwar
effiċjenza fl-użu finali tal-enerġija u dwar servizzi
tal-enerġija (li l-biċċa l-kbira tagħhom se jiġu
revokati permezz tal-EED fil-5 ta’ Ġunju 2014).
Mill-31 ta’ Diċembru 2016, il-ħtieġa
għall-provvista ta’ arloġġi għall-konsum individwali
lill-klijenti finali tat-tisħin u t-tkessiħ se testendi għal
binjiet b’aktar minn appartament wieħed u b'iktar minn skop wieħed
b’sors ċentrali ta’ tisħin/tkessiħ jew fornuti minn sors
ċentrali li jaqdi diversi binjiet (b’eċċezzjonijiet
ibbażati fuq raġunijiet tekniċi u finanzjarji). In-nota ta' gwida tagħmilha ċara li
l-Artikolu 9 ma jirrikkjedix l-introduzzjoni ta' sistemi ta'
arloġġi Smart (dan huwa indirizzat fid-Direttivi tat-Tielet Pakkett:
2009/72/KE u 2009/73/KE), iżda tiċċara li jekk Stati Membri
jintroduċu l-metraġġ Smart, imbagħad diversi obbligi jkunu
japplikaw skont l-Artikolu 9(2), bħal li l-arloġġi Smart
għandhom ikunu kapaċi jikkalkulaw l-elettriku fornut lill-grilja
mill-fond tal-klijent. Dan jistabbilixxi wkoll il-valutazzjoni li “klijent
finali” jistgħu jinkludu mhux biss il-persuna li tuża l-enerġija
iżda wkoll persuna jew organizzazzjoni bħal kooperattiva ta’ sidien
f’bini b’aktar minn appartamenti wieħed, li tixtri l-enerġija kollettivament.
L-Artikolu 10 jitlob li l-klijenti finali b’arloġġi individwali
tradizzjonali għandhom normalment ikunu infurmati mill-inqas kull
6 xhur kemm ġie l-kont għall-enerġija li huma użaw
fl-aħħar perjodu — kull 3 xhur jekk jistaqsu għaliha jew
joħorġilhom kont elettronikament. Fejn arloġġi Smart
tal-elettriku/gass huma disponibbli, l-Artikolu 10 jagħti
lill-klijenti finali dritt għal informazzjoni dettaljata dwar il-konsum
tal-enerġija tagħhom taħt il-kuntratt ta’ forniment attwali tagħhom
għas-sentejn ta’ qabel, u (b’eċċezzjonijiet) għal paragun
mal-konsum ta’ utent tipiku. L-Artikolu 11 jagħti d-dritt
lill-klijenti finali li jirċievu kontijiet u informazzjoni dwar kif
jinħadmu l-kontijiet għall-konsum tal-enerġija tagħhom
mingħajr ħlas. Għandu jiġi mfakkar li l-Istati
Membri huma rikkjesti li jistabbilixxu regoli dwar pieni effettivi,
proporzjonati u disswassivi applikabbli fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità
mad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont dan l-Artikoli 9
sa 11 (l-Artikolu 13 EED). 3.6. Gwida
dwar l-Artikolu 14 (Il-promozzjoni tal-effiċjenza fit-tisħin u
fit-tkessiħ) L-Artikolu 14 jestendi l-kamp ta'
applikazzjoni u jissostitwixxi d-dispożizzjonijiet sostantivi
tad-Direttiva 2004/8/KE dwar il-promozzjoni tal-koġenerazzjoni. Il-gwida tikkonċerna
biss l-aspetti l-ġodda introdotti permezz tal-EED. L-Istati Membri huma rikkjesti li jippreparaw
valutazzjoni komprensiva biex jidentifikaw il-potenzjal kost-effettiv ta’
koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja u għal tisħin u
tkessiħ distrettwali effiċjenti, filwaqt li jqisu l-kundizzjonijiet
klimatiċi, il-vijabbiltà ekonomika u l-adegwatezza teknika. Din
il-valutazzjoni għandha tkun innotifikati lill-Kummissjoni
sal-31 ta’ Diċembru 2015. Abbażi tal-potenzjal
identifikat, l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex
jimplimentaw il-potenzjal kost-effettiv tal-koġenerazzjoni
b'effiċjenza għolja u t-tisħin u t-tkessiħ distrettwali
effiċjenti. Fil-valutazzjoni l-Istati Membri għandhom jagħtu
tagħrif dwar il-miżuri, l-istrateġiji u l-politiki li
jistgħu jiġu adottati biex jinkiseb il-potenzjal
għall-koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja sal-2020 u l-2030.
Għall-ġenerazzjoni tal-elettriku u l-installazzjonijiet industrijali
‘l fuq minn 20 MW hemm obbligu biex titħejja analiżi
tal-ispejjeż u l-benefiċċji fuq il-vijabbiltà
tal-koġenerazzjoni, l-irkupru tas-sħana mitlufa jew il-konnessjoni
tan-netwerk tat-tisħin distrettwali meta dawn jinbnew jew jiġu
rinnovati b'mod sostanzjali. Ir-riżultati tal-analiżi
tal-ispejjeż u l-benefiċċji għandha tkun riflessa fl-awtorizzazzjonijiet
jew il-permessi tal-istallazzjonijiet. Ir-rekwiżiti għall-kontenut ta’
valutazzjoni komprensiva u għall-metodoloġija tal-analiżi
tal-benefiċċji meta mqabbla mal-ispejjeż u eżenzjonijiet
possibbli mill-obbligi għall-istallazzjonijiet huma spjegati fid-dettall
fid-DĦP. 3.7. Gwida
dwar l-Artikolu 15 (It-trasformazzjoni, it-trażmissjoni u
d-distribuzzjoni tal-enerġija) L-Artikolu 15 jirrikjedi li l-Istati
Membri jiżguraw li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali
tal-enerġija, l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni u l-operaturi
tas-sistema ta' distribuzzjoni jimmassimizzaw l-potenzjal tal-effiċjenza
fl-enerġija tal-grilji intelliġenti, jivvalutaw u jtejbu
l-effiċjenza enerġetika fid-diżinn u t-tħaddim tal-infrastruttura
tal-gass u tal-elettriku u jiżguraw li t-tariffi u r-regolamenti
jissodisfaw kriterji tal-effiċjenza enerġetika speċifiċi u
li ma jxekklux it-tweġiba għad-domanda.
Sat-30 ta’ Ġunju 2015 l-Istati Membri għandhom
jivvalutaw il-potenzjal tal-effiċjenza enerġetika tal-infrastruttura
tal-gass u l-elettriku tagħhom u jidentifikaw miżuri konkreti biex
itejbu l-effiċjenza enerġetika fin-netwerk infrastrutturali
tagħhom. Dan l-Artikolu jistipula pijoritajiet ta' aċċess u
dispaċċ għall-produzzjoni ta' elettriku u sħana fl-istess
ħin (CHP - combined heat and power) u jpoġġi riżorsi
min-naħa tad-domanda, b’mod partikolari it-tweġiba għad-domanda,
fuq livell ugwali mal-provvista fir-rigward tal-parteċipazzjoni fis-swieq
bl-ingrossa u bl-imnut. Dan speċifikament jippromwovi l-aċċess
għal u l-parteċipazzjoni ta’ tweġiba għad-domanda
fl-ibbilanċjar, ir-riżerva u servizzi oħra, u jirrikkjedi li
l-modalitajiet tekniċi jew kontrattwali għall-parteċipazzjoni
jiġu definiti, inkluża l-parteċipazzjoni tal-aggregaturi u
fornituri tas-servizz tat-tweġiba għad-domanda. 4. KONKLUŻJONI L-effiċjenza enerġetika hija
kwistjoni kumplessa u esiġenti f’termini ta’ kapaċità governattiva.
Politikament, jista’ jkun hemm qabża bejn l-impenji magħmula
mill-Istati Membri u t-twassil. Id-Direttiva dwar l-effiċjenza
enerġetika tagħti struttura legali superjuri ġdida
għall-għanijiet tal-effiċjenza enerġetika li ġew
maqbula fil-livell Ewropew. Sal-lum, l-implimentazzjoni ta’
leġiżlazzjoni eżistenti dwar l-effiċjenza enerġetika
hija biss parzjali. L-EED jissostitwixxi u jssaħħaħ żewġ
Direttivi dwar l-effiċjenza fl-enerġija (2004/8/KE dwar
il-koġenerazzjoni u 2006/32/KE dwar is-servizzi enerġetiċi) u
torbot mal-obbligi diġà stabbiliti fid-Direttiva 2009/125/KE dwar
l-Ekodisinn, id-Direttiva 2010/30/UE dwar it-tikkettar tal-enerġija u
d-Direttiva 2010/31/UE dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu
tal-enerġija). Kif imsemmi fil-Parti 2 hawn fuq, fl-2014
il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill
dwar il-progress lejn il-mira għall-2020, u din il-valutazzjoni tista’
tinkludi proposti għal aktar miżuri jekk ikun meħtieġ. Huwa
ttamat li din il-Komunikazzjoni u d-dokument DĦP se jgħinu
lill-Istati Membri fit-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tal-miżuri
ambizzjużi li qablu dwarhom fid-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika.
[1] Kuntrarju għaż-żewġ miri
l-oħra, din il-mira ma ġietx tradotta fi strument legalment
vinkolanti. [2] COM(2010) 2020 finali. [3] Il-valutazzjoni tal-impatt tal-Pjan
għall-Effiċjenza fl-Enerġija (SEC/2011/277) [4] Id-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u
tal-Kunsill dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija, li temenda d-Direttivi
2009/125/KE (dwar l-iffissar ta’ rekwiżiti għall-ekodisinn għal
prodotti relatati mal-enerġija) u 2010/30/UE (dwar it-tikkettar u
standards għall-prodotti) u li tħassar id-Direttivi 2004/8/KE (dwar
il-promozzjoni tal-koġenerazzjoni) u 2006/32/KE (dwar l-effiċjenza
fl-użu finali tal-enerġija u dwar servizzi ta' enerġija). [5] Ara l-Artikolu 28(1). [6] Miljun tunnellata ta’ekwivalenti f'żejt [7] Ċifri aġġornati biex iqisu
l-adeżjoni tal-Kroazja mal-UE fl-1 ta’ Lulju 2013 [8] Għal lista tal-miri nazzjonali u evalwazzjoni, jekk
jogħġbok ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni (COM (2013) finali xxx)
dwar "Progress ġenerali lejn l-għanijiet tal-effiċjenza
enerġetika fl-UE” [9] B’mod partikolari f’COM (2013) 350 finali u fl-iskeda
Tematika dwar il-MIRI TAL-EWROPA 2020: it-tibdil fil-klima u
l-enerġija [10] Għaż-żewġ Stati Membri (is-Slovenja u
l-Kroazja) li ma tawx tagħrif dwar kif il-miri tagħhom isarrfu
f'enerġija primarja u finali fl-2020, id-dejta storika dwar l-użu
tal-enerġija tagħhom għall-2010 ġiet użata
għall-kalkulazzjonijiet (http://ec.europa.eu/energy/efficiency/eed/reporting_en.htm ). [11] L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2010/31/UE [12] Direttiva 2004/18/KE [13] Id-Direttiva 2010/30/UE [14] Direttiva 2009/125/KE [15] L-Artikolu 7(9) & l-Anness V (4);
L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni,
sal-5 ta’ Diċembru 2013, il-miżuri ta’ politika li
biħsiebhom jadottaw [16] B’mod ġenerali, bosta SMEs huma awtonomi billi
jew huma kompletament indipendenti jew għandhom sħab minoritarju
wieħed jew iktar (kull wieħed inqas minn 25 %) ma’
intrapriżi oħra. Jekk dik l-azjenda titla’ għal mhux aktar minn
50 %, ir-relazzjoni hi meqjusa li tkun bejn intrapriżi sħab.
'Il fuq minn dak il-limitu, l-intrapriżi huma marbuta. [17] L-Anness VI(d) jirrikjedi verifiki tal-enerġija
li jkunu "proporzjonati". Il-prinċipju tal-proporzjonalità
jimplika ttestjar li miżura jew mezz leġiżlattivi jew
amministrattivi huma xierqa u meħtieġa biex jilħqu jew jiksbu
mira jew għan speċifiku. Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni
Ewropea tapplika l-prinċipju ta’ proporzjonalità meta din tibbilanċja
miżuri leġiżlattivi kontra interessi privati, id-drittijiet
individwali u l-libertajiet fundamentali.