Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013DC0383

    Rakkomandazzjoni għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL bil-għan li tintemm il-qagħda ta’ defiċit eċċessiv tal-Gvern fi Spanja

    /* COM/2013/0383 final - 2013/ () */

    52013DC0383

    Rakkomandazzjoni għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL bil-għan li tintemm il-qagħda ta’ defiċit eċċessiv tal-Gvern fi Spanja /* COM/2013/0383 final - 2013/ () */


    Rakkomandazzjoni għal

    RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

    bil-għan li tintemm il-qagħda ta’ defiċit eċċessiv tal-Gvern fi Spanja

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 126(7) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)       Skont l-Artikolu 126 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) l-Istati Membri għandhom jevitaw id-defiċits eċċessivi tal-gvern.

    (2)       Il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir huwa bbażat fuq l-objettiv ta’ finanzi tal-gvern sodi bħala mezz biex jissaħħu l-kundizzjonijiet għall-istabbiltà tal-prezzijiet u għal tkabbir sostenibbli b’saħħtu li jwassal għall-ħolqien tal-impjiegi.

    (3)       Fis-27 ta’ April 2009, il-Kunsill iddeċieda, skont l-Artikolu 104(6) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (TKE), li fi Spanja kien hemm defiċit eċċessiv u ħareġ rakkomandazzjoni sabiex jiġi kkoreġġut id-defiċit eċċessiv sa mhux aktar tard mill-2012, skont l-Artikolu 104(7) TKE u l-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar li titħaffef u tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv[1].

    (4)       Fit-2 ta’ Diċembru 2009, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 3(5) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 467/97, li kienet ittieħdet azzjoni effettiva u li avvenimenti ekonomiċi negattivi mhux mistennija li kellhom konsegwenzi żvantaġġużi kbar għall-finanzi tal-Gvern kienu seħħew wara li kienet ġiet adottata din ir-rakkomandazzjoni.[2] B’mod partikolari, id-deterjorazzjoni kbira għall-prospetti ta’ tkabbir minħabba l-kriżi ekonomika u finanzjarja globali kellha implikazzjonijiet baġitarji negattivi kbar. Konsegwentement, il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni riveduta skont l-Artikolu 126(7) tat-TFUE biex d-defiċit eċċessiv ikun ikkoreġut sa mhux iktar tard mill-2013 b’manjiera kredibbli u sostenibbli billi tittieħed azzjoni f’qafas ta’ terminu ta’ żmien medju.

    (5)       Fil-15 ta’ Ġunju 2010, il-Kummissjoni kkonkludiet li Spanja kienet ħadet azzjoni effettiva f’konformità mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2009 biex iġġib id-defiċit tal-Gvern tagħha taħt il-valur referenzjarju ta' 3 % tal-PDG u qieset li għalhekk ma kien meħtieġ l-ebda pass addizzjonali fil-proċedura ta' defiċit eċċessiv.

    (6)       Fl-10 ta’ Lulju 2009, il-Kunsill iddeċieda, f’konformità mal-Artikolu 3(5) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97, li kienet ittieħdet azzjoni effettiva iżda li wara li kienet ġiet adottata r-rakkomandazzjoni riveduta fl-2009, kienu seħħew żviluppi ekonomiċi negattivi mhux mistennija li kellhom konsegwenzi żvantaġġużi kbar għall-finanzi tal-gvern. B’mod partikolari, tnaqqis fil-perspettiva tat-tkabbir u bidla lejn kompożizzjoni tat-tkabbir li trendi inqas taxxi kellhom implikazzjonijiet baġitarji negattivi kbar. Il-Kunsill għalhekk adotta rakkomandazzjoni riveduta skont l-Artikolu 126(7) tat-TFUE (ir-"rakkomandazzjoni riveduta tal-PDE") u talab lil Spanja tikkoreġi d-defiċit eċċessiv sa mhux aktar tard mill-2014. Sabiex id-defiċit nominali tal-gvern jinżel għal inqas minn 3 % tal-valur referenzjarju tal-PDG sal-2014, ġie rrakkomandat lil Spanja li tagħmel titjib fil-bilanċ strutturali ta’ 2,7 % tal-PDG fl-2012, 2,5 % tal-PDG fl-2013 u 1,9 % tal-PDG fl-2014, abbażi tal-aġġornament tas-servizzi tal-Kummissjoni tat-Tbassir tar-Rebbiegħa 2012. Il-miri tad-defiċit nominali tal-Gvern għandhom ikunu ta' 6,3 % tal-PDG għall-2012, 4,5 % tal-PDG għall-2013 u 2,8 % tal-PDG għall-2014. Spanja rċeviet ukoll ir-rakkomandazzjoni li timplimenta l-miżuri adottati fil-baġit tal-2012 u fil-pjanijiet ta' bbilanċjar mill-ġdid tal-Komunitajiet Awtonomi u li sa tmiem Lulju 2012 tadotta l-pjan baġitarju pluriennali mħabbar għall-2013-14, fosthom strateġija baġitarja għat-terminu medju, li tispeċifika b’mod sħiħ il-miżuri strutturali meħtieġa biex isseħħ il-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv sal-2014.

    (7)       Fl-14 ta’ Novembru 2012, il-Kummissjoni kkonkludiet, abbażi tat-Tbassir tal-Ħarifa 2012 tas-servizzi tal-Kummissjoni, li Spanja kienet ħadet azzjoni effettiva f’konformità mar-rakkomandazzjoni reveduta tal-Kunsill tal-10 ta’ Lulju 2012 u li l-ebda passi oħra fil-proċedura dwar id-defiċit eċċessiv ma kienu meħtieġa.

    (8)       Skont l-Artikolu 3(5) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97, il-Kunsill jista’ jiddeċiedi, fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, li jadotta rakkomandazzjoni riveduta skont l-Artikolu 126(7) tat-TFUE, jekk tkun ittieħdet azzjoni effettiva u jekk avvenimenti ekonomiċi negattivi mhux mistennija li jkollhom konsegwenzi żvantaggużi kbar għall-finanzi tal-gvern iseħħu wara l-adozzjoni ta' dik ir-rakkomandazzjoni. L-avvenimenti ekonomiċi żvantaġġużi mhux mistennija b'effetti baġitarji żvantaġġużi kbar se jiġu vvalutati fuq l-isfond tat-tbassir ekonomiku li fuqu hija bbażata r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill.

    (9)       Skont l-Artikolu 126(7) tat-TFUE u l-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97, il-Kunsill meħtieġ jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Istat Membru kkonċernat bil-ħsieb li tintemm is-sitwazzjoni ta’ żbilanċ eċċessiv fi żmien determinat. Ir-rakkomandazzjoni trid tistabbilixxi żmien massimu ta' sitt xhur sabiex tittieħed azzjoni effettiva mill-Istat Membru kkonċernat biex jikkoreġi d-defiċit eċċessiv. Barra minn hekk, f’rakkomandazzjoni biex jiġi kkoreġut defiċit eċċessiv, il-Kunsill għandu jitlob li jintlaħqu miri baġitarji annwali li, abbażi tat-tbassir li fuqu tissejjes ir-rakkomandazzjoni, ikunu konsistenti ma’ titjib minimu annwali fil-bilanċ strutturali, jiġifieri l-bilanċ aġġustat ċiklikament minbarra miżuri ta’ darba u miżuri temporanji oħrajn, ta’ mill-inqas 0,5 % tal-PDG bħala valur ta’ referenza.

    (10)     Wara l-irkupru fl-2011 li dam żmien qasir, l-ekonomija reġgħet daħlet f’riċessjoni, u rreġistrat tkabbir reali trimestrali negattiv tal-PDG sa mit-tielet trimestru tal-2011. F’termini annwali, il-PDG naqas b'1,4 % fl-2012. Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2013 tas-servizzi tal-Kummissjoni, ir-reċessjoni hija mistennija li tibqa’ għaddejja fl-2013, fejn l-esportazzjonijiet netti pożittivi xorta ma kinux kapaċi jikkumpensaw għat-tnaqqis li kien qed ikompli fid-domanda lokali. Il-produzzjoni hija mistennija li tistabbilizza biss lejn tmiem l-2013. Il-PDG reali huwa għalhekk ipprojettat li jonqos b'1,5 % fl-2013, qabel ma jikber b'0,9 % fl-2014 (taħt suppożizzjoni ta’ ebda bidla fil-politika). Fil-mument tal-aħħar rakkomandazzjoni tal-Kunsill, il-PDG reali kien mistenni li jonqos b'1,9 % u 0,3 % fl-2012 u l-2013, rispettivament, u li jikber b'1,1% fl-2014. Ir-riżultat anqas negattiv tat-tkabbir fl-2012 kien dovut l-aktar għad-domanda domestika li kienet kemxejn iktar reżiljenti possibbilment anki grazzi għal-likwidità injettata permezz tal-iskema tal-ħlas lura għad-dejn kummerċjali akkumulat mir-reġjuni u l-awtoritajiet lokali qabel l-1 ta’ Jannar 2012 (EUR 27,4 biljun, jew 2,6 % tal-PDG). Fir-rigward tal-2013 u l-2014, it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2013 tas-servizzi tal-Kummissjoni jipprevedi tnaqqis aktar qawwi tal-PDG reali fl-2013 u rkupru aktar dgħajjef fl-2014. Dan jinkludi tnaqqis akbar fid-domanda domestika f’dawn is-sentejn u tnaqqis qawwi aktar fit-tul fl-impjiegi. Id-deterjorament tal-perspettiva makroekonomika huwa parzjalment marbut mal-fatt li qed jitqiesu l-miżuri addizzjonali ta’ konsolidazzjoni inklużi fil-pjan baġitarju 2013-14 u l-baġit tal-2013.

    (11)     Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2013 tas-servizzi tal-Kummissjoni, id-defiċit ġenerali tal-gvern laħaq 10,6 % tal-PDG fl-2012, meta mqabbel ma’ mira tal-gvern u tal-PDE ta’ 6,3 % tal-PDG u 9,4 % tal-PDG fl-2011. Aġġustament għal trasferimenti kapitali lill-banek (li huma meqjusa bħala operazzjonijiet ta’ darba biss), id-defiċits korrispondenti kienu ta’ 7,0 % u 9,0 % tal-PDG fl-2012 u l-2011, rispettivament. It-tnaqqis fil-bilanċ nominali jikkorrispondi għal titjib fil-bilanċ nominali ta’ 2,4 pps. (nett mit-trasferimenti kapitali fil-banek), fl-isfond ta’ ekonomija li qed tonqos u kompożizzjoni tat-tkabbir li trendi anqas taxxa. It-Tbassir tar-Rebbiegħa 2013 tas-servizzi tal-Kummissjoni jindika titjib fid-defiċit strutturali ta’ 1,8 pps. fl-2012, meta mqabbel mat-titjib rakkomandat ta’ 2,7 pps. Meta ssir il-korrezzjoni għar-reviżjoni ftit 'l isfel tal-produzzjoni potenzjali mill-aħħar rakkomandazzjoni tal-Kunsill, l-isforz fiskali stmat jibqa' l-istess. Madankollu, il-bidla stmata fil-bilanċ strutturali kienet affettwata ħafna minn nuqqas mhux mistenni fid-dħul, li kien jammonta għal madwar 1,0 pp. Kollox ma’ kollox, meta jitqiesu dawn l-effetti, l-isforz fiskali aġġustat jiżdied għal 2,9 pps., 'il fuq mill-isforz rakkomandat mir-rakkomandazzjoni tal-PDE riveduta. Minbarra miżuri ta’ rikapitalizzazzjoni, id-devjazzjoni baġitarja fl-2012 hija marbuta ma’ taħlita ta’ dħul inqas milli mistenni (meta jitqies l-impatt ta’ miżuri diskrezzjonarji u l-effett bażi) u konsum intermedju u trasferimenti soċjali ogħla. Il-kompożizzjoni tat-tkabbir li trendi inqas taxxi u deterjorament akbar fis-suq tax-xogħol kienet timplika tnaqqis qawwi fid-dħul, partikolarment ta’ taxxi diretti u indiretti, kif ukoll nefqa soċjali ogħla. Spanja adottat miżuri ta’ konsolidazzjoni mdaqqsa matul l-2012, li ammontaw għal madwar 4 % tal-PDG, inkluż madwar 1½ % tal-PDG fuq in-naħa tad-dħul u 2½ % tal-PDG fuq in-naħa tan-nefqa. Dawn il-miżuri parzjalment jikkumpensaw ukoll għal deterjorament sottostanti fil-bilanċ strutturali minħabba żieda fil-ħlasijiet tal-imgħax u trasferimenti soċjali ogħla.

    (12)     Għall-2013, skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2013 tas-servizzi tal-Kummissjoni, id-defiċit tal-gvern huwa projettat li jonqos għal 6,5 % tal-PDG, meta mqabbel mal-mira tal-PDE ta’ 4,5 % tal-PDG. Il-bilanċ primarju huwa mistenni li jitjieb b'4,5 pps. (0,9 pps nett mit-trasferimenti kapitali fil-banek). Wara l-aħħar rakkomandazzjoni tal-Kunsill, il-Gvern Spanjol ippreżenta f’Awwissu 2012 pjan baġitarju pluriennali għall-2013-14, fejn iddeskriva xi karatteristiċi tal-istrateġija ta’ konsolidazzjoni għall-medda medja ta’ żmien. Bħala total, l-impatt baġitarju tal-miżuri diskrezzjonali fl-2013 huwa mistenni li jkun ta’ madwar 1 % tal-PDG fuq in-naħa tan-nefqa u madwar 1½ % tal-PDG fuq in-naħa tad-dħul. Id-devjazzjoni baġitarja mistennija ta’ madwar 2 % tal-PDG, meta mqabbla mal-mira tal-PDE hija parzjalment spjegata mill-fatt li l-pożizzjoni tal-bidu kienet agħar. Madankollu, il-fattur ewlieni wara d-devjazzjoni huwa l-kompożizzjoni mhux favorevoli tat-tkabbir, fejn il-konsum privat naqas b’mod aktar qawwi u s-suq tax-xogħol mar agħar milli kien mistenni fir-rakkomandazzjoni riveduta tal-PDE. It-Tbassir tar-Rebbiegħa 2013 tas-servizzi tal-Kummissjoni jipprojetta li d-defiċit strutturali jkompli jonqos b'1,1 pps. fl-2013, meta mqabbel ma’ sforz irrakkomandat ta’ 2,5 pps. B’korrezzjoni għall-bidla fit-tkabbir potenzjali stmat u għan-nuqqas akbar milli mistenni fid-dħul, l-isforz fiskali stmat jitjieb b'1,4 pps., u dan iġib l-isforz fiskali aġġustat għal 2,5 % tal-PDG, f'konformità mal-isforz irrakkomandat fir-rakkomandazzjoni riveduta tal-PDE. Fil-programm ta’ stabbiltà tiegħu għall-2013, il-Gvern Spanjol ħabbar mira tad-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika ta’ 6,3 % tal-PDG għall-2013, li kellha tiġi sostnuta minn miżuri ta’ konsolidazzjoni addizzjonali ta’ madwar EUR 3 biljun (0,3 % tal-PDG) li għadhom iridu jiġu adottati u implimentati din is-sena.

    (13)     Għall-2014, id-defiċit nominali huwa mistenni li jikber għal 7,0 % tal-PDG meta mqabbel mal-mira tal-PDE ta’ 2,8 % tal-PDG. Id-defiċit primarju jitwessa’ b'0,4 % tal-PDG. Minbarra l-effett bażi, id-devjazzjoni mistennija tirrifletti prinċipalment l-iskadenza ta’ miżuri temporanji li ttieħdu fis-snin preċedenti u l-fatt li l-miżuri ta’ konsolidazzjoni ppjanati għall-2014 ma kinux speċifikati biżejjed fil-pjan baġitarju pluriennali ta’ Awwissu 2012 li għandu jiġi inkluż fit-tbassir tas-servizzi tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, il-kompożizzjoni tat-tkabbir ekonomiku tibqa’ waħda li trendi ftit taxxa, fejn il-kontribuzzjonijiet soċjali u t-taxxi indiretti mhux dejjem qed jikbru b’mod għal kollox proporzjonat mal-PDG nominali. Il-pagamenti tal-imgħax ukoll se jkomplu jiżdiedu minħabba stokk ikbar ta’ dejn. Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2013 tas-servizzi tal-Kummissjoni, id-defiċit strutturali huwa projettat li jiddeterjora b'1,1 pps., meta mqabbel mat-titjib rakkomandat ta’ 1,9 % tal-PDG. Meta ssir korrezzjoni għall-bidla fit-tkabbir potenzjali stmat u għal nuqqas mhux mistenni fid-dħul, id-distakk jiżdied b’0,2 pps oħra.

    (14)     Fir-rigward tal-governanza fiskali, sar progress kbir fir-rappurtar tal-eżekuzzjoni baġitarja fil-livelli tal-Gvern taħt dak ċentrali. Madankollu, id-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar l-Istabbiltà Baġitarja dwar it-twissija bikrija u l-mekkaniżmi korrettivi biex jillimitaw id-devjazzjonijiet baġitarji ma kinux kompletament effettivi u t-trasparenza tal-implimentazzjoni tagħhom tista’ tittejjeb. Minkejja l-progress fir-rigward tar-rapportar baġitarju fil-livell reġjonali, il-kisba ta’ trasparenza fiskali akbar tkun teħtieġ rappurtar iktar komprensiv, konsistenti u rapidu, ukoll għall-pjanijiet baġitarji, fuq bażi konsolidata tal-amministrazzjoni pubblika, f’konformità mal-ESA 95. It-twaqqif ta’ kunsill fiskali, b’indipendenza istituzzjonali u finanzjarja sħiħa, għadu pendenti.

    (15)     Id-dejn gross tal-amministrazzjoni pubblika żdied għal madwar 84 % tal-PDG fl-2012 meta mqabbel mat-80,9 % tal-PDG projettat fit-Tbassir tar-Rebbiegħa 2012 aġġornat tas-servizzi tal-Kummissjoni. Iż-żieda fil-proporzjon tad-dejn kienet dovuta għal żbilanċ ogħla milli mistenni, tkabbir tal-PDG nominali aktar baxx, l-ispejjeż tal-operazzjonijiet ta’ rikapitalizzazzjoni tal-banek u l-ħlas b'lura għall-amministrazzjoni pubblika. Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2013 tas-servizzi tal-Kummissjoni, il-proporzjon tad-dejn mal-PDG huwa mistenni li jiżdied aktar u li jaqbeż il-95 % fl-2014, abbażi ta’ xenarju ta’ ebda bidla fil-politika, u b’hekk jaqbeż il-valur ta’ referenza tat-Trattat fis-snin kollha.

    (16)     Fl-10 ta' April 2013, il-Kummissjoni kkonkludiet, abbażi tal-Eżami fil-Fond tal-2013 dwar Spanja fil-qafas tal-Proċedura tal-Iżbilanċi Makroekonomiċi[3], li Spanja tinsab għaddejja minn żbilanċi makroekonomiċi eċċessivi. Il-korrezzjoni ta’ dawn l-iżbilanċi li akkumulaw matul is-snin tal-prosperità, u b’mod partikolari l-assorbiment ta’ livelli għolja ħafna ta’ dejn privat u estern, qed ikollhom konsegwenzi negattivi importanti fuq it-tkabbir ekonomiku, l-istabbiltà finanzjarja u l-finanzi pubbliċi. Korrezzjoni sostenibbli tad-defiċit eċċessiv f’perjodu ta’ żmien medju teħtieġ progress fl-istess waqt sabiex tiġi żgurata l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi, appoġġjata minn riformi strutturali li jsaħħu t-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi u t-tnaqqis tar-riġiditajiet strutturali li jfixklu l-aġġustament.

    (17)     Skont it-tbassir tas-servizzi tal-Kummissjoni fit-Tbassir tar-Rebbiegħa 2013, Spanja mhux se tilħaq il-miri baġitarji nominali stabbiliti fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-10 ta’ Lulju 2012. Madankollu, Spanja implimentat sforz strutturali fl-2012 u l-2013 li, meta jitqiesu l-iżviluppi ekonomiċi negattivi mhux mistennija meta mqabbla ma’ meta nħarġet ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill, huwa konformi mar-rakkomandazzjoni riveduta tal-PDE. Dawn l-iżviluppi ekonomiċi negattivi mhux mistennija ġabu magħhom konsegwenzi sfavorevoli kbar għall-finanzi tal-gvern. B’mod partikolari, tnaqqis sinifikanti fid-dħul marbut mar-ribilanċjament tal-ekonomija lejn struttura tat-tkabbir li trendi anqas taxxa u effetti negattivi assoċjati fuq l-elastiċitajiet tad-dħul wasslu għal deterjorament sostanzjali fil-pożizzjoni baġitarja. Barra minn hekk, il-kriżi ekonomika affettwat l-impjieg b’mod negattiv ħafna u l-qgħad żdied drastikament. Meta jitqiesu dawn il-fatturi kollha, f'konsistenza mar-regoli tal-Patt tal-Istabbiltà u t-tkabbir u inkluża l-ħtieġa biex jiġu kkoreġuti l-iżbilanċi makroekonomċi eċċessivi b’konsegwenzi sfavorevoli maġġuri għall-finanzi pubbliċi, estensjoni tal-iskadenza għall-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv fi Spanja b'sentejn sal-2016 tidher li tkun iġġustifikata.

    (18)     Fl-isfond ta' inċertezzi kbar fir-rigward tal-iżviluppi ekonomiċi u baġitarji, il-mira baġitarja rrakkomandata għall-aħħar sena tal-perjodu ta' korrezzjoni għandha tiġi stabbilita fuq livell li huwa kjarament taħt il-valur referenzjarju, sabiex tiġi garantita kisba effettiva u fit-tul tal-korrezzjoni sal-iskadenza mitluba.

    (19)     Il-miri tad-defiċit nominali intermedji li jwasslu għall-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv sal-2016 huma stabbiliti kif ġej: 6,5 % tal-PDG għall-2013, 5,8 % tal-PDG għall-2014, 4,2 % tal-PDG għal 2015, u 2,8 % tal-PDG għall-2016. Sabiex jintlaħqu dawn il-miri jenħtieġ titjib annwali fil-bilanċ primarju (wara l-miżuri ta’ darba) ta’ 1,3 % tal-PDG bħala medja matul il-perjodu mill-2013 sal-2016 u, abbażi tat-Tbassir tar-Rebbiegħa 2013 tas-servizzi tal-Kummissjoni estiż għall-2016, titjib fil-bilanċ tal-baġit strutturali ta’ 1,1 % tal-PDG fl-2013, 0,8 % tal-PDG fl-2014, 0,8 % tal-PDG fl-2015, u 1,2 % tal-PDG fl-2016. Dan il-proċess ta’ aġġustament aktar gradwali jqis l-ambjent ekonomiku diffiċli ta’ bħalissa u t-trasformazzjoni strutturali kbira tal-ekonomija Spanjola li tinsab għaddejja bħalissa u se jkollu jkun akkumpanjat minn riformi strutturali ambizzjużi. Għalhekk, huwa mistenni li jappoġġa t-tneħħija gradwali tal-iżbilanċi makroekonomiċi esterni u interni, itaffi l-impatt negattiv fuq perjodu ta’ żmien qasir tal-konsolidazzjoni fiskali fuq it-tkabbir ekonomiku, filwaqt li xorta jistabbilizza u jreġġa’ lura t-tendenza ta’ żieda fid-dejn tal-amministrazzjoni pubblika.

    (20)     Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa tas-servizzi tal-Kummissjoni 2013 estiż għall-2016, li huwa bbażat fuq suppożizzjoni ta’ ebda bidla ta’ politika, l-ebda miżuri addizzjonali ma jidhru meħtieġa f’dan l-istadju sabiex jinkiseb it-titjib irrakkomandat fil-bilanċ strutturali għall-2013 (u l-mira l-ġdida tad-defiċit ta' 6,5 % tal-PGD), iżda l-pjanijiet baġitarji fil-livelli kollha tal-gvern se jkollhom jiġu implimentati b’mod strett. Għall-perjodu bejn l-2014 u l-2016, biex id-defiċit jinġieb taħt il-valurreferenzjarju tat-Trattat fuq bażi sostenibbli ser ikunu meħtieġa miżuri fiskali strutturali konsiderevoli flimkien ma’ dawk diġà inklużi fit-tbassir tar-Rebbiegħa 2013 tas-servizzi tal-Kummissjoni. Dawn il-miżuri, li jammontaw għal madwar 2 % tal-PDG fl-2014, 1 % tal-PDG fl-2015, u 1½ % tal-PGD fl-2016 għandhom iqisu l-ħtieġa li jkun hemm kumpens għal effetti sekondarji negattivi, it-tkabbir potenzjalment negattiv tal-produzzjoni, kif ukoll żidiet fil-ħlasijiet tal-imgħax u dawk soċjali.

    (21)     Il-programm ta’ stabbiltà tal-2013 jipprevedi triq ta’ aġġustament li hija ġeneralment konsistenti mal-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv sal-2016, u li timmira għal defiċits nominali ta’ 6,3 % tal-PDG fl-2013, 5,5 % fl-2014, 4,1 % fl-2015, u 2,7 % fl-2016. Għall-2013, il-mira hija bbażata fuq miżuri ta’ konsolidazzjoni addizzjonali ta’ madwar EUR 3 biljun previsti fil-programm, li għad iridu jiġu speċifikati fid-dettall.

    (22)     Miżuri ta' konsolidazzjoni tal-baġit għandhom jiksbu titjib li jħalli l-frott fit-tul fil-bilanċ tal-amministrazzjoni pubblika, filwaqt li jkunu mmirati lejn it-titjib tal-kwalità tal-finanzi pubbliċi u r-raffurzar tal-potenzjal ta' tkabbir tal-ekonomija.

    (23)     Spanja qed tiffaċċa riskji għolja għas-sostenibbiltà f'perspettiva fuq terminu medju u riskji medji fit-tul. Li jerġa' jinkiseb bilanċ strutturali primarju, madwar -0,5 % tal-PDG kif kien fil-medja fil-perjodu 1998-2012, jgħin biex jitrażżnu dawn ir-riskji. Ir-riforma tal-2013 tal-iskemi tal-irtirar kmieni hija mistennija li tikkontribwixxi għas-sostenibbiltà fit-tul tas-sistema tas-sigurtà soċjali. Madankollu, jidhru neċessarji miżuri ora sabiex jitrażżan it-tkabbir tal-infiq marbut mal-età, pereżempju permezz tar-regolamentazzjoni xierqa tal-fattur tas-sostenibbiltà previst mir-riforma tal-2011 tas-sistema tal-pensjonijiet, inkluż billi jiġi stipulat li l-età tal-irtirar se tiżdied skont il-gwadanji fl-istennija tal-ħajja.

    (24)     Minħabba n-natura deċentralizzata tal-finanzi pubbliċi tagħha, il-pjan ta’ aġġustament fiskali ta’ Spanja għandu jiġi sostnut permezz ta’ strateġija kredibbli mifruxa fuq medda medja ta’ żmien ta’ konsolidazzjoni li tinkludi (i) pjan dettaljat tal-baġit pluriennali bi speċifikazzjoni sħiħa tal-miżuri għall-2014-16, (ii) iktar tisħiħ tal-effettività tal-qafas istituzzjonali (billi togħla iktar it-trasparenza fl-implimentazzjoni tal-Liġi dwar l-Istabbiltà Baġitarja kif ukoll billi jiġi stabbilit kunsill fiskali indipendenti), (iii) teħid ta’ passi konkreti biex jiġi kkontrollat id-defiċit strutturali li qed jiżdied fis-sistema tas-sigurtà soċjali, u (iv) tqegħid ta’ enfasi akbar fuq li l-konsolidazzjoni tkun waħda li tiffavorixxi t-tkabbir (inkluż billi jitwettqu eżamijiet sistematiċi tan-nefqa kif ukoll reviżjonijiet tas-sistema tat-taxxa).

    (25)     B'mod parallel mal-eżamijiet regolari tal-Assistenza Finanzjarja tal-ESM għar-Rikapitalizzazzjoni tal-Istituzzjonijiet Finanzjarji fi Spanja[4] u kif maqbul fil-Memorandum ta' Ftehim iffirmat fit-23 ta' Lulju 2012, il-monitoraġġ tal-progress dwar l-implimentazzjoni tal-impenji tal-PDE ta' Spanja se jseħħ fuq bażi trimestrali.

    (26)     Spanja tissodisfa l-kundizzjonijiet għall-estensjoni tal-iskadenza għall-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv tal-amministrazzjoni pubblika, kif stabbilit fl-Artikolu 3(5) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv,

    ADOTTAT DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

    (1) Spanja għandha ġġib fi tmiemha l-qagħda preżenti ta’ defiċit eċċessiv sa mhux aktar tard mill-2016.

    (2) Spanja għandha tilħaq mira tad-defiċit nominali ta' 6,5 % tal-PDG fl-2013, 5,8 % tal-PDG fl-2014, 4,2 % tal-PDG fl-2015, u 2,8 % tal-PDG fl-2016, li, fuq il-bażi tat-Tbassir tar-Rebbiegħa tas-servizzi tal-Kummissjoni estiż għall-2016, huwa konsistenti ma' titjib fil-bilanċ strutturali ta'1,1 %,0,8 %, 0,8 %, u 1,2 % tal-PDG fis-snin 2013-2016 rispettivament.

    (3) Spanja għandha timplimenta l-miżuri adottati fil-pjanijiet tal-baġit 2013 fil-livelli kollha tal-gvern, u tkun lesta biex tieħu azzjoni korrettiva f’każ ta’ devjazzjonijiet mill-pjanijiet baġitarji. L-awtoritajiet għandhom isaħħu l-istrateġija baġitarja fuq medda medja ta’ żmien b’miżuri strutturali speċifikati tajjeb għas-snin 2014-16 li huma neċessarji biex tinkiseb il-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv sa mhux aktar tard mill-2016.

    (4) Il-Kunsill jistabbilixxi l-iskadenza tal-1 ta’ Ottubru 2013 sabiex il-Gvern Spanjol jieħu azzjoni effettiva u biex, f’konformità mal-Artikolu 3(4a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97, jirrapporta fid-dettall l-istrateġija ta' konsolidazzjoni prevista biex jintlaħqu l-miri.

    Barra minn hekk, l-awtoritajiet Spanjoli għandhom (i) isaħħu l-effettività tal-qafas istituzzjonali billi jżidu iktar it-trasparenza fl-implimentazzjoni tal-Liġi dwar l-Istabbiltà Baġitarja kif ukoll billi jistabbilixxu kunsill fiskali indipendenti sabiex jipprovdi analiżi u pariri u jimmonitorja l-konformità tal-politika fiskali mar-regoli nazzjonali u tal-UE, (ii) jieħdu passi konkreti sabiex irażżnu ż-żieda fid-defiċit strutturali fis-sistema tas-sigurtà soċjali, u (iii) jenfasizzaw aktar li l-konsolidazzjoni tkun tiffavorixxi t-tkabbir, inkluż billi jwettqu eżamijiet sistematiċi tas-sistema tan-nefqa u t-taxxa. Minbarra dan, sabiex jiġi żgurat is-suċċess tal-istrateġija tal-konsolidazzjoni fiskali, se jkun importanti li l-konsolidazzjoni tiġi appoġġjata permezz ta' riformi strutturali kumplessivi, f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill, indirizzati lil Spanja fil-kuntest tas-Semestru Ewropew u l-Proċedura tal-Iżbilanċi Makroekonomiċi.

    Din ir-rakkomandazzjoni hija indirizzata lir-Renju ta’ Spanja.

    Magħmul fi Brussell,

                                                                           Għall-Kunsill

                                                                           Il-President

    [1]               ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6.

    [2]               Id-dokumenti kollha relatati mal-proċedura tad-defiċit eċċessiv fi Spanja jinsabu hawn:        http://ec.europa.eu/economy_finance/economic_governance/sgp/deficit/countries/spain_en.htm

    [3]               http://ec.europa.eu/economy_finance/publications/occasional_paper/2013/op134_en.htm

    [4]               http://ec.europa.eu/economy_finance/assistance_eu_ms/spain/index_en.htm

    Top