Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013DC0032

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI dwar il-progress li sar sabiex tinkiseb l-interoperabilità tas-sistema ferrovjarja

    /* COM/2013/032 final */

    52013DC0032

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI dwar il-progress li sar sabiex tinkiseb l-interoperabilità tas-sistema ferrovjarja /* COM/2013/032 final */


    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    dwar il-progress li sar sabiex tinkiseb l-interoperabilità tas-sistema ferrovjarja

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    1.           Introduzzjoni

    Dan ir-rapport jiddeskrivi l-istadju li fih wasal il-proċess sabiex tinkiseb l-interoperabilità tas-sistema ferrovjarja Ewropea minn meta l-Kummissjoni adottat ir-rapport, f’Settembru 2009[1]. Ir-rapport iwieġeb għall-Artikolu 39 tad-Direttiva 2008/57/KE[2].

    Dan ir-rapport huwa bbażat fuq is-sejbiet tar-rapport biennali dwar il-progress fir-rigward tal-interoperabilità ferrovjarja fl-UE li nħareġ mill-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea fl-1 ta’ Marzu 2012[3].

    2.           l-evoluzzjoni tal-istrumenti tal-interoperabilità

    2.1.        Id-Direttivi dwar l-interoperabilità

    2.1.1.     Ħarsa ġenerali

    Id-Direttiva ta’ riformulazzjoni 2008/57/KE daħlet fis-seħħ fid-19 ta’ Lulju 2008. Id-Direttivi 96/48/KE[4] u 2001/16/KE[5] ġew imħassra b'effett mid-19 ta' Lulju 2010.

    Id-Direttiva 2008/57/KE ġiet emendata mill-atti segwenti:

    – Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2009/131/KE tas-16 ta’ Ottubru 2009 li temenda l-Anness VII għad-Direttiva 2008/57/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-interoperabilità tas-sistema ferrovjarja fil-Komunità[6];

    – Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2011/18/UE tal-1 ta' Marzu 2011 li temenda l-Annessi II, V u VI tad-Direttiva 2008/57/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-interoperabilità tas-sistema ferrovjarja fil-Komunità[7].

    2.1.2.     Traspożizzjoni tad-Direttivi dwar l-Interoperabilità

    L-iskadenza għat-traspożizzjoni tad-Direttivi 2008/57/KE u 2009/131/KE fil-liġi nazzjonali kienet id-19 ta’ Lulju 2010. L-iskadenza għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2011/18/UE fil-liġi nazzjonali kienet il-31 ta’ Diċembru 2011.

    Sal-20 ta’ Novembru 2012, l-Istati Membri kollha, għajr il-Ġermanja, kienu nnotifikaw miżuri nazzjonali li jimplimentaw id-Direttiva 2008/57/KE; madankollu, il-miżuri nnotifikati mir-Renju Unit u minn Franza jitqiesu bħala miżuri parzjali, peress li għandhom mhumiex applikabbli għall-Mina tal-Fliegu Ingliż. Sa l-istess data, l-Istati Membri kollha għajr il-Ġermanja kienu nnotifikaw miżuri nazzjonali li jimplimentaw id-Direttiva 2009/131/KE, u l-Istati Membri kollha għajr il-Polonja u s-Slovenja kienu nnotifikaw miżuri nazzjonali li jimplimentaw id-Direttiva 2011/18/UE.

    Il-Kummissjoni qiegħda timmonitorja mill-qrib it-traspożizzjoni ta’ dawn id-Direttivi dwar l-interoperabilità fl-Istati Membri. F’każ li xi Stati Membri jonqsu milli jikkomunikaw miżuri nazzjonali ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni titlob formalment lil dawk l-Istati Membri biex jittrasponu d-Direttivi kkonċernati. Sal-31 ta’ Awwissu 2012, il-Kummissjoni kienet nediet proċeduri ta’ ksur kontra ħames Stati Membri minħabba li dawn naqsu milli jikkomunikaw miżuri nazzjonali ta’ implimentazzjoni.

    Id-dipartimenti tal-Kummissjoni, bl-appoġġ tal-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea, bħalissa qegħdin jiċċekkjaw il-konformità tal-atti nazzjonali ta’ implimentazzjoni ma’ dawn id-Direttivi. F’każ ta’ nuqqas ta’ kwalunkwe konformità, l-Istati Membri jintalbu joffru aktar kjarifiki. Jekk, wara li ssir aktar analiżi, jiġi kkonfermat il-każ ta’ nuqqas ta’ konformità, tiġi mnedija proċedura formali ta’ ksur kontra l-Istat Membru kkonċernat.

    Id-Direttivi dwar l-interoperabilità ferrovjarja jinvolvu ammont kbir ta’ leġiżlazzjoni sekondarja. Minbarra l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-interoperabilità (TSIs, ara l-punt 2.3), il-Kummissjoni adottat dawn l-atti:

    – Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/756/KE tad-9 ta’ Novembru 2007 li tadotta speċifikazzjoni komuni tar-reġistru nazzjonali tal-vetturi previst fl-Artikoli 14(4) u (5) tad-Direttivi 96/48/KE u 2001/16/KE[8];

    – Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/713/UE tad-9 ta' Novembru 2010 dwar moduli għall-proċeduri għall-valutazzjoni tal-konformità, idoneità għall-użu, u verifika tal-KE li għandhom jintużaw fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-interoperabilità adottati skont id-Direttiva 2008/57/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[9];

    – Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/107/UE tal-10 ta’ Frar 2011 li temenda d-Deċiżjoni 2007/756/KE li tadotta speċifikazzjoni komuni tar-reġistru nazzjonali tal-vetturi[10];

    – Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 201/2011 tal-1 ta' Marzu 2011 dwar il-mudell ta' dikjarazzjoni ta' konformità ma' tip awtorizzat ta' vettura ferrovjarja[11];

    – Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/155/UE tad-9 ta’ Marzu 2011 dwar il-pubblikazzjoni u l-ġestjoni tad-dokument ta’ referenza msemmi fl-Artikolu 27(4) tad-Direttiva 2008/57/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-interoperabilità tas-sistema ferrovjarja fil-Komunità[12];

    – Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2011/217/UE tad-29 ta’ Marzu 2011 dwar l-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-servizz ta’ sottosistemi strutturali u ta’ vetturi skont id-Direttiva 2008/57/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[13];

    – Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2011/633/UE tal-15 ta’ Settembru 2011 dwar l-ispeċifikazzjonijiet komuni tar-reġistru tal-infrastruttura ferrovjarja[14];

    – Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2011/665/UE tal-4 ta’ Ottubru 2011 dwar ir-reġistru Ewropew tat-tipi ta’ vetturi ferrovjarji awtorizzati[15];

    2.2.        Speċifikazzjonijiet Tekniċi għall-Interoperabilità

    2.2.1.     Il-qagħda bħalissa

    It-TSIs huma l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-interoperabilità mfassla mill-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea b’mandat tal-ummissjoni. Is-sottosistemi u l-kostitwenti tal-interoperabilità għandhom ikunu konformi mat-TSIs rilevanti biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti essenzjali stipulati fid-Direttiva 2008/57/KE u biex tiġi żgurata l-interoperabilità tas-sistema ferrovjarja.

    L-ewwel serje ta’ TSIs tas-sistema ferrovjarja trans-Ewropea ta’ veloċità għolja (TSIs HS) inħarġet fl-2002. Il-biċċa l-kbira tagħhom ġew riveduti aktar tard, fl-2008.

    It-tieni serje ta’ TSIs, li kienu jkopru l-aktar is-sistema ferrovjarja konvenzjonali trans-Ewropea (TSIs CR) u kwistjonijiet trasversali bħas-sikurezza fil-mini ferrovjarji u l-aċċessibbiltà għal persuni b'mobbiltà mnaqqsa, ġiet ippubblikata bejn l-2006 u l-2011.

    Fl-Anness I tidher il-lista tat-TSIs kollha adottati mill-Kummissjoni, kif kienet fil-31 ta’ Diċembru 2012.

    Kif diġà previst fid-Direttivi dwar l-interoperabilità li huma fis-seħħ bħalissa, dan il-qafas legali qiegħed ikompli jiġi żviluppat billi jiġu kkoreġġuti l-iżbalji u jiġu indirizzati l-punti miftuħa fit-TSIs, u billi l-ambitu ġeografiku tat-TSIs jiġi estiż għas-sistema ferrovjarja kollha tal-Unjoni Ewropea.

    Abbażi ta’ dan, l-Aġenzija qiegħda tirrevedi dawn it-TSIs: tħaddim u ġestjoni tat-traffiku (OPE), vaguni tal-merkanzija (WAG), lokomotivi u vetturi ferrovjarji għat-trasport tal-passiġġieri (LOC&PAS), kmand ta’ kontroll u sinjalazzjoni (CCS), applikazzjonijiet telematiċi għal servizzi tal-passiġġieri (TAP) u għas-servizzi tal-merkanzija (TAF), aċċessibbiltà għal persuni b’mobbiltà mnaqqsa (PRM), sikurezza fil-mini ferrovjarji (SRT), infrastruttura (INF) u enerġija (ENE).

    Fir-rigward tat-TSI CCS, l-iffirmar tal-Memorandum ta’ Ftehim fis-16 ta’ April 2012 jirreġistra l-qbil tal-partijiet interessati kollha li jimplimentaw l-ERTMS (European Rail Traffic Management System – is-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju) abbażi tal-ispeċifikazzjonijiet “Baseline 3” li ġew rakkomandati mill-Aġenzija fl-istess data. Fi kliem ieħor, il-partijiet interessati kollha jirrikonoxxu li l-ispeċifikazzjonijiet issa jinkludu l-elementi essenzjali. Ir-reviżjoni relatata tat-TSI CSS ġiet adottata fis-6 ta' Novembru 2012.

    Fir-rigward tal-applikazzjonijiet telematiċi, u fuq l-eżempju tat-TSI CSS, l-Aġenzija stabbilixxiet u tamministra l-Ġestjoni tal-Kontroll tal-Bidla (CCM - Change Control Management) għad-dokumenti tekniċi annessi maż-żewġ TSIs tal-applikazzjonijiet telematiċi, u timmonitorja l-implimentazzjoni tagħhom. Barra minn hekk, l-implimentazzjoni taż-żewġ TSIs tgawdi l-appoġġ ta’ kumitat tat-tmexxija u ta’ esperti fis-settur, u qiegħda tiġi segwita skont Pjan Ġenerali.

    2.2.2.     Analiżi tad-derogi mill-applikazzjoni ta’ TSIs

    Id-derogi jippermettu eċċezzjonijiet mill-applikazzjoni tat-TSIs taħt ċertu kundizzjonijiet stabbiliti bid-Direttivi dwar l-Interoperabilità li jinsabu fis-seħħ. Bejn is-sena 2007 u l-31 ta’ Awwissu 2012, il-Kummissjoni rċeviet 90 notifika għal deroga minn 17-il Stat Membru, kif indikat fil-qosor fil-grafika hawn taħt:

    Dawn id-derogi huma relatati kważi mat-TSIs kollha li huma fis-seħħ, kif turi l-grafika hawn taħt. L-ogħla għadd ta’ derogi li ntalbu kienu għat-TSIs li jikkonċernaw is-sikurezza fil-mini ferrovjarji (27 deroga), l-istorbju (22) u l-vaguni tal-merkanzija (16).

    Id-derogi li l-Istati Membri ssottomettew lill-Kummissjoni wrew li l-kunċett ta’ “stadju ta’ żvilupp avvanzat” (l-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva dwar l-Interoperabilità), li huwa bażi għal possibbiltà ta’ deroga minn TSI, xi drabi jiġi applikat b’mod wiesa’ wisq[16]. Dan jista’ jwassal għal talbiet għal deroga f’sens usa’ minn dak strettament maħsub fil-leġiżlazzjoni tal-UE.

    Analiżi tal-kontenut ta’ dawn id-derogi turi li l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2008/57/KE jista' jiġi ssimplifikat u mtejjeb billi; jiġi ċċarat liema huma l-każijiet li għalihom tkun tista’ ssir talba għal deroga minn TSI, jew billi jiġu ssimplifikati l-proċedura ta’ applikazzjoni u, f’xi każijiet, il-kontenut tal-fajl tal-applikazzjoni.

    2.3.        Ir-reġistri

    2.3.1.     Ir-reġistru nazzjonali tal-vetturi (NVR – l-Artikolu 33 tad-Direttiva dwar l-interoperabilità)

    L-ispeċifikazzjoni tal-NVR ġiet adottata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/756/KE u emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/107/UE. L-NVRs jinżammu minn entitajiet ta’ reġistrazzjoni (RE) nnominati mill-Istati Membri u jridu jkunu konnessi mar-reġistru virtwali tal-vetturi (VVR), li huwa l-magna ċentrali ta’ tiftix.

    L-ERA żviluppat software li jintuża f’applikazzjoni standard għall-NVR (sNVR) u l-VVR. Dan is-software jingħata lill-REs bla ħlas. L-sNVR u l-VVR ġew aġġornati sabiex jitqiesu t-tibdiliet li saru fid-Deċiżjoni 2011/107/UE. Bħalissa, l-ERA qiegħda tgħin lill-entitajiet ta’ reġistrazzjoni jistabbilixxu konnessjonijiet bejn l-NVRs u l-VVR tagħhom.

    2.3.2.     Reġistru Ewropew tat-tipi ta’ vetturi awtorizzati (ERATV — l-Artikolu 34 tad-Direttiva dwar l-interoperabilità)

    L-ispeċifikazzjoni ERATV ġiet adottata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/665/UE. L-ERATV se jinżamm mill-ERA, u l-ERA għandha tippubblika l-informazzjoni li tingħata mill-NSAs.

    L-ERA qiegħda tiżviluppa applikazzjoni tas-software biex tintuża għal dan ir-reġistru. Din l-applikazzjoni mistennija tibda tintuża sa tmien l-2012.

    2.3.3.     Ir-reġistru tal-infrastrutturi (RINF – l-Artikolu 35 tad-Direttiva dwar l-interoperabilità)

    L-ispeċifikazzjoni tar-RINF ġiet adottata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/633/UE. Ir-RINF se jinżamm mill-entitajiet innominati mill-Istati Membri u jrid ikun konness mal-interfaċċja komuni għall-utenti (CUI).

    L-ERA qiegħda twettaq studju ta’ vjabilità bil-għan li tiddefinixxi s-soluzzjoni teknika x-xierqa għall-interfaċċja komuni għall-utenti.

    2.4.        Standardizzazzjoni

    Fit-28 ta’ Jannar 2011, il-Kummissjoni ħarġet il-mandat M 483 għall-ipprogrammar u l-istandardizzazzjoni li kien indirizzat għall-korpi ta’ standardizzazzjoni Ewropej skont id-Direttiva 2008/57/KE fil-qasam tal-interoperabilità tas-sistema ferrovjarja fl-Unjoni Ewropea. Dan il-mandat jissostitwixxi l-mandat M 275 tat-13 ta’ Novembru 1998 fil-qasam tat-tagħmir ferrovjarju fir-rigward tal-interoperabilità tas-sistema ferrovjarja trans-Ewropea ta' veloċità għolja u l-mandat M 334 tat-22 ta’ Mejju 2003 fil-qasam tal-interoperabilità tas-sistema ferrovjarja konvenzjonali trans-Ewropea.

    Il-lista ta’ standards armonizzati skont id-Direttiva 2008/57/KE ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali fl-20 ta’ Lulju 2011.

    3.           Progess fir-rigward tal-interoperabilità

    3.1.        Implimentazzjoni tal-interoperabilità

    Ir-rapport biennali dwar il-progress fir-rigward tal-interoperabilità ferrovjarja fl-UE li nħareġ mill-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea fl-1 ta’ Marzu 2012, jagħti informazzjoni dettaljata dwar il-progress fir-rigward tal-interoperabbilità ferrovjarja. Sabiex tkejjel il-progress li sar, l-Aġenzija stabbilixxiet tliet gruppi ewlenin ta’ indikaturi: indikaturi istituzzjonali (l-aktar għall-NSAs u n-NoBos (korpi notifikati)); indikaturi legali (għall-iżvilupp ta’ TSIs u l-indirizzar tal-punti miftuħa); u indikaturi relatati mas-sottosistemi (ċertifikati “KE”, awtorizzazzjonijiet għal vetturi ferrovjarji u installazzjonijiet fissi, eċċ.).

    3.2.        Ostakli li għad fadal għall-interoperabilità

    3.2.1.     Kopertura u applikazzjoni tat-TSIs

    Il-punti li għad fadal miftuħa fit-TSIs u l-ambitu ġeografiku limitat tat-TSIs jistgħu jfixklu l-integrazzjoni futura tas-sistema ferrovjarja Ewropea, minħabba li huma ostakli għall-interoperabilità. Għaldaqstant, jeħtieġ li jiġu indirizzati l-punti miftuħa u li l-ambitu tat-TSIs jiġi estiż għas-sistema ferrovjarja tal-UE kollha f’perjodu ta’ żmien qasir raġonevoli.

    Fl-2011, l-Aġenzija, bl-għajnuna ta’ konsulenti esterni, wettqet analiżi ex-post tal-implimentazzjoni tat-TSI PRM f’seba’ Stati Membri. Mill-evalwazzjoni ħarġu diversi punti ta’ deċiżjoni determinanti għall-applikazzjoni (jew le) tat-TSI PRM. Fil-każ ta’ infrastruttura u vetturi ferrovjarji eżistenti, il-klassifikazzjoni ta’ proġett bħala tiġdid jew bħala mmodernizzar (skont id-Direttiva dwar l-Interoperabilità) tiddependi minn jekk it-tibdil ikunx “sostanzjali” jew le. Ġie osservat li hemm varjazzjoni kbira fl-interpretazzjoni tat-terminu “sostanzjali”, u minħabba f’hekk kien hemm differenzi kbar fl-applikazzjoni tat-TSI PRM. Dan wassal għal applikazzjoni limitata tat-TSI u rażżan il-progress li seta’ sar biex tinkiseb sistema ferrovjarja aktar aċċessibbli.

    Minn Lulju 2008, meta t-TSI PRM daħlet fis-seħħ, l-Artikolu 20 tad-Direttiva dwar l-Interoperabilità ġie invokat kemm-il darba mill-Istati Membri fil-każ ta’ immodernizzar jew ta’ tiġdid sabiex jiddeċiedu b’mod arbitrarju jekk TSI tiġix applikata bis-sħiħ jew le. Għaldaqstant, billi t-TSI PRM għandha tkun applikabbli f’każijiet ta’ tiġdid jew ta’ immodernizzar suġġett għad-dispożizzjonijiet fil-Kapitolu 7 dwar l-implimentazzjoni, u billi l-uniċi possibbiltajiet li ma tkunx applikabbli għandhom ikunu permezz ta' deroga (l-Artikolu 9 tad-Direttiva) jew minħabba li jkun każ speċifiku (it-Taqsima 7.4 tat-TSI PRM), dan jiġi kompromess bl-applikazzjoni usa’ tal-Artikolu 20 tad-Direttiva dwar l-Interoperabilità. Sabiex tirrimedja din is-sitwazzjoni, il-Kummissjoni tindirizza din il-kwistjoni fil-proposti tar-raba’ pakkett ferrovjarju tagħha, anke billi tipprovdi definizzjoni aqwa tal-elementi li għandhom jiġu inklużi fit-TSIs fir-rigward tal-każijiet ta’ immodernizzar jew ta’ tiġdid.

    3.2.2.     It-tqegħid fis-servizz tal-vetturi ferrovjarji

    Id-Direttiva 2008/57/KE tipprevedi l-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-servizz tal-vetturi ferrovjarji għal kull Stat Membru, għajr meta aċċettazzjoni reċiproka sħiħa tal-ewwel awtorizzazzjoni tkun tista’ tiġi stabbilita fi Stati Membri oħra. B’din l-iskema, il-manifatturi u l-impriżi ferrovjarji nlaqtu mit-tul taż-żmien u l-kost eċċessivi tal-proċess tal-awtorizzazzjoni.

    Il-ħidma mwettqa mid-dipartimenti tal-Kummissjoni u l-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea fl-2010 ppermettiet lill-partijiet involuti kollha jaslu għal ftehim komuni dwar id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva li jikkonċernaw it-tqegħid fis-servizz tal-vetturi ferrovjarji. Dan wassal għar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta’ Marzu 2011 dwar l-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-servizz ta’ sottosistemi strutturali u ta’ vetturi skont id-Direttiva 2008/57/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

    Madankollu, waqt li kienet qed issir dik il-ħidma nqalgħu kwistjonijiet ġodda, bħad-diffikultajiet fl-implimentazzjoni ta’ Metodi Komuni tas-Sikurezza fir-rigward tal-valutazzjoni tar-riskji u tal-immappjar tal-perikli għas-sikurezza fit-TSIs biex ikun jista’ jsir l-użu sistematiku tat-TSIs minflok ir-regoli nazzjonali.

    Għal din ir-raġuni, f’Settembru 2011, id-dipartimenti tal-Kummissjoni waqqfu Task Force li jlaqqa’ lill-partijiet kollha kkonċernati sabiex janalizzaw il-problemi li jiltaqgħu magħhom il-partijiet interessati waqt il-proċess tal-awtorizzazzjoni u jidentifikaw oqsma għal aktar titjib. It-Task Force iltaqa’ ħames darbiet u kkonkluda l-ħidma tiegħu f‘Ġunju 2012[17].

    It-Task Force identifika tliet tipi ta’ problemi:

    · Il-leġiżlazzjoni ferrovjarja tal-UE mhux dejjem tiġi applikata kif xieraq.

    · Il-leġiżlazzjoni ferrovjarja tal-UE mhux dejjem tinftiehem tajjeb.

    · Il-leġiżlazzjoni ferrovjarja tal-UE tista’ tittejjeb.

    Għaldaqstant, minbarra l-monitoraġġ aktar mill-qrib tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni ferrovjarja tal-UE u ta’ attivitajiet ta’ taħriġ u ta’ diffużjoni aktar wiesgħin, jeħtieġ li ssir reviżjoni tal-proċess tal-UE għat-tqegħid fis-servizz tal-vetturi. Din il-kwistjoni hija indirizzata mill-Kummissjoni fil-proposti tar-raba’ pakkett ferrovjarju tagħha.

    3.2.3.     Ir-regoli nazzjonali

    In-nuqqas ta’ trasparenza tal-oqfsa legali nazzjonali għall-awtorizzazzjoni tal-vetturi u n-nuqqas ta’ regoli nazzjonali disponibbli għall-pubbliku huma ostakli oħra. Dawn iż-żewġ aspetti qed jiġu indirizzati mill-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea fil-ħidma li qed twettaq dwar il-klassifikazzjoni u r-referenzi reċiproki tar-regoli nazzjonali.

    Fl-aħħar nett, iż-żamma ta’ regoli nazzjonali li m’għadhomx meħtieġa aktar jew li huma kontra t-TSIs għandha tiġi indirizzata wkoll; l-ewwel nett mill-Istati Membri, u wara mill-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea. Fil-fatt, sakemm it-TSIs ma jiġux estiżi għas-sistema ferrovjarja tal-Unjoni kollha, għadd kbir ta’ regoli nazzjonali għadu qed jiġi nnotifikat mill-Istati Membri. Wara li t-TSIs jiġu estiżi għas-sistema ferrovjarja tal-Unjoni kollha u wara li jiġu indirizzati l-punti miftuħa fit-TSIs, l-Istati Membri għandhom ineħħu r-regoli nazzjonali li jmorru kontra t-TSIs jew li m’għadhomx meħtieġa aktar. Dan joħroġ ċar mir-raba’ pakkett ferrovjarju tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, l-Aġenzija għandha tingħata aktar setgħa mill-Istati Membri, bil-għan li jitneħħew regoli nazzjonali li jkunu inkonsistenti/diskriminatorji/disproporzjonati. Għaldaqstant, permezz tar-raba’ pakkett ferrovjarju, l-Aġenzija se tkun tista’ tadotta opinjonijiet indirizzati lil Stat Membru u fihom tiddikjara r-raġunijiet għalfejn regola nazzjonali li m'għadhiex meħtieġa jew li tmur kontra t-TSIs jew kwalunkwe leġiżlazzjoni oħra tal-UE ma għandiex tiddaħħal fis-seħħ jew tiġi applikata.

    3.2.4.     Il-korpi notifikati

    Fl-20 ta’ Novembru 2012, fl-UE u n-Norveġja kien hemm 53 Korp Notifikat joperaw skont id-Direttiva 2008/57/KE, li kienu mqassma kif indikat f’din il-grafika[18]:

    L-ostaklu prinċipali għall-kompetittività fl-UE kollha bejn il-Korpi Notifikati hija l-lingwa tal-applikant. Fil-fatt, applikanti minn pajjiżi li jużaw lingwi differenti mil-lingwi proċedurali tal-Korp Notifikat isibuha aktar diffiċli biex jonfqu aktar flus għat-traduzzjoni. Għalhekk, il-kompetittività ġenwina bejn il-Korpi Notifikati teżisti aktar fost reġjuni lingwistiċi milli fuq il-livell tal-UE.

    Mill-esperjenza miksuba fis-snin riċenti li, fost affarijiet oħra, turi livell eteroġeneu fil-kompetenzi tal-Korpi Notifikati, jidher li jeħtieġ titjib fil-monitoraġġ u l-koordinazzjoni tal-attivitajiet tal-Korpi Notifikati. Ir-reviżjoni tad-Direttiva 2008/57/KE għandha tipprovdi opportunità biex jiġi applikat il-qafas leġiżlattiv il-ġdid għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti, u b'mod partikolari, id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni 768/2008/KE fir-rigward tal-Korpi Notifikati.

    4.           Konklużjonijiet

    Il-progress li sar grazzi għall-qafas regolatorju tal-UE għall-interoperabilità ferrovjarja għandu jinkuraġġixxi iktar żvilupp tas-suq ferrovjarju intern, u b’hekk jiffavorixxi l-ħolqien ta’ impriżi ġodda, it-tnaqqis ta' spejjeż għad-dħul fis-suq u, fl-aħħar nett, ittejjeb il-kompetittività tas-sistema ferrovjarja meta mqabbla ma' mezzi oħra tat-trasport.

    L-analiżi li twettqu f’dan ir-rapport juru dan li ġej:

    Il-leġiżlazzjoni sekondarja dwar l-interoperabilità (TSIs u miżuri legali oħra) issa hija kompluta f’dak li għandu x’jaqsam mas-sistema ferrovjarja trans-Ewropea. Kif diġà previst bil-qafas legali attwali, huwa mistenni li sal-2015 il-parti l-kbira tat-TSIs jiġu estiżi għas-sistema ferrovjarja kollha fl-Unjoni Ewropea. Wara din id-data, it-TSIs se jkunu suġġetti għal reviżjoni regolari sabiex jibqgħu aġġornati mal-progress, max-xejriet tas-suq u mal-ħtiġijiet soċjali.

    Ir-reviżjonijiet tat-TSIs fil-futur għandhom ukoll jissimplifikaw l-ambjent regolatorju, sabiex jiżguraw ir-rilevanza, l-effikaċja u l-proporzjonalità tal-leġiżlazzjoni ferrovjarja. Pereżempju, se jiġi kkunsidrat l-użu akbar ta' standards Ewropej volontarji.

    Barra minn hekk, l-estensjoni tat-TSIs u l-indirizzar ta’ punti miftuħa għandhom jippermettu lill-Aġenzija u lill-Istati Membri jidentifikaw u jħassru dawk ir-regoli nazzjonali li ma jkunux meħtieġa aktar jew li jkunu inkompatibbli mat-TSIs. Dan il-proċess ta’ simplifikazzjoni, li diġà jista’ jsir fil-qafas leġiżlattiv attwali, ġie mtejjeb u spjegat aktar mill-Kummissjoni fil-proposti tar-raba’ pakkett ferrovjarju tagħha.

    Bl-istess mod, fir-raba’ pakkett ferrovjarju l-Kummissjoni tipproponi kjarifiki fir-rigward tal-applikazzjoni tat-TSIs meta s-sottosistemi eżistenti jiġu mġedda jew immodernizzati

    Fl-istess pakkett, il-Kummissjoni tenfasizza l-importanza tar-rwol tal-Korpi Notifikati, u tal-funzjonament tajjeb tagħhom, billi tallinja l-leġiżlazzjoni dwar l-interoperabilità mal-qafas leġiżlattiv il-ġdid għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti.

    Fl-aħħar nett, ir-raba’ pakkett ferrovjarju jindirizza wkoll id-diffikultajiet li wieħed jiltaqa’ magħhom fil-proċess attwali tal-awtorizzazzjoni tal-vetturi, billi jintroduċi l-kunċett ta’ awtorizzazzjoni unika tal-vetturi għat-tqegħid fis-suq li tkun valida fl-Unjoni Ewropea kollha. Dan iġib miegħu rwol imsaħħaħ għall-Aġenzija u fokus akbar mill-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza fuq il-kompiti ta’ superviżjoni.

    Anness I

    TSI || Nru tad-Dokument || Publikazzjoni ĠU || Applikabbli minn

    TSIs għas-Sottosistemi Strutturali (*): Infrastruttura (INF), Enerġija (ENE), Kmand ta’ Kontroll u Sinjalazzjoni (CCS), Vetturi Ferrovjarji (RST, WAG, NOI)

    HS INF || Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/732/KE || L 245/143 (2002) || 01/12/2002

    HS INF Reviżjoni || Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/217/KE || L 77/1 (2008) || 01/07/2008

    HS ENE || Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/733/KE || L 245/280 (2002) || 01/12/2002

    HS ENE Reviżjoni || Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/284/KE || L 104/1 (2008) || 01/10/2008

    HS CCS || Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/731/KE || L 245/37 (2002) || 01/12/2002

    HS CCS Rettifika || - || L275/3 (2002) || 01/12/2002

    HS CCS Reviżjoni || Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/447/KE || L 155/67 (2004) || 31/04/2004

    HS CCS Reviżjoni || Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/860/KE || L 342/1 (2006) || 07/11/2006

    HS CCS Reviżjoni || Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/153/KE || L 67/13 (2007) || 06/03/2007

    HS CCS Reviżjoni || Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/386/KE || L 136/11 (2008) || 01/06/2008

    HS RST || Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/735/KE || L 245/402 (2002) || 01/12/2002

    HS RST Reviżjoni || Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/232/KE || L 84/132 (2008) || 01/09/2008

    HS RST Rettifika || - || L 104/80 (2008) || 01/09/2008

    CR RST LOC&PAS || Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/291/UE || L 139/1 (2011) || 01/06/2011

    CR CCS || Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/679/KE || L 284/1 (2006) || 28/09/2006

    CR CCS Reviżjoni || Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/860/KE || L 342/1 (2006) || 07/11/2006

    CR CCS Reviżjoni || Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/153/KE || L 67/13 (2007) || 06/03/2007

    CR CCS Reviżjoni || Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/386/KE || L 136/11 (2008) || 01/06/2008

    CR CCS Reviżjoni || Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/79/KE || L37/74 (2010) || 01/04/2010

    CR CCS || Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/561/KE || L 194/60 (2009) || 22/07/2009

    CR NOI || Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/66/KE || L 37/1 (2006) || 23/06/2006

    CR NOI Reviżjoni || Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/229/UE || L 99/1 (2011) || 05/04/2011

    CR WAG || Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/861/KE || L 344/1 (2006) || 31/01/2007

    CR WAG Reviżjoni || Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/107/KE || L 45/1 (2009) || 01/07/2009

    CR INF || Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/275/UE || L 126 (2011) || 01/06/2011

    CR ENE || Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/274/UE || L 126 (2011) || 01/06/2011

    HS & CR CCS Reviżjoni || Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/88/UE || L 51 (2012) || 26/07/2012

    HS & CR CCS Reviżjoni || Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/696/UE || L 311 (2012) || 01/01/2013

    TSIs għas-Sottosistemi Funzjonali: Tħaddim u Ġestjoni tat-Traffiku (OPE), Applikazzjonijiet Telematiċi għal Servizzi tal-Passiġġieri u għas-Servizzi tal-Merkanzija (TAP, TAF), Manutenzjoni (MAI)

    HS OPE || Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/734/KE || L 245/370 (2002) || 01/12/2002

    HS OPE Reviżjoni || Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/231/KE || L 84/1 (2008) || 01/09/2008

    CR&HS OPE Reviżjoni || Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/640/KE || L280/29 (2010) || 25/10/2010

    CR OPE Reviżjoni || Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/314/UE || L 144/1 (2011) || 01/01/2012

    HS MAI || Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/730/KE || L245/1 (2002) || 01/12/2002

    HS MAI Rettifika || - || L 275/5 (2002) || 01/12/2002

    CR OPE || Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/920/KE || L 359/1 (2006) || 11/02/2007

    CR OPE Reviżjoni || Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/231/KE || L 84/1 (2008) || 01/09/2008

    CR OPE Reviżjoni || Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/107/KE || L 45/1 (2009) || 01/07/2009

    CR&HS OPE Reviżjoni || Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/757/EU || L 345/1 (2012) || 01/01/2014

    CR TAF || Ir-Regolament tal-Kummissjoni 62/2006/KE || L 13/1 (2006) || 19/01/2006

    CR TAF Reviżjoni || Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 328/2012. || L 106/14 (2012) || 20/05/2012

    HS&CR TAP || Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 454/2011. || L 123/11 (2012) || 13/05/2011

    HS&CR TAP Reviżjoni || Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 665/2012. || L 194/1 (2012) || 22/07/2012

    TSIs Trasversali: Aċċessibbiltà għal Persuni b’Mobbiltà Mnaqqsa (PRM), Sikurezza fil-Mini Ferrovjarji (SRT), emendi għal diversi TSIs (Omnibus)

    SRT || Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/163/KE || L 64/1 (2008) || 01/07/2008

    PRM || Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/164/KE || L 64/72 (2008) || 01/07/2008

    Omnibus 1 || Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/462/UE || L 217/1 (2012) || 24/01/2013

    Omnibus 2 || Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/463/UE || L 217/11 (2012) || 24/01/2013

    Omnibus 3 || Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/464/UE || L 217/20 (2012) || 24/01/2013

    (*) It-TSIs għas-Sottosistemi Strutturali (eż. Vaguni, Infrastruttura) jistgħu jinkludu rekwiżiti funzjonali wkoll (eż. għall-manutenzjoni).

    [1]               Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u l-Parlament Ewropew dwar Rapport ta’ Progress dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar is-Sikurezza Ferrovjarja u tad-Direttivi dwar l-Interoperabilità Ferrovjarja. COM(2009) 464 finali.

    [2]               Id-Direttiva 2008/57/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 2008 dwar l-interoperabilità tas-sistema ferrovjarja fil-Komunità, ĠU L 191, 18.7.2008, p. 1;

    [3]               http://www.era.europa.eu/Document-Register/Pages/Interoperabilitybiennialreport-2011.aspx

    [4]               Id-Direttiva tal-Kunsill 96/48/KE tat-23 ta' Lulju 1996 fuq l-interoperabilità tas-sistema ferrovjarja trans-Ewropea ta' veloċità għolja ĠU L 235, 17.9.1996, p. 6-24.

    [5]               Id-Direttiva 2001/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Marzu 2001 fuq l-interoperabilità tas-sistema ferrovjarja konvenzjonali trans-Ewropea, ĠU L 110, 20.4.2001, pp. 1-27. .

    [6]               ĠU L 273, 17.10.2009, pp. 12–13.

    [7]               ĠU L 57, 2.3.2011, pp. 21–28.

    [8]               ĠU L 305, 23.11.2007, pp. 30–51.

    [9]               ĠU L 319, 4.12.2010, pp. 1-52.

    [10]             ĠU L 43, 17.2.2011, pp. 33–54.

    [11]             ĠU L 57, 2.3.2011, pp. 8–9.

    [12]             ĠU L 63, 10.3.2011, pp. 22–25 .

    [13]             ĠU L 95, 8.4.2011, pp. 1–29.

    [14]             ĠU L 256, 1.10.2011, pp. 1-25.

    [15]             ĠU L 264, 8.10.2011, pp. 32-54.

    [16]             Pereżempju, meta l-proġett seta’ jsir konformi mat-TSI bi ftit jew ebda impatt fuq l-iskeda jew il-kost tiegħu.

    [17]             Ir-rapport finali tat-Task Force jinsab fuq is-sit tal-internet:         http://www.era.europa.eu/Document-Register/Pages/Report_TF_Railway_Vehicles_Auth.aspx

    [18]             Sors: NANDO (http://ec.europa.eu/enterprise/newapproach/nando/index.cfm?fuseaction=directive.notifiedbody&sort=country&dir_id=30) .

    Top