Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012SC0442

    DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI SOMMARJU TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT Li jakkumpanja d-dokument Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rappurtar tal-okkorrenzi fl-avjazzjoni ċivili

    /* SWD/2012/0442 final */

    52012SC0442

    DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI SOMMARJU TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT Li jakkumpanja d-dokument Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rappurtar tal-okkorrenzi fl-avjazzjoni ċivili /* SWD/2012/0442 final */


    DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI

    SOMMARJU TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

    Li jakkumpanja d-dokument

    Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rappurtar tal-okkorrenzi fl-avjazzjoni ċivili

    1.           Definizzjoni tal-problema

    1.1.        Il-kuntest u l-problemi identifikati

    Is-sistema attwali tas-sikurezza tal-avjazzjoni hija primarjament sistema reattiva li tiddependi fuq avvanzi teknoloġiċi, leġiżlazzjoni tajba msejsa fuq sorveljanza regolatorja effettiva, u investigazzjonijiet dettaljati tal-aċċidenti li jwasslu għal rakkomandazzjonijiet rigward it-titjib tas-sikurezza. Madankollu, minkejja li hija kruċjali l-kapaċità li wieħed jieħu tagħlima minn aċċident, is-sistemi purament reattivi wrew li issa waslu fil-limitu tal-possibilitajiet tagħhom biex itejbu s-sikurezza, notevolment fil-kuntest ta' tkabbir tat-traffiku tal-ajru li sal-2030 huwa mistenni li kważi jirdoppja.

    Għalhekk, is-sistemi tas-sikurezza għandhom jimxu lejn proċessi tas-sikurezza aktar proattivi u bbażati fuq l-evidenza, li jiffukaw fuq il-prevenzjoni ta’ aċċidenti billi janalizzaw l-informazzjoni kollha disponibbli dwar is-sikurezza, inkluża l-informazzjoni dwar okkorrenzi fl-avjazzjoni ċivili.

    Filwaqt li l-Unjoni Ewropea (UE) bdiet din it-tranżizzjoni bl-adozzjoni tad-Direttiva 2003/42/KE[1] u r-regoli ta' implimentazzjoni tagħha[2], l-isforzi attwali mhumiex biżżejjed biex iwaqqfu milli jiżdied l-għadd ta' aċċidenti u ta' fatalitajiet bħala konsegwenza taż-żieda mistennija fit-traffiku. L-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha attwalment mhumiex suffiċjentament kapaċi biex jużaw l-informazzjoni miġbura mill-esperjenza fil-prevenzjoni tal-aċċidenti.

    Din il-kwistjoni hija kkawżata minn għadd ta' nuqqasijiet.

    L-ewwel nett, filwaqt li d-dejta hija vitali biex jiġu identifikati l-perikli għas-sikurezza, jidher li ma hemmx għarfien biżżejjed dwar l-okkorrenzi kollha tas-sikurezza. Din is-sitwazzjoni hija parzjalment dovuta għad-diskrepanza fil-kamp ta' applikazzjoni tal-okkorrenzi rappurtabbli bejn l-Istati Membri. Din ġejja wkoll mill-fatt li l-individwi jibżgħu jirrappurtaw (il-kwistjoni tal-"Kultura Ġusta"). Fil-fatt, sabiex jintlaħaq l-għan ta' rappurtar sħiħ, l-individwi jrid ikollhom fiduċja sħiħa fis-sistema għaliex huma mitluba li jirrappurtaw żbalji li setgħu għamlu huma stess jew li setgħu kkontribwew għalihom. Madankollu, l-individwi mhumiex protetti b'mod ugwali fost l-Istati Membri, u jibżgħu li jiġu pproċessati jew li jiġu ppenalizzati mill-ġerarkija tagħhom. Barra minn hekk, in-nuqqas ta' obbligu li tiġi stabbilita skema ta' rappurtar volontarju biex jiġu kompletati l-iskemi obbligatorji, u n-nuqqas ta' ċarezza fir-rappurtar obbligatorju tal-okkorrenzi u fil-fluss ta' informazzjoni, jikkontribwixxu wkoll għall-ġbir insuffiċjenti ta' okkorrenzi.

    It-tieni nett, in-nuqqas ta' armonizzazzjoni u ta' strutturar fl-integrazzjoni tad-dejta tal-okkorrenzi qed joħloq informazzjoni ta' kwalità baxxa u dejta mhux kompleta. Din is-sitwazzjoni taffettwa l-konsistenza u l-utilità tal-informazzjoni, u tillimita l-użu tagħha għal skopijiet ta' sikurezza. Tirriskja wkoll li tipprovdi tendenzi li jqarrqu u li jistgħu jwasslu għal sforzi ffukati fejn dawn ma jkunux neċessarji, jew agħar, li jonqsu milli jidentifikaw kwistjoni ta' sikurezza.

    It-tielet nett, l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri huwa limitat minħabba li hemm ostakoli legali u organizzattivi għall-iżgurar ta' aċċess adegwat għall-informazzjoni miżmuma fir-Repożitorju Ċentrali Ewropew (ECR), li jiġbor fih id-dejta nazzjonali kollha. Fil-fatt, il-leġiżlazzjoni Ewropea tobbliga d-deidentifikazzjoni ta' ċerta informazzjoni. Għalkemm l-iskop ta' dawn id-dispożizzjonijiet huwa li jipproteġi l-informazzjoni sensittiva dwar is-sikurezza, il-konsegwenza prattika tagħhom hija li fatti importanti relatati mas-sikurezza, bħad-deskrizzjoni effettiva tal-okkorrenzi, ma jkunux disponibbli għall-awtoritajiet. Dan huwa notevolment minħabba n-nuqqas ta' fiduċja tal-Istati Membri fir-rigward tal-użu tad-dejta.

    Fl-aħħar nett, ma hemm l-ebda rekwiżit rigward l-użu tad-dejta miġbura dwar l-okkorrenzi. Għalhekk, dan jirriżulta f'nuqqas ta' analiżi tal-okkorrenzi, u sussegwentement, f'nuqqas ta' adozzjoni ta' azzjonijiet korrettivi u preventivi xierqa sabiex jindirizzaw in-nuqqasijiet tas-sikurezza.

    L-atturi prinċipali kkonċernati minn din l-inizjattiva huma kollha persuni u organizzazzjonijiet involuti fis-sistema tal-avjazzjoni ċivili jew li jibbenefikaw mis-sikurezza tal-ajru, kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll fuq livell Ewropew.

    1.2.        Analiżi tas-sussidjarjetà

    Ir-rappurtar tal-okkorrenzi huwa essenzjali biex it-trasport bl-ajru jiffunzjona tajjeb, skont l-objettiv tal-Artikolu 91 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Peress li japplika l-prinċipju tas-sussidjarjetà, l-azzjoni tal-UE dwar ir-rappurtar tal-okkorrenzi għandha tkun iġġustifikata.

    L-ewwel nett, l-objettivi tal-azzjoni proposta ma jistgħux jinkisbu suffiċjentement mill-Istati Membri minħabba li hemm bżonn li jiġu armonizzati r-regoli applikabbli għar-rappurtar tal-okkorrenzi, u għalhekk jiġu żgurati regoli uniformi u effiċjenti fl-Ewropa. Barra minn hekk, ir-regoli relatati ma' bażi tad-dejta Ewropea u ma' Aġenzija tal-UE jistgħu jiġu stabbiliti biss permezz ta' leġiżlazzjoni Ewropea.

    It-tieni nett, il-valur miżjud tal-azzjoni tal-UE ġej mill-benefiċċji tas-sikurezza li jsaħħu u jiżviluppaw miżuri proattivi bbażati fuq analiżi tal-okkorrenzi fuq livell nazzjonali u tal-UE. Barra minn hekk, avveniment li jidher li huwa okkorrenza iżolata fi Stat Membru, meta jkun meqjus fl-Unjoni Ewropea kollha, jista' jindika l-bżonn li tittieħed azzjoni.

    2.           Objettivi tal-inizjattiva tal-UE

    L-objettiv prinċipali tal-inizjattiva huwa li tikkontribwixxi għat-tnaqqis fl-għadd ta' aċċidenti tal-ajru u ta' fatalitajiet, permezz tat-titjib tas-sistemi eżistenti, kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll Ewropew, bl-użu ta' okkorrenzi fl-avjazzjoni ċivili għall-korrezzjoni ta' nuqqasijiet fil-qasam tas-sikurezza u biex jiġu evitati li dawn jerġgħu jseħħu.

    L-objettivi speċifiċi (SO – Specific Objectives) huma:

    · Li jiżguraw li l-okkorrenzi kollha li jipperikolaw jew li jistgħu jipperikolaw is-sikurezza tal-avjazzjoni jkunu qed jinġabru, u b'hekk jipprovdu stampa kompleta u ċara tar-riskji tas-sikurezza fl-UE u fl-Istati Membri tagħha (SO1)

    · Li jiżguraw li r-rapporti tal-okkorrenzi maħżuna fil-bażijiet tad-dejta nazzjonali u fl-ECR huma kompleti u għandhom dejta ta' kwalità għolja (SO2)

    · Li jiżguraw li l-informazzjoni kollha kritika dwar is-sikurezza maħżuna fl-ECR hija aċċessata b'mod adegwat mill-awtoritajiet kompetenti u li tiġi użata strettament għal skopijiet ta' titjib tas-sikurezza (SO3)

    · Li jiżguraw li l-okkorrenzi rrappurtati jiġu analizzati b'mod effettiv, jiġu identifikati, u jekk ikun neċessarju, jiġu indirizzati l-perikli għas-sikurezza, u li l-effettività dwar is-sikurezza tal-azzjonijiet meħuda tiġi mmonitorjata (SO4).

    3.           Għażliet ta' politika

    L-ewwel għażla identifikata tinvolvi t-tħassir tal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE. Fid-dawl tar-riskju serju li din l-għażla tista' tinvolvi għas-sikurezza taċ-ċittadini, din l-għażla ma komplietx tiġi segwita, u ġiet imwarrba.

    Għadd ta' miżuri ta' politika ġew identifikati u miġbura flimkien fi tliet pakketti, biex isolvu l-kawżi tal-problema:

    L-ewwel pakkett ta' politika (PP1) għandu l-għan li jtejjeb is-sitwazzjoni attwali billi jistabbilixxi l-elementi bażiċi ta' sistema kompleta għar-rappurtar tal-okkorrenzi u l-kontribut li din tista' tagħti għat-titjib tas-sikurezza tal-avjazzjoni. Dan il-pakkett jipprevedi biss l-emendi strettament neċessarji għal-leġiżlazzjoni u l-adozzjoni ta' rakkomandazzjonijiet u ta' gwida, fil-każijiet kollha fejn dan ikun possibbli. Dan għandu fih il-miżuri ta’ politika l-inqas intensivi identifikati hawn fuq.

    It-tieni pakkett ta' politika (PP2) għandu miżuri politiki aktar ambizzjużi li jinkludu reviżjoni sostanzjali tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar ir-rappurtar tal-okkorrenzi. Dan ifittex li jtejjeb is-sistema attwali billi jistabbilixxi r-rekwiżiti leġiżlattivi neċessarji għall-iżgurar ta' sistema effiċjenti għar-rappurtar tal-okkorrenzi fuq il-livelli kollha, u jikkontribwixxi għat-tnaqqis ta' aċċidenti tal-inġenji tal-ajru permezz tal-istabbiliment ta' proċessi għall-analiżi tad-dejta miġbura, l-adozzjoni ta' miżuri xierqa, u l-monitoraġġ tal-effiċjenza tas-sistema f'termini ta' titjib tas-sikurezza.

    It-tielet pakkett ta' politika (PP3) għandu l-għan li jtejjeb is-sistema attwali billi jittrasferixxi l-kompetenzi ta' rappurtar tal-okkorrenzi għal-livell tal-UE u jistabbilixxi, bħal PP2, ir-rekwiżiti għall-analiżi tal-okkorrenzi flimkien mal-adozzjoni ta' azzjonijiet neċessarji għas-sikurezza u t-titjib tal-monitoraġġ. Taħt il-PP3, ir-responsabbiltà għall-istabbiliment u l-ġestjoni tal-iskema/i għar-rappurtar tal-okkorrenzi hija trasferita lejn l-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (EASA).

    It-tabelli hawn taħt jidħlu fid-dettall tal-miżuri politiki inklużi fil-pakketti differenti ta’ politika.

    Kwistjonijiet identifikati fis-sezzjoni 2.2 || Miżuri ta' politika || Dettall tal-miżura ta' politika

    L-ewwel kawża ta' problema: Il-ġbir tad-dejta tal-okkorrenzi mhuwiex ottimali (KP1)

    A: L-iskop tar-rappurtar, fir-rigward tat-tip ta' okkorrenza, huwa differenti bejn l-Istati Membri u għalhekk joħloq diskrepanzi fil-livell ta' rappurtar || 1. Tikkjarifika l-iskop tal-okkorrenzi li jridu jinġabru permezz ta' gwida – PP1

    2. Tarmonizza l-iskop tar-rappurtar u tispeċifika x'għandu jiġi rappurtat f'Anness – PP2 u PP3

    B: L-individwi jibżgħu jirrappurtaw (il-kwistjoni tal-"Kultura Ġusta") || 1. Gwida dwar l-interpretazzjoni u l-implimentazzjoni tal-Artikolu 8 – PP1

    2. Tikkjarifika u tikkumplimenta regoli eżistenti (tispjega l-"Kultura Ġusta", tistabbilixxi punt fokali nazzjonali, il-prinċipju li ma tiġix attribwita ħtija, ir-rapporti ta' deidentifikazzjoni) - PP2 u PP3

    C: Ma hemm l-ebda obbligu li tiġi stabbilita Skema Volontarja ta' Rappurtar tal-Okkorrenzi (VORS) u ma hemm l-ebda kjarifika dwar dak li għandu jiġi rrapurtat taħt VORS || 1. Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni biex timplimenta l-Istandard tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) li jimponi l-istabbiliment tal-VORS; gwida dwar l-Iskema għar-Rappurtar Obbligatorju tal-Okkorrenzi (MORS) / VORS – PP1

    2. Timplimenta fil-liġi tal-UE l-Istandard ICAO li jimponi l-istabbiliment tal-VORS; tikkjarifika x'għandu jiġi rrappurtat taħt MORS/VORS - PP2

    3. Tibdel il-VORS nazzjonali b'VORS unika Ewropea; tikkjarifika x'għandu jiġi rrappurtat taħt MORS/VORS – PP3

    D: Hemm wisq linji ta' rappurtar tal-okkorrenzi f'diversi leġiżlazzjonijiet tal-UE li joħolqu duplikazzjoni u konfużjoni || 1. Gwida li tispeċifika l-linji ta' rappurtar u r-rekwiżiti applikabbli għal kull linja ta' rappurtar; torganizza taħriġ – PP1

    2. Tissemplifika u tarmonizza r-rekwiżiti kollha ta' rappurtar; timmodifika r-rekwiżiti ta' rappurtar f'leġiżlazzjonijiet oħra rilevanti tal-UE – PP2 u PP3

    E: Fid-Direttiva, il-fluss ta' informazzjoni mhuwiex ċar u ma hemm l-ebda rekwiżit li l- organizzazzjoni tiġbor l-okkorrenzi || 1. Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni biex timplimenta l-Istandard ICAO li jitlob lill-Istati li jiżguraw l-istabbiliment ta' Sistema għall-Ġestjoni tas-Sikurezza (SMS) fi ħdan l-industrija tagħhom – PP1

    2. Timplimenta fil-liġi tal-UE ir-rappurtar tal-okkorrenzi relatat mal-parti tal-Istandard ICAO li jitlob lill-Istati li jiżguraw l-istabbiliment ta' SMS fi ħdan l-industrija tagħhom – PP2

    3. Timplimenta fil-liġi tal-UE ir-rappurtar tal-okkorrenzi relatat mal-parti tal-Istandard ICAO li jitlob lill-Istati li jiżguraw l-istabbiliment ta' SMS fi ħdan l-industrija tagħhom; tittrasferixxi l-obbligu li jinġabru l-okkorrenzi fl-Istati f'korp uniku li se jiġbor direttament, prinċipalment mill-industrija, l-okkorrenzi li ġejjin mill-MORS – PP3

    || ||

    Kwistjonijiet identifikati fis-sezzjoni 2.2 || Miżuri ta' politika || Dettall tal-miżura ta' politika

    It-tieni kawża ta' problema: L-integrazzjoni tad-dejta: Il-kwalità baxxa tal-informazzjoni u d-dejta mhux kompluta (KP2)

    A: L-okkorrenzi jiġu f'forom differenti u mhumiex kodifikati u klassifikati f'bażijiet tad-dejta b'mod armonizzat || 1. Gwida dwar kif timtela okkorrenza; taħriġ u żgurar ta’ armonizzazzjoni aħjar ta' klassifikazzjoni fi ħdan u fost il-bażijiet tad-dejta nazzjonali – PP1

    2. Tarmonizza l-proċess ta' rappurtar u tistandardizza l-proċess ta' entrata tad-dejta fost l-Istati; tiżviluppa materjal ta' gwida u torganizza taħriġ – PP2

    3. Timponi l-użu ta' format uniku tad-dejta għar-rapporti ta' okkorrenza; tibdel il-ġbir ta' okkorrenzi tal-Istati Membri bi ġbir fuq livell tal-UE permezz ta' entrata waħda - PP3

    B: Ta' spiss ma hemm l-ebda proċess għall-kontroll ta' kwalità biex jiżgura l-konsistenza tad-dejta || 1. Gwida dwar il-kwalità tad-dejta; tiżviluppa għodda awtomatika għall-kontroll tal-kwalità tad-dejta u tagħmilha disponibbli għall-Istati Membri; torganizza taħriġ u sessjonijiet ta' ħidma – PP1

    2. Timponi fuq l-organizzazzjonijiet u l-Istati Membri l-prinċipju ta' kontroll tal-kwalità; tiżviluppa u tikkumplimenta l-materjal eżistenti ta' gwida dwar il-kwalità tad-dejta; tiżviluppa għodda awtomatika għall-kontroll tal-kwalità; torganizza taħriġ u sessjonijiet ta' ħidma – PP2 u PP3

    C: Mhux l-informazzjoni kollha hija mibgħuta lill-ECR u d-dejta miġbura mhux dejjem tirrifletti l-prestazzjoni reali tas-sikurezza || Tkompli tissorvelja d-dejta miżmuma fl-ECR, u fejn ikun neċessarju, tniedi proċeduri; il-leġiżlazzjoni tista' tidħol fl-iskop tal-ispezzjonijiet ta' standardizzazzjoni tal-EASA – PP1, PP2 u PP3

    D: L-oqsma tad-dejta prinċipali ta' ħafna mill-okkorrenzi mhux kollha jimtlew fl-ECR || 1. Materjal ta' gwida dwar x'għandu jimtela, u l-iżvilupp ta’ lista ta' oqsma għal kull kategorija rilevanti ta' okkorrenzi – PP1

    2. Timmodifika l-leġiżlazzjoni sabiex tistabbilixxi l-prinċipju ta' oqsma obbligatorji; tannessa mal-leġiżlazzjoni rreveduta l-lista ta' oqsma obbligatorji għal kull kategorija rilevanti ta' okkorrenzi – PP2 u PP3

    || ||

    Kwistjonijiet identifikati fis-sezzjoni 2.2 || Miżuri ta' politika || Dettall tal-miżura ta' politika

    It-tielet kawża ta' problema: L-ostakoli legali u organizzattivi għall-iżgurar ta’ aċċess adegwat għall-informazzjoni fl-ECR (KP3)

    A: Informazzjoni importanti dwar l-okkorrenza (deskrizzjoni) li mhijiex aċċessibbli || Tiżgura aċċess usa' għad-dejta tal-ECR biex l-awtoritajiet kompetenti ddefiniti jingħataw aċċess għall-informazzjoni pertinenti dwar is-sikurezza – PP1, PP2 u PP3

    B: L-Istati Membri għandhom nuqqas ta' fiduċja fl-użu tad-dejta fl-ECR || Tillimita l-użu tad-dejta tal-ECR għal skopijiet ta' tisħiħ tas-sikurezza – PP1, PP2 u PP3

    Kwistjonijiet identifikati fis-sezzjoni 2.2 || Miżuri ta' politika || Dettall tal-miżura ta' politika

    Ir-raba' kawża ta' problema: Nuqqas ta' analiżi tal-okkorrenzi fuq il-livelli nazzjonal u dak Ewropew, kif ukoll ta' miżuri xierqa tas-sikurezza (KP4)

    A: L-ebda analiżi sistematika tal-okkorrenzi fuq livell tal-Istati Membri u tal-UE || 1. Rakkomandazzjoni biex timplimenta l-Istandard ICAO li jitlob lill-Istati li janalizzaw id-dejta maħruġa mill-MORS u mill-VORS, u li jiddeterminaw l-azzjoni xierqa meħtieġa – PP1

    2. Timplimenta l-Istandard ICAO li jitlob lill-Istati li janalizzaw id-dejta maħruġa mill-MORS u mill-VORS, u li jiddeterminaw l-azzjoni xierqa meħtieġa; timponi dan l-obbligu fuq organizzazzjonijiet, Stati Membri u fuq il-livell tal-UE – PP2

    3. Timplimenta l-Istandard ICAO li jitlob lill-Istati li janalizzaw id-dejta maħruġa mill-MORS u mill-VORS, u li jiddeterminaw l-azzjoni xierqa meħtieġa; timponi dan l-obbligu fuq organizzazzjonijiet u fuq il-livell tal-UE – PP3

    B: L-ebda politika ta' qafas biex jinkiseb titjib fis-sikurezza bbażat fuq analiżi tal-okkorrenzi || 1. Rakkomandazzjoni biex timplimenta r-Rakkomandazzjoni ICAO li titlob li jiġu implimentati azzjonijiet korrettivi u preventivi xierqa identifikati mill-analiżi tal-okkorrenzi, u li tiġi mmonitorjata l-effettività tagħhom – PP1

    2. Timplimenta l-Istandard ICAO li jitlob li jittieħdu azzjonijiet korrettivi u preventivi xierqa identifikati mill-analiżi tal-okkorrenzi fuq livell organizzattivi, tal-Istati Membri u tal-UE, u li tiġi mmonitorjata l-effettività ta' dawn l-azzjonijiet fuq livell tal-Istati Membru u tal-UE - PP2

    3. Timplimenta l-Istandard ICAO li jitlob li jittieħdu azzjonijiet korrettivi u preventivi xierqa identifikati mill-analiżi tal-okkorrenzi fuq livell nazzjonali u tal-UE, u li tiġi mmonitorjata l-effettività ta' dawn l-azzjonijiet fuq livell tal-UE – PP3

    C: L-ebda għodda biex tingħata prijorità lill-analiżi tal-okkorrenzi || 1. Tiżviluppa, fuq livell tal-UE, skema komuni tal-UE għall-klassifikazzjoni tar-riskji sabiex jiġu kklassifikati l-okkorrenzi b'mod armonizzat; tagħmel din l-għodda disponibbli; rakkomandazzjoni lill-Istati Membri biex jikklassifikaw l-okkorrenzi tagħhom f'konformità ma' din l-għodda – PP1

    2. Obbligu għall-Istati Membri, jew għal entità tal-UE, li jikklassifikaw l-okkorrenzi f'konformità ma' għodda komuni tal-UE għall-klassifikazzjoni tar-riskji; tiżviluppa din l-għodda fuq livell tal-UE, u tagħmilha disponibbli għall-Istati Membri u għall-industrija - PP2 u PP3

    4.           Valutazzjoni tal-impatti

    L-impatti tal-pakketti ta' politika huma miġbura fil-qosor fit-tabella hawn taħt:

    || L-ewwel Pakkett ta' Politika || It-tieni Pakkett ta' Politika || It-tielet Pakkett ta' Politika

    Impatt fuq is-sikurezza || Pożittiv, żgħir || Pożittiv, kbir || Pożittiv, żgħir

    Impatti ekonomiċi ||  

    || Impatt fuq l-industrija || Żero || Pożittiv, medju || Negattiv, żgħir

    || Impatt fuq l-Istati Membri || Żero || Negattiv, żgħir || Pożittiv, kbir

    || Impatti fuq is-suq intern u l-kompetittività || Pożittiv, żgħir || Pożittiv, kbir || Pożittiv, żgħir

    || Piżijiet amministrattivi / fis-sena || żero || Negattiv, żgħir - €831,133 || Negattiv, medju - €2.235 miljun

    || Impatt fuq il-baġit tal-UE / fis-sena || Qrib iż-żero - €165,000 || Negattiv, żgħir - €530,000 || Negattiv, kbir - €12.1 miljun

    Impatti soċjali ||

    || Impatt fuq l-istandards u d-drittijiet relatati mal-kwalità tax-xogħol || Pożittiv, żgħir || Pożittiv, medju || Pożittiv, kbir

    || Impatt fuq l-impjiegi || Newtrali || Pożittiv, żgħir || Pożittiv, żgħir

    || Impatt fuq id-dejta personali || Żero || Pożittiv, medju || Pożittiv, medju

    || Impatt fuq is-sikurezza u s-saħħa pubblika || Pożittiv, żgħir || Pożittiv, kbir || Pożittiv, żgħir

    Impatti ambjentali || Qrib iż-żero || Qrib iż-żero || Qrib iż-żero

    Impatti fuq id-drittijiet fundamentali || Pożittiv, żgħir || Pożittiv, kbir || Pożittiv, żgħir

    Impatti fuq is- simplifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti || żero || Pożittiv, kbir || Pożittiv, kbir

    Impatti fuq il-pajjiżi terzi || Pożittiv, żgħir || Pożittiv, kbir || Pożittiv, żgħir

    5.           It-Tqabbil tal-għażliet

    Il-pakketti ta' politika huma vvalutati fuq il-kriterji ta' effettività, effiċjenza u koerenza.

    Mil-lat ta' effettività, il-PP2 joffri l-ogħla potenzjal biex jintlaħqu l-objettivi speċifiċi kollha, filwaqt li l-PP3 joffri livell tajjeb ta' effettività inġenerali. Il-PP1 jikseb b'mod sħiħ is-SO3 (objettiv speċifiku 3) biss.

    Il-PP1 għandu miżuri li jeħtieġu spejjeż baxxi ħafna għall-implimentazzjoni jew l-amministrazzjoni, u dawn jikkontribwixxu biex jinkiseb is-SO, anki jekk b'mod limitat. B'hekk din il-politika mhijiex l-aktar waħda effiċjenti biex jinkisbu l-objettivi.

    F'termini ta' effiċjenza, il-PP3 huwa l-aktar li jqum flus u huwa inqas effiċjenti mill-PP2. Il-PP1 huwa l-irħas, iżda l-inqas effiċjenti.

    F'termini ta' koerenza, il-pakketti ta' politika kollha huma bejn wieħed u ieħor ekwivalenti u jippreżentaw kompromess limitat bejn it-tipi differenti ta' impatti. Madankollu, il-PP2 jippreżenta l-aktar kompromess limitat.

    Fid-dawl ta' dan, qiegħed jiġi rrakkomandat il-pakkett PP2, peress li l-benefiċċji tiegħu huma ferm akbar mill-ispejjeż. Huwa mistenni li jikkontribwixxi għat-titjib tas-sikurezza tal-avjazzjoni permezz ta' ġbir aħjar tal-okkorrenzi, titjib fil-kwalità tad-dejta, aċċess iktar xieraq għall-informazzjoni, u l-introduzzjoni ta' rekwiżiti rigward l-użu tal-okkorrenzi biex jikkontribwixxu għat-tnaqqis fl-aċċidenti tal-inġenji tal-ajru.

    6.           Monitoraġġ u evalwazzjoni

    Il-Kummissjoni għandha tevalwa l-implimentazzjoni tar-Regolament tliet snin wara l-adozzjoni tiegħu mil-leġiżlatur, u għandha tissorvelja kontinwament sett ta' indikaturi ewlenin tat-trasport li huma diġà disponibbli. Dawn l-indikaturi se jintużaw biex jivverifikaw sa liema punt l-għażla ta’ politika adottata jirnexxilha tikseb l-objettivi speċifiċi.

    [1]               Id-Direttiva 2003/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar rapporti ta' okkorrenza fl-avjazzjoni ċivili; ĠU L 167, 4.7.2003, p. 23.

    [2]               Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1321/2007 li jistipula r-regoli ta' implimentazzjoni għall-integrazzjoni ta' tagħrif dwar okkorrenzi fl-avjazzjoni ċivili, ĠU L 294 tat-13.11.2007, p. 3; u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1330/2007 li jistipula r-regoli implimentattivi għat-tqassim lill-partijiet interessati ta' tagħrif dwar l-okkorrenzi tal-avjazzjoni ċivili, ĠU L 295 tal-14.11.2007, p. 7.

    Top