Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012PC0611

    Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tawtorizza lill-Bulgarija u lir-Rumanija biex japplikaw miżuri ta’ deroga mill-Artikolu 5 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

    /* COM/2012/0611 final - 2012/0293 (NLE) */

    52012PC0611

    Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tawtorizza lill-Bulgarija u lir-Rumanija biex japplikaw miżuri ta’ deroga mill-Artikolu 5 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud /* COM/2012/0611 final - 2012/0293 (NLE) */


    MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI

    1.           IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

    Skont l-Artikolu 395 tad-Direttiva 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud[1] (minn hawn ’il quddiem: Id-Direttiva tal-VAT'), il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi unanimament fuq proposta mill-Kummissjoni, jista' jawtorizza lil kwalunkwe Stat Membru biex japplika miżuri speċjali għal deroga mid-dispożizzjonijiet ta’ dik id-Direttiva, sabiex jissimplifika l-proċedura tal-ħlas tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) jew iwaqqaf milli jseħħu ċerti forom ta' evażjoni jew evitar tat-taxxa.

    B'ittra rreġistrata għand il-Kummissjoni fil-25 ta' Mejju 2011, il-Bulgarija u r-Rumanija talbu awtorizzazzjoni biex jidderogaw mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5 tad-Direttiva tal-VAT li jirregolaw l-ambitu territorjali tal-VAT fir-rigward pont transkonfinali (triq u ferrovija) fuq id-Danubju. B'ittra rreġistrata għand il-Kummissjoni fis-7 ta’ Marzu 2012, din it-talba ġiet sostitwita parzjalment mill-Bulgarija u r-Rumanija.

    B’konformità mal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva tal-VAT, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħra b’ittra ddatata s-17 ta’ Lulju 2012, bit-talbiet magħmulin mill-Bulgarija u r-Rumanija (madankollu, Spanja ġiet infurmata b’ittra tat-18 ta’ Lulju 2012). Permezz ta’ ittra ddatata d-19 ta’ Lulju 2012, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Bulgarija u r-Rumanija li hi kellha l-informazzjoni kollha li kienet tikkunsidra meħtieġa sabiex tqis it-talba.

    Sabiex jiffaċilitaw it-traffiku bit-triq u bil-ferrovija bejn it-territorji tagħhom, il-Bulgarija u r-Rumanija ddeċidew li jiffirmaw ftehim fil-5 ta' Ġunju 2000 għall-kostruzzjoni ta' pont transkonfinali fuq ix-xmara Danubju bejn Vidin (il-Bulgarija) u Calafat (ir-Rumanija).

    F'dan il-kuntest, il-Bulgarija u r-Rumanija talbu li jkunu awtorizzati li japplikaw miżuri ta' deroga rigward ir-regoli tal-VAT fuq it-territorjalità għall-manutenzjoni u t-tiswija ta’ dak il-pont u l-iċċarġjar tal-pedaġġ għall-qsim (il-kostruzzjoni tal-pont transkonfinali kienet espliċitament eskluża mit-talba għad-deroga).

    Skont ir-regoli normali, il-prinċipju ta' territorjalità stipulat fl-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar il-VAT, flimkien mar-regoli dwar l-post ta' provvista, jeħtieġ li l-VAT Bulgara tkun iċċarġjata fuq il-manutenzjoni u t-tiswija imwettqa fil-Bulgarija. Bl-istess mod, manutenzjoni u tiswija mwettqa fit-territorju Rumen tkun suġġetta għall-VAT Rumena. Meta wieħed japplika r-regoli normali, dan jimplika li jrid jiġi stabbilit il-post eżatt tat-tranżazzjonijiet taxxabbli skont it-territorju li fih tkun saret kull parti tax-xogħlijiet. Għal dak il-għan ikun meħtieġ li, l-impriżi involuti fix-xogħlijiet jistabbilixxu b’ċertezza l-fruntiera territorjali fix-xmara Danubju għal xogħol imwettaq ’il fuq mill-ilma. Il-Bulgarija u r-Rumanija huma tal-fehma li l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli normali joħolqu kumplikazzjonijiet ta' taxxa għal dawn l-impriżi u l-għan ta' din is-simplifikazzjoni tad-deroga hija għalhekk, kif mitlub, biex tiġi stabbilita l-fruntiera territorjali bħala f’nofs il-pont.

    Rigward il-pedaġġi, l-ammont taxxabbli għandu, taħt ir-regoli attwali, jkun relatat mal-parti tal-pont li tappartjeni lil kull wieħed mill-Istati Membri. Minbarra l-problema msemmija hawn fuq dwar li tiġi stipulata l-fruntiera territorjali, kull vjaġġ fuq il-pont għandu jkun fatturat skont żewġ pedaġġi u żewġ rati differenti tal-VAT: waħda għat-territorju Bulgaru u l-oħra għat-territorju Rumen; li jista’ jkun ta’ piż fuq il-persuni taxxabbli kkonċernati. F’dan ir-rigward, l-għan tad-deroga rigward il-pedaġġi huwa li l-pont jiġi kkunsdidrat bħala li qiegħed fuq it-territorju tal-Istat Membru minn fejn jibda l-vjaġġ ta' transitu. Fil-prattika, il-VAT Bulgara se tiġi imposta fuq il-pedaġġ kollu tal-vjaġġi kollha li jibdew minn naħa Bulgara u jaqsmu il-pont transkonfinali lejn ir-Rumanija. Bl-istess mod, il-VAT Rumena se tiġi imposta fuq il-pedaġġ kollu tal-vjaġġi kollha li jibdew fir-Rumanija. Dan se jissimplifika l-mod kif il-VAT hija kkalkulata rrappurtata.

    2.           RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

    Ma kienx hemm ħtieġa ta’ konsultazzjoni jew tal-użu tal-kompetenza ta’ esperti esterni.

    Id-Deċiżjoni proposta għandha l-għan li tissimplifika l-ġbir tal-VAT fir-rigward ta' ċerti servizzi relatati ma’ pont transkonfinali.

    Minħabba l-ambitu ristrett tad-deroga, l-impatt se jkun fi kwalunkwe każ limitat.

    3.           ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

    Id-Deċiżjoni tawtorizza lill-Bulgarija u r-Rumanija biex japplikaw miżuri ta' deroga mill-applikazzjoni territorjali tad-Direttiva tal-VAT fir-rigward ta’ pont transkonfinali.

    Din id-Deċiżjoni hi bbażata fuq l-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT.

    Il-proposta taqa' taħt il-kompetenza esklużiva tal-UE. Il-prinċipju tas-sussidjarjetà għalhekk ma japplikax.

    Din id-Deċiżjoni tikkonċerna awtorizzazzjoni mogħtija lil Stati Membri individwali fuq it-talba tagħhom stess u ma tikkostitwixxi l-ebda obbligu.

    Minħabba l-limitu strett fl-ambitu, il-miżura speċjali tidher li hi proporzjonata mal-għan segwit.

    Skont l-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT, deroga mir-regoli komuni tal-VAT hija possibbli biss bl-awtorizzazzjoni tal-Kunsill li jaġixxi b'mod unanimu fuq proposta mill-Kummissjoni. L-uniku strument xieraq huwa Deċiżjoni tal-Kunsill peress li tista' tiġi indirizzata lil Stat Membru individwali.

    4.           IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

    Il-proposta ma għandhiex implikazzjonijiet għall-baġit tal-Unjoni.

    2012/0293 (NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    li tawtorizza lill-Bulgarija u lir-Rumanija biex japplikaw miżuri ta’ deroga mill-Artikolu 5 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud[2], u b’mod partikolari l-Artikolu 395(1) tagħha,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)       B'ittri rreġistrati għand il-Kummissjoni fil-25 ta' Mejju 2011, il-Bulgarija u r-Rumanija talbu awtorizzazzjoni biex jidderogaw mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2006/112/KE li jirregolaw l-ambitu territorjali tal-VAT fir-rigward ta’ pont transkonfinali (triq u ferrovija) fuq id-Danubju. Il-Bulgarija u r-Rumanija ssostitwew parzjalment din it-talba permezz ta’ ittra rreġistrata għand il-Kummissjoni fis-7 ta’Marzu 2012.

    (2)       B’konformità mal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva 2006/12/KE, permezz ta’ ittra ddatata s-17 ta’ Lulju 2012 il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħrajn bit-talba li għamlu l-Bulgarija u r-Rumanija; bl-eċċezzjoni ta' Spanja li kienet infurmata b’ittra tat-18 ta’ Lulju 2012. Permezz ta’ ittra ddatata d-19 ta’ Lulju 2012, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Bulgarija u r-Rumanija li hi kellha l-informazzjoni kollha li kienet tikkunsidra meħtieġa sabiex tqis it-talba.

    (3)       Fir-rigward tal-manutenzjoni u t-tiswija tal-pont, id-deroga mitluba mill-Bulgarija u r-Rumanija hija li n-nofs ta’ pont jiġi kkunsidrat bħala l-fruntiera territorjali bejn iż-żewġ Stati Membri.

    (4)       Fir-rigward ta' ċċarġjar ta' pedaġġi biex wieħed jaqsam il-pont transkonfinali, iż-żewġ Stati Membri jixtiequ jikkunsidraw it-tul kollu tal-pont bħala parti mit-territorju tal-Istat li fih jibda xi vjaġġ ta' transitu. B’hekk il-VAT Bulgara biss se tiġi imposta fuq il-pedaġġ kollu tal-vjaġġi kollha li jibdew minn naħa Bulgara. Bl-istess mod, il-VAT Rumena biss se tiġi imposta fuq vjaġġi li jibda minn naħa Rumena.

    (5)       Fin-nuqqas ta' miżuri ta' deroga, kif jiġi stabbilit il-post ta’ provvista għall-manutenzjoni, tiswija u ċċarġjar tal-pedaġġ l-ewwel nett ikunu jiddependu fuq l-istabbiliment preċiż tal-fruntieri territorjali ’l fuq mill-ilma li, fil-prattika, tkun wisq diffiċli għall-persuni taxxabbli involuti. It-tieni, kemm tal-VAT Bulgara kif ukoll dik Rumena jkollhom ikunu applikati fuq il-pedaġġ mitlub għal vjaġġ f'direzzjoni waħda fuq il-pont transkonfinali minn Stat Membru għall-ieħor. Il-miżuri ta’ deroga huma għalhekk maħsuba biex jissimplifikaw l-ġbir tal-VAT fuq dawn is-servizzi.

    (6)       Billi l-materja involuta hija d-definizzjoni tat-territorju għal skopijiet ta' VAT li għaliha m'għandu jkun hemm l-ebda tibdil, id-deroga mitluba għandha tingħata għal perijodu indefinit.

    (7)       Il-miżuri mhux ser ikollhom impatt negattiv fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni pprovduti mill-VAT, lanqas ma huma se jkollhom xi effett fuq l-ammont ta' taxxa dovut fl-istadju finali tal-konsum,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    B’deroga mill-Artikolu 5 tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Bulgarija u r-Rumanija huma awtorizzati, bil-kondizzjonijiet tal-Artikoli 2 u 3 ta' din id-Deċiżjoni, biex japplikaw miżuri ta’ deroga mid-Direttiva 2006/112/KE fir-rigward tal-manutenzjoni, tiswija u ċċarġjar ta' pedaġġi rigward il-pont transkonfinali fuq id-Danubju bejn Vidin (il-Bulgarija) u Calafat (ir-Rumanija).

    Artikolu 2

    Biex jiġi stabbilit il-post tat-tranżazzjonijiet taxxabbli rigward il-manutenzjoni jew it-tiswija tal-pont transkonfinali, il-konfini territorjali se titqies bħala fin-nofs ta’ dak il-pont għall-provvista ta' prodotti u servizzi, akkwisti intra-Komunitarji u l-importazzjoni ta' oġġetti maħsuba għal dik il-manutenzjoni jew tiswija.

    Artikolu 3

    Biex jiġi stabbilit il-post ta’ transazzjonijiet taxxabbli rigward l-iċċarġjar ta’ pedaġġi, il-pont transkonfinali ser, għall-medda kollha tiegħu, ikun meqjus bħala parti mit-territorju tal-Istat Membru li minnu jibda kull vjaġġ li jagħmel użu mill-pont.

    Artikolu 4

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Bulgarija u lir-Rumanija.

    Magħmul fi Brussell,

                                                                           Għall-Kunsill

                                                                           Il-President

    [1]               ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1

    [2]               ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.

    Top