Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012PC0420

    Proposta emendata għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar sanzjonijiet kriminali għal abbuż minn informazzjoni privileġġata u manipulazzjoni tas-suq (imressqa skont l-Artikolu 293(2) TFUE)

    /* COM/2012/0420 final - 2011/0297 (COD) */

    52012PC0420

    Proposta emendata għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar sanzjonijiet kriminali għal abbuż minn informazzjoni privileġġata u manipulazzjoni tas-suq (imressqa skont l-Artikolu 293(2) TFUE) /* COM/2012/0420 final - 2011/0297 (COD) */


    1.           KUNTEST TAL-PROPOSTA

    Fl-20 ta' Ottubru 2011, il-Kummissjoni adottat proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar sanzjonijiet kriminali għal abbuż minn informazzjoni privileġġata u manipulazzjoni tas-suq. Din il-proposta ġiet ippreżentata lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fl-20 ta’ Ottubru 2011. Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali ta l-opinjoni tiegħu fit-28 ta' Marzu 2012.

    Minn Marzu 2011, bdew jitwettqu investigazzjonijiet fir-rigward ta' manipulazzjoni possibbli, minn għadd ta' banek, tar-rati ta' referenza EURIBOR u LIBOR għas-self interbankarju. Kien hemm suspett li l-banek kienu pprovdew stimi tar-rata ta' imgħax, li biha kienu jaċċettaw offerti ta' finanzjament, li kienu differenti mir-rata li kieku kienu jaċċettaw fil-prattika. B'riżultat ta' dan, seta' ġie alterat l-livell tar-rati EURIBOR u LIBOR, li jintużaw bħala referenza għat-teħid b'self u bħala referenza għall-ipprezzar ta' diversi strumenti finanzjarji, bħal swaps tar-rata tal-imgħax, u setgħet ġiet ippreġudikata l-integrità ta’ EURIBOR jew LIBOR. Barra minn hekk, l-istimi tal-banek kontributuri individwali pprovdew informazzjoni qarrieqa lis-suq dwar il-kostijiet probabbli tagħhom ta' finanzjament.

    Il-Kummissjoni vvalutat jekk il-manipulazzjoni possibbli tal-parametri ta' referenza inklużi l-LIBOR u l-EURIBOR tkunx koperta bil-proposta tagħha għal Regolament dwar l-abbuż minn informazzjoni privileġġata u l-manipulazzjoni tas-suq u l-proposta relatata għal Direttiva dwar is-sanzjonijiet kriminali għal abbuż minn informazzjoni privileġġata u manipulazzjoni tas-suq, adottati f'Ottubru 2011. Il-Parlament Ewropew wkoll enfasizza l-importanza ta' din il-kwistjoni. Billi l-parametri ta' referenza bħalissa mhuma koperti mill-ebda waħda mill-proposti, il-Kummissjoni kkonkludiet li manipulazzjoni diretta ta' parametri ta' referenza mhija koperta mill-kamp ta' applikazzjoni tal-ebda waħda mill-proposti.

    Filwaqt li jista' jkun diffiċli jew impossibbli għal awtorità kompetenti biex turi li l-manipulazzjoni ta' parametru ta' referenza kellha effett fuq il-prezz ta' strumenti finanzjarji relatati, kwalunkwe manipulazzjoni effettiva jew tentattiv ta' manipulazzjoni ta' parametri importanti jistgħu jkollhom impatt serju fuq il-fiduċja fis-suq u jistgħu jirriżultaw f'telf sinifikanti għall-investituri u distorsjonijiet tal-ekonomija reali, minħabba l-użu wiesa' ta' indiċijiet ta' parametri ta' referenza bħala rata ta' referenza pereżempju, għal swaps tar-rata tal-imgħax u ipoteki b'rati varjabbli. Għalhekk huwa essenzjali li jiġi ċċarat li l-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu kapaċi jimponu sanzjonijiet amministrattivi fir-rigward tar-reat ta' manipulazzjoni tas-suq f’dawn il-każijiet, mingħajr il-ħtieġa ta' ppruvar jew li juru kwistjonijiet inċidentali bħall-effetti fuq il-prezzijiet. Huwa wkoll essenzjali li jittieħdu l-passi kollha neċessarji sabiex tkun evitata tali manipulazzjoni u sabiex jippermettu u jiffaċilitaw il-ħidma tal-awtoritajiet kompetenti fl-impożizzjoni ta' sanzjonijiet. Qafas legali strett se jaġixxi bħala deterrent kredibbli għal dan it-tip ta' mġiba, u b'hekk jiġu protetti l-investituri u titrawwem mill-ġdid il-fiduċja fis-suq. Dawn il-passi regolatorji għandhom jinkludu sanzjonijiet kriminali.

    Għalhekk, sabiex tkopri l-manipulazzjoni tal-parametri ta' referenza u sabiex tiżgura li l-manipulazzjoni intenzjonali tal-parametri ta' referenza titqies bħala reat kriminali, il-Kummissjoni tipproponi li temenda l-proposta tagħha għal Direttiva.

    2.           ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

    2.1.        Bażi legali

    Il-proposta emendata hija bbażata fuq l-Artikolu 83(2) tat-TFUE u qed titressaq skont l-Artikolu 293(2) tat-TFUE.

    2.2.        Sussidjarjetà u proporzjonalità

    Skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà (l-Artikolu 5(3) tat-TFUE), għandha tittieħed azzjoni fuq livell tal-Unjoni biss meta l-għanijiet previsti ma jistgħux jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri waħedhom u għalhekk, minħabba l-iskala jew l-effetti tal-azzjoni proposta, jistgħu jinkisbu aħjar mill-Unjoni. Id-dimensjoni transfruntiera ta' bosta parametri ta' referenza u l-entitajiet li jikkontribwixxu dejta lejn dawn l-parametri ta' referenza, kif ukoll in-natura internazzjonali ta' bosta strumenti finanzjarji li jistgħu jiġu affettwati minn kwalunkwe manipulazzjoni ta’ parametri ta' referenza, ifisser li hemm riskju reali li reazzjonijiet għal manipulazzjoni ta’ parametri ta' referenza fuq livell nazzjonali jkunu jistgħu jiġu evitati jew isiru ineffettivi f'każ ta' nuqqas ta’ azzjoni fil-livell tal-Unjoni. F’dan l-isfond, l-azzjoni tal-UE tidher xierqa f’termini tal-prinċipju tas-sussidjaretà.

    Il-prinċipju ta’ proporzjonalità jesiġi li kwalunkwe intervent ikun immirat u ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jinkisbu l-objettivi. Dan il-prinċipju iggwida l-abbozzar ta' din il-proposta.

    2.3.        Spjega dettaljata tal-proposta

    It-tibdiliet għall-proposta għal Direttiva dwar is-sanzjonijiet kriminali għal abbuż minn informazzjoni privileġġata u manipulazzjoni tas-suq li huma meħtieġa huma kif ġej:

    · Emenda għad-definizzjonijiet (l-Artikolu 2) sabiex tiġi inkluża definizzjoni ta' parametri ta' referenza;

    · Emenda tar-reat ta’ manipulazzjoni tas-suq (l-Artikolu 4) biex ikopri l-manipulazzjoni tal-parametri ta' referenza stess;

    · L-emenda tar-reat ta’ "Inċitament, għajnuna u kompliċità, u tentattiv" (l-Artikolu 5) sabiex jiġu inklużi dawn it-tipi ta' mġiba fir-rigward tal-manipulazzjoni tal-parametri ta' referenza.

    3.           IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

    Il-proposta emendata ma għandha l-ebda implikazzjoni għall-baġit tal-Unjoni.

    Il-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva dwar sanzjonijiet kriminali għal abbuż minn informazzjoni privileġġata u manipulazzjoni tas-suq, COM(2011) 654 finali, hija emendata kif ġej:

    1.           Fl-Artikolu 2, jiżdied il-punt 3 li ġej:

    “3. “Parametru ta' referenza" tfisser kwalunkwe indiċi kummerċjali jew ċifra ppubblikata kkalkulata bl-applikazzjoni ta’ formula għall-valur ta’ assi jew prezz sottostanti wieħed jew aktar, inklużi stimi tal-prezzijiet, tar-rati tal-imgħax jew ta' valuri oħra, jew stħarriġ li b’referenza għalihom jiġi determinat l-ammont li għandu jitħallas taħt strument finanzjarju.”

    2.           Fl-Artikolu 4, jiżdied il-punt (e) li ġej:

    “(e) it-trażmissjoni ta' informazzjoni falza jew qarrieqa, il-forniment ta' inputs foloz jew qarrieqa, jew kwalunkwe attività oħra ekwivalenti li intenzjonalment timmanipula l-kalkolu ta' parametru ta' referenza.”

    3.           L-Artikolu 5(2) jinbidel b’dan li ġej:

    “2. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw li t-tentattiv biex jitwettaq xi wieħed mir-reati msemmija fl-Artikolu 3(a) u fl-Artikolu 4(a), (b) u (c) u (e) ikun punibbli bħala reat kriminali."

    Magħmul fi Brussell,

    Għall-Parlament Ewropew                           Għall-Kunsill

    Il-President                                                    Il-President

    Top