This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52012PC0162
Amended proposal for a REGULATION OF THE EUROPEAN PARLIAMENT AND OF THE COUNCIL amending Regulation (EC) No 1760/2000 as regards electronic identification of bovine animals and deleting the provisions on voluntary beef labelling
Proposta emendata għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1760/2000 dwar l-identifikazzjoni elettronika tal-annimali bovini u t-tneħħija tad-dispożizzjonijiet dwar it-tikkettjar volontarju taċ-ċanga
Proposta emendata għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1760/2000 dwar l-identifikazzjoni elettronika tal-annimali bovini u t-tneħħija tad-dispożizzjonijiet dwar it-tikkettjar volontarju taċ-ċanga
/* COM/2012/0162 final - 2011/0229 (COD) */
Proposta emendata għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1760/2000 dwar l-identifikazzjoni elettronika tal-annimali bovini u t-tneħħija tad-dispożizzjonijiet dwar it-tikkettjar volontarju taċ-ċanga /* COM/2012/0162 final - 2011/0229 (COD) */
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI Ir-Regolament (KE) Nru 1760/2000
tas-17 ta' Lulju 2000 li jistabbilixxi sistema
għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-bhejjem tal-fart u dwar
it-tikkettjar tal-laħam taċ-ċanga u tal-prodotti tal-laħam
taċ-ċanga[1]
jistipula li kull Stat Membru għandu jistabbilixxi sistema
għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali bovini skont
id-dispożizzjonijiet ta' dak ir-Regolament. Qabel dan u fid-dawl
tal-kriżi tal-Enċefalopatija Sponġiformi Bovina (BSE), ir-regoli
tal-Unjoni dwar l-identifkazzjoni u t-traċċabilità tal-annimali
bovini diġà kienu ġew introdotti fl-1997. Ir-Regolament tal-Kunsill
(KE) Nru 820/97 stabbilixxa sistema ta' traċċabilità individwali
għall-bovini permezz ta' identifikazzjoni individwali tal-annimali
b'żewġ tikketti mal-widnejn, reġistru tal-istabbiliment f'kull
stabbiliment (eż. razzett, suq, biċċerija), passaport
individwali għal kull annimal li jkun fih dejta fuq il-movimenti kollha u
rrappurtar tal-movimenti kollha għal bażi ta' dejta kompjuterizzata
li tkun tista' tittraċċja l-annimali malajr u tidentifika koorti
fil-każ ta' mard. Dawn il-prinċipji nżammu iktar tard
fir-Regolament (KE) Nru 1760/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
L-għan aħħari kien li tiġi stabbilita mill-ġdid
il-kunfidenza tal-konsumatur fiċ-ċanga u l-prodotti
taċ-ċanga permezz ta' trasparenza u traċċabilità
sħiħa tal-annimali bovini u l-prodotti taċ-ċanga kif ukoll
li jiġu lokalizzati u rintraċċati annimali għal finijiet
veterinarji, li huwa ta' importanza kruċjali għall-kontroll tal-mard
infettiv. Bil-ħsieb li jinkisbu dawn l-għanijiet, is-sistema llum
tista' titqies li kienet suċċess (il-BSE ġie kkontrollat fl-UE u
l-fiduċja tal-konsumatur ġiet lura għal li kienet[2]), li
juri l-effikaċja u l-effiċjenza tagħha fl-għoti ta'
informazzjoni importanti biex jiġi żgurat il-kontroll ta' mard
infettiv (eż il-Marda tal-Ilsien u d-Dwiefer u l-Bluetongue) u biex
tiġi żgurata t-traċċabilità tal-laħam
taċ-ċanga. Ir-Regolament (KE) Nru 1760/2000 (li
jistabbilixxi sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni
tal-bhejjem tal-fart u dwar it-tikkettjar tal-laħam taċ-ċanga u
tal-prodotti tal-laħam taċ-ċanga - inkluż it-tikkettjar
volontarju - u jinkludi l-elementi “tikketta tal-widna doppja”, “reġistru
tal-istabbiliment”, “passaport tal-bovini” u “bażi ta' dejta
kompjuterizzata”) kien elenkat bħala "obbligi ta' informazzjoni
b’importanza speċjali f'termini tal-piżijiet li jimponu fuq
in-negozji" skont il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u
lill-Parlament Ewropew (COM (2009)544) dwar “Programm ta' Azzjoni
għat-Tnaqqis tal-Piżijiet Amministrattivi fl-UE[3]”. Il-Pjan ta' Azzjoni tal-Istrateġija
l-ġdida tal-UE għas-Saħħa tal-Annimali[4] jipprevedi li l-Kummissjoni
tissemplifika l-obbligi ta’ informazzjoni (eż. reġistri
tal-istabbilimenti, passaporti) matul l-introduzzjoni ta’ identifikazzjoni
elettronika għall-bovini (EID). Hija
ppjanata proposta Regolatorja għall-proċedura leġiżlattiva
ordinarja fl-Aġenda tal-Ippjanar tal-Kummissjoni għall-ewwel semestru
tal-2011. Madankollu, meta ġew adottati r-regoli
attwali għall-identifikazzjoni tal-bovini fl-1997, l-EID ma kienx
żviluppat biżżejjed mill-aspett tekniku biex jiġi applikat
minn dak il-mument għall-bovini. L-EID bbażat fuq l-identifikazzjoni
permezz tal-frekwenza tar-radju (RFID) żviluppa konsiderevolment matul
l-aħħar 10 snin u jipprovdi qari aktar malajr u aktar
preċiż tal-kodiċijiet tal-annimali individwali direttament
għal ġo sistemi għall-ipproċessar tad-dejta u li b'hekk
jiffranka l-ispejjeż tax-xogħol għall-qari manwali iżda
fl-istess waqt, iżid l-ispejjeż tat-tagħmir. Għalhekk,
il-leġiżlazzjoni eżistenti dwar l-identifikazzjoni tal-bovini ma
tirriflettix dawn l-aħħar żviluppi teknoloġiċi.
L-użu tal-identifikaturi elettroniċi jista’ jgħin biex jitnaqqas
il-piż amministrattiv u x-xogħol klerikali, għal każijiet
fejn ir-reġistru tal-istabbiliment jinżamm f'forma kompjuterizzata
(li huwa l-każ għal perċentwal dejjem jikber ta' rziezet),
bl-użu ta' qari awtomatiku u bl-użu tad-dħul awtomatiku
fir-reġistru. Barra minn hekk, sistema aktar veloċi u aktar
affidabbli tippermetti, fost l-oħrajn, qari aktar preċiż u aktar
veloċi mit-tikketti klassiċi mal-widnejn, li tħaffef
il-proċedura biex jiġi rrapportat il-moviment tal-annimali
fil-bażi ta' dejta ċentrali u għalhekk tipprovdi
traċċabilità aħjar u aktar veloċi tal-annimali infettati
u/jew tal-ikel infettat. Abbażi tal-avvanzi teknoloġiċi
attwali tal-EID, bosta Stati Membri tal-UE ddeċidew, fuq bażi
volontarja, li jibdew jimplimentaw l-EID għall-bovini. L-esperjenza barra
l-UE turi wkoll li l-użu tal-EID għall-bovini qiegħed
jiżdied. Barra minn hekk, l-EID diġà ġie introdott fl-UE
għal bosta speċijiet ta' annimali (ħafna minnhom b’mod
obbligatorju). Il-qafas ġuridiku attwali ma jżommx
lill-Istati Membri milli jużaw l-identifikaturi elettroniċi fuq
bażi volontarja, iżda dan irid isir flimkien mat-tikketti
viżibbli, konvenzjonali u uffiċjali mal-widnejn. Peress li ma
ġie stabbilit l-ebda standard tekniku u armonizzat tal-UE, tipi differenti
ta’ identifikaturi u qarrejja elettroniċi bi frekwenzi RFID differenti
jistgħu jintużaw f'postijiet differenti. Għalhekk kull Stat
Membru jista' jagħżel l-istandards li jkun irid u dan
l-approċċ x’aktarx li jwassal għal nuqqas ta’ armonizzazzjoni li
b'hekk jipperikola l-iskambju elettroniku tad-dejta u mbagħad
il-benefiċċji li jkollok sistemi EID jintilfu. Fir-rigward tat-tikkettjar volontarju
taċ-ċanga, hemm il-ħtieġa li jitnaqqas il-piż
amministrattiv eċċessiv fis-sistema volontarja fis-seħħ
bħalissa. Ir-Regolament (KE) Nru 820/97 stabbilixxa sistema
għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni ta' annimali bovini u
t-tikkettjar ta’ ċanga u prodotti taċ-ċanga, li
ssaħħet ulterjorment bir-Regolament (KE) Nru 1760/2000. Din
tikkonċerna l-indikazzjoni obbligatorja tal-oriġini tal-bovini
(imwielda/msemmna/maqtula) minn fejn oriġinat iċ-ċanga (din
il-proposta ma tinkludi l-ebda dispożizzjonijiet ġodda fir-rigward
tar-rekwiżiti obbligatorji għat-tikkettjar taċ-ċanga),
ir-referenzi obbligatorji għan-numru tal-kodiċi ta' identifikazzjoni
tal-annimal maqtul, u l-istabbilimenti fejn il-laħam ġie
pproċessat (il-biċċerija u l-impjant għat-tqattigħ
tal-laħam) kif ukoll proċedura ta' approvazzjoni formali
mill-Kummissjoni inkluż rekwiżit ta' notifika għal kwalunkwe
tagħrif ta' tikkettjar addizzjonali għajr dawk obbligatorji. Fl-2004,
il-Kummissjoni kienet diġà ressqet rapport lill-Kunsill u lill-Parlament
Ewropew dwar il-parti tat-tikkettjar taċ-ċanga tar-Regolament (KE)
Nru 1760/2000[5] fejn indikat
nuqqasijiet fl-iskema volontarja ta' tikkettjar taċ-ċanga. Dawn kienu
li s-sistema mhix applikata b’mod uniformi fl-Istati Membri kollha (eż.
il-prassi amministrattiva tvarja konsiderevolment bejn l-Istati Membri) u
li l-indikazzjonijiet kollha inklużi fit-tikketta (inklużi dawk li
mhumiex relatati mal-oriġini, it-traċċabilità jew il-karatteristiċi
tal-kwalità tal-laħam) ikunu soġġetti għal proċedura
ta' approvazzjoni formali mill-awtorità kompetenti. Id-dokument ta' Ħidma
tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar is-Semplifikazzjoni tal-PAK[6]
jinnota s-suġġeriment imressaq mill-“Grupp ta’ Livell Għoli
tal-Partijiet Interessati Indipendenti dwar il-Piżijiet Amministrattivi”
(Grupp Stoiber). Il-Grupp Stoiber issuġġerixxa li r-rekwiżit
tan-notifika jitneħħa fir-rigward tal-użu tal-indikazzjonijiet
tat-tikkettjar volontarju addizzjonali minbarra dawk li huma obbligatorji
għaċ-ċanga[7]. Din il-proposta tqis ir-riżultati
tal-konsultazzjonijiet li saru mal-partijiet interessati u r-riżultat
tal-istima tal-impatt. L-istima tal-impatt ikkonkludiet li l-introduzzjoni
tal-EID għall-bovini fuq bażi volontarja bħala għodda
għall-identifikazzjoni uffiċjali tippermetti lill-atturi biex
ikollhom il-ħin jiffamiljarizzaw ruħhom mas-sistema tal-EID u biex
jiġi identifikat il-valur miżjud li ġġib magħha
f’ċirkostanzi partikolari. Din
l-għażla hija preferibbli peress li tħalliha f'idejn l-Istati
Membri tal-UE u l-atturi privati kollha involuti biex jorganizzaw ruħhom,
sabiex ikunu jistgħu jivvalutaw il-benefiċċji billi jqisu
d-differenzi reġjonali, it-tipi differenti ta' produzzjoni u hija
flessibbli biżżejjed biex tirċievi l-appoġġ
mill-awtoritajiet u l-partijiet interessati u dan jibbenefika l-infurzar
tar-regoli. L-introduzzjoni volontarja tal-EID
timplika li l-EID jintgħażel minn dawk li x'aktarx se jiksbu
benefiċċji immedjati għall-ġestjoni tal-irziezet. Din
hija deċiżjoni individwali meħuda għal raġunijiet
ekonomiċi (minħabba s-suq) minn kull operatur. Bis-sistema
volontarja, l-annimali bovini jistgħu jkunu identifikati permezz ta'
żewġ tikketti konvenzjonali mal-widnejn (is-sistema attwali), jew
minn tikketta konvenzjonali viżibbli mal-widna u identifikatur elettroniku
(jiġifieri tikketta elettronika mal-widna jew bolus) b'konformità
mal-istandards armonizzati tal-UE li ġew approvati uffiċjalment. L-introduzzjoni proposta
tal-identifikazzjoni elettronika fuq bażi volontarja tipprovdi wkoll
il-possibilità għall-Istati Membri tal-UE li jagħżlu sistema
obbligatorja fit-territorju nazzjonali tagħhom. F'każ li
l-Istat Membru jagħżel sistema obbligatorja, kull annimal bovin irid
jiġi identifikat permezz ta’ tikketta viżibbli konvenzjonali
mal-widna u identifikatur elettroniku. Sistema obbligatorja tal-UE tista' ma
tkunx l-aħjar approċċ bħalissa peress li xi partijiet
interessati (eż. il-bdiewa ż-żgħar) ikunu ekonomikament
żvantaġġati. Madankollu, minbarra l-konsiderazzjonijiet
tal-ispejjeż, din hija idealment l-għażla l-aktar
effiċjenti f'termini ta' protezzjoni tal-konsumatur
(traċċabilità), ta' tnaqqis tal-piż amministrattiv, u sabiex
jiġu evitati r-riskji relatati mal-koeżistenza ta' żewġ
sistemi ta' identifikazzjoni.
Din l-għażla tkun ukoll parzjalment
ġustifikabbli f’termini ta’ koerenza aħjar mal-politiki tal-UE dwar
l-EID fi speċi oħrajn ta' annimali (eż. in-nagħaġ). Għalhekk, peress li implimentazzjoni
obbligatorja tal-EID tista' taffettwa ekonomikament lil xi operaturi b'mod mhux
vantaġġuż, l-għażla preferuta għall-introduzzjoni
tal-EID hija sistema volontarja fejn l-EID jitqies bħala mezz legali
aċċettabbli u xieraq ta' identifikazzjoni tal-annimali bovini,
bil-possibilità għall-Istati Membri li jintroduċu sistema obbligatorja
fil-livell nazzjonali. Barra minn hekk, hemm bżonn li
r-Regolament (KE) Nru 1760/2000 jiġi allinjat għall-konformità
mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Id-dħul fis-seħħ tat-Trattat
dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea ("TFUE") wassal għal
bidliet sinifikanti fil-qafas għall-adozzjoni ta' atti ddelegati u ta'
implimentazzjoni. Fir-rigward tal-adozzjoni ta' atti ddelegati u ta'
implimentazzjoni, it-TFUE jiddistingwi b'mod ċar bejn it-tnejn. –
L-Artikolu 290 TFUE dwar l-atti ddelegati
jistipula li l-leġiżlatur(i) għandu jikkontrolla
l-eżerċizzju tas-setgħat tal-Kummissjoni permezz ta' dritt ta'
revoka u/jew dritt ta' oġġezzjoni. –
L-Artikolu 291 TFUE dwar l-atti ta'
implimentazzjoni jistipula l-kontroll mill-Istati Membri tas-setgħat ta'
implimentazzjoni tal-Kummissjoni. Qafas ġuridiku li jistabbilixxi
l-mekkaniżmi ta' kontroll ta' dan it-tip huwa stabbilit fir-Regolament
(UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi
r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll
mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat
ta’ implimentazzjoni[8]. Fir-rigward
tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru 182/2011, il-Kummissjoni
għamlet l-istqarrija li ġejja: "Il-Kummissjoni
se tipproċedi b'eżami tal-atti leġiżlattivi kollha
fis-seħħ li ma ġewx adattati għall-proċedura
regolatorja bi skrutinju qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta'
Lisbona, bil-għan li jiġi vvalutat jekk dawk l-istrumenti
jeħtiġux jiġu adattati għar-reġim ta' atti ddelegati
introdotti mill-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni
Ewropea. Il-Kummissjoni se tagħmel il-proposti xierqa kemm jista' jkun
malajr u mhux aktar tard mid-dati msemmija fil-kalendarju indikattiv anness ma'
din id-dikjarazzjoni."[9] Ir-Regolament (KE) Nru 1760/2000 huwa
wieħed mill-atti leġiżlattivi li ma kinux ġew adattati
fil-passat għall-proċedura regolatorja bi skrutinju u għalhekk
għandhom jiġu allinjati għall-qafas ġuridiku l-ġdid
ta' atti ddelegati u ta' implimentazzjoni. Ir-Regolament (KE) Nru 1760/2000
għandu għalhekk jiġi rivedut u emendat skont dan fir-rigward
tas-semplifikazzjoni u t-tnaqqis tal-piż amministrattiv u l-introduzzjoni
ta’ dispożizzjonijiet ġodda marbuta mal-identifikazzjoni tal-bovini u
t-tikkettjar volontarju taċ-ċanga. Din il-proposta tissostitwixxi
l-proposta adottata mill-Kummissjoni fit-30 ta’ Awwissu 2011
(COM 2011(525) finali). L-uniku tibdil introdott
f’din il-proposta ġdida jikkonċerna d-dispożizzjonijiet
tal-Artikolu 22 bl-għan li jiġu żgurati kundizzjonijiet
uniformi għall-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet f’każ ta’ nuqqas
ta’ konformità mar-regoli rilevanti dwar l-identifikazzjoni tal-annimali u
t-tikkettjar taċ-ċanga u l-prodotti taċ-ċanga. Dan l-abbozz ta’ proposta għal Regolament
tal-Parlament u tal-Kunsill ma għandu l-ebda implikazzjoni finanzjarja
għall-baġit tal-Unjoni Ewropea. 2011/0229 (COD) Proposta emendata għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U
TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1760/2000
dwar l-identifikazzjoni elettronika tal-annimali bovini u t-tneħħija
tad-dispożizzjonijiet dwar it-tikkettjar volontarju taċ-ċanga IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL
TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar
il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 43(2) u 168(4)(b)
tiegħu, Wara li kkunsidraw il-proposta
mill-Kummissjoni Ewropea[10], Wara
t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-parlamenti
nazzjonali, Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat
Ekonomiku u Soċjali Ewropew[11] Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat
tar-Reġjuni[12], Filwaqt li
jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, Billi: (1) Fl-1997, ir-regoli tal-Unjoni
dwar l-identifikazzjoni u t-traċċabbiltà tal-annimali bovini
ssaħħu fid-dawl tal-epidemija tal-enċefalopatija
sponġiformi bovina (BSE) u l-bżonn li minħabba f'hekk kiber biex
jiġu rintraċċati l-movimenti u l-oriġini tal-annimali
bl-użu ta' "tikketti konvenzjonali mal-widnejn". (2) Ir-Regolament (KE)
Nru 1760/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
tas-17 ta' Lulju 2000 li jistabbilixxi sistema għall-identifikazzjoni
u r-reġistrazzjoni tal-bhejjem tal-fart u dwar it-tikkettjar
tal-laħam taċ-ċanga u tal-prodotti tal-laħam
taċ-ċanga[13]
jistipula li kull Stat Membru għandu jistabbilixxi sistema
għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali bovini skont
id-dispożizzjonijiet ta' dak ir-Regolament. (3) Ir-Regolament (KE)
Nru 1760/2000 jistabbilixxi sistema għall-identifikazzjoni u
r-reġistrazzjoni tal-annimali bovini li tinkludi t-tikketti mal-widnejn
applikati fuq il-widnejn ta' kull annimal, bażijiet ta' dejta
kompjuterizzati, passaporti tal-annimali u reġistri individwali
miżmuma f'kull stabbiliment. (4) It-traċċar
tal-laħam taċ-ċanga sas-sors permezz ta' identifikazzjoni u
reġistrazzjoni huwa prerekwiżit għat-tikkettjar tal-oriġini
tul il-katina alimentari kollha u jiżgura l-protezzjoni tal-konsumatur u
s-saħħa pubblika. (5) Ir-Regolament (KE)
Nru 1760/2000 u b'mod aktar partikolari l-identifikazzjoni bovina u
t-tikkettjar volontarju taċ-ċanga ġew elenkati bħala
"obbligi ta’ informazzjoni b’importanza speċjali f'termini
tal-piżijiet li jimponu fuq in-negozji" fil-Komunikazzjoni
mill-Kummissjoni lill-Kunsill u l-Parlament Ewropew dwar “Programm ta’ Azzjoni
għat-Tnaqqis tal-Piżijiet Amministrattivi fl-UE"[14]. (6) L-użu ta’ sistemi
elettroniċi ta’ identifikazzjoni għandu l-potenzjal li jissemplifika
l-proċessi tat-traċċabbiltà permezz ta' qari u
reġistrazzjoni awtomatizzati u aktar preċiżi fir-reġistru
tal-istabbiliment. Dan jippermetti wkoll rappurtar awtomatizzat tal-movimenti
tal-annimali fil-bażi ta' dejta kompjuterizzata, u b'hekk ikun hemm titjib
fil-veloċità, l-affidabilità u l-preċiżjoni tas-sistema. (7) Is-sistemi ta'
identifikazzjoni elettronika bbażati fuq l-identifikazzjoni bil-frekwenzi
tar-radju għamlu avvanzi konsiderevoli matul l-aħħar għaxar
snin. Dik it-teknoloġija tippermetti qari aktar veloċi u aktar
preċiż ta' kodiċijiet tal-identità tal-annimali individwali
direttament għal ġo sistemi għall-ipproċessar tad-dejta li
jirriżulta fi tnaqqis fil-ħin meħtieġ biex jiġu
rintraċċati annimali potenzjalment infettati jew ikel infettat, fi
frankar ta' spejjeż tax-xogħol iżda fl-istess ħin ukoll
iżżid l-ispejjeż tat-tagħmir. (8) Dan ir-Regolament huwa
koerenti mal-fatt li l-identifikazzjoni elettronika (EID) diġà ġiet
introdotta fl-Unjoni għal speċijiet ta' annimali oħrajn minbarra
l-bovini, bħas-sistema obbligatorja użata f'ruminanti
żgħar. (9) Minħabba l-avvanzi
teknoloġiċi fl-EID, bosta Stati Membri ddeċidew li jibdew
jimplimentaw l-EID bovina fuq bażi volontarja. Dawk l-inizjattivi x'aktarx
li jwasslu biex jiġu żviluppati sistemi differenti fl-Istati Membri
individwali jew mill-partijiet interessati. Żvilupp bħal dan
jimpedixxi l-armonizzazzjoni aktar 'il quddiem tal-istandards tekniċi fi
ħdan l-Unjoni. (10) Rapport mill-Kummissjoni
lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar il-possibbilità li
tiddaħħal sistema ta’ identifikazzjoni elettronika
għall-annimali bovini[15]
jikkonkludi li ntwera li l-identifikazzjoni bil-frekwenzi tar-radju ġiet
żviluppata sal-punt li tista' tiġi applikata fil-prattika. Ir-rapport
ikkonkluda wkoll illi huwa mixtieq sew li s-sistema tinqaleb
għall-identifikazzjoni elettronika tal-annimali bovini fi ħdan
l-Unjoni peress li fost benefiċċji oħra, dan jikkontribwixxi
għat-tnaqqis fil-piż amministrattiv. (11) Skont il-Komunikazzjoni
mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u
Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni “Pjan ta’ Azzjoni
għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE
għas-Saħħa tal-Annimali"[16]
il-Kummissjoni għandha tissemplifika l-obbligi ta’ informazzjoni,
bħal reġistri tal-istabbilimenti u passaporti matul l-introduzzjoni
tal-EID. (12) Il-Komunikazzjoni
mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u
Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar Strateġija ġdida
għas-Saħħa tal-Annimali għall-Unjoni Ewropea (2007-2013)
fejn “Il-prevenzjoni hija aqwa mill-kura”[17],
tipproponi li titqies l-EID għall-annimali bovini bħala titjib
possibbli għas-sistema eżistenti tal-UE ta' identifikazzjoni u
reġistrazzjoni sabiex jiġu ssemplifikati l-obbligi ta’ informazzjoni
(eż. reġistri tal-istabbilimenti, passaporti) u tinkludi
l-inizjattiva għall-implimentazzjoni ta' skambju ta' passaporti bovini
elettroniċi. Dak l-iskambju jkun jinvolvi l-introduzzjoni
tal-identifikazzjoni elettronika b'introduzzjoni tad-dejta f'ħin reali.
Skambju bħal dan iwassal għal iffrankar konsiderevoli ta'
spejjeż u sforzi għall-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u
partijiet interessati oħra u jnaqqas l-ammont tax-xogħol
fit-trasferiment tad-dejta tal-passaporti tal-annimali għal
ġol-bażijiet ta' dejta kompjuterizzati. Dan ir-Regolament huwa
koerenti ma’ dik l-inizjattiva. (13) Dan ir-Regolament huwa
għalhekk mistenni li jikkontribwixxi għal xi wħud
mill-għanijiet ewlenin tal-istrateġiji maġġuri tal-UE
inkluża l-UE 2020 billi jtejjeb it-tkabbir ekonomiku, il-koeżjoni u
l-kompetittività. (14) Ċerti pajjiżi terzi
diġà stabbilixxew regoli li jippermettu teknoloġiji avvanzati
tal-EID. L-Unjoni għandha tistabbilixxi regoli simili biex jiġi
ffaċilitat in-negozju u tiżdied il-kompetittività tas-settur. (15) Tipi differenti ta'
identifikaturi elettroniċi, bħal kapsoli ruminali, tikketti
elettroniċi mal-widnejn, u transponders injettabbli jistgħu
jintużaw għall-identifikazzjoni individwali tal-annimali flimkien
mat-tikketti konvenzjonali mal-widnejn stipulati fir-Regolament (KE)
Nru 1760/2000. Għalhekk huwa xieraq li jitwessa’ l-ambitu tal-mezzi
ta' identifikazzjoni stipulati f’dak ir-Regolament sabiex jippermetti
l-użu ta' identifikazzjoni elettronika. (16) Li l-EID issir obbligatorja
madwar l-Unjoni kollha jista' jħalli effetti ekonomikament
ħżiena fuq ċerti operaturi. Huwa għalhekk xieraq li
tiġi stabbilita sistema volontarja għall-introduzzjoni tal-EID. B'din
is-sistema, l-EID tintgħażel minn dawk li x'aktarx ikollhom
benefiċċji ekonomiċi immedjati. (17) L-Istati Membri għandhom
sistemi tat-trobbija, tal-prattiki tal-biedja u tal-organizzazzjonijiet
tas-settur differenti ħafna. L-Istati Membri għandhom għalhekk
jitħallew jagħmlu l-EID obbligatorja fit-territorju tagħhom biss
meta jidhrilhom li jkun xieraq, wara li jikkunsidraw dawk il-fatturi kollha. (18) Annimali li jidħlu
fl-Unjoni minn pajjiżi terzi għandhom ikunu suġġetti
għall-istess rekwiżiti ta’identifikazzjoni li japplikaw għal
annimali mwielda fl-Unjoni. (19) Ir-Regolament (KE)
Nru 1760/2000 jipprevedi li l-awtorità kompetenti għandha
toħroġ passaport għal kull annimal li jrid jiġi identifikat
skont dak ir-Regolament. Dan jikkawża piż amministrattiv
konsiderevoli għall-Istati Membri. Il-bażijiet ta' dejta
kompjuterizzati stabbiliti mill-Istati Membri jiżguraw
suffiċjentement it-traċċabilità tal-movimenti domestiċi
tal-annimali bovini. Il-passaporti għandhom għalhekk
jinħarġu biss għal annimali maħsuba għall-kummerċ
intra-Unjoni. Ladarba l-iskambju tad-dejta bejn il-bażijiet ta' dejta
kompjuterizzati nazzjonali huwa operattiv, ir-rekwiżit tal-ħruġ
ta’ dawn il-passaporti ma għandux jibqa' japplika għal annimali
maħsuba għall-kummerċ intra-Unjoni. (20) It-Taqsima II
tat-Titolu II tar-Regolament (KE) Nru 1760/2000 tistabbilixxi
r-regoli għal sistema volontarja ta’ tikkettjar tal-laħam
taċ-ċanga li jistipulaw l-approvazzjoni ta' ċerti
speċifikazzjonijiet tat-tikkettjar mill-awtorità kompetenti tal-Istat
Membru. Il-piż amministrattiv u l-ispejjeż imġarrba mill-Istati
Membri u l-operaturi ekonomiċi biex japplikaw din is-sistema mhumiex
proporzjonati għall-benefiċċji tas-sistema. Dik it-Taqsima
għandha għalhekk titħassar. (21) Bħala konsegwenza
tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, is-setgħat konferiti
bir-Regolament (KE) Nru 1760/2000 fuq il-Kummissjoni jeħtiġilhom
ikunu allinjati mal-Artikoli 290 u 291 tat-Trattat dwar il-Funzjonament
tal-Unjoni Ewropea (it-Trattat). (22) Sabiex jiġi żgurat
li r-regoli meħtieġa għat-tħaddim sew tal-identifikazzjoni,
ir-reġistrazzjoni u t-traċċabilità tal-annimali bovini u
ċ-ċanga jkunu applikati, is-setgħa għall-adozzjoni tal-atti
skont l-Artikolu 290 tat-Trattat għandha tiġi ddelegata
lill-Kummissjoni fir-rigward tar-rekwiżiti għal mezzi alternattivi
ta' identifikazzjoni tal-annimali bovini, taċ-ċirkostanzi
speċjali li fihom l-Istati Membri jistgħu jestendu l-perjodi massimi
għall-applikazzjoni tal-mezzi ta' identifikazzjoni, tad-dejta li trid
tiġi skambjata bejn il-bażijiet ta' dejta kompjuterizzati tal-Istati
Membri, tal-perjodu massimu għal ċerti obbligi ta’ rappurtar,
tar-rekwiżiti għal mezzi ta' identifikazzjoni, tal-informazzjoni li
għandha tkun inkluża fil-passaporti u fir-reġistri individwali
li jridu jinżammu fuq kull stabbiliment, tal-livell minimu ta' kontrolli
uffiċjali, tal-identifikazzjoni u reġistrazzjoni ta' movimenti ta'
annimali bovini meta mħollija jirgħu fis-sajf f'postijiet differenti
fil-muntanji, tar-regoli għat-tikkettjar ta' ċerti prodotti li
għandhom ikunu ekwivalenti għar-regoli stabbliti fir-Regolament (KE)
Nru 1760/2000, tad-definizzjonijiet ta’ kapuljat taċ-ċanga, fdal
taċ-ċanga jew qatgħat taċ-ċanga, tal-indikazzjonijiet
speċifiċi li jistgħu jitqiegħdu fuq it-tikketti,
tad-dispożizzjonijiet tat-tikkettjar li għandhom x'jaqsmu
mas-semplifikazzjoni tal-indikazzjoni tal-oriġini, id-daqs massimu u
l-kompożizzjoni ta' ċerti gruppi ta' annimali, tal-proċeduri ta’
approvazzjoni relatati mal-kundizzjonijiet tat-tikkettjar fuq l-ippakkjar
tal-qatgħat tal-laħam u tas-sanzjonijiet amministrattivi li jridu
jiġu applikati mill-Istati Membri f’każijiet ta’ irregolaritajiet
nuqqas ta’ konformità mar-Regolament (KE) Nru 1760/2000. Huwa
ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa
matul il-ħidma preparatorja tagħha, inkluż fil-livell ta'
esperti.
Il-Kummissjoni, meta tħejji u tfassal dawn l-atti ddelegati, għandha
tiżgura t-trażmissjoni simultanja, f’waqtha u xierqa tad-dokumenti
rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. (23) Sabiex jiġu żgurati
kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dantar-Regolament
(KE) Nru 1760/2000 fir-rigward tar-reġistrazzjoni
tal-istabbilimenti li jagħmlu użu minn mezzi alternattivi ta'
identifikazzjoni, karatteristiċi tekniċi u modalitajiet
għall-iskambju tad-dejta bejn il-bażijiet ta' dejta kompjuterizzati
tal-Istati Membri, il-format u d-disinn tal-mezzi ta’ identifikazzjoni,
il-proċeduri u l-istandards tekniċi għall-implimentazzjoni
tal-EID, il-format tal-passaporti u tar-reġistru li jrid jinżamm fuq
kull stabbiliment, ir-regoli dwar il-modalitajiet għall-applikazzjoni
tas-sanzjonijiet imposti mill-Istati Membri fuq id-detenturi skont ir-Regolament
(KE) Nru 1760/2000, modalitajiet azzjonijiet korrettivi li jridu
jittieħdu mill-Istati Membri biex tiġi żgurata konformità xierqa
mar-Regolament (KE) Nru 1760/2000, f’każijiet fejn jinsabu
irregolaritajiet mis-servizzi tal-Kummissjoni matul kontrolli fuq l-Istati
Membri, il-kontrolli fuq il-post jiġġustifikaw dan,
għandhom jiġu konferiti fuq il-Kummissjoni s-setgħat ta'
implimentazzjoni. Dawk is-setgħat għandhom jiġu
eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament
Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi
r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll
mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat
ta’ implimentazzjoni[18].
(24) Għalhekk ir-Regolament
(KE) Nru 1760/2000 għandu jiġi emendat skont dan, ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT: Artikolu 1 Ir-Regolament (KE) Nru 1760/2000 huwa
b’dan emendat kif ġej: (1) fl-Artikolu 1, it-tieni
sentenza tal-paragrafu 2 titħassar. (2) fl-Artikolu 3, fl-ewwel
paragrafu, il-punt (a) jinbidel b’dan li ġej: "(a) il-mezzi ta’ identifikazzjoni biex
jiġu identifikati l-annimali individwalment;" (3) L-Artikolu 4 jinbidel b’dan li
ġej: "Artikolu 4 Obbligu
ta' identifikazzjoni tal-annimali 1. L-annimali kollha fi stabbiliment
għandhom jiġu identifikati b'tal-inqas żewġ mezzi
individwali ta' identifikazzjoni awtorizzati b'konformità mal-Artikoli 10
u 10a u approvati mill-awtorità kompetenti. Il-mezzi ta’ identifikazzjoni
għandhom ikunu allokati lill-istabbiliment, distribwiti u applikati fuq
l-annimali b'mod determinat mill-awtorità kompetenti. Il-mezzi kollha ta' identifikazzjoni
applikati għal annimal għandu jkollhom l-istess kodiċi ta’
identifikazzjoni uniku, li jagħmilha possibbli illi kull annimal ikun
identifikat individwalment flimkien mal-istabbiliment fejn twieled. 2. L-Istati Membri jistgħu
jintroduċu dispożizzjonijiet nazzjonali li jagħmlu l-użu
ta' identifikatur elettroniku obbligatorju bħala wieħed
miż-żewġ mezzi ta' identifikazzjoni stipulati
fil-paragrafu 1. L-Istati Membri li jużaw din
il-possibilità għandhom jipprovdu t-test ta' dawn
id-dispożizzjonijiet nazzjonali lill-Kummissjoni. 3. B’deroga mill-paragrafu 1,
l-annimali bovini maħsuba għal avvenimenti kulturali u sportivi
ħlief fieri u eżibizzjonijiet jistgħu jiġu identifikati
b'mezzi alternattivi ta' identifikazzjoni li joffru standards ta’
identifikazzjoni ekwivalenti għal dawk stipulati f 'dak il-paragrafu. 4. Stabbilimenti li jużaw mezzi
alternattivi ta' identifikazzjoni għandhom ikunu rreġistrati
fil-bażi ta' dejta kompjuterizzata. Il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ atti
ta' implimentazzjoni, tistipula r-regoli neċessarji li jikkonċernaw
dik ir-reġistrazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom
jiġu adottati skont il-proċedura ta’ analiżi msemmija fl-Artikolu 23(2).
5. Il-Kummissjoni għandha tingħata
s-setgħa li tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 22b li
jikkonċernaw ir-rekwiżiti għal mezzi alternattivi ta'
identifikazzjoni msemmija fil-paragrafu 3, inklużi
d-dispożizzjonijiet dwar it-tneħħija u s-sostituzzjoni
tagħhom." (4) Għandhom jiddaħħlu
l-Artikoli 4a sa 4d li ġejjin: "Artikolu 4a Perjodu
taż-żmien għall-applikazzjoni tal-mezzi ta' identifikazzjoni 1. Il-mezzi ta' identifikazzjoni stipulati
fl-Artikolu 4(1) għandhom jiġu applikati f'perjodu massimu
mit-twelid tal-annimal li jrid jiġi ddeterminat mill-Istat Membru fejn
twieled l-annimal. Dak il-perjodu ma għandux ikun itwal minn. (a) 20 jum għall-ewwel mezz ta’
identifikazzjoni; (b) 60 jum għat-tieni mezz ta’
identifikazzjoni. L-ebda annimal ma jista' jħalli
l-istabbiliment fejn ikun twieled qabel ma ż-żewġ mezzi ta'
identifikazzjoni jkunu ġew applikati. 2. Taħt ċirkostanzi speċjali
l-Istati Membri jistgħu jestendu l-perjodi massimi
għall-applikazzjoni tal-mezzi ta' identifikazzjoni għal perjodu itwal
milli stipulat fil-paragrafu 1(a) u (b). L-Istati Membri li jużaw din
il-possibilità għandhom jinformaw lill-Kummissjoni b’dan. Il-Kummissjoni għandu jkollha
s-setgħa li tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 22b biex
jiġu ddeterminati dawk iċ-ċirkostanzi speċjali. Artikolu
4b Identifikazzjoni
tal-annimali minn pajjiżi terzi 1. Kull annimal suġġett
għall-kontrolli veterinarji fuq annimali li jidħlu fl-Unjoni minn
pajjiż terz skont id-Direttiva 91/496/KEE u maħsub għal
stabbiliment ta’ destinazzjoni fit-territorju tal-Unjoni għandu jiġi
identifikat fl-istabbiliment ta’ destinazzjoni bil-mezzi ta’ identifikazzjoni
stipulati fl-Artikolu 4(1). L-identifikazzjoni oriġinali
applikata għall-annimal fil-pajjiż terz ta’ oriġini għandha
tiġi rreġistrata fil-bażi ta' dejta kompjuterizzata stipulata
fl-Artikolu 5 flimkien ma' kodiċi uniku ta' identifikazzjoni
tal-mezzi individwali ta' identifikazzjoni allokat lill-annimal mill-Istat
Membru ta’ destinazzjoni. Madankollu, l-ewwel subparagrafu ma
għandux japplika għal annimali destinati direttament għal
biċċerija li tinsab fi Stat Membru, sakemm l-annimali jinqatlu fi
żmien 20 jum wara dawk il-kontrolli veterinarji. 2. Il-mezzi ta’ identifikazzjoni
tal-annimali msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 għandhom
jiġu applikati f'perjodu massimu li jrid jiġi ddeterminat mill-Istat
Membru fejn jinsab l-istabbiliment ta’ destinazzjoni. Dak il-perjodu ma għandux
jaqbeż l-20 jum minn wara l-kontrolli veterinarji msemmija
fil-paragrafu 1. Fi kwalunkwe każ, il-mezzi ta' identifikazzjoni
għandhom jiġu applikati lill-annimali qabel ma jitilqu
l-istabbiliment ta’ destinazzjoni. 3. Meta l-istabbiliment ta' destinazzjoni
jkun jinsab fi Stat Membru li jkun introduċa d-dispożizzjonijiet
nazzjonali li jagħmlu l-użu ta' identifikatur elettroniku obbligatorju
kif imsemmi fl-Artikolu 4(2), l-annimali għandhom ikunu identifikati
b'dak l-identifikatur elettroniku fl-istabbiliment tad-destinazzjoni fl-Unjoni,
f’perjodu li għandu jiġi ddeterminat mill-Istat Membru
tad-destinazzjoni. Dak il-perjodu ma għandux
jaqbeż l-20 jum minn wara l-kontrolli veterinarji msemmija
fil-paragrafu 1. Fi kwalunkwe każ, l-identifikatur elettroniku
għandu jiġi applikat lill-annimali qabel ma jitilqu
mill-istabbiliment tad-destinazzjoni. Artikolu
4c L-identifikazzjoni
tal-annimali li jittieħdu minn Stat Membru għal ieħor 1. Annimali li jittieħdu minn Stat
Membru għal ieħor għandhom iżommu l-mezzi ta'
identifikazzjoni applikati lilhom skont l-Artikolu 4. 2. Meta l-istabbiliment tad-destinazzjoni
jkun jinsab fi Stat Membru li jkun introduċa dispożizzjonijiet
nazzjonali li jagħmlu l-użu ta' identifikatur elettroniku
obbligatorju, l-annimali għandhom jiġu identifikati b'dak
l-identifikatur elettroniku: (a) qabel ma jittieħdu lejn
l-istabbiliment tad-destinazzjoni f’dak l-Istat Membru; jew (b) fl-istabbiliment tad-destinazzjoni
f'perjodu massimu li jrid jiġi ddeterminat mill-Istat Membru fejn jinsab
dak l-istabbiliment. Il-perjodu massimu msemmi fil-punt (b)
ma għandux jaqbeż l-20 jum mid-data tal-wasla tal-annimali
fl-istabbiliment tad-destinazzjoni. Fi kwalunkwe każ, il-mezzi ta'
identifikazzjoni għandhom jiġu applikati lill-annimali qabel ma
jitilqu mill-istabbiliment ta’ destinazzjoni. Madankollu, l-ewwel subparagrafu ma
għandux japplika għall-annimali destinati direttament għal biċċerija
li tinsab fit-territorju tal-Istat Membru li daħħal
dispożizzjonijiet nazzjonali li jagħmlu l-użu ta' identifikatur
elettroniku obbligatorju, sakemm l-annimali jinqatlu fi żmien 20 jum
wara dawn il-kontrolli veterinarji. Artikolu 4d It-tneħħija jew
is-sostituzzjoni tal-mezz ta’ identifikazzjoni L-ebda mezz ta’ identifikazzjoni ma jista’ jitneħħa jew
jiġi sostitwit mingħajr il-permess u l-kontroll tal-awtorità
kompetenti. Dan il-permess jista' jingħata biss meta t-tneħħija
jew is-sostituzzjoni ma jkunux jikkompromettu t-traċċabilità
tal-annimal." (5) L-Artikolu 5 jiġi emendat
kif ġej: –
it-tieni paragrafu jitħassar u jinbidel b'li
ġej: "L-Istati
Membri jistgħu jiskambjaw dejta elettronika bejn il-bażijiet ta'
dejta kompjuterizzati tagħhom minn dakinhar li l-Kummissjoni tagħraf
l-operabilità sħiħa tas-sistema tal-iskambju tad-dejta. Il-Kummissjoni
għandha tadotta atti ddelegati bi qbil mal-Artikolu 22b biex
jiġu stabbiliti r-regoli dwar id-dejta li trid tkun skambjata bejn
il-bażijiet ta' dejta kompjuterizzati tal-Istati Membri. Il-Kummissjoni,
permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, għandha: (a) tistipula l-kundizzjonijiet tekniċi
u l-modalitajiet għal dan l-iskambju; (b) tirrikonoxxi l-operabilità
sħiħa tas-sistema ta' skambju tad-dejta. Dawk
l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont
il-proċedura tal-eżami msemmija fl-Artikolu 23(2)." (6) L-Artikolu 6 jinbidel b’dan li
ġej: "Artikolu 6 Fejn Stat Membru ma jiskambjax dejta elettronika
mal-Istati Membri l-oħra fil-qafas tas-sistema tal-iskambju elettroniku
msemmija fl-Artikolu 5: (a) l-awtorità kompetenti għandha,
għal kull annimal li huwa maħsub għall-kummerċ
intra-Unjoni, toħroġ passaport bbażat fuq l-informazzjoni
miżmuma fil-bażi ta' dejta kompjuterizzata stabbilita f 'dak l-Istat
Membru; (b) kull annimal li jinħariġlu
passaport, għandu jkun akkumpanjat minn dan il-passaport kull meta
l-annimal jittieħed minn Stat Membru għal ieħor; (c) mal-wasla tal-annimal fl-istabbiliment
tad-destinazzjoni, il-passaport li jakkumpanja l-annimal għandu
jingħata lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn jinsab
l-istabbiliment tad-destinazzjoni." (7) L-Artikolu 7
jiġi emendat kif ġej: (a) il-paragrafu 1,
huwa emendat b’dan li ġej: (i) it-tieni
inċiż jinbidel b’dan li ġej: "– jirrapporta
lill-awtorità kompetenti l-movimenti kollha lejn u mill-istabbiliment u
t-twelid u l-imwiet kollha tal-annimali tal-istabbiliment, flimkien mad-dati
ta’ dawn l-avvenimenti, f’perjodu massimu ffissat mill-Istat Membru; il-perjodu
massimu għandu jkun ta' mill-inqas tlett ijiem u mhux aktar minn sebat
ijiem wara li jiġri dan l-avveniment; L-Istati Membri jistgħu jitolbu
lill-Kummissjoni biex jestendu l-perjodu massimu ta' sebat ijiem." (ii) għandu jiżdied it-tieni subparagrafu li ġej: "Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa
biex tadotta atti ddelegati bi qbil mal-Artikolu 22b biex tiddetermina
ċ-ċirkostanzi li fihom l-Istati Membri jistgħu jestendu
l-perjodu massimu ta' sebat ijiem stipulat fit-tieni inċiż tal-ewwel
subparagrafu, flimkien mat-tul massimu ta' dik l-estensjoni." (b) għandu
jiżdied il-paragrafu 5 li ġej: "5. B'deroga
mill-paragrafu 4, iż-żamma ta' reġistru aġġornat
għandha tkun fakultattiva għal kull detentur li: (a) għandu
aċċess dirett għall-bażi ta' dejta kompjuterizzata li
diġà fiha l-informazzjoni li għandha tkun inkluża
fir-reġistru; kif ukoll (b) idaħħal informazzjoni
aġġornata direttament fil-bażi ta' dejta kompjuterizzata fi
żmien erbgħa u għoxrin siegħa minn meta jiġri
l-avveniment." (8) Għandu jiddaħħal
l-Artikolu 9a li ġej: "Artikolu 9a Taħriġ L-Istati Membri għandhom jiżguraw li
kull persuna responsabbli għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni
tal-annimali tirċievi istruzzjonijiet u gwida dwar
id-dispożizzjonijiet rilevanti ta' dan ir-Regolament u ta' kwalunkwe atti
ddelegati u ta' implimentazzjoni adottati mill-Kummissjoni fuq il-bażi
tal-Artikoli 10 u 10a, u li jkunu disponibbli korsijiet ta'
taħriġ xieraq." (9) L-Artikolu 10 jinbidel b’dan li ġej: "Artikolu 10 L-għoti ta' setgħat
lill-Kummissjoni biex tadotta ċerti atti ddelegati Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta atti
ddelegati skont l-Artikolu 22b biex tistabbilixxi r-regoli
neċessarji, inklużi l-miżuri tranżitorji meħtieġa
għall-introduzzjoni tagħhom, dwar: (a) ir-rekwiżiti għal mezz ta'
identifikazzjoni stipulati fl-Artikolu 4; (b) l-informazzjoni li trid tiġi
inkluża fil-passaport stipulat fl-Artikolu 6; (c) l-informazzjoni li trid tiġi
inkluża fir-reġistru stipulat fl-Artikolu 7; (d) il-livell minimu tal-kontrolli
uffiċjali li jridu jitwettqu skont l-Artikolu 22; (e) l-identifikazzjoni u
r-reġistrazzjoni tal-movimenti ta' annimali bovini meta jitħallew
jirgħu fis-sajf f 'postijiet differenti fil-muntanji." (10) Għandu jiddaħħal l-Artikolu 10a li
ġej: "Artikolu 10a L-għoti ta' ċerti
setgħat ta' implimentazzjoni lill-Kummissjoni Il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ atti ta'
implimentazzjoni, tistipula r-regoli neċessarji, inklużi
l-miżuri tranżitorji meħtieġa għall-introduzzjoni
tagħhom, li jikkonċernaw: (a) il-format u d-disinn tal-mezzi ta'
identifikazzjoni stipulati fl-Artikolu 4; (b) il-proċeduri u l-istandards
tekniċi għall-implimentazzjoni tal-identifikazzjoni elettronika
tal-annimali bovini; (c) il-format tal-passaport stipulat
fl-Artikolu 6; (d) il-format tar-reġistru stipulat
fl-Artikolu 7; Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom
jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija
fl-Artikolu 23(2)." (11) L-Artikolu 13 jiġi emendat
kif ġej: (a) Il-paragrafi 3 u 4 jitħassru. (b) fil-paragrafu 5, il-frażi
introduttorja tal-punt (a) tinbidel b'dan li ġej: "(a) L-operaturi u l-organizzazzjonijiet
għandhom jindikaw ukoll fuq it-tikketti:" (12) Fl-Artikolu 14, ir-raba’ paragrafu jinbidel b’dan li
ġej: "Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li
tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 22b biex tistabbilixxi regoli ekwivalenti
għal dawk fl-ewwel tliet paragrafi ta' dan l-Artikolu għall-fdal
tal-laħam taċ-ċanga jew qatgħat tal-laħam
taċ-ċanga." (13) L-Artikolu 15 jinbidel b’dan li
ġej: "Artikolu 15 It-tikkettjar
obbligatorju tal-laħam taċ-ċanga minn pajjiżi terzi B'deroga mill-Artikolu 13, il-laħam
taċ-ċanga importat fit-territorju tal-Unjoni li l-informazzjoni
kollha dwaru prevista fl-Artikolu 13 mhix disponibbli, għandu
jiġi ttikkettjat bl-indikazzjoni: 'oriġini: mhux mill-UE' u 'Maqtul fi (isem
il-pajjiż terz)'." (14) L-Artikoli 16, 17 u 18
jitħassru. (15) L-Artikolu 19 jinbidel b’dan li ġej: "Artikolu 19 L-għoti ta' setgħat
lill-Kummissjoni biex tadotta ċerti atti ddelegati Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa
li tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 22b dwar: (a) id-definizzonijiet tal-kapuljat
taċ-ċanga, fdal tal-laħam taċ-ċanga jew qatgħat
tal-laħam taċ-ċanga msemmija fl-Artikolu 14; (b) l-indikazzjonijiet speċifiċi li
jistgħu jitqiegħdu fuq it-tikketti; (c) id-dispożizzjonijiet tat-tikkettjar
marbuta mas-semplifikazzjoni tal-indikazzjoni tal-oriġini; (d) id-daqs u l-kompożizzjoni massimi
tal-grupp tal-annimali msemmi fl-Artikolu 13(2)(a); (e) il-proċeduri ta' approvazzjoni
relatati mal-kundizzjonijiet tat-tikkettjar fuq il-pakketti tal-qatgħat
tal-laħam; " (16) L-Artikoli 20 u 21
jitħassru. (17) L-Artikolu 22 jiġi emendat
kif ġej: (a) fil-paragrafu 1, jiżdied
it-tielet subparagrafu li ġej: "Il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta'
implimentazzjoni, tistabbilixxi r-regoli neċessarji, inklużi
l-miżuri tranżitorji meħtieġa għall-introduzzjoni
tagħhom, dwar il-proċeduri għall-applikazzjoni tas-sanzjonijiet
imsemmija fit-tieni subparagrafu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni
għandhom jiġu adottati skont il-proċedura tal-eżami
msemmija fl-Artikolu 23(2)." "Il-Kummissjoni
għandha, permezz ta’ atti ta' implimentazzjoni, tistabbilixxi r-regoli
neċessarji, inklużi l-miżuri tranżitorji meħtieġa
għall-introduzzjoni tagħhom, dwar il-proċeduri u
l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tas-sanzjonijiet imsemmija fit-tieni
subparagrafu". (b) il-paragrafu 4 jinbidel b’dan li
ġej: "4. Fejn il-Kummissjoni tqis li
r-riżultat tal-verifika fuq il-post imsemmija fil-punt (b)
tal-paragrafu 2 jiġġustifika dan, hija għandha, permezz ta’
att ta’ implimentazzjoni, tadotta deċiżjoni indirizzata lill-Istat
Membru kkonċernat, li tistabbilixxi l-azzjoni korrettiva
meħtieġa li trid tittieħed minn dak l-Istat Membru fir-rigward
tal-irregolaritajiet misjuba, inkluż il-livell ta’ kontrolli li jridu
jitwettqu mill-awtorità kompetenti sabiex tiġi żgurata konformità
xierqa ma’ dan ir-Regolament. Meta l-Kummissjoni
jidhrilha li r-riżultat tal-kontrolli ikun jiġġustifika dan,
hija għandha, permezz ta’ att ta' implimentazzjoni, tfassal il-miżuri
meħtieġa biex tiżgura konformità xierqa partikolarment fir-rigward
tal-livell ta' kontrolli, is-sanzjonijiet amministrattivi, u
d-dispożizzjoni relatata mal-perjodi massimi msemmija fl-Artikolu 4,
4a, 4b u 4c. Dak l-att ta' implimentazzjoni għandu jiġi
adottat skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 23(2)." (c) għandu
jiddaħħal il-paragrafu 4a li ġej: "4a. Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta atti
ddelegati skont l-Artikolu 22b biex tistabbilixxi s-sanzjonijiet
amministrattivi li l-Istati Membri għandhom japplikaw fejn id-detenturi,
l-operaturi u l-organizzazzjonijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni
taċ-ċanga ma jkunux konformi mal-obbligi tagħhom skont dan
ir-Regolament.” (dc) il-paragrafi 5
u 6 jitħassru. (18) Għandhom
jiddaħħlu l-Artikoli 22a u 22b li ġejjin: "Artikolu 22a Awtoritajiet kompetenti L-Istati Membri
għandhom jinnominaw l-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti responsabbli
biex jiżguraw il-konformità ma' dan ir-Regolament u kwalunkwe att adottat
mill-Kummissjoni abbażi tiegħu. Huma għandhom
jgħarrfu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra bl-identità ta'
dawn l-awtoritajiet. Artikolu 22b L-eżerċizzju tas-setgħat ddelegati 1. Is-setgħa
ta’ adozzjoni ta' atti ddelegati hija kkonferita fuq il-Kummissjoni,
soġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu. 2. Id-delega tas-setgħa msemmija
fl-Artikoli 4(5), u 4a(2), u fl l-Artikoli 5, 7, 10, 14 u 19 u
fl-Artikolu 22(4a) għandha tiġi konferita fuq
il-Kummissjoni għal perjodu ta’ żmien indeterminat minn* [* id-data tad-dħul
fis-seħħ ta 'dan ir-Regolament jew minn kwalunkwe data oħra
stabbilita mil-leġiżlatur]. 3. Id-delega tas-setgħa msemmija
fl-Artikoli 4(5) u 4a(2) u fl l-Artikoli 5, 7, 10, 14 u 19 u
fl-Artikolu 22(4a) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe ħin
mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka
għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik
id-deċiżjoni. Din għandha tidħol fis-seħħ
l-għada tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal
Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data iżjed tard speċifikata
fiha. Ma għandha taffettwa l-validità tal-ebda att delegat diġà
fis-seħħ. 4. Hekk kif tadotta att delegat,
il-Kummissjoni għandha tinnotifikah b’mod simultanju lill-Parlament
Ewropew u lill-Kunsill. 5. Att iddelegat adottat skont
l-Artikoli 4(5), u 4a(2) u l-Artikoli 5, 7, 10, 14 u 19 u
fl-Artikolu 22(4a) għandu jidħol fis-seħħ biss
jekk ma tkun saret l-ebda oġġezzjoni la mill-Parlament Ewropew u la
mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament
Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jagħlaq dak il-perjodu,
il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li
mhumiex se joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi
estiż b’xahrejn b’inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill." (19) L-Artikolu 23
jinbidel b’dan li ġej: "Artikolu 23 Proċedura ta' kumitat 1. Il-Kummissjoni
għandha tkun megħjuna: (a) għall-atti ta' implimentazzjoni
adottati skont l-Artikolu 22(1), mill-Kumitat dwar il-Fondi Agrikoli
imwaqqaf mill-Artikolu 41 tar-Regolament tal-Kunsill (KE)
Nru 1290/2005[19]; (b) għall-atti ta' implimentazzjoni adottati
skont l-Artikolu 4(4) u l-Artikoli 5, 10a u 22(4), mill-Kumitat
Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali mwaqqaf
bl-Artikolu 58 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew
u tal-Kunsill[20].
Dawk il-kumitati għandhom ikunu
kumitati skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011. 2. Meta ssir referenza għal dan
il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE)
Nru 182/2011. Fejn l-opinjoni tal-Kumitat tkun trid
tinkiseb bi proċedura bil-miktub, dik il-proċedura għandha
tintemm mingħajr riżultat meta, fil-limitu ta’ żmien
għall-għoti tal-opinjoni, il-president tal-Kumitat jiddeċiedi
hekk jew meta l-maġġoranza sempliċi tal-membri tal-Kumitat tiddeċiedi
hekk." Artikolu 2 Dan ir-Regolament għandu jidħol
fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu
f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Dan ir-Regolament għandu jorbot
fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmula fi Brussel, 4.4.2012 Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill Il-President Il-President [1] ĠU L 204, 11.8.2000,
p. 1. [2] COM(2005) 322 Finali -
Il-Programm TSE:
http://ec.europa.eu/food/food/biosafety/tse_bse/docs/roadmap_en.pdf [3] http://www.cc.cec/sg_vista/cgi-bin/repository/getdoc/COMM_PDF_COM_2009_0544_F_EN_ANNEXE.pdf [4] Referenza COM (2007) 539 finali. [5] COM (2004) 316 finali. [6] SEC (2009)1601 tas-16/11/2009
http://ec.europa.eu/agriculture/simplification/sec2009_1601_en.pdf [7] http://ec.europa.eu/enterprise/policies/better-regulation/files/hlg_opinion_agriculture_050309_en.pdf, page 7. [8] ĠU L 55, 28.2.2011 p. 13. [9] ĠU L 55, 28.2.2011 p. 19. [10] ĠU L xx, xx.xx.xxxx, p. xx. [11] ĠU L xx, xx.xx.xxxx, p. xx. [12] ĠU L xx, xx.xx.xxxx, p. xx. [13] ĠU L 204, 11.8.2000,
p. 1. [14] COM (2009) 544 finali. [15] COM (2005) 9 finali. [16] COM (2008) 545 finali. [17] COM (2007) 539 finali. [18] ĠU L 55, 28.2.2011,
p. 13. [19] ĠU L 209, 11.8.2005,
p. 1. [20] ĠU L 31, 1.2.2002,
p. 1.