Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012PC0134

    Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar ir-responsabbiltajiet tal-Istat tal-bandiera għall-infurzar tad-Direttiva tal-Kunsill 2009/13/KE li timplimenta l-Ftehim konkluż mill-Assoċjazzjonijiet tas-Sidien tal-Bastimenti tal-Komunità Ewropea (ECSA) u l-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport (ETF) dwar il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu, 2006, u li temenda d-Direttiva 1999/63/KE

    /* COM/2012/0134 final - 2012/0065 (COD) */

    52012PC0134

    Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar ir-responsabbiltajiet tal-Istat tal-bandiera għall-infurzar tad-Direttiva tal-Kunsill 2009/13/KE li timplimenta l-Ftehim konkluż mill-Assoċjazzjonijiet tas-Sidien tal-Bastimenti tal-Komunità Ewropea (ECSA) u l-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport (ETF) dwar il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu, 2006, u li temenda d-Direttiva 1999/63/KE /* COM/2012/0134 final - 2012/0065 (COD) */


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.           KUNTEST TAL-PROPOSTA

    Il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu (‘Maritime Labour Convention’ - MLC), 2006 ġiet adottata mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (‘International Labour Organisation’ - ILO) b’vot kważi unanimu fit-23 ta’ Frar 2006 f’Ġinevra. Din tapplika għat-tbaħħir internazzjonali u tkopri suġġetti essenzjali bħar-rekwiżiti minimi għall-baħħara biex jaħdmu fuq bastiment (it-Titolu I tal-MLC), il-kundizzjonijiet tal-impjieg (it-Titolu II tal-MLC), l-akkomodazzjoni, il-faċilitajiet rikreattivi, l-ikel u s-servizz tal-ikel u x-xorb (it-Titolu III tal-MLC), il-protezzjoni tas-saħħa, il-kura medika, il-benesseri u l-protezzjoni tas-sigurtà soċjali (it-Titolu IV) u l-konformità u l-infurzar (it-Titolu V) sabiex jiġu ggarantiti kundizzjonijiet deċenti ta’ xogħol u ta’ għajxien abbord il-bastimenti, kif ukoll proċeduri sabiex jiġu implimentati dawn id-dispożizzjonijiet. Il-Konvenzjoni tista’ titqies bħala l-ewwel kodiċi marittimu dwar ix-xogħol għal iktar minn 1.2 miljun baħħar madwar id-dinja, kif ukoll għas-sidien tal-bastimenti u n-nazzjonijiet marittimi madwar id-dinja.

    L-Istati Membri tal-UE u l-Kummissjoni appoġġjaw ix-xogħol tal-ILO fuq dan is-suġġett sa mill-bidu nett. L-UE tara kontribut siewi fl-MLC li għandha l-għan li tistabbilixxi kundizzjonijiet ekwi fl-industrija marittima madwar id-dinja billi tistabbilixxi standards minimi komuni għall-bnadar u l-baħħara kollha. F’dan ir-rigward, l-UE diġà adottat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/431/KE tas-7 ta’ Ġunju 2007 li tawtorizza lill-Istati Membri biex jirratifikaw, fl-interess tal-Komunità Ewropea, il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu, 2006 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol[1]. Xi Stati Membri diġà rratifikawha (Spanja, il-Bulgarija, il-Lussemburgu, id-Danimarka, il-Latvja, il-Pajjiżi l-Baxxi) filwaqt li oħrajn daqt se jagħmlu hekk. Dwar is-sustanza, il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali tal-Istati Membri ġeneralment huma iktar protettivi u dettaljati mill-istandards tal-ILO. Sabiex tinżamm il-konsistenza bejn l-istandards internazzjonali u nazzjonali u sabiex tiġi rratifikata l-Konvenzjoni, il-prerekwiżit huwa li jsir skrinjar estensiv u li jieħu l-ħin tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali.

    F’dan l-istadju, 22 pajjiż irratifikaw l-MLC u dawn jirrappreżentaw iktar minn 45 % tat-tunnellaġġ tal-flotta madwar id-dinja filwaqt li biex l-MLC tidħol fis-seħħ hemm bżonn ta’ 30 ratifika u 33 % tat-tunnellaġġ tal-flotta madwar id-dinja.

    L-UE adottat ukoll id-Direttiva tal-Kunsill 2009/13/KE tas-16 ta’ Frar 2009 li timplimenta l-Ftehim konkluż mill-Assoċjazzjonijiet tas-Sidien tal-Bastimenti tal-Komunità Ewropea (ECSA) u l-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport (ETF) dwar il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu, 2006, u li temenda d-Direttiva 1999/63/KE[2]. Id-Direttiva 2009/13/KE tikkostitwixxi kisba straordinarja fid-djalogu soċjali settorjali u din il-proposta għandha l-għan li tiżgura li jiġu pprovduti mezzi ta’ infurzar xierqa għaliha fl-Unjoni.

    Għal dan il-għan, minn naħa waħda, huwa previst li l-Istati Membri jintalbu japplikaw id-Direttiva 2009/13/KE meta jeżerċitaw il-poteri tagħħom bħala Stati tal-bandiera.

    Kif inhuma l-affarijiet bħalissa, permezz tad-Direttiva 2009/13/KE, il-leġiżlazzjoni Ewropea ġiet konformi mal-istandards internazzjonali stabbiliti mill-MLC. Din id-Direttiva ħadet id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-MLC u stabbilixxiet drittijiet għall-baħħara li jinsabu fit-Titoli I, II, III u IV tagħha msemmija aktar ’il fuq.

    Madankollu, l-imsieħba soċjali Ewropej, li jixtiequ jimplimentaw il-ftehim tagħhom permezz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill abbażi tal-Artikolu 155 tat-TFUE, ma għandhomx is-setgħa li jinkludu d-dispożizzjonijiet ta’ infurzar li jinsabu fit-Titolu V tal-MLC fil-Ftehim tagħhom u talbu lill-Kummissjoni sabiex tieħu azzjoni f’dan ir-rigward. Din l-inizjattiva għandha l-għan preċiż li tagħmel dan fir-rigward tar-responsabbiltajiet tal-Istati tal-bandiera.

    Din l-inizjattiva hija parti mill-politika tal-UE dwar il-professjonijiet marittimi. Fil-fatt, kif iddikjarat mill-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - L-iskopijiet strateġiċi u r-rakkomandazzjonijiet għall-politika tat-trasport marittimu tal-UE sal-2018[3], hemm interess ġenwin min-naħa tal-UE sabiex tagħmel il-professjonijiet marittimi aktar attraenti għall-Ewropej permezz ta’ azzjonijiet li jinvolvu, fejn ikun xieraq, lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-industrija nnifisha. Dan japplika bis-sħiħ għall-implimentazzjoni tal-MLC li ttejjeb b’mod konsiderevoli l-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien abbord il-bastimenti. Il-Komunikazzjoni tenfasizza li l-ftehim bejn l-imsieħba soċjali tal-UE dwar l-implimentazzjoni ta’ elementi ewlenin ta’ din il-Konvenzjoni huwa xhieda tal-appoġġ qawwi fl-industrija f’dan il-qasam u li, għaldaqstant, l-azzjoni tal-UE u tal-Istati Membri tagħha għandha timmira sabiex:

    – tersaq lejn ir-ratifika ta’ malajr tal-MLC mill-Istati Membri u lejn l-adozzjoni bikrija tal-proposti tal-Kummissjoni abbażi tal-ftehim tal-imsieħba soċjali għall-implimentazzjoni tal-elementi prinċipali tiegħu fil-liġi tal-UE.

    – tiżġura l-infurzar effettiv tar-regoli l-ġodda permezz ta’ miżuri xierqa, inklużi r-rekwiżiti ta’ kontroll mill-Istati tal-bnadar u tal-port[4].

    Il-White Paper dwar il-Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b'mod effiċjenti[5] tenfasizza l-importanza ta’ aġenda soċjali għat-trasport marittimu kemm biex jiġu promossi l-impjiegi kif ukoll biex tissaħħaħ is-sigurtà, filwaqt li d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li jakkumpanja l-White Paper jipprevedi proposta sabiex jiġi żgurat infurzar effettiv tal-MLC.

    Din il-proposta hija marbuta mill-qrib mal-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2009/16/KE dwar il-kontroll tal-Istat tal-Port, bil-għan li tiżgura kundizzjonijiet ekwi madwar id-dinja għall-industrija billi ssaħħaħ l-MLC fil-portijiet kollha Ewropej.

    1.1         Il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu

    Kif huwa ġeneralment rikonoxxut u ddikjarat b’mod espliċitu mill-ILO, l-industrija tat-tbaħħir hija “l-ewwel industrija tad-dinja li hija ġenwinament globali” li “teħtieġ risposta regolatorja internazzjonali xierqa - standards globali applikabbli għall-industrija kollha”.

    L-MLC, li ġiet adottata fl-2006, tipprovdi drittijiet u protezzjoni komprensivi fuq ix-xogħol għall-baħħara kollha indipendentement min-nazzjonalità tagħhom u mill-bandiera tal-bastiment.

    L-MLC għandha l-għan kemm li tikseb kundizzjonijiet ta’ xogħol deċenti għall-baħħara kif ukoll li tiżgura kompetizzjoni ġusta għas-sidien tal-bastimenti ta’ kwalità. Hi tistabbilixxi d-drittijiet tal-baħħara għal kundizzjonijiet ta’ xogħol deċenti fuq firxa wiesgħa ta’ suġġetti, u tfasslet sabiex tkun applikabbli b’mod globali, tinftiehem b’mod faċli, tkun aġġornabbli u tiġi infurzata b’mod uniformi. Tfasslet ukoll sabiex issir strument globali magħruf bħala r-“raba’ pilastru” tar-reġim regolatorju internazzjonali għal tbaħħir ta’ kwalità, biex b’hekk iżżid mat-tliet Konvenzjonijiet prinċipali tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO): il-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar (il-Konvenzjoni SOLAS), il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar Standards ta' Taħriġ, Ċertifikazzjoni u Għassa għall-Baħħara (il-Konvenzjoni STCW) u l-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis minn Vapuri (il-Konvenzjoni MARPOL).

    Fiha erba’ Titoli li jittrattaw id-drittijiet tal-baħħara: it-Titolu 1 dwar ir-rekwiżiti minimi għall-baħħara sabiex jaħdmu fuq bastiment; it-Titolu 2 dwar il-kundizzjonijiet tal-impjieg; it-Titolu 3 dwar l-akkomodazzjoni, il-faċilitajiet rikreattivi, l-ikel u s-servizz tal-ikel u x-xorb; it-Titolu 4 dwar il-protezzjoni tas-saħħa, il-kura medika, il-benesseri u l-protezzjoni tas-sigurtà soċjali.

    Barra minn hekk, l-MLC, fit-Titolu 5 tagħha, fiha mekkaniżmi għat-titjib tas-superviżjoni fil-livelli kollha: il-bastiment, il-kumpanija, l-Istat tal-bandiera, l-Istat tal-port, l-Istat li jipprovdi l-ħaddiema u s-sistema tal-ILO għal konformità u verifika uniformi u globali. Tabilħaqq, flimkien ma’ korp ta’ regoli sod, kienet meħtieġa sistema ta’ infurzar u konformità iktar effettiva sabiex jiġu eliminati l-bastimenti li ma jilħqux l-istandard għall-finijiet tas-sikurezza u s-sigurtà tal-bastimenti u ta’ protezzjoni ambjentali.

    Għaldaqstant, permezz tal-kontroll mill-Istati tal-bandiera u mill-Istati tal-port, l-UE trid tipprovdi mezzi sabiex jiġi żgurat li l-istandards rilevanti tax-xogħol marittimu tal-MLC jiġu applikati abbord il-bastimenti kollha li jidħlu fil-portijiet tal-UE, indipendentement min-nazzjonalità tal-baħħara.

    L-infurzar tal-istandards tal-MLC permezz tal-kontroll mill-Istati tal-bandiera u l-Istati tal-port għandu jitqies ukoll bħala mezz sabiex jiġi limitat id-dumping soċjali, li jgħarraq il-kundizzjonijiet tax-xogħol abbord u jippenalizza lis-sidien tal-bastimenti li joffru kundizzjonijiet deċenti tax-xogħol li jikkonformaw mar-regoli tal-ILO.

    1.2.        Ir-responsabbiltajiet tal-Istati tal-bandiera tal-MLC

    Wara li adottat l-MLC, l-ILO żviluppat dispożizzjonijiet innovattivi rigward iċ-ċertifikazzjoni tal-kundizzjonijiet tax-xogħol abbord il-bastimenti.

    L-MLC tistabbilixxi sistema ta’ infurzar soda, appoġġjata minn sistema ta’ ċertifikazzjoni fejn l-Istat tal-bandiera (jew organizzazzjoni/entità rikonoxxuta li taġixxi f’ismu) janalizza l-pjanijiet ta’ konformità tas-sidien tal-bastimenti u jivverifika u jiċċertifika li dawn verament huma fis-seħħ u qed jiġu implimentati. Il-bastimenti se jkunu meħtieġa jġorru ċertifikat tax-xogħol marittimu u dikjarazzjoni ta’ konformità tax-xogħol marittimu abbord. Dawn id-dokumenti se jkunu prodotti mill-Istat tal-bandiera li jeżerċita ġurisdizzjoni fuq il-bastimenti u li jiċċertifika r-riżultat tal-verifiki. Taħt l-MLC, dan ir-rekwiżit jirrigwarda l-bastimenti b’aktar minn 500 tunnellaġġ gross (TG) li huma impenjati fi vjaġġi internazzjonali jew f’kabotaġġ barra l-pajjiż. Madanakollu, l-Istati tal-Bandiera tal-UE se jkunu mistennija jiżguraw li l-liġijiet u r-regolamenti nazzjonali li jimplimentaw id-Direttiva 2009/13/KE jiġu rrispettati fuq bastimenti iżgħar (b’inqas minn 500 TG) li għalihom mhijiex mandatorja ċ-ċertifikazzjoni skont l-MLC. Sabiex tiġi evitata ż-żieda ta’ saff regolatorju addizzjonali fuq l-Istati Membri, is-sistema sħiħa ta’ ċertifikazzjoni ma ġietx integrata fil-liġi tal-UE minn din il-proposta, iżda tħalliet għal-liġi internazzjonali.

    1.3.        Leġiżlazzjoni attwali tal-UE

    L-UE stabbilixxiet qafas legali sabiex iżżid is-sigurtà marittima billi adottat tliet pakketti tas-sigurtà, bl-aħħar wieħed datat mill-2009. Uħud mir-regoli tal-UE dwar is-sigurtà u s-saħħa u s-sikurezza marittima huma relevanti għal din il-proposta. Huma mogħtija fil-qosor hawn taħt.

    1.3.1      Id-Direttiva 2009/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-konformità mar-rekwiżiti tal-Istat tal-bandiera[6]

    Fil-livell tal-UE, id-Direttiva 2009/21/KE għandha l-għan li tiżgura li l-Istati Membri jwettqu l-obbligi tagħhom bħala Stati tal-bandiera b’mod effettiv u konsistenti, sabiex titjieb is-sikurezza u jiġi evitat it-tniġġis mill-bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom. Tipprovdi għall-kundizzjonijiet sabiex il-bastimenti jkunu jistgħu jiġu rreġistrati taħt il-bandiera ta’ Stat Membru u l-obbligu għall-Istati tal-bandiera sabiex jistabbilixxu sistema ta’ ġestjoni tal-kwalità u evalwazzjoni interna b’konformità mal-istandards internazzjonali. Għal dan il-għan, japplikaw l-istandards tal-IMO, b’mod partikolari l-pjan ta’ awditjar mandatorju tal-amministrazzjonijiet marittimi nazzjonali u l-Kodiċi tal-Istat tal-Bandiera tal-IMO.

    Madanakollu, id-Direttiva 2009/21/KE ma fihiex lista ta’ dmirijiet li għandhom jitwettqu mill-Istat tal-bandiera iżda tirreferi għall-proċeduri tal-IMO. Għaldaqstant, id-dmirijiet speċifiċi għall-Istat tal-bandiera implikati mill-infurzar tad-Direttiva 2009/13/KE, għandhom jiddaħħlu fil-liġi tal-UE. Peress li l-għanijiet ta’ din il-proposta huma separati u differenti fin-natura tagħhom minn dawk tad-Direttiva 2009/21, jidher li jkun metodu aktar konsistenti jekk tintgħażel proposta awtonoma minflok ma tiġi emendata d-Direttiva 2009/21/KE.

    1.3.2      Id-Direttiva 2009/13/KE

    Wara l-ftehim bejn l-imsieħba soċjali tal-UE, id-Direttiva 2009/13/KE timplimenta ċerti standards tal-MLC fil-liġi tal-Unjoni. B’mod partikolari, l-anness tagħha inkluda l-elementi rilevanti tat-Titoli 1, 2, 3 u 4 tal-MLC dwar ir-rekwiżiti minimi għal xogħol fuq il-bastimenti (ċertifikat mediku, età minima, taħriġ u kwalifiki), il-kundizzjonijiet tal-impjieg (il-ftehimiet ta’ impjieg tal-baħħara, ir-ripatrijazzjoni, il-kumpens għat-telf jew l-għarqa tal-bastiment, l-għadd ta’ ħaddiema fuq il-bastiment, l-iżvilupp tal-karriera u tal-ħiliet u l-opportunitajiet għall-impjieg tal-baħħara), id-dispożizzjonijiet dwar l-akkomodazzjoni, il-faċilitajiet rikreattivi, l-ikel, is-servizz tal-ikel u x-xorb, id-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tas-saħħa, il-kura medika u l-benesseri inklużi r-responsabbiltà tas-sidien tal-bastimenti u l-aċċess għall-faċilitajiet disponibbli fuq l-ixtut u fl-aħħar nett, id-dispożizzjonijiet dwar il-proċeduri ta’ lment abbord.

    Ħlief fejn huwa stipulat mod ieħor, id-Direttiva 2009/13/KE tapplika għall-bastimenti kollha kemm jekk ikunu propjetà pubblika jew privata, li jkunu involuti b’mod ordinarju f’attivitajiet kummerċjali, minbarra l-bastimenti involuti fis-sajd jew f’attivitajiet simili u l-bastimenti ta’ għamla tradizzjonali bħal iġfna u ġanks. Id-Direttiva ma tapplikax għal bastimenti tal-gwerra u awżiljarji navali.

    2.           RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI

    L-Istati Membri tal-UE ipparteċipaw b’mod attiv fin-negozjati tal-MLC mal-Kummissjoni li organizzat il-koordinazzjoni tal-pożizzjonijiet tal-UE. Fl-2006, l-Istati Membri kollha tal-UE adottaw l-MLC.

    Konsultazzjoni pubblika sħiħa offriet opportunità lill-Istati Membri u lill-partijiet interessati sabiex jesprimu l-fehmiet tagħhom f’Ġunju 2011.

    Kien hemm kunsens ġenerali dwar il-ħtieġa li tiġi aġġornata l-leġiżlazzjoni relatata mal-Istat tal-bandiera u l-Istat tal-port sabiex jiġu infurzati r-rekwiżiti tal-MLC.

    L-effetti pożittivi speċifiċi li ġew enfasizzati kienu t-tisħiħ tas-sigurtà marittima, it-titjib tat-tbaħħir ta’ kwalità u li jsiru iktar ġusti l-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni bejn l-operaturi tal-UE u mhux tal-UE u bejn il-bnadar tal-UE u mhux tal-UE.

    Il-partijiet interessati semmew ukoll il-kwalità aħjar tal-impjiegi għall-baħħara kollha, b’mod partikolari għall-baħħara mill-UE li jaħdmu abbord bastimenti li jtajru bandiera tal-UE, għall-baħħara mill-UE li jaħdmu abbord bastimenti li ma jtajrux bandiera tal-UE, anki lil hinn mill-UE u għall-baħħara li mhumiex mill-UE li jaħdmu abbord bastimenti li ma jtajrux bandiera tal-UE.

    It-Task Force dwar l-Impjiegi u l-Kompetittività Marittimi, korp indipendenti mwaqqaf mill-Viċi President Siim Kallas f’Lulju 2010, li ffinalizzat ix-xogħol tagħha f’Ġunju 2011 u ħarġet Rapport[7] li fih rakkomandazzjonijiet politiċi dwar kif għandha tiġi promossa l-professjoni tat-tbaħħir fl-Ewropa, irrakkomandat l-infurzar tal-MLC.

    3.           ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

    3.1         Il-kontenut tal-Proposta

    3.1.1      Responsabbiltajiet tal-Istat tal-Bandiera

    Il-bandiera nazzjonali tikkostitwixxi s-sors primarju ta’ responsabbiltà ta’ Stat għal bastiment. L-Istati tal-bandiera huma meħtieġa jiżguraw li l-bastimenti tagħhom jikkonformaw mal-istandards aċċettati mill-Istati tal-bandiera skont il-liġi u l-konvenzjonijiet internazzjonali, b’mod partikolari mal-istandards minimi internazzjonali. Dan ifisser li l-bastimenti ta’ Stat tal-bandiera għandhom jitħaddmu u jinżammu b’mod li jimminimizza r-riskju għall-baħħara, l-ambjent tal-baħar u l-merkanzija. L-Artikolu 94 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar tal-1982 (UNCLOS 1982) jistabbilixxi d-dmirijiet fundamentali tal-Istati tal-bandiera u l-Artikolu 94(5) jeħtieġ li l-Istati tal-bandiera jieħdu kwalunkwe pass meħtieġ sabiex jiżguraw il-konformità ma’ regolamenti, proċeduri u prattiki internazzjonali aċċettati b’mod ġenerali.

    L-Istat tal-bandiera jeżerċita ġurisdizzjoni u kontroll effettivi fuq il-kwistjonijiet amministrattivi, tekniċi u soċjali fuq il-bastimenti u l-ekwipaġġ tagħhom fl-ibħra internazzjonali. Jinforza regolamenti dwar bastimenti rreġistrati taħt il-bandiera tiegħu, inklużi dawk relatati mal-ispezzjoni, iċ-ċertifikazzjoni u l-ħruġ ta’ dokumenti ta’ sikurezza u ta’ prevenzjoni tat-tniġġis.

    F’termini konkreti, qabel ma jippermettu lil bastiment itajjar il-bandiera tagħhom, l-Istati Membri għandhom jivverifikaw li l-bastiment jikkonforma mar-regoli u r-regolamenti internazzjonali fl-oqsma li jaqgħu taħt ir-responsabbiltajiet tiegħu.

    Din il-proposta dwar l-Istati tal-bandiera hija limitata għall-użu ta’ xi partijiet mit-Titolu V tal-MLC relatati mar-responsabbiltajiet tal-Istat tal-bandiera. Kif imsemmi, id-Direttiva 2009/21/KE dwar l-Istat tal-bandiera hija kkomplimentata iżda mhux emendata minn din il-proposta. Il-proposta tipprovdi għall-infurzar u l-konformità tal-Istat tal-bandiera mad-Direttiva 2009/13/KE.

    Madanakollu, għal raġuni ta’ kompetenza tal-UE u opportunità politika ma kienx possibbli li jiġu ttrasposti fil-liġi tal-UE d-dispożizzjonijiet kollha tal-MLC li jistabbilixxu d-dmir tal-bastimenti li jġorru ċertifikat tax-xogħol marittimu u dikjarazzjoni ta’ konformità tax-xogħol marittimu (dokumenti li jiċċertifikaw il-konformità tal-14-il punt kopert mill-MLC: l-età minima għall-baħħara, iċ-ċertifikat mediku tal-baħħara, il-kwalifiki tal-baħħara, il-ftehimiet ta’ impjieg tal-baħħara, l-użu ta’ kwalunkwe servizz privat ta’ reklutaġġ jew impjieg liċenzjat jew ċertifikat jew irregolat għall-baħħara, is-sigħat ta’ xogħol jew mistrieħ, il-livelli ta’ ħaddiema għall-bastiment, l-akkomodazzjoni, il-faċilitajiet rikreattivi abbord, l-ikel u s-servizz tal-ikel u x-xorb, is-saħħa u s-sikurezza u l-prevenzjoni ta’ inċidenti, il-kura medika abbord, il-proċeduri ta’ lment abbord, il-ħlas ta’ pagi).

    Għalhekk, id-Direttiva 2009/13 ma tkoprix il-firxa sħiħa ta’ suġġetti koperti mill-MLC. Konsegwentement, l-obbligi tal-Istati tal-bandiera tal-UE huma limitati sabiex jinfurzaw id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2009/13/KE.

    3.1.2      Kontenut dettaljat tal-proposta

    Id-Direttiva 2009/21/KE tfittex li tiżgura li l-bandiera ta’ kull Stat Membru tal-UE jkollha status tajjeb (ma titpoġġiex fuq il-lista s-sewda...) u li tinkorpora l-iskema ta’ awditjar tal-Istat tal-bandiera tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) fil-liġi tal-UE u li tintroduċi ċ-ċertifikazzjoni tal-kwalità tal-awtoritajiet marittimi nazzjonali filwaqt li din il-proposta għandha skopijiet differenti. Din il-proposta ma tirreferi għall-ebda proċedura tal-IMO iżda tistabbilixxi prinċipji għall-monitoraġġ tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2009/13/KE filwaqt li tuża uħud mill-istandards tal-Konvenzjoni tax-Xogħol Marittimu. Għall-finijiet ta’ ċarezza, ikun jaqbel li jkun hemm test separat.

    L-Artikolu 1 jiddeskrivi s-suġġett tal-proposta li jikkonsisti f’li jiġi żgurat li l-Istati tal-bandiera tal-UE jissodisfaw ir-responsabbiltajiet tagħhom fl-applikazzjoni u l-infurzar tad-Direttiva 2009/13/KE.

    L-Artikolu 2 jirreferi għad-definizzjoni ta’ bastiment u sid ta’ bastiment ibbażata fuq id-definizzjoni tal-MLC u użata fid-Direttiva 2009/13 sabiex tiġi evitata kwalunkwe diskrepanza bejn l-istandards u l-miżuri ta’ implimentazzjoni.

    L-Artikolu 3 jfassal l-obbligu li l-Istat tal-bandiera jistabbilixxi mekkaniżmi għall-ispezzjoni u jiżgura l-konformità tal-bastimenti tiegħu mad-Direttiva 2009/13/KE.

    L-Artikolu 4 jirreferi għall-kwalifiki professjonali u l-indipendenza tal-persunal inkarigat mill-verifika li s-suġġetti koperti mid-Direttiva 2009/13/KE jiġu applikati kif suppost abbord il-bastimenti li jtajru l-bnadar tal-Istati Membri kkonċernati.

    L-Artikolu 5 jindirizza l-ilmenti abbord il-bastimenti bil-bandiera tal-UE u jistabbilixxi l-prinċipji u l-proċedura li għandhom jiġu segwiti mill-persunal kompetenti tal-Istati tal-bandiera.

    3.1.3      Dokumenti ta’ spjegazzjoni li jakkumpanjaw in-notifika tal-miżuri ta’ traspożizzjoni

    Wara d-Dikjarazzjonijiet Politiċi Konġunti (ĠU 2011/C 369/02: ĠU 2011/C 369/03)[8], il-Kummissjoni issa qed tikkunsidra l-bżonn għal dokumenti ta' spjegazzjoni fuq il-bażi ta' każ b'każ. Minħabba l-prinċipju tal-proporzjonalità, id-dokumenti ta’ spjegazzjoni ma tqisux ġustifikati f’din il-proposta, li ma timmodifika l-ebda att leġiżlattiv eżistenti ieħor, sabiex jiġi evitat kwalunkwe piż amministrattiv addizzjonali possibbli u peress li l-proposta hija delimitata sew u ma taffettwax l-oqsma li huma regolati ħafna fil-livell nazzjonali. Għaldaqstant, din il-proposta ma tinkludix il-premessa dwar id-dokumenti ta’ spjegazzjoni.

    3.2         Bażi legali

    L-Artikolu 100(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

    3.3         Prinċipju tas-sussidjarjetà

    Regoli armonizzati dwar l-infurzar madwar l-UE għandhom jikkontribwixxu sabiex jinħolqu kundizzjonijiet ekwi biex jiġu evitati kemm distorsjonijiet fil-kompetizzjoni fis-suq intern għad-detriment tas-sikurezza marittima kif ukoll sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien deċenti għall-baħħara kollha indipendentement min-nazzjonalità tagħhom. B’mod partikolari nstab li l-esperjenza tal-kontroll mill-Istat tal-port fil-livell tal-UE hija effiċjenti sabiex tiżgura sorveljanza aħjar tal-bastimenti li jidħlu fil-portijiet tal-UE billi tiġbor flimkien ir-riżorsi u tiskambja l-informazzjoni.

    3.4         Prinċipju tal-proporzjonalità

    Il-miżuri mill-Istat tal-bandiera huma l-ewwel mezz ta’ infurzar fl-industrija tat-tbaħħir. Il-proposta attwali għandha l-għan li ssaħħaħ ir-rwol tal-Istat tal-bandiera fil-monitoraġġ tal-applikazzjoni effettiva tad-Direttiva 2009/13/KE b’mod konsistenti u li tevita li l-Istati Membri jaġixxu b’mod individwali b’detriment għall-konsistenza u possibilment bi ksur tal-liġi internazzjonali jew dik tal-Unjoni.

    3.5         Għażla ta’ strumenti

    F’kuntest ta’ standards minimi li għandhom jiġu implimentati mill-Istati Membri permezz ta’ miżuri fis-sistemi nazzjonali tagħhom stess u fil-qasam tal-kompetenzi kondiviżi, l-istrument xieraq huwa direttiva.

    3.6         Dħul fis-seħħ

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu, 2006, b’mod simili għad-Direttiva 2009/13.

    2012/0065 (COD)

    Proposta għal

    DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    dwar ir-responsabbiltajiet tal-Istat tal-bandiera għall-infurzar tad-Direttiva tal-Kunsill 2009/13/KE li timplimenta l-Ftehim konkluż mill-Assoċjazzjonijiet tas-Sidien tal-Bastimenti tal-Komunità Ewropea (ECSA) u l-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport (ETF) dwar il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu, 2006, u li temenda d-Direttiva 1999/63/KE

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-Parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[9],

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni[10],

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

    Billi:

    (1)       L-azzjoni tal-Unjoni fil-qasam tat-trasport marittimu għandha l-għan, inter alia, li ttejjeb il-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol abbord għall-baħħara, is-sikurezza fuq il-baħar u l-prevenzjoni tat-tniġġis ikkawżat mill-inċidenti marittimi.

    (2)       L-Unjoni hija konxja mill-fatt li ħafna mill-inċidenti fuq il-baħar huma direttament ikkawżati minn fatturi umani, b’mod partikolari l-għejja.

    (3)       Wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-politika tas-sigurtà marittima tal-Unjoni huwa li jiġi eliminat it-tbaħħir li ma jilħaqx l-istandard.

    (4)       Fit-23 ta’ Frar 2006, l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol adottat il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu, 2006 (il-Konvenzjoni), bix-xewqa li jinħoloq strument wieħed u koerenti li jiġbor fih kemm jista’ jkun possibbli l-istandards aġġornati kollha tal-konvenzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet dwar ix-xogħol marittimu internazzjonali eżistenti, kif ukoll il-prinċipji fundamentali li jinsabu f’konvenzjonijiet internazzjonali oħrajn dwar ix-xogħol.

    (5)       Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/431/KE tas-7 ta’ Ġunju 2007[11] awtorizzat lill-Istati Membri sabiex jirratifikaw il-Konvenzjoni. L-Istati Membri huma mitluba jirratifikawha malajr kemm jista’ jkun

    (6)       Il-Konvenzjoni tistabbilixxi standards tax-xogħol marittimu għall-baħħara kollha indipendentement min-nazzjonalità tagħhom u mill-bandiera tal-bastimenti.

    (7)       Id-Direttiva tal-Kunsill 2009/13/KE tas-16 ta’ Frar 2009[12] timplimenta l-Ftehim konkluż mill-Assoċjazzjonijiet tas-Sidien tal-Bastimenti tal-Komunità Ewropea (ECSA) u l-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport (ETF) dwar il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu, 2006, u temenda d-Direttiva 1999/63/KE (il-Ftehim).

    (8)       Id-Direttiva 2009/13/KE ġiet adottata abbażi tal-Artikolu 155 tat-Trattat.

    (9)       Peress li l-ftehimiet konklużi permezz tal-Artikolu 155 tat-Trattat li għandhom jiġu implimentati mid-deċiżjonijiet tal-Kunsill jistgħu jkopru biss is-suġġetti definiti mill-Artikolu 153 tat-Trattat, ċerti dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni relatati mar-responsabblitajiet tal-Istat tal-bandiera għall-infurzar tal-Konvenzjoni ma setgħux ikunu parti mill-ftehim soċjali implimentat mid-Direttiva 2009/13/KE. Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu integrati fil-liġi tal-Unjoni permezz ta’ din id-Direttiva.

    (10)     Minkejja li d-Direttiva 2009/21/KE tirregola r-responsabbiltajiet tal-Istat tal-bandiera billi tinkorpora l-iskema ta’ awditjar tal-Istat tal-bandiera tal-IMO fil-liġi tal-Unjoni u billi tintroduċi ċ-ċertifikazzjoni tal-kwalità tal-awtoritajiet marittimi internazzjonali; direttiva separata li tkopri l-istandards marittimi tax-xogħol hija meqjusa aktar xierqa u aktar ċara sabiex tirrifletti l-iskopijiet u l-proċeduri differenti,

    (11)     Id-Direttiva 2009/13/KE tapplika għall-baħħara abbord bastimenti li jtajru l-bandiera ta’ Stat Membru. Għaldaqstant, l-Istati Membri għandhom jissorveljaw il-konformità mad-dispożizzjonijiet kollha ta’ dik id-Direttiva mill-bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom.

    (12)     Għall-kontroll tal-infurzar effettiv tad-Direttiva 2009/13/KE, hemm bżonn li l-Istati Membri jivverifikaw, permezz ta’ spezzjonijiet regolari, monitoraġġ u miżuri ta’ kontroll oħrajn, li l-bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom jikkonformaw mar-rekwiżiti tad-Direttiva 2009/13/KE.

    (13)     Peress li l-għanijiet ta’ din id-Direttiva ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u għaldaqstant, minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni, jistgħu jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, b’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet.

    (14)     Peress li din id-Direttiva tinforza d-Direttiva 2009/13/KE, din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-istess data bħad-Direttiva 2009/13/KE,

    ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

    Artikolu 1

    Suġġett

    Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli sabiex tiżgura li l-Istati Membri jwettqu b’mod effettiv l-obbligi tagħhom bħala Stati tal-bandiera sabiex jissorveljaw il-konformità tal-bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom mad-Direttiva 2009/13/KE. Din id-Direttiva hija mingħajr ħsara għad-Direttiva 2009/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[13].

    Artikolu 2

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    a) ‘bastiment’ tfisser bastiment minbarra wieħed li jbaħħar esklussivament f’ilmijiet interni jew ilmijiet ġo, jew qrib, ilmijiet protetti jew postijiet fejn japplikaw ir-regolamenti portwali;

    b) ‘sid ta’ bastiment’ tfisser is-sid ta’ bastiment jew organizzazzjoni jew persuna oħra, bħall-maniġer, l-aġent jew il-kerrej tal-bastiment mingħajr l-ekwipaġġ, li jkun assuma r-responsabbiltà għat-tħaddim tal-bastiment mis-sid u li, kif jassumi din ir-responsabbiltà, ikun qabel li jassumi d-dmirijiet u r-responsabbiltajiet imposti fuq is-sidien tal-bastimenti b’mod konformi mal-Anness għad-Direttiva 2009/13/KE, indipendentement minn jekk xi organizzazzjoni jew persuni oħra jissodisfawx uħud minn dawn id-dmirijiet jew responsabbiltajiet f’isem sid il-bastiment.

    Artikolu 3

    Monitoraġġ tal-Konformità

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li huma stabbiliti l-verifiki u l-mekkaniżmi ta’ monitoraġġ xierqa u li jitwettqu l-ispezzjonijiet effettivi u adegwati sabiex jiġi żgurat li l-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien tal-baħħara fuq il-bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom jissodisfaw, u jibqgħu jissodisfaw, ir-rekwiżiti tad-Direttiva 2009/13/KE.

    Artikolu 4

    Persunal inkarigat mill-monitoraġġ tal-konformità

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persunal inkarigat mill-verifika tal-implimentazzjoni xierqa tad-Direttiva 2009/13/KE jkollu t-taħriġ, il-kompetenza, it-termini ta’ referenza, is-setgħat, l-istatus u l-indipendenza meħtieġa jew mixtieqa sabiex jippermettulu jwettaq dik il-verifika u jiżgura konformità ma’ dik id-Direttiva.

    Artikolu 5

    Ilmenti

    1.           Jekk Stat Membru jirċievi ilment li huwa ma jqisx li huwa manifestament infondat jew inkella jikseb prova li bastiment li jtajjar il-bandiera tiegħu ma jikkonformax mar-rekwiżiti tad-Direttiva 2009/13/KE jew li hemm nuqqasijiet serji fil-miżuri ta’ implimentazzjoni, dak l-Istat Membru għandu jieħu l-passi meħtieġa sabiex jinvestiga l-kwistjoni u jiżgura li tittieħed azzjoni sabiex jiġu rrimedjati n-nuqqasijiet kollha identifikati.

    2.           Il-persunal inkarigat mill-ġestjoni tal-ilmenti għandu jittratta bħala kunfidenzjali s-sors ta’ kwalunkwe rapport jew ilment li jallega periklu jew nuqqas fir-rigward tal-kundizzjonijiet tax-xogħol jew tal-għajxien tal-baħħara jew ksur tal-liġijiet u r-regolamenti u bl-ebda mod ma għandu jgħarraf lis-sid ta’ bastiment, lir-rappreżentant tas-sid ta’ bastiment jew lill-operatur ta’ bastiment li saret spezzjoni bħala konsegwenza ta’ rapport jew ilment bħal dan.

    Artikolu 6

    Traspożizzjoni

    1.           L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex tinkiseb konformità mad-Direttiva sa mhux iktar tard minn 12-il xahar wara d-dħul fis-seħħ tagħha. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.

    2.           Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn referenza bħal din fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi kif isiru referenzi bħal dawn għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

    3.           L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni dak it-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

    Artikolu 7

    Dħul fis-seħħ

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fid-data ta’ dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2009/13/KE.

    Artikolu 8

    Destinatarji

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmula fi Brussel,

    Għall-Parlament Ewropew                           Għall-Kunsill

    Il-President                                                    Il-President

    [1]               ĠU L 161, 22.06.2007, p.63.

    [2]           ĠU L 124, 20.05.2009, p.30.

    [3]               COM (2009) 8.

    [4]               Ara l-paragrafu 3 tal-Komunikazzjoni.

    [5]               COM (2011)144 finali.

    [6]               ĠU L131, 28.05.2009, p.132.

    [7]               Ippubblikat fl-20 ta’ Lulju 2011: http://ec.europa.eu/transport/maritime/seafarers/doc/2011-06-09-tfmec.pdf

    [8]               COM ((2007) 502).

    [9]               ĠU C […], […], p. […].

    [10]             ĠU C […], […], p. […].

    [11]             ĠU L 161, 22.6.2007, p. 63.

    [12]             ĠU L 124, 20.5.2009, p. 30.

    [13]             ĠU L131, 28.5.2009, p. 132.

    Top