Scegli le funzioni sperimentali da provare

Questo documento è un estratto del sito web EUR-Lex.

Documento 52012IP0274

    eCall: servizz ġdid "112" għaċ-ċittadini Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat- 3 ta' Lulju 2012 ecall: servizz ġdid "112" għaċ-ċittadini (2012/2056(INI))

    ĠU C 349E, 29.11.2013, pagg. 19–26 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    29.11.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    CE 349/19


    It-Tlieta 3 ta’ Lulju 2012
    eCall: servizz ġdid "112" għaċ-ċittadini

    P7_TA(2012)0274

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta' Lulju 2012 ecall: servizz ġdid "112" għaċ-ċittadini (2012/2056(INI))

    2013/C 349 E/03

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Settembru 2011 dwar appoġġ għal servizz tal-eCall offrut madwar l-UE kollha fin-netwerks tal- komunikazzjoni elettronika għat-trażmissjoni ta’ sejħiet tal-emerġenza bbażati fuq in-numru 112 minn sistemi mmuntati fil-vetturi (“eCalls”) (1),

    wara li kkunsidra d-Direttiva 2010/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2010 dwar qafas għall-varar ta’ Sistemi ta’ Trasport Intelliġenti fil-qasam tat-trasport bit-triq u għall-interkonnessjonijiet ma’ modi oħra ta’ trasport (2),

    wara li kkunsidra d-Direttiva 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2002 dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma' networks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva tas-Servizz Universali) (3),

    wara li kkunsidra d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni ‘Valutazzjoni tal-Impatt’ li jakkumpanja r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar appoġġ għal servizz ta’ sejħiet tal-eCall offrut madwar l-UE kollha fin-netwerks tal-komunikazzjoni elettronika għat-trażmissjoni ta’ sejħiet tal-emerġenza bbażati fuq in-numru 112 minn sistemi mmuntati fil-vetturi ('eCalls') (SEC(2011)1020),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni ‘Lejn Żona Ewropea ta’ sikurezza tat-triq: orjentazzjonijiet ta' politika dwar is-sikurezza tat-triq 2011-2020’ (COM(2010)0389),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni ‘Futur sostenibbli għat-trasport: Lejn sistema integrata, immexxija mit-teknoloġija u li tista' tintuża faċilment’ (COM(2009)0279),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni ‘eCall: Wasal il-waqt għall-Mobilizzazzjoni’ (COM(2009)0434),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni ‘Lejn Mobilità aktar Sikura, aktar Nadifa u aktar Effiċjenti madwar l-Ewropa: L-Ewwel Rapport dwar il-Karozzi Intelliġenti’ (COM(2007)0541),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni ‘Dwar l-Inizjattiva tal-Karozzi Intelliġenti - “Is-Sensibilizzazzjoni dwar l-ICT għal Vetturi Aktar Intelliġenti, Aktar Sikuri u Aktar Nodfa” ’ (COM(2006)0059),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni ‘Inġibu l-eCall Lura fi Triqitha - Pjan ta’ Azzjoni (It-Tielet Komunikazzjoni dwar l-eSafety)’ (COM(2006)0723),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni ‘It-twassil tal-eCall liċ-Ċittadini’ (It-Tieni Komunikazzjoni dwar l-eSafety) (COM(2005)0431),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni 'Informazzjoni u Teknoloġiji tal-Komunikazzjoni għal Vetturi Sikuri u Intelliġenti' (COM(2003)0542),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni ‘Programm ta' Azzjoni Ewropew għas-Sikurezza fit-Toroq - Innaqqsu bin-nofs l-għadd ta' vittmi ta' inċidenti tat-traffiku fl-Unjoni Ewropea sal-2010: Responsabilità konġunta’ (COM(2003)0311),

    wara li kkunsidra d-dokument ta’ ħidma dwar il-ħarsien tad-data u l-implikazzjonijiet għall-privatezza fl-inizjattiva eCall (Grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29 – 1609/06/MT, WP 125),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar il-mobilità u l-inklużjoni ta' persuni b'diżabilità u l-Istrateġija Ewropea dwar id-Diżabilità 2010-2020 (4),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Settembru 2011 dwar is-Sikurezza fit-Toroq 2011-2020 (5),

    wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tiegħu tas-17 ta' Novembru 2011 dwar il-ħtieġa ta’ servizzi ta’ emerġenza 112 aċċessibbli (6),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2010 dwar futur sostenibbli għat-trasport (7),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta’ Lulju 2011 dwar is-Servizz Universali u n-numru tal-emerġenza "112" (8),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta’ April 2009 dwar il-Pjan ta’ Azzjoni fil-Qasam tas-Sistemi Intelliġenti tat-Trasport (9),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta’ Ġunju 2008 (10) dwar l-Ewwel Rapport dwar il-Karozzi Intelliġenti,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta’ Jannar 2007 dwar it-Tielet Programm ta' Azzjoni Ewropew għas-Sikurezza tat-Toroq - reviżjoni ta' nofs iż-żmien (11),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' April 2006 dwar is-sikurezza fit-toroq: inwasslu l-eCall liċ-ċittadini (12),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta’ Settembru 2005 dwar ‘Programm Ewropew ta' Azzjoni għas-Sikurezza fit-Toroq - Innaqqsu bin-nofs l-għadd ta' vittmi ta' inċidenti tat-traffiku fl-Unjoni Ewropea sal-2010: responsabilità konġunta’ (13),

    wara li kkunsidra l-‘World report on road traffic injury prevention’ ippubblikat b’mod konġunt fl-2004 mill-Bank Dinji u l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra d-deliberazzjonijiet konġunti tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur u tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu skont l-Artikolu 51 tar-Regoli ta' Proċedura,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur u tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A7-0205/2012),

    A.

    billi skont il-previżjoni magħmula mill-Bank Dinji u l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, in-numru ta’ vittmi ta’ inċidenti tat-traffiku huwa mistenni li jikber f’kull żona tad-dinja (mid-disa’ l-ogħla kawża ta’ mwiet għat-tielet l-ogħla sal-2020), u l-livell ta’ mortalità f'età iżgħar fil-grupp ta’ bejn 5 u 14-il sena jħalli wkoll impatt kbir fuq il-ġenituri u fuq is-soċjetà,

    B.

    billi abbażi tad-dejta fl-Unjoni Ewropea għall-2004, iktar minn 40 000 ruħ imutu kull sena f’inċidenti tat-traffiku u 150 000 ruħ isofru diżabilità permanenti;

    C.

    billi l-għan tas-sistema tal-eCall immuntata fuq il-vetturi huwa biex jassigura n-notifika awtomatika tas-servizzi tal-emerġenza f’każ ta’ inċident serju, bl-iskop li jitnaqqsu l-fatalitajiet tat-traffiku u tittaffa s-severità ta’ korrimenti fit-toroq billi l-assistenza kwalifikata u mgħammra tasal aktar malajr (il-prinċipju ‘golden hour’ (is-siegħa tad-deheb));

    D.

    billi t-telefonata ta’ emerġenza eCall hi ġġenerata awtomatikament permezz tal-attivazzjoni ta’ sensers immuntati ġewwa l-vettura li, meta jiġu attivati, jistabbilixxu konnessjoni tal-vuċi u tad-data direttament maċ-Ċentri li Jirċievu t-Telefonati relatati mas-Sikurezza Pubblika (PSAPs) rilevanti;

    E.

    billi, skont id-dejta statistika uffiċjali dwar l-eCall, huwa stmat li l-integrazzjoni sħiħa tas-sistema fil-karozzi fl-Istati Membri tal-UE se ssalva sa 2 500 ħajja kull sena, filwaqt li tnaqqas ukoll il-gravità tal-korrimenti b’10-15 %,

    F.

    billi l-eCall jipprovdi benefiċċju għall-utenti tat-toroq li jivvjaġġaw ġewwa jew barra pajjiżhom, li jistgħu ma jkunux familjari mat-toroq u mal-pożizzjoni preċiża tagħhom f’każ li jseħħ inċident;

    G.

    billi l-eCall jippermetti li telefonati ta’ emerġenza jsiru mingħajr diffikultajiet ta’ lingwa bis-saħħa ta’ data diġitali miżmuma fil-format ta’ messaġġ magħmul minn Sett Minimu ta’ Data (MSD), li aktarx itaffi nuqqas ta’ ftehim u stress u jgħin biex jiġu eliminati l-barrieri tal-lingwa bejn l-okkupanti tal-vettura u l-operatur PSAP, li huwa importanti fl-ambjent multilingwi Ewropew;

    H.

    billi, fil-kuntest tas-sikurezza tat-triq, il-mobilizzazzjoni tas-servizz tal-eCall madwar l-UE disponibbli fil-vetturi kollha u fil-pajjiżi kollha kienet ta’ prijorità kbira għall-Unjoni mill-2002, u hija inkluża fil-Programm ta’ Azzjoni rigward is-Sikurezza fit-Toroq 2011-2020 biex itejjeb is-sikurezza tat-triq u jikkontribwixxi fl-objettiv li jitnaqqas in-numru ta’ mwiet u korrimenti fit-toroq fl-Ewropa;

    I.

    billi d-Direttiva 2010/40/UE tinkludi "il-forniment armonizzat ta’ eCall interoperabbli fl-UE kollha" fost l-azzjonijiet ta’ prijorità tagħha u tistabbilixxi l-obbligu għall-Kummissjoni biex tadotta, sal-aħħar tal-2012, speċifikazzjonijiet komuni għat-titjib tal-PSAPs;

    J.

    billi l-Istati Membri jibqgħu responsabbli għat-tip ta’ organizzazzjoni għall-PSAPs li jirċievu l-eCalls, kemm jekk tkun organizzazzjoni pubblika jew waħda privata li taġixxi taħt delega pubblika;

    K.

    billi l-Memorandum ta’ Qbil (MtQ) għat-Twettiq ta’ eCall Interoperabbli Abbord il-Vetturi fl-Ewropa s’issa ġie ffirmat minn 22 Stat Membru, 5 Stati Assoċjati, u aktar minn 100 organizzazzjoni; billi żewġ Stati Membri oħra esprimew l-appoġġ tagħhom għall-użu mandatorju tal-eCall;

    L.

    billi f’diversi okkażjonijiet, il-Parlament esprima l-appoġġ tiegħu għall-introduzzjoni tal-eCall, inkluż appoġġ għall-użu mandatorju tiegħu, inizjattiva li se toħloq sens ta’ aktar sikurezza għaċ-ċittadini meta jivvjaġġaw;

    M.

    billi l-approċċ volontarju għall-użu fl-UE kien il-politika tal-Kummissjoni mill-2003 iżda sal-lum ma kisibx progress sinifikanti;

    N.

    billi fil-komunikazzjoni tagħha ‘eCall: Wasal il-Waqt għall-Mobilizzazzjoni’, il-Kummissjoni indikat li jekk sal-aħħar tal-2009 ma jsirx progress sinifikanti, f’termini kemm ta’ disponibilità tat-tagħmir eCall fil-vetturi kif ukoll tal-investiment neċessarju fl-infrastruttura tal-PSAP, se tipproponi miżuri regolatorji;

    O.

    billi skont ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika li twettqet mill-Kummissjoni fl-2010 dwar l-implimentazzjoni tal-eCall, aktar minn 80 % ta' dawk li taw ir-reazzjoni tagħhom, isibu s-sistema tal-eCall utli u jixtiequ li l-vettura tagħhom tkun mgħammra biha;

    P.

    billi s-sewwieqa tal-muturi huma l-grupp ta' utenti li jista' jkollhom l-ikbar diffikultà biex jikkuntattjaw lis-servizzi tal-emerġenza f’każ li jsibu ruħhom involuti f'inċident tat-traffiku;

    Q.

    billi l-vetturi agrikoli u industrijali, b’mod partikolari t-tratturi agrikoli, normalment joperaw f’żoni remoti u mwarrba u għalhekk ħafna drabi ma jistgħux jikkuntattjaw lis-servizzi tal-emerġenza f’każ ta' inċident;

    R.

    billi diġà jeżistu servizzi privati ta' telefonati ta' emerġenza mmuntati ġo vetturi, u l-użu tagħhom fl-Ewropa qed jiżdied, iżda l-ebda wieħed minnhom ma jkopru t-territorju kollu tal-UE u l-penetrazzjoni tas-suq huwa taħt 0.4 % tal-flotta tal-vetturi, waqt li xi wħud mis-servizzi introdotti tneħħew minħabba fallimenti fis-suq, bir-riżultat li l-utent spiċċa mingħajr is-servizz ta' telefonati ta' emerġenza minn ġewwa vetturi tul il-ħajja tal-vettura;

    S.

    billi t-teknoloġija hija lesta u kien hemm qbil dwar standards komuni tal-UE u qed jiġu rfinuti u ttestjati mill-industrija u l-awtoritajiet pubbliċi fil-qafad ta' proġetti pilota;

    T.

    billi fl-2010, il-Kummissjoni pubblikament ħabbret li se tippreżenta, fl-ewwel tliet xhur tal-2012, regolament ġdid li jinkludi s-sistema eCall bħala rekwiżit addizzjonali fi ħdan qafas regolatorju tal-vetturi bil-mutur tat-tip approvat,

    1.

    Jilqa' r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta' Settembru 2011, u jħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Operaturi ta' Netwerks Mobbli (MNOs) jimplimentaw il-miżuri u l-aġġornamenti meħtieġa tagħha sa mhux aktar tard mill-aħħar tal-2014; jiddispjaċih, madankollu, li 18-il Stat Membru biss irrispondew fil-ħin; jistieden lill-bqija tal-Istati Membri biex jagħmlu dan mill-aktar fis possibbli;

    2.

    Jiddispjaċih għad-dewmien u n-nuqqas ta' progress fl-operazzjoni volontarja tas-sistema eCall sal-ġurnata tal-lum u l-fatt li 3 Stati Membri ma ffirmawx il-MtQ tal-eCall jew ma ddikjarawx l-appoġġ tagħhom għall-operazzjoni tal-eCall, jistieden, għalehkk, lil dawk l-Istati Membri li għadhom ma ffirmawx il-MtQ dwar l-iżvilupp ta' servizz tal-eCall pan-Ewropew interoperabbli fl-Ewropa biex jagħmlu dan, u jħeġġeġ lill-partijiet kollha involuti biex jaġixxu flimkien sabiex jiġi stabbilit dan is-servizz;

    3.

    Jenfasizza l-fatt li jeżistu nuqqasijiet sinifikanti fil-funzjonament tan-numru ta' emerġenza Ewropew 112 li fuqu għandu jkun ibbażat l-eCall; jistieden lill-Istati Membri jindirizzaw dawn in-nuqqasijiet b’mod urġenti u jistieden lill-Kummissjoni żżid il-monitoraġġ tagħha f’dan ir-rigward;

    4.

    Jikkunsidra li s-sistema eCall għandha tkun sistema pubblika ta' telefonati ta' emerġenza madwar l-UE, inkorporata fil-vettura u bbażata fuq il-112 u fuq standards komuni pan-Ewropej sabiex tiġi garantita n-newtralità teknoloġika, sabiex jiġi żgurat servizz affidabbli, ta' kwalità għolja, għal but ta' kulħadd u faċli biex jintuża li jista' jaħdem mingħajr problemi u b’mod interoperabbli madwar l-Ewropa kollha fil-vetturi kollha, irrispettivament mill-marka, il-pajjiż jew il-pożizzjoni attwali tal-vettura, biex b’hekk ikunu massimizzati l-benefiċċji tas-sistema eCall għas-sewwieqa kollha, inklużi l-persuni b’diżabilità;

    5.

    Jenfasizza l-effetti pożittivi tas-sistema eCall, f’termini mhux biss ta' titjib fil-ġestjoni ta' inċidenti, ta' tnaqqis tal-konġestjoni kkawżata minn inċidenti u sabiex jiġu evitati inċidenti sekondarji, iżda b'mod partikolari sabiex tiġi aċċellerata l-wasla tas-servizzi ta' emerġenza u b’hekk titnaqqas il-mortalità u l-gravità tal-feriti li jirriżultaw mill-inċidenti tat-traffiku, biex b'hekk titjieb il-fiduċja taċ-ċittadini Ewropej meta jkunu qed jivvjaġġaw fi Stat Membri oħra;

    6.

    Jikkunsidra li jekk l-introduzzjoni tas-sistema eCall titħalla għall-forzi tas-suq, l-eCall se jibbenefikaw minnha biss persuni li jistgħu jaffordjaw vetturi għoljin, filwaqt li introduzzjoni mandatorja tas-sistema installata fil-vetturi kollha twassal għal spejjeż aktar baxxi u l-użu universali fil-lievll tal-UE;

    7.

    Ifakkar li l-valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni turi li l-adozzjoni ta' miżuri regolatorji sabiex isseħħ l-introduzzjoni mandatorja tas-sistema eCall bħalissa hija l-unika possibbiltà biex jinkisbu l-effetti pożittivi kollha;

    8.

    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tissottometti proposta fi ħdan il-qafas tad-Direttiva 2007/46/KE sabiex sal-2015 tiżgura l-użu mandatorju ta' sistema pubblika ta' eCall ibbażata fuq il-112 fil-karozzi l-ġodda approvati kollha u fl-Istati Membri kollha;

    9.

    Jikkunsidra li s-servizz eCall pubbliku għandu jkun b’xejn u obbligatorju, u għandu jiġi installat fil-vetturi l-ġodda kollha li jaqgħu fl-ambitu ta' din il-proposta;

    10.

    Iqis li s-servizz eCall pubbliku għandu jkun sempliċi, għal but ta' kulħadd, operattiv u aċċessibbli għal kulħadd fl-UE kollha, irrispettivament mill-vettura u l-pożizzjoni tagħha;

    11.

    Jiċħad l-idea li l-implimentazzjoni ta' aspetti tas-sistema eCall mmuntata ġewwa l-vetturi tista' ssir gradwalment fuq perjodu estiż ta' żmien;

    12.

    Jistieden lill-Kummissjoni biex tipproponi kwalunkwe miżura regolatorja oħra meħtieġa sabiex jiġi evitat dewmien addizzjonali, li jista' jirriżulta f’imwiet li setgħu jiġu evitati;

    13.

    Jikkunsidra li, filwaqt li l-metodu ta' analiżi tal-ispejjeż u l-nenefiċċji (CBA) jista' jkollu rwol importanti fil-ħolqoen ta' data li fuqha jiġu bbażati deċiżjonijiet kumplessi relatati mal-investimenti u l-użu tat-teknoloġija, dan l-approċċ jista' wkoll jiġi kkritikat kull meta xi parti importanti tal-analiżi tinvolvi stima tal-valur tal-ħajja tal-bniedem;

    14.

    Jistieden lill-Kummissjoni, waqt li tivvaluta l-impatt tal-implimentazzjoni tas-sistema eCall fl-UE, tikkunsidra mhux biss l-investiment u l-ispejjeż operattivi iżda wkoll il-benefiċċji soċjali li jirriżultaw mill-implimentazzjoni tas-sistema eCall;

    15.

    Jistieden lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi regoli ċari dwar ir-responsabbiltà tal-partijiet interessati involuti fis-sistema eCall;

    16.

    Jistieden lill-Kummissjoni tevalwa l-possibbiltà ta' allarmi foloz li jsiru minn sistemi eCall, l-influwenza ta' tali allarmi foloz fuq is-servizzi ta' emerġenza ta' kuljum, il-bżonn li ssir distinzjoni bejn inċidenti serji u inqas serji u bejn sinjali ta' emerġenza u informazzjoni oħra li għandha tiġi trażmessa lis-servizzi ta' emerġenza biex tkun żgurata l-operazzjoni effiċjenti tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi soluzzjonijiet konkreti għal dawn il-problemi, jekk ikun meħtieġ;

    17.

    Jilqa' t-twaqqif tal-Pjattaforma Ewropea għall-Implimentazzjoni tal-eCall u jistieden lill-partijiet interessati rilevanti u lir-rappreżentanti tal-Istati Membri biex jipparteċipaw sabiex tiġi żgurata introduzzjoni armonizzata tas-sistema eCall;

    18.

    Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra testendi s-sistema eCall biex fil-futur qrib tinkludi wkoll vetturi oħra, bħal Vetturi Tqal tal-Merkanzija (HGVs), xarabanks u kowċis u vetturi bil-magni b’żewġ roti (PTW), u tevalwa jekk din għandhiex tiġi estiża għat-tratturi agikoli u l-vetturi industrijali;

    19.

    Jikkunsidra li l-użu ta' apparat tal-E-call tas-suq ta' wara l-bejgħ għandu jkun permess għal vetturi eżistenti;

    PSAPs (Ċentri li Jirċievu t-Telefonati relatati mas-Sikurezza Pubblika) : aspetti ta' rispons f’emerġenza

    20.

    Jinnota kemm huwa essenzjali li jiġi żgurat li l-PSAPs kollha fl-Istati Membri kollha huma mgħammra tajjeb jekk se jkun hemm livell uniformi ta' protezzjoni għaċ-ċittadini kollha fl-Unjoni, u għaldaqstant jistieden lill-Kummissjoni tipproponi leġiżlazzjoni li teħtieġ lill-Istati Membri jaġġornaw l-infrastruttura tagħhom tas-servizzi ta' rispons f’emerġenza u jipprovdu taħriġ adegwat għall-operaturi sabiex ikunu jistgħu jimmaniġġjaw l-eCalls sal-2015, b'mod adegwat għall-istrutturi nazzjonali tagħhom u b'tali mod li s-servizz ikun aċċessibbli għal kulħadd;

    21.

    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tadotta speċifikazzjonijiet komuni għal PSAPs fi ħdan il-qafas tad-Direttiva dwar l-STI sal-aħħar tal-2012, u tipproponi direttiva dwar l-implimentazzjoni tas-sistema eCall;

    22.

    Japprezza r-rieda tal-operaturi ta' netwerks mobbli (MNOs) li jimmaniġġjaw l-eCalls bħal ma jagħmlu b’telefonati tal-112 oħra u jissuġġerixxi li hum, flimkien mal-Istati Membri, għandhom jirrapportaw lill-Kummissjoni dwar il-progress li jkun inkiseb u d-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom fuq bażi annwali, b’mod partikolari fir-rigward tal-element identifikattiv eCall;

    23.

    Jilqa' l-fatt l-istabbiliment ta' konnessjoni bil-vuċi bejn l-okkupanti tal-vettura u l-operaturi tal-PSAP li qed jiġġestixxu t-telefonati ta' emerġenza, li jippermetti komunikazzjoni reċiproka, inaqqas kemm ir-riskju ta' risposti mhux adegwati u l-mobilizzazzjoni mhux neċessarja tas-servizzi ta' emerġenza, pereżempju fil-każ ta' inċidenti ħfief;

    24.

    Jenfasizza li hemm ħtieġa li dejjem qed tikber għal protokoll komuni għat-trasferiment tad-dejta biex tintbagħat informazzjoni bħal din lil ċentri li jirċievu t-telefonati relatati mas-sikurezza pubblika u lil servizzi ta' rispons f’emerġenza, sabiex jiġi evitat ir-riskju ta' konfużjoni u ta' interpretazzjoni ħażina tad-dejta kkomunikata; jenfasizza li l-mod kif tintbagħat l-informazzjoni minn operaturi tan-netwerk mobbli lil ċentri li jirċievu t-telefonati relatati mas-sikurezza pubblika għandu jkun stabbiliti b’mod trasparenti u nondiskriminatorju;

    25.

    Ifakkar li l-fatt li jkollok data elettronika fil-PSAPs jista' jwassal ukoll għal vantaġġi addizzjonali, bħal gwida avvanzata għall-membri tas-servizzi tas-salvataġġ sabiex dawn ikunu infurmati kif xieraq dwar sorsi ġodda ta' periklu li jistgħu jiltaqgħu magħhom minħabba l-iżvilupp ta' karozzi li jaħdmu bl-elettriku u sistemi ta' propulsjoni oħra ġodda;

    26.

    Jikkunsidra li għandhom jiġu promossi r-rabtiet bejn il-PSAPs u l-operaturi tat-trasport biex titjieb il-ġestjoni tal-inċidenti, b’konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Pjattaforma Ewropea għall-Implimentazzjoni tal-eCall (EeIP);

    27.

    Jappoġġa x-xogħol intensiv li sar fi ħdan il-proġett HeERO (Pilota Ewropew tal-eCall Armonizzat) fuq l-awtentikazzjoni transkonfinali pilota tal-eCall Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-kooperazzjoni bejn il-PSAPs nazzjonali u s-servizzi ta' rispons ta' emerġenza, b'mod partikolari f’postijiet transkonfinali fl-Ewropa, u jħeġġu l-iżvilupp ta' taħriġ konġunt u ta' skambji tal-aħjar prattiki, bl-għan li titjieb l-effettività tal-katina ta' provvista tas-servizzi ta' emerġenza kollha;

    28.

    Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li s-sistema eCall u l-kollegamenti mal-PSAP huma wkoll kompatibbli kemm mas-sistemi ta' interazzjoni mal-infrastruttura kif ukoll mas-sistemi intelliġenti abbord il-vetturi. (bħal pereżempju barrieri ta' protezzjoni intelliġenti li jibagħtu twissija dwar il-possibbiltà ta' inċident, sistemi intelliġenti tal-veloċità abbord il-vetturi, eċċ.);

    Servizzi privati ta’ telefonati ta’ emerġenza

    29.

    Jikkunsidra li servizz pubbliku tal-eCall madwar l-UE jista’ jikkoeżisti ma’ servizzi privati ta’ telefonati ta’ emerġenza, bil-kundizzjoni li l-istandards ta’ prestazzjoni kollha huma sodisfatti, kemm mis-servizzi privati kif ukoll minn dawk pubbliċi – irrelevanti jekk xerrej tal-vettura jiddeċiedi favur soluzzjoni privata – il-vetturi kollha huma mgħammra bis-servizz pubbliku tal-eCall sabiex tiġi żgurata kontinwità tas-servizz fl-Istati Membri kollha, tul il-ħajja tal-vettura;

    30.

    Jenfasizza li s-sistema tal-eCall trid tkun faċli biex tintuża, u jenfasizza li l-konsumaturi għandhom jiġu offruti ħarsa ġenerali realistika tas-sistema, kif ukoll informazzjoni komprensiva u affidabbli dwar il-funzjonalitajiet jew servizzi addizzjonali marbuta mal-applikazzjonijiet offruti fil-vettura għall-emerġenza jew it-telefonati ta' assistenza, u rigward il-livell ta' servizz mistenni max-xiri ta' tali applikazzjonijiet u spejjeż assoċjati;

    31.

    Jitlob li meta konsumatur li juża servizz privat tat-telefonati ta' emerġenza jagħżel li ma jużax dak is-servizz, jew ikun qed jivvjaġġa f’pajjiż fejn dak is-servizz mhux offrut, is-servizz pubbliku tal-eCall ibbażat fuq il-112 għandu jkun awtomatikament disponibbli;

    32.

    Jikkunsidra li l-fornituri privati tas-servizz tal-eCall għandhom ukoll il-possibbiltà li jemigraw lejn is-servizz tal-eCall tal-UE kollha fi kwalunkwe ħin filwaqt li jkomplu jipprovdu servizzi oħra ta' telefonati;

    33.

    Jistieden lill-intrapriżi Ewropej sabiex jinvolvu ruħhom fl-iżvilupp tal-applikazzjonijiet, is-servizzi u l-infrastruttura tas-sistema tal-eCall neċessarji, sabiex tiġi stimulata l-innovazzjoni madwar l-UE;

    Protezzjoni tad-Data

    34.

    Jisħaq fuq il-fatt li s-sistema pubblika tal-eCall m'għandha taħt l-ebda ċirkustanza tippermetti li jiġi traċċat il-vjaġġ tal-vettura, li tfisser li trid tibqa' sistema inattiva sakemm tagħti bidu għal telefonata ta' emerġenza, b'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Artikolu 29 tal-Grupp ta' Ħidma dwar il-Protezzjoni tad-Data; ifakkar li s-servizz eCall għandu l-għanijiet prijoritarji li titjieb il-ġestjoni ta’ inċidenti, u li d-data pprovduta mis-servizz eCall ma tista’ tintuża bl-ebda mod biex jiġu sorveljati u studjati l-movimenti ta’ persuna, jew li tinsab il-pożizzjoni tagħha sakemm din ma tkunx ġiet involuta f’inċident;

    35.

    Jenfasizza li regoli xierqa, li josservaw it-trasparenza, għandhom jiġu inklużi għall-ipproċessar ta’ data personali relatati mal-eCalls, mhux biss mill-Operaturi ta’ Netwerks Mobbli iżda wkoll mill-atturi l-oħra kollha involuti, li jinkludu l-produtturi tal-vetturi, il-PSAPs u s-servizzi tal-emerġenza sabiex jiġi żgurat ir-rispett għall-prinċipji tal-privatezza u l-protezzjoni ta’ data personali skont id-direttivi 95/46/KE u 2002/58/KE u l-leġiżlazzjoni nazzjonali; jenfasizza li kull leġiżlazzjoni li jmiss għandha tiċċara kemm ir-responsabbiltajiet tal-atturi differenti involuti fl-eCall skont id-Direttiva 95/46/KE kif ukoll il-metodi għall-provvista ta’ informazzjoni lis-suġġetti tad-data u għall-iffaċilitar tal-eżerċizzju tad-drittijiet tagħhom;

    36.

    Jenfasizza li servizzi privati tal-eCall għandhom jirrispettaw il-prinċipji tal-privatezza u tal-protezzjoni tad-data, li jipprevedu b’mod partikolari l-kunsens infurmat u l-possibilità li wieħed jitlaq minn servizz, b’konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Artikolu 29 tal-Grupp ta’ Ħidma; jenfasizza li l-kunsens infurmat tal-konsumaturi għandu jkun ibbażat fuq l-informazzjoni sħiħa dwar l-ammont ta’ data miġbura u l-għan li għalih tkun inġabret, u li l-konsumaturi għandhom ikunu kapaċi jirtiraw f'kwalunkwe ħin il-kunsens tagħhom;

    37.

    Jenfasizza li s-sid jew il-kerrej tal-vettura għandu jiddeċiedi, bħala konsumatur infurmat, min ikollu aċċess għad-data tiegħu rigward is-servizzi privati tal-eCall irreġistrati mal-vettura;

    Oqsma oħra relatati

    38.

    Jenfasizza li s-sistema tal-eCall tutilizza komponenti tekniċi (kapaċitajiet tal-ippożizzjonar, ipproċessar u komunikazzjoni bis-satellita) li jistgħu jipprovdu wkoll il-bażi għal diversi applikazzjonijiet u servizzi oħra mmuntati ġewwa l-vettura;

    39.

    Jikkunsidra li, sabiex tiġi żgurata għażla miftuħa għall-klijenti, is-sistema tal-eCall mgħammra fil-vettura trid tkun aċċessibbli mingħajr ħlas u mingħajr diskriminazzjoni għall-partijiet interessati kollha bħall-fornituri tal-prodotti u s-servizzi tas-suq ta’ wara l-bejgħ, il-fornituri tal-apparat, il-ħwienet tat-tiswija, il-fornituri tas-servizzi indipendenti, l-assistenza fit-triq u servizzi relatati; jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li s-sistema tal-eCall hija bbażata fuq pjattaforma interoperabbli u b’aċċess miftuħ għal applikazzjonijiet jew servizzi futuri possibbli fil-vettura sabiex tinkuraġġixxi l-innovazzjoni u tingħata spinta lill-kompetittività tal-industrija Ewropea tat-teknoloġija tal-informatika fis-swieq globali; jenfasizza li kwalunkwe applikazzjoni u servizz bħal dawn għandhom jibqgħu mhux obbligatorji;

    40.

    Jikkunsidra li l-għażla miftuħa għall-klijenti u l-aċċess miftuħ għall-fornituri tas-servizzi għandhom isiru parti mill-kriterji tal-manifatturi tal-apparat oriġinali (OEM) għad-disinn tal-pjattaforma mgħammra fil-vetturi u li l-interfaċċji relatati mgħammra fil-vetturi għandhom ikunu standardizzati sabiex jippermettu l-kompetizzjoni ġusta u sabiex tiġi mħeġġa l-innovazzjoni fis-suq Ewropew tat-telematika;

    41.

    Jenfasizza li kull servizz addizzjonali li se jintuża fil-vettura – b’mod speċjali waqt is-sewqan – irid ikun konformi ma’ standards ċari ta’ sikurezza, sigurtà u protezzjoni ta’ data, u li konformità ma’ standards bħal dawn għandha tkun imkejla u kkontrollata;

    42.

    Ifakkar li s-Servizz Overlay tan-Navigazzjoni Ġeostazzjonarja Ewropea (EGNOS) u l-Galileo jistgħu jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għall-ġestjoni tat-traffiku tat-triq u l-interventi ta’ emerġenza, u dan jeħtieġ kampanja ta’ informazzjoni sabiex jiġi promoss użu usa’ tal-opportunitajiet li din is-sistema toffri fir-rigward tal-applikazzjoni tal-eCall;

    43.

    Iqis li l-Istati Membri għandhom jippermettu l-istabbiliment ta' sistemi ta' filtru tal-eCall għall-PSAPs li jippermettu l-identifikazzjoni mgħaġġla tat-telefonati urġenti, b'hekk iċ-ċentri tat-telefonati jiġu evitati milli jkollhom piż żejjed filwaqt li tiżdied l-effiċjenza tas-servizzi ta' emerġenza; iqis li tali sforzi għandhom ikunu appoġġati mill-Kummissjoni;

    44.

    Jistieden lill-Istati Membri, b’kooperazzjoni mal-Kummissjoni, biex jistabbilixxu u jużaw programmi pilota nazzjonali biex jimplimentaw is-sistema awtomatika ta’ rispons f’emerġenza fil-vettura (eCall) sabiex jidentifikaw il-problemi possibbli u jwittu t-triq għall-implimentazzjoni obbligatorja tas-sistema fl-Istati Membri kollha fl-2015;

    45.

    Jitlob li interfaċċja standard tal-eCall, l-hekk imsejħa “buttuna tal-eCall”, li tkun identifikabbli wkoll għal persuni b’diżabbiltajiet, tiddaħħal fil-vetturi kollha sabiex jiġu evitati n-nuqqas ta’ fehim u l-possibbiltà ta’ użu ħażin tas-sistema; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Organizzazzjonijiet Ewropej tal-Istandardizzazzjoni biex jipproponu standard armonizzat għal dan il-mekkaniżmu ta’ attivazzjoni;

    46.

    Jistieden lill-Kummissjoni biex tevalwa l-impatt possibbli tal-eCall fuq l-infiq tas-sistemi pubbliċi tas-saħħa; f'dan ir-rigward, jistieden lill-Istati Membri biex jaqblu dwar definizzjoni armonizzata ta' korriment serju;

    47.

    Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex iżidu l-attivitajiet tagħhom fir-rigward tal-għoti ta' informazzjoni prattika estensiva permezz ta' żvilupp ta' strateġija ta' komunikazzjoni mmirata u b'ambitu wiesa', u jimplimentaw kampanji kkoordinati li jqajmu l-kuxjenza rigward is-sistema tal-eCall u l-benefiċċji tagħha, l-użu tagħha u l-funzjonalitajiet tagħha, ukoll f'termini ta' sikurezza għaċ-ċittadini tal-UE, bl-għanijiet li jiżdiedu kemm il-fehim pubbliku ta' tali servizzi kif ukoll id-domanda tagħha għalihom, u li jimminimizzaw ir-riskju li dawn is-servizzi jintużaw jew jinftiehmu b'mod ħażin;

    48.

    Jirrakkomanda li l-Kummissjoni tieħu ħsieb li s-servizz tal-eCall ikun interoperabbli ma’ servizzi ta’ emerġenza simili oħra mgħammra fil-vettura promossi fir-reġjuni ġirien, bħas-servizz ERA-GLONASS;

    *

    * *

    49.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Istati Membri.


    (1)  ĠU L 303, 22.11.2011, p. 46.

    (2)  ĠU L 207, 6.8.2010, p. 1.

    (3)  ĠU L 108, 24.4.2002, p. 51.

    (4)  Test adottati P7_TA(2011)0453.

    (5)  Test adottati P7_TA(2011)0408.

    (6)  Test adottati P7_TA(2011)0519.

    (7)  ĠU C 351E, 2.12.2011, p. 13.

    (8)  Testi adottati, P7_TA(2011)0306.

    (9)  ĠU C 184 E, 8.7.2010, p. 50.

    (10)  ĠU C 286 E, 27.11.2009, p. 45.

    (11)  ĠU C 244 E, 18.10.2007, p. 220.

    (12)  ĠU C 296 E, 6.12.2006, p. 268.

    (13)  ĠU C 227 E, 21.9.2006, p. 609.


    In alto