This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52012IE1587
Opinion of the European Economic and Social Committee on ‘What changes for Europe’s banking sector with the new financial rules?’ (own-initiative opinion)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “X’ser jinbidel għas-settur bankarju Ewropew bir-regoli finanzjarji l-ġodda?” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “X’ser jinbidel għas-settur bankarju Ewropew bir-regoli finanzjarji l-ġodda?” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)
ĠU C 299, 4.10.2012, p. 6–11
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
4.10.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 299/6 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “X’ser jinbidel għas-settur bankarju Ewropew bir-regoli finanzjarji l-ġodda?” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)
2012/C 299/02
Relatur: is-Sinjura NIETYKSZA
Korelatur: is-Sur GENDRE
Nhar l-14 ta’ Lulju 2011, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, iddeċieda li jfassal opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar is-suġġett
X’ser jinbidel għas-settur bankarju Ewropew bir-regoli finanzjarji l-ġodda?
Il-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-11 ta’ Ġunju 2012.
Matul l-482 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-11 u t-12 ta’ Lulju 2012 (seduta tat-12 ta’ Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’135 vot favur, 2 voti kontra u 5 astensjonijiet.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 |
L-għan prinċipali tas-settur bankarju, li jirrappreżenta medja ta’ 5 % tal-PDG tal-UE, għandu jkun il-finanzjament tal-ekonomija reali – b’enfasi partikolari fuq l-intrapriżi Ewropej innovattivi u t-tkabbir tal-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju, li jixprunaw l-ekonomija Ewropea – u l-protezzjoni tat-tfaddil tad-depożituri. |
1.2 |
Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-isforzi tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Istati Membri biex isaħħu s-settur bankarju u jevitaw kriżijiet finanzjarji ġodda permezz tat-tnaqqis tar-riskji u l-mitigazzjoni tal-effetti tagħhom. |
1.3 |
Il-KESE huwa tal-fehma li jeħtieġ li nitgħallmu mill-kriżijiet ekonomiċi u finanzjarji reċenti u nadottaw approċċ ġdid għal superviżjoni iżjed effettiva min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali, Ewropej u internazzjonali, u responsabbiltà msaħħa min-naħa tal-istabbilimenti finanzjarji. |
1.4 |
Il-KESE jappoġġja l-miżuri li għandhom l-għan li jsaħħu l-istruttura tal-kapital tal-banek u l-kapaċità tagħhom li jiffinanzjaw l-ekonomija u jwiddeb id-diriġenti tal-banek kontra t-tentazzjoni li jfittxu li jagħmlu qligħ fuq perjodu qasir ħafna ta’ żmien u l-attivitajiet spekulattivi li jiddestabilizzaw is-swieq. Ir-responsabbiltà tad-diriġenti tal-banek, tas-superviżuri fil-livell nazzjonali u Ewropew u fi ħdan il-banek għandha tkun definita b’mod ċar u aħjar, bil-għan li tiġi promossa mġiba etika abbażi ta’ regoli trasparenti. |
1.5 |
Il-KESE jiġbed l-attenzjoni fuq id-diffikultajiet ikkawżati mill-akkumulazzjoni ta’ miżuri regolatorji u fuq l-isfidi li jiffaċċjaw it-8 000 bank Ewropew biex jiffinanzjaw l-ekonomija f’kuntest ekonomiku diffiċli fl-Ewropa fil-konfront tal-kriżi tad-dejn, li l-iskala u l-konsegwenzi tagħha għadhom mhumiex ikkontrollati. |
1.6 |
Il-banek Ewropej qed jiffaċċjaw il-kompetizzjoni iżjed ħarxa tal-banek tal-pajjiżi terzi, li mhumiex soġġetti fil-pajjiż tagħhom għall-istess restrizzjonijiet leġislattivi u regolatorji li hemm fl-Ewropa. |
1.7 |
Il-miżuri maħsuba biex isaħħu l-istruttura tal-kapital jipprevedu aktar kapital u ta’ kwalità aħjar, kopertura aħjar tar-riskji, l-introduzzjoni ta’ proporzjon ta’ ingranaġġ (leverage ratio) u approċċ ġdid fil-konfront tal-likwidità. Huwa possibbli li dawn il-miżuri jkollhom impatt fuq il-karta tal-bilanċ tal-banek, u jistgħu jwasslu biex il-qligħ tagħhom jitnaqqas b’mod sostanzjali. |
1.8 |
Għalhekk, il-banek għandhom it-tendenza jnaqqsu d-daqs tagħhom biex isiru iżjed sodi, jorjentaw ruħhom lejn l-attivitajiet li jrendu l-iżjed, kif ukoll jillimitaw l-offerta ta’ servizzi finanzjarji sabiex ikollhom aktar kontroll fuq l-espożizzjoni tagħhom għar-riskji. Xi wħud qed jitkellmu favur il-bżonn li l-banek jerġgħu lura għall-kompiti oriġinali: jilqgħu d-depożiti tal-klijenti tagħhom, jipproteġu lil dawk li jfaddlu u jiffinanzjaw l-ekonomija reali. |
1.9 |
Il-KESE huwa tal-fehma li jkun tajjeb li jkun hemm ritorn gradwali għas-separazzjoni tal-attivitajiet tal-banek kummerċjali u dawk tal-banek ta’ finanzjament u investiment. Il-kriżi dinjija attwali turi li sistema finanzjarja globalizzata msejsa fuq liberalizzazzjoni illimitata ġġib magħha l-periklu li jintilef il-kontroll minħabba l-użu ħażin li jagħmlu s-swieq minn din il-libertà:
|
1.10 |
L-obbligi ġodda fil-qasam tal-kapital, b’mod partikolari l-fatt li r-rata tal-kapital ta’ kwalità tajba ħafna ser tiżdied għal 9 % fit-30 ta’ Ġunju 2012 għal 60 bank ta’ natura sistemika, u bejn l-2015 u l-aħħar tal-2018 għall-banek l-oħrajn, jista’ jkollhom konsegwenzi disastrużi għall-banek lokali u l-banek kooperattivi, li ġeneralment jakkomodaw iżjed il-ħtiġijiet tal-SMEs u l-mikrointrapriżi. Ir-rekwiżiti kapitali m’għandhomx jiddiskriminaw kontra kwalunkwe grupp partikolari ta’ banek. |
1.11 |
Jekk il-banek jiffaċċjaw diffikultajiet biex jimmobilizzaw dan il-kapital, ikun iżjed diffiċli għall-SMEs li jaċċessaw il-finanzjament meħtieġ. Għandhom jiġi evitati t-trażżin tal-kreditu u żieda fl-ispejjeż bankarji. Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni, lill-Awtorità Bankarja Ewropea u lill-awtoritajiet superviżorji nazzjonali sabiex jiggarantixxu li r-riżervi ta’ kapital (capital buffers) tal-banek iż-żgħar ikunu adattati għall-mudell ekonomiku tagħhom. |
1.12 |
Ir-rekwiżiti prudenzjali diġà qed iwasslu għal kreditu iżjed ristrett u ogħla għall-intrapriżi ż-żgħar, fosthom l-istart-ups, l-intrapriżi innovattivi u dawk li huma iżjed riskjużi. L-Ewropa ma tistax tilħaq l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020, tal-Aġenda Diġitali, il-Cloud Active Europe, il-Pjan Direzzjonali għall-Enerġija 2050 u s-Small Business Act jekk, wara l-applikazzjoni tal-miżuri prudenzjali l-ġodda, titnaqqas il-parti tal-fondi maħsuba għall-intrapriżi ta’daqs medju. Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni ssegwi mill-qrib ħafna l-evoluzzjoni tal-kreditu u tal-ispejjeż bankarji għall-intrapriżi u l-individwi. |
1.13 |
Il-miżuri li għandhom l-għan li s-superviżjoni tas-swieq mill-awtoritajiet nazzjonali, Ewropej u internazzjonali tkun iżjed effettiva ser ikollhom konsegwenzi profondi fuq l-organizzazzjoni tal-banek u s-superviżjoni interna. Dan ser iwassal għal żieda fir-responsabbiltà għall-maniġment, l-obbligu li jiġi vvalutat b’iżjed reqqa r-redditu tal-kapital u li jiġu ġestiti aħjar ir-riskji. Il-banek ikollhom iħejju l-previżjonijiet ta’ bejgħ u l-istrateġiji ta’ żvilupp tagħhom tal-prodotti u l-portafolli bankarji, mhux biss mill-perspettiva tar-redditu, iżda wkoll billi jivvalutaw il-kapaċità li jiġi assorbit il-kapital. Dan ifisser ristrutturar orjentat lejn iż-żieda fl-importanza u fin-numru ta’ impjegati tad-dipartimenti tal-IT, l-awditjar u l-ġestjoni tar-riskji, għad-detriment ta’ setturi oħra iżjed tradizzjonali. |
1.14 |
Il-banek fl-UE jimpjegaw ’il fuq minn 3 miljun impjegat, li l-biċċa l-kbira tagħhom jaħdmu fl-operazzjonijiet bankarji għall-konsumatur (retail banking). Sa mill-bidu tal-2011, kien hemm tnaqqis ta’ ’l fuq minn 150 000 impjieg u għalqu bosta fergħat. Diversi previżjonijiet qed iħabbru li fl-2012 ser jintilfu 100 000 impjieg ieħor. Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni tippromovi t-titjib tad-djalogu soċjali settorjali u tiżviluppa l-konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali dwar l-inizjattivi li għandhom impatt fuq l-iżvilupp tal-professjoni. |
1.15 |
Meta jiġu implimentati r-regoli l-ġodda, il-KESE jixtieq li jiġu kkunsidrati s-sitwazzjonijiet differenti tal-Istati Membri, u b’mod partikolari l-Istati Membri l-ġodda li s-swieq tal-kreditu tagħhom għadhom lura milli jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom u li l-biċċa l-kbira tal-banek tagħhom huma l-proprjetà ta’ gruppi bankarji ewlenin Ewropej u dinjin. Biex itejbu l-karti tal-bilanċ tagħhom u jissodisfaw l-obbligi l-ġodda, dawn il-gruppi jistgħu jitħajru jittrasferixxu fondi mis-sussidjarji tagħhom u jillimitaw l-investiment tagħhom, u b’hekk jitnaqqas konsiderevolment il-finanzjament tal-ekonomija ta’ dawn il-pajjiżi. F’dan ir-rigward, il-Kumitat ifakkar fl-impenn li ttieħed abbażi tal-inizjattiva ta’ Vjenna biex ma jkunx hemm assorbiment ta’ likwidità. Huwa neċessarju li jiġu protetti ċerti mudelli oriġinali bħall-banek kooperattivi fil-Ġermanja u l-Polonja. Dan is-settur jgħodd ’il fuq minn 300 bank fil-Polonja waħidha u r-riforma radikali tiegħu li jimplikaw ir-regoli l-ġodda ma tistax isseħħ mingħajr perjodu ta’ tranżizzjoni. |
1.16 |
Biex jiġi appoġġjat il-proċess ta’ armonizzazzjoni, iridu jissaħħu l-kompetenzi tal-Aworità Bankarja Ewropea. Is-suq tal-kreditu jvarja minn Stat Membru għal ieħor. Il-KESE jfakkar li l-libertà tal-moviment tal-kapital hija żgurata fil-livell Ewropew filwaqt li s-sigurtà tad-depożiti u s-solvenza tal-banek huma r-responsabbiltà tal-awtoritajiet nazzjonali. Fil-pajjizi fejn il-kreditu mhuwiex żviluppat biżżejjed, jekk jgħaġġlu wisq biex ilaħħqu mal-livelli tad-dejn tista’ tinħoloq bużżieqa spekulattiva. Jekk ir-regoli prudenzjali jiġu implimentati b’mod uniformi fil-livell Ewropew, l-awtoritajiet nazzjonali ma jkunux jistgħu jintervjenu fil-ħin. Madankollu, ta’ min tiġi kkunsidrata l-proposta li tressqet minn diversi persuni responsabbli Ewropej li tinħoloq unjoni bankarja bil-għan li f’dan il-livell tiġi stabbilita superviżjoni tal-banek sistemiċi u garanzija tad-depożiti f’każ ta’ falliment. |
1.17 |
Fil-livell dinji, il-banek Ewropej jinsabu fil-periklu li jsiru anqas kompetittivi meta mqabblin mal-kompetitturi tagħhom. Għall-banek li joħolqu kapital addizzjonali, il-biċċa l-kbira tal-kapital hija f’fondi sovrani u f’banek Asjatiċi u tal-Lvant Nofsani. Hemm il-periklu reali li s-sjieda tas-sistema bankarja Ewropea ma tibqax taħt il-kontroll tal-Istati Membri tal-UE. Għal din ir-raġuni, il-KESE jitlob lill-awtoritajiet Ewropej isaħħu l-isforzi tagħhom biex l-istess regoli prudenzjali jiġu applikati fil-livell internazzjonali, bil-għan li naslu għal regolamentazzjoni tassew dinjija. |
1.18 |
It-teknoloġiji l-ġodda tal-informazzjoni – il-banek onlajn, il-home banking, it-tranżazzjonijiet virtwali siguri (firem elettroniċi) u l-cloud computing attwalment qed jirrivoluzzjonaw is-servizzi bankarji tradizzjonali. Il-banek ser ikollhom il-kompitu diffiċli li jiffinanzjaw l-ekonomija reali filwaqt li ser ikollhom jiffaċċjaw mhux biżż spejjeż ogħla ta’ finanzjament wara li jiġu introdotti teknoloġiji ġodda, iżda wkoll tnaqqis fil-qligħ. Il-KESE huwa tal-fehma li jkun tajjeb li l-atturi kollha tas-settur bankarju jiġu akkumpanjati u appoġġjati matul dan it-tibdil profond. |
2. Introduzzjoni
2.1 |
Il-kriżi finanzjarja u l-konsegwenzi tagħha fuq l-ekonomija wasslu lill-gvernijiet u lill-awtoritajiet finanzjarji biex jirriflettu dwar l-għeruq profondi tal-kollass ta’ sistema li kienet tidher soda, regolamentata tajjeb u kkontrollata b’mod effikaċi. |
2.2 |
L-ewwel miżuri ta’ natura finanzjarja u monetarja (tnaqqis sostanzjali fir-rati ta’ bażi, likwidità, għajnuna mill-Istat) ittieħdu b’mod urġenti. Dawk fuq perjodu itwal ta’ żmien kellhom l-għan li jsaħħu l-istruttura tas-swieq u li jevitaw kriżijiet futuri sistemiċi, u għalhekk huma ta’ natura regolamentari, prudenzjali jew fiskali. L-organizzazzjonijiet ta’ natura sopranazzjonali – FMI, G20, BĦI (Bank għall-Ħlasijiet Nazzjonali), il-Kummissjoni – adottaw attitudni miftuħa għall-kooperazzjoni reċiproka, iżda b’diverġenzi ta’ fehmiet. |
2.3 |
Mill-kriżi tal-2008 ’l hawn, ’il fuq minn 50 miżura leġislattiva ġew adottati mill-UE. 99 % tar-riformi kellhom jiġu adottati sal-aħħar tal-2001, biex jidħlu fis-seħħ fl-2013, bl-eċċezzjoni tal-kwota tal-kapital tal-Grad 1, li għandha tiġi rispettata mit-30 ta’ Ġunju 2012 ’l quddiem mill-banek ikkunsidrati bħala sistemiċi. Għall-oħrajn, id-dħul fis-seħħ huwa previst bejn l-2015 u l-2018. |
2.4 |
It-tielet Ftehim ta’ Basel, ippubblikat f’Novembru 2010, jesiġi li l-banek ikollhom livell ogħla ta’ kapital u ta’ kwalità aħjar sabiex jirreżistu għal kriżijiet futuri, u b’mod partikolari:
Basel III jintroduċi proporzjon minimu ta’ ingranaġġ ta’ 3 % u żewġ proporzjonijiet obbligatorji ta’ likwidità: il-proporzjon ta’ likwidità fuq perjodu qasir, li jesiġi li l-banek ikollhom biżżejjed assi likwidi ta’ kwalità għolja biex ikopru l-ħtiġijiet tagħhom fil-qasam tal-likwidità matul perjodu ta’ 30 jum; u l-proporzjon ta’ likwidità fuq perjodu twil li jammonta għal somma minima ta’ fondi stabbli li jeċċedu l-bżonnijiet ta’ likwidità għal perjodu ta’ sena. |
2.4.1 |
Il-Kummissjoni Ewropea ressqet il-proposti tagħha għat-traspożizzjoni ta’ Basel III f’DRK IV (Direttiva dwar ir-Rekwiżiti ta’ Kapital) f’Lulju 2011, bil-għan li ssaħħaħ is-settur bankarju Ewropew filwaqt li tkompli tiffinanzja t-tkabbir tal-ekonomija. Madankollu, il-Kummissjoni ma ħadet l-ebda miżura konkreta biex tħeġġeġ il-kreditu. |
2.5 |
L-għan huwa li l-banek jitħeġġu jkollhom iżjed kapital sabiex jirreżistu għall-kriżijiet u li jiġi propost qafas ġdid li jagħmilha possibbli li l-awtoritajiet superviżorji jissorveljaw lill-banek u jintervjenu meta jindunaw bir-riskji. |
2.6 |
DRK IV tkopri l-oqsma rregolati mid-Direttiva fis-seħħ dwar ir-rekwiżiti ta’ kapital iżda għandha tiġi trasposta mill-Istati Membri b’mod li jkun adattat għal kull Stat Membru. |
2.7 |
Minkejja d-dewmien u n-nuqqasijiet tar-regoli adottati, il-progress lejn regolamentazzjoni ġdida huwa reali, iżda għad fadal xi mistoqsijiet:
|
3. Sitwazzjoni finanzjarja u ekonomika ħażina
3.1 |
Bħalissa, il-banek fl-Ewropa qed ikollhom jiffaċċjaw tibdil regolatorju u ekonomiku għal għarrieda ħafna, li qed iqajjem tħassib dwar kemm jistgħu jaqdu r-rwol tagħhom li jiffinanzjaw l-ekonomija f’sitwazzjoni ekonomika ħażina minħabba l-kriżi tad-dejn, u li qed tolqot iż-żona tal-euro b’mod partikolari. |
3.2 |
Permezz tal-implimentazzjoni tal-miżuri tal-Kumitat ta’ Basel (Basel III), il-banek huma obbligati jsaħħu l-kapital tagħhom, jirrispettaw il-kwoti – għoljin ħafna u fit-tul – ta’ likwidità ta’ finanzjament nett stabbli, u joħolqu l-fondi prudenzjali. |
3.3 |
It-testijiet ta’ reżistenza li kellhom jagħmlu, f’żewġ fażijiet, ma neħħewx id-dubji dwar l-impatt li jkollha l-inadempjenza ta’ Stat Membru wieħed jew iżjed miż-żona tal-euro. |
3.4 |
Fil-komunità finanzjarja internazzjonali nħolqot atmosfera ta’ sfiduċja, li ġġenerat problemi ta’ likwidità fis-suq interbankarju u wasslet lill-banek biex jorjentaw ruħhom lejn l-iżjed investiment sigur. |
3.5 |
F’dan il-kuntest, il-BĊE intervjena darbtejn u offra total ta’ EUR 1 000 biljun f’self mifrux fuq tliet snin lis-settur bankarju b’rata ta’ 1 %. Din il-faċilità kienet kruċjali biex trodd lura l-fiduċja fis-suq interbankarju u żżomm il-volum tal-kreditu fl-ekonomija. Madankollu, parti sostanzjali ħafna ta’dawn il-fondi ġiet iddepożitata mill-ġdid fil-BĊE, u parti oħra ntużat biex jinxtara dejn pubbliku. Il-KESE huwa tal-fehma li l-BĊE għandu joħloq mekkaniżmu li jkejjel l-użu ta’dawn il-fondi. |
3.6 |
Hija iżjed u iżjed urġenti l-ħtieġa li jiġu rikapitalizzati l-banek, li l-Awtorità Bankarja Ewropea tistma ’l fuq minn EUR 100 biljun. |
3.7 |
L-għoti ta’ kreditu lill-intrapriżi, b’mod partikolari l-SMEs, lilll-awtoritajiet, u lill-individwi, qed isir dejjem iżjed rigoruż. Barra minn hekk, ir-riskji assoċjati qed jiġu eżaminati bir-reqqa mill-banek, u dan qed iżid l-ispejjeż ta’ dan il-finanzjament. Fl-istess ħin, qed tkun iżjed diffiċli s-soluzzjoni alternattiva li l-finanzjament tal-intrapriżi jsir mis-swieq finanzjarji. Din is-sitwazzjoni, flimkien mal-politiki ta’ awsterità, wasslet għal previżjonijiet ta’ tkabbir dgħajjef jew saħansitra “tkabbir żero”, ħlief għal għadd żgħir ħafna ta’ eċċezzjonijiet fis-sena 2012 fl-Unjoni Ewropea kollha. |
4. Superviżjoni u regolamentazzjoni tas-settur bankarju
4.1 |
F’dan il-kuntest, jeħtieġ li nfakkru l-kriżi tas-subprimes. L-awtoritajiet superviżorji messhom taw kas is-sinjali ta’ twissija li kienet se tfaqqa’ krizi tas-subprimes. Ħadd ma xeħet dubju fuq is-solidità ta’ investiment li kien irendi qligħ tajjeb lill-banek u l-klijenti tagħhom. Safrattant, il-Federal Deposit Insurance Corporation (FDIC – korp federali Amerikan li jiggarantixxi d-depożiti bankarji) kien wissa kontra dawn il-prodotti. Iżda r-Riżerva Federali ma ħadet l-ebda azzjoni bejn l-2002 u 2006.Il-falliment tal-Lehman Brothers seta’ ġie evitat li kieku l-awtoritajiet superviżorji ndunaw fil-ħin bil-problemi serji ta’ likwidità li kellha din l-istituzzjoni.Il-periklu assoċjat ma’ kreditu ipotekarju pprovdut b’rata ta’ 100 % tal-valur tal-proprjetà u mibjugħ f’“pakketti” minn intermedjarji finanzjarji ma kien taħt l-ebda kontroll. |
4.2 |
Biex jiġu evitati kriżijiet ġodda, jeħtieġ li jiġu introdotti miżuri li jagħtu responsabbiltà personali lid-diriġenti tal-istituzzjonijiet finanzjarji għan-nuqqas ta’ superviżjoni adatta. |
4.3 |
Filwaqt li huwa minnu li l-kriżi bdiet minħabba prodotti kumplessi żżejjed, imsejħa tossiċi, huwa minnu wkoll li l-awtoritajiet superviżorji setgħu ipprojbixxew il-ħolqien, jew iċ-ċirkulazzjoni, tagħhom fuq il-bażi tar-regoli eżistenti. Ir-regoli l-ġodda fis-seħħ bħalissa ma jistgħux jiggarantixxu ċertezza assoluta li tiġi evitata kriżi ġdida fil-futur jekk l-awtoritajiet superviżorji ma jkollhomx il-mezzi adegwati biex jaqdu l-missjoni tagħhom u jekk il-kontrolli interni jibqgħu ineffikaċi. Jeħtieġ li titwaqqaf sistema għall-ġestjoni tar-riskji u għall-valutazzjoni tal-fallimenti, bħal fil-każ tal-Islanda. |
4.4 |
Fid-dawl tal-liberalizzazzjoni tas-swieq finanzjarji, il-gvernijiet għandhom jirrispettaw l-impenji tagħhom fil-qasam tal-kooperazzjoni fil-livell dinji biex jevitaw li jkun hemm żoni b’regolamentazzjoni differenti. |
4.5 |
Regolamentazzjoni ġdida għandha tissejjes fuq dawn il-prinċipji:
|
4.6 |
L-attivitajiet tal-awtoritajiet superviżorji għandhom jiġu vvalutati b’mod regolari minn korp indipendenti magħmul minn esperti li ma jkunx baqagħlhom aktar responsabbiltajiet professjonali fis-settur finanzjarju. Din il-valutazzjoni għandha tisħaq l-iżjed fuq l-impatt tad-deċiżjonijiet tagħhom fuq il-ġestjoni tal-banek. |
5. X’ser jinbidel għas-settur bankarju Ewropew?
5.1 |
Attwalment, il-banek jinsabu taħt pressjoni kbira għax iridu jiddefinixxu mill-ġdid il-mudell ta’ negozju tagħhom wara r-regoli l-ġodda. It-taħlita tar-regoli u ta’ sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja diffiċli kellha dawn il-konsegwenzi:
|
5.2 |
Dan kollu jfisser:
|
5.3 |
Ir-regoli l-ġodda ma jiddistingwux bejn il-banek il-kbar u l-banek iż-żgħar, u jistgħu ma jkunux adatti f’ċerti pajjiżi, pereżempju fl-Istati Membri l-ġodda tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, li għandhom rata għolja ta’ tkabbir.
|
5.4 |
Is-suq tal-kreditu jvarja minn Stat Membru għal ieħor. Fil-pajjizi fejn il-kreditu mhuwiex żviluppat biżżejjed, jekk jgħaġġlu wisq biex ilaħħqu mal-livelli tad-dejn tista’ tinħoloq bużżieqa spekulattiva. Jekk ir-regoli prudenzjali jiġu applikati fil-livell Ewropew, l-awtoritajiet nazzjonali ma jkunux jistgħu jintervjenu malajr biżżejjed. Jeħtieġ li jissaħħu l-kompetenzi tal-Awtorità Bankarja Ewropea biex jiġi appoġġjat il-proċess tal-armonizzazzjoni. |
5.5 |
Jeħtieġ li jiġu kkunsidrati ċerti mudelli oriġinali, bħall-banek kooperattivi li jiffunzjonaw b’mod sod u awtonomu. Ir-riforma li jimplikaw ir-regoli l-ġodda ma tistax isseħħ mingħajr perjodu ta’ tranżizzjoni. Il-banek kooperattivi huma komponent essenzjali tal-iżvilupp lokali u jaġixxu fl-interess tal-membri tagħhom, li huma fl-istess ħin id-depożitaturi u dawk li jissellfu: l-SMEs, il-bdiewa, il-muniċipalitajiet u bosta atturi lokali oħra. |
5.6 |
Il-banek ewlenin ifittxu investiment b’riskju baxx u li jrendi iżjed qligħ; hemm ukoll il-biża’ ta’ fiskalità iżjed iebsa u telf fuq id-dejn sovran ta’ ċerti obbligazzjonijiet. |
5.7 |
Probabbilment, il-proċess ta’ konsolidazzjoni ser jiżdied: il-banek tat-tfaddil u l-banek kooperattivi jistgħu jiddependu minn sorsi ta’ finanzjament “awtonomi”, iżda l-banek li jistgħu jirrikorru għas-suq biex jerġgħu jiffinanzjaw ruħhom ser jiġu mġiegħla jagħmlu fużjoni bejniethom b’konsegwenzi ħżiena għall-SMEs u l-konsumaturi. Uħud mill-banek inxtraw u nbiegħu mill-ġdid wara li żżarma n-netwerk lokali jew reġjonali tagħhom. Il-konċentrazzjoni bankarja fil-livell nazzjonali kienet b’saħħitha fis-setturi tal-kooperattivi u s-setturi tal-mutwi, u fil-banek tat-tfaddil. |
5.8 |
Qligħ iżjed baxx għall-banek, fost raġunijiet oħra minħabba spejjeż ogħla ta’ finanzjament, u l-prinċipji iżjed ristrettivi li jirregolaw il-ġestjoni tal-likwidità jistgħu jwasslu għal żieda fl-ispejjeż bankarji u fir-rati tal-imgħax fuq id-depożiti ta’ żmien fiss u fuq il-kontijiet individwali tal-klijenti. |
5.9 |
Fil-kuntest tar-regoli l-ġodda, il-banek qed iħaffu r-ristrutturazzjoni tagħhom u l-użu ta’ teknoloġiji ġodda (banek onlajn, counters virtwali, smartphones).
|
5.10 |
L-iżvilupp tal-mezzi ta’ distribuzzjoni fl-aħħar nett iwassal għal tnaqqis fin-netwerks tal-fergħat u fl-impjieg. L-applikazzjoni tad-Direttiva DRK IV ser twassal għal żieda fl-impjiegi fid-dipartimenti tal-IT u l-ġestjoni tar-riskju fi ħdan il-banek, għad-detriment ta’ attivitajiet bankarji oħra. Jeħtieġ jiġi żviluppat djalogu soċjali ta’ kwalità tajba fil-livelli kollha dwar il-kwistjonijiet tal-impjieg u t-taħriġ sabiex jiġi ġestit tajjeb it-tibdil li għaddej bħalissa. |
6. L-iżviluppi futuri
6.1 |
Il-Parlament Ewropew adotta l-prinċipju ta’ taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji, u l-Kummissjoni qed tanalizza l-implimentazzjoni ta’ din it-taxxa; na ntlaħaqx kunsens fost l-Istati Membri, u l-attitudni tal-awtoritajiet Amerikani hija negattiva. Ir-rata baxxa rakkomandata m’għandhiex tikkostitwixxi piż sproporzjonat għall-banek jew xi forma ta’ kompetittività difettuża fil-livell dinji. Kif jenfasizzaw żewġ opinjonijiet preċedenti tal-KESE (1), l-għan ta’ din it-taxxa huwa kemm li tipprovdi dħul ġdid mit-taxxi, l-aktar biex tiġi ffinanzjata l-għajnuna għall-iżvilupp, kif ukoll li tibdel l-imġiba tal-banek biex jagħtu prijorità lill-finanzjament tal-ekonomija fuq perjodu medju u twil pjuttost milli l-operazzjonijiet spekulattivi fuq perjodu qasir ħafna. |
6.2 |
Bħalissa qed tiġi analizzata – permezz ta’ studju mitlub mill-Kummissarju Barnier – is-separazzjoni bejn l-attivitajiet bankarji tradizzjonali u dawk tal-banek ta’ finanzjament u investiment, u b’hekk qed jinxteħet dubju fuq il-mudell bankarju universali. Id-dibattitu jiffoka fuq separazzjoni totali, delimitazzjoni tal-attivitajiet bankarji tal-investiment jew il-projbizzjoni li l-banek jidħlu f’investiment f’isimhom stess. Ċerti esperti jikkontestaw din l-idea, u jisħqu li l-banek universali jiżguraw il-profondità u l-likwidità tas-swieq u jipprovdu finanzjament aħjar tal-ekonomija. |
6.3 |
Ix-xenarju tal-iżvilupp tad-dinja finanzjarja u tas-settur bankarju nbidel matul dawn l-aħħar tletin sena: il-ftuħ tas-swieq wassal għall-globalizzazzjoni tal-finanzi, u dan min-naħa tiegħu wassal għall-iżvilupp u l-proliferazzjoni tar-rifuġji fiskali u regolatorji. Iż-żieda fil-kompetizzjoni fil-livell dinji ħeġġet il-ħolqien ta’ istituzzjonijiet finanzjarji ġodda, u prodotti u servizzi ġodda. |
6.4 |
Il-gruppi bankarji l-kbar taw xhieda tad-dgħufijiet u l-limiti ta’ livell ta’ tkabbir li jmur kontra governanza tajba. Ser ikollhom it-tendenza jnaqqsu d-daqs tagħhom biex isiru iżjed sodi, bi fluttwazzjonijiet inqas evidenti, iżjed prevedibbli u mingħajr bonusijiet stravaganti. Ser jikkonċentraw l-attivitajiet tagħhom fuq il-kompitu bażiku tagħhom, jiġifieri dak li jirċievu d-depożiti u jipprovdu l-kreditu, filwaqt li jillimitaw servizzi oħra. Ser jillimitaw ukoll l-espansjoni internazzjonali tagħhom u jiffukaw l-attivitajiet tagħhom fuq is-swieq li jgawdu minn livell ogħla ta’ tkabbir, u dan ser jillimita l-qligħ tagħhom. |
6.5 |
Bis-saħħa tar-regoli l-ġodda, l-għoti ta’ bonusijiet u l-prattiki relatati mar-rimunerazzjoni tal-maniġment ser ikunu soġġetti għal responsabbiltà ikbar u kontrolli iżjed rigorużi. |
6.6 |
Superviżjoni bankarja li tkun estiża għall kull tip ta’ intrapriża finanzjarja tippermetti l-monitoraġġ tal-attivitajiet tal-istituzzjonijiet mhux bankarji (pereżempju, ix-shadow banking). |
6.7 |
Jeħtieġ li jiġu introdotti regoli vinkolanti dwar l-aċċess għall-professjoni bankarja biex ikun jista’ jintgħażel persunal bil-ħiliet meħtieġa biex il-klijenti u l-investituri jkollhom moħħhom mistrieħ. |
6.8 |
Meta jintemmu l-għajnuna mill-Istat u l-għajnuna internazzjonali mogħtija bi tweġiba għall-kriżijiet finanzjarji, is-settur kollu bla dubju ser jevolvi skont il-kundizzjonijiet ekonomiċi u l-iżvilupp ta’ teknoloġiji ġodda, iżda l-iżjed ser jibni fuq l-istrateġiji speċifiċi għal kull intrapriża ġestita tajjeb. Il-banek ser ikollhom il-kompitu diffiċli li jżommu l-kredibbiltà tagħhom bħala entitajiet li jiffinanzjaw l-ekonomija reali filwaqt li jiffaċċjaw spejjeż ta’ finanzjament iżjed għoljin u livell iżjed baxx ta’ qligħ. |
Brussell, 12 ta’ Lulju 2012.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Staffan NILSSON
(1) Opinjoni tal-KESE tad-29 ta’ Marzu 2012 dwar “Il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar sistema komuni ta’ taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2008/7/KE” (ĠU C 181, 21.06.2012, p. 55), u l-Opinjoni tal-KESE tal-15 ta’ Lulju 2010 dwar “Taxxa fuq it-transazzjonijiet finanzjarji”, (opinjoni fuq inizjattiva proprja) (2010) (ĠU C 44, 11.02.2011, p. 81).