Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012DC0765

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Reviżjoni tad-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għall-iffissar ta’ rekwiżiti għall-ekodisinn għal prodotti relatati mal-enerġija (riformulazzjoni) Reviżjoni tal-2012

    /* COM/2012/0765 final */

    52012DC0765

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Reviżjoni tad-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għall-iffissar ta’ rekwiżiti għall-ekodisinn għal prodotti relatati mal-enerġija (riformulazzjoni) Reviżjoni tal-2012 /* COM/2012/0765 final */


    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

    Reviżjoni tad-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għall-iffissar ta’ rekwiżiti għall-ekodisinn għal prodotti relatati mal-enerġija (riformulazzjoni)

    Reviżjoni tal-2012

    (Test b'relevanza għaż-ŻEE)

    1. Introduzzjoni

    Skont l-Artikolu 21 tad-Direttiva dwar l-Ekodisinn, il-Kummissjoni hi mitluba li tirrevedi, sa mhux aktar tard mill-2012, l-effettività tad-Direttiva dwar l-Ekodisinn u tal-miżuri ta' implimentazzjoni tagħha, u biex tevalwa kemm hi xierqa l-estensjoni tal-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva għal prodotti li mhumiex relatati mal-enerġija.

    2. Effettività tad-Direttiva

    Fl-2011, il-Kummissjoni nediet studju apposta (minn hawn 'il quddiem "l-istudju ta' evalwazzjoni") bil-għan li jirrevedi l-effettività ta’ (i) id-Direttiva u l-miżuri ta' implimentazzjoni tagħha, (ii) il-metodoloġija tal-Ekodisinn, (iii) il-limitu tal-miżuri ta' implimentazzjoni kif deskritt fl-Artikolu 15 tad-Direttiva, (iv) is-sorveljanza tas-suq, u (v) miżuri awtoregolatorji[1].

    Tlesta studju speċifiku separat sabiex jaġġorna l-metodoloġija tal-ekodisinn, li wassal għall-Metodoloġija għall-ekodisinn ta' prodotti relatati mal-enerġija (MEErP)[2].

    L-istudju ta' evalwazzjoni kkonkluda li, b'mod ġenerali, id-Direttiva dwar l-Ekodisinn qed tikseb l-għanijiet tal-politika tagħha (il-moviment liberu tal-merkanzija u l-protezzjoni tal-ambjent), u li l-ebda reviżjoni tad-Direttiva ma hija meqjusa xierqa bħalissa jew meħtieġa biex tiżdied l-effettività tagħha u tal-miżuri ta' implimentazzjoni tagħha.

    B'mod partikulari, l-istudju wera li:

    · Fil-prinċipju, id-Direttiva qed tikseb l-għanijiet tal-politika tagħha. Mill-2005 l-enfasi prinċipali tal-miżuri ta' implimentazzjoni kien fuq l-effiċjenza fl-enerġija. Id-dejta disponibbli turi pass lejn l-effiċjenza tal-enerġija għall-prodotti kollha regolati minn miżuri ta’ implimentazzjoni tal-Ekodisinn[3].

    · Għadu kmieni wisq biex issir evalwazzjoni korretta tal-effett sħiħ tad-Direttiva u tal-miżuri ta’ implimentazzjoni u awtoregolazzjoni obbligatorji minħabba l-perjodu insuffiċjenti tal-applikazzjoni tagħhom. Għal wieħed mit-tnax-il Regolament tal-ekodisinn adottati fiż-żmien tal-evalwazzjoni, ir-rekwiżiti tal-Grad 1 kienu għadhom ma daħlux fis-seħħ u għal tmien miżuri ta' implimentazzjoni, ir-rekwiżiti tal-Grad 2 kienu għadhom ma daħlux fis-seħħ. Barra minn hekk, miż-żewġ ftehimiet volontarji proposti, l-ebda waħda ma ġiet approvata uffiċjalment mill-Kummissjoni sa issa[4].

    · Huwa meqjus li l-kriterji indikattivi għall-adozzjoni ta' miżuri ta' implimentazzjoni tal-ekodisinn, definiti fl-Artikolu 15 tad-Direttiva dwar l-Ekodisinn, jibqgħu xierqa.

    · Bosta kwistjonijiet metodoloġiċi ġew indirizzati mill-istudju dwar il-Metodoloġija (ġdida) għall-ekodisinn tal-prodotti relatati mal-enerġija (MEErP).

    L-istudju identifika wkoll għadd ta' sfidi ffaċċjati fil-livelli tal-UE u tal-Istati Membri fl-applikazzjoni tad-Direttiva dwar l-Ekodisinn u l-miżuri ta' implimentazzjoni tagħha, fosthom:

    · Proċedura preparatorja kumplessa u twila;

    · Dejta limitata għal deċiżjonijiet infurmati ta’ politika (pereżempju x-xejriet tas-suq u l-bidliet teknoloġiċi, id-dejta tas-suq, id-dejta tal-prestazzjoni minn attivitajiet ta' sorveljanza tas-suq, eċċ.);

    · Koordinazzjoni insuffiċjenti ta’ miżuri tal-ekodisinn ma' partijiet oħra tal-leġiżlazzjoni tal-UE, bħad-Direttivi WEEE, RoHS jew EPBD;

    · Riżorsi insuffiċjenti biex jittrattaw l-ammont li qed jikber ta' ħidma regolatorja, ta' komunikazzjoni u ta’ standardizzazzjoni;

    · Kwistjoni fuq il-livell ta' ambizzjoni ta' xi rekwiżiti, speċjalment fil-Grad 1;

    · Potenzjal li jibqa' biex jiġu indirizzati ulterjorment kwistjonijiet li mhumiex relatati mal-enerġija (pereżempju l-effiċjenza materjali, ir-riċiklabbiltà, eċċ.);

    · Dewmien fl-elaborazzjoni ta' standards armonizzati adatti;

    · Sorveljanza insuffiċjenti u ineffettiva tas-suq[5].

    Abbażi ta' dan l-istudju, il-Kummissjoni fasslet għadd ta' konklużjonijiet dwar l-azzjoni li trid tittieħed. B’mod partikulari, il-Kummissjoni qed tieħu azzjonijiet li konsegwentement se jikkontribwixxu għal titjib fl-applikazzjoni tad-Direttiva u l-miżuri ta' implimentazzjoni tagħha. L-aktar azzjonijiet relevanti jkunu:

    · Id-delegazzjoni ta' ħidma mhux regolatorja (notevolment attivitajiet ta' komunikazzjoni) lil entitajiet esterni, sabiex ir-riżorsi tal-Kummissjoni jiġu assenjati għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' atti li jorbtu legalment. Il-Kummissjoni se tuża l-Europe Direct[6] biex twieġeb għall-mistoqsijiet pubbliċi dwar l-ekodisinn, it-tikkettar tal-enerġija u t-tikkettar tat-tajers. Barra minn hekk, il-Kummissjoni flimkien mal-EACI qed tistabbilixxi "helpdesk ta' komunikazzjoni" li se jagħti l-appoġġ tiegħu fi (i) it-tħejjija u t-tmexxija ta' kampanji ta' informazzjoni dwar l-ekodisinn u t-tikkettar tal-enerġija u (ii) it-tweġibiet għal mistoqsijiet sottomessi minn ċittadini, partijiet interessati u partijiet relevanti oħrajn.

    · It-tkomplija tal-użu ta' għarfien espert tekniku ta' korpi oħra tal-UE, fosthom iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC) u l-EACI. Pereżempju, il-JRC se jkun aktar involut fl-iżvilupp ta' kontribut tekniku għal miżuri ta' implimentazzjoni ġodda u se jsegwi x-xogħol ta' standardizzazzjoni għal gruppi ta' prodotti magħżula kif ukoll se jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' proċess leġiżlattiv aktar integrat ta' strumenti ta' politika differenti (Ekodisinn, Tikkettar tal-Enerġija, Ekotikketta, APE, WEEE, RoHS, eċċ.)

    · It-tkomplija tat-tisħiħ tal-użu tal-għarfien espert tal-partijiet interessati (l-Istati Membri, l-industrija u l-NGOs), b'mod partikulari fil-proċess ta’ reviżjoni u r-reviżjoni tal-miżuri ta' implimentazzjoni eżistenti[7].

    · Barra minn hekk, qed titwaqqaf ukoll bażi tad-dejta dwar l-effiċjenza tal-enerġija u aspetti ambjentali oħra ta' prodotti mqiegħda fis-suq tal-UE.

    · L-użu ta' esperti esterni (fosthom Konsulenti tal-Approċċ il-Ġdid) sabiex isegwu aktar mill-qrib ix-xogħol ta' standardizzazzjoni mwettaq mill-Korpi Ewropej għall-Istandardizzazzjoni għall-iskop ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni tal-Ekodisinn. Barra minn hekk, l-appoġġ għall-NGOs biex jippermetti l-involviment attiv tagħhom fix-xogħol ta' standardizzazzjoni.

    · It-tnedija ta' eżerċizzju annwali ta' ġbir ta' dejta dwar is-sorveljanza tas-suq u tal-Azzjoni Konġunta dwar is-Sorveljanza tas-Suq bejn l-awtoritajiet nazzjonali taħt il-Programm ta' Ħidma tal-2013 għall-Enerġija Intelliġenti-Ewropa (IEE) biex jitjieb it-tisħiħ tal-leġiżlazzjoni dwar it-tikkettar tal-Ekodisinn u tal-Enerġija. Qed titwaqqaf ukoll bażi tad-dejta dwar l-effiċjenza tal-enerġija u aspetti ambjentali oħra ta' prodotti mqiegħda fis-suq tal-UE.

    3. Estensjoni tal-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva

    Wara d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 21 tad-Direttiva, l-istudju vvaluta wkoll kemm hi xierqa l-estensjoni tal-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva għal prodotti mhux relatati mal-enerġija.

    Abbażi tal-istudju, il-Kummissjoni kkonkludiet li, bħalissa, ma hemm l-ebda ħtieġa għall-estensjoni tal-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva dwar l-Ekodisinn għal prodotti mhux relatati mal-enerġija.

    B'mod partikulari, l-istudju wera:

    · L-esperjenza insuffiċjenti mal-kamp ta' applikazzjoni attwali tad-Direttiva (estiża fir-riformulazzjoni tal-2009 għall-prodotti relatati mal-enerġija). Sa issa, il-miżuri ta’ implimentazzjoni kollha mħejjija mill-Kummissjoni jikkonċernaw prodotti li jużaw l-enerġija. Il-Pjan ta’ Ħidma dwar l-Ekodisinn għall-perjodu bejn l-2012 u l-2014 jinkludi l-ewwel gruppi ta’ prodotti relatati mal-enerġija, bħal, pereżempju, it-twieqi u l-insulazzjoni termali.

    · Il-ħtieġa li titlesta, bħala l-ewwel prijorità, il-ħidma regolatorja taħt id-Direttiva dwar l-Ekodisinn tal-2005 u l-ewwel Pjan ta' Ħidma tal-Ekodisinn 2009-2011. Inkella, l-ammont ta' xogħol li qed jikber li jirriżulta mill-ħtieġa li jiġu implimentati l-Pjanijiet ta’ Ħidma eżistenti[8] u li jitniedu studji preparatorji għal gruppi ġodda tal-prodotti, flimkien ma’ riżorsi limitati, ikun qed jirriskja li jipposponi (għall-inqas sal-2015) il-ħidma regolatorja fuq gruppi ta’ prodotti li mhumiex relatati mal-enerġija.

    · L-approċċ differenti meħtieġ għal prodotti li ma humiex relatati mal-enerġija. Għall-kuntrarju ta’ prodotti li jużaw l-enerġija, ħafna prodotti li mhumiex relatati mal-enerġija (pereżempju l-ikel, ix-xorb, it-tessuti) għandhom impatt ambjentali sinifikanti li jseħħ prinċipalment fil-fażi l-aktar bikrija taċ-ċiklu tal-ħajja (pereżempju, il-produzzjoni tal-materja prima fil-bhejjem u fl-għelejjel) u għaldaqstant l-ittestjar tal-prodott ma jibqax xieraq għall-valutazzjoni tal-konformità.

    · Id-diffikultà sinifikanti attwali fit-twaqqif ta' rekwiżiti infurzabbli tal-ekodisinn għal dawk il-gruppi tal-prodotti li mhumiex relatati mal-enerġija mal-ogħla potenzjal għall-iffrankar[9].

    4. Konklużjoni

    Il-Kummissjoni kkonsultat lill-Forum Konsultattiv dwar l-Ekodisinn fid-19 ta’ April 2012 dwar ir-rakkomandazzjonijiet tal-istudju ta’ evalwazzjoni u dwar il-konklużjonijiet preliminari tagħha. Il-fehmiet tal-Kummissjoni dwar il-mixja 'l quddiem sabiex tittejjeb l-effikaċja tad-Direttiva u l-miżuri ta' implimentazzjoni tagħha, kif ukoll dwar il-kamp ta' applikazzjoni tagħha ġew appoġġjati bis-sħiħ mill-partijiet interessati[10].

    Għaldaqstant il-Kummissjoni tikkonkludi li la hemm ħtieġa għal reviżjoni immedjata tad-Direttiva dwar l-Ekodisinn, u lanqas għall-estensjoni tal-kamp ta' applikazzjoni tagħha għal prodotti li mhumiex relatati mal-enerġija u tipproponi dan l-approċċ:

    · Jekk xieraq, aspetti speċifiċi tad-Direttiva tal-Ekodisinn li kienu soġġetti għar-reviżjoni preżenti jistgħu jiġu evalwati mill-ġdid fir-reviżjoni li jmiss tad-Direttiva tat-Tikkettar tal-Enerġija fl-2014. L-effetti ta' regolamenti ta' implimentazzjoni tal-ekodisinn u r-regolamenti delegati tat-tikkettar tal-enerġija applikabbli għall-istess prodott relatati mal-enerġija ta' spiss huma marbuta u kumplimentari;

    · Kwalunkwe studju ta' valutazzjoni futur li jirrevedi aspetti speċifiċi tad-Direttiva tal-Ekodisinn għandu:

    · iqis ir-riżultati tal-studju ta' valutazzjoni tal-2011 u, fejn ikun meħtieġ, jaġġorna r-rakkomandazzjonijiet tiegħu;

    · fid-dawl ta' evidenza ġdida disponibbli, għandha tingħata attenzjoni speċjali lil dawk l-aspetti li setgħu ma ġewx evalwati kompletament fl-istudju ta' evalwazzjoni tal-2011 (bħall-effiċjenza tal-miżuri ta’ implimentazzjoni u l-istandards armonizzati u koordinazzjoni aktar mill-qrib bejn l-implimentazzjoni ta' żewġ Direttivi).

    Il-Kummissjoni se tkompli taħdem flimkien mal-Istati Membri u l-partijiet interessati fuq it-titjib tal-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Ekodisinn u l-miżuri ta' implimentazzjoni tagħha.

    [1]               Għar-rapport finali (li ġie ppubblikat f’Marzu 2012) jekk jogħġbok ara http://cses.co.uk/ecodesign_evaluation

    [2]               Għall-metodoloġija l-ġdida, jekk jogħġbok ara http://www.meerp.eu//

    [3]               Fi tliet każijiet (dawl domestiku, stand-by, ċirkolaturi) hemm kontribuzzjoni diretta tar-rekwiżiti tal-Ekodisinn għal dan il-pass. F’każ minnhom (televiżjonijiet), il-bidla teknoloġika titqies li kellha l-akbar rwol x'taqdi. F’każ minnhom (provvisti tal-elettriku esterni) id-dejta ma kenitx biżżejjed biex tevalwa l-effetti tal-miżura ta' implimentazzjoni.

    [4]               Ftehim volontarju dwar kaxxi set-top kumplessi għadu skedat għal rikonoxximent fl-2012 filwaqt li l-ftehim dwar tagħmir għal immaġnijiet termiċi se jkun rikonoxxut fl-2013.

    [5]               Huwa stmat li 10-20% tal-prodotti koperti minn miżuri ta' implimentazzjoni ma humiex konformi.

    [6]               Ara http://europa.eu/europedirect/index_mt.htm

    [7]               11-il miżura ta' implimentazzjoni se tiġi riveduta sa tmiem l-2014 (tmien miżuri tal-ekodisinn u tlieta tat-tikkettar tal-enerġija).

    [8]               Prinċipalment l-implimentazzjoni, il-komunikazzjoni u attivitajiet legali u l-ħidma dwar 35 standard

    [9]               Ir-rekwiżiti tal-prodotti jidhru fattibbli għal prodotti mhux relatati mal-enerġija bħall-għamara, il-kimiki tat-tindif, is-saqqijiet, il-ġugarelli. Madankollu, dawn il-prodotti jirrappreżentaw sehem minuri tal-impatti ambjentali totali ta’ prodotti li mhumiex relatati mal-enerġija.

    [10]             Ara l-minuti tal-Forum Konsultattiv dwar l-Ekodisinn tad-19 ta 'April 2012 http://ec.europa.eu/enterprise/policies/sustainable-business/ecodesign/consultation-forum/files/20120419_minuti_en.pdf

    Top