EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52012DC0596
COMMUNICATION FROM THE COMMISSION TO THE EUROPEAN PARLIAMENT, THE COUNCIL, THE ECONOMIC AND SOCIAL COMMITTEE AND THE COMMITTEE OF THE REGIONS Towards a comprehensive European framework for online gambling
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Lejn qafas Ewropew komprensiv għal-logħob tal-azzard online
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Lejn qafas Ewropew komprensiv għal-logħob tal-azzard online
/* COM/2012/0596 final */
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Lejn qafas Ewropew komprensiv għal-logħob tal-azzard online /* COM/2012/0596 final */
WERREJ 1. Daħla. 3 2. Sfidi ewlenin u reazzjonijiet proposti 5 2.1. Il-konformità tal-oqfsa regolatorji nazzjonali mal-liġi tal-UE. 6 2.2. Tisħiħ tas-superviżjoni, tal-kooperazzjoni amministrattiva u ta’
infurzar effiċjenti 8 2.2.1. L-istabbiliment ta’
superviżjoni u kontroll xierqa fl-Istati Membri 8 2.2.2. Trawwim ta’ kooperazzjoni amministrattiva transfruntiera. 8 2.2.3. Żgurar ta’ infurzar effiċjenti fil-livell nazzjonali 9 2.3. Protezzjoni tal-konsumaturi u
taċ-ċittadini 10 2.3.1. Ħidma lejn livell għoli ta’ protezzjoni fl-UE kollha. 11 2.3.2. Żgurar tal-ħarsien tal-minorenni 12 2.3.3. Tisħiħ ta’ reklamar responsabbli 12 2.3.4. Il-prevenzjoni tal-logħob tal-azzard problematiku jew ta’ vizzji
tal-logħob tal-azzard.... 12 2.4. Il-prevenzjoni tal-frodi u tal-ħasil tal-flus. 14 2.4.1. Estensjoni tal-miżuri kontra l-ħasil tal-flus. 14 2.4.2. Negħlbu s-serq tal-identità u forom oħra ta’ ċiberkriminalità. 15 2.4.3. Is-salvagwardja tas-siġurtà tat-tagħmir tal-logħob tal-azzard. 15 2.5. Is-salvagwardja tal-integrità tal-isports u l-prevenzjoni tal-irranġar
tal-partiti 16 2.5.1. It-trawwim tal-kooperazzjoni
bejn il-partijiet interessati 16 2.5.2. L-iżvilupp ta’ miżuri kontra l-irranġar tal-partiti 16 2.5.3. L-iżgurar tal-provvediment ta' deterrenti effikaċi għall-irranġar tal-partiti 17 2.5.4. Il-promozzjoni ta’ kooperazzjoni internazzjonali 17 3. Konklużjonijiet 18
1.
DAĦLA
Il-logħob tal-azzard
online[1] huwa
attività ta’ servizz li qed tikber b’rata mgħaġġla fl-UE, b’rati annwali ta’
tkabbir ta’ kważi 15 %[2]. Id-dħul annwali fl-2015 mistenni jkun madwar
EUR 13-il biljun, meta mqabbel ma’ EUR 9.3 biljun fl-2011. Dan ikun jirrappreżenta rata ta’ tkabbir totali
ta’ kważi 40 %[3]. Is-sinifikat ekonomiku tas-settur huwa evidenzjat
ukoll mil-livell għoli ta’ innovazzjoni tal-industrija tal-UE u l-ammont dejjem
jikber tad-dħul fiskali ġġenerat fl-Istati Membri. Il-pass mgħaġġel tal-iżvilupp
tat-teknoloġiji tal-internet f’dawn l-aħħar snin iffaċilita l-provvediment ta’
servizzi tal-logħob tal-azzard permezz ta’ diversi kanali ta’ distribuzzjoni
remota. Dawn jinkludu l-internet u
mezzi oħra ta’ kommunikazzjoni elettronika jew fuq distanza bħat-teknoloġija
tat-telefonija mobbli jew it-televiżjoni diġitali. In-natura tal-ambjent online
tfisser li s-siti tal-logħob tal-azzard jistgħu joperaw fl-UE, u ma jaqgħu taħt
l-ebda forma ta’ kontroll. Il-konsumaturi fl-Ewropa jfittxu wkoll servizzi
tal-logħob tal-azzard online, minn fruntiera għall-oħra, u jekk dawn
is-servizzi ma jkunux irregolati kif xieraq, jistgħu jesponuhom għal riskji
sinifikanti. Il-firxa estensiva ta' x'hemm offrut u l-livell dejjem jogħla
tad-domanda għal servizzi tal-logħob tal-azzard online joħolqu għadd ta’ sfidi
fir-rigward tal-iżgurar ta’ implimentazzjoni xierqa tal-għanijiet tal-politika
pubblika fil-livell nazzjonali, tal-UE u internazzjonali. Fl-2011,
il-Kummissjoni adottat Green Paper dwar il-logħob tal-azzard online fis-Suq
Intern[4].
Permezz ta’ dik il-konsultazzjoni pubblika fittxet li tikseb stampa sħiħa
tas-sitwazzjoni eżistenti, biex tiffaċilita l-iskambju tal-aqwa prattiki bejn
l-Istati Membri u biex tiddetermina kif, b’kunsiderazzjoni xierqa tal-għanijiet
tal-politika pubblika tagħhom u mingħajr ma jiddgħajjef is-suq intern, ikunu
jistgħu jikkoeżistu l-mudelli regolatorji nazzjonali differenti għal-logħob
tal-azzard u jekk tkunx meħtieġa azzjoni speċifika fil-livell tal-UE biex tiġi
żgurata koerenza akbar. Ir-reazzjonijiet għall-konsultazzjoni jvarjaw kemm
f’termini tal-kontenut kif ukoll f’termini tal-istrumenti li għandhom jintużaw
għall-inizjattivi tal-UE. B’mod ġenerali, ma jidhirx li huwa xieraq li f'dan
li-istadju tiġi proposta leġiżlazzjoni tal-UE speċifika għas-settur. Madankollu,
dejjem kien hemm talba kważi unanima għal azzjoni politika fil-livell tal-UE u
r-reazzjonijiet jippermettu identifikazzjoni ċara tal-oqsma ewlenin ta’
prijorità fejn hemm bżonn azzjoni. Din
il-Komunikazzjoni, flimkien mad-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni
li jakkumpanjaha[5],
tidentifika l-isfidi ewlenin maħluqa mill-koeżistenza tal-oqfsa regolatorji
nazzjonali fis-Suq Intern. Tfittex ukoll li tipproponi tweġibiet għal dawk
l-isfidi fil-forma ta’ azzjonijiet li għandhom jittieħdu fil-livell nazzjonali
kif ukoll fil-livell tal-UE. Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal jipprovdi aktar
informazzjoni dettaljata li tirriżulta mill-analiżi tar-reazzjonijiet
għall-Green Paper, l-inizjattivi proposti f'dan il-Pjan ta' Azzjoni, kif ukoll
dejta rilevanti. Il-Kummissjoni qieset il-prattiki tajbin fl-UE u fl-Istati
Membri biex tipproponi reazzjonijiet għall-firxa varja ta’ kwistjonijiet
relatati mal-logħob tal-azzard online. Fid-dawl
tal-iżviluppi fir-rigward tal-offerta u l-promozzjoni tal-logħob tal-azzard
online fl-UE hija meħtieġa aktar ċarezza. Din il-Komunikazzjoni tipproponi
taħlita ta’ inizjattivi u miżuri rilevanti li jkopru firxa ta’ kwistjonijiet,
li jfittxu li jsaħħu ċ-ċarezza legali u jistabbilixxu politiki bbażati fuq evidenza
disponibbli. Dawn l-azzjonijiet, filwaqt li jqisu b’mod sħiħ il-prinċipji
tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità, jisħqu fuq ħames oqsma prijoritarji
biex jindirizzaw l-isfidi fl-UE: - il-konformità
tal-oqfsa regolatorji nazzjonali mal-liġi tal-UE - it-tisħiħ
ta’ kooperazzjoni amministrattiva u ta’ infurzar effiċjenti - il-protezzjoni tal-konsumaturi u ċ-ċittadini, tal-minorenni[6] u ta’ gruppi vulnerabbli - il-prevenzjoni tal-frodi u tal-ħasil tal-flus - is-salvagwardja tal-integrità tal-isports u l-prevenzjoni tal-irranġar
tal-partiti L-azzjonijiet
proposti jiffukaw fuq servizzi tal-logħob tal-azzard online u kwistjonijiet
marbuta mal-moviment liberu tas-servizzi (l-Artikolu 56 tat-TFUE) u
l-libertà tal-istabbiliment (l-Artikolu 49 tat-TFUE) fid-dawl tat-tkabbir
tal-logħob tal-azzard fl-UE u l-forniment transfruntier żviluppat tajjeb ta’
servizzi ta’ dan it-tip. Madankollu,
għadd ta’ azzjonijiet huma pertinenti kemm għas-servizzi tal-logħob tal-azzard
online kif ukoll għal dawk offline[7]. Fl-aħħar
nett, din il-Komunikazzjoni tirreaġixxi għall-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar
il-qafas għal-logħob tal-azzard u l-imħatri fl-Istati Membri tal-UE[8],
serje ta’ rapporti ta’ progress min-naħa tal-Presidenza[9],
ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-logħob tal-azzard online fis-Suq
Intern[10]
u għall-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[11].
2.
SFIDI EWLENIN U
REAZZJONIJIET PROPOSTI
Filwaqt li l-Istati
Membri fil-prinċipju huma liberi li jistabbilixxu l-għanijiet tal-politika
tagħhom dwar il-logħob tal-azzard u li jiddefinixxu fid-dettall il-livell ta’
protezzjoni mixtieq, l-oqfsa regolatorji nazzjonali jridu jikkonformaw mal-liġi
tal-UE u mal-prinċipji u r-regoli tas-suq intern. Barra minn hekk, li tiġi żgurata l-konformità tal-liġi nazzjonali
mat-Trattat huwa għalhekk prerekwiżit ta’ politika tal-UE li tirnexxi dwar
il-logħob tal-azzard online. Meta jitqies it-tip
ta’ sfidi maħluqa mill-iżvilupp tas-suq ta’ logħob tal-azzard online u
l-implikazzjonijiet tagħhom għal kull Stat Membru, mhuwiex possibbli li kull
Stat Membru jindirizza dawn l-isfidi b’mod effikaċi waħdu u jipprovdi
individwalment offerta ta’ servizzi ta’ logħob tal-azzard online li tkun
irregolata sew u sikura biżżejjed. L-azzjonijiet
tal-Kummissjoni dwar il-kooperazzjoni amministrattiva se jgħinu lill-Istati
Membri jifhmu aħjar l-oqfsa regolatorji ta’ xulxin, jaqsmu prattiki tajbin u
jtejbu l-konverġenza meta jittrattaw problemi komuni. Barra minn hekk, kollaborazzjoni akbar u fit-tul bejn l-Istati Membri
ttejjeb il-kapaċità tal-UE biex titratta b’mod aktar effikaċi d-dimensjoni
internazzjonali tal-logħob tal-azzard online. It-titjib
tal-protezzjoni tal-konsumaturi u l-ambjent regolatorju huwa fl-interess
tal-Istati Membri kollha u tal-partijiet interessati kollha. L-iżvilupp ta’ firxa attraenti ta’
opportunitajiet ta’ logħob tal-azzard legali huwa wkoll essenzjali biex b’mod
effikaċi jiġi evitat li l-konsumaturi jmorru fuq siti mhux irregolati. Għalhekk, azzjoni fil-livell tal-UE għandu
jkollha l-għan li tipproteġi liċ-ċittadini kollha fl-Ewropa f’ambjent irregolat
u bbilanċjat. Fid-dawl ta’ dan,
il-Kummissjoni tipproponi li flimkien mal-Istati Membri twettaq azzjoni mfassla
biex toffri livell ta’ protezzjoni għoli u komuni għall-konsumaturi u
ċ-ċittadini kollha, inklużi minorenni u gruppi vulnerabbli. Dawn l-azzjonijiet proposti jfittxu li
jindirizzaw ir-riskji li joħorġu minn swieq mhux irregolati u mill-kriminalità
organizzata, bħall-frodi u l-eżiti tal-avvenimenti sportivi maħduma minn qabel. B’mod ġenerali,
l-inizjattivi mistennija jikkontribwixxu għal qafas imtejjeb li jirregola
s-servizzi tal-logħob tal-azzard online fl-UE u jwittu t-triq għal
kooperazzjoni msaħħa bejn l-awtoritajiet regolatorji tal-Istati Membri. Il-Kummissjoni ·
Fl-2012 se tistabbilixxi grupp ta’ esperti dwar
il-logħob tal-azzard, magħmul minn rappreżentanti tal-Istati Membri, biex
jiskambjaw esperjenzi u prattiki tajbin kif ukoll biex jipprovdu pariri u
għarfien espert dwar it-tħejjija ta’ inizjattivi tal-UE.
2.1. Il-konformità
tal-oqfsa regolatorji nazzjonali mal-liġi tal-UE
Ir-regolamentazzjoni
tal-logħob tal-azzard online fl-Istati Membri hija kkaratterizzata minn
diversità ta’ oqfsa regolatorji. Għadd
żgħir ta’ Stati Membri jipprojbixxu li jiġi offrut logħob tal-azzard online,
jew għal-logħob kollu jew inkella għal ċertu tip ta’ logħob bħall-poker u
l-logħob tal-każino. F’xi
ġuriżdizzjonijiet Ewropej, ġew stabbiliti sistemi monopolistiċi (li joffru
servizzi ta’ logħob tal-azzard online). Dawn jew jitmexxew minn operatur pubbliku kkontrollat mill-istat jew
inkella minn operatur privat abbażi ta’ dritt esklużiv. Għadd dejjem jikber ta’ Stati Membri għandhom madankollu sistemi ta’
liċenzjar stabbiliti u b’hekk aktar minn operatur wieħed ikun jista' joffri
s-servizzi fis-suq. B’reazzjoni
għall-isfidi tas-soċjetà, u dawk teknoloġiċi u regolatorji, għadd sinifikanti
ta’ Stati Membri dan l-aħħar analizzaw il-leġiżlazzjoni tagħhom tal-logħob
tal-azzard biex iqisu forom ġodda ta’ servizzi tal-logħob tal-azzard. Dawn il-bidliet regolatorji wasslu għal żieda
fl-offerta ta’ servizzi ta’ logħob tal-azzard minn operaturi awtorizzati fi
Stat Membru tal-UE tul dawn l-aħħar ftit snin u għal differenzi konsiderevoli
fir-regolamenti nazzjonali. Kien hemm
ukoll żvilupp f’offerti transfruntieri, li spiss ma kinux awtorizzati skont
ir-regoli nazzjonali fl-Istat Membru li kien qed jirċevihom. Il-konformità ta' dawn ir-regoli nazzjonali
mat-Trattat ġiet ikkontestata quddiem il-qrati nazzjonali u mistoqsijiet dwar
l-interpretazzjoni tal-liġi tal-UE tressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
tal-Unjoni Ewropea (QĠUE). Is-sistemi
regolatorji nazzjonali jridu jirrispettaw il-liġi tal-UE. F'sensiela ta’ sentenzi, il-QĠUE pprovdiet gwida ġenerali dwar
l-interpretazzjoni tal-libertajiet fundamentali tas-suq intern fil-qasam
tal-logħob tal-azzard (online), fejn qieset in-natura speċifika
tal-attivitajiet tal-logħob tal-azzard, bl-għan li l-qrati nazzjonali jkunu
jistgħu jivvalutaw iċ-ċirkostanzi li skonthom liġijiet nazzjonali restrittivi
tal-logħob tal-azzard huma ġustifikati abbażi ta’ raġunijiet relatati mal-interess
ġenerali. Il-QĠUE kkonfermat li
l-provvediment u l-użu ta’ offerti ta’ logħob tal-azzard transfruntier huma
attività ekonomika li taqa’ fl-ambitu tal-libertajiet fundamentali tat-TFUE. B’mod partikolari, l-Artikolu 56 tat-TFUE
jipprojbixxi restrizzjonijiet fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi lil
riċevituri fi Stati Membri oħra. Instab
li r-regoli nazzjonali li jipprojbixxu l-provvediment ta’ servizzi tal-logħob
tal-azzard fi Stati Membri oħra jirrestrinġu l-libertà ta’ residenti nazzjonali
li jirċievu, online, servizzi offruti fi Stati Membri oħra. Jirrestrinġu wkoll il-libertà tal-operaturi
stabbiliti fi Stati Membri oħra li jipprovdu servizzi tal-logħob tal-azzard. L-Istati Membri
jistgħu jirrestrinġu jew jillimitaw il-forniment transfruntier tat-tipi kollha
ta’ servizzi tal-logħob tal-azzard online jew ta’ ċertu tip minnhom abbażi ta’
għanijiet ta’ interess pubbliku li jfittxu li jipproteġu b’rabta mal-logħob
tal-azzard. Ir-regoli nazzjonali
jiffukaw primarjament fuq għanijiet ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, b’mod
partikolari l-prevenzjoni ta’ logħob tal-azzard problematiku u l-protezzjoni
tal-minorenni, u fuq il-prevenzjoni tal-kriminalità u l-frodi. Filwaqt li l-Istati Membri ġeneralment joffru
raġunijiet leġittimi għar-restrizzjoni ta’ servizzi transfruntiera tal-logħob
tal-azzard, għandhom madankollu juru wkoll l-adegwatezza u n-neċessità
tal-miżura inkwistjoni, b’mod partikolari l-eżistenza ta’ problema marbuta
mal-għan tal-interess pubbliku li jkun jinsab f’riskju u mal-konsistenza tas-sistema
regolatorja. L-Istati Membri għandhom
juru li l-għanijiet tal-interess pubbliku li liberament għażlu li se jiżguraw
qegħdin jimmiraw li jilħquhom b'mod konsistenti u sistematiku u ma għandhomx
iwettqu, jiffaċilitaw jew jittolleraw miżuri li jmorru kontra l-ilħiq ta' dawn
l-għanijiet. F'dawn l-aħħar snin
il-Kummissjoni nediet każijiet ta' ksur kontra għadd sinifikanti ta' Stati
Membri u dawn għadhom taħt investigazzjoni sal-lum. Attwalment hemm ukoll għadd ta' lmenti rreġistrati fil-qasam tal-logħob
tal-azzard, ibbażati fuq l-Artikoli 49 u/jew 56 tat-TFUE. Il-Kummissjoni tuża l-informazzjoni fattwali
dettaljata miġbura mill-konsultazzjoni dwar il-Green Paper kif ukoll
il-ġurisprduenza l-aktar reċenti tal-QĠUE fil-valutazzjoni kontinwa tagħha
tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-każijiet ta' ksur u l-ilmenti pendenti. Din il-valutazzjoni tiffoka b’mod partikolari fuq
jekk il-politiki nazzjonali dwar il-logħob tal-azzard humiex konsistenti,
notevolment fir-rigward tal-approċċi regolatorji tagħhom fir-rigward
tal-offerti online u offline għall-istess tip ta’ logħob kif ukoll għal logħob
li huwa ċarament komparabbli f’termini tal-grad tar-riskju li jimplika b’rabta
ma' frodi u/jew protezzjoni tal-konsumatur. Il-valutazzjoni tiffoka wkoll fuq it-trasparenza u
n-nondiskriminazzjoni ta' skemi ta' liċenzjar kif ukoll fuq il-proporzjonalità
tal-kundizzjonijiet tal-liċenzjar. Fl-istess waqt
bl-adozzjoni ta' din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni qed tistieden
lill-Istati Membri kkonċernati biex jipprovdu informazzjoni dwar l-aħħar
żviluppi tal-leġiżlazzjoni tagħhom dwar il-logħob tal-azzard. L-Istati Membri li hemm każijiet ta' ksur miftuħa
kontrihom jew li ġew irreġistrati xi lmenti kontrihom se jintalbu jipprovdu
informazzjoni legali u fattwali (aġġornata) biex il-Kummissjoni tkun tista'
tlesti l-valutazzjoni tagħha tal-kompatibilità mal-liġi tal-UE. Il-Kummissjoni, kull
fejn ikun meħtieġ, se tieħu azzjoni biex tinforza d-dispożizzjonijiet rilevanti
tat-Trattat fir-rigward ta' kwalunkwe regola nazzjonali li ma tkunx konformi
mal-liġi tal-UE, filwaqt li tqis il-ġurisprudenza l-aktar reċenti tal-QĠUE. Barra minn hekk, il-konformità ta’ abbozz ta’
leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-logħob tal-azzard mal-liġi tal-UE se tibqa’
tiġi vvalutata skont l-hekk imsejħa proċedura ta’ notifika[12]. Il-Kummissjoni ·
Se taċċelera t-tlestija tal-valutazzjoni tagħha
tad-dispożizzjonijiet nazzjonali fil-każijiet ta' ksur u lmenti pendenti u se
tieħu azzjoni ta' infurzar kull fejn tkun meħtieġa.
2.2. Tisħiħ
tas-superviżjoni, tal-kooperazzjoni amministrattiva u ta’ infurzar effiċjenti
Sabiex tiġi żgurata
l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni ta’ politika tal-logħob tal-azzard li
tirnexxi fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak tal-UE, l-Istati Membri jeħtieġu
awtoritajiet regolatorji kompetenti, li jikkooperaw mal-awtoritajiet fi Stati
Membri oħra u li jużaw kull mezz ta’ infurzar effiċjenti disponibbli. Bosta inizjattivi
mħabbra f’din il-Komunikazzjoni se jimplikaw l-ipproċessar ta’ dejta personali. F’dan ir-rigward, għandha tiġi żgurata
l-konformità mal-acquis tal-UE dwar il-protezzjoni tad-dejta[13]. Dan se jeżiġi b’mod partikolari definizzjoni ċara
tal-finijiet speċifiċi tal-ipproċessar tad-dejta sabiex tiġi żgurata l-kwalità
u l-minimizzazzjoni tad-dejta u l-konformità ma’ rekwiżiti oħra tal-protezzjoni
tad-dejta.
2.2.1. L-istabbiliment ta’ superviżjoni u kontroll xierqa fl-Istati Membri
Sabiex jiġu żgurati
implimentazzjoni u infurzar effikaċi tar-regoli tal-logħob tal-azzard u
kooperazzjoni amministrattiva transfruntiera effiċjenti, kull Stat Membru
għandu jkollu stabbilit awtoritajiet regolatorji li jkunu attrezzati tajjeb. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jeħtieġ li
jkollhom kompetenzi xierqa u għarfien prattiku dwar kif jittrattaw sfidi
regolatorji f’suq li qed jikber b’rata mgħaġġla u li hu bbażat fuq
it-teknoloġija. Peress li mhux
l-awtoritajiet regolatorji kollha jista' jkollhom il-kompetenzi kollha
għas-superviżjoni tas-suq tal-logħob tal-azzard, jistgħu jkunu meħtieġa
jikkooperaw ma’ awtoritajiet rilevanti oħra fil-livell reġjonali jew nazzjonali
sabiex ilaħħqu mat-talbiet għal kooperazzjoni mar-regolaturi ta' Stati Membri
oħra u biex ma jonqsux milli jissodisfaw l-aspettattivi tagħhom.
2.2.2. Trawwim ta’ kooperazzjoni amministrattiva transfruntiera
Kooperazzjoni
amministrattiva msaħħa hija kruċjali jekk iridu jintlaħqu l-isfidi regolatorji
attwali. It-tisħiħ tal-kooperazzjoni amministrattiva se jassisti lill-Istati
Membri u lir-regolaturi tal-logħob tal-azzard fil-ħidma regolatorja u
superviżorja tagħhom u se jtejjeb il-kwalità ta’ ħidmiethom. Il-kooperazzjoni
prattika se tippermetti lill-Istati Membri jiffamiljarizzaw ruħhom mas-sistemi
u mal-prattiki ta’ oħrajn, u jiżviluppaw relazzjonijiet ta’ ħidma eqreb
fil-livell operazzjonali. Azzjonijiet immirati lejn it-trawwim
tal-koooperazzjoni amministrattiva jeħtieġ ukoll li jirriżultaw fi tnaqqis ta’
piżijiet amministrattivi żejda, b’mod partikolari fil-proċess
tal-awtorizzazzjoni u s-superviżjoni ta’ operaturi awtorizzati f’aktar minn
ġuriżdizzjoni waħda. Iċ-ċertifikazzjoni u l-istandardizzazzjoni tat-tagħmir
tal-logħob tal-azzard online jista' jkollhom ukoll rwol importanti f'dan
ir-rigward. Kooperazzjoni
amministrattiva li tirnexxi teżiġi definizzjoni ċara tal-oqsma li dwarhom
l-Istati Membri jistgħu jitolbu u jiskambjaw informazzjoni u jiżviluppaw
azzjonijiet u inizjattivi komuni. Barra minn hekk, irid ikun hemm implimentata
struttura xierqa, b’mandat ċar għal kooperazzjoni li jista’ jindirizza
l-ħtiġijiet operazzjonali tal-awtoritajiet regolatorji. Il-forma preċiża ta’
kooperazzjoni bejn ir-regolaturi nazzjonali tiddependi mit-tip ta’
informazzjoni u dejta li tista’ tiġi skambjata bejn l-awtoritajiet. L-ewwel pass immedjat
fir-rigward tal-kooperazzjoni huwa li l-attenzjoni tiġi ffukata fuq skambju ta’
informazzjoni ġenerali u tal-aqwa prattiki, sabiex ikun hemm skambju ta’
intelliġenza u esperjenza u biex jinbnew fiduċja u sens ta’ interess reċiproku
bejn ir-regolaturi. Bħala t-tieni pass, permezz ta’ djalogu mal-Istati Membri,
il-Kummissjoni se tesplora aktar il-possibbiltajiet għal skambju ta’ dejta personali,
f’konformità mar-regoli nazzjonali u tal-UE dwar il-protezzjoni tad-dejta. Għal
dan il-għan, l-użu tas-Sistema ta’ Tagħrif tas-Suq Intern (IMI)[14] jista’ jiffaċilita kooperazzjoni
amministrattiva bejn l-Istati Membri. Il-kooperazzjoni
fl-UE mhijiex se tirreaġixxi għall-isfidi kollha fis-suq tal-logħob tal-azzard
online. Ħafna minn dawn l-isfidi huma ta’ natura transfruntiera, u spiss
joriġinaw barra mill-UE. Sabiex jiġu kkoordinati l-azzjonijiet u l-inizjattivi
indirizzati lil pajjiżi barra l-UE, il-Kummissjoni flimkien mal-Istati Membri
se tidentifika kwistjonijiet li għandhom jitqajmu ma’ pajjiżi terzi u tfittex
li ssaħħaħ id-djalogu magħhom.
2.2.3. Żgurar ta’ infurzar effiċjenti fil-livell nazzjonali
Infurzar effikaċi
mill-Istati Membri tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom - li prerekwiżit
fundamentali tiegħu huwa l-konformità mal-liġi tal-UE - huwa essenzjali
għall-ilħiq tal-għanijiet ta' interess pubbliku tal-politika tagħhom dwar
il-logħob tal-azzard. Infurzar
effikaċi jiddependi, fost l-oħrajn, minn struttura organizzazzjonali tajba u
kompetenzi sħaħ għall-awtorità nazzjonali tal-logħob tal-azzard, kooperazzjoni
amministrattiva adegwata ma’ regolaturi oħra u għodod ta’ infurzar xierqa. Miżuri ta’ infurzar preventiv
jimmiraw li jnaqqsu l-kuntatt inizjali taċ-ċittadini mal-offerta ta' servizzi
ta' logħob tal-azzard online li ma jkunux konformi mal-leġiżlazzjoni fis-seħħ
fl-Istat Membru li jkun qed jirċevihom ("mhux awtorizzati")[15] u
li jiżguraw konformità mar-regoli nazzjonali dwar il-logħob tal-azzard u prinċipji
komuni, bħall-edukazzjoni tal-lagħaba kif ukoll li dawn ikunu infurmati, li
jkun hemm fehim tal-għażliet u l-imġiba tagħhom u li titħeġġeġ kondotta
operattiva responsabbli. Miżuri ta’
infurzar reattiv, bħal meta jiġi limitat l-aċċess għal siti tal-internet
li joffru servizzi tal-logħob tal-azzard mhux awtorizzati jew l-imblukkar ta’
pagamenti bejn lagħaba u operaturi tal-logħob tal-azzard mhux awtorizzati,
għandhom ċerti benefiċċji iżda wkoll nuqqasijiet possibbli. Miżuri bħal dawn jeħtieġ li jiġu vvalutati
b’ċerta attenzjoni fid-dawl tas-salvagwardja tad-drittijiet fundamentali u
tal-libertajiet fundamentali tat-TFUE. Miżuri ta’ infurzar reattiv li jeżiġu li intermedjarji online li
jalloġġjaw (hosting) offerti ta’ logħob tal-azzard illegali jieħdu azzjoni
(ineħħu l-offerta jew jiddiżattivaw l-aċċess għall-offerta ta’ konsumaturi fi
Stati Membri speċifiċi), jistgħu jibbenefikaw minn kjarifika fir-rigward ta’
proċeduri li għandhom jiġu segwiti. Il-Kummissjoni
qed tħejji inizjattiva orizzontali dwar proċeduri ta’ notifika u azzjoni li
għandha tipprovdi ċ-ċarezza meħtieġa. Barra minn hekk, il-kooperazzjoni tista' tissaħħaħ permezz tan-netwerk
stabbilit bir-Regolament dwar Kooperazzjoni fil-Protezzjoni tal-Konsumaturi li
jippermetti azzjonijiet ta' infurzar transfruntiera[16]. AZZJONIJIET EWLENIN Il-Kummissjoni se ·
Tiffaċilita kooperazzjoni amministrattiva bejn
regolaturi tal-logħob tal-azzard u se tesplora l-possibbiltajiet offruti
mir-Regolament dwar l-IMI biex jiġi kopert l-iskambju ta’ informazzjoni/kooperazzjoni
bejn l-Istati Membri sal-2013, ·
Issaħħaħ skambju ta’ informazzjoni u tal-aqwa
prattiki dwar miżuri ta' infurzar u tesplora l-benefiċċji u l-limiti possibbli
ta’ miżuri ta’ infurzar reattiv, bħall-imblukkar tal-pagamenti u
d-diżattivazzjoni tal-aċċess għal siti online, fil-livell tal-UE, ·
Tipprovdi kjarifika dwar il-proċeduri għan-notifika
u l-azzjoni fir-rigward ta’ kontenut alloġġjat (hosted) fl-UE minn
intermedjarji online[17], ·
Tiżvilupp djalogu regolatorju ma’ pajjiżi terzi. L-Istati Membri huma mħeġġa ·
Jistabbilixxu u jipprovdu awtoritajiet regolatorji
tal-logħob tal-azzard b’kompetenzi ċari u jiżguraw kooperazzjoni ma’
awtoritajiet kompetenti oħra rilevanti, ·
Jesploraw mezzi biex jinfurmaw lill-konsumaturi
dwar offerti awtorizzati disponibbli sabiex jiddevjaw id-domanda lejn is-suq
legali.
2.3. Protezzjoni
tal-konsumaturi u taċ-ċittadini
Fl-UE kollha l-Istati
Membri għandhom l-għan komuni li jipproteġu liċ-ċittadini għalkemm biex jilħqu
dan l-għan iwettqu approċċi regolatorji u tekniċi differenti. Azzjoni xierqa hija meħtieġa fl-UE sabiex: 1) l-konsumaturi jitbiegħdu minn offerti mhux
irregolati u potenzjalment ta’ ħsara, 2) il-minorenni jiġu protetti minn aċċess
għal faċilitajiet ta’ logħob tal-azzard, 3) gruppi vulnerabbli oħra jiġu
ssalvagwardjati u 4) jiġi evitat l-iżvilupp ta’ disturbi relatati mal-logħob
tal-azzard[18]. Iċ-ċittadini kollha għandhom igawdu minn livell
għoli ta’ protezzjoni fis-suq intern kollu. Filwaqt li
tirrispetta b’mod sħiħ id-dritt ta’ kull Stat Membru li jiddetermina l-qafas
regolatorju għas-servizzi tal-logħob tal-azzard, il-Kummissjoni tirrikonoxxi
benefiċċji sinifikanti fl-iżvilupp ta’ firxa ta’ opportunitajiet ta’ logħob
tal-azzard awtorizzat sabiex isseħħ dissważjoni effikaċi tal-konsumaturi biex
ma jużawx offerti oħra tal-logħob tal-azzard. Huwa importanti għall-operaturi awtorizzati li jkunu jistgħu joffru
prodotti attraenti biżżejjed, peress li fin-nuqqas ta' offerti kredibbli u
sostenibbli, il-konsumaturi se jibqgħu jirrikorru għal websites tal-logħob
tal-azzard, bl-effetti konsegwenti li jistgħu jkunu ta' ħsara.
2.3.1. Ħidma lejn livell għoli ta’ protezzjoni fl-UE kollha
Huwa stmat li madwar
6.84 miljun konsumatur Ewropew jieħdu sehem f’logħob tal-azzard online[19]. F’ambjent
inerentement transfruntier il-konsumaturi jridu jkunu jistgħu jagħmlu għażliet
infurmati u jkunu jistgħu jagħrfu offerta ta’ logħob tal-azzard li tkun
awtorizzata. Meta jingħataw wisq
informazzjoni, il-konsumaturi għandhom tendenza joqogħdu fuq it-tikketti[20]. Għalhekk,
il-Kummissjoni tinkoraġġixxi li d-dettalji tal-awtorità regolatorja rilevanti
jkunu jidhru b’mod prominenti fuq is-sit tal-internet tal-operaturi u jittejjeb
il-livell ta’ informazzjoni u għarfien tal-konsumaturi. Għadd ta' Stati
Membri għandhom esperjenza vasta bil-protezzjoni tal-konsumaturi fl-ambjent
online. L-industrija tal-logħob
tal-azzard żviluppat ukoll għarfien espert tekniku utli u approċċi ta’
awtoregolamentazzjoni għal logħob tal-azzard soċjalment responsabbli. L-azzjoni teħtieġ l-isforzi tal-partijiet
interessati kollha. Jeħtieġ li
jintlaħaq bilanċ tajjeb u l-miżuri biex jipproteġu l-konsumaturi ma għandux
ikollhom effett avvers fejn lagħaba ewlenin ifittxu offerti aktar attraenti fuq
siti mhux irregolati. Sett komuni ta’
prinċipji elaborati fil-livell tal-UE għandu jkollu l-għan li jiżgura livell
għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur. Dawn il-prinċipji għandhom jinkludu r-reġistrazzjoni effettiva u
effikaċi tal-lagħaba, il-verifika tal-età u kontrolli ta’ identifikazzjoni -
b'mod partikolari fil-kuntest ta' tranżazzjonijiet ta' flus, kontrolli
mar-realtà (attività tal-kont, sinjali ta’ twissija, sinjalar ta’ linji ta’
għajnuna), politika li ma tippermettix kreditu, protezzjoni tal-fondi
tal-lagħaba, possibbiltajiet ta’ awtorestrizzjoni (limiti ta’ ħin/finanzjarji,
esklużjoni) kif ukoll appoġġ għall-konsumaturi u trattament effiċjenti
tal-ilmenti[21]. Bħala l-ewwel pass
il-Kummissjoni se tħejji Rakkomandazzjoni dwar protezzjoni komuni
tal-konsumaturi.
2.3.2. Żgurar tal-ħarsien tal-minorenni
Il-protezzjoni
tal-minorenni trid tkun prijorità speċjalment peress li 75 % tat-tfal ta’
età bejn sitt snin u 17-il sena fl-Ewropa jużaw l-internet[22]. Miżuri
ta’ protezzjoni preventiva għandhom ikunu mmirati lejn il-preklużjoni
tal-minorenni sabiex dawn ma jiksbux aċċess għal kontenut ta’ logħob
tal-azzard. Din hija r-raġuni għala
r-Rakkomandazzjoni għandha tinkoraġġixxi li s-sistemi regolatorji jipprovdu
biżżejjed għodod ta’ verifika tal-età u jiżguraw kontrolli mill-operaturi. Barra minn hekk, is-siti tal-logħob tal-azzard
għandhom jitħeġġu juru avviżi li jindikaw b’mod ċar “mhuwiex permess logħob
tal-azzard minn persuni taħt l-età” u jipprovdu informazzjoni dwar
l-implimentazzjoni ta' miżuri ta’ verifika tal-età. Dawn it-tipi ta’ miżuri għandhom jiġu kkumplimentati minn sforzi usa’
bħat-titjib tal-għarfien min-naħa tal-ġenituri rigward riskji assoċjati u
ffiltrar tas-software fid-djar. Barra
minn hekk, l-operaturi kollha għandhom iwettqu l-operat tagħhom b’mod
responsabbli.
2.3.3. Tisħiħ ta’ reklamar responsabbli
Ir-reklamar
responsabbli huwa essenzjali sabiex jiġi żgurat li ċ-ċittadini jkunu konxji li: 1) japplikaw restrizzjonijiet ta’ età, 2)
il-logħob tal-azzard jista’ jkun ta’ ħsara jekk ma jintlagħabx b’mod
responsabbli u 3) ir-riskji jistgħu jkunu finanzjarji, soċjali jew relatati
mas-saħħa. Fl-UE, mhux l-Istati
Membri kollha għandhom regolamenti dwar reklamar, speċifiċi għas-servizzi
tal-logħob tal-azzard. Uħud
mill-Istati Membri għandhom kodiċijiet ta' kondotta apposta. L-industrija tal-logħob tal-azzard u tar-reklamar
wettqu wkoll approċċi ta' awtoregolamentazzjoni. Iċ-ċittadini kollha fl-UE jeħtieġ li jkunu infurmati biżżejjed dwar
l-għażliet li jagħmlu kif ukoll dwar ir-riskji assoċjati mal-logħob tal-azzard. Il-Kummissjoni se
tħejji Rakkomandazzjoni dwar reklamar responsabbli tal-logħob tal-azzard biex
tiżgura li operaturi awtorizzati fi Stat Membru partikolari jirreklamaw
il-logħob tal-azzard b’mod li jkun soċjalment responsabbli u jipprovdu
informazzjoni essenzjali lill-konsumaturi. Sabiex ir-Rakkomandazzjoni tkun effettiva b’mod sħiħ, kemm l-Istati
Membri kif ukoll l-industrija se jintalbu jikkontribwixxu għat-tħejjija
tal-ambitu u tat-tfassil tagħha. L-Istati
Membri se jiġu rrakkomandati jipprovdu għal sanzjonijiet xierqa għal ksur jew
nonkonformità. Ir-Rakkomandazzjoni se
tikkumplimenta lid-Direttiva dwar Prattiki Kummerċjali Żleali[23].
2.3.4. Il-prevenzjoni tal-logħob tal-azzard problematiku jew ta’ vizzji
tal-logħob tal-azzard
Abbażi tat-tweġibiet
għall-Green Paper, jista' jiġi stmat li bejn 0.5-3 % tal-popolazzjoni tal-UE
jsofru minn xi tip ta' disturb tal-logħob tal-azzard. L-evidenza kemm tal-iskala kif ukoll tal-varjetà ta’ disturbi
tal-logħob tal-azzard mhijiex faċilment disponibbli. Barra minn hekk, studji u stħarriġ eżistenti ma jippermettux
konklużjonijiet inkontestabbli. Huwa
meħtieġ fehim aħjar 1) tad-definizzjonijiet użati, 2) tad-determinanti
(pereżempju, tibqa' tilgħab biex tirbaħ aktar/iġġib dak li tlift,
kommunikazzjonijiet kummerċjali, aċċessibbiltà, frekwenza), 3) konnessjonijiet
kawżali ta’ tipi ta’ logħob/imħatri, 4) l-adegwatezza ta’ strumenti preventivi
(pereżempju, sinjali ta’ twissija, limiti personali, restrizzjoni ta’ ċertu
logħob/imħatri) u 5) it-tip ta’ trattament meħtieġ. Il-Kummissjoni
attwalment qed tfittex li takkwista informazzjoni rilevanti permezz ta’ ALICE
RAP[24],
proġett tar-riċerka kkofinanzjat mill-UE li fost l-oħrajn se jikkompila dejta,
jikklassifika l-vizzji, jivvaluta d-determinanti tad-dipendenza u
t-tranżizzjoni lejha, jippreżenta prattika ta’ governanza rigward il-vizzji u
jipprovdi ċifra kkonsolidata għall-iskala tal-problema fl-UE. Abbażi tar-rapporti intermedjarji li se jitfasslu
fl-ambitu ta’ dan il-proġett, il-Kummissjoni se tqis inizjattivi għal politika
tar-riċerka dwar l-iżvilupp ta’ disturbi tal-logħob tal-azzard, inklużi
l-individwazzjoni u t-trattament tagħha. AZZJONIJIET EWLENIN Il-Kummissjoni ·
Fl-2013, se tadotta Rakkomandazzjonijiet dwar
protezzjoni komuni tal-konsumaturi u dwar reklamar responsabbli tal-logħob
tal-azzard, ·
Se tappoġġa l-iffissar ta’ parametri referenzjari u
l-ittestjar ta’ għodod ta’ kontroll mill-ġenituri permezz tal-Programm ta’
Internet Aktar Sikur[25] u
l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa[26] biex
jittejbu s-sistemi ta’ klassifikazzjoni tal-etajiet u tal-kontenut, ·
Fl-2012, se tivvaluta rakkomandazzjonijiet dwar
vizzji online relatati mal-logħob tal-azzard fost l-adoloxxenti fl-ambitu
tal-proġett tal-UE NET ADB[27], ·
Fl-2014, se tirrapporta dwar il-gruppi ta’ ħidma
rilevanti fl-ambitu tal-ALICE RAP u se twettaq valutazzjoni ta’ dawn
ir-riżultati ta’ riċerka, ·
Mill-2013, se tivvaluta l-prestazzjoni tas-suq
tas-servizzi ta’ logħob tal-azzard online fl-ambitu tal-Istħarriġ ta’
Monitoraġġ tas-Suq tal-Konsumaturi. L-Istati Membri huma mħeġġa ·
Isaħħu l-informazzjoni u l-inizjattivi li joħolqu
kuxjenza dwar ir-riskji relatati mal-logħob tal-azzard, kif ukoll dwar offerti
ta’ logħob tal-azzard mhux irregolati, ·
Itejbu l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet
regolatorji tal-logħob tal-azzard u l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi ·
Iżidu d-disponibbiltà u l-użu ta’ prattiki ta’ sikurezza
online tat-tfal u taż-żgħażagħ biex jiġi evitat li dawn jiksbu aċċess għas-siti
tal-logħob tal-azzard, ·
Iwettqu stħarriġ u ġbir ta’ dejta dwar disturbi
tal-logħob tal-azzard.
2.4. Il-prevenzjoni
tal-frodi u tal-ħasil tal-flus
L-għanijiet ewlenin
ta' interess pubbliku tal-Istati Membri fir-rigward tal-ordni pubblika huma
l-prevenzjoni ta' frodi u ħasil ta' flus fil-logħob tal-azzard. Il-frodi u s-serq mill-karti ta’ kreditu ta’
kredenzjali bankarji huma rrapportati bħala l-iktar offiżi kriminali komuni b’rabta
mal-logħob tal-azzard online. Il-logħob
tal-azzard online jista' jintuża wkoll għall-ħasil ta' fondi li joriġinaw minn
attivitajiet illegali. Dawn l-offiżi
kriminali spiss jitwettqu b'mod transfruntier u jinvolvu kriminalità
organizzata. L-awtoritajiet
tal-Istati Membri kif ukoll l-operaturi rregolati jaffaċċjaw għadd ta’ sfidi
fir-rigward tal-applikazzjoni effikaċi ta’ mekkaniżmi kontra l-frodi u kontra
l-ħasil tal-flus. Jistgħu jiġu
trattati bl-aktar mod effiċjenti permezz ta’ kooperazzjoni u koordinazzjoni,
pereżempju permezz ta’ kooperazzjoni strutturata bejn awtoritajiet nazzjonali
tal-logħob tal-azzard, il-pulizija nazzjonali u awtoritajiet internazzjonali
tal-infurzar. Fir-Rakkomandazzjoni
dwar protezzjoni komuni tal-konsumaturi għandhom jitqiesu wkoll, sal-livell
xieraq, miżuri preventivi u protettivi rilevanti wkoll għall-ġlieda kontra
l-ħasil ta' flus (bħal pereżempju l-projbizzjoni li telf jiġġarrab fuq bażi
anonima). It-taħriġ tal-ġudikatura
dwar kwistjonijiet li jinvolvu frodi u ħasil tal-flus b’rabta mal-logħob
tal-azzard huwa meħtieġ ukoll.
2.4.1. Estensjoni tal-miżuri kontra l-ħasil tal-flus
Fir-rigward
tal-attivitajiet tal-logħob tal-azzard, id-Direttiva Kontra l-Ħasil tal-Flus[28] attwalment tapplika biss għall-każinojiet. Uħud mill-Istati Membri diġà estendew il-kamp ta’
applikazzjoni tad-Direttiva għal forom oħra ta’ logħob tal-azzard u għadd ta’
operaturi rregolati japplikaw għodod bħal proċessi ta’ verifika dwar
il-konsumaturi, ħolqien ta’ profili dwar il-konsumaturi u monitoraġġ tal-pagamenti. Biex jinħolqu kundizzjonijiet indaqs
għall-operaturi kollha tal-logħob tal-azzard kif ukoll biex jiġi żgurat livell
ta’ protezzjoni komparabbli fl-Istati Membri kollha, hija meħtieġa
applikazzjoni usa’ tad-Direttiva għas-servizzi kollha tal-logħob tal-azzard. Il-Kummissjoni,
fil-kuntest tal-analiżi tad-Direttiva, se tqis l-estensjoni tal-kamp ta’
applikazzjoni tagħha għall-forom kollha tal-logħob tal-azzard filwaqt li
tiżgura li tiġi rrispettata l-proporzjonalità.
2.4.2. Negħlbu s-serq tal-identità u forom oħra ta’ ċiberkriminalità
Il-konsultazzjoni
pubblika ċċarat il-fatt li t-tip ta' frodi l-aktar frekwenti marbuta mal-logħob
tal-azzard hija s-serq tal-identità. Madankollu,
dan jidher li qed jirrifletti xejra aktar ġenerali, jiġifieri l-isfida dejjem
tikber li s-serq tal-identità u forom oħra ta' ċiberkriminalità qed joħolqu
għall-provvediment online ta' servizzi. Dawn il-kwistjonijiet attwalment qed jiġu indirizzati mill-Kummissjoni
fil-kuntest tal-politika attwali tagħha dwar iċ-ċiberkriminalità, inkluż permezz
tal-proposta reċenti tagħha biex tistabbilixxi Ċentru Ewropew
taċ-Ċiberkriminalità[29].
Sabiex jiġi żgurat li s-soluzzjonijiet identifikati f'dan il-kuntest
jikkontribwixxu għal servizzi aktar sikuri tal-logħob tal-azzard online,
il-Kummissjoni se tinkoraġġixxi skambji ta' esperjenza u prattika tajba
fil-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità fi ħdan il-grupp ta' esperti dwar
il-logħob tal-azzard, kif ukoll skambji maċ-Ċentru Ewropew
taċ-Ċiberkriminalità, kif xieraq.
2.4.3. Is-salvagwardja tas-siġurtà tat-tagħmir tal-logħob tal-azzard
Iċ-ċertifikazzjoni
ta' tagħmir tal-logħob tal-azzard online inkluż software tal-logħob tal-azzard
ġeneralment tkun meħtieġa mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri meta
jkun qed jiddeċiedu dwar applikazzjoni għal liċenzja tal-logħob tal-azzard. Sabiex jiġi żgurat livell komparabbli ta' sigurtà
tal-logħob tal-azzard online fl-UE, jitnaqqas il-piż amministrattiv relatat
mal-proċeduri ta' ċertifikazzjoni nazzjonali differenti u tiġi pprovduta
l-possibbiltà ta' interoperabbiltà fejn xieraq, il-Kummissjoni se tesplora
l-merti tal-introduzzjoni ta' standard tal-UE dwar iċ-ċertifikazzjoni ta'
tagħmir tal-logħob tal-azzard. AZZJONIJIET EWLENIN Il-Kummissjoni ·
Fl-2012, se tqis l-estensjoni tal-kamp ta’
applikazzjoni tad-Direttiva Kontra l-Ħasil tal-Flus għall-forom kollha ta’
logħob tal-azzard, ·
Se tinkoraġġixxi, fil-kuntest tal-politika tagħha
dwar iċ-ċiberkriminalità, skambji ta' esperjenza u prattika tajba fi ħdan
il-grupp ta' esperti dwar il-logħob tal-azzard, kif ukoll skambji maċ-Ċentru Ewropew
taċ-Ċiberkrimialità, kif xieraq, ·
Fl-2013, se tesplora l-possibbiltà ta’ standard
tal-UE dwar it-tagħmir tal-logħob tal-azzard inkluż is-software tal-logħob
tal-azzard. L-Istati Membri huma mħeġġa ·
Jippromwovu t-taħriġ tal-ġudikatura dwar
kwistjonijiet li jinvolvu frodi u ħasil tal-flus b’rabta mal-logħob tal-azzard.
2.5. Is-salvagwardja
tal-integrità tal-isports u l-prevenzjoni tal-irranġar tal-partiti
L-imħatri relatati
mal-irranġar tal-partiti huma tip ta’ frodi speċifiċi li jmorru kontra
l-interessi tal-organizzazzjonijiet tal-isports, l-isportivi, il-lagħaba
(il-konsumaturi) u l-operaturi tal-logħob tal-azzard irregolati. L-irranġar tal-partiti jmur kontra l-prinċipju
tal-ġustizzja fil-kompetizzjonijiet sportivi, li huwa wieħed mill-għanijiet ta’
azzjoni tal-UE fil-kamp tal-isports (l-Artikolu 165 tat-TFUE). L-indirizzar tal-kwistjonijiet jeżiġi sforzi
konġunti u kkooordinati minn awtoritajiet pubbliċi, organizzazzjonijiet
tal-isports u operaturi tal-logħob tal-azzard[30].
Għadd ta’ mekkaniżmi regolatorji (kundizzjonijiet tal-liċenzjar tal-logħob
tal-azzard, statuti tal-federazzjonijiet tal-isports) u awtoregolatorji
(kodiċijiet ta’ kondotta) huma implimentati fl-UE kif ukoll kampanji
edukattivi, regoli dwar kunflitti ta’ interess, sistemi ta’ monitoraġġ tal-imħatri
u għodod ta’ twissija (żvelar (whistleblowing), hotlines eċċ.). Il-kooperazzjoni
bejn il-partijiet interessati teżisti iżda hija limitata fl-ambitu. Hemm ħtieġa ċara għal aktar kooperazzjoni bejn
operaturi tal-imħatri, korpi sportivi u awtoritajiet kompetenti inklużi
regolaturi tal-logħob tal-azzard, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak
internazzjonali.
2.5.1. It-trawwim tal-kooperazzjoni bejn il-partijiet interessati
Il-ftehimiet ta’
kooperazzjoni huma għodda utli f’dan il-qasam u l-Kummissjoni tinkoraġġixxi
l-iżvilupp ulterjuri tagħhom u li jiġu inklużi l-partijiet interessati kollha
(l-operaturi tal-logħob tal-azzard, l-organizzazzjonijiet tal-isports,
ir-regolaturi). Dawn il-ftehimiet
jiffaċilitaw b’mod effikaċi l-ħolqien ta' punti ta’ kuntatt nazzjonali fejn
l-atturi kollha rilevanti involuti fil-ġlieda kontra l-irranġar tal-partiti
fil-livell nazzjonali jistgħu jingħaqdu flimkien, jiskambjaw l-informazzjoni u
jikkoordinaw l-azzjonijiet. Il-punti
ta’ kuntatt nazzjonali huma element essenzjali ta’ kooperazzjoni effiċjenti
bl-għan li jingħelbu kwistjonijiet ta' rranġar tal-partiti fil-livell tal-UE u
globali.
2.5.2. L-iżvilupp ta’ miżuri kontra l-irranġar tal-partiti
L-approċċi tal-Istati
Membri għall-finanzjament ta’ miżuri kontra l-irranġar tal-partiti jvarjaw
b’mod konsiderevoli filwaqt li l-ebda wieħed mill-mudelli applikati attwalment
ma nstab li huwa bejn wieħed u ieħor aktar effiċjenti minn oħrajn. Il-Kummissjoni,
f'rakkomandazzjoni, se tiżviluppa miżuri kontra l-irranġar tal-partiti
applikabbli fl-Istati Membri u fid-dixxiplini tal-isports kollha
b’kooperazzjoni mal-partijiet interessati bl-għan li 1) tippromwovi skambju
aktar effiċjenti ta’ prattiki tajbin fil-prevenzjoni tal-imħatri relatati
mal-irranġar tal-partiti, inklużi inizjattivi ta' ħolqien ta' kuxjenza u taħriġ
għal dawk involuti fil-kamp tal-isports, 2) tiżgura rappurtar reċiproku u
azzjonijiet ta’ segwitu ta’ attivitajiet suspettużi mill-korpi tal-isports,
l-operaturi u r-regolaturi, inkluż il-ġbir ta’ ċifri affidabbli dwar l-iskala tal-problema,
3) tistabbilixxi dispożizzjonijiet minimi fir-rigward tal-kunflitti ta’
interess, pereżempju li l-isportivi u l-uffiċjali sportivi ma jitħallewx
jagħmlu mħatri u l-esklużjoni ta’ avvenimenti taż-żgħażagħ mill-imħatri, u 4)
tintroduċi hotlines u rappurtar ieħor jew mekkaniżmi ta’ twissija
għall-iżvelar. Se jiġu organizzati
gruppi ta’ ħidma ddedikati għal dan l-għan bl-involviment ta’ esperti dwar
il-logħob tal-azzard.
2.5.3. L-iżgurar tal-provvediment ta' deterrenti effikaċi għall-irranġar
tal-partiti
L-istudju dwar
l-irranġar tal-partiti fl-isports[31] sab li
l-irranġar tal-partiti huwa kriminalizzat fl-Istati Membri kollha. Indika wkoll li inkriminazzjoni speċifika ta’
offiża sportiva ma twassalx neċessarjament għal infurzar aħjar jew għal inqas
każijiet suspettużi. In-nuqqasijiet
ewlenin b'rabta mal-prosekuzzjoni ta' każijiet ta' rranġar tal-partiti huma ta'
natura operazzjonali u inizjattivi fil-livell tal-UE għandu jkollhom l-għan li
jtejbu l-infurzar ta' regoli kontra l-irranġar tal-partiti. Il-Kummissjoni qed
tipparteċipa fil-ħidma tal-Kunsill tal-Ewropa li qed jiddiskuti konvenzjoni
possibbli kontra l-manipulazzjoni ta' riżultati sportivi. L-għan huwa li s-sistemi nazzjonali jiġu pprovduti bl-għodod,
l-għarfien espert u r-riżorsi neċessarji biex tingħeleb din it-theddida.
2.5.4. Il-promozzjoni ta’ kooperazzjoni internazzjonali
Il-Kummissjoni, billi
tuża parti mill-fondi disponibbli taħt l-Azzjoni Preparatorja għal Sħubijiet
Ewropej fl-Isports 2012[32], se
tniedi proġetti pilota bl-għan li tiġi promossa kooperazzjoni internazzjonali
fil-prevenzjoni ta’ rranġar tal-partiti. Bl-istess mod se tkompli tikkoopera mal-Kumitat Olimpiku
Internazzjonali (KOI) u l-Kunsill tal-Ewropa li t-tnejn li huma pproponew u
żviluppaw miżuri biex il-kwistjoni tiġi indirizzata b’mod globali[33]. Il-Kummissjoni
se tesplora l-possibbiltà li tinkludi l-protezzjoni tal-integrità tal-isports u
li tikkumbatti l-irranġar tal-partiti f’diskussjonijiet ma’ pajjiżi terzi u
l-organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti fil-kamp tal-isports. AZZJONIJIET EWLENIN Il-Kummissjoni ·
Fl-2014, se tadotta Rakkomandazzjoni dwar l-aqwa
prattiki fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-imħatri relatati ma’ rranġar
tal-partiti, ·
Se tipparteċipa fil-ħidma tal-Kunsill tal-Ewropa
dwar Konvenzjoni possibbli kontra l-manipulazzjoni ta’ riżultati sportivi, ·
Se tippromwovi l-kooperazzjoni u d-djalogu
internazzjonali fil-prevenzjoni tal-irranġar tal-partiti. L-Istati Membri huma mħeġġa ·
Jistabbilixxu punti ta’ kuntatt nazzjonali li
jiġbru flimkien lil dawk kollha rilevanti involuti fil-ġlieda kontra l-irranġar
tal-partiti, ·
Jattrezzaw is-sistemi ġuridiċi u amministrattivi
nazzjonali bl-għodod, l-għarfien espert u r-riżorsi biex jikkumbattu l-irranġar
tal-partiti, ·
Iqisu finanzjar sostenibbli ta’ miżuri favur
l-integrità tal-isports.
3.
Konklużjonijiet
Reazzjoni
għall-isfidi regolatorji u tekniċi varji tas-settur tal-logħob tal-azzard
online teżiġi miżuri sodi u effikaċi. L-azzjonijiet imħabbra f’din il-Komunikazzjoni jiffurmaw parti minn
strateġija komprensiva biex jintlaħqu dawn l-isfidi. Il-Kummissjoni
Ewropea se taħdem flimkien mal-Parlament Ewropew, mal-Istati Membri u
mal-partijiet kollha interessati kkonċernati fuq l-implimentazzjoni immedjata
ta’ din il-Komunikazzjoni. Se titlob
li fl-2012 issir l-ewwel laqgħa tal-grupp ta’ esperti dwar il-logħob tal-azzard
u se tagħti bidu għal djalogu mal-partijiet interessati kollha. Konferenza tal-partijiet interessati se tiġi
organizzata fl-2013. Il-Kummissjoni
Ewropea se tevalwa l-implimentazzjoni ta’ din il-Komunikazzjoni u l-applikazzjoni
tal-miżuri mill-Istati Membri u l-partijiet interessati. Se tirrapporta dwar il-progress miksub billi tippubblika rapport fi
żmien sentejn mill-adozzjoni ta’ din il-Komunikazzjoni. Fir-rapport, il-Kummissjoni se tivvaluata jekk l-azzjonijiet kif implimentati
humiex biżżejjed, notevolment fir-rigward tal-għanijiet ta’ protezzjoni aktar
effikaċi tal-konsumaturi u tal-provvediment ta' deterrenti għall-irranġar
tal-partiti. Il-Kummissjoni se
tivvaluta wkoll jekk dawn l-azzjonijiet jipprovdux qafas xieraq tal-UE
għal-logħob tal-azzard online jew jekk jeħtieġx li jittieħdu miżuri
addizzjonali, u fejn meħtieġ miżuri leġiżlattivi, fil-livell tal-UE. [1] It-terminu “logħob tal-azzard online” jirreferi għal firxa
ta’ servizzi u kanali ta’ distribuzzjoni differenti ta’ logħob tal-azzard. Għal
deskrizzjoni ġenerali u diskussjoni tad-definizzjonijiet irreferi
għat-Taqsima 2 tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal [2] Fl-2011 id-dħul annwali tas-suq kollu
tal-logħob tal-azzard fl-UE kien stmat li jammonta għal madwar EUR 84.9 biljun,
b'rati ta' tkabbir annwali ta' madwar 3 %. Bejn l-2008 u l-2011 is-suq
tal-logħob tal-azzard mhux virtwali kiber b’madwar 8.3 %. [3] H2 Gambling Capital (ditta ta' konsulenza
dwar il-logħob tal-azzard u l-imħatri) [4] Green Paper dwar il-logħob tal-azzard
onlajn fis-Suq Intern (COM(2011) 128 finali) [5] Numru ta’ referenza tad-Dokument ta’
Ħidma tal-Persunal [6] Minorenni kif użata f’din
il-Komunikazzjoni tinkludi t-“tfal”. F’konformità mal-Artikolu 1
tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal, it-“tfal” huma kwalunkwe
persuna taħt it-18-il sena. F’ċerti Stati Membri ż-żgħażagħ huma
koperti bir-reġim applikabbli għat-tfal. [7] L-azzjonijiet kollha proposti biex
jittieħdu mill-Kummissjoni f’dan id-dokument huma konsistenti u kompatibbli
mal-qafas finanzjarju pluriennali attwali [8] It-3057 Konklużjoni tal-Kunsill
KOMPETITTIVITÀ dwar il-qafas għal-logħob tal-azzard u l-imħatri fl-Istati
Membri tal-UE, l-10 ta’ Diċembru 2010 [9] Rapporti ta’ progress min-naħa
tal-Presidenzi tal-Kunsill dwar il-qafas għal-logħob tal-azzard u l-imħatri
fl-Istati Membri tal-UE, l-10 ta’ Diċembru 2010 (2008-2011) [10] 2011/2084(INI) [11] KESE 1581/2011 - INT/579 [12] Id-Direttiva 98/34/KE li
tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards
u tar-Regolamenti Tekniċi, kif emendata bid-Direttiva 98/48/KE [13] Id-Direttiva 95/46/KE dwar
il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali u
dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta; għar-riforma dwar il-protezzjoni
tad-dejta u l-pakkett ta' riforma adottat mill-Kummissjoni
fil-25 ta' Jannar 2012 żur is-sit: http://ec.europa.eu/justice/newsroom/data-protection/news/120125_en.htm [14] Regolament dwar kooperazzjoni
amministrattiva permezz tal-IMI (abbażi tal-proposta tal-Kummissjoni COM(2011)
522 finali) huwa mistenni li jiġi adottat formalment mill-Parlament Ewropew u
mill-Kunsill f’Settembru/Ottubru 2012. Dan ir-Regolament se joħloq
il-possibbiltà li jitnedew proġetti pilota tal-IMI biex jiġi ttestjat l-użu
tal-IMI għal kooperazzjoni amministrattiva, inkluż l-iskambju ta’ dejta
personali, fi kwalunkwe qasam tas-suq intern sakemm ikun hemm bażi ġuridika
għall-iskambju ta’ din id-dejta. [15] Id-disponibbiltà ta' servizzi
tal-logħob tal-azzard mhux awtorizzati fl-Istat Membru li jkun qed jirċevihom
ma timplikax li dawn is-servizzi mhumiex irregolati fl-Istat Membru
tal-oriġini. Lanqas ma timplika li mhumiex awtorizzati fi Stati Membri oħra li
jirċevuhom. [16] Ir-Regolament (KE)
Nru 2006/2004 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali
responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi
(ir-Regolament dwar kooperazzjoni fil-protezzjoni tal-konsumaturi) [17] Għal aktar dettalji ara http://ec.europa.eu/internal_market/e-commerce/notice-and-action/index_en.htm [18] Eż. logħob tal-azzard
problematiku, logħob tal-azzard patoloġiku, logħob tal-azzard eċċessiv [19] H2 Gambling Capital [20] Aġenda għall-Konsumaturi Ewropej
- Spinta lill-fiduċja u lit-tkabbir (COM(2012) 225 finali) [21] Kif propost fil-proposti għal Direttiva
dwar is-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim, għat-tilwim tal-konsumaturi u
r-Regolament dwar l-ODR tal-konsumaturi fuq http://ec.europa.eu/consumers/redress_cons/adr_policy_work_en.htm [22] Strateġija Ewropea għal Internet
Aħjar għat-Tfal (COM(2012) 196 final) [23] Id-Direttiva 2005/29/KE
dwar prattiki kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern u li
temenda d-Direttiva 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u
2002/65/KE u r-Regolament (KE) 2006/2004 [24] Dan huwa proġett transdixxiplinari,
iffinanzjat mis-Seba' Programm Kwadru għar-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku. Jiffoka fuq
ir-riċerka relatata ma' vizzji u stili ta' ħajja fl-Ewropa fuq ħames snin
(2011-2015); Għal aktar tagħrif: http://ec.europa.eu/research/social-sciences/projects/486_en.html [25] Id-Deċiżjoni Nru 1351/2008/KE li tistabbilixxi
programm Komunitarju pluriennali dwar il-ħarsien tat-tfal li jużaw l-Internet u
t-teknoloġiji l-oħrajn tal-komunikazzjoni [26] Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u
tal-Kunsill li tistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (COM (2011) 665) [27] Dan il-proġett għandu l-għan li jevalwa l-prevalenza u
d-determinanti ta’ użu tal-internet li jqarreb għall-vizzju u ta’ vizzju
tal-internet fost l-adoloxxenti Ewropej [28] Id-Direttiva 2005/60/KE
dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal-money
laundering u l-finanzjament tat-terroriżmu [29]
Il-Ġlieda kontra
l-Kriminalità f'din l-Era Diġitali: Il-Ħolqien ta' Ċentru Ewropew
taċ-Ċiberkriminalità (COM (2012) 140 final) [30] Ara d-Dikjarazzjoni ta' Nicosia dwar
il-Ġlieda Kontra l-Irranġar tal-Partiti
tal-20 ta' Settembru 2012 [31] http://ec.europa.eu/sport/news/20120410-study-on-match-fixing_en.htm [32] http://ec.europa.eu/sport/news/20120417-2012-call-for-proposals_en.htm [33] CM/Rec(2011)10,
Rakkomandazzjonijiet tal-KOI tat-2 ta’ Frar 2012 kontra
l-irranġar tal-partiti