Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012DC0478

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Promozzjoni tal-użu kondiviż ta’ riżorsi tal-ispettru tar-radju fis-suq intern

    /* COM/2012/0478 final */

    52012DC0478

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Promozzjoni tal-użu kondiviż ta’ riżorsi tal-ispettru tar-radju fis-suq intern /* COM/2012/0478 final */


    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    Promozzjoni tal-użu kondiviż ta’ riżorsi tal-ispettru tar-radju fis-suq intern

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    1.           Introduzzjoni

    L-Unjoni Ewropea qed taffaċċa tkabbir esponenzjali fit-traffiku tad-dejta mingħajr fili (wireless). Il-konnettività mingħajr fili qed issir dejjem iżjed importanti fl-ekonomija. Sorsi tal-industrija jbassru li t-traffiku globali tad-dejta mobbli se jiżdied b’26 % kull sena sal-2015. Sa dak iż-żmien, se jkun hemm 7.1 biljun telefown, tablets u strumenti mobbli oħrajn li jkunu jistgħu jaqbdu mal-internet. Il-broadband mingħajr fili sar mezz ta’ aċċess għall-internet minn kullimkien għaċ-ċittadini fl-Ewropa, u l-operaturi tan-netwerks mobbli jridu jissodisfaw id-domanda tal-utenti li qed tikber. Ħafna setturi ekonomiċi oħrajn, apparti dak tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, għandhom ukoll jibbenefikaw minn innovazzjonijiet mingħajr fili u applikazzjonijiet tad-dejta b’veloċità qawwija li jistgħu jtejbu l-produttività u jassiguraw tkabbir sostenibbli.

    L-ilħuq tal-ħtiġijiet tal-ispettru li qed jikbru, għal konnettività mingħajr fili, huwa ristrett minħabba nuqqas ta’ spettru vakanti u l-prezz għoli assoċjat mar-riallokazzjoni tal-ispettru għal użi ġodda, f'termini ta' spejjeż, dewmien u l-ħtieġa okkażjonali li jiġu skonnetjati utenti eżistenti. L-użu aktar effiċjenti u l-innovazzjoni huma kruċjali sabiex tiġi sodisfatta d-domanda li qed tikber. Fl-għaxar snin li ġejjin, il-progress teknoloġiku jista’ jippermetti għadd dejjem akbar ta’ utenti biex jikkondividu drittijiet tal-aċċess b’mod simultanju għal medda ta’ frekwenzi speċifika. Madankollu, l-ambjent regolatorju jrid jippermetti li dan iseħħ.

    L-użu kondiviż tal-ispettru jinvolvi utenti differenti li lkoll igawdu d-dritt li jużaw medda ta’ frekwenzi mogħtija f'varjetà ta' relazzjonijiet differenti. Dan fil-fatt irendi riżorsi addizzjonali tal-ispettru disponibbli u jnaqqas l-ostakli tal-aċċess għall-ispettru għal utenti ġodda. Studju mwettaq għall-Kummissjoni juri li s-sejba ta’ riżorsi kondiviżi addizzjonali tal-ispettru għall-broadband mingħajr fili tista’ toħloq benefiċċji ekonomiċi netti sinifikanti għall-UE. B'żieda ta' bejn 200 u 400 MHz fl-aċċess kondiviż għall-ispettru għall-broadband mingħajr fili, ix-xenarji evalwati fl-istudju juru żieda netta fil-valur għall-ekonomija Ewropea ta’ bosta mijiet ta’ biljuni ta’ euro sal-2020[1].

    Peress li l-ġestjoni tal-ispettru hija prerekwiżit essenzjali għas-suq diġitali uniku, din l-inizjattiva tikkontribwixxi direttament għall-ilħuq tal-oġġettivi tal-istrateġija Ewropa 2020 u, meta tiġi implimentata, tista’ tikkontribwixxi sabiex tirrinforza l-ekonomija Ewropea. Biex naħsdu l-benefiċċji kollha tal-kondiviżjoni tal-ispettru jirrikjedi mhux biss it-tneħħija tal-ostakli regolatorji attwali għat-tnedija ta’ teknoloġiji innovattivi tal-aċċess bir-radju, iżda wkoll l-iffaċilitar attiv tal-kondiviżjoni. F’konformità mal-Programm tal-Politika tal-Ispettru tar-Radju (RSPP)[2], il-Kummissjoni għalhekk qed tfittex l-approvazzjoni tal-politika l-iktar mifruxa possibbli tal-passi proposti biex trawwem l-iżvilupp ta’ innovazzjonijiet mingħajr fili fl-UE biex tiżgura li l-ispettru attwalment allokat ikun sfruttat kemm jista’ jkun.

    Din il-Komunikazzjoni tistipula l-isfond regolatorju, il-fatturi li jixprunaw u li jippermettu l-użu kondiviż tal-ispettru, u l-isfidi għall-użu akbar tiegħu. It-taqsima 5 tiddeskrivi l-approċċ il-ġdid propost biex jagħti inċentivi u ċertezza legali għall-kondiviżjoni tal-ispettru. It-taqsima 6 tipproponi l-passi li jmiss biex jitrawwem l-użu kondiviż tal-ispettru fis-suq intern fuq meded ta’ frekwenzi mhux liċenzjati u liċenzjati.

    2.           Sfond regolatorju

    Il-qafas regolatorju tal-UE għall-komunikazzjonijiet elettroniċi[3] jipprova jiffaċilita l-aċċess għall-ispettru, abbażi tas-sistema ta’ awtorizzazzjoni l-inqas oneruża possibbli. Dan il-qafas jiffavorixxi l-użu ta’ awtorizzazzjonijiet ġenerali, ħlief fejn liċenzji individwali ikunu ċarament meħtieġa, eż. biex tkun żgurata l-protezzjoni kontra interferenza dannuża. Jistabbilixxi l-prinċipji tal-użu effiċjenti u l-ġestjoni effettiva tal-ispettru, kif ukoll it-teknoloġija u n-newtralità tas-servizz. Ir-RSPP jestendi dawn il-prinċipji għall-oqsma kollha rilevanti tal-politika tal-UE[4]. Biex jitjiebu l-effiċjenza u l-flessibbiltà, dan jirrikjedi lill-Istati Membri, f’kooperazzjoni mal-Kummissjoni, biex irawwmu, fejn xieraq, l-użu kollettiv u l-użu kondiviż tal-ispettru[5].

    B’mod konformi mal-għan tal-politika tal-Unjoni li jiġi assenjat spettru suffiċjenti b’mod xieraq u f’waqtu u li jissodisfa bl-aħjar mod id-domanda li qed tikber għall-broadband mingħajr fili, ir-RSPP jimmira li jidentifika mill-inqas 1200 MHz sal-2015 kif ukoll li jiffaċilita l-aċċess għall-ispettru permezz ta' awtorizzazzjonijiet ġenerali [6]. L-approċċi ta’ kondiviżjoni tal-ispettru, eż. in-netwerks tar-radju taż-żona lokali (RLANs – radio local area networks), l-istazzjonijiet bażi ċellulari żgħar u netwerks tal-mesh huma espliċitament imsemmija[7]. Ir-RSPP jirrikjedi wkoll lill-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri, biex tivvaluta l-possibbiltà li testendi l-allokazzjoni tal-ispettru mhux liċenzjat għal sistemi ta’ aċċess mingħajr fili[8]. L-ilħuq ta’ dawn l-għanijiet jirrikjedi soluzzjonijiet adattati għas-sitwazzjonijiet differenti ta’ awtorizzazzjoni. Minbarra meded ta’ frekwenzi li huma eżenti minn liċenzja u meded ta’ frekwenzi liċenzjati esklussivament, hemm ukoll meded ta’ frekwenzi fejn għadd ta’ utenti għandhom liċenzji, jiġifieri fejn id-drittijiet tal-użu mhumiex esklussivi.

    Finalment, ir-RSPP jistabbilixxi inventarju tal-ispettru inter alia biex jidentifika l-opportunitajiet ta’ kondiviżjoni tal-ispettru[9]. Fl-implimentazzjoni ta’ dawn l-azzjonijiet, il-Kummissjoni għandha tiżgura li d-drittijiet mirquma fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE huma rispettati[10].

    3.           fatturi li jixprunaw u li jippermettu l-użu kondiviż tal-ispettru

    L-użu kondiviż tal-ispettru jirreferi għal sitwazzjonijiet fejn għadd ta’ utenti u/jew tagħmir indipendenti jingħataw permess jaċċessaw l-istess medda ta’ frekwenzi taħt ċerti kundizzjonijiet. Kif muri fit-tliet eżempji li ġejjin, il-partijiet interessati qegħdin dejjem aktar imorru għall-possibbilitajiet emerġenti ta’ kondiviżjoni biex jissodisfaw domandi li qed jikbru għall-konnettività mingħajr fili. Sabiex jiġu massimizzati l-benefiċċji tal-użu effiċjenti tal-ispettru, hemm bżonn li nappoġġaw din ix-xejra, filwaqt li niżguraw li ma hemm l-ebda deterjorament fil-kwalità tas-servizzi pprovduti.

    3.1.        Broadband mingħajr fili

    In-netwerks tal-Wi-Fi huma l-iżjed eżempji magħrufa ta’ kif attwalment iċ-ċittadini u n-negozji Ewropej qed jikkondividu l-ispettru. Billi joperaw fuq il-meded ta’ frekwenzi armonizzati għal RLAN[11], l-infrastrutturi tal-broadband mingħajr fili bbażati fuq teknoloġiji Wi-Fi diġà jappoġġaw konnessjonijiet tal-internet irħas u faċilment aċċessibbli f'xi Stati Membri. Dan jistimula l-iżvilupp ta’ servizzi onlajn sabiex jirrealizzaw il-potenzjal tat-tkabbir u l-iżvilupp ta' soluzzjonijiet kummerċjali ġodda u innovattivi fl-Ewropa[12].

    Aktar minn nofs it-traffiku kollu tas-smartphones jidher li jgħaddi minn fuq in-netwerks tal-Wi-Fi, u dan it-traffiku nomadiku qed jikber 4-6 darbiet aktar mgħaġġel mit-traffiku mobbli. Il-bejgħ globali ta’ tagħmir li jaħdem bil-Wi-Fi għandu jkun laħaq 3.5 biljun unità sal-2014[13]. L-operaturi tan-netwerk mobbli wkoll qed jiddependu fuq l-istess frekwenzi RLAN li huma eżenti mil-liċenzja għall-offloading tad-dejta biex iżidu l-kapaċità tan-netwerk, itejbu l-kopertura fil-binjiet u jiffrankaw l-ispejjeż.

    L-operaturi li għandhom liċenzji esklussivi jistgħu wkoll iżidu l-effiċjenzi fin-netwerks mobbli rispettivi tagħhom bl-użu komuni ta’ frekwenzi f'żoni ġeografiċi speċifiċi. Fl-2011, il-Grupp tal-Politika tal-Ispettru tar-Radju (RSPG) ikkonkluda li l-kondiviżjoni tal-ispettru tista’ tippromwovi użu aktar effiċjenti tar-riżorsi, sakemm jiġu kkunsidrati bir-reqqa l-implikazzjonijiet tal-kompetizzjoni u li l-ftehimiet meħtieġa tal-kondiviżjoni ikunu permessi fl-Istati Membri kollha[14].

    L-użu kondiviż ta’ frekwenzi tal-broadband mingħajr fili liċenzjati jew eżenti minn liċenzja jippermetti l-iffrankar fl-ispejjeż għall-operaturi tan-netwerks mobbli, konnettività tal-internet irħisa u possibbiltajiet ta’ kondiviżjoni tal-infrastruttura.

    3.2.        Is-soċjetà konnessa mingħajr fili

    Il-ħtiġijiet li qed jikbru tal-konnettività mingħajr fili mhux biss jirriżultaw mill-broadband mingħajr fili iżda wkoll minn applikazzjonijiet eż. smart meters/grids jew komunikazzjonijiet bejn magna u magna oħra (M2M – machine-to-machine). Bħalissa, madwar 80 % tat-teknoloġiji l-ġodda mingħajr fili koperti mill-Istitut Ewropew tal-Istandards tat-Telekommunikazzjoni (ETSI) huma żviluppati biex joperaw fuq meded ta’ frekwenzi kondiviżi eżenti minn liċenzja[15]. Innovazzjonijiet bħal dawn jipprovdu benefiċċji f’diversi modi, pereżempju permezz ta’ applikazzjonijiet ta’ awtomazzjoni fid-djar ibbażati fuq sensuri mingħajr fili li jistgħu jżidu s-sostenibilità tal-ħajja ta' kuljum taċ-ċittadini tal-UE – eż. billi nitfu d-dwal meta ma nkunux id-dar jew billi nirregolaw is-sistemi tal-arja kkundizzjonata skont it-temperatura.

    Il-Konferenza Ewropea tal-Amministrazzjonijiet Postali u tat-Telekomunikazzjonijiet (CEPT) reċentement sabet li eż. fuq il-medda ta’ frekwenzi armonizzata 863-870 MHz eżenti minn liċenzja biss, kull sena jinbiegħu fl-Ewropa mill-inqas 40 miljun apparat mingħajr fili (inkluż kontrolli mill-bogħod, allarmi u sensuri)[16]. Dawn l’hekk imsejħa Tagħmir ta’ Medda Qasira (SRD – Short Range Devices)[17] jagħmlu wkoll in-negozji aktar effiċjenti billi jnaqqsu l-ispejjeż u jżidu l-produttività, pereżempju b’sistemi RFID fil-loġistika u l-applikazzjonijiet bl-imnut.

    L-applikazzjonijiet kollha bħal dawn tal-Internet tal-Oġġetti (IoT) joperaw fuq meded ta’ frekwenzi armonizzati eżenti minn liċenzja. Il-valur ta’ dawn il-meded ta’ frekwenzi huwa sinifikanti, għaliex huma aċċessibbli liberalment minn kwalunkwe tagħmir li huwa konformi mar-regoli tal-aċċess għall-ispettru rilevanti sabiex jevita l-interferenza mingħajr il-ħtieġa li jikseb liċenzja tal-ispettru.

    Madankollu, l-SMEs u l-innovaturi, li għalihom aċċess bħal dan huwa partikolarment importanti, ukoll iridu jiżguraw li t-teknoloġiji tagħhom jistgħu jlaħħqu mal-potenzjal ta’ interferenza fuq meded ta’ frekwenzi kondiviżi fejn id-drittijiet tal-protezzjoni mhumiex garantiti minn awtorità regolatorja nazzjonali (NRA). L-innovazzjonijiet mingħajr fili għalhekk mhux biss jippermettu l-kondiviżjoni tal-ispettru, iżda jsiru wkoll fatturi li jixprunaw l-użu kondiviż, kif muri mill-arranġamenti tal-kondiviżjoni emerġenti[18].

    Ix-xejra lejn soċjetà konnessa turi l-valur miżjud ta’ ostakoli baxxi għall-aċċess għall-ispettru fuq meded ta’ frekwenzi kondiviżi eżenti minn liċenzja bħala l-pedament għall-innovazzjoni mingħajr fili li tistimula l-iżvilupp u l-iskjerament ta' teknoloġiji mingħajr fili iktar b'saħħithom.

    3.3.        Riċerka u teknoloġiji innovattivi

    L-isfruttar tal-benefiċċji kollha tal-kondiviżjoni tal-ispettru jirrikjedi riċerka dedikata dwar l-aċċess dinamiku għall-ispettru, kif appoġġat mis-Seba’ (7) Programm Qafas (FP7), bi proġetti li jindirizzaw teknoloġiji li jippromwovu r-radju konjittiv, kondiviżjoni dinamika tal-ispettru u aggregazzjoni tal-ispettru[19]. Sa mill-bidu tal-FP7, ġew investiti madwar EUR 50 miljun taħt kull programm ta’ ħidma ta' sentejn fir-riċerka marbuta mal-ispettru.

    Dawn il-proġetti wasslu għal avvanzi progressivi. Il-kondiviżjoni dinamika tal-ispettru hija diġà inkluża fl-istandards attwali għal RLANs fuq 5 GHz biex tkun permessa l-kondiviżjoni mar-radars. It-teknoloġiji tar-radju konjittiv joffru servizzi f’koeżistenza mat-trażmettituri tat-televiżjoni, is-servizz primarju fuq il-medda ta’ frekwenzi UHF, permezz tal-użu ta’ informazzjoni bbażata fuq il-pożizzjoni biex jiddeterminaw spettru mhux użat fuq u bejn meded ta’ frekwenzi tax-xandir (l-hekk imsejjħin “white spaces”). Il-provi fil-Ġermanja, is-Slovakkja u r-Renju Unit juru li dan l-approċċ qed joqrob il-varar fil-prattika.

    Il-Kummissjoni qed tappoġġa din ix-xejra billi toħroġ mandat ta’ standardizzazzjoni biex jiġi armonizzat l-aċċess għall-informazzjoni bbażata fuq il-pożizzjoni għal dawn it-teknoloġiji permezz ta’ bażijiet tad-dejta tal-ġeolokazzjoni[20]. Il-mandat jidentifika oqsma fejn l-istandards huma meħtieġa biex irawmu l-konformità mal-leġiżlazzjoni tal-UE u dik nazzjonali dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ tagħmir tar-radju, b’mod partikolari mad-Direttiva R&TTE[21], biex ikun permess l-iżvilupp u l-użu ta’ teknoloġiji bħal dawn fl-Ewropa.

    Filwaqt li jiffokaw fuq il-ħolqien ta’ ekonomiji ta’ skala għall-ewwel varar, l-importanza li jintużaw il-“white spaces” mhix limitata għal medda ta’ frekwenzi speċifika. Jista’ jsir aktar biex jiġu sfruttati t-teknoloġiji tar-radju konjittiv, pereżempju, billi jkun hemm detezzjoni ta’ utenti oħrajn tal-ispettru. Qed issir ukoll riċerka biex jinħolqu netwerks li jorganizzaw lilhom nfushom li se jimmiraw li jimminimizzaw it-transinterferenza bejn l-istazzjonijiet bażi ċellulari żgħar fil-ġenerazzjonijiet tal-ġejjieni tat-teknoloġija broadband mingħajr fili.

    Ir-riċerka ippermettiet l-aċċess għall-ispettru biex jinfetaħ fuq bażi kondiviża filwaqt li tiżgura li s-servizzi primarji jiġu protetti. It-teknoloġiji tar-radju konjittiv qed jiżviluppaw illum bl-appoġġ ta’ mandati għal standards armonizzati u provi fi proġetti Ewropej ta’ riċerka. Jista' jkun mistenni aktar progress fil-qasam ta’ detezzjoni u l-użu ta' stazzjonijiet bażi ċellulari żgħar.

    4.           Sfidi fit-triq lejn użu aktar kondiviż tal-ispettru

    Bħala ma juru l-eżempji fit-taqsima preċedenti, l-ispettru tar-radju huwa riżors naturali ta’ valur kbir u limitat li jista’ jerġa’ jintuża b’mod aktar effiċjenti bl-avvanzi fit-teknoloġija. Fl-2011, ir-RSPG innota d-domanda għolja għall-użu kondiviż u sab li: “hemm ħtieġa għal iktar progress fuq mekkaniżmi regolatorji adatti fir-rigward tal-kondiviżjoni tal-ispettru”[22].

    L-isfida ewlenija għall-NRAs hija li jinstabu modi xierqa biex jiġi awtorizzat l-aċċess kondiviż għall-ispettru fuq medda ta’ frekwenzi, jiġifieri biex żewġ utenti jew aktar ikunu jistgħu jużaw l-istess medda ta’ frekwenza taħt arranġament ta’ kondiviżjoni definit. Sal-lum, l-utenti li jikkondividu meded ta’ frewkenzi eżenti minn liċenzja, bħall-SRDs, ma għandhomx drittijiet biex ikunu protetti kontra interferenza dannuża, filwaqt li utenti li jikkondividu l-frekwenzi abbażi ta’ liċenzji individwali jistgħu jibbenefikaw minn garanziji regolatorji f’dan ir-rigward. Biex isir aktar progress, l-NRAs iridu jindirizzaw dawn l-isfidi.

    4.1.        Ġestjoni tal-interferenza dannuża biex titneħħa l-inċertezza

    Huwa essenzjali għall-isfruttar tal-opportunitajiet ta’ kondiviżjoni li tkun żgurata l-koeżistenza bejn applikazzjonijiet differenti fl-istess medda ta’ frekwenzi. L-applikazzjonijiet ma għandhomx jinterferixxu ma’ xulxin sal-punt li l-funzjonijiet tagħhom jiġu degradati serjament. Il-livelli aċċettabbli ta’ interferenza u strateġiji ta’ mitigazzjoni xierqa għandhom ikunu definiti bejn l-utenti jew stabbiliti fil-kundizzjonijiet regolatorji għall-aċċess miftuħ għal medda ta’ frekwenzi.

    Il-mitigazzjoni tal-interferenza tista’ tintlaħaq permezz ta’ arranġamenti tal-kondiviżjoni affidabbli bbażati fuq regoli u kundizzjonijiet ċari u effettivi fir-rigward tal-medda ta’ frekwenzi, li joħolqu ċertezza kemm għall-utenti eżistenti kif ukoll għal dawk prospettivi.

    Barra minn hekk, biex tiżdied il-prevedibbiltà u l-aċċettazzjoni reċiproka tal-arranġamenti ta’ kondiviżjoni, huma kruċjali assunzjonijiet trasparenti fi studji ta’ kompatibbiltà inizjali u drittijiet dwar il-protezzjoni ċari għall-utenti primarji, inkluż l-infurzar ta’ livelli maqbula tal-mitigazzjoni tal-interferenza.

    4.2.        Ħolqien ta’ inċentivi u salvagwardji suffiċjenti għall-partijiet interessati kollha

    L-ibbilanċjar tal-impatt fuq ir-restrizzjonijiet eżistenti u tal-użu fuq kwalunkwe utent addizzjonali joħloq sfida. Filwaqt li l-operaturi eżistenti jridu jkunu assigurati li l-utenti addizzjonali se jimxu mar-regoli ta’ kondiviżjoni, jista’ wkoll ikun hemm spejjeż għal dawk eżistenti biex huma jiżguraw servizz ta’ kwalità tajba għall-utenti l-ġodda, eż. it-teknoloġiji ta’ mitigazzjoni jew riċevituri aktar b’saħħithom.

    Il-kondiviżjoni trid toffri vantaġġi għall-utenti kollha. L-utenti eżistenti, li jew huma soġġetti għal prezzijiet tal-ispettru jew jeħtieġu li jvaraw teknoloġiji mtejba biex jippermettu utenti addizzjonali biex ikollhom aċċess taħt arranġamenti attraenti tal-kondiviżjoni, jistgħu jfittxu kumpens finanzjarju.

    Se jkun neċessarju wkoll li jiġi żgurat li l-arranġamenti ta’ kondiviżjoni bejn l-utenti ma jaffettwax ħażin il-kompetizzjoni (f'konformità mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat[23]), u li jitqies l-impatt tal-possibbiltajiet ta’ kondiviżjoni fuq id-disinn tal-proċeduri tal-assenjament tal-ispettru fil-futur fl-Istati Membri.

    4.3.        Kapaċità ta’ meded ta’ frekwenzi eżenti minn liċenzja

    Billi l-utenti ta’ meded ta’ frekwenzi eżenti minn liċenzja ma jibbenefikawx minn xi protezzjoni regolatorja dwar il-konġestjoni, mhuwiex ċar jekk il-meded ta’ frekwenzi kondiviżi eżistenti għandhomx kapaċità biżżejjed – eż. jistgħu l-meded ta’ frekwenzi RLAN attwali jakkomodaw it-tkabbir kemm tal-aċċess privat għall-broadband u l-offloading tat-traffiku tad-dejta mobbli? L-NRAs jistgħu jibbenefikaw mill-użu tal-monitoraġġ billi oġġettivament jistabbilixxu previżjonijiet tal-konġestjoni u jtejbu l-affidabbiltà tal-arranġamenti ta’ kondiviżjoni fuq dawn il-meded ta’ frekwenzi għall-utenti kollha.

    Ġenerazzjoni ġdida ta’ tagħmir RLAN (magħruf bħala 802.11ac), li huwa mistenni li jkun fis-suq sa tmiem l-2012, tista’ tqarreb għall-veloċitajiet tal-utenti fuq in-netwerks ta' linja fissa. Filwaqt li jiddependu fuq spettru RLAN eżistenti ta’ 5 GHz, żviluppi bħal dawn se jirrikejdu kanali ta’ medda ta’ frekwenza wiesgħa ħafna li attwalment huma limitati fl-għadd tagħhom.

    Minħabba t-tendenzi attwali fl-użu tal-Wi-Fi, inkluż minn operaturi mobbli għall-offloading tad-dejta, għandha tingħata wkoll konsiderazzjoni dwar jekk għandux ikun identifikat iktar spettru mhux liċenzjat “mingħajr fili fiss” bħala parti mit-tfittixija għall-ispettru tal-broadband jew bħala sors komuni kumplimentarju.

    Trawwim ta’ użu aktar kondiviż tal-ispettru jirrikjedi:

    -           Li jkun hemm responsabbiltà reċiproka tal-utenti dwar limiti aċċettabbli ta’ interferenza u strateġiji ta’ mitigazzjoni li jixirqu;

    -           Li tingħata ċertezza legali dwar regoli u kundizzjonijiet applikabbli, proċeduri ta’ infurzar kif ukoll trasparenza dwar l-assunzjonijiet tal-kompatibbiltà u d-drittijiet ta’ protezzjoni;

    -           Li jingħata inċentiv f’teknoloġiji mtejba li huma ta’ benefiċċju għall-utenti eżistenti u addizzjonali, filwaqt li tiġi salvagwardjata u titrawwem il-kompetizzjoni;

    -           Li jiġu identifikati kanali ta’ medda ta’ frekwenza wiesgħa għall-iżvilupp ta’ RLAN kif ukoll jiġi pprovdut tbassir dwar il-konġestjoni sabiex tiżdied il-prevedibbiltà u l-affidabbiltà tal-iżjed meded ta’ frekwenzi kondiviżi importanti;

    -           Li jkun żgurat li kwalunkwe tranżizzjoni minn drittijiet esklussivi tal-użu għal użu kondiviż se ttejjeb il-kompetizzjoni minn utenti addizzjonali u b’mod partikolari ma toħloqx vantaġġi kompetittivi mhux dovuti għal detenturi tad-drittijiet attwali jew futuri.

    5.           Lejn qafas komuni għal aċċess għall-ispettru kondiviż fl-Ewropa

    L-NRAs jeħtieġu mezzi xierqa biex jippermettu arranġamenti ta’ kondiviżjoni xierqa u jrawmu l-użu kondiviż tar-riżorsi tal-ispettru sabiex it-teknoloġiji mingħajr fili emerġenti jkunu dejjem aktar kapaċi li “b’mod intelliġenti” jikkooperaw ma’ xulxin biex jevitaw l-interferenza reċiproka. Għalhekk il-Kummissjoni tipproponi li tiżviluppa żewġ għodod addizzjonali sabiex jiġu pprovduti aktar opportunitajiet ta’ aċċess għall-ispettru għal teknoloġiji innovattivi u biex jinċentivaw użu ikbar u iktar effiċjenti tar-riżorsi eżistenti tal-ispettru:

    (1) Approċċ tal-UE biex jidentifika opportunitajiet ta’ kondiviżjoni benefiċjali fuq meded ta’ frekwenzi armonizzati jew mhux armonizzati; u

    (2) Drittijiet tal-aċċess għall-ispettru kondiviżi bħala għodod regolatorji biex jawtorizzaw il-possibbiltajiet ta’ kondiviżjoni tal-liċenzja b’livelli garantiti ta’ protezzjoni kontra l-interferenza.

    5.1.        Identifikazzjoni tal-opportunitajiet ta' kondiviżjoni benefiċjali

    Fis-suq intern jistgħu jiġu identifikati opportunitajiet ta’ kondiviżjoni benefiċjali (BSO), kemm fuq il-meded ta’ frekwenzi liċenzjati kif ukoll fuq dawk li huma eżenti minn liċenzja, kull fejn il-benefiċċju soċjoekonomiku nett ikkumbinat tal-applikazzjonijiet multipli li jikkondividu medda ta’ frekwenzi ikun ikbar mill-benefiċċju soċjoekonomiku nett ta’ applikazzjoni unika, filwaqt li jitqiesu spejjeż addizzjonali li jirriżultaw mill-użu kondiviż[24].

    L-identifikazzjoni ta’ BSOs fuq medda ta’ frekwenzi speċifika jirrikjedi trasparenza dwar l-arranġamenti ta’ kondiviżjoni li jkunu applikabbli, b’mod partikolari (i) il-kundizzjonijiet ta’ kondiviżjoni, jiġifieri l-parametri tekniċi definiti minn NRA li jiddeterminaw il-ġerarkija tal-aċċess f’medda ta’ frekwenzi kondiviża[25]; u (ii) ir-regoli ta’ kondiviżjoni, jiġifieri d-dispożizzjonijiet dwar l-użu komuni li jippermettu l-kondiviżjoni, li jew jistgħu jiġu mandati minn NRA jew jiġu definiti minn utenti abbażi ta’ standards, protokolli komuni, jew ftehimiet ta’ kondiviżjoni li jikkonformaw mal-liġi tal-kompetizzjoni[26].

    Sabiex titrawwem l-innovazzjoni mingħajr fili u biex tiġi stimulata l-identifikazzjoni tal-BSOs, il-partijiet interessati jeħtieġu l-possibbiltà li japplikaw għand in-NRA rilevanti, abbażi ta’ proċess trasparenti, għad-dritt li jużaw meded ta’ frekwenzi tal-ispettru fuq bażi kondiviża. Kwalunkwe tali applikant għal BSO jkollu juri l-kapaċità li jikkondividi medda ta’ frekwenzi mingħajr ma jikkomprometti indebitament id-dritt tal-utenti eżistenti biex jużaw il-frekwenzi.

    L-UE jeħtiġilha tiddefinixxi proċess għall-identifikazzjoni tal-BSOs sabiex tiżgura applikazzjoni koerenti u konsistenti fl-Istati Membri kollha meta jiġu biex jindirizzaw każijiet individwali, biex tiffavorixxi l-ekonomiji ta’ skala tas-suq intern biex tagħti inċentiv lill-investimenti. Tali proċess jista’ jinkludi l-elementi ewlenin li ġejjin, applikati fuq meded ta’ frekwenzi armonizzati jew mhux armonizzati:

    · Skeda ta’ żmien armonizzata;

    · Opportunità għal negozjati bejn l-applikant u l-utent eżistenti, fejn l-NRA jaġixxi ta’ medjatur, biex jiġu ċċarati t-termini tal-BSO, inkluż (i) l-istrumenti biex jipprevjenu d-deterjorazzjoni tal-kwalità tas-servizz u (ii) id-distribuzzjoni tal-kondiviżjoni tal-ispejjeż (jekk hemm);

    · L-eżami tal-benefiċċji soċjoekonomiċi jkun jeħtieġ inter alia li jqis (i) il-kundizzjonijiet li taħthom saru l-assenjazzjonijiet eżistenti, inkluż l-ispejjeż imġarrba, u (ii) l-aspettattivi leġittimi tat-titolari tad-dritt eżistenti kif ukoll l-applikanti għal BSO. Huma rilevanti wkoll (iii) l-effetti dinamiċi li l-BSOs jista’ jkollhom fuq il-kompetizzjoni, kif ukoll fuq l-inċentivi tal-investiment għall-utenti eżistenti u dawk potenzjalment ġodda rispettivament, fil-kuntest tat-teknoloġiji ta’ konverġenza;

    · Il-mezzi għall-NRAs biex japprovaw BSO u biex jiżguraw iktar użu kondiviż tal-ispettru sabiex jintlaħaq l-użu l-aktar effettiv tal-ispettru possibbli, skont il-liġi tal-UE u nazzjonali applikabbli. Fejn xieraq, u filwaqt li jitqiesu d-drittijiet eżistenti, dan jista’ jinkludi l-possibbiltà li jiġu applikati miżuri bħal tariffi ta’ inċentiv fil-livell tal-ispiża soċjoekonomika identifikata;

    · L-għoti ta’ informazzjoni fil-livell tal-UE dwar l-applikazzjonijiet tal-BSO u fuq ir-riżultat tal-proċessi nazzjonali sussegwenti, kif ukoll il-possibbilità ta’ valutazzjoni tal-BSOs fil-kuntest tal-inventarju tal-ispettru u l-identifikazzjoni ta’ BSOs addattati għall-applikazzjoni madwar is-suq intern.

    Huwa meħtieġ li jiġi promoss l-investiment u li l-utenti tal-ispettru jiġu mħeġġa biex jagħmlu użu aħjar tal-assi tagħom tal-ispettru billi jiddefinixxu, f’'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, proċess u kriterji ewlenin fil-livell tal-UE biex jidentifikaw il-BSOs (eż. f'Rakkomandazzjoni), sabiex l-avvanzi teknoloġiċi jippermettu aktar opportunitajiet ta’ kondiviżjoni benefiċjali (BSO) fis-suq intern.

    5.2.        Awtorizzazzjoni tal-aċċess kondiviż għall-ispettru liċenzjat

    Ladarba tiġi identifikata u approvata BSO fuq frewkenza speċifika, din tista’ tirriżulta f’dividend ta’ kondiviżjoni ta’ riżorsi addizzjonali tal-ispettru kondiviż, jekk l-NRAs ikollhom l-għodod xierqa biex jawtorizzaw aċċess kondiviż għall-ispettru. Tali awtorizzazzjonijiet għandhom jingħataw skont il-liġi tal-UE u nazzjonali applikabbli, b’mod partikolari l-Artikoli 3, 5, 6, 7, 13 u 14 tad-Direttiva tal-Awtorizzazzjoni[27] filwaqt li jitqiesu d-drittijiet eżistenti tal-utenti eżistenti.

    Biex jiffaċilitaw l-identifikazzjoni tal-BSOs b’inċentivi bbażati fis-suq, il-kuntratti ta’ kondiviżjoni tal-ispettru jistgħu jservu bħala ftehimiet legalment vinkolanti li jippermettu lill-utenti eżistenti u l-applikanti tal-BSO biex jiddefinixxu d-drittijiet u l-obbligi rispettivi tagħhom, jiġifieri teknoloġiji u/jew spejjeż ta’ kondiviżjoni. Biex jiffaċilitaw tali kuntratti, l-NRAs jistgħu jiġu fdati biex jaġixxu bħala konsulenti tekniċi imparzjali u biex jirreġistraw it-termini ta’ tali ftehimiet. Tali kuntratti jistgħu jkunu neċessarji biex jimmodifikaw drittijiet tal-użu eżistenti fil-livell nazzjonali bi ftehim mal-utent eżistenti.

    L-operaturi eżistenti, li huma detenturi tad-drittijiet, jistgħu jibbenefikaw mir-riassigurazzjoni reċiproka ta’ kuntratt ta’ kondiviżjoni xieraq billi jipproponu BSOs, eż. entitajiet pubbliċi jistgħu joffru aċċess għall-kapaċitajiet tal-ispettru lill-operaturi kummerċjali bi tpattija għal kofinanzjament tal-infrastrutturi tan-netwerk għall-applikazzjonijiet tal-broadband fil-protezzjoni pubblika u l-għajnuna fid-diżastri (PPDR – public protection and disaster relief).

    Jekk l-innovaturi jistgħu jqabblu l-opportunitajiet ta’ kondiviżjoni f’suq intern kompetittiv, xi inċentivi ekonomiċi għandhom iħeġġu proposti għall-kondiviżjoni ta’ kuntratti bbażati fuq teknoloġiji innovattivi u jippromwovu l-koeżistenza tal-istandards tat-teknoloġija.

    Barra minn hekk, li l-utenti jkunu jistgħu jinnegozjaw grad xieraq ta’ protezzjoni kontra interferenza dannuża u jikkonkludu kuntratti ta’ kondiviżjoni, jagħmilha possibbli li jinstabu BSOs abbażi ta’ użu attwali tal-ispettru. Dan ikun titjib fuq l-istudji tradizzjonali tal-kompatibbità teknika bbażati fuq mudelli statistiċi tal-kondiviżjoni tal-ispettru.

    Sabiex il-partijiet kontraenti jingħataw garanziji regolatorji biex jiġġustifikaw l-investimenti meħtieġa, l-NRAs ikunu jeħtieġu li jkunu jistgħu jagħtu drittijiet ta’ aċċess għall-ispettru kondiviż (SSAR – shared spectrum access rights) ibbażati fuq kuntratti ta’ kondiviżjoni li huma legalment vinkolanti lill-utenti kollha ta’ medda partikolari ta' frekwenzi.

    Is-SSARs għalhekk jistgħu jsiru għodda addizzjonali għall-NRAs biex jawtorizzaw aċċess għall-ispettru kondiviż fuq meded ta’ frekwenzi fejn BSO tkun ġiet identifikata u approvata, pereżempju, b’liċenzji individwali għall-utenti addizzjonali.

    Ir-RSPG reċentement enfasizza li approċċ ta’ aċċess kondiviż liċenzjat (LSA – licensed shared access) ikun qed jipprovdi utenti addizzjonali bi drittijiet ta’ aċċess għall-ispettru u kwalità garantita tas-servizz. Ikkonkluda li dan ikun qed jippermetti “l-utenti eżistenti biex ikomplu jużaw l-ispettru filwaqt li jipprovdi kapaċitajiet tal-ispettru lil utenti oħrajn”[28].

    Il-kuntratti ta’ kondiviżjoni tal-ispettru jipprovdu lill-utenti b'ċertezza legali filwaqt li joħolqu inċentivi bbażati fis-suq, inkluż kumpens finanzjarju, biex jidentifikaw aktar BSOs fis-suq intern, jekk l-NRAs jagħtu drittijiet tal-aċċess għall-ispettru kondiviżi lil utenti addizzjonali ta’ medda ta’ frekwenzi.

    6.           Il-passi li jmiss

    Biex jitrawwem l-iżvilupp tal-innovazzjonijiet mingħajr fili fl-UE, huwa meħtieġ li kontinwament jitjiebu l-opportunitajiet għal aċċess armonizzat għall-ispettru kemm fuq meded ta’ frekwenzi eżenti minn liċenzja kif ukoll fuq l-ispettru liċenzjat u li jiġu stabbiliti għodod ġodda għal aktar użu kondiviż tar-riżorsi tal-ispettru tar-radju fis-suq intern. Il-Kummissjoni għalhekk tipproponi li jittieħdu l-passi li ġejjin:

    (1)       Jiġu identifikati l-BSOs kemm fuq il-meded ta’ frekwenzi liċenzjati kif ukoll dawk li huma eżenti minn liċenzja billi:

    · Jiġi żviluppat, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri, proċess koerenti u konsistenti biex jiġu identifikati l-BSOs kif ukoll kriterji għall-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet tal-BSO sottomessi fil-livell nazzjonali skont il-liġi applikabbli tal-UE u nazzjonali filwaqt li jitqiesu l-elementi ewlenin imsemmija fit-Taqsima 5.1;

    · Tintuża d-dejta miġbura permezz tal-inventarju stabbilit mir-RSPP;

    · Jinħolqu kundizzjonijiet li jippermettu l-iżvilupp u l-varar ta’ Tagħmir tal-White Space ibbażat fuq standards armonizzati għal bażijiet tad-dejta tal-ġeolokazzjoni li jridu jitfasslu b'risposta għal Mandat tal-Kummissjoni li jmiss. Il-parti t’isfel tal-medda ta’ frekwenzi UHF (b’mod partikolari 470-698 MHz) għandha tipprovdi opportunità pijuniera tal-kondiviżjoni li twitti t-triq għall-użu ta’ dan l-approċċ fuq meded ta’ frekwenzi oħrajn.

    (2)       Titqies il-possibbiltà ta’ spettru suffiċjenti eżentat minn liċenzja, armonizzat fil-livell tal-UE, li jkun disponibbli għall-innovazzjonijiet mingħajr fili billi:

    · Jiġu żgurati arranġamenti ta’ kondiviżjoni prevedibbli u affidabbli fuq il-meded ta’ frekwenzi SRD, filwaqt li jiġu applikati l-prinċipji tan-newtralità fir-rigward tat-teknoloġija u s-servizzi, permezz ta’ aġġornamenti kontinwi tad-Deċiżjoni 2006/771/KE;

    · Tiġi studjata u mkejla l-kapaċità attwali u l-konġestjoni potenzjali tal-meded ta’ frekwenzi ta’ 2.4 u 5 GHz għall-offloading tad-dejta;

    · Skont ir-riżultat tal-istudji ta’ kondiviżjoni teknika u tal-impatt fis-suq, tiġi kkunsidrata l-allokazzjoni ta’ spettru armonizzat addizzjonali eżentat minn liċenzja għal servizzi RLAN (Wi-Fi) fuq 5 GHz permezz ta’ reviżjoni tad-Deċiżjoni 2005/513/KE;

    (3)       Tiġi definita, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, direzzjoni komuni li tippermetti aktar possibbilitajiet ta’ kondiviżjoni, abbażi ta’ ftehimiet kuntrattwali bejn l-utenti billi:

    · Jiġi rakkomandat format komuni għas-SSAR, terminoloġija komuni għad-dokumentazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ kondiviżjoni u regoli tal-kondiviżjoni u l-aħjar prassi f’awtorizzazzjonijiet tal-aċċess kondiviż biex jiġu ffaċilitati l-kuntratti, inkluż l-aspetti ta’ kompetizzjoni;

    · Tiġi organizzata konsultazzjoni pubblika biex jiġu identifikati l-ħtiġijiet tal-utenti u l-aħjar prassi għall-kuntratti ta’ kondiviżjoni kif ukoll il-ħtiġijiet possibbili ta’ standardizzazzjoni biex tappoġġa l-użu ta’ soluzzjonijiet innovattivi;

    · Jiġu żviluppati linji gwida għas-salvagwardja tal-użu effiċjenti tal-ispettru u titrawwem il-kompetizzjoni abbażi ta’ kuntratti ta’ kondiviżjoni bejn l-utenti li joperaw fis-swieq.

    [1]               Ara: Perspectives on the value of shared spectrum access, SCF Associates, Frar 2012 (SCF 2012).

    [2]               Id-Deċiżjoni 243/2012/UE tal-14 ta’ Marzu 2012, ĠU L 81 tal-21.3.2012, p. 7; Art. 4.1.

    [3]               Id-Direttiva 2009/140/KE, ĠU L 337, 18.12.2009, p. 37, u l-Art. 5.1 u 5.2, il-5 par. tad-Direttiva 2002/20/KE, ĠU L 108, 24.4.2002, p. 21, kif emendata fl-2009.

    [4]               RSPP Art. 2 u 3.

    [5]               RSPP Art. 4.1.

    [6]               RSPP Art. 3 (b) u (g).

    [7]               F’netwerks ċellulari (eż. UMTS, LTE jew WiMax) hekk imsejħa ċelloli pico jew femto jintużaw għall-offloading tad-dejta fi ħdan jew barra l-frekwenzi liċenzjati, RSPP Art. 6.10.

    [8]               RSPP Art. 6.7.

    [9]               RSPP Art. 9.1(b).

    [10]             Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Strateġija għall-implimentazzjoni effettiva tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea” COM(2010)573.

    [11]             Il-frewkenzi 2 400-2 483.5 MHz, 5 150-5 350 MHz, u 5 470-5 725 MHz.

    [12]             Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Qafas koerenti għall-bini ta’ fiduċja fis-Suq Uniku Diġitali tal-kummerċ elettroniku u tas-servizzi online” COM(2011)942.

    [13]             SCF 2012.

    [14]             RSPG11-374.

    [15]             SCF 2012.

    [16]             Abbozz tar-rapport KEE 182.

    [17]             Id-Deċiżjoni 2006/771/KE.

    [18]             eż. fuq il-meded ta’ frekwenzi 870-876 MHz u 915-921 MHz.

    [19]             eż. SAPHYRE, CogEU, Sacra, OneFit, Faramir, E3, Socrates, Walter, NEWCOM++, NetWorks, Samurai, EUWB, Ucells, CROWN.

    [20]             Il-mandat ta’ standardizzazzjoni għal CEN, CENELEC u ETSI għal Sistemi tar-Radju Rikonfigurabbli (RRS).

    [21]             Id-Direttiva 1999/5/KE, ĠU L 91, 7.4.1999, p. 10.

    [22]             RSPG11-392.

    [23]             Kif elaborat aktar fil-linji gwida tal-UE dwar ftehimiet ta’ kooperazzjoni orizzontali, ĠU C 11, 14.1.2011, p. 1.

    [24]             Opportunità ta’ kondiviżjoni benefiċjali (BSO - beneficial sharing opportunity) tista’ tiġi kkalkulata abbażi tal-formula li ġejja: benefiċċju nett tal-applikazzjoni A < (benefiċċju nett tal-applikazzjoni A+B+C …) – (spiża tal-kondiviżjoni). Evalwazzjoni bħal din tkun tista’ ssir qabel jew wara li tiġi varata medda ta’ frekwenzi tal-ispettru.

    [25]             jiġifieri jekk l-utenti jikkondividu medda ta’ frekwenzi fuq bażi ta’ relazzjoni primarja-sekondarja jew fost utenti indaqs.

    [26]             Japplikaw jew regoli statiċi ta’ koeżistenza għall-utenti kollha ta’ medda ta’ frekwenzi inkella regoli ta’ kooperazzjoni dinamika li jiddeterminaw l-aċċess għal spettru għal utent wieħed skont l-użu tal-istess medda ta’ frekwenzi minn utent ieħor.

    [27]             Id-Direttiva 2002/20/KE, ĠU L 108, 24.4.2002, p. 21, kif emendata fl-2009.

    [28]             RSPG11-392.

    Top