EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012DC0391

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI L-implimentazzjoni tal-Faċilità Ewropea ta' Mikrofinanzjament għall-Progress - 2011

/* COM/2012/0391 final */

52012DC0391

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI L-implimentazzjoni tal-Faċilità Ewropea ta' Mikrofinanzjament għall-Progress - 2011 /* COM/2012/0391 final */


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

L-implimentazzjoni tal-Faċilità Ewropea ta' Mikrofinanzjament għall-Progress - 2011

WERREJ

1........... Introduzzjoni................................................................................................................... 3

2........... L-implimentazzjoni fil-livell ta' fornituri ta' mikrokreditu..................................................... 4

2.1........ Kuntratti konklużi........................................................................................................... 4

2.2........ L-azzjonijiet iffinanzjati.................................................................................................... 6

2.3........ Applikazzjonijiet aċċettati u miċħuda............................................................................... 8

3........... L-Impatt fuq livell mikromutwatarju................................................................................. 8

3.1........ Il-volumi tal-mikroself u n-numru ta' benefiċjarji............................................................... 8

3.2........ Tipi ta’ benefiċjarji finali.................................................................................................. 8

3.3........ L-impatt soċjali u l-impatt fuq l-impjiegi tal-Mikrofinanzjament għall-Progress.................. 8

4........... Il-komplementarjetà u l-koordinazzjoni ma' strumenti oħra tal-Unjoni Ewropea................ 8

5........... Konklużjonijiet u prospettivi............................................................................................ 8

1.           Introduzzjoni

Il-Faċilità Ewropea ta' Mikrofinanzjament għall-Progress (Mikrofinanzjament għall-Progress) għall-impjiegi u l-inklużjoni soċjali kienet stabbilita f'Marzu 2010 permezz tad-Deċiżjoni Nru 283/2010/UE (minn hawn 'il quddiem imsejħa id-"Deċiżjoni").

Il-fornituri tal-mikrokreditu fl-Istati Membri tal-UE jistgħu japplikaw għal garanziji jew strumenti ffinanzjati (strumenti għad-dejn, għall-ekwità u għall-qsim tar-riskji) mill-Fond Ewropew għall-Investiment (FEI), sabiex ikunu jistgħu jsiru intermedjarji skont il-Mikrofinanzjament għall-Progress[1]. Dawn jagħtu mikroself (self ta' inqas minn EUR 25 000) lil mikrointrapriżi jew individwi, partikolarment lill-persuni qiegħda, fir-riskju li jitilfu l-impjieg tagħhom, fir-riskju li jiġu esklużi soċjalment jew inkella lil dawk fi żvantaġġ meta jiġu biex jassiguraw self tradizzjonali. L-għan tal-mikroself għandu jkun li jistabbilixxi u/jew jiżviluppa mikrointrapriżi. Għall-perjodu 2010-13, l-Unjoni Ewropea tagħmel disponibbli EUR 103 miljun għall-Mikrofinanzjament għall-Progress[2], u l-Bank Ewropew għall-Investiment (BEI) impenja ruħu li jżid EUR 100 miljun oħra għal strumenti finanzjarji. It-total ta' EUR 203 miljun huwa diviż bejn żewġ twieqi kif ġej: EUR 25 miljun għal garanziji u EUR 178 miljun għal strumenti ffinanzjati. Il-Mikrofinanzjament għall-Progress huwa implimentat mill-FEI f'isem il-Kummissjoni u l-BEI.

L-2011 kienet l-ewwel sena sħiħa ta’ operat tal-Faċilità ta' Mikrofinanzjament għall-Progress. Skont l-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni, dan ir-rapport ikopri l-implimentazzjoni fil-livell ta' fornituri ta' mikrokreditu, inklużi kuntratti konklużi mal-FEI, distribuzzjoni ġeografika, azzjonijiet iffinanzjati u applikazzjonijiet aċċettati u miċħuda. It-tieni parti tar-rapport tanalizza l-impatt fil-livell ta' mikromutwatajru, inklużi t-tipi ta' benefiċjarji u d-distribuzzjoni għal kull settur, abbażi tad-dejta disponibbli f’dan l-istadju. L-aħħar taqsimiet iħarsu lejn il-komplimentarjetà bejn il-Mikrofinanzjament għall-Progress u strumenti oħra u l-perspettiva fir-rigward ta’ żviluppi futuri. Ir-rapport ikopri s-sena 2011, iżda jinkludi dejta aktar riċenti fejn huwa possibbli.

2.           L-implimentazzjoni fil-livell ta' fornituri ta' mikrokreditu

2.1.        Kuntratti konklużi

Tipi ta' intermedjarji

Il-Mikrofinanzjament għall-Progress huwa miftuħ għal firxa wiesgħa ta' intermedjarji fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali, inklużi banek u istituzzjonijiet mhux bankarji kif ukoll istituzzjonijiet privati u pubbliċi. Is-settur wera interess konsiderevoli fl-istrumenti li toffri l-Faċilità. Sa Marzu 2012, il-FEI kien iffirma 18-il kuntratt ma' 16-il fornitur ta' mikrokreditu:

· tmien istituzzjonijiet mhux bankarji: microStart (BE), Mikrofond u JOBS MFI (BG), Créasol (FR), Qredits (NL), Inicjatywa Mikro (PL), FAER u Patria Credit (RO);

· seba’ banek: Central Cooperative Bank (CY), Pancretan Cooperative Bank (EL), Siauliu Bankas (LT), FM Bank (PL), Millennium Bank (PT), Banca Transilvania (RO) u Volksbank Slovenia (SI);

· istituzzjoni pubblika waħda: ICREF (ES).

Il-varjetà ta' intermedjarji tippermetti li l-Faċilità tagħti aċċess għall-kreditu lil firxa wiesgħa ta' mikrointraprendituri (ara wkoll il-punt 3.2).

Il-fornituri tal-mikrokreditu fil-livelli kollha territorjali huma rrappreżentati. Xi wħud minnhom ikopru pajjiż sħiħ, eż. FM Bank fil-Polonja, filwaqt li oħrajn jaħdmu fuq skala reġjonali jew lokali. Pereżempju, l-ICREF Spanjola tiffoka fuq ir-reġjun ta’ Murcia, filwaqt li l-Millennium Bank Portugiż għandu aġenziji f'Lisbona, f'Porto, fl-Azores u f'Madeira. Il-microStart Belġjana hija attiva f’xi żoni ta’ Brussell.

Distribuzzjoni ġeografika

Għalkemm hija mmexxija mid-domanda, il-Mikrofinanzjament għall-Progress timmira li tikseb distribuzzjoni ġeografika bbilanċjata. Il-FEI huwa għaldaqstant meħtieġ li joħroġ garanziji għal intermedjarji f'tal-anqas 12-il Stat Membru u li jirrispetta limitu ta' konċentrazzjoni fuq garanziji għal kull pajjiż.

Sa tmiem Marzu 2012, kienu maħruġa garanziji f'sitt pajjiżi (BE, EL, NL, PL, PT, RO - ara t-Tabella 1 għal aktar dettalji).

Ġew iffirmati kuntratti għal strumenti ffinanzjati f'disa' Stati Membri: BG, CY, EL, ES, FR, LT, PL, RO u SI. Skont ir-Regolament tal-Ġestjoni li jirregola l-istrumenti ffinanzjati skont il-Mikrofinanzjament għall-Progress, l-esponiment għal intermedjarji fi kwalunkwe Stat Membru wieħed ma jistax jeċċedi l-10 % tal-impenji totali fil-mira tal-investituri, jiġifieri fil-preżent EUR 17,5 miljun. Bi tliet kuntratti li flimkien jammontaw għal EUR 16,5 miljun, ir-Rumanija hija l-uniku pajjiż li huwa qrib il-limitu.

Distribuzzjoni ġeografika tal-Mikrofinanzjament għall-Progress (Marzu 2012)

          Iffirmat                     Approvat

2.2.        L-azzjonijiet iffinanzjati

Garanziji

Skont it-tieqa ta' garanzija tal-Mikrofinanzjament għall-Progress, li hija ffinanzjata mill-Kummissjoni biss, il-FEI jista' joħroġ garanziji għall-portafolli lill-fornituri ta' mikrokreditu, jew jista' joħroġ kontrogaranziji sabiex jiggarantixxu istituzzjonijiet li mbagħad joħorġu garanziji biex ikopru l-portafolli ta' mikroself tal-fornituri tal-mikrokreditu. Meta fornitur tal-mikrokreditu jkollu garanzija jkun iktar faċli għalih li jservi gruppi fil-mira li huma meqjusa bħala riskjużi, bħal negozji ġodda li għad m'għandhomx storja, żgħażagħ jew nies li jappartjenu għal gruppi ta' minoranza. Dan għaliex parti minn xi inadempjenzi li jistgħu jseħħu huma koperti mill-garanzija u għalhekk rimborżati skont il-Mikrofinanzjament għall-Progress[3]. L-applikanti għall-garanziji normalment ikunu istituzzjonijiet mikrofinanzjarji li diġà jiffukaw fuq gruppi riskjużi, bħall-microStart Belġjana li għandha fil-mira b'mod speċjali persuni bi sfond ta' migrazzjoni, jew fornituri ta' mikrokreditu li jixtiequ jestendu l-attivitajiet tagħhom ta' self lil gruppi riskjużi. Bis-saħħa tal-garanzija tal-Mikrofinanzjament għall-Progress, l-FM Bank Pollakk iservi intrapriżi ġodda li ilhom joperaw inqas minn 12-il xahar.

F'każijiet oħra, garanzija tintuża biex ittejjeb il-kundizzjonijiet għas-self lill-mikromutwatajru, jiġifieri rata ta' interess aktar baxxa jew rekwiżiti kollaterali li huma inqas stretti. Pereżempju, bi skambju għal garanzija, il-Patria Credit Rumena kienet meħtieġa tbaxxi r-rata ta' interess tagħha bi 2,9 punti perċentwali u taċċetta garanzija personali mingħand il-klijenti tagħha minflok titlobhom jippreżentaw kollaterali reali.

Minħabba li d-domanda għall-garanziji ta' Mikrofinanzjament għall-Progress waqgħet lura minn dik mistennija, it-terminu tal-garanziji ġie estiż minn tliet għal sitt snin. Dan ħoloq żieda fl-interess fil-garanziji, u sa Marzu 2012, kienu mnedija sitt operazzjonijiet ta' garanzija.

Stumenti ffinanzjati

Skont it-tieqa tal-istrumenti ffinanzjati, li hija kofinanzjata mill-Kummissjoni Ewropea u mill-BEI, hemm disponibbli erba' tipi ta' prodotti:

– Self preferenzjali[4],

– Self subordinat[5],

– Self bi qsim tar-riskji[6],

– Parteċipazzjonijiet ta' ekwità (ekwità diretta jew indiretta).

Is-self preferenzjali jgħin biex l-intermedjarji jkollhom likwidità li jkunu jistgħu jużawha għas-self bħala mikrokreditu. Bi 13-il fornitur ta' mikrokreditu jagħżlu s-self preferenzjali, dan il-prodott kien l-aktar popolari sa issa skont l-aspettattivi tal-bidu nett. Raġuni waħda għall-prevalenza tas-self preferenzjali hija li dan huwa prodott relattivament sempliċi u eħfef biex jintuża mis-self subordinat jew dak bi qsim tar-riskji jew mill-parteċipazzjonijiet ta' ekwità sofistikati.

Is-self subordinat jipprovdi serħan tal-kapital, partikolarment lil banek żgħar li jippruvaw jistimolaw adegwatezza tal-kapital tagħhom sabiex jissodisfaw rekwiżiti legali. Dawn l-istrumenti jagħmluha eħfef biex wieħed jikseb aktar fondi minn investituri oħra, għalhekk dawn joħolqu effett ta’ lieva. Għal self subordinat, l-intermedjarji huma meħtieġa jiġġeneraw portafoll ta’ mikroself ta' mill-inqas darbtejn l-ammont ta' self riċevut. Sa Marzu 2012, fornitur wieħed ta' mikrokreditu (Volksbank Slovenia) kien iffirma ftehim ta' self subordinat.

Is-self bi qsim tar-riskji jikkombina elementi ta' self preferenzjali ma' dak bi qsim tar-riskji tal-portafoll. Għal self bi qsim tar-riskji, l-intermedjarji huma meħtieġa jqabblu l-ammont tas-self riċevut. Dan ifisser li l-effett ta' lieva huwa wkoll mill-inqas id-doppju tal-ammont inizjali. Self bi qsim tar-riskji huwa l-aktar probabbli li jintgħażel mill-banek, partikolarment fil-kuntest ta' proġetti down-scaling[7].

L-ekwità tista' tieħu l-forma ta’ investimenti diretti f'fornitur ta' mikrokreditu jew investimenti indiretti f'fond li jinvesti f'fornituri ta' mikrokreditu. Billi l-ekwità tgħin lill-fornituri ta' mikrokreditu jiksbu aktar finanzjament, l-intermedjarji huma meħtieġa jiġġeneraw portafoll ta' mikroself mill-anqas tliet darbiet l-ammont ta' investiment ta' ekwità riċevut[8].

Komplementarjetà bejn garanziji u strumenti ffinanzjati

Permezz tal-varjetà ta' prodotti, il-Mikrofinanzjament għall-Progress iservi firxa wiesgħa ta' intermedjarji f’partijiet differenti tal-Ewropa. Barra minn hekk, iż-żewġ twieqi taħt il-Mikrofinanzjament għall-Progress huma kumplimentari. L-ewwel nett, id-disponibbiltà taż-żewġ garanziji u l-istrumenti ffinanzjati għandha effett pożittiv fuq il-kopertura f’termini ġeografiċi peress li dawn għandhom it-tendenza li jintużaw f'pajjiżi differenti (ara t-taqsima 2.1). It-tieni nett, f’każijiet fejn fornitur ta' mikrokreditu jkun irċieva appoġġ taħt iż-żewġ twieqi, il-prodotti jintużaw b’mod kumplimentari. Pereżempju, il-Pancretan Cooperative Bank (EL) se (i) juża protezzjoni tar-riskju skont il-garanzija biex ikopri portafoll aktar riskjuż ta’ negozji li jkunu għadhom kif bdew bi storja anqas minn tliet snin jew mutwatarji ġodda li ma jistgħux jipprovdu kollaterali biżżejjed u (ii) jaħdem fuq il-finanzjament taħt self preferenzjali biex jiġġenera portafoll separat li għandu fil-mira intrapriżi li jkollhom diffikultà biex jaċċessaw il-mikroself fil-klima ekonomika attwali.

Tabella 1: Ħarsa lejn l-operazzjonijiet tal-Mikrofinanzjament għall-Progress sal-31 ta' Marzu 2012

Stat Membru || Intermedjarju || Strument || Appoġġ lil intermedjarju (EUR)

BE || microStart || Garanzija || 111 375

BG || Mikrofond || Self Preferenzjali || 3 000 000

BG || JOBS MFI || Self Preferenzjali || 6 000 000

CY || Cooperative Central Bank || Self Preferenzjali || 8 000 000

FR || Créasol || Self Preferenzjali || 1 000 000

EL || Pancretan Cooperative Bank || Garanzija Self Preferenzjali || 803 250 8 750 000

LT || Siauliu Bankas || Self Preferenzjali || 5 000 000

NL || Qredits || Garanzija || 750 000

PL || FM Bank || Garanzija || 1 940 000

PL || Inicjatywa Mikro || Self Preferenzjali || 4 000 000

PT || Millenium Bank || Garanzija || 309 488

RO || Patria Credit || Garanzija Self Preferenzjali || 960 000 8 000 000

RO || FAER || Self Preferenzjali || 1 000 000

RO || Banca Transilvania || Self Preferenzjali || 7 500 000

SI || Volksbank Slovenia || Self subordinat || 8 750 000

ES || ICREF || Self Preferenzjali || 8 000 000

12-il Stat Membru || 16-il fornitur ta' mikrokreditu || 18-il kuntratt || 73 874 068

Volumi finanzjarji

Sal-31 ta' Marzu 2012, il-FEI għamel total ta' EUR 73,87 miljun f'impenji ma' fornituri ta' mikrokreditu.

Taħt it-tieqa tal-garanzija, l-impenji jammontaw għal EUR 4,87 miljun (mit-total ta' EUR 25 miljun disponibbli għall-garanziji). Dan huwa konsiderevolment taħt it-EUR 8 miljuni mistennija għal tmiem l-2011. Madankollu, il-FEI kkonferma li hemm domanda dejjem tikber għal garanziji. Dan għandu jimmaterjalizza f'għadd ta' kuntratti addizzjonali fl-2012 inkluż għal volumi akbar. Iż-żieda fid-domanda hija wkoll minħabba l-estensjoni tat-terminu tal-garanziji minn tlieta għal sitt snin.

Taħt it-tieqa tal-istrumenti ffinanzjati, l-impenji ta' EUR 69 miljun lill-fornituri ta' mikrokreditu jaqbżu l-ammont mistenni ta' EUR 44 miljun. Dan huwa dovut għad-domanda kbira mis-settur u l-isforzi kontinwi biex jiġu ġġenerati aktar trasazzjonijiet.

L-iżborż skont il-ftehimiet tas-self preferenzjali huwa magħmul f'pagamenti tul perjodu ta' bejn 18 u 24 xahar. L-operazzjonijiet iffirmati fl-2011 huma għalhekk mistennija li jitħallsu kompletament fl-2013. L-ewwel pagament jitħallas ladarba fornitur ta' mikrokreditu jissodisfa ċerti kundizzjonijiet, bħal dawk relatati ma' tħejjija operazzjonali jew it-titjib tal-prattiċi tas-self lill-klijent. Tipikament kull żborż ma jaqbiżx il-50 % tal-impenji totali. Żborżi sussegwenti jsiru biss ladarba jkunu ntlaħqu l-miri tal-ġenerazzjoni tal-mikroself innegozjati qabel.

Sa Marzu 2012, ġew żborżati EUR 19,1 miljun: EUR erba' miljuni lil Cooperative Central Bank (CY), EUR erba' miljun lil ICREF (ES), EUR erba' miljuni lil Patria Credit (RO), EUR 2,5 mijuni lil Siauliu Bankas (LT), EUR żewġ miljun lil JOBS MFI (BG), EUR 1,5 miljun Mikrofond (BG), EUR 0,89 miljun lil Inicjatywa Mikro (PL) u EUR 0,24 miljun lil FAER (RO).

2.3.        Applikazzjonijiet aċċettati u miċħuda

Biex isiru intermedjarji skont il-Mikrofinanzjament għall-Progress, il-fornituri ta' mikrokreditu għandhom iwieġbu għas-sejħa għal turija ta’ interess għall-garanziji jew jippreżentaw applikazzjonijiet direttament lill-FEI għall-istrumenti ffinanzjati[9]. Il-FEI jevalwa l-proposti u jwettaq diliġenza dovuta fuq il-fornituri ta' mikrokreditu applikanti. Għall-garanziji, hija meħtieġa wkoll l-approvazzjoni tal-Kummissjoni. Wara li tinkiseb l-approvazzjoni tal-Bord tal-FEI, jiġi nnegozjat u ffirmat kuntratt bejn il-FEI u l-intermedjarju.

S'issa, l-ebda applikazzjoni għall-finanzjament taħt il-Mikrofinanzjament għall-Progress ma ġiet miċħuda formalment. Madankollu, wara li għamlu l-ewwel kuntatt mal-FEI, għadd ta' fornituri ta' mikrokreditu għażlu li ma japplikawx. Għal garanziji, dan ġara parzjalment minħabba li l-fornituri ta' mikrokreditu sabu li, fl-aħħar mill-aħħar, l-istrumenti ffinanzjati kienu aktar adattati għall-ħtiġijiet tagħhom.

Għal strumenti ffinanzjati, operazzjonijiet li ma għadhomx parti mill-proġetti formali jinkludu ftehimiet ta' self preferenzjali ma' żewġ fornituri ta' mikrokreditu li ma għadhomx jeħtieġu l-appoġġ mill-Mikrofinanzjament għall-Progress Il-parteċipazzjoni diretta fl-ekwità fi pjattaforma ta' self "peer-to-peer" ġiet abbandunata minħabba inċertezzi dwar il-konformità mad-Deċiżjoni. F’termini aktar ġenerali, xi kuntatti bikrin ma rriżultawx f'operazzjonijiet konkreti minħabba li l-ammonti mitluba kienu għoljin wisq, id-daqs u l-kwalità tar-riskju tal-fornitur ta' mikrokreditu kienu insuffiċjenti jew il-prattiċi tas-self tagħhom qanqlu mistoqsijiet.

Barra minn hekk, numru ta' ftehimiet approvati mill-Bord tal-FEI għadhom ma ġewx iffirmati filwaqt li l-ġejjieni tagħhom għadu inċert. Dan huwa l-każ ta' investiment ta' ekwità f'fond ibbażat fir-Renju Unit, diġà approvat f'Diċembru 2010. Minħabba żviluppi fir-rigward tal-istabbiliment strutturali tal-intermedjarju, ma jidhirx li hemm aktar interess fil-konklużjoni tal-ftehim mal-FEI. In-negozjar ta' ftehim ma’ fornitur Taljan approvat mill-Bord tal-FEI ġiet sospiża fl-istennija tal-konferma dwar injezzjoni ta' kapital ġdid fil-livell intermedjarju. Fl-aħħar nett, il-futur ta’ ftehim ta' kontrogaranzija mal-istituzzjoni ta' garanzija Taljana huwa inċert minħabba bidla riċenti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali. Il-bidla tfixkel l-abbiltà tal-istituzzjoni ta' garanzija li tissodisfa r-rekwiżiti tal-addizzjonalità skont il-Mikrofinanzjament għall-Progress.

3.           L-Impatt fuq livell mikromutwatarju

3.1.        Il-volumi tal-mikroself u n-numru ta' benefiċjarji

Miri

F'termini ta' mikrokreditu għall-benefiċjarji finali, il-baġit totali ta’ EUR 203 miljuni huwa stmat li jogħla għal volum ta' EUR 500 miljun f'mikrokreditu, jiġifieri madwar 46 000 mikroself.

Abbażi tat-termini kuntrattwali tat-18-il ftehim attwali ma' fornituri ta' mikrokreditu, huwa mistenni li t-EUR 73,87 miljun impenjati sa Marzu 2012, jiġifieri aktar minn terz tal-baġit totali disponibbli, se jirriżulta f’aktar minn EUR 170 miljun f'mikroself fis-snin li ġejjin. Għadd ta’ inċentivi għall-intermedjarji jiżguraw li dan ikun il-każ: nuqqas milli jintlaħqu l-miri miftehma għall-ġenerazzjoni tal-mikroself, eż. fuq self preferenzjali, ikun ifisser li l-fornitur tal-mikrokreditu jkollu jħallas lura s-self kmieni. Dan joħloq inċentiv ċar biex isir self ta' fondi mislufa lill-mikromutwatarju b'mod effettiv u effiċjenti. Inċentiv simili jintuża għall-garanziji: filwaqt li dawn huma, fil-prinċipju, mogħtija mingħajr ħlas, il-fornituri ta' mikrokreditu għandhom iħallsu tariffa ta’ impenn jekk dawn jiżborżaw inqas minn 90% tal-volum miftiehem ta' mikroself.

Il-volumi tal-mikroself u n-numru ta' benefiċjarji

Sa Marzu 2012, volum totali ta' mikrokreditu ta' EUR 26,8 miljun (EUR 17,8 miljun skont il-garanziji u EUR 9,1 miljun skont l-istrumenti ffinanzjati) ġie ġġenerat minn fornituri ta' mikrokreditu fil-BE, BG, ES, LT, NL, PL u RO[10]. Dan jikkorrispondi għal 15,72 % tal-volum mistenni li jintlaħaq permezz tat-18-il ftehim iffirmati sa Marzu 2012.

F’termini ta’ numri, sa Marzu 2012, dawn il-fornituri ta' mikrokreditu kienu żburżaw 2 933 mikroself (1 834 taħt garanziji, 1 099 taħt strumenti ffinanzjati). Dan jammonta għal 17,8 % tat-total mistenni għat-18-il ftehim.

Skont l-istimi tal-FEI, il-figuri attwali huma ġeneralment konformi mal-mudell tipiku tal-akkumulu tal-portafoll ta' mikrokreditu fuq perjodu ta' inklużjoni minn sentejn sa tliet snin wara kull firma ta' kuntratt. Ix-xejriet ta' implimentazzjoni tipikament jindikaw akkumulu mhux lineari tal-portafoll b'bidu bil-mod segwit minn żieda aktar qawwija fil-volumi. Wara li jiġi ffirmat ftehim, il-fornitur tal-mikrokreditu għandu jipprepara biex jibda l-attivitajiet tal-mikroself, speċjalment meta jitnieda prodott ġdid ta' mikroself. Pereżempju, qabel ma jkun jista' jitħallas l-ewwel mikroself, istituzzjoni pubblika jista' jkollha tgħaddi minn proċess ta’ sejħa għall-offerti biex issib bank li jikkopera magħha. Dan jista’ jieħu diversi xhur.

Il-garanziji normalment ikollhom perjodu ta' disponibbiltà ta' sentejn, self preferenzjali jkollu perjodu ta' inklużjoni minn sentejn sa tliet snin. Dan ifisser li bejn l-2013 u l-2015, il-fornituri ta' mikrokreditu li kienu ffirmaw ftehimiet għandhom jilħqu l-mira tagħhom ta' volumi u n-numri ta' mikroself.

3.2.        Tipi ta’ benefiċjarji finali

Fornituri tal-mikrokreditu sostnuti mill-Mikrofinanzjament għall-Progress jimmiraw għal firxa wiesgħa ta’ benefiċjarji finali.

Uħud jiffokaw fuq nies li jaħdmu għal rashom u/jew mikrointrapriżi inġenerali, eż. Banca Transilvania (RO), li jippreżenta ruħu bħala "Bank għal Nies Intraprenditorjali", il-Cooperative Central Bank (CY) bil-faċilità tiegħu ta' negozjant esklussiv, jew il-Pancretan Cooperative Bank (EL), li għandu fil-mira mikrointrapriżi eżistenti li għandhom diffikultà biex jaċċessaw il-finanzi.

Għadd ta' fornituri ta' mikrokreditu jimmiraw lejn intraprendituri f'żoni rurali, u jiffukaw fuq is-settur agrikolu. Dan huwa partikolarment sinifikanti f'pajjiżi fejn hemm it-tendenza li l-banek ikunu kkonċentrati fi bliet kbar. FAER and Patria Credit għalhekk jimlew nuqqas importanti fir-Rumanija, bħalma tagħmel Mikrofond fil-Bulgarija. Inicjatywa Mikro (PL) ukoll għandha fil-mira lil dawk li jaħdmu għal rashom, speċjalment produtturi-agrikoli.

Diversi fornituri ta' mikrokreditu jimmiraw li jagħtu aċċess għall-finanzjament ta’ negozji li għadhom kif bdew, li ġeneralment huma meqjusa pjuttost riskjużi. FM Bank (PL) jikkonċentra fuq intrapriżi li għandhom inqas minn 12-il xahar. Qredits (NL) għandha portafoll garantit mill-Mikrofinanzjament għall-Progress li jiffinanzja negozji li għadhom kif fetħu. Volksbank Slovenia u Pancretan Cooperative Bank (EL) jimmiraw għal mikrointrapriżi li għandhom anqas minn tliet snin. Pancretan Cooperative Bank għandu fil-mira wkoll mutwatarji ġodda bi pjan ta’ negozju vijabbli li ma jistgħux jipprovdu kollateral biżżejjed.

Fl-aħħar nett, xi intermedjarji tal-Mikrofinanzjament għall-Progress jimmiraw partikolarment lejn gruppi vulnerabbli, bħalma huma ż-żgħażagħ u n-nisa (ICREF (ES)). JOBS MFI (BG) tipprovdi mikroself u mikrolokazzjoni għal persuni bla xogħol jew dawk li qed ifittxu x-xogħol u jixtiequ jibdew negozju. microstart (BE) għandha klijenti li fil-parti l-kbira għandhom sfond ta' migrazzjoni, filwaqt li Siauliu Bankas (LT) għamel bħala l-mira tiegħu l-finanzjament ta' mill-inqas 50 % tal-intraprendituri nisa u mikrointrapriżi li jimpjegaw maġġoranza ta' nisa jew huma proprjetà ta' nisa biss. Millennium Bank (PT), bħala parti mill-portafoll tiegħu, stabbilixxa koperazzjoni ma' assoċjazzjoni li tappoġġja persuni li huma soċjalment esklużi, bħal dawk bla dar jew ex-dipendenti tad-droga u Roma. Créasol (FR) għandha fil-mira tagħha nies qiegħda, sikwit bi sfond ta' migrazzjoni, li jixtiequ joħolqu negozju jew jiżviluppaw in-negozju tagħhom u li ġew miċħuda minn xi bank fir-reġjun.

3.3.        L-impatt soċjali u l-impatt fuq l-impjiegi tal-Mikrofinanzjament għall-Progress

Il-FEI jirrapporta lill-Kummissjoni dwar l-impatt soċjali u l-impatt fuq l-impjiegi tal-Mikrofinanzjament għall-Progress abbażi ta' tagħrif pprovdut mill-fornituri tal-mikrokreditu li jappoġġjaw il-Faċilità. Dan it-tip ta’ rapportar tal-impatt soċjali mhuwiex prattika tas-suq komuni u għalhekk hemm il-ħtieġa ta' xi aġġustamenti tal-proċeduri interni u tas-sistemi biex il-fornituri ta' mikrokreditu jkunu jistgħu jirrapportaw lill-FEI. Ir-rappurtar soċjali bħalissa huwa meħtieġ biss darba fis-sena, bit-30 ta' Settembru bħala d-data ta' skadenza.

Sa dik id-data fl-2011, ħames fornituri ta' mikrokreditu biss kienu bdew iselfu skont il-Mikrofinanzjament għall-Progress, iżda d-dejta dwar xi aspetti hija disponibbli biss mingħand żewġ fornituri ta' mikrokreditu. Il-fatt li din kienet l-ewwel darba li sar dan it-tip ta' rappurtar jispjega xi problemi. Dejta dwar l-impjiegi u l-impatt soċjali għalhekk ma tistax titqies bħala rappreżentattiva. Barra minn hekk għadu kmieni wisq għal dejta dwar is-sostenibbiltà tan-negozji li ġew appoġġjati.

Il-ħolqien tal-impjiegi u tal-kummerċ

L-effetti tal-ħolqien tal-impjiegi permezz tal-Mikrofinanzjament għall-Progress jista’ jitkejjel bin-numru ta' persuni diżokkupati u inattivi li bdew negozju bl-għajnuna ta’ mikroself. Abbażi tal-informazzjoni mogħtija minn microStart (BE) u Mikrofond (BG), dan kien il-każ għal 27,46% tal-klijenti. Barra minn hekk, evidenza aneddottali tissuġġerixxi li xi wħud minn dawk li qabel kienu impjegati kienu qegħdin jaħdmu part-time biss.

Għal xi wħud mill-mikrointrapriżi diġà operattivi fil-mument tal-għoti tal-mikroself, l-informazzjoni mogħtija turi li kważi 60 % tal-intrapriżi apoġġjati għandhom anqas minn sena. Għalhekk huma jappartjenu għall-grupp ta' mikromutwatarji meqjusa bħala "riskjużi". Aktar minn terz tal-intrapriżi appoġġjati għandhom anqas minn sitt xhur.

Tabella 2: L-istorja ta’ intrapriżi appoġġjati minn intermedjarji tal-Mikrofinanzjament għall-Progress (id-dejta ta' Settembru 2011)

|| Sa sentejn || Sa sena || Sa sitt xhur

FM Bank || 100 % || 94.39 % || 58.88 %

Mikrofond || 40,93 % || 30,38 % || 13,50 %

microStart || 90,74 % || 85,19 % || 79,63 %

Patria Credit || 90,21 % || 79,02 % || 73,43 %

Qredits || 75,42 % || 55,87 % || 24,39 %

Totali ||  73,01 % || 58,63 % || 34,69 %

Il-kopertura ta' gruppi fil-mira żvantaġġjati

Individwi b’livell għoli ta’ edukazzjoni huma aktar probabbli li jinvolvu ruħhom f'attività imprenditorjali minn dawk b’livell ta’ edukazzjoni iktar baxx[11]. Dejta pprovduta minn microStart u Mikrofond dwar l-isfond edukattiv tal-klijenti tagħhom, madankollu, turi li aktar minn tliet kwarti tal-mikromutwatarji ffinanzjati jew kienu jispiċċaw l-edukazzjoni sekondarja (71 %) jew l-edukazzjoni primarja (5 %) biss. Dan juri li dawn l-intermedjarji jservu wkoll nies li huma f'pożizzjoni aktar fraġli fis-suq tax-xogħol.

F’termini ta’ żvantaġġ tal-età, madwar 5 % mikromutwatarji kienu taħt il-25 sena u 13 % kienu akbar ('il fuq minn 54 sena). Madankollu, il-grupp bl-età bejn il-25 u l-54 sena ċertament li mhuwiex omoġenju. Stima tar-rappreżentazzjoni fost il-benefiċjarji aħħarija tal-grupp bejn il-25 u t-30 sena tista' tagħti aktar tagħrif dwar il-potenzjal tal-Mikrofinanzjament għall-Progress biex tgħin liż-żgħażagħ isibu impjieg. Kważi 10 % tal-impjegati tal-mikrointrapriżi ffinanzjati kienu żgħażagħ taħt il-25 sena u 12 % kienu anzjani 'l fuq minn 55 sena.

Iċ-ċifri jvarjaw ħafna f’termini ta’ sess. Filwaqt li Mikrofond, fil-parti l-kbira attiva fiż-żoni rurali tal-Bulgarija, għandha 28 % biss ta' klijenti nisa (li huwa taħt il-medja nazzjonali ta' 31 % ta' intraprendituri nisa[12]), il-parti l-kbira tal-klijenti ta' microStart, li hija bbażata fi Brussell, huma nisa (54 %). Din iċ-ċifra hija ħafna ogħla mill-medja nazzjonali ta' 29 % ta’ nisa intraprendituri.

Rigward l-ilħiq ta’ gruppi żvantaġġjati oħra, minn Settembru 2011, iż-żewġ fornituri ta' mikrokreditu li rrappurtaw lil dan l-indikatur ma ffinanzjaw l-ebda intraprenditur b'diżabbiltà. Madankollu, Mikrofond tirrapporta li 18,8 % tal-klijenti tagħha jappartjenu għal minoranza li probabbli tagħmel parti mill-komunitajiet Roma fiż-żoni rurali li fihom hija attiva. Ħafna mill-klijenti ta' microStart ġejjin minn familji migranti, bi 93 % tagħhom imwielda barra l-pajjiż. It-templates għandhom jiġu adattati biex jirriflettu dan fir-rappurtar uffiċjali.

Abbażi tal-informazzjoni mogħtija minn erba' fornituri ta' mikrokreditu, madwar 1 % tal-impjegati tal-mikrointrapriżi ffinanzjatigħandhom diżabbiltà, filwaqt li 8 % jappartjenu għal xi grupp ta' minoranza.

Minħabba d-daqs żgħir tal-kampjun, għadu kmieni wisq biex wieħed jasal għal konklużjonijiet dwar l-impatt soċjali u tal-impjiegi tal-Mikrofinanzjament għall-Progress. Madankollu, il-gruppi fil-mira indikati mill-fornituri ta' mikrokreditu u l-ewwel indikazzjonijiet rigward l-impatt reali jissuġġerixxu li l-Mikrofinanzjament għall-Progress jgħin biex jinħolqu l-impjiegi u jservi gruppi żvantaġġjati, li huwa konformi mal-għan politiku tal-promozzjoni tal-inklużjoni finanzjarja.

Id-distribuzzjoni ġeografika u tas-settur tal-intrapriżi

L-1 079 mikromutwatarju ffinanzjati mill-ħames fornituri ta' mikrokreditu li qed jirraputaw sa Settembru 2011 huma attivi f’varjetà ta’ setturi. Is-settur predominanti huwa l-kummerċ, li jammonta għal 28,5 % tal-mikrointrapriżi ffinanzjati, segwit mill-agrikoltura, li jammonta għal 20 %.

Il-persentaġġ għoli ta' mikrointrapriżi fis-settur agrikolu jista' jiġi spjegat minħabba l-presenza ta' Patria Credit u Mikrofond fil-kampjun, li jiffokaw fuq żoni rurali fir-Rumanija u l-Bulgarija.

4.           Il-komplementarjetà u l-koordinazzjoni ma' strumenti oħra tal-Unjoni Ewropea

Fornitur ta' mikrokreditu tipikament jeħtieġ finanzjament biex jibni l-portafoll tal-mikroself tiegħu u strumenti għall-qsim tar-riskju sabiex inaqqsu r-riskju tal-portafoll. Jeħtieġ ukoll finanzjament u assistenza teknika mhux finanzjarja sabiex jibni jew itejjeb il-kapaċità istituzzjonali tiegħu.

Matul l-aħħar ftit snin, elementi differenti ta' appoġġ ta' mikrofinanzjament ġew ipprovduti taħt firxa ta' strumenti kumplimentari għall-UE:

· Il-Mikrofinanzjament għall-Progress jimla nuqqas importanti għall-finanzjament tal-portafoll.

· Garanziji fuq portafolli ta' mikrokreditu diġà huma disponibbli taħt il-Programm Kompetittività u Innovazzjoni (CIP). Illum, il-garanziji tas-CIP u tal-Mikrofinanzjament għall-Progress huma kumplimentari. Fil-prinċipju, garanziji għall-mikrokreditu jinħarġu biss taħt is-CIP meta kuntratt ma jkunx possibbli taħt il-Mikrofinanzjament għall-Progress minħabba l-ġeografija fil-mira (pajjiżi mhux fl-UE), id-daqs tal-ammont ta' limitu, jew il-fokus purament kummerċjali tal-portafoll. Il-FEI ippubblika linji gwida dwar l-allokazzjoni tal-ftehim fuq il-websajt tiegħu sabiex jgħin lill-fornituri ta' mikrokreditu fil-proċess tal-applikazzjoni.

· L-Azzjoni Preparatorja tal-Parlament Ewropew (EPPA) allokat ammont limitat ta' finanzjament ta' avvjament biex jgħin lill-intermedjarji tal-mikrofinanzjament jibnu l-kapaċità biex b'hekk tippromwovi l-iżvilupp ta' fornituri ta' mikrokreditu tal-UE. MicroStart u Qredits ibbenefikaw minn sostenn kumplementari kemm taħt il-Mikrofinanzjament għall-Progress kif ukoll l-EPPA. Peress li l-EPPA kien proġett pilota, m'għadx baqa' finanzjament ta' avvjament disponibbli għall-perjodu finanzjarju attwali. Madankollu, is-suċċess ta' din l-inizjattiva wasslet lill-Kummissjoni biex tinkludi element għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet fl-istrument ta' appoġġ għall-mikrofinanzjament propost skont il-Programm għall-Bidla u l-Innovazzjoni Soċjali (ara wkoll it-taqsima 5).

· Skont l-inizjattiva JASMINE, li għandha l-għan li ttejjeb il-kapaċità tal-fornituri ta' mikrokreditu f'diversi oqsma, bħall-governanza istituzzjonali, is-sistemi ta' informazzjoni, l-istandards tar-rapportar u l-ġestjoni tar-riskju, il-fornituri tal-mikrokreditu jistgħu jirċievu evalwazzjoni u/jew klassifikazzjoni tal-organizzazzjoni tagħhom segwiti minn servizz ta' pariri u taħriġ adattat biex jirrimedja n-nuqqasijiet identifikati. JASMINE jgħin iħejji l-fornituri ta' mikrokreditu biex ikunu eliġibbli għal aktar appoġġ. Diversi benefiċjarji tal-JASMINE applikaw b’suċċess għall-Mikrofinanzjament għall-Progress, eż. JOBS MFI (BG), Mikrofond (BG), Créasol (FR), Qredits (NL), Patria Credit (RO) u FAER (RO). Viċe versa, diversi intermedjarji tal-Mikrofinanzjament għall-Progress (eż. Qredits u microStart) applikaw għall-JASMINE fi stadju aktar tard. Dan juri n-natura kumplimentarja ta' dawn iż-żewġ inizjattivi[13].

· Il-Mikrofinanzjament għall-Progress jikkumplimenta wkoll il-fondi strutturali. Għadd ta' Stati Membri jużaw il-Fond Soċjali Ewropew biex jiffinanzjaw is-servizzi tal-iżvilupp tan-negozju, bħall-mentoring jew it-taħriġ għal dawk li jkunu għadhom jibdew. Dawn is-servizzi huma magħrufa li jżidu r-rati ta’ sopravivenza ta’ negozji ġodda, anki jekk dawn huma għaljin għall-fornituri ta' mikrokreditu. Din hija r-raġuni għala fornituri ta' mikrokreditu appoġġjati mill-Mikrofinanzjament għall-Progress huma meħtieġa li jikkoperaw mal-organizzazzjonijiet li jipprovdu dawn is-servizzi, partikolarment dawk iffinanzjati mill-FSE.

· Il-Kummissjoni ffaċilitat it-tagħlim reċiproku f’dan il-qasam permezz tal-finanzjament tal-Komunità ta' Prattika dwar l-Intraprenditorija Inklużiva (COPIE). Dan in-netwerk ta' awtoritajiet ġestjonarji tal-FSE żviluppa bosta għodod li jkopru l-ippjanar tal-azzjonijiet, l-immaniġġjar tal-kwalità, l-edukazzjoni intraprenditorjali, l-aċċess għall-finanzi u l-appoġġ għan-negozju integrat. Dawn l-għodod huma maħsuba biex jgħinu lil min ifassal il-politika jtejjeb is-sistemi ta’ appoġġ sabiex l-intraprenditorija ssir għażla vijabbli għall-membri kollha tas-soċjetà, inklużi l-gruppi żvantaġġjati. L-għodod huma disponibbli fuq l-internet[14].

· Xi Stati Membri u reġjuni jużaw parti mill-approprjazzjonijiet tal-fondi strutturali tagħhom biex itejbu l-aċċess tal-mikrointraprendituri għall-finanzi direttament jew permezz ta’ fondi ta' parteċipazzjoni azzjonarja, inkluż permezz tal-inizjattiva JEREMIE.

5.           Konklużjonijiet u prospettivi

Għalkemm il-Mikrofinanzjament għall-Progress ilu jopera kompletament għal ftit aktar minn sena, wieħed diġà jista' joħroġ diversi konklużjonijiet pożittivi. It-18-il ftehim iffirmati juru li l-Mikrofinanzjament għall-Progress jaqdi l-bżonnijiet ta' varjetà kbira ta' fornituri ta' mikrokreditu madwar l-UE. Huwa mistenni li sa tmiem l-2012, jiġu ffirmati aktar ftehimiet ma' fornituri ta' mikrokreditu fl-Awstrija, fil-Belġju, fil-Ġermanja, fl-Irlanda, fl-Italja, fl-Iżvezja u fir-Renju Unit. Ir-rapporti tal-fornituri ta' mikrokreditu juru li kellu impatt pożittiv f'termini ta' impjiegi u inklużjoni soċjali. Il-Kummissjoni se tesplora, flimkien mal-FEI, kif il-qafas tar-rappurtar tal-impatt soċjali jista' jitjieb.

Għall-perjodu finanzjarju li jmiss 2014-20, il-Kummissjoni pproponiet li tkompli tappoġġja l-iżvilupp tal-mikrofinanzjament madwar l-UE taħt il-Programm għall-Bidla u l-Innovazzjoni Soċjali (PSCI)[15]. Dan għandu jibni fuq il-mudell intermedjarju li għamel suċċess billi bl-istess mod joffri firxa wiesgħa ta’ prodotti, ixerred l-aħjar prattika u jservi ta' pijunier fl-inklużjoni finanzjarja billi jsaħħaħ dawk il-partijiet mis-suq li huma inqas moqdija. Waħda mill-kritiki magħmula dwar il-perjodu finanzjarju attwali hija li l-appoġġ tal-UE għall-mikrofinanzjament huwa mxerred fost bosta programmi separati, għalkemm kumplimentari. Il-PSCI propost jipprova joħloq punt uniku ta' servizz għall-appoġġ tal-mikrofinanzjament. Huwa se jagħmel l-iffinanzjar disponibbli għall-bini tal-kapaċità tal-fornituri ta' mikrokreditu abbażi tal-esperjenza miksuba mill-inizjattiva tal-EPPA u jippermetti l-finanzjament ta' għajnuna teknika għall-fornituri ta' mikrokreditu. Il-finanzjament tal-iskemi ta' mikrofinanzjament, l-azzjonijiet għall-bini tal-kapaċità u s-servizzi ta' appoġġ lill-intraprenditorija se jibqgħu possibbli madwar l-UE taħt il-fondi strutturali (FEŻR u FSE), operati permezz ta’ ġestjoni maqsuma bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-Istati Membri.

[1]               Għal aktar dettalji ara r-Rapport ta' Implimentazzjoni 2010, COM(2011) 195.

[2]               Barra EUR 100 miljun previsti fil-bidu, EUR 3 miljun oħra ġew miżjuda minn Azzjoni Preparatorja tal-Parlament Ewropew (għal aktar dettalji ara r-Rapport ta' Implimentazzjoni 2010).

[3]               Għal deskrizzjoni dettaljata tal-garanziji, jekk jogħġbok irreferi għar-Rapport ta' Implimentazzjoni 2010, COM(2011) 195.

[4]               Jekk il-mutwatarju jfalli, għandu jitħallas lura s-self preferenzjali qabel ma krediti oħra jirċievu xi ħlas.

[5]               Finanzjament subordinat għal kredituri preferenzjali.

[6]               Self preferenzjali magħqud mal-parteċipazzjoni tar-riskju fil-portafoll tal-mikrokreditu.

[7]               L-ewwel ftehim ta' self bi qsim tar-riskji x’aktarx ikun iffirmat fl-2012.

[8]               Huwa probabbli li jimmaterjalizza ftehim ta' ekwità indiretta b’fond fir-Renju Unit fl-2012.

[9]               http://www.eif.org/what_we_do/microfinance/progress/index.htm.

[10]             Dawn iċ-ċifri jirreferu għall-portafolli ta' mikrokreditu mibnija minn fornituri ta' mikrokreditu bis-saħħa tal-Mikrofinanzjament għall-Progress.

[11]             Il-Kummissjoni Ewropea, Flash Eurobarometer 283, Entrepreneurship in the EU and beyond. A survey in the EU, EFTA countries, Croatia, Turkey, the US, Japan, South Korea and China, Mejju 2010

[12]             Il-Kummissjoni Ewropea, L-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel – 2010, COM(2009) 694 finali.

[13]             L-istrument suċċessur għall-appoġġ ta' mikrofinanzjament propost skont il-PSCI (ara t-taqsima 5) se jkun jeħtieġ li l-fornituri ta' mikrokreditu japplikaw standards ta’ kwalità għolja konformi mal-prinċipji tal-"Kodiċi Ewropew tal-Imġiba Tajba għall-Provvista ta’ Mikrokreditu".

[14]             www.cop-ie.eu.

[15]             COM(2011) 609 finali.

Top