Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012DC0261

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi. Sħubija għal tkabbir ġdid fis-servizzi 2012-2015

    /* COM/2012/0261 final */

    52012DC0261

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi. Sħubija għal tkabbir ġdid fis-servizzi 2012-2015 /* COM/2012/0261 final */


    I. Introduzzjoni: Sabiex is-servizzi jissarrfu fi tkabbir u impjiegi

    Is-settur tas-servizzi huwa xprun sinifikanti tat-tkabbir fl-UE peress li dan jirrappreżenta aktar minn 65 % tal-PDG u tal-impjiegi tal-UE. Id-Direttiva dwar is-Servizzi hija l-istrument ewlieni, fil-livell Ewropew, għall-promozzjoni tar-riforma strutturali fis-settur tas-servizzi u din tkopri servizzi li jammontaw għal aktar minn 45 % tal-PDG tal-UE. L-implimentazzjoni tad-Direttiva rriżultat f'pass kbir 'il quddiem mil-lat tat-tneħħija tal-ostakli u lejn suq intern tas-servizzi li huwa verament integrat. Ġew modernizzati mijiet ta' liġijiet nazzjonali u ġew eliminati eluf ta' rekwiżiti diskriminatorji, mhux ġustifikati jew sproporzjonati madwar l-UE. L-għodda maħluqa ("Punti ta' Kuntatt Uniku") biex jappoġġaw l-implimentazzjoni tad-Direttiva issa huma operattivi fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri u qed jgħinu biex il-piżijiet amministrattivi f'dan il-qasam jitnaqqsu b'mod sinifikanti.

    Il-grafika turi l-kontribut lill-ekonomija tal-UE mis-setturi koperti mid-Direttiva, li jirrappreżentaw madwar 45 % tal-PDG, u dawk li mhumiex.

    Il-biċċa l-kbira tas-setturi mhux koperti mid-Direttiva huma koperti minn leġiżlazzjoni speċifika għas-setturi (ara l-Anness 1).

    Servizzi ta’ Interess Ekonomiku Ġenerali huma preżenti f’ħafna setturi tas-servizzi; dawn huma indirizzati b'mod aktar speċifiku fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Diċembru 2011 dwar "Qafas ta’ kwalità għas-Servizzi ta' Interess Ġenerali fl-Ewropa".

    Il-miżuri li ġew adottati mill-Istati Membri biex jimplimentaw id-Direttiva dwar is-Servizzi, biż-żmien, se jirriżultaw f'0.8 % addizzjonali ta' PDG tal-UE, fejn il-biċċa l-kbira tal-effett se jseħħ matul il-5 sa 10 snin wara l-implimentazzjoni[1]. Madankollu, huwa ċar li l-fornituri tas-servizzi għadhom jaffrontaw xi ostakli meta dawn joperaw b'mod transfruntier u, għall-kuntrarju tas-sitwazzjoni fis-suq intern għall-oġġetti, il-konsumaturi mhux dejjem jistgħu jaċċessaw servizzi minn madwar l-UE. L-analiżi ekonomika wriet li kieku l-Istati Membru kellhom ineħħu kważi l-ostakli kollha li jifdal, il-gwadann ekonomiku totali kien ikun tliet darbiet akbar minn dak diġà miksub – madwar 2.6 % tal-PDG[2].

    Jista' jsir ħafna iżjed biex jiġu mmassimizzati l-vantaġġi ekonomiċi offruti mid-Direttiva dwar is-Servizzi. L-Istati Membri, skont it-talbiet tal-Kunsill Ewropew[3], għandhom jiżguraw li d-Direttiva tista' timplimenta l-forza kollha tagħha. L-implimentazzjoni sħiħa se ttejjeb b'mod sinfikanti l-funzjonament tas-Suq Uniku għas-Servizzi, b'mod partikolari, billi tiffaċilita l-aċċess għas-suq għall-SMEs u tkabbar l-għażla għall-konsumaturi. Se tikkontribwixxi wkoll għal kompetittività akbar fl-UE, tkabbir u impjiegi. Din il-Komunikazzjoni turi kif dan jista' jsir, u tirrispondi għall-obbligu ta' rappurtar stabbilit fl-Artikolu 41 tad-Direttiva, it-talbiet tal-Kunsill Ewropew kif ukoll tal-Parlament Ewropew biex jiġu mmonitorjati aktar mill-qrib u jsir rappurtar dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva u l-inizjattivi biex jittejjeb u jiġi rinfurzat is-Suq Uniku għas-servizzi. Din tistabbilixxi l-azzjonijiet li l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jieħdu biex jiżguraw li d-Direttiva jkollha l-akbar impatt possibbli. Dawn l-azzjonijiet huma msejsa fuq informazzjoni dettaljata dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi f'kull Stat Membri u l-eżitu tal-Verifiki tal-Prestazzjoni pprovduti fid-Dokumenti ta’ Ħidma tal-Persunal li jakkampunjawha[4].

    L-azzjonijiet se jiġu mmonitorjati bl-użu ta' miżuri li jtejbu l-governanza tas-suq uniku li l-Kummissjoni ppreżentat f'Komunikazzjoni adottata flimkien ma' din. Il-monitoraġġ se jkun parti mis-sorveljanza mwettqa fil-kuntest tas-Semestru Ewropew u se jiġi rifless, fejn meħtieġ, fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi. Il-Kummissjoni diġà pproponiet rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi dwar riformi strutturali fis-settur tas-servizzi għal 12-il Stat Membru fit-30 ta' Mejju 2012[5].

    II. Jingħata l-effett sħiħ tad-Direttiva dwar is-Servizzi

    Id-Direttiva tkopri varjetà kbira ta’ setturi li jvarjaw minn attivitajiet tradizzjonali għas-servizzi bbażati fuq l-għarfien. L-impatt tad-Direttiva huwa estensiv u jaffettwa fornituri ta' servizzi kemm kbar kif ukoll żgħar, inklużi eluf ta’ SMEs.

    Il-Kummissjoni se tiffoka l-isforzi tagħha fuq dawk is-setturi tas-servizzi b’piż ekonomiku sinifikanti, u potenzjal ta' tkabbir ikbar mill-medja.

    – servizzi għan-negozji li jirrappreżentaw 11.7% tal-PDG,

    – il-kostruzzjoni li tirrappreżenta 6.3 % tal-PDG,

    – it-turiżmu li jirrappreżenta 4.4 % tal-PDG, u

    – is-settur tal-konsumaturi li jirrappreżenta 4.2 % tal-PDG.

    Billi tiġi żgurata implimentazzjoni aħjar u twettiq fil-prattika aħjar inkunu nistgħu nibbenefikaw ħafna aktar minn dak li diġà ġie miftiehem. Din hija opportunità li ma tistax tiġi injorata mill-UE jekk tixtieq tilħaq riżultati, fuq medda qasira ta' żmien, għat-tkabbir u l-impjiegi.

    L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jikkonċentraw primarjament fuq l-iżgurar ta' implimentazzjoni aktar ambizzjuża u sħiħa tad-Direttiva bl-għan li jiġi sfruttat il-potenzjal mhux sfruttat tagħha qabel ma jitwessa' l-kamp ta' applikazzjoni tagħha. Kważi l-attivitajiet kollha tas-servizzi kummerċjali huma diġà koperti minn leġiżlazzjoni tal-UE (ara l-Anness 1). Għaldaqstant, il-Kummissjoni tqis li fil-preżent mhemm l-ebda ħtieġa li tiġi mmodifikata d-Direttiva.

    Il-vantaġġi l-aktar sinifikanti tad-Direttiva s'issa kienu għall-fornituri tas-servizzi li jixtiequ jibdew negozju fl-Istat Membru tagħhom jew Stat Membru ieħor. B’kuntrast ma' dan, il-fornituri tas-servizzi li jixtiequ jipprovdu s-servizzi transfruntiera għadhom mhumiex ċerti dwar l-oqfsa regolatorji applikati mill-Istati Membri u għadhom jaffrontaw għadd ta' ostakli. F’xi każijiet il-problemi jirriżultaw minn applikazzjoni inkonsistenti jew skorretta ta' strumenti oħra tal-UE bħad-Direttiva dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali jew id-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku.

    1. Politika ta' "tolleranza żero" għan-nuqqas ta' konfornità

    Il-Kummissjoni tapplika politika ta' "tolleranza żero" f'każijiet ta' nuqqas ta' konformità mal-obbligi inekwivokabbli indikati hawn taħt imposti mid-Direttiva fuq l-Istati Membri. Id-Direttiva tipprojbixxi għadd ta' rekwiżiti u partikolarment ta' piż elenkati fl-Artikolu 14 tagħha. Fil-biċċa l-kbira, dawn diġà tneħħew mill-Istati Membri. Madankollu, ġew identifikati rekwiżiti diskriminatorji pendenti li għandhom jiġu eliminati.

    Id-Direttiva tintroduċi obbligi speċifiċi biex tissemplifika l-proċeduri ta' awtorizzazzjoni: (1) approvazzjoni taċita, jiġifieri li s-silenzju mill-amministrazzjoni tkun tfisser approvazzjoni, hija prevista fl-Artikolu 13(4) u (2) il-validità tal-awtorizzazzjonijiet mal-pajjiż kollu hija prevista fl-Artikolu 10(4). Għadd ta' Stati Membri japplikaw dawn l-obbligi sa ċertu punt biss u b’wisq eċċezzjonijiet. Tinħtieġ azzjoni urġenti biex jiġu implimentati dawn l-obbligi kif suppost.

    Id-Direttiva tipprojbixxi il-projbizzjoni totali ta' komunikazzjonijiet kummerċjali għal professjonijiet regolati permezz tal-Artikolu 24 tagħha. Madankollu, f'għaxar Stati Membri għadhom jeżistu projbizzjonijiet totali fuq komunikazzjonijiet kummerċjali u dawn għandhom jitneħħew.

    Rekwiżiti ta' stabbiliment jagħmluha impossibbli li jiġu pprovduti servizzi transfruntiera. Dawn huma fost ir-rekwiżiti l-aktar restrittivi indirizzati mill-Artikolu 16 tad-Direttiva dwar is-Servizzi (il-klawżola tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi), fil-paragrafu 2 tiegħu, u l-Istati Membri ma jistgħux jimponuhom fuq il-fornituri tas-servizzi. Rekwiżiti ta' residenza u nazzjonalità huma wkoll ipprojbiti mill-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar is-Servizzi. Fl-Istati Membri, għad jeżisti ksur ta' dawn il-projbizzjonijiet inekwivokabbli u dan għandu jiġi eliminat[6].

    Azzjonijiet

    L-Istati Membri jridu jimpenjaw ruħhom li jagħmlu l-leġiżlazzjoni tagħhom konformi bis-sħiħ mad-Direttiva dwar is-Servizzi billi jtemmu l-istanzi pendenti ta' nuqqas ta' konformità mal-obbligi inekwivokabbi tad-Direttiva dwar is-Servizzi fil-leġiżlazzjoni tagħhom b'mod urġenti.

    Il-Kummissjoni se tapplika l-politika ta’ tolleranza żero tagħha permezz ta' proċeduri ta' ksur fejn meħtieġ.

    2. L-immassimizzar tal-effett ekonomiku tad-Direttiva dwar is-Servizzi

    Id-Direttiva tippermetti setgħa diskrezzjonali lill-Istati Membri fuq ħafna aspetti tal-implimentazzjoni tagħha. B'mod partikolari, l-Artikolu 15 tad-Direttiva dwar is-Servizzi tirreferi għal rekwiżiti bħal forom legali, rekwiżiti ta' parteċipazzjoni azzjonarja , u restrizzjonijiet kwantitattivi u territorjali kif ukoll tariffi, li l-Istati Membri huma permessi li jżommuhom biss bil-kundizzjoni li jkunu proporzjonati u ġġustifikati minn raġuni prevalenti ta' interess ġenerali u proporzjonat.

    Hemm varjazzjoni kbira fil-livell ta' użu ta' din is-setgħa diskrezzjonali min-naħa tal-Istati Membri. Ta' spiss dawn għażlu li jippreservaw l-istatus quo minflok ikunu aktar ambizzjużi fil-ftuħ tas-swieq tas-servizzi tagħhom. Anke jekk dawn l-alternattivi mhux dejjem jikkostitwixxu ksur tad-Direttiva, dawn ir-rekwiżiti huma responsabbli għat-tfixkil tat-tkabbir ekonomiku u għandhom jiġu riveduti mill-Istati Membri. Dan għandu jtawwal iż-żmien meħtieġ biex nilħqu t-tkabbir addizzjonali identifikat.

    Għaldaqstant, l-Istati Membri għandhom jivvalutaw mill-ġdid il-mod li bih użaw id-diskrezzjoni tagħhom. Bħala prijorità, għandhom jeżaminaw ir-rekwiżiti li jillimitaw l-istrutturi tal-kumpanija u s-sjieda tal-kapital li huma ostaklu għall-iżvilupp tas-servizzi professjonali. Il-progress miksub u r-riformi li għaddejjin bħalissa f'għadd ta' Stati Membri juru li dawn is-servizzi jistgħu jibbenefikaw minn qafas regolatorju inqas strett mingħajr ma tiġi pperikolata l-kwalità jew tiġi mminata l-indipendenza tal-professjonisti.

    Bl-istess mod, il-klawżola tal-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi stabbilita fl-Artikolu 16 tad-Direttiva tesiġi valutazzjoni tal-ġustifikazzjoni u l-proporzjonalità tar-rekwiżiti imposti mill-Istati Membri fuq il-fornituri tas-servizzi stabbiliti fi Stati Membri oħra meta dawn jipprovdu servizzi transfruntiera fit-territorju tagħhom. In-negozji u l-professjonisti li jipprovdu servizzi transfruntiera għadhom, wisq frekwentement, inċerti dwar ir-regoli li japplikaw għalihom. Agħar minn hekk, xi kultant dawn ikollhom jikkonformaw virtwalment mal-liġijiet kollha tal-Istat Membru fejn jipprovdu s-servizzi flimkien mal-obbligi tagħhom skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru tagħhom stess. Il-leġiżlazzjoni nazzjonali li timplimenta r-regoli tad-Direttiva dwar is-Servizzi fuq il-forniment transfruntier tas-servizzi għandha titjieb sabiex tipprovdi ċertezza legali u ttemm dan il-piż regolatorju doppju.

    B'mod partkolari, l-obbligi ta' assigurazzjoni jistgħu jkunu problema għall-fornituri tas-servizzi. Dawn jeżistu għal bosta attivitajiet sabiex jiġu protetti dawk li jirċievu s-servizzi. Uħud minn dawn ir-rekwiżiti jiddupplikaw ir-rekwiżiti diġà mħarsa fl-Istat Membru ta' stabbiliment, u għalhekk iżidu l-ispejjeż għan-negozji. Aktar imporanti minn hekk, li jinsabu assiguraturi fl-Istat Membru ta' stabbiliment jew fl-Istat Membru fejn is-servizz huwa pprovdut għal attivitajiet ta' servizzi transfruntieri tista' tkun xi ħaġa diffiċli, notevolment fis-setturi tal-kostruzzjoni u tat-turiżmu.

    Azzjonijiet

    Fl-2012, il-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri, se tvara proċess ta' analiżi inter pares u skambju tal-aħjar prattiki li jiffukaw fuq rekwiżiti li jillimitaw l-istrutturi tal-kumpaniji u s-sjieda tal-kapital kif ukoll fuq il-klawżola tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. L-Istati Membri għandhom jimpenjaw ruħhom li jwettqu analiżi bir-reqqa tal-leġiżlazzjoni tagħhom fuq dawn il-kwistjonijiet. Ir-riżultati se jiġu vvalutati sa nofs l-2013.

    L-Istati Membri għandhom jeliminaw ir-restrizzjonijiet kollha kif ukoll l-awtorizzazzjonijiet li mhumiex iġġustifikati abbażi tad-Direttiva u, b'mod partikolari, għandhom janalizzaw il-ħtieġa u l-proporzjonalità tar-rekwiżiti imposti fuq il-fornituri tas-servizzi. Għal kwalunkwe restrizzjoni pendenti li tista' tkun iġġustifikata abbażi tad-Direttiva, dawn għandhom jivvalutaw il-vantaġġi ekonomiċi tat-tneħħija tagħhom u għandhom jieħdu azzjoni fejn meħtieġ.

    Il-Kummissjoni se tagħmel rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi dwar azzjonijiet prijoritarji fil-kuntest tas-Semestru Ewropew għall-2013. Jekk meħtieġ, fid-dawl tar-riżultati miksuba, il-Kummissjoni se tikkunsidra li tipproponi leġiżlazzjoni addizzjonali dwar kwistjonijiet speċifiċi.

    L-Istati Membri għandhom iżidu l-isforzi tagħhom biex isaħħu l-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (IMI). Il-Kummissjoni se timmonitorja mill-qrib u se tgħin lill-Istati Membri biex jagħmlu dan.

    Il-Kummissjoni se tinkoraġġixxi l-iżvilupp ta’ miżuri mis-settur tal-assigurazzjoni bl-għan li tiġi pprovduta kopertura ta' assigurazzjoni adegwata, inkluża dik waqt il-forniment ta' servizzi fi Stati Membri oħra. B'mod partikolari, il-kumpaniji tal-assigurazzjoni stabbiliti f''diversi Stati Membri li jipprovdu poloz tal-assigurazzjoni li jkopru l-forniment tas-servizzi għandhom ikopru fornituri tas-servizzi meta dawn jipprovdu servizzi transfruntiera f'dawn l-Istati Membri.

    Il-Kummissjoni se tivvaluta l-progress li ntlaħaq fis-settur tal-assigurazzjoni sa tmiem l-2013. Abbażi tal-progress jew in-nuqqas tiegħu, il-Kummissjoni se tikkunsidra soluzzjonijiet alternattivi, fosthom, dik li tipproponi leġiżlazzjoni.

    3. Is-servizzi professjonali: Immodernizzar tal-qafas regolatorju

    Hemm madwar 800 kategorija ta' professjonijiet regolati. Ġew identifikati diskrepanzi fir-regolamentazzjoni tas-servizzi professjonali fost l-Istati Membri. L-effetti ta’ dawn id-diverġenzi huma aggravati minn proċeduri kkumplikati għar-rikonoxximent tal-kwalifiki. Il-Kunsill Ewropew saħaq fuq l-importanza li jsir progress fit-tisħiħ tar-rikonoxximent reċiproku ta' kwalifiki professjonali, billi jitnaqqas l-għadd ta' professjonijiet regolati u jitneħħew ostakli regolatorji mhux ġustifikati[7]. L-immodernizzar tad-Direttiva dwar il-Kwalifiki Professjonali propost dan l-aħħar jindirizza wkoll dawn l-kwistjonijiet. Sabiex jiġi żgurat li l-progress isir kemm jista' jkun malajr, il-Kummissjoni indirizzat rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi dwar din il-kwistjoni lil 8 Stati Membri[8] li se jiġu segwiti fl-eżerċizzju tas-Semestru Ewropew għall-2013.

    Fir-rigward tal-forniment ta' servizzi transfruntiera, il-proposta għal Direttiva riveduta tipprevedi li l-Istati Membri se jkollhom jidentifikaw u jiġġustifikaw b'mod ċar dawk il-każijiet fejn huma jkunu jridu jagħmlu użu tal-possibilità eċċezzjonali li jivverifikaw il-kwalifika ta' fornituri ta' servizzi qabel dawn ma jkunu jistgħu joffru s-servizzi. L-Istati Membri se jkollhom jiżguraw ukoll li d-dikjarazzjoni annwali, li jista' jkollhom bżonn jagħmlu l-fornituri tas-servizzi, hija valida għat-territorju kollu tal-Istat Membru. Dan inaqqas il-burokrazija żejda u jneħħi l-inċertezza għall-professjonisti. Il-mekkaniżmu ta' trasparenza u evalwazzjoni reċiproka propost se jikkontribwixxi biex inaqqas il-kumplessità li tirriżulta mid-diverġenzi fir-regolamentazzjoni tal-professjonijiet. L-Istati Membri għandhom jirrevedu, fil-livell nazzjonali, ir-rekwiżiti tal-kwalifiki imposti fuq professjonijiet regolati u l-ambitu tal-attivitajiet riżervati.

    Ladarba tkun ġiet adottata l-proposta, il-Kummissjoni biħsiebha tippreżenta Komunikazzjoni fl-2013. Il-Komunikazzjoni se tirreferi għall-progress milħuq fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi u żviluppi oħra fir-rigward tar-regolamentazzjoni tal-professjonijiet.

    Azzjonijiet

    Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jadottaw qabel tmiem l-2012 il-proposta għal Direttiva modernizzata dwar il-Kwalifiki Professjonali kif mitlub mill-Kunsill Ewropew ta' Ottubru 2011.

    Il-Kummissjon se:

    - tgħin lill-Istati Membri bl-implimentazzjoni ta' rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi dwar servizzi professjonali bħala parti mill-eżerċizzju tas-Semestru Ewropew għall-2013 u f'dan il-kuntest se tvara eżerċizzju fl-2012 flimkien mal-Istati Membri sabiex il-progress ikun jista' jsir kemm jista' jkun malajr.

    - tippreżenta Komunikazzjoni fl-2013, wara l-adozzjoni tad-Direttiva riveduta, sabiex tagħti rendikont tal-progress li sar fl-Istati Membri u tiffaċilita l-evalwazzjoni reċiproka tal-professjonijiet regolati prevista f'din id-Direttiva.

    4. Jiġi żgurat li d-Direttiva dwar is-Servizzi taħdem favur il-konsumaturi

    L-iffaċilitar tal-forniment ta’ servizzi bejn il-fruntieri nazzjonali mhuwiex biżżejjed għat-twaqqif ta’ suq uniku ġenwin għas-servizzi. Huwa ugwalment importanti li jiġi żgurat li dawk li jirċievu s-servizzi ikunu jistgħu faċilment jibbenefikaw mill-opportunitajiet offruti lilhom mis-suq uniku.

    Biex jissaħħu d-drittijiet tal-konsumaturi u tissaħħaħ il-fiduċja tagħhom fis-suq intern, id-Direttiva dwar is-Servizzi tobbliga lill-Istati Membri biex ineħħu l-ostakli regolatorji għal dawk li jirċievu s-servizzi li jixtiequ jixtru servizzi pprovduti minn fornituri stabbiliti fi Stati Membri oħra. Tiżgura wkoll li l-konsumaturi jkunu jistgħu jagħmlu għażliet infurmati meta jixtru servizzi fi Stati Membri oħra permezz ta’ obbligi ta’ informazzjoni li japplikaw kemm għal fornituri kif ukoll għall-awtoritajiet tal-Istati Membri (pereżempju bil-ħolqien tal-hekk imsejħa korpi tal-Artikolu 21 li jgħinu lill-konsumaturi). Fl-aħħarnett, id-Direttiva għandha l-għan li ttemm prattiki minn fornituri tas-servizzi li, b'mod mhux ġustifikat, ifixklu l-aċċess għas-servizzi tagħhom mill-konsumaturi residenti fi Stati Membri oħra. F’dan ir-rigward, il-klawżola ta' "nondiskriminazzjoni" hija pass kbir sabiex lill-konsumaturi jingħatalhom aċċess mingħajr xkiel għas-Suq Uniku.

    L-Artikolu 20 tad-Direttiva jipprojbixxi diskriminazzjoni kontra min jirċievi s-servizzi abbażi tan-nazzjonalità jew il-pajjiż ta’ residenza. Dan japplika għal rifjuti għal forniment jew offerti soġġetti għal kundizzjonijiet inferjuri meta dawn ma jistgħux ikunu ġġustifikati fuq bażi oġġettiva. Sitwazzjonijiet ta’ dan it-tip ma għandhomx jitfaċċaw iżjed jekk jiġi implimentat bis-sħiħ l-Artikolu 20 fl-Istati Membri.

    Il-klawżola tan-nondiskriminazzjoni tesiġi valutazzjoni każ każ[9]. Għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-każijiet fejn il-konsumaturi jaffrontaw spejjeż ogħla milli kieku jkunu imposti għal tranżazzjoni domestika meta jkunu jixtiequ jħallsu għal servizz ipprovdut fi Stat Membru ieħor permezz ta' trasferiment ta' kreditu jew debitu dirett f’euro. Fil-prinċipju, il-konsumaturi ma għandhomx jibqgħu jiġu mċaħħda mill-forniment abbażi tar-raġuni li huwa fiżikament impossibbli li jiġu kkunsinnati oġġetti fi Stat Membru ieħor. Bl-istess mod, il-fornituri tas-servizzi ma għandhomx jiddependu fuq sempliċi fatturi ġeografiċi sabiex jimplimentaw prattiki li jaqsmu artifiċjalment is-swieq fi ħdan is-suq uniku tal-UE għad-detriment tal-konsumaturi.

    Fid-dawl tal-fatt li għadhom jeżistu impedimenti għas-servizzi, bħalissa għaddejjin inizjattivi fil-livell tal-UE biex tnaqqashom u biex itejbu l-funzjonament tas-suq uniku. Dan jinkludi l-ikkompletar taż-Żona Unika ta' Pagamenti bl-Euro, il-proposta tal-Kummissjoni għal Liġi Komuni Ewropea mhux obbligatorja dwar il-Bejgħ, l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur, il-proposta biex jiġu stabbiliti punti uniċi ta' servizz għall-ipproċessar tal-VAT, il-proposti biex jiġu stabbiliti entitajiet għas-soluzzjoni alternattiva tat-tilwim (ADR) għas-soluzzjoni ta' tilwim tal-konsumaturi u l-pjattaforma onlajn madwar l-UE kollha għall-ilmenti transfruntiera (ODR) kif ukoll inizjattivi fil-futur qrib fil-qasam tal-ġestjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur, u l-imposti fuq l-ikkuppjar privat u r-riprografija

    Azzjonijiet

    L-Istati Membri għandhom jinfurzaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jimplimentaw il-klawżola ta' "nondiskriminazzjoni" bħala kwistjoni prijoritarja. Il-Kummissjoni se taħdem ma' korpi nazzjonali li jittrattaw ilmenti ta’ trattament diskriminatorju kif ukoll mal-awtoritajiet kompetenti għall-infurzar sabiex jiġi żgurat li l-konsumaturi jkunu jistgħu jibbenefikaw bis-sħiħ mis-Suq Uniku. B’mod partikolari, il-Kummissjoni se tipproponi azzjonijiet immirati sa nofs l-2013 biex timmonitorja l-applikazzjoni u biex tieħu azzjoni ta' infurzar ta' rimedju fejn jinstabu n-nuqqasijiet.

    Il-Kummissjoni għandha tressaq kjarifiki inizjali dwar il-klawżola ta' "nondiskriminazzjoni" u timmonitorja mill-qrib l-infurzar tagħha. Se tinħareġ gwida speċifika addizzjonali sa tmiem l-2013 abbażi ta' esperjenza ulterjuri bl-implimentazzjoni nazzjonali ta' din id-dispożizzjoni. Din il-gwida se tqis l-iżviluppi regolatorji li jnaqqsu l-ostakli li jifdal għan-negozji li joffru s-servizzi transfruntieri tagħhom.

    Il-Kummissjoni għandha tibda immedjatament il-ħidma man-negozji, pereżempju, permezz ta' organizzazzjonijiet rappreżentattivi u kmamar tal-kummerċ, biex ittejjeb it-trasparenza u tappoġġa l-isforzi li jiżguraw li l-klijenti jkunu jistgħu jixtru b'mod transfruntier fis-suq uniku. Il-Kummissjoni se tappoġġa fornituri f'setturi speċifiċi bl-istabbiliment volontarju ta’ karti tal-kwalità li jinkludu impenji dwar kundizzjonijiet transfruntiera għall-aċċess għas-servizzi tagħhom. Il-progress milħuq għandu jiġi vvalutat mill-Kummissjoni sa nofs l-2013.

    Il-Kummissjoni b'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri se tinforma lill-konsumaturi dwar id-drittijiet tagħhom fis-suq uniku fl-ambitu tad-Direttiva dwar is-Servizzi fil-kuntest ta' kampanja ta' sensibilizzazzjoni li se ssir fl-2013 bħala parti mis-Sena Ewropea taċ-Ċittadini.

    5. Jiġi żgurat li jaħdmu fil-prattika r-regoli tas-Suq Uniku

    Id-Direttiva ma teżistix b'mod iżolat. Din tista’ tikseb l-effett sħiħ tagħha biss meta tkun applikata b’mod koerenti flimkien ma' Direttivi oħra tas-Suq Uniku. Dan huwa partikolarment importanti fil-każ tad-Direttiva dwar il-Kwalifiki Professjonali u d-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku.

    F'bosta Stati Membri l-proċeduri għar-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali huma twal u kkumplikati.

    Servizzi transfruntiera huma dejjem aktar ipprovduti onlajn. Minkejja is-simplifikazzjoni introdotta mid-Direttiva dwar is-Servizzi u d-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku, għadhom jeżistu xi ostakoli.

    Azzjonijiet

    L-Istati Membri jridu jimpenjaw ruħhom li jagħmlu l-leġiżlazzjoni u l-proċeduri tagħhom konformi bis-sħiħ mad-Direttivi dwar il-Kwalifiki Professjonali u l-Kummerċ Elettroniku. Il-liġi nazzjonali għandha tqis bis-sħiħ l-effetti kombinati ta' dawn id-Direttivi. L-adattamenti neċessarji għandhom isiru b'mod urġenti.

    Il-Kummissjoni se tinforza vigorożament dawn id-Direttivi, b'attenzjoni partikolari għall-applikazzjoni kombinata tagħhom, sabiex tiżgura riżultati pożittivi, fil-prattika, għall-fornituri tas-servizzi. Il-Kummissjoni se tuża proċeduri ta' ksur fejn meħtieġ.

    6. Ħtiġijiet speċifiċi għas-setturi

    L-eżerċizzju tal-verifiki tal-prestazzjoni[10] identifika l-ħtieġa li jiġu indirizzati għadd ta' fatturi ta' xkiel għat-tkabbir f'setturi.

    6.1 Servizzi speċjalizzati: Sabiex ir-rikonoxximent reċiproku ssir realtà

    Servizzi speċjalizzati transfruntiera jistgħu jkunu soġġetti għar-rekwiżiti minħabba l-implimentazzjoni ta' regoli tal-UE speċifiċi għas-setturi li jesiġu l-awtorizzazzjoni ta' esperti għal attivitajiet li jinvolvu gassijiet serra fluworinati f'sistemi ta' tkessiħ, l-effiċjenza enerġetika tal-bini jew it-trattament tal-iskart u t-trasport. Fejn dawn l-esperti huma soġġetti għal sistema ta' akkreditament, ir-Regolament (KE) 765/2008 jiffaċilita r-rikonoxximent reċiproku ta’ ċertifikati ta' akkreditament. Għandu jiġi żgurat l-effett sħiħ tiegħu.

    Meta l-leġiżlazzjoni tal-UE speċifika għas-setturi tipprevedi skemi ta' awtorizzazzjoni jew akkreditament fil-livell nazzjonali, għandha tiżgura li l-fornituri awtorizzati jew akkreditati jistgħu jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom fi Stati Membri oħra abbażi tal-awtorizzazzjoni jew l-akkreditament miksuba fl-Istat Membru ta' oriġini tagħhom.

    Azzjonijiet

    Il-Kummissjoni se timmira li tiżgura użu akbar tal-klawżoli ta’ rikonoxximent reċiproku fi proposti futuri għal leġiżlazzjoni speċifika għas-setturi li jistabbilixxu skemi ta’ awtorizzazzjoni għal esperti li jipprovdu servizzi speċjalizzati.

    Meta japplikaw il-leġiżlazzjoni eżistenti speċifika għas-setturi, l-Istati Membri għandhom jagħtu effett sħiħ lill-Artikolu 56 tat-TFUE u lil-leġiżlazzjoni tal-UE li tiffaċilita l-forniment ta' servizzi minn esperti minn Stati Membri oħra, bħad-Direttiva dwar il-Kwalifiki Professjonali, meta l-professjoni hija regolata jew, fejn applikabbli, ir-Regolament 765/2008 dwar l-Akkreditament. L-Istati Membri għandhom jagħmlu użu mill-IMI biex tiġi ffaċilitata l-verifika tal-konformità mar-rekwiżiti fi Stati Membri oħra.

    L-istandards tekniċi għandhom ikunu allinjati aktar, partikolarment billi jintużaw il-mekkaniżmi tal-istandardizzazzjoni tal-UE (CEN), f'oqsma fejn hemm diverġenzi sinifikanti fl-implimentazzjoni nazzjonali tal-leġiżlazzjoni tal-UE, kif huwa l-każ għall-ċertifikazzjoni tal-prestazzjoni enerġetika tal-bini.

    6.2 Il-leġiżlazzjoni għall-ħarsien tal-konsumatur

    Parti sinifikanti tal-acquis eżistenti għall-ħarsien tal-konsumatur ġie ibbażat fuq armonizzazzjoni minima. F'oqsma fejn tapplika l-armonizzazzjoni minima, l-Istati Membri, ta' spiss, marru lil hinn mir-regoli ta' armonizzazzjoni minim.. Dan jirriżulta f'sitwazzjoni fejn il-fornituri tas-servizzi jistgħu jaffrontaw rekwiżiti eteroġeni skont fejn jixtiequ jipprovdu s-servizzi tagħhom u dan jista' jwassal għal distorsjonijiet fis-suq uniku. Il-Kummissjoni tista' tindirizza dan b'żewġ modi: permezz ta' aktar armonizzazzjoni jew saħansitra armonizzazzjoni sħiħa, kif sar dan l-aħħar fir-rigward tad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur u kif ġie propost f'Jannar 2012 fir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Dejta; inkella permezz ta' armonizzazzjoni mhux obbligatorja kif ġie propost f'Ottubru 2011 bil-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ li din ukoll mhijiex obbligatorja. Iż-żewġ metodi huma kumplimentari u għandhom jintużaw abbażi tal-istat tal-acquis, il-ħtieġa li jiġu rispettati l-prinċipju tas-sussidjarjetà u l-interessi pubbliċi involuti kif ukoll il-ħtieġa li jiġi żgurat livell għoli ta' ħarsien tal-konsumatur partikolarment fir-rigward tas-servizzi onlajn.

    Azzjonijiet

    Il-Kummissjoni se timmira li taċċellera l-proċeduri leġiżlattivi dwar miżuri li jaffettwaw il-konsumatur li huma ta' importanza kruċjali għas-suq uniku tas-servizzi.

    Meta tipproponi l-leġiżlazzjoni l-ġdida, il-Kummissjoni se timmira li tiżgura, fejn xieraq, livelli ogħla ta’ armonizzazzjoni f'leġiżlazzjoni futura tal-UE għall-ħarsien tal-konsumatur. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jgħaqqdu l-isforzi tagħhom sabiex jintlaħaq dan l-iskop li jiżgura li s-suq uniku ikun jista’ jieħu effett sħiħ.

    Partikolarment fir-rigward tas-settur tat-turiżmu u kif ġie mħabbar fl-Aġenda għall-Konsumaturi[11], il-Kummissjoni se tipproponi Direttiva aġġornata dwar il-Vjaġġi offruti bħala Pakkett sal-bidu tal-2013 li se tipprova tikseb armonizzazzjoni akbar tal-liġijiet nazzjonali partikolarment fir-rigward tal-offerti onlajn.

    Fejn tapplika l-armonizzazzjoni minima fil-leġiżlazzjoni għall-ħarsien tal-konsumatur, il-Kummissjoni se taħdem flimkien ma' awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar biex tiżgura l-implimentazzjoni korretta tal-acquis kollu tal-UE dwar il-konsumatur b'mod koerenti u li jiġbor fih kollox, filwaqt li jitqiesu d-drittijiet u r-regoli tas-suq uniku.

    6.3 Servizzi tas-settur tal-konsumaturi u dawk għan-negozji: Inizjattivi speċifiċi

    Il-prestazzjoni tas-settur tal-konsumaturi hija ostakolata minn għadd ta' problemi li, il-biċċa l-kbira tagħhom, ġew identifikati mir-Rapport ta' Monitoraġġ[12] dwar is-Settur tal-Konsumaturi u mill-Parlament Ewropew[13]. Fid-dawl tal-importanza ekonomika ta’ dan is-settur, il-Kummissjoni qed tħejji Pjan ta' Azzjoni Ewropew dwar il-Settur tal-Konsumaturi biex tistabbilixxi strateġija tal-UE għal dan is-settur għas-snin li ġejjin.

    Is-servizzi għan-negozji ġew identifikati bħala settur tas-servizzi fejn il-livell ta' produttività jista' jitjieb sostanzjalment. Kif imħabbar fl-Att dwar is-Suq Uniku u l-Kommunikazzjoni dwar il-"Politika Industrijali għall-Era tal-Globalizzazzjoni", il-Kummissjoni qed tistabbilixxi Grupp ta' Livell Għoli dwar is-Servizzi relatati man-Negozji sabiex jistudja n-nuqqasijiet ta' dan is-settur partikolari. Dan il-grupp se jiffoka fuq erba' setturi speċifiċi ta' servizzi għan-negozji: (i) kummerċjalizzazzjoni u reklamar; (ii) ġestjoni ta' faċilità; (iii) servizzi tekniċi u ta' inġinerija; u (iv) disinn. Se ssir enfasi speċjali fuq l-interkonnessjonijiet bejn is-servizzi għan-negozji u l-manifattura tal-UE, kif ukoll l-iżvilupp ta' standards volontarji Ewropej li għandhom il-potenzjal li jtejbu l-kwalità tas-servizzi u l-kumparabbiltà bejn is-servizzi pprovduti minn fornituri tas-servizzi fi Stati Membri differenti.

    Azzjonijiet

    Fl-2012, il-Kummissjoni se tadotta Pjan ta' Azzjoni Ewropew dwar is-Settur tal-Konsumaturi li jistabbilixxi strateġija tal-UE għal dan is-settur.

    Il-Kummissjoni se toħloq Grupp ta’ Livell Għoli dwar Servizzi Relatati man-Negozji biex jistudja n-nuqqasijiet ta’ dan is-settur partikolari sal-ħarifa tal-2012.

    7. Lejn Punti ta' Kuntatt Uniku tat-tieni ġenerazzjoni

    Il-Punti ta’ Kuntatt Uniku (Points of Single Contact - PSCs) għandhom l-għan li jiffaċilitaw il-ħajja għall-fornituri tas-servizzi billi jipprovdulhom interfaċċja waħda biex tiġi aċċessata l-informazzjoni kollha meħtieġa u billi jippermettulhom ilestu onlajn il-proċeduri amministrattivi rilevanti. Huma jiffaċilitaw ukoll għażliet infurmati mir-riċevituri li jixtiequ jixtru servizzi. Il-PSCs joffrulhom informazzjoni essenzjali bħad-dettalji ta' kuntatt tal-awtoritajiet kompetenti u mezzi ta’ rikors ġeneralment disponibbli f''każ ta’ tilwim.

    Iżda hemm varjazzjonijiet kbar fl-informazzjoni pprovduta mill-PSCs dwar ir-regoli għas-setturi prinċipali tas-servizzi fir-rigward ta' kemm din tkun faċli biex tinftiehem mill-utenti.

    Bosta PSCs jipprovdu informazzjoni f’mill-inqas lingwa barranija waħda, li huwa ta' benefiċċju kbir għall-fornituri tas-servizzi. Madankollu, ħafna proċeduri amministrattivi għadhom mhumiex onlajn u kull meta dawn ikunu disponibbli fil-livell nazzjonali, ħafna drabi ikunu inaċċessibbli għall-utenti minn barra.

    Huwa essenzjali li jiġu indirizzati dawn in-nuqqasijiet u niżguraw li l-PSCs jiffunzjonaw kif suppost għall-benefiċċju tal-utenti. Dan ifisser li l-Istati Membri għad iridu jegħlbu sfidi kbar f'termini ta' aktar semplifikazzjoni u razzjonalizzazzjoni tal-proċeduri, integrazzjoni akbar tal-back-office u l-adattamenti tekniċi neċessarji, partikolarment biex jiżguraw aċċess transfruntier. Huwa wkoll importanti li negozji jsiru konxji tal-eżistenza ta' PSCs u l-utilità tagħhom.

    Azzjonijiet

    L-Istati Membri jridu jagħmlu l-PSCs tagħhom għalkollox konformi mar-rekwiżiti tad-Direttiva dwar is-Servizzi b'mod urġenti.

    Sa tmiem l-2014, l-Istati Membri, megħjuna mill-Kummissjoni qed jitħeġġu jiżviluppaw l-PSCs tat-tieni ġenerazzjoni li għandhom (1) ikopru l-proċeduri kollha matul iċ-ċiklu tal-ħajja tan-negozju, (2) ikunu multilingwali, u (3) ikun aktar aċċessibbli għall-utent. Il-Kummissjoni se tiftiehem mal-Istati Membri dwar kriterji għall-PSCs tat-tieni ġenerazzjoni permezz ta' "Karta tal-PSCs".

    Il-Kummissjoni se tvara kampanja ta’ komunikazzjoni dwar il-PSCs fl-2013, tikkoordina mal-Istati Membri sabiex titjieb l-preżenza ta' PSCs fuq l-internet u taħdem mal-organizzazzjonijiet tan-negozji biex jagħmlu n-negozji aktar konxji dwar il-PSCs u jippromwovu iktar l-użu tagħhom.

     III.  Konklużjoni

    Is-servizzi huma xprun ewlieni tal-ekonomija Ewropea. Suq Uniku għas-servizzi li jkun aktar integrat u li jiffunzjona aħjar huwa vitali bħala kontribut għall-irkuprar ekonomiku tal-UE.

    L-Istati Membri kollha għamlu sforzi sinifikanti biex jimplimentaw id-Direttiva dwar is-Servizzi. Dawn neħħew bosta ostakli mhux ġustifikati u mmodernizzaw il-qafas regolatorju tagħhom applikabbli għas-servizzi. Dan se jagħti spinta lill-ekonomija tal-UE.

    Madankollu, it-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi fis-settur tas-servizzi għadhom imfixkla minn sensiela sħiħa ta' ostakli. Hemm il-possibbiltà li jkun hemm aktar tkabbir jekk tittieħed azzjoni issa biex jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tad-Direttiva dwar is-Servizzi.

    F'konformità mal-Komunikazzjoni dwar Governanza Aħjar għas-Suq Uniku, għandna nikkonċentraw l-isforzi tagħna sabiex inħaddmu aħjar dak li jeżisti diġà. Din il-Komunikazzjoni tipproponi toroq li jwasslu biex jiġi mmassimizzat l-effett ekonomiku tad-Direttiva dwar is-Servizzi b'mod partikolari fis-setturi ta' importanza ekonomika sinifikanti.

    – L-Istati Membri għandhom iżidu l-livell ta' ambizzjoni tagħhom fir-rigward tad-Direttiva dwar is-Servizzi. Kwalunkwe ostaklu pendenti li jkun għad baqa’ għandu jiġi vvalutat bir-reqqa mil-lat tal-impatt ekonomiku tiegħu.

    – Il-Kummissjoni ressqet proposta biex timmodernizza l-qafas legali għall-mobbiltà tas-servizzi professjonali; l-Istati Membri għandhom jadottawha malajr.

    – Is-Suq Uniku għandu jaħdem għall-konsumaturi. In-negozji ma għandhomx jaqsmuh b'mod artifiċjali għad-detriment ta' dawk li jirċievu s-servizzi.

    – Strumenti oħra tas-Suq Uniku, bħad-Direttiva dwar ir-Rikonoxximent tal-Kwalifiki Professjonali, id-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku u d-Direttiva dwar is-Servizzi għandhom jiġu applikati b'mod issemplifikat. Fejn meħtieġ, il-liġi tal-Unjoni għandha tiġi modernizzata biex tilqa' l-ħtiġijiet tas-servizzi speċifiċi u tiżġura li l-qafas legali jaħdem effettivament fil-prattika kemm għall-fornituri tas-servizzi kif ukoll għal dawk li jirċevuhom.

    – L-Istati Membri għandhom jiżviluppaw il-Punti ta' Kuntatt Uniku b'tali mod li dawn isiru għodda tal-gvern elettroniku żviluppati bis-sħiħ li jirrispondu b'mod adegwat għall-ħtiġijiet tal-fornituri tas-servizzi u dawk li jirċevuhom.

    Dan jesiġi impenn politiku mill-istituzzjonijiet Ewropej u l-Istati Membri kollha biex jagħtu l-prijorità neċessarja biex jitwettqu l-azzjonijiet meħtieġa fi ħdan l-iskeda taż-żmien. Il-Kummissjoni se taħdem bi sħubija mal-Istati Membri biex toħloq tkabbir u impjiegi ġodda fis-servizzi u se timmonitorja l-progress mill-qrib fl-Istħarriġ Annwali tat-Tkabbir tagħha.

    Anness 1 - Leġiżlazzjoni tal-UE li tapplika għas-Setturi tas-servizzi

    || Is-setturi prinċipali koperti mid-Direttiva dwar is-Servizzi (2006/123/KE)

    || · Servizzi għan-Negozji inklużi s-servizzi professjonali (avukati, periti, kontabbilisti, konsulenti tat-taxxa, aġenziji ta' konsulenza, aġenżiji ta' komunikazzjoni u kummerċjalizzazzjoni, aġenziji tal-privattivi, servizzi ta' ċertifikazzjoni, intermedjarji sportivi, maniġers tal-artisti, aġenziji ta' reklutaġġ, veterinarji, servejers tal-art...) · Servizzi ta' kostruzzjoni u artiġjanat · Is-settur tal-konsumaturi · Is-settur immobiljari · Turiżmu (lukandi, ristoranti, kafejiet, aġenti tal-ivvjaġġar, gwidi turistiċi …) · Edukazzjoni Privata

    Setturi tas-Servizzi || L-istrumenti legali ewlenin tal-UE li jkopru s-settur

    Enerġija || Suq intern għall-gass naturali · Id-Direttiva 2003/55/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2003 rigward regoli komuni għas-suq intern fil-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 98/30/KE. Suq intern tal-elettriku · Id-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li temenda d-Direttiva 2003/54/KE (Test b’rilevanza għaż-ŻEE) Suq intern tal-gass · Id-Direttiva 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 2003/55/KE (Test b’rilevanza għaż-ŻEE).

    Servizzi finanzjarji || Pjan ta’ Azzjoni għas-Servizzi Finanzjarji u segwiti (Id-Direttiva 2006/43/KE, id-Direttiva 2006/46/KE, id-Direttiva 2007/63/KE, id-Direttiva 2007/44/KE, id-Direttiva 2009/14/KE, id-Direttiva 2007/36/KE, id-Direttiva 2007/64/KE, id-Direttiva 009/111/KE, id-Direttiva 2009/44/KE, id-Direttiva 2010/76/UE, id-Direttiva 2009/49/KE, id-Direttiva 2011/61/UE, id-Direttiva 2011/89/UE)

    Kura tas-saħħa || · Id-Direttiva 2011/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2011 dwar l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti fil-qasam tal-kura tas-saħħa transkonfinali · Id-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 7 ta' Settembru 2005 dwar ir-Rikonoxximent ta' Kwalifiki Professjonali

    Servizzi Postali || · Id-Direttiva 97/67/KE · Id-Direttiva 2002/39/KE · Id-Direttiva 2008/06/KE

    Telekomunikazzjoni || · Ir-Regolament (KE) Nru 1211/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi l-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi · Id-Direttiva 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2002 dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma' networks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi kif emendata mid-Direttiva 2009/136/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009 · Id-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta Marzu 2002 dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta' komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi kif emendata bid-Direttiva 2009/140/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009 · Id-Direttiva 2002/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2002 dwar l-awtorizzazzjoni ta' networks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi kif emendata bid-Direttiva 2009/140/KE. · Id-Direttiva 2002/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2002 dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta', networks ta' komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati kif emendata bid-Direttiva 2009/140/KE. · Id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika kif emendata bid-Direttiva 2006/24/KE u d-Direttiva 2009/136/KE

    Trasport || Trasport bit-triq · Ir-Regolament (KE) Nru 1072/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 dwar regoli komuni għall-aċċess għas-suq internazzjonali tat-trasport bit-triq tal-merkanzija · Ir-Regolament (KE) Nru 1073/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 dwar regoli komuni għall-aċċess għas-suq internazzjonali tas-servizzi tal-kowċ u x-xarabank. · Ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2007 dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 1191/69 u 1107/70 Trasport marittimu · Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4055/86 tat-22 ta’ Diċembru 1986 li japplika l-prinċipju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi tat-trasport marittimu bejn l-Istati Membri u bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi · Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3577/92 tas-7 ta’ Diċembru 1992 li japplika l-prinċipju ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi għat-trasport marittimu fi ħdan l-Istati Membri (kabotaġġ marittimu). Transport bil-ferrovija · Id-Direttiva tal-Kunsill 91/440/KEE tad-29 ta' Lulju 1991 dwar l-iżvilupp tal-linji tal-ferrovija tal-Komunità, ĠU L 237, 24.8.1991, p. 25. · Ir-Regolament (UE) Nru 913/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2010 dwar netwerk ferrovjarju Ewropew għat-trasport ta' merkanzija kompetittiv Trasport bl-ajru · Ir-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta'Settembru 2008 dwar regoli komuni għall-operat ta' servizzi bl-ajru fil-Komunità · Id-Direttiva tal-Kunsill 96/67/KE tal- 15 ta' Ottubru 1996 dwar l-aċċess għas-suq tal-ground handling fl-ajruporti tal-Komunità Navigazzjoni interna · Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1356/96 dwar regoli komuni li japplikaw għat-trasport ta' merkanzija jew passiġġieri permezz tal-passaġġi fuq l-ilma interni bejn l-Istati Membri bil-għan li tiġi stabbilita l-libertà li jiġu pprovduti tali servizzi tat-trasport · Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3291/91 li jistabbilixxi l-kondizzjonijiet li taħthom dawk it-trasportaturi li mhumiex residenti jistgħu jittrasportaw merkanzija jew passiġġieri permezz ta' passaġġi fuq l-ilma interni ġewwa Stat Membru

    || Setturi li effettivament mhumiex koperti minn leġiżlazzjoni sekondarja tal-UE

    || · L-Azzard · Attivitajiet li huma konnessi mal-eżerċitar ta' awtorità uffiċjali (kif stipulat fl-Artikolu 51 tat-Trattat) · Servizzi ta' sigurtà privata · Nutara, bailiffs · Taxis u servizzi tal-port

    Anness II – Lista ta’ Inizjattivi bi skeda ta' żmien

    Oqsma ta' politika || Azzjonijiet || Skeda ta’ żmien

    1. Tolleranza żero għan nuqqas ta' konformità || Ø L-Istati Membri jagħmlu l-leġiżlazzjoni tagħhom konformi bis-sħiħ mad-Direttiva dwar is-Servizzi. Ø Il-Kummissjoni tapplika politika ta’ tolleranza żero permezz ta' proċeduri ta' ksur, partikolarment f'setturi prijoritarji. || immedjatament immedjatament

    2. Massimizzar tal-effett ekonomiku tad-Direttiva dwar is-Servizzi || Ø Il-Kummissjoni tvara analiżi inter pares mal-Istati Membri sabiex jivvalutaw mill-ġdid leġiżlazzjoni speċifika fis-setturi prijoritarji. Ø L-Istati Membri jeliminaw ir-restrizzjonijiet kollha li baqa’ u li mhumiex ġustifikati jew li huma sproporzjonati u jivvalutaw il-vantaġġi ekonomiċi tat-tneħħija tar-rekwiżiti ġustifikati. Ø Azzjonijiet prijoritarji li għandhom jittieħdu mill-Istati Membri riflessi f'rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi fis-semestru Ewropew. Ø L-Istati Membri jżidu l-isforzi biex jiżdied l-użu tas-Sistema ta' Informazzjoni tas-Suq Intern (IMI). Ø Il-Kummissjoni taħdem mas-settur tal-assigurazzjoni biex tiżgura kopertura adegwata tal-assigurazzjoni għall-fornituri tas-servizzi inkluża dik għal attivitajiet fi Stati Membri oħra. Ø Il-Kummissjoni tivvaluta mill-ġdid il-progress miksub u tqis soluzzjonijiet alternattivi, inkluża dik li tipproponi leġiżlazzjoni jekk meħtieġ. || varar fl-2012 riżultati vvalutati f'nofs l-2013 immedjatament mill-2012 immedjatament immedjatament sa tmiem l-2013

    3. Immodernizzar tal-qafas regolatorju għal servizzi professjonali || Ø Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jadottaw proposta għal Direttiva modernizzata dwar il-Kwalifiki Professjonali. Ø Il-Kummissjoni se tgħin lill-Istati Membri bl-implimentazzjoni ta' rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi dwar servizzi professjonali bħala parti mill-eżerċizzju tas-Semestru Ewropew għall-2013. Ø Il-Kummissjoni tippreżenta Komunikazzjoni li tiffaċilita l-evalwazzjoni reċiproka tal-professjonijiet regolati. || qabel tmiem l-2012 2012 - 2013 2013

    4. Jiġi żgurat li d-Direttiva dwar is-Servizzi taħdem favur il-konsumaturi || Ø L-Istati Membri jinfurzaw dispożizzjonijiet nazzjonali li jimplimentaw il-klawżola ta' "nondiskriminazzjoni". Ø Il-Kummissjoni tipproponi azzjonijiet immirati biex timmonitorja l-applikazzjoni u tieħu azzjoni meta jiġu individwati nuqqasijiet. Ø Il-Kummissjoni toħroġ gwida speċifika addizzjonali dwar l-Artikolu 20. Ø Il-Kummissjoni taħdem man-negozji biex tiżgura li l-klijenti jistgħu jixtru b'mod transfruntier. Ø Il-Kummissjoni f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri tinforma lill-konsumaturi dwar id-drittijiet tagħhom fis-suq uniku fl-ambitu tad-Direttiva dwar is-Servizzi fil-kuntest ta' kampanja ta' sensibilizzazzjoni bħala parti mis-Sena Ewropea taċ-Ċittadini. || immedjatament f'nofs l-2013 tmiem l-2013 immedjatament jiġi vvalutat il-progress f'nofs l-2013 2013

    5. Jiġi żgurat li jaħdmu fil-prattika r-regoli tas-Suq Uniku || Ø L-Istati Membri jagħmlu l-leġiżlazzjoni u l-proċeduri tagħhom konformi bis-sħiħ mad-Direttivi dwar il-Kwalifiki Professjonali u l-Kummerċ Elettroniku. Ø Il-Kummissjoni tinforza vigorożament dawn id-Direttivi; tuża proċeduri ta' ksur fejn meħtieġ. || immedjatament immedjatament

    6. Ħtiġijiet speċifiċi għas-setturi: 6.1 Rikonoxximent reċiproku ta' servizzi speċjalizzati 6.2 Leġiżlazzjoni għall-ħarsien tal-konsumatur: armonizzazzjoni akbar f’ċerti setturi 6.3 Servizzi tas-settur tak-konsumaturi u dawk għan-negozji: Inizjattivi speċifiċi || Ø Il-Kummissjoni tiżgura l-effett sħiħ tal-libertajiet tat-Trattati billi timmira għal użu akbar tal-klawżoli ta’ rikonoxximent reċiproku fi proposti futuri ta' leġiżlazzjoni speċifika għas-setturi li tistabbilixxi skemi ta’ awtorizzazzjoni għal esperti li jipprovdu servizzi speċjalizzati. Ø L-Istati Membri jagħtu effett sħiħ lil-leġiżlazzjoni tal-UE li tesiġi l-aċċettazzjoni ta' esperti minn Stati Membri oħra u jużaw l-IMI biex tiġi ffaċilitata l-verifika tal-konformità mar-rekwiżiti fi Stati Membri oħra. Ø Allinjament ulterjuri ta' standards tekniċi, partikolarment bl-użu ta' mekkaniżmi tal-istandardizzazzjoni tal-UE (CEN), f'oqsma fejn hemm diverġenzi sinifikanti fl-implimentazzjoni nazzjonali tal-leġiżlazzjoni tal-UE. Ø Il-Kummissjoni timmira li tiżgura livelli ogħla ta’ armonizzazzjoni, fejn xieraq, fil-leġiżlazzjoni futura tal-UE għall-ħarsien tal-konsumatur. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jgħaqqdu l-isforzi tagħhom sabiex jintlaħaq dan l-iskop li jiżgura li s-suq uniku ikun jista’ jieħu effett sħiħ. Ø Il-Kummissjoni tanalizza d-Direttiva dwar il-Vjaġġi offruti bħala Pakkett. Ø Ħidma tal-Kummissjoni flimkien mal-infurzaturi nazzjonali biex jiżguraw l-implimentazzjoni korretta tal-acquis tal-UE dwar il-konsumaturi b'mod koerenti u li jiġbor fih kollox, filwaqt li jitqiesu b'mod xieraq id-drittijiet u r-regoli tas-suq uniku. Ø Il-Kummissjoni tadotta Pjan ta’ Azzjoni Ewropew dwar is-Settur tal-Konsumaturi li jistipula strateġija tal-UE għal dan is-settur. Ø Il-Kummissjoni toħloq Grupp ta’ Livell Għoli dwar Servizzi relatati man-Negozji biex jistudja n-nuqqasijiet ta' dan is-settur. || meta tadotta proposti futuri immedjatament għaddejja bħalissa meta tadotta proposti futuri 2012 Bidu tal-2013 2012 Ħarifa tal-2012.

    7. Lejn Punti ta' Kuntatt Uniku tat-tieni ġenerazzjoni || Ø L-Istati Membri jagħmlu PSCs għalkollox konformi mad-Direttiva dwar is-Servizzi. Ø L-Istati Membri jiżviluppaw PSCs tat-tieni ġenerazzjoni: (1) jiġu koperti l-proċeduri kollha matul iċ-ċiklu tal-ħajja tan-negozju, (2) multilingwali u (3) aktar aċċessibbli għall-utenti . Il-Kummissjoni se tiftiehem mal-Istati Membri dwar kriterji għal PSCs tat-tieni ġenerazzjoni permezz ta' "Karta tal-PSCs". Ø Il-Kummissjoni tvara kampanja ta’ komunikazzjoni dwar il-PSCs, tikkoordina mal-Istati Membri sabiex titjieb il-preżenza tal-PSCs fuq l-internet u taħdem mal-organizzazzjonijiet tan-negozji biex tagħmel in-negozji aktar konxji dwar il-PSCs u tippromwovi aktar l-użu tagħhom. || immedjatament 2012-2014 2013

    [1]       Studju tal-Kummissjoni "L-Impatt Ekonomiku tad-Direttiva dwar is-Servizzi: l-ewwel valutazzjoni wara l-implimentazzjoni" ppubblikat fuq is-sit http://ec.europa.eu/economy_finance/publications/economic_paper/2012/index_en.htm

    [2]       Iċ-ċifra ta' 2.6 % tinkludi dik ta' 0.8 % addizzjonali ta' PDG tal-UE msemmija hawn fuq kif ukoll gwadanji addizzjonali sa 1.8 % ta' PDG li jistgħu jinkisbu f'xenarju aktar ambizzjuż fejn l-Istati Membri jneħħu r-restrizzjonijiet kważi kollha.

    [3]       Dikjarazzjoni tal-Membri tal-Kunsill Ewropew, it-30 ta' Jannar 2012.

    [4]       Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni "Informazzjoni dettaljata dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2006/123/KE dwar is-servizzi fis-suq intern"; Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni "Riżultati tal-verifiki tal-prestazzjoni tas-suq intern għas-servizzi (kostruzzjoni, servizzi għan-negozji u turiżmu)".

    [5]       COM(2012) 299 Azzjoni għal Stabbiltà, Tkabbir u Impjiegi, it-30 ta' Mejju 2012.

    [6]       Ara d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni "Informazzjoni dettaljata dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2006/123/KE dwar is-servizzi fis-suq intern".

    [7]       Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew, Marzu 2012.

    [8]       COM(2012) 299, it-30 ta' Mejju 2012.

    [9]       Għal aktar dettalji: Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni bl-għan li tiġi stabbilita gwida dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 20(2) tad-Direttiva 2006/123/KE dwar is-servizzi fis-suq intern.

    [10]     Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni "Riżultati tal-verifiki tal-prestazzjoni tas-suq intern għas-servizzi (kostruzzjoni, servizzi għan-negozji u turiżmu)".

    [11]     Aġenda għall-Konsumaturi Ewropej - Spinta lill-fiduċja u lit-tkabbir, COM(2012) 225 finali.

    [12]     Rapport ta' sorveljanza tas-suq tal-konsumaturi "Lejn suq intern tal-konsumaturi u d-distribuzzjoni iktar effikaċi u ġusti sal-2020", COM (2010) 355.

    [13]     Ir-rapport tal-Parlament Ewropew tal-1 ta’ Ġunju 2011 dwar suq tal-konsumaturi aktar effiċjenti u aktar ġust (2010/2109 (INI).

    Top