This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52012DC0079
COMMUNICATION FROM THE COMMISSION TO THE EUROPEAN PARLIAMENT AND THE COUNCIL on the European Innovation Partnership 'Agricultural Productivity and Sustainability'
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar is-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni "Produttività u Sostenibbiltà fil-qasam Agrikolu"
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar is-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni "Produttività u Sostenibbiltà fil-qasam Agrikolu"
/* COM/2012/079 final */
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar is-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni "Produttività u Sostenibbiltà fil-qasam Agrikolu" /* COM/2012/079 final */
1.
Daħla
Il-Kummissjoni fl-istrateġija tagħha
Ewropa 2020[1],
tenfasizza r-rwol tar-riċerka u l-innovazzjoni bħala elementi
essenzjali biex l-Unjoni Ewropea titħejja għall-isfidi
tal-ġejjieni. L-orjentamenti għall-"PAK lejn l-2020"[2] jenfassizzaw li l-innovazzjoni
hija indispensabbli għat-tħejjija tas-settur agrikolu tal-Unjoni
għall-ġejjieni. Il-"Baġit għall-Ewropa 2020"[3] jinkludi
EUR 4.5 biljun għar-riċerka u l-innovazzjoni fl-oqsma
tas-sigurtà tal-ikel, il-bijoekonomija, u l-agrikoltura sostenibbli. Dan ir-rwol ċentrali tar-riċerka u
l-innovazzjoni jiġi żviluppat aktar fl-inizjattiva ewlenija tal-UE
2020 "Unjoni tal-Innovazzjoni"[4]
li tintroduċi l-kunċett ta' Sħubijiet Ewropej
għall-Innovazzjoni (European Innovation Partnerships, EIP) bħala mod
ġdid kif titrawwem l-innovazzjoni. Tnediet diġà EIP pilota dwar
"Tixjiħ Attiv u b'Saħħtu". Barra minn hekk, twettqet
ħidma ta' tħejjija biex jiġu żviluppati EIPs dwar
"Materja Prima", "Ewropa effiċjenti fl-użu
tal-Ilma", u l-"Agrikoltua". L-EIPs isegwu l-missjoni li x-xjenza
u l-applikazzjoni ta' approċċi innovattivi fil-prattika jitqarrbu.
Il-Kunsill enfasizza l-ħtieġa li l-EIPs ikollhom mira ċara, kif
ukoll l-importanza tal-involviment tal-Istati Membri u s-simplifikazzjoni
effettiva ta' strumenti eżistenti. Din il-Komunikazzjoni tippreżenta
l-kunċett tal-EIP "Produttività u Sostenibbiltà fil-qasam
Agrikolu" msemmija fl-"Unjoni tal-Innovazzjoni". L-EIP issegwi
l-orjentamenti strateġiċi ta' "Ewropa 2020" u "L-PAK
fid-dawl tas-sena 2020". Tibbaża fuq il-konsultazzjonijiet
tal-partijiet interessati, u se tqis l-esperjenza tal-passat mill-EIP pilota
dwar "Tixjiħ Attiv u b'Saħħtu", inkluż
l-iżvilupp tal-"Pjan Strateġiku ta' Implimentazzjoni"
tagħha, kif ukoll id-diskussjonijiet fil-Kunsill u l-ħtiġijiet u
l-ideat espressi mill-partijiet interessati.
2.
Sfidi tas-Soċjetà
Sas-sena 2050, id-domanda dinjija
għall-ikel mistennija tiżdied b’70 % (FAO). Iż-żieda
drastika fid-domanda globali għall-ikel se tkun akkumpanjata minn
żieda qawwija fid-domanda għall-għalf, għall-fibra,
għall-bijomassa u għall-bijomaterjali. Mingħajr dubju dan se
jagħti bidu għal reazzjoni ta' provvista ta' prodotti agrikoli
fl-Unjoni li hija waħda mill-akbar fornituri tas-swieq globali agrikoli.
Is-settur agrikolu fl-Unjoni jirrappreżenta 18 % tal-esportazzjonijiet
tal-ikel fid-dinja, li jiswew EUR 76 biljun. F'valuri ta'
produzzjoni, is-settur agrikolu fl-Unjoni jipprovdi aktar minn 40 %
tal-produzzjoni tal-ikel totali fl-OECD. Naturalment, il-kontribuzzjonijiet
għall-produzzjoni tal-ikel fl-Unjoni jvarjaw bejn l-Istati Membri u
r-reġjuni, minħabba differenzi kbar fl-iżvilupp ekonomiku u
teknoloġiku tas-setturi tal-biedja. Tul dawn l-aħħar deċennji,
l-agrikoltura esperjenzat qligħ konsiderevoli mill-produttività;
madankollu, f'dawn l-aħħar snin, din ix-xejra naqqset ir-ritmu
fil-pajjiżi żviluppati. Dan il-qligħ inkiseb parzjalment akkost
ta' pressjoni serja fuq ir-riżorsi naturali u l-ambjent. 45 %
tal-ħamrija fl-Ewropa għandha problemi marbuta mal-kwalità, u
l-livelli baxxi ta' materja organika li fiha huma xhieda ta' dan. Kważi
kwart tal-ħamrija fl-Ewropa tippreżenta grad ta' erożjoni
moderata jew serja. Għadd ta' ekosistemi prezzjużi, u magħhom,
għadd ta' servizzi prezzjużi tal-ekosistemi saritilhom ħsara jew
saħansitra sparixxew. Tul dawn l-aħħar 20 sena l-għasafar
li jinsabu f'ħabitats agrikoli naqsu b'20 sa 25 %, u l-friefet li
jinsabu fil-bwar b'70 %, flimkien ma theddid serju għad-dakkara
bħan-naħal. Madwar 40 % tal-art agrikola hija vulnerabbli
għat-tniġġis min-nitrati, u dan jhedded ir-riżorsi
tal-ilma. Barra minn hekk, l-agrikoltura tirrappreżenta 9 %
tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra fl-Unjoni. L-agrikoltura u l-forestrija għamlu passi
kbar 'il quddiem fir-rikonċiljazzjoni tal-produzzjoni mal-ħtieġa
ta' mmanniġġjar sostenibbli tar-riżorsi naturali u fil-preservazzjoni
tal-ambjent. Madankollu, dawn l-iżviluppi pożittivi jistgħu
jiġu mhedda miż-żieda mhux mistennija fil-produzzjoni agrikola
minħabba domanda globali dejjem akbar. Jekk din iż-żieda
tiġi ssodisfata bl-approċċi attwali, dan jirriżulta f'aktar
ħsara fir-riżorsi naturali u l-ambjent. Dawn il-fenomeni mhumiex ristretti biss
għall-partijiet tas-settur agrikolu fl-Unjoni li huma l-aktar avvanzati
teknoloġikament. L-Ewropa għandha wkoll potenzjal kbir f'oqsma
kkaratterizzati minn azjendi agrikoli żgħar u tradizzjonali.
Madankollu, jekk dawk l-azjendi agrikoli jsegwu x-xejra ta' żvilupp
stabbilita, se tiġi kkawżata ħsara ambjentali kbira fuq
il-ħabitats u l-bijodiversità eżistenti, li spiss ikunu rikki, u fuq
il-funzjonalità tal-ħamrija u r-riżorsi tal-ilma. Bidla lejn mogħdija ta' tkabbir
differenti hija meħtieġa sabiex tiġi stabbilita produzzjoni
kompetittiva u sostenibbli ta' ikel, għalf, fibra, bijomassa u
bijomaterjali. Biex dan jinkiseb, l-effiċjenza fil-provvista trid tiġi
kkumplimentata minn tnaqqis fit-telf drammattiku li jseħħ wara
l-ħsad. Bl-istess mod jeħtieġ li jkun inkluż adattament
għat-tibdil fil-klima u l-użu bil-għaqal tal-bijodiversità u
r-restawr tal-ekosistemi u s-servizzi tal-ekosistemi; trid tkun ibbażata
fuq il-partikolaritajiet ta' kull territorju u l-potenzjal offrut mid-diversità
ġenetika sabiex nikkombinaw il-bażi ġenetika rikka tagħna
mal-prattiki agrikoli varji, ġodda u qodma, u niżguraw allokazzjoni u
użu aħjar tar-riżorsi limitati tagħna. Il-ktajjen
alimentari jvarjaw u l-ispeċifitajiet tagħhom jeħtieġ li
jiġu integrati: Ktajjen tal-provvista "twal" jinvolvu aspetti
bħall-konservazzjoni u l-ħżin, filwaqt li ktajjen tal-provvista
"qosra" jikkonċentraw fuq il-provvediment lokali tal-ikel u
attributi ta' kwalità partikolari. Jeħtieġ li l-konsumaturi jkunu
fil-qalba ta' dan kollu, sabiex il-produzzjoni taqbad direzzjoni li twassal
għal ikel li jkun sikur, ta' kwalità għolja u prodott b'mod
sostenibbli. Iż-żieda fil-produzzjoni
jeħtieġ li sseħħ flimkien ma' vijabbiltà ekonomika mtejba
għall-produtturi primarji li jkunu raw is-sehem tagħhom tal-valur
miżjud fil-katina alimentari jonqos tul l-aħħar deċennju.
Mingħajr profitabbiltà akbar fl-azjendi agrikoli, is-sostenibbiltà se ssir
sfida dejjem akbar. Produzzjoni agrikola akbar u sostenibbli
tista' tinkiseb biss permezz ta' sforzi kbar ta' riċerka u innovazzjoni
fil-livelli kollha. Ripetutament, ir-riċerkaturi u l-partijiet interessati
enfasizzaw in-nuqqas bejn il-provvediment ta' riżultati ta' riċerka u
l-applikazzjoni ta' approċċi innovattivi fil-prattiki tal-biedja.
Approċċi ġodda jdumu wisq biex jiġu applikati, u
l-ħtiġijiet tal-biedja prattika ma jiġux ikkomunikati
biżżejjed lill-komunità xjentifika. Għalhekk, innovazzjonijiet
importanti ma jiġux implimentati fl-iskala meħtieġa, u oqsma ta'
riċerka rilevanti mhux dejjem jirċievu l-attenzjoni li
jeħtieġu. Żieda fil-produttività u l-kompetittività
tal-agrikoltura tesiġi, l-ewwel nett, titjib fl-effiċjenza
fl-użu tar-riżorsi sabiex il-produzzjoni tiżdied b'inqas ilma,
enerġija, fertilizzanti (speċjalment il-fosforu u n-nitroġenu),
u pestiċidi. Teħtieġ ukoll żieda fl-użu tas-sorsi
rinnovabbli tal-enerġija u tnaqqis tal-iskart, skont l-orjentamenti
mogħtija fil-"Pjan Direzzjonali għal Ewropa b'Użu
Effiċjenti tar-Riżorsi"[5].
Is-sostenibbiltà teħtieġ li jitnaqqas it-tniġġis, li
jiġu protetti l-kwalità u l-funzjonalità tal-ħamrija, li jiġu
ppreservati l-bijodiversità u s-servizzi tal-ekosistemi, kif ukoll tnaqqis
fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra. Is-soluzzjonijiet jeħtieġ li
jmorru lil hinn minn azjenda agrikola individwali u jintegraw ukoll il-kuntest
ġeografiku usa', inklużi l-forestrija u r-riżervi naturali.
Appoġġi xierqa ta' teknoloġija, ICT u navigazzjoni satellitari,
kif ukoll għodod ġodda ta' ġestjoni, jipprovdu potenzjal għal
żvilupp importanti. L-edukazzjoni u t-taħriġ huma essenzjali
għall-iżvilupp tal-ħiliet meħtieġa.
It-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-bdiewa fil-katina tal-provvista
jeħtieġ approċċi innovattivi li jżidu t-trasparenza,
l-informazzjoni, u l-kapaċità tal-ġestjoni u jwasslu għal
prodotti ġodda ta' kwalità. Produzzjoni li tkun sostenibbli
jeħtieġ li tintegra s-sostituzzjoni tal-input u l-produzzjoni
bl-użu intelliġenti u r-riċiklaġġ tal-bijomassa u
l-bijoraffinerija; u jeħtieġ li tnaqqas it-telf ta' wara l-ħsad.
L-isfida teżisti għall-katina tal-provvista kollha mill-produzzjoni
primarja sal-konsumatur. Il-konsumaturi jistgħu jnaqqsu l-pressjoni
għal aktar produzzjoni primarja billi jbiddlu d-drawwiet ta' konsum
tagħhom. L-edukazzjoni u t-taħriġ joffru potenzjal enormi
għal titjib fin-nutrizzjoni, stili ta' ħajja aktar
b'saħħithom, u tnaqqis fil-ħela tal-ikel. Il-kriterji
tas-sostenibbiltà, stabbiliti f'punti importanti tul il-katina tal-provvista
kollha, ikunu jikkontribwixxu għal aktar trasparenza, fiduċja, u
għarfien.
3.
Inrawwmu Agrikoltura Kompetittiva u Sostenibbli
fl-Unjoni
L-EIP għandha l-għan li trawwem
agrikoltura u forestrija kompetittivi u sostenibbli li "jiksbu aktar
b'inqas" u jaħdmu f'armonija mal-ambjent. L-EIP se tgħin biex
jinbena settur primarju kompetittiv li jiżgura disponibbiltà globali
tal-ikel, prodotti u produzzjoni diversifikati, provvista fuq terminu ta'
żmien twil ta' materja prima varja għal użi għall-ikel u
anke mhux għall-ikel, kif ukoll allokazzjoni aħjar ta' valur
miżjud tul il-katina tal-ikel. Sabiex iż-żieda fil-produttività u
l-produzzjoni agrikoli jsiru sostenibbli, ir-riżorsi naturali
jeħtieġ li jiġu mmaniġġjati tajjeb, skont
ir-rekwiżiti ambjentali. L-art se tkun partikolarment importanti, għaliex
din se turi jekk il-bidla lejn xejriet ta' produzzjoni aktar sostenibbli kinitx
ta' suċċess jew fallietx. L-art hija r-riżorsa essenzjali
għall-produzzjoni agrikola. L-użu tal-art jinteraġixxi b'diversi
modi mal-kwalità u l-kwantità tal-ilma, il-bijodiversità, u l-provvediment
tas-servizzi tal-ekosistemi. It-tibdil fil-klima jenfasizza l-fatt li
l-ħamrija hija riżorsa partikolarment vulnerabbli. Il-funzjonijiet
tal-ħamrija inkluża l-istabbiltà tal-ħamrija, iċ-ċiklu
tal-ilma tal-ħamrija, il-kapaċità ta' lqugħ tan-nutrijenti, u
l-integrità bijotika tal-ħamrija huma parametri essenzjali
tal-produttività tal-art. Il-funzjoni tagħha bħala bir tal-karbonju
tagħti lill-ħamrija rwol essenzjali fil-mitigazzjoni tat-tibdil
fil-klima. Ġestjoni xierqa tal-art jeħtieġ li tipprevjeni
d-degradazzjoni u l-erożjoni tal-ħamrija, tistabbilizza
l-funzjonijiet tal-ħamrija, u tindirizza l-mitigazzjoni tat-tibdil
fil-klima u l-adattament għaliha. Meta tqiesu dawn l-objettivi, ġew
identifikati żewġ miri ewlenin għall-EIP: ·
Bħala indikatur għall-promozzjoni
tal-produttività u l-effiċjenza tas-settur agrikolu, l-EIP
għandha l-għan li twaqqaf ix-xejra reċenti ta' tnaqqis
fil-qligħ mill-produttività sal-2020[6].
·
Bħala indikatur għas-sostenibbiltà
tal-agrikoltura, l-EIP għandha l-għan tiżgura l-funzjonalità
tal-ħamrija[7]
fl-Ewropa f'livell sodisfaċenti sal-2020. Il-funzjonalità tal-ħamrija
tinkorpora l-kapaċità produttiva tal-ħamrija u r-rwoli essenzjali
tagħha fil-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih u
l-istabbilità tal-ekosistemi. Filwaqt li dawn il-miri ewlenin jirreferu
għall-produzzjoni primarja, l-EIP se titratta wkoll il-bosta
interazzjonijiet tul il-katina tal-provvista kollha sal-konsumatur.
L-għanijiet speċifiċi tal-EIP se jiġu elaborati matul
l-implimentazzjoni konkreta tagħha, u se jirriflettu l-orjentamenti
strateġiċi tal-politiki li minnhom tiddependi. L-għanijiet operattivi tal-EIP jinkludu
t-tqarrib tar-riċerka u t-teknoloġija innovattivi mal-partijiet
interessati, inklużi l-bdiewa, in-negozji, l-industrija, is-servizzi ta'
konsulenza u l-NGOs. Dan għandu jgħin sabiex ir-riżultati
tar-riċerka jissarrfu f'innovazzjoni reali, trasferiment aktar veloċi
tal-innovazzjoni fil-prattika, l-għoti ta' informazzjoni mill-prattika
għax-xjenza fir-rigward ta' ħtiġijiet ta' riċerka, titjib
fl-iskambju tal-għarfien, u żieda fl-għarfien dwar
il-ħtieġa għal sforzi konġunti biex ikun hemm investiment
fl-innovazzjoni sostenibbli. L-EIP tipprova kemm jista' jkun tikseb
sinerġija billi trawwem l-iskambju bejn sħab minn oqsma, setturi,
inizjattivi u proġetti differenti tal-politika, biex b'hekk
tikkontribwixxi għal effikaċja akbar tal-istrumenti tal-politika
eżistenti u tikkumplimentahom ma' azzjonijiet ġodda fejn
meħtieġ.
4.
Benefiċċji u Opportunitajiet
Is-settur agrikolu u dak tal-ikel ikkombinati
flimkien bħalissa jfissru 17-il miljun impjieg (7,6 % tat-total
tal-impjiegi) u għal 3,5 % tat-total tal-Valur Miżjud Gross
fl-UE-27. L-EIP se tirrinforza l-pożizzjoni tal-agrikoltura tal-Unjoni
bħala riżorsa kompetittiva u effiċjenti u tikkontribwixxi
għal forestrija u prattiki tal-użu tal-art aktar sostenibbli. Setturi
lil hinn u fi ħdan is-settur agrikolu li jipprovdu teknoloġiji
"ekoloġiċi" lill-produtturi primarji jeħtieġ li
jiġu integrati fl-EIP u jibbenefikaw minnha wkoll. Biex jiżviluppaw il-potenzjal
sħiħ tagħhom, ir-rwol tal-bdiewa fil-katina tal-provvista
jeħtieġ li jissaħħaħ. Bidliet fid-domanda
tal-konsumaturi lejn ikel sikur, favur is-saħħa u ta' kwalità
għolja jindikaw importanza dejjem akbar għas-swieq lokali. Is-suq
kostantament dejjem akbar għall-ikel, l-għalf, il-fibra,
il-bijomaterjali, u l-bijoenerġija jipprovdi żvilupp ekonomiku,
impjiegi, u possibbiltajiet għall-innovazzjoni soċjali. L-użu
tad-diversità ġenetika Ewropea jirrilaxxa potenzjal enormi għall-iżvilupp.
Għalhekk, opportunitajiet ta' prodotti u swieq ġodda qed
jinfetħu għall-produtturi primarji, u l-EIP se tgħinhom
jaħtfuhom. Fin-nuqqas ta' xprun ta' innovazzjoni
bħall-EIP, l-agrikoltura tal-Unjoni se taffronta diffikultajiet
fiż-żieda tal-produzzjoni filwaqt li tevita aktar deterjorament fil-kapaċitajiet
produttivi u r-riżorsi naturali, b'mod partikolari l-ħamrija, l-ilma,
u s-servizzi tal-ekosistemi. L-istudju TEEB dwar "Economics of Ecosystems
and Biodiversity" (Il-qasam ekonomiku b'rabta mal-ekosistemi u l-bijodiversità)
jissuġġerixxi li l-valur tal-preservazzjoni tal-bijodiversità
mis-sistemi terrestri se jkun bejn wieħed u ieħor jammonta għal
7 % tal-PDG stmat fl-2050. Bħala eżempju, l-istudju jirreferi
għad-dakkir mill-insetti, stmat EUR 15 biljun fis-sena. Minbarra dan,
l-EIP se tgħin tiżgura s-sekwestru tal-karbonju u timmitiga
l-emissjonijiet tal-gassijiet serra (greenhouse gases, GHG) kif ukoll tnaqqas
il-ħtiġijiet enerġetiċi. Għarfien aħjar dwar
aspetti rigward in-nutrizzjoni se jibdlu l-imġiba tal-konsumaturi u
jipprovdu benefiċċji għal diversità akbar u kwalità ogħla
tal-prodotti.
5.
Nimmobilizzaw il-potenzjal
L-Istati Membri u l-partijiet interessati
ripetutament esprimew interess qawwi fil-promozzjoni tal-innovazzjoni
fl-agrikoltura permezz ta' approċċ mifrux mal-Unjoni kollha. Il-Kunsill
Ewropew tal-20 ta' Ġunju 2008 indika li "jeħtieġ
li titkompla l-innovazzjoni, ir-riċerka u l-iżvilupp tal-produzzjoni
agrikola, partikolarment biex jitjiebu l-effiċjenza fl-enerġija,
it-tkabbir fil-produttività u l-abbiltà tagħha li tadatta għat-tibdil
fil-klima.” Konklużjonijiet simili ntlaħqu minn
organizzazzjonijiet agrikoli u Kmamar tal-Agrikoltura, u d-dikjarazzjoni
tal-G20 minn Cannes tenfasizza l-ħtieġa primordjali li jsir
investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni agrikoli. Il-kunċett u l-kontenut
tal-"Produttività u s-Sostenibbiltà Agrikoli" tal-EIP ġew
diskussi ma' firxa wiesgħa ta' partijiet interessati. Il-partijiet
interessati enfasizzaw il-ħtieġa għal EIP agrikola u enfasizzaw
il-ħtieġa li jiġi eliminat id-distakk bejn il-prattika
tal-biedja u x-xjenza permezz ta' netwerking intelliġenti. L-EIP se tinkoraġġixxi sħab
f'livelli istituzzjonali u ġeografiċi differenti u f'setturi
differenti biex jikkollaboraw u japprofittaw minn potenzjal enormi
għas-sinerġiji. Se ssir enfasi partikolari fuq l-użu
tal-opportunitajiet ipprovduti minn oqsma politiċi differenti, b'mod
partikolari l-Politika Agrikola Komuni (PAK), il-Politika
għar-Riċerka u l-Innovazzjoni fl-Unjoni, il-Politika ta'
Koeżjoni, il-Politika Ambjentali u dwar it-Tibdil fil-Klima, il-Politika
dwar il-Konsumatur u s-Saħħa, il-politika dwar l-Edukazzjoni u
t-Taħriġ, il-Politika Industrijali, u l-Politika dwar
l-Informazzjoni. Kooperazzjoni mill-qrib u skambju ta' esperjenza se jiġu
żgurati ma' Sħubijiet Ewropej għall-Innovazzjoni oħra,
inklużi l-EIP dwar il-"Materja Prima" u l-EIP dwar "Ewropa
effiċjenti fl-użu tal-ilma". Din tal-aħħar hija
marbuta mal-EIP agrikola, għaliex se tkopri l-infrastruttura tal-ilma u
l-allokazzjoni tal-ilma fiż-żoni rurali, filwaqt li l-EIP agrikola se
tindirizza l-ġestjoni tal-ilma u t-tnaqqis tat-tniġġis
fil-livell tal-azjendi agrikoli.
6.
Traspożizzjoni tal-Innovazzjoni fil-Prattika
Agrikola
L-EIP se tkopri stadji multipli:
mill-proċess ewlieni tar-riċerka għat-tixrid tar-riżultati
tar-riċerka għall-iżvilupp tal-prodotti u t-tekniki u
l-integrazzjoni tagħhom fil-proċess tal-produzzjoni. Il-proċessi
taċ-ċertifikazzjoni li jikkonfermaw il-valur miżjud dejjem akbar
tal-prodotti tar-riċerka wkoll se jkollhom rwol importanti. Sabiex l-innovazzjoni tiġi trasposta
fil-prattika agrikola, l-EIP se tuża firxa tal-politiki eżistenti,
b'mod partikolari l-Politika dwar l-Iżvilupp Rurali tal-PAK u l-Politika
tal-Unjoni għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, biex azzjonijiet innovattivi
konkreti jiġu ffinanzjati. Filwaqt li l-Programmi tal-Iżvilupp Rurali
normalment jaġixxu fi ħdan il-konfini tar-reġjuni tal-programmi,
l-aktar fil-livell lokali, reġjonali, jew nazzjonali, azzjonijiet
innovattivi fil-livell transreġjonali, transkonfinali, jew tal-Unjoni
jeħtieġ li jiġu kofinanzjati mill-Politika tal-Unjoni
għar-Riċerka u l-Innovazzjoni. Għandhom jinstabu sinerġiji
mal-opportunitajiet ipprovduti mill-Politika ta' Koeżjoni, b'mod
partikolari permezz ta' strateġiji ta' innovazzjoni reġjonali u
programmi ta' kooperazzjoni transnazzjonali u interreġjonali. Il-valur miżjud tal-EIP jinsab, l-ewwel
nett, fil-potenzjal tagħha li tiffoka l-politiki eżistenti fuq
l-innovazzjoni u, it-tieni, fin-natura tagħha bħala pjattaforma
dinamika tgħaqqad flimkien lill-bdiewa, lill-partijiet interessati, u
lir-riċerkaturi. L-implimentazzjoni se tkun iddirezzjonata lejn gruppi
operattivi bħala entitajiet li jaġixxu b'mod ewlieni, bl-involviment
ta' dawk ikkonċernati bħall-bdiewa, ix-xjenzati, il-konsulenti,
l-NGOs, u/jew l-impriżi. Il-gruppi operattivi se jieħdu l-awtorità
f'dak li għandu x'jaqsam ma' suġġetti ta' interess u se jwettqu
proġetti li jkollhom l-għan jittestjaw u japplikaw prattiki,
proċessi, prodotti, servizzi, u teknoloġiji innovattivi. Fil-livell
transkonfinali jew tal-Unjoni, gruppi operattivi se jaġixxu b'mod
partikolari permezz ta' inizjattivi raggruppati u proġetti pilota u ta'
dimostrazzjoni. L-azzjonijiet konkreti se jissawwru bil-bażi ta'
għarfien ipprovduta permezz tal-Qafas tal-UE għar-Riċerka u
l-Innovazzjoni. Faċilità ta' netwerk tal-EIP se tiġi
stabbilita fi ħdan il-qafas tan-Netwerk tal-Iżvilupp Rurali.
In-netwerk se janima l-attivitajiet fil-livell tal-Unjoni, nazzjonali,
reġjonali u lokali. Se jinkoraġġixxi l-istabbiliment ta' gruppi
operattivi u se jgħarraf dwar l-opportunitajiet ipprovduti bil-politiki
tal-Unjoni. Min-naħa tagħhom, il-gruppi operattivi huma
meħtieġa jirrapportaw lura lin-netwerk dwar il-proġetti
tagħhom. Għalhekk, in-netwerk se jaġixxi bħala medjatur fit-tisħiħ
tal-komunikazzjoni u l-kooperazzjoni bejn ix-xjenza u l-prattika. Se jgħin
fil-kondiviżjoni tal-esperjenza, inklużi fallimenti, esperjenzi
miksuba, u prattika tajba. Barra minn hekk, se jipprevedi mekkaniżmu
sistematiku ta' provvediment ta' informazzjoni biex il-ħtiġijiet
tal-prattika jiġu inkorporati fl-aġenda tar-riċerka. Implimentazzjoni tal-EIP li tkun ta'
suċċess tiddependi mill-provvediment u t-trasferiment ta'
għarfien rilevanti minn firxa wiesgħa ta' dixxiplini li jiffurmaw
parti mill-komunità Ewropea tar-riċerka. Input konsiderevoli għad-diskussjoni
u l-iżvilupp ta' orjentamenti tematiċi konsistenti u rilevanti huma
mistennija mill-Inizjattivi ta' Programmazzjoni Konġunta (Joint
Programming Initiatives, JPI), il-Kumitat Permanenti dwar ir-Riċerka
Agrikola (Standing Committee on Agricultural Research, SCAR), l-ERA-NETs[8] u l-Pjattaformi
Teknoloġiċi Ewropej. Dawn l-inizjattivi għandhom jikkontribwixxu
għad-dibattitu dwar azzjonijiet innovattivi potenzjali u diskussjonijiet
dwar l-esperjenzi li jkunu nkisbu. Jistgħu jinkoraġġixxu l-istabbiliment
ta' gruppi operattivi bil-għan li l-azzjoni innovattiva tiġi
mmultiplikata. In-netwerk tal-EIP se jikkontribwixxi għal konnessjoni
aħjar ta' dawk l-inizjattivi. Il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni
marbuta miegħu se jiżguraw implimentazzjoni tajba.
7.
Struttura Governattiva
Bord ta' tmexxija ta' livell għoli, ta'
għadd limitat u li jikkonsisti minn rappreżentanti mill-Istati Membri
u l-partijiet interessati kemm min-naħa tal-provvista kif ukoll
tad-domanda u maħtura fil-kapaċità personali tagħhom, se
jipprovdi pariri strateġiċi u gwida permezz ta' pjan strateġiku
ta' implimentazzjoni li jidentifika oqsma ta’ prijorità għall-azzjoni u
rakkomandazzjonijiet dwar kif jistgħu jinkisbu l-għanijiet tal-EIPs. B'segwitu għall-esperjenza tal-EIP pilota
dwar "Tixjiħ Attiv u b'Saħħtu", il-ħidma
tal-grupp ta' tmexxija se sseħħ flimkien mal-involviment
sħiħ tal-Istati Membri u l-partijiet interessati fl-azzjonijiet
konkreti u fis-segwitu tal-EIP agrikola. Dan se jintlaħaq ukoll permezz
ta' gruppi ffukati u seminars tematiċi, li għandhom jiġu
stabbiliti min-netwerk. L-EIP se tiddependi minn politiki
eżistenti tal-Unjoni. Il-finanzjament, l-implimentazzjoni, u
l-prijoritizzazzjoni tal-azzjonijiet se jkunu bbażati fuq mekkaniżmi
rispettivi inkorporati f'dawk il-politiki. Il-Politika dwar l-Iżvilupp
Rurali titlob lill-Istati Membri jiddefinixxu avvenimenti importanti
kkwantifikati (anke għall-innovazzjoni) li jirriflettu l-għanijiet
tal-Ewropa 2020. Il-politika tal-UE għar-Riċerka u
l-Innovazzjoni se tappoġġa proġetti skont l-orjentamenti
strateġiċi u l-mekkaniżmi ta' teħid ta'
deċiżjonijiet ta' "Orizzont 2020". In-netwerk tal-EIP
se juża l-mekkaniżmi eżistenti għar-rapportar lill-Istati
Membri u lill-Awtoritajiet ta' Ġestjoni tal-Iżvilupp Rurali kif ukoll
għall-interazzjoni magħhom, inklużi wkoll il-Kumitat ta'
Żvilupp Rurali u l-Kumitati ta' Monitoraġġ.
8.
Oqsma ta' Azzjonijiet Innovattivi
Skont l-esperjenza miksuba permezz tal-EIP
pilota, il-kontenut u l-prijoritajiet li għandhom jintlaħqu mill-EIP
għandhom jemerġu b'mod miftuħ u jirriflettu l-ħtieġa
għal soluzzjonijiet varji. Sabiex it-teknoloġiji, il-metodi, u
l-proċessi l-ġodda jiġu attwati fil-prattika tal-biedja u
jinħoloq spazju għal mistoqsijiet u gwida prattiċi huwa meħtieġ
approċċ minn isfel għal fuq, ikkombinat ma' netwerking effettiv.
Skont il-konklużjonijiet imressqa mill-OECD[9],
l-EIP mhux se tiddependi minn mudell ta' innovazzjoni wieħed. Barra minn
hekk, jitqies il-fatt li l-innovazzjoni tista' tkun teknoloġika, mhux
teknoloġika, jew soċjali, u tista' tkun ibbażata fuq prattiki
ġodda jew tradizzjonali. Bosta oqsma ta' prijorità indikattivi
għar-riċerka u l-innovazzjoni ntgħażlu abbażi ta'
input u skambju ma' partijiet interessati u riċerkaturi. Il-lista
stabbilita hawn taħt ma għandhiex tieħu preċedenza fuq
azzjonijet ta' innovazzjoni fuq il-post. L-implimentazzjoni tal-EIP tista'
tikkumplimentaha. ·
Żieda fil-produttività, l-output, u
l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi agrikoli Dan il-qasam ta' azzjonijiet ta' innovazzjoni
għandu l-għan iżid l-output agrikolu, filwaqt li jiżgura
l-użu effiċjenti u sostenibbli tar-riżorsi. Sistemi ta'
produzzjoni b'input baxx jimmiraw lejn l-użu sostenibbli tan-nutrijenti
(inklużi l-fosforu u n-nitroġenu) u l-pestiċidi, l-użu
ottimizzat tal-enerġija, l-ilma, u r-riżorsi ġenetiċi, u
dipendenza aktar baxxa minn inputs esterni. Huwa meħtieġ progress
fil-qasam ta' ġestjoni integrata ta' organiżmi ta' ħsara,
kontroll bijoloġiku ta' mard tal-pjanti u ta' organiżmi ta'
ħsara, użu mtejjeb ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, u
tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra mill-produzzjoni tal-annimali u
mill-ħamrija. Soluzzjonijiet għar-riċiklaġġ u
t-tnaqqis ta' telf ta' wara l-ħsad għandhom inaqqsu l-pressjonijiet
fuq ir-riżorsi naturali. Il-potenzjal għal teknoloġiji
ekoloġiċi, bħall-ICT, biedja ta' preċiżjoni, u sistemi
ta' twissija dwar organiżmi ta' ħsara, għandhom jiġu
esplorati. ·
Innovazzjoni li tappoġġa ekonomija
bijoloġika Soluzzjonijiet innovattivi għandhom jiġu
adattati għall-katina tal-provvista kollha kif ukoll għall-ekonomija
bijoloġika li dejjem qed tikber. Għandhom jinstabu soluzzjonijiet
għal bijoraffineriji u riċiklaġġ u l-użu
intelliġenti tal-bijomassa mill-uċuħ, foresti, u skart tal-ikel,
filwaqt li jiġi vvalorizzat il-potenzjal sekwenzjali mingħajr ma
titnaqqas il-materja organika tal-ħamrija. Għandha titqies ukoll
is-sostituzzjoni tal-produzzjoni primarja tal-proteini bl-alka jew
bil-bijofermentazzjoni. It-trobbija tal-annimali u tal-pjanti tista' tiġi
esplorata biex tinkiseb produzzjoni ogħla, emissjonijiet imnaqqsa u/jew
reżistenza itjeb għall-mard, kif ukoll kwalità ogħla
tal-prodotti finali (eż. profili nutrizzjonali itjeb). ·
Bijodiversità, Servizzi tal-ekosistemi, u
l-funzjonalità tal-ħamrija Innovazzjoni li ssaħħaħ
ġestjoni sostenibbli tal-azjendi agrikoli u tal-prattiki tal-forestrija
tibbenifika wkoll is-servizzi tal-ekosistemi u l-funzjonalità tal-ħamrija.
Għandha ssir enfasi partikolari fuq sistemi agroekoloġiċi
integrati, inklużi t-tisħiħ tal-bijodiversità tal-ħamrija,
is-sekwestru tal-karbonju, iż-żamma tal-ilma, l-istabbilità u
r-reżiljenza tal-ekosistemi, u l-funzjonijiet tad-dakkir.
Is-soluzzjonijiet jistgħu jiffukaw fuq ġestjoni tal-art imtejba
(inkluż ħidma tal-art imnaqqsa u manutenzjoni ta' infrastrutturi
ekoloġiċi), ippjanar spazjali integrat u sistemi ġodda ta'
agroforestrija, kif ukoll metodi naturali ta' konservazzjoni tal-ekosistemi.
Żoni oħra jinkludu l-ottimizzazzjoni tal-użu ta' riżorsi
ġenetiċi, sistemi ta' input baxx/organiċi, żieda
fid-diversità ġenetika użata fl-agrikoltura, u l-iżvilupp ta'
bijorimedjazzjoni għal ħamrija mniġġsa, kif ukoll
strateġiji innovattivi għall-adattament għat-tibdil fil-klima. ·
Prodotti innovattivi u servizzi
għall-katina tal-provvista integrata. L-għan huwa li jiġu żviluppati u
mmobilizzati prodotti, mezzi u servizzi, flimkien mal-istabbiliment ta' katina
tal-provvista trasparenti u sostenibbli. L-enfasi se ssir fuq sistemi
tal-informazzjoni u għodod tal-ġestjoni tar-riskji itjeb, li
jirriflettu l-karatteristiċi tal-prodotti u l-proċessi
tal-produzzjoni, bħall-analiżi komparattiva, l-istandards
tas-sostenibbiltà, il-footprinting, l-analiżi taċ-ċikli
tal-ħajja (b'enfasi fuq il-ġestjoni tal-iskart) u sistemi ta'
ċertifikazzjoni. Soluzzjonijiet jistgħu jinkludu innovazzjoni
maniġerjali għall-bdiewa, li tirrinforza r-rwol tagħhom fil-ktajjen
tal-provvista, eż. permezz ta' gruppi ta' produtturi jew ktajjen
tal-provvista qosra. Għodod ta' dijanjostika ġodda jgħinu biex
tiġi traċċata l-prestazzjoni ambjentali u soċjali
tal-azjendi agrikoli. Is-soluzzjonijiet jinkludu wkoll l-isfruttament
tad-diversità sħiħa tal-bażi ġenetika tagħna, filwaqt
li joħolqu opportunitajiet ġodda u aktar sostenibbli, u jistabbilixxu
innovazzjonijiet istituzzjonali (eż. swieq tal-karbonju). Sistemi
effettivi ta' monitoraġġ jistgħu jkunu mmirati lejn residwi fl-ikel
(eż. pestiċidi). ·
Kwalità tal-ikel, sikurezza tal-ikel u stili ta'
ħajja b'saħħithom Għażliet informati mill-konsumaturi huma
essenzjali bħala impulsi ta' direzzjoni għall-katina tal-provvista
kollha. Oqsma ta' azzjoni jinkludu l-kwalità tal-ikel u s-sikurezza tal-ikel,
pereżempju permezz tal-iżvilupp ta' skemi ġodda ta' kwalità
tal-ikel u skemi ta' kura tas-saħħa għall-bhejjem.
Il-bijoprospettar u l-potenzjal tal-flora medika bħala riżorsa ta'
materja prima jistgħu jiġu esplorati. Oqsma oħra jistgħu jinkludu
trattament naturali ta' annimali u pjanti u metodi ġodda
għall-analiżi tal-kwalitajiet bijoloġiċi tal-ikel.
Għodod biex jinbidlu d-drawwiet ta' konsum u għodod korrispondenti
ta' informazzjoni u taħriġ jistgħu jtejbu s-saħħa
pubblika, filwaqt li jkunu akkumpanjati minn ingredjenti tajbin
għas-saħħa fil-prodotti (eż. ħalib jew żejt
b'aċidi xaħmin omega-3) miksuba b'aktar żvilupp ta' nutrijenti u
permezz tat-trobbija tal-annimali. Ir-rwol tal-konsumaturi fit-tnaqqis tat-telf
ta' wara l-ħsad jista' jiġi indirizzat b'approċċi ta'
imballaġġ intelliġenti kif ukoll edukazzjoni u informazzjoni.
9.
Il-Passi li Jmiss
Meta titqies il-ħtieġa li xejriet
ta' żvilupp jinbidlu biex jinkludu tkabbir sostenibbli fl-agrikoltura,
dawn l-attivitajiet għandhom jinbdew mill-aktar fis possibbli. Din
il-Komunikazzjoni għandha l-għan tinkoraġġixxi diskussjoni
mal-Istati Membri, il-Parlament Ewropew u l-partijiet interessati dwar
l-għanijiet strateġiċi u l-format tal-EIP agrikola. Se jitħejja pjan strateġiku ta'
implimentazzjoni li jqis l-opinjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
dwar din il-Komunikazzjoni. Bħala pass ta' tħejjija, għajnuna
teknika pprovduta mill-Politika tal-Iżvilupp Rurali se tintuża biex
jiġu stabbiliti faċilitajiet ta' netwerks. L-istabbiliment
fil-ħin ta' netwerk tal-EIP huwa meħtieġ biex tiġi
żgurata informazzjoni bikrija ta' partijiet involuti u interessati rigward
opportunitajiet għal azzjoni innovattiva. Dan għandu jiffaċilita
l-proċess li permezz tiegħu azzjonijiet innovattivi jinbidlu
f'azzjonijiet innovattivi konkreti fil-post. [1] COM (2010) 2020 [2] COM(2010) 672 [3] COM(2011) 500 [4] COM(2010) 546 [5] COM(2011) 571 finali [6] Imkejjel bħala
"produttività totali tal-fatturi" [7] Inkluż: Li titwaqqaf ix-xejra ta' telf ta' materja organika tal-ħamrija; prattiki ta' biedja xierqa fuq art agrikola
suxxettibbli għall-erożjoni. [8] L-iskemi tal-ERA-NET
jappoġġaw il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni ta' attivitajiet
tar-riċerka fil-livell nazzjonali jew reġjonali [9] Il-Manwal tal-OECD u l-Eurostat
(2005), Oslo: Guidelines for
Collecting and Interpreting Innovation Data, (Linji gwida għall-Ġbir
u l-Interpretazzjoni tad-Dejta), Pariġi.