Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012AE1582

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “White Paper — Aġenda għal Pensjonijiet Adegwati, Sikuri u Sostenibbli” COM(2012) 55 final

    ĠU C 299, 4.10.2012, p. 115–121 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    4.10.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 299/115


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “White Paper — Aġenda għal Pensjonijiet Adegwati, Sikuri u Sostenibbli”

    COM(2012) 55 final

    2012/C 299/21

    Relatur: is-Sur Petru Sorin DANDEA

    Korelatur: is-Sur Krzysztof PATER

    Nhar is-16 ta’ Frar 2012, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b'konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

    White Paper – Aġenda għal Pensjonijiet Adegwati, Sikuri u Sostenibbli

    COM(2012) 55 final.

    Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-27 ta’ Ġunju 2012.

    Matul l-482 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-11 u t-12 ta’ Lulju 2012 (seduta tat-12 ta’ Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'180 vot favur, 27 vot kontra u 19-il astensjoni.

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1   Fi kważi l-Istati Membri kollha s-sistemi tal-pensjonijiet pubbliċi huma wieħed mill-komponenti l-iżjed importanti tax-xibka ta’ sikurezza li hija s-sigurtà soċjali u parti fundamentali tal-Mudell Soċjali Ewropew, billi l-pensjonijiet huma s-sors ewlieni ta’ dħul għall-pensjonanti. Il-Kumitat jiddispjaċih li fil-White Paper tagħha, il-Kummissjoni tikkonċentra iżjed fuq aspetti oħra tas-sistemi tal-pensjonijiet u ma tindagax dwar soluzzjonijiet sabiex jissaħħu l-pensjonijiet pubbliċi.

    1.2   Is-sistemi tal-pensjonijiet ma joperawx b'mod iżolat minn sistemi ekonomiċi nazzjonali. Għaldaqstant, il-Kumitat isejjaħ lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-politiki tal-pensjonijiet tagħhom jorbtu mill-qrib mas-suq tax-xogħol, il-ħarsien soċjali, il-politiki fiskali u makroekonomiċi (billi l-pensjonijiet huma ffinanzjati mill-flus imwarrba mis-salarju li jirċievi persuna tul il-ħajja tax-xogħol tagħha, jew minn miżati mħallsa fi skemi tal-pensjonijiet privati) u li l-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili organizzata jkunu involuti b'mod attiv fil-proċess tat-tfassil tal-qafas.

    1.3   M'hemmx soluzzjoni waħda għal kollox fir-rigward tal-isfida li qed joħolqu l-popolazzjonijiet li qed jixjieħu għas-sistemi tal-pensjonijiet. Il-maġġoranza tal-Istati Membri li rriformaw is-sistemi tal-pensjonijiet tul l-aħħar deċennju mmiraw il-politiki tagħhom lejn it-tnaqqis tal-infiq, billi għollew l-età statutorja tal-irtirar u ttrasferixxew għal sistema tal-indiċjar tal-pensjonijiet skont iż-żidiet fil-prezzijiet. Il-Kumitat diġà stqarr li ż-żieda tal-età legali tal-irtirar m'hijiex suffiċjenti bħala risposta għat-tixjiħ tas-soċjetà u jirrimarka li fit-tul dan l-approċċ jista' jkun ta’ riskju soċjali billi jista' jesponi lil ħafna pensjonanti għar-riskju tal-faqar.

    1.4   Il-Kumitat jaħseb li l-Istati Membri għandhom jallokaw il-ġid mill-ġdid; għandhom jiffokaw l-isforzi ta’ riforma tagħhom għall-għexieren ta’ snin li ġejjin fuq żieda fid-dħul li jiffinanzja s-sistemi tal-pensjonijiet tagħhom billi jestenduhom għall-kategoriji soċjo-professjonali kollha, jżidu l-impjieg, itejbu l-mekkaniżmi għall-ġbir tal-kontribuzzjonijiet u jindirizzaw il-problemi tax-xogħol mhux iddikjarat u l-evażjoni tat-taxxa. Il-KESE jilqa' l-fatt li l-White Paper tisħaq ħafna aktar minn dokumenti preċedenti tal-Kummissjoni fuq l-importanza tas-suq tax-xogħol u taż-żieda tar-rati ta’ impjieg biex jiġi indirizzat b'suċċess it-tibdil demografiku u b'hekk biex jintlaħqu l-għanijiet prinċipali relatati mal-pensjoni. Madankollu, huwa ta’ dispjaċir li din l-enfasi fuq l-importanza kbira tas-suq tax-xogħol mhix riflessa fir-rakkomandazzjonijiet prinċipali rigward il-pensjonijiet, li fil-parti l-kbira tagħhom baqgħu kif kienu fid-dokumenti preċedenti.

    1.5   Il-Kumitat jemmen li huma u jirriformaw is-sistemi tal-pensjonijiet lokali tagħhom, l-Istati Membri għandhom iqisu l-fatt li għal miljuni ta’ pensjonanti futuri l-pensjoni hija l-uniku tip ta’ protezzjoni kontra r-riskju tal-faqar fi xjuħithom. Għaldaqstant, il-Kumitat jirrakkomanda li fil-leġislazzjoni futura jiġu inklużi standards dwar pensjoni minima jew mekkaniżmi ta’ protezzjoni tad-dħul mill-pensjoni, sabiex jingħata dħul li jaqbeż mil-limitu tal-faqar.

    1.6   Minħabba n-natura tagħhom, is-sistemi tal-pensjonijiet joperaw fit-tul. Għaldaqstant, l-Istati Membri għandhom jipprevedu perjodu ta’ żmien twil biżżejjed għall-proċess ta’ riforma tal-pensjonijiet tagħhom, ifassluh skont is-sitwazzjoni ekonomika u soċjali lokali tagħhom u jiżguraw li jiġi aċċettat b'mod wiesa' mill-pubbliku. Il-Kumitat japprova dan l-approċċ, filwaqt li jfakkar li mhuwiex ġust li l-ispejjeż tar-riformi tal-pensjonijiet jiġu imposti fuq il-ġenerazzjoni attwali ta’ ħaddiema żgħażagħ jew fuq il-pensjonanti attwali. Il-Kumitat huwa favur approċċ li jiżgura ġustizzja bejn il-ġenerazzjonijiet f'termini tas-sostenibbilità tas-sistema u livell adegwat ta’ benefiċċji, u li jippermetti livell ta’ għajxien deċenti.

    1.7   Il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiffokaw l-isforzi tagħhom fuq il-promozzjoni ta’ mizuri attivi biex titwal il-ħajja tax-xogħol. L-għan għandu jkun li l-età effettiva tal-irtirar toqrob lejn l-età legali tal-irtirar li teżisti diġà. Dan huwa wieħed mill-modi ewlenin kif tiġi żgurata s-sostenibbilità tas-sistemi tal-pensjonijiet Ewropej. Il-miżuri l-iżjed importanti li għandhom jittieħdu hawnhekk huma li l-attenzjoni tkun fuq li jiġu negozjati kundizzjonijiet tax-xogħol bejn l-imsieħba soċjali, eż. l-adattament tal-ħiliet u s-saħħa tal-ħaddiema akbar fl-età, li titqies id-diffikultà ta’ ċerti xogħlijiet, it-titjib tal-aċċess għal aktar taħriġ, it-tisħiħ tal-prevenzjoni tal-invaliditajiet, ir-rikonċiljazzjoni tax-xogħol u l-familja u t-tneħħija tal-ostakli legali u oħrajn għal ħajja tax-xogħol itwal. Li jinbidlu l-attitudnijiet ta’ min iħaddem lejn dan il-grupp ta’ età u li jiġu żviluppati attitudnijiet pożittivi fost l-impjegati ikbar fl-età, biex ikunu jistgħu jagħżlu li jibqgħu fl-impjieg tagħhom għal aktar żmien għandhom ikunu parti mill-proċess ta’ riforma. Ir-riformi tas-suq tax-xogħol li joħolqu l-kundizzjonijiet li jippermettu lill-kumpaniji jipprovdu impjiegi ta’ kwalità huma neċessarji biex issir realtà ħajja fid-dinja tax-xogħol iktar twila. Dawn il-politiki kollha jridu jitfasslu u jiġu implimentati f'kooperazzjoni mill-qrib mal-imsieħba soċjali. Fil-fehma tal-Kumitat, l-iskemi ta’ rtirar kmieni għandhom jinżammu biex jiżguraw li l-ħaddiema li ħadmu għal perjodi twal f'xogħol iebes jew perikoluż jew li bdew il-karriera tagħhom kmieni ħafna f'ħajjithom, qabel l-età ta’ 18-il sena, ikollhom id-dritt li jirtiraw kmieni.

    1.8   Il-Kumitat jinnota li l-Istati Membri diġà għamlu progress fir-riformi statutorji tagħhom, iżda fl-istess ħin huwa konvint li għandu jitjieb il-qafas legali għal skemi ta’ rtirar komplementari, billi dawn se jaqdu rwol fl-adegwatezza u s-sostenibbilità futura tas-sistemi tal-pensjonijiet. Għaldaqstant, il-Kumitat huwa mħasseb b'mod serju dwar uħud mill-proposti għal pensjonijiet tax-xogħol. Billi l-iskemi tal-pensjonijiet huma differenti ħafna mis-servizzi tal-assigurazzjoni tal-ħajja, il-Kumitat ma jappoġġjax l-għan iddikjarat li tiġi riveduta d-Direttiva IORP, sabiex tinżamm sitwazzjoni ugwali għal dik ta’ Solvency II, iżda jirrakkomanda li jiġu introdotti miżuri mfassla b'mod speċifiku għall-iżgurar tal-assi tal-fondi tal-pensjonijiet wara konsultazzjoni minn qabel tal-imsieħba soċjali u l-partijiet interessati l-oħra.

    1.9   Il-pensjonijiet għandhom l-għan li jiżguraw dħul għall-pensjonanti, li jservi ta’ dħul li jissostitwixxi s-salarju li kjienu jirċievu tul il-ħajja tax-xogħol tagħhom, u li jkun proporzjonali għalih. Il-Kumitat jemmen li fil-futur ser ikun neċessarju li titnaqqas id-differenza bejn id-dħul tal-pensjoni tal-ħaddiema rġiel u nisa, u li tiġi żgurata kopertura adatta tal-periklu tax-xjuħija fost il-ħaddiema li kellhom professjoni jew karriera mhux tipika. Id-differenza li għadha teżisti bejn l-irġiel u n-nisa fis-suq tax-xogħol għandha konsegwenzi serji fuq id-drittijiet akkumulati u għaldaqstant ukoll għall-prospetti tad-dħul tal-irtirar tan-nisa. Il-Kumitat jappella lill-Istati Membri biex ifittxu soluzzjonijiet sabiex titnaqqas id-differenza fid-drittijiet tal-pensjonijiet bejn l-irġiel u n-nisa kkawżata mir-regoli u l-prassi fis-suq tax-xogħol, f'kooperazzjoni mal-imsieħba soċjali.

    1.10   Il-Kumitat jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni biex tonora l-intenzjoni tagħha li tuża parti mill-FSE matul il-perjodu ta’ programmar 2014-2020 biex tappoġġja proġetti mmirati lejn l-impjegar ta’ ħaddiema ikbar fl-età jew lejn il-promozzjoni ta’ ħajja tax-xogħol itwal. Proġetti edukattivi li għandhom l-għan li jżidu l-litteriżmu finanzjarju tal-ħaddiema, b'mod speċjali fir-rigward tal-ippjanar għall-irtirar, ukoll ħaqqhom jiġu appoġġjati. Il-Kumitat jemmen li l-imsieħba soċjali u organizzazzjonijiet oħrajn tas-soċjetà ċivili, flimkien ma’ korpi pubbliċi oħrajn, għandhom rwol ewlieni x'jaqdu fil-promozzjoni ta’ dawn il-proġetti.

    2.   Daħla

    2.1   Fis-16 ta’ Frar (iktar tard milli ppjanat) il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat il-White Paper tagħha dwar ‘Aġenda għal Pensjonijiet Adegwati, Sikuri u Sostenibbli’, wara konsultazzjonijiet li ġew imnedija permezz tal-Green Paper tagħha ta’ Lulju 2010. Għalkemm adottat sensiela ta’ rakkomandazzjonijiet li tressqu mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew fl-opinjoni tiegħu dwar dan is-suġġett, il-Kummissjoni ma bidlitx il-pożizzjoni tagħha fir-rigward ta’ soluzzjonijiet li l-Istati Membri għandhom jimplimentaw biex jiżguraw sistemi tal-pensjonijiet sostenibbli u sikuri fl-isfond ta’ popolazzjonijiet li qed jixjieħu, jenfasizza l-ħtieġa li titnaqqas in-nefqa fuq il-pensjonijiet minflok ma jiżdied id-dħul biex jiffinanzjahom. Barra minn hekk, huwa rakkomandat li l-età tal-irtirar tintrabat maż-żieda fl-istennija tal-għomor u li jiġi żviluppat tfaddil komplementari għall-irtirar – dawn huma punti li l-Kumitat kemm-il darba tkellem b'mod kritiku dwarhom.

    2.2   Sabiex tappoġġja l-fehma tagħha dwar il-ħtieġa għar-riforma tal-pensjonijiet, il-Kummissjoni tislet informazzjoni minn statistika li forsi tista' tippreżenta stampa qarrieqa tal-problemi li jinħolqu mit-tixjieħ tal-popolazzjoni. Pereżempju, il-grafika ppreżentata fil-Figura 1 tal-White Paper tqabbel xejriet previsti fir-rigward tal-għadd ta’ nies ta’ età ta’ 60+ u l-għadd ta’ nies ta’ età bejn 20-59 sena, u turi li l-għadd ta’ nies fl-ewwel grupp se jiżdied b'żewġ miljuni kull sena għaż-żewġ deċennji li ġejjin, filwaqt li l-għadd ta’ nies fit-tieni grupp se jonqos b'medja ta’ miljun fis-sena. Sal-2020 l-età statutorja tal-pensjoni fil-maġġoranza tal-Istati Membri se tkun ta’ 65 jew iżjed, li jfisser li l-grupp ta’ 60+ tal-popolazzjoni se jinkludi impjegati kif ukoll pensjonanti. F'konformità mar-rakkomandazzjonijiet preċedenti tiegħu (1), il-Kumitat jemmen li fil-valutazzjoni tal-effetti ta’ popolazzjonijiet li qed jixjieħu fuq l-iffinanzjar ta’ sistemi tas-sigurtà soċjali, għandu jintuża l-proporzjon ta’ dipendenza ekonomika, billi jipprovdi stampa ċara tar-rekwiżiti reali ta’ ffinanzjar. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi dan il-punt fil-White Paper. F'dan ir-rigward, il-KESE jilqa' l-fatt li l-White Paper tisħaq ħafna aktar minn dokumenti preċedenti tal-Kummissjoni fuq l-importanza tas-suq tax-xogħol u taż-żieda tar-rati ta’ impjieg biex jiġi indirizzat b'suċċess it-tibdil demografiku u biex b'hekk jintlaħqu l-għanijiet prinċipali relatati mal-pensjoni. Madankollu, huwa ta’ dispjaċir li din l-enfasi fuq l-importanza kbira tas-suq tax-xogħol mhix riflessa fir-rakkomandazzjonijiet prinċipali rigward il-pensjonijiet, li fil-parti l-kbira tagħhom baqgħu kif kienu fid-dokumenti preċedenti.

    2.3   Il-Kummissjoni hija tal-fehma li s-suċċess tar-riformi tal-pensjonijiet fl-Istati Membri huwa fattur ewlieni li jiddetermina l-funzjonament bla xkiel tal-unjoni ekonomika u monetarja, li se jaffettwa wkoll l-kapaċità tal-UE li tilħaq tnejn mill-miri tal-Istrateġija Ewropa 2020 – li tiżdied ir-rata tal-impjieg għal 75 % u li jitnaqqas l-għadd ta’ nies fir-riskju tal-faqar b'mill-inqas 20 miljun. Madankollu, il-Kumitat enfasizza l-fatt (2) li ħafna mill-miżuri ta’ awsterità implimentati mill-Istati Membri li qed jissieltu mal-effetti tal-kriżijiet finanzjarji u tad-dejn sovran jista' jkollhom riperkussjonijiet negattivi fuq it-tilħiq ta’ dawn il-miri. Kull miżura ta’ stabilità fiskali trid dejjem tiġi kkomplementata minn investimenti effikaċi fil-ħolqien tal-impjieg kif ukoll minn miżuri li jwasslu għat-tkabbir.

    2.4   Il-Kummissjoni tixtieq tissuġġerixxi linji gwieda ta’ politika u inizjattivi lill-Istati Membri biex tindirizza l-ħtiġijiet ta’ riforma identifikati, inter alia, fir-rakkomandazzjonijiet skont il-pajjiż tal-2011 taħt is-semestru Ewropew. Il-Kumitat jiddispjaċih li dawn ir-rakkomandazzjonijiet jirriferu b'mod partikolari għaż-żieda fl-età statutorja ta’ rtirar u l-emendar tas-sistemi tal-indiċjar tal-pensjonijiet. Għal xi Stati Membri, li kkonkludew arranġamenti standby mal-IMF, il-Bank Dinji u l-Kummissjoni Ewropea, ir-rakkomandazzjonijiet inkludew soluzzjonijiet bħall-iffriżar temporanja jew anke it-tnaqqis tal-valur tal-pensjonijiet.

    3.   Kummenti ġenerali

    3.1   L-isfidi attwali għall-pensjonijiet

    3.1.1   Il-Kumitat jaqbel mal-Kummissjoni li s-sostenibbilità u l-adegwatezza tal-pensjonijiet jiddependu fuq l-estent sa liema jkunu msejsa fuqu kontribuzzjonijiet, taxxi u flus imfaddla. Madankollu, dawn ma jiġux biss minn dawk in-nies li għandhom impjieg, iżda wkoll mill-pensjonanti stess. Fi kliem ieħor, kull previżjoni fit-tul fir-rigward tal-bilanċ bejn dawk li jħallsu t-taxxi b'mod attiv u l-benefiċjarji rtirati trid tqis dan il-fatt.

    3.1.2   Is-sistemi tal-pensjonijiet pubbliċi huma s-sors ewlieni ta’ dħul għall-pensjonanti fi kważi l-Istati Membri kollha. Għaldaqstant, huwa imperattiv li jsir kull sforz biex jiġi żgurat li jibqgħu sostenibbli u bi prezz raġonevoli. Il-Kumitat iqis li l-iffinanzjar ta’ sistemi pubbliċi jista' jiġi żgurat l-aħjar permezz ta’ rata ta’ impjieg għolja u miżuri oħrajn ta’ finanzjament, bħal dawk meħuda f'xi Stati Membri (pereżempju: sussidji baġitarji, dħul addizzjonali, fondi ta’ riżerva u ta’ stabbilità). Dawn is-sistemi tal-pensjonijiet huma bbażati fuq il-prinċipju tas-solidarjetà u joħolqu solidarjetà bejn u fi ħdan il-ġenerazzjonijiet, li huwa ta’ benefiċċju għall-koeżjoni soċjali. Barra minn hekk, f'xi Stati Membri, dawn jippermettu li d-drittijiet tal-pensjonijiet jiġu żviluppati fil-perjodi ta’ qgħad jew waqfiet mill-karriera minħabba mard jew għal raġunijiet familjari. Dawn is-sistemi taw prova tar-rwol tagħhom bħala stabilizzaturi finanzjarji matul il-kriżi finanzjarja tal-2008, anke jekk f'xi Stati Membri ġew affettwati b'mod negattiv il-pensjonijiet individwali. Bil-kontra, xi skemi tal-pensjonijiet li huma finanzjati privatament u li investew parti mill-portafoll tal-assi f'xi prodotti finanzjarji riskjużi ħafna ffaċċjaw telf kbir li rriżulta fi tnaqqis qawwi fil-pensjonijiet għal ħafna pensjonanti. Min jieħu d-deċiżjonijiet irid iqis l-impatt tat-tnaqqis fuq id-domanda globali fid-dawl tal-fatt li l-benefiċċji soċjali mhumiex biss “spejjeż”, peress li dawn jipprovdu l-mezz biex terz mill-popolazzjoni tal-Ewropa jkun jista' jaġixxi u jikkonsma.

    3.2   Niżguraw is-sostenibbilità finanzjarja tas-sistemi tal-pensjoni

    3.2.1   Il-Kummissjoni tgħid li sal-2060 il-pensjonijiet għandhom jiżdiedu b'medja ta’ ta’ 2,5 punti perċentwali tal-PDG madwar l-UE. Kif ġie ddikjarat f'opinjonijiet preċedenti, il-Kumitat jissuġġerixxi li l-Istati Membri jeżerċitaw ċerta kawtela meta jużaw dawn iċ-ċifri biex jippromovu riformi fil-pensjonijiet, billi ħafna minnhom huma bbażati fuq ipotesijiet fit-tul, li f'xi każi mhumiex relatati mas-sitwazzjoni reali. Madankollu, bħalissa hemm differenza ta’ 9 punti perċentwali tal-PDG fl-infiq fuq il-pensjonijiet tal-Istati Membri, minn 6 % fl-Irlanda sa 15 % fl-Italja. Dan juri li jista' jkun hemm xi flessibilità fil-kompożizzjoni tal-infiq pubbliku mingħajr ma din taffettwa b'mod sinifikanti l-kompetittività tal-Istati Membri li, minn perspettiva ċiklika, jista' jkollhom spejjeż ogħla fuq is-sistemi tas-sigurtà soċjali.

    3.2.2   Ir-riforma tas-sistema tal-pensjonijiet li twettqet mill-Istati Membri tul l-aħħar deċennju ffokat primarjament fuq it-tnaqqis fl-infiq, billi żdiedet l-età statutorja tal-irtirar u nbidlu s-sistemi ta’ indiċjar tal-pensjonijiet f'indiċi tal-prezzijiet dominanti jew uniku. Il-Kumitat jaħseb li din l-aħħar bidla jista' jkollha effetti negattivi fit-tul, u l-pensjonijiet jispiċċaw jitnaqqsu ħafna. Skont studju tal-ILO (3), differenza ta’ punt perċentwali biss bejn iż-żidiet fis-salarji u fil-pensjonijiet fuq perjodu ta’ 25 sena tista' tirriżulta fi tnaqqis ta’ 22 % fil-pensjonijiet.

    3.2.3   Sistemi tal-pensjonijiet nazzjonali ma joperawx b'mod iżolat minn ekonomiji nazzjonali. Effettivament huma sottosistemi li jinteraġixxu ma’ oħrajn fil-livell nazzjonali u globali. Għaldaqstant il-Kumitat jaħseb li sabiex tiġi żgurata s-sostenibbilità finanzjarja tas-sistemi tal-pensjonijiet, l-Istati Membri għandhom jiffokaw l-isforzi tagħhom għad-deċennji li ġejjin fuq żieda fid-dħul. Din iż-żieda ma tistax tintlaħaq biss billi jiżdied l-għadd ta’ kontributuri impjegati u billi tittawwal il-ħajja tax-xogħol, iżda tesiġi wkoll ġestjoni aħjar tal-finanzi pubbliċi u sforzi biex jiġu miġġielda l-evażjoni tat-taxxa u x-xogħol mhux iddikjarat. It-tkabbir sostenibbli u livell għoli ta’ impjieg għandhom joħolqu ambjent li huwa favorevoli għas-sistemi tal-pensjonijiet. Ir-riformi tas-suq tax-xogħol li joħolqu l-kundizzjonijiet li jippermettu lill-kumpaniji jipprovdu impjiegi ta’ kwalità huma neċessarji biex issir realtà ħajja fid-dinja tax-xogħol iktar twila. Barra minn hekk, kundizzjonijiet tax-xogħol diċenti li jgħinu biex wieħed isib bilanċ bejn ir-responsabbiltajiet tax-xogħol u tal-familja jistgħu jgħinu biex jiżdiedu r-rati ta’ fertilità, u b'hekk tonqos il-pressjoni tat-tixjieħ tal-popolazzjoni fuq is-sistemi tal-pensjonijiet. Fl-istess waqt, jeħtieġ li jiġu stabbiliti miżuri li jżidu r-rieda tal-persuni li jaħdmu iktar, dan jirrikjedi wkoll attitudni pożittiva lejn it-tagħlim tul il-ħajja u l-kura preventiva tas-saħħa.

    3.2.4   B'konformità mal-opinjoni preċedenti tiegħu, il-KESE jirrimarka li r-riformi tal-pensjonijiet (inkluża l-bidla minn skema ta’ ħlas sħiħ Pay-As-You-Go għal sistemi tal-pensjonijiet imħallta, magħmula minn skemi obbligatorji Pay-As-You-Go u ffinanzjati) li jwasslu għal tibdil fl-iffinanzjar tas-sistemi tal-pensjonijiet, li jżidu l-obbligazzjonijiet espliċiti tas-settur pubbliku u jnaqqsu dawk impliċiti, m'għandhomx jiġu penalizzati fuq perjodu ta’ żmien qasir minħabba d-dejn pubbliku espliċitu ogħla (4). Għaldaqstant, għandha tiġi kkunsidrata reviżjoni tar-regoli tal-Patt ta’ Stabbilità u Tkabbir.

    3.3   Inżommu l-adegwatezza tal-benefiċċji tal-pensjoni

    3.3.1   Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li f'ħafna mill-Istati Membri r-riformi tal-pensjonijiet li jitwettqu se jirriżultaw f'rati ta’ sostituzzjoni iktar baxxi tas-sistemi tal-pensjonijiet. Billi l-pensjonijiet huma s-sors ewlieni ta’ dħul għal Ewropej ikbar fl-età, il-Kumitat jemmen li għandha tkun prijorità għall-Istati Membri ż-żamma tal-adegwatezza tal-pensjonijiet li jippermettu standard tajjeb tal-għajxien.

    3.3.2   Il-gvernijiet huma responsabbli għall-iżgurar li kull Ewropew ikbar fl-età jkollu pensjoni xierqa. Għaldaqstant, il-Kumitat jaħseb li l-Istati Membri għandhom iqisu t-twaqqif ta’ definizzjoni komprensiva ta’ pensjoni adegwata, b'kooperazzjoni mal-imsieħba soċjali.

    3.3.3   Għall-ġenerazzjonijiet futuri ta’ pensjonanti, l-adegwatezza tad-dħul tagħhom se tiddipendi dejjem iżjed fuq pilastri ta’ pensjonijiet li huma ffinanzjati b'mod addizzjonali. Madankollu, il-Kumitat jinnota li xi Stati Membri li ppromovew skemi tal-pensjonijiet finanzjati b'mod obbligatorju, iffinanzjati billi jiġi trasferit proporzjon tal-kontribuzzjonijiet mis-sistema tal-pensjonijiet pubblika, għażla li ma jkomplux dawn l-iskemi, l-iżjed minħabba d-defiċit li ħolqu fil-baġit pubbliku tas-sistema. Il-Kumitat huwa favur skemi tal-pensjonijiet professjonali ffinanzjati, stabbiliti u amministrati minn dawk li jħaddmu u mir-rappreżentanti tal-impjegati, u jsejjaħ lill-Kummissjoni biex tipprovdi appoġġ lill-imsieħba soċjali biex isaħħu l-kapaċità amministrattiva tagħhom f'dan il-qasam.

    3.3.4   Fid-dawl tat-tranżizzjoni gradwali lejn skemi ta’ pensjoni ffinanzjati b'mod addizzjonali, b'mod partikolari l-iskemi relatati mal-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, huwa importanti ħafna li l-Istati Membri jassiguraw pensjonijiet adegwati lill-persuni li jibqgħu barra s-suq tax-xogħol matul il-ħajja tagħhom ta’ adulti. Għalhekk, għandu jiġi assigurat li l-persuni esklużi mis-suq tradizzjonali tax-xogħol, minħabba pereżempju diżabbiltajiet severi jew problemi soċjali severi u kumplessi, jibbenefikaw minn pensjoni suffiċjenti sabiex jiġu evitati l-inugwaljanzi soċjali dejjem akbar f'età avvanzata.

    3.4   Inżidu l-parteċipazzjoni tan-nisa u tal-ħaddiema akbar fl-età fis-suq tax-xogħol

    3.4.1   Il-Kummissjoni tinnota li jekk l-Ewropa tilħaq il-mira tal-impjieg tal-Istrateġija Ewropa 2020 ta’ rata ta’ impjieg ta’ 75 % fil-grupp tal-età 20-64 u jekk isir aktar progress fid-deċennji ta’ wara, ir-rata ta’ dipendenza ekonomika tista' tibqa' inqas minn 80 %. Dan ifisser li l-pressjoni ta’ popolazzjonijiet li qed jixjieħu fuq is-sistemi tal-pensjonijiet tkun tista' tibqa' fil-limiti tollerabbli.

    3.4.2   Il-Kumitat ma jaqbilx mal-fehma tal-Kummissjoni li età fissa tal-irtirar tista' toħloq żbilanċi konsiderevoli bejn is-snin attivi u s-snin ta’ rtirar. Bis-saħħa tar-riformi tal-pensjonijiet li wettqu fi snin reċenti, ħafna mill-Istati Membri rabtu d-dritt tal-irtirar kmieni mal-għadd ta’ snin li wieħed iqatta' x-xogħol, u naqsu b'mod sinifikanti l-ammont ta’ impjegati pprivileġġjati. Fil-fehma tal-Kumitat, skemi ta’ rtirar kmieni għandhom jinżammu biex jiżguraw li l-ħaddiema li ħadmu għal perjodi twal f'xogħol iebes jew perikoluż jew li bdew il-karriera tagħhom kmieni ħafna f'ħajjithom, qabel l-età ta’ 18-il sena, ikollhom id-dritt li jirtiraw kmieni.

    3.4.3   Il-Kumitat fisser il-fehmiet tiegħu f'għadd ta’ opinjonijiet (5) dwar il-fatturi ewlenin li għandhom jiġu kkunsidrati mill-Istati Membri meta jimplimentaw riformi mmirati lejn ħajja tax-xogħol itwal, u jfaħħar lill-Kummissjoni talli adottat uħud minnhom fil-White Paper. Madankollu, il-Kumitat iħoss li għad hemm ħafna xi jsir fil-livell tal-Istat Membru sabiex jiġi żgurat li l-postijiet tax-xogħol ikunu adati b'mod xieraq għall-ħiliet u s-saħħa tal-ħaddiema akbar fl-età.

    3.5   Ir-rwol tal-Istati Membri u tal-UE fil-qasam tal-pensjonijiet

    3.5.1   Il-Kumitat jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tieħu approċċ olistiku għar-riforma tal-pensjonijiet, meta wieħed iqis il-karattru interrelatat tal-isfidi makroekonomiċi, soċjali u tal-impjieg relatati mal-pensjonijiet. Għalkemm l-Istati Membri għandhom ir-responsabbiltà primarja li jfasslu s-sistemi tal-pensjonijiet tagħhom, il-Kummissjoni għandha tagħmel użu kreattiv mill-għodod li għandha disponibbli biex tappoġġja b'mod sod l-Istati Membri permezz tal-proċess tar-riforma tal-pensjonijiet; iżda peress li ġeneralment nevitaw li mmorru lura, dan għandu jsir mingħajr ma jiġu affettwati d-drittijiet jew jinħolqu regoli ġodda ispirati mir-riċessjoni attwali, li jistgħu jkunu ta’ detriment għall-interessi tan-nies ladarba tirkupra l-ekonomija. Taħt l-Istrateġija Ewropa 2020 u l-qafas ġdid ta’ governanza Ewropew, il-Kummissjoni għandha disponibbli ambitu wiesa' biżżejjed biex tippromwovi soluzzjonijiet għar-riforma tal-pensjonijiet, filwaqt li tikkunsidra l-fatt li l-pensjonijiet mhumiex tfaddil. Il-Kumitat jinkoraġġixxi wkoll lill-Kummissjoni biex tonora l-intenzjoni tagħha li tuża parti mill-FSE matul il-perjodu ta’ programmar 2014-2020 biex tappoġġja proġetti mmirati lejn l-impjegar ta’ ħaddiema ikbar fl-età jew lejn il-promozzjoni ta’ ħajja tax-xogħol itwal. Il-parteċipazzjoni tal-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili organizzata fl-implimentazzjoni ta’ proġetti bħal dawn għandha tkun prerekwiżit.

    3.5.2   Meta wieħed iqis li l-impjieg u t-tkabbir tal-produttività tax-xogħol għandhom ikunu oqsma ewlenin ta’ tħassib għall-Istati Membri, li qed jiffaċċjaw l-effetti tat-tixjiħ tal-popolazzjoni fuq is-sistemi tal-pensjonijiet tagħhom, il-Kumitat jirrakkomanda li l-politiki kollha li l-gvernijiet ikollhom l-intenzjoni li jimplimentaw ikollhom bħala bażi l-kunsens minn qabel tal-imsieħba soċjali.

    3.6   Il-ħtieġa għal riformi tal-pensjonijiet

    3.6.1   Fir-rigward tar-rakkomandazzjonijiet għar-riforma tal-pensjonijiet li saru mill-Kummissjoni lill-Istati Membri taħt l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2011 u l-2012, il-Kumitat jaħseb li:

    a.

    żieda fl-età effettiva ta’ rtirar trid issir permezz ta’ politiki negozjati mal-imsieħba soċjali li jħeġġu ħajja tax-xogħol itwal u mhux permezz ta’ mekkaniżmi awtomatiċi li jżidu l-età statutorja ta’ rtirar, kif rakkomandat mill-Kummissjoni;

    b.

    l-aċċess ristrett għal irtirar kmieni għandu jqis is-sitwazzjoni speċifika ta’ ċerti kategoriji ta’ ħaddiema, b'mod speċjali dawk li x-xogħol tagħhom huwa partikolarment iebes jew perikoluż u dawk li bdew il-karriera tagħhom kmieni ħafna f'ħajjithom (qabel ma għalqu 18-il sena);

    c.

    l-aqwa approċċ biex tiżdied l-età effettiva ta’ rtirar jinvolvi li l-ħajja tax-xogħol titwal permezz ta’ aċċess aħjar għal programmi ta’ taħriġ, li l-postijiet tax-xogħol jiġu adattati għal forza tax-xogħol iktar varjat, li jiġu żviluppati opportunitajiet ta’ impjieg għal ħaddiema akbar fl-età, li jiġi appoġġat it-tixjiħ attiv u f'saħħtu, u jitneħħew l-ostakli legali u oħrajn li jxekklu l-aċċess għal impjieg għall-ħaddiema akbar fl-età;

    d.

    l-ugwaljanza tal-età statutorja ta’ rtirar tal-irġiel u tan-nisa għandha ssir fil-qafas ta’ perjodu ta’ żmien li jqis is-sitwazzjoni speċifika tas-suq tax-xogħol ta’ kull Stat Membru; għandha tingħata attenzjoni speċjali li jitnaqqsu d-differenzi bejn id-drittijiet tal-pensjonijiet tal-irġiel u tan-nisa;

    e.

    l-inkoraġġiment tal-iżvilupp ta’ tfaddil komplementari għall-irtirar għandu jintlaħaq permezz tal-parteċipazzjoni tal-imsieħba soċjali, b'mod partikolari fil-għamla ta’ skemi ta’ pensjonijiet professjonali, billi matul il-kriżi finanzjarja wrew li huma iżjed sikuri minn tipi oħra ta’ skemi ffinanzjati, kif ukoll fl-għamla ta’ tfaddil privat ma’ inċentivi tat-taxxa mmirati, b'mod speċjali għal dawk li ma jaffordjawx dawn is-servizzi.

    3.7   Il-ksib ta’ bilanċ bejn it-tul tal-ħajja professjonali u l-irtirar

    3.7.1   Il-Kumitat jemmen li l-Istati Membri jistgħu jappoġġjaw żieda fl-età effettiva ta’ rtirar, li jfisser perjodu itwal ta’ ħidma, permezz ta’ miżuri attivi li jinkoraġġixxu ħajja tax-xogħol itwal fuq bażi volontarja. Żieda awtomatika fl-età statutorja ta’ rtirar abbażi ta’ żidiet previsti fl-istennija tal-għomor tista' tkun kontroproduċenti, b'ħafna ħaddiema ikbar fl-età, speċjalment dawk bi problemi tas-saħħa, jagħżlu li jduru għal pilastri oħrajn tas-sigurtà soċjali (6).

    3.7.2   Il-Kumitat jaqbel mal-Kummissjoni li r-riforma tal-pensjonijiet m'għandhiex issir b'tali mod li l-ispejjeż jintrefgħu minn ġenerazzjonijiet ta’ ħaddiema ta’ età iżgħar jew mill-pensjonanti attwali biss. Huwa possibbli għall-Istati Membri li jimplimentaw miżuri ta’ riforma li ma jaffettwawx l-interessi tal-ħaddiema jew dawk tal-pensjonanti.

    3.7.3   Il-Kumitat jirrakkomanda lill-Istati Membri li miżuri li jirrestrinġu l-aċċess għal irtirar kmieni jiġu implimentati b'attenzjoni xierqa għall-interessi tal-ħaddiema li ħadmu għal perjodi twal f'xogħol iebes jew perikoluż jew li bdew il-karriera tagħhom kmieni ħafna f'ħajjithom (qabel l-età ta’ 18-il sena). Għal ħafna ħaddiema li jidħlu f'dawn il-kategoriji, jekk l-aċċess tagħhom għal irtirar kmieni jiġi ristrett effettivament dan ifisser li jitneħħewlhom id-drittijiet għall-pensjoni. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li ġaddiema f'dawn il-gruppi għandhom stennija tal-għomor iktar baxxa u huma inqas f'saħħithom meta mqabbla ma’ ħaddiema oħra. Dawn l-arranġamenti jridu jibqgħu f'idejn l-Istati Membri skont il-prattiki u l-kondizzjonijiet nazzjonali tagħhom, u msejsa fuq il-ftehimiet mal-imsieħba soċjali.

    3.7.4   Il-Kumitat jagħraf il-pożizzjoni tal-Kummissjoni dwar il-ħtieġa li l-proċessi ta’ riforma li jitwettqu mill-Istati Membri jikkonċentraw fuq il-promozzjoni ta’ ħajja tax-xogħol itwal. Sempliċiment billi tiżdied l-età statutorja ta’ rtirar jew jitnaqqsu l-pensjonijiet billi tinbidel is-sistema ta’ indiċjar jista' jwassal biex miljuni ta’ pensjonanti jaqgħu taħt il-linja tal-faqar.

    3.7.5   Skont ir-rapport tal-Eurostat (7) 'il fuq minn 35 % tal-ħaddiema fil-grupp ta’ età 50-69 huma lesti jaħdmu wara li jagħlqu 65 sena. Il-Kumitat jirrikonoxxi l-fehma tal-Kummissjoni li t-tneħħija ta’ ostakli għal ħajja tax-xogħol itwal hija, fost oħrajn, waħda mis-soluzzjonijiet għall-Istati Membri.

    3.7.6   Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li d-diskrepanza fil-pensjonijiet bejn l-irġiel u n-nisa ma tistax titnaqqas sempliċiment billi l-età tal-irtirar issir ugwali, u jirrakkomanda li l-Istati Membri jimplimentaw taħlita ta’ politiki tal-pensjonijiet u tal-impjieg biex jeradikaw dawn id-diskrepanzi. Bħala parti tar-reviżjoni tal-leġislazzjoni dwar il-pensjonijiet tal-UE, il-Kumitat isejjaħ lill-Kummissjoni biex tikkunsidra l-introduzzjoni ta’ dispożizzjonijiet immirati lejn it-tnaqqis tad-diskrepanzi bejn iż-żewġ ġeneri.

    3.8   L-iżvilupp tat-tfaddil privat u komplementari għall-irtirar

    3.8.1   Il-Kumitat jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ssaħħaħ il-leġislazzjoni dwar il-pensjonijiet tal-UE. Madankollu, il-Kumitat jemmen li għandha tingħata attenzjoni hawnhekk mhux biss lill-aspetti relatati mal-attivitajiet transkonfinali tal-fondi tal-pensjonijiet u l-mobilità tal-ħaddiema, iżda wkoll il-kwistjonijiet ta’ superviżjoni u sorveljanza mill-korp tal-pensjoni, l-ispejjeż amministrattivi u l-informazzjoni lill-konsumatur u l-ħarsien tiegħu.

    3.8.2   Il-Kumitat japprova l-proposta tal-Kummissjoni biex tiġi stabbilita sistema ta’ servizzi ta’ traċċar tal-pensjonijiet fl-UE, billi jiġu interkonnessi s-servizzi fil-livell nazzjonali. Dan għandu jkun ta’ benefiċċju reali għan-nies li jkunu ħadmu f'diversi Stati Membri.

    3.8.3   Il-White Paper ma tadottax l-approċċ korrett lejn l-approċċ tal-għoti ta’ pensjonijeit professjonali kosteffettivi u għaldaqstant lejn it-tkabbir futur tagħhom. B'mod partikolari, il-Kumitat ma jappoġġjax l-għan iddikjarat li tiġi riveduta d-Direttiva IORP sabiex “jinżamm livell ekwu ma’ Solvenza II”. Dawn il-miżuri mhumiex iġġustifikati minn ħtieġa li jinħolqu kundizzjonijiet indaqs ma’ fondi tal-pensjoni pprovduti mill-assikurazzjoni, billi dawn joperaw b'modi differenti. Fil-biċċa l-kbira tal-każi, fondi tal-pensjoni ma joperawx fi swieq tal-imnut u/jew ikunu organizzazzjonijiet li ma jaħdmux għall-qligħ. Ġeneralment huma pprovduti permezz ta’ xi ħadd li jħaddem u grupp ta’ min iħaddem f'settur, filwaqt li prodotti tal-pensjoni tal-assikurazzjoni jistgħu jiġu pprovduti wkoll lil individwi. Fondi tal-pensjoni għandhom karattru kollettiv (soġġett għal ftehim kollettiv). Madankollu, il-Kumitat jappoġġja l-impenn tal-Kummissjoni li tintroduċi miżuri mfassla speċifikament għall-iżgurar tal-assi tal-fondi tal-pensjoni.

    3.8.4   Flimkien ma’ sistemi pubbliċi tal-pensjoni, ġew żviluppati wkoll sistemi komplementari kollettivi addizzjonali. Billi dawn tal-aħħar jipprovdu wkoll dħul addizzjonali lill-pensjonanti, għandhom jiġu ġeneralizzati lill-ħaddiema kollha. Madankollu, dawn m'għandhomx ikunu għażla alternattiva għall-ħlas ta’ pensjonijiet pubbliċi u, billi huma msejsa fuq ftehimiet kollettivi, ċertament m'għandhomx jikkompromettuhom. L-impjegati kollha f'settur jew kumpanija għandu jkollhom aċċess għal dawn is-sistemi addizzjonali, li wkoll jittrattaw lill-irġiel u n-nisa b'mod ugwali. Barra minn hekk, huwa importanti li l-imsieħba soċjali jkunu involuti fl-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-ġestjoni ta’ dawn is-sistemi. Flimkien mas-sistemi tal-pensjonijiet komplementari, li ssoltu joperaw bħala fondi ta’ investiment, l-imsieħba soċjali għandhom jaħdmu wkoll biex isibu soluzzjonijiet li jkopru xi riskji oħra tal-ħajja, li ta’ sikwit inaqqsu d-dħul futur tal-pensjoni (bħal riskji tul il-ħajja, matul perjodi ta’ mard jew anke ta’ qgħad jew assenza mix-xogħol għal raġunijiet familjari) sabiex jiġi żgurat livell adegwat għall-pensjonijiet futuri.

    3.9   L-użu tal-istrumenti tal-UE

    3.9.1   Il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tuża l-istrumenti kollha disponibbli legali, finanzjarji u ta’ koordinazzjoni biex tappoġġja l-isforzi tal-Istati Membri biex jiżguraw sistemi ta’ pensjonijiet adegwati u sikuri. Barra minn hekk, sabiex jiġi żgurat li jintlaħqu dawn l-għanijiet, huwa essenzjali li jiġu involuti l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċifvili u l-imsieħba soċjali fl-istadji kollha tal-konsultazzjoni, tat-tfassil u tal-implimentazzjoni tal-politiki ta’ riforma tal-pensjonijiet. Fl-istess waqt, kull meta jiġi propost kwalunkwe regolament tal-UE mhux relatat b'mod dirett mas-sistemi tal-pensjonijiet, huwa importanti li tiġi inkluża valutazzjoni tal-impatt tiegħu fuq is-sistemi tal-pensjonijiet (speċjalment l-istabbilità u l-livelli ta’ pensjonijiet futuri).

    Brussell, 12 ta’ Lulju 2012.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Staffan NILSSON


    (1)  ĠU C 318, 29.10.2011, pp. 1-8

    (2)  ĠU C 143, 22.05.2012, pp. 23-28

    (3)  ILO: Pension Reform in Central and Eastern Europe, 2011, p. 16, ISBN 978-92-125640-3 (web pdf).

    (4)  Din is-sitwazzjoni tiddomina f'uħud mill-Istati Membri li żviluppaw skemi tal-pensjonijiet supplimentarji, u jiffinanzjawhom b'parti mill-fondi pubbliċi tal-pensjonijiet.

    (5)  ĠU C 318, 29.10.2011, pp. 1-8 ĠU C 161, 13.7.2007, p. 1-8 ĠU C 44, 11.2.2011, pp. 10-16

    (6)  ĠU C 84, 17.3.2011, pp. 38-44

    (7)  Active ageing and solidarity between generations – a statistical portrait of the European Union 2012 (Tixjiħ attiv u solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet – ritratt permezz tal-istatistika tal-Unjoni Ewropea 2012), p. 57.


    APPENDIĊI

    għall-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    L-emendi li ġejjin inċaħdu waqt id-diskussjoni iżda rċevew aktar minn kwart tal-voti (Artikolu 54(3) tar-Regoli ta’ Proċedura):

    Punt 3.6.1 (b)

    Ibdel it-test kif ġej:

    “(…) b.

    l-aċċess ristrett għal irtirar kmieni għandu jqis is-sitwazzjoni speċifika ta’ ċerti kategoriji ta’ ħaddiema, b’mod speċjali dawk li x-xogħol tagħhom huwa partikolarment iebes jew perikoluż;”

    Riżultat tal-votazzjoni

    Favur

    :

    88

    Kontra

    :

    124

    Astensjonijiet

    :

    14

    Punt 3.7.1

    Ibdel it-test kif ġej:

    “Il-Kumitat jemmen li l-Istati Membri jistgħu , permezz ta’ miżuri attivi jinkoraġġixxu ħajja tax-xogħol itwal fuq bażi volontarja. Żieda awtomatika fl-età statutorja ta’ rtirar abbażi ta’ żidiet previsti fl-istennija tal-għomor tista’ tkun kontroproduċenti, b’ħafna ħaddiema ikbar fl-età, speċjalment dawk bi problemi tas-saħħa, jagħżlu li jduru għal pilastri oħrajn tas-sigurtà soċjali6.”

    Riżultat tal-votazzjoni

    Favur

    :

    80

    Kontra

    :

    135

    Astensjonijiet

    :

    10

    Punt 3.7.3

    Ibdel it-test kif ġej:

    Il-Kumitat jirrakkomanda lill-Istati Membri li miżuri li jirrestrinġu l-aċċess għal irtirar kmieni jiġu implimentati b’attenzjoni xierqa għall-interessi tal-ħaddiema li ħadmu għal perjodi twal f’xogħol iebes jew perikoluż. Għal ħafna ħaddiema li jidħlu f’dawn il-kategoriji, jekk l-aċċess tagħhom għal irtirar kmieni jiġi ristrett effettivament dan ifisser li jitneħħewlhom id-drittijiet għall-pensjoni. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li ġaddiema f’dawn il-gruppi għandhom stennija tal-għomor iktar baxxa u huma inqas f’saħħithom meta mqabbla ma’ ħaddiema oħra. Dawn l-arranġamenti jridu jibqgħu f’idejn l-Istati Membri skont il-prattiki u l-kondizzjonijiet nazzjonali tagħhom, u msejsa fuq il-ftehimiet mal-imsieħba soċjali.

    Riżultat tal-votazzjoni

    Favur

    :

    88

    Kontra

    :

    124

    Astensjonijiet

    :

    14


    Top