Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011PC0916

    Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL fuq id-dikjarazzjoni ta' aċċettazzjoni mill-Istati Membri, fl-interess tal-Unjoni Ewropea, tal-adeżjoni tal-Marokk għall-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali tat-Tfal

    /* KUMM/2011/0916 finali - 2011/0451 (NLE) */

    52011PC0916

    Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL fuq id-dikjarazzjoni ta' aċċettazzjoni mill-Istati Membri, fl-interess tal-Unjoni Ewropea, tal-adeżjoni tal-Marokk għall-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali tat-Tfal /* KUMM/2011/0916 finali - 2011/0451 (NLE) */


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    KUNTEST TAL-PROPOSTA

    L-għan tal-Konvenzjoni tal-Aja tal-25 ta' Ottubru 1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali tat-Tfal (minn hawn 'il quddiem: "il-Konvenzjoni tal-1980"), sal-lum irratifikata minn 86 pajjiż, inklużi l-Istati Membri kollha tal-UE, huwa li jerġa' jkun hemm l-istatus quo permezz tar-ritorn immedjat ta' tfal li jitneħħew jew li jinżammu b'mod inġust permezz ta' sistema ta' kooperazzjoni fost awtoritajiet ċentrali maħtura mill-Partijiet Kuntrattwali tagħha.

    Minħabba li l-prevenzjoni tal-ħtif tat-tfal hija parti essenzjali mill-politika tal-UE biex tippromwovi d-drittijiet tat-tfal, l-Unjoni Ewropea hija attiva fil-livell internazzjonali biex ittejjeb l-applikazzjoni tal-Konvenzjoni tal-1980 u tinkoraġġixxi Stati terzi biex jaċċedu għaliha.

    Il-Marokk iddepożita l-istrument tal-adeżjoni għall-Konvenzjoni tal-1980 fid-9 ta' Marzu 2010 Il-Konvenzjoni daħlet fis-seħħ fil-Marokk fl-1 ta’ Ġunju 2010.

    L-Artikolu 38(4) tal-Konvenzjoni tal-1980 jistipula li l-Konvenzjoni tapplika bejn il-pajjiż aderenti u dawk l-Istati Kontraenti li jkunu ddikjaraw li aċċettaw l-adeżjoni. B'hekk, l-Unjoni Ewropea trid tiddeċiedi jekk taċċettax l-adeżjoni tal-Marokk u jekk dan ikun il-każ, l-Istati Membri għandhom jagħmlu d-dikjarazzjoni ta' aċċettazzjoni dwar l-adeżjoni tal-Marokk fl-interess tal-Unjoni Ewropea.

    Minħabba li l-ħtif internazzjonali tat-tfal jaqa' fil-kompetenza esklussiva esterna tal-Unjoni Ewropea, id-deċiżjoni dwar jekk l-Istati Membri għandhomx jaċċettaw l-adeżjoni tal-Marokk għall-Konvenzjoni tal-1980 għandha tittieħed permezz ta' Deċiżjoni tal-Kunsill.

    ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

    Skont il-ġurisprudenza[1] tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kwistjoni tal-ħtif internazzjonali ta' tfal taqa' fil-kompetenza esterna esklussiva tal-Unjoni Ewropea, minħabba l-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni interna tal-Unjoni permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas-27 ta' Novembru 2003 dwar il-ġuriżdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta' sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta' responsabbilità tal-ġenituri (ir-Regolament Brussell IIa")[2], li ilu applikabbli bejn l-Istati Membri mill-1 ta' Marzu 2005. Ir-Regolament idaħħal regoli aktar stretti mill-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 dwar il-ħtif ta' tfal mill-ġenituri, b'mod partikolari fl-Artikolu 11 tiegħu. Jirreferi direttament għall-Konvenzjoni tal-Aja u jsostni l-prinċipji tiegħu fil-liġi tal-Unjoni Ewropea.

    Il-Konvenzjoni tal-1980 ġiet adottata iktar minn 20 sena qabel ir-Regolament Brussell IIa u b'hekk ma fihiex dispożizzjonijiet li jippermettu l-aċċess ta' Organizzazzjonijiet Internazzjonali bħall-Unjoni Ewropea (l-hekk imsejħa klawsola REIO). F'sitwazzjoni bħal din, l-Istati Membri jridu jirratifikaw jew jaderixxu għall-Konvenzjoni fl-interess tal-Unjoni Ewropea.

    B'hekk l-Istati Membri għandhom jiddikjaraw, fl-interess tal-Unjoni Ewropea, l-aċċettazzjoni rigward l-adeżjoni tal-Marokk għall-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980. Għall-iskop ta' koerenza u uniformità tal-liġi tal-Unjoni, din id-dikjarazzjoni ta' aċċettazzjoni għandha ssir simultanjament mill-Istati Membri f'qafas ta' żmien stabbilit mid-Deċiżjoni tal-Kunsill. Il-Kummissjoni tipproponi li d-dikjarazzjoni għandha tiġi ddepożitata mill-Istati Membri mhux iktar tard minn xahrejn wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill.

    Huwa kruċjali għall-applikazzjoni prattika tal-Konvenzjoni tal-1980 li Parti Kontraenti tinnomina Awtorità Ċentrali kif meħtieġ mill-Artikolu 6 tagħha sabiex taqdi d-dmirijiet li huma imposti mill-Konvenzjoni fuq awtoritajiet bħal dawn. L-Istati Membri kollha nnominaw Awtoritajiet Ċentrali taħt il-Konvenzjoni tal-1980. Il-Marokk ukoll innomina l-Awtorità Ċentrali li hija meħtieġa biex tgħin liċ-ċittadini Ewropej f'każijiet tat-teħid inġust ta' tfal lejn il-Marokk.

    Minħabba l-fatt li d-deċiżjoni tirrigwarda ftehim internazzjonali, il-bażi legali applikabbli hija l-Artikolu 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea flimkien mal-Artikolu 81 (3). Il-Kunsill għandu jaġixxi b'mod unanimu wara li jikkonsulta mal-Parlament Ewropew.

    IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

    Din il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni fuq il-baġit tal-Unjoni Ewropea.

    2011/0451 (NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    fuq id-dikjarazzjoni ta' aċċettazzjoni mill-Istati Membri, fl-interess tal-Unjoni Ewropea, tal-adeżjoni tal-Marokk għall-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali tat-Tfal

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 218 u 81(3) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew[3],

    Billi:

    1. L-Unjoni Ewropea stabbilixxiet bħala prijorità l-ħarsien u l-promozzjoni tad-drittijiet tat-tfal, kif mistqarr fl-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u tikkunsidra l-prevenzjoni tal-ħtif tat-tfal bħala parti essenzjali minn din il-politika.

    2. L-Unjoni Ewropea adottat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 dwar il-ġuriżdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta' sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta' responsabbilità tal-ġenituri (l-hekk imsejjaħ Regolament Brussell IIa"), li għandu l-għan li jħares it-tfal mill-effetti dannużi tat-teħid jew taż-żamma inġusta tagħhom u biex jiġu stabbiliti proċeduri biex jiżguraw ritorn rapidu tagħhom lejn l-Istat tar-residenza abbitwali tagħhom, kif ukoll biex jiżgura l-ħarsien tad-drittijiet ta' aċċess u kustodja.

    3. Ir-Regolament Brussell IIa jikkomplementa u jirrinforza d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tal-Aja tal-25 ta' Ottubru 1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Htif Internazzjoni tat-Tfal (minn hawn 'il quddiem: "il-Konvenzjoni tal-1980") li tistabbilixxi fuq livell internazzjonali, sistema ta' kooperazzjoni fost awtoritajiet ċentrali mmirata biex jiġi żgurat ritorn immedjat ta' minuri mneħħija jew miżmuma b'mod inġust. B'mod partikolari, l-Artikolu 11 tar-Regolament Brussell IIa jinkorpora r-regoli u l-prinċipji tal-Konvenzjoni tal-1980.

    4. L-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea huma Partijiet fil-Konvenzjoni tal-1980.

    5. L-Unjoni Ewropea tinkoraġġixxi lil Stati terzi biex jaċċedu għall-Konvenzjoni tal-1980 u tappoġġja l-implimentazzjoni korretta tagħha billi tieħu sehem, fost oħrajn, fil-Kummissjonijiet Speċjali organizzati fuq bażi regolari mill-Konferenza tal-Aja dwar id-Dritt Internazzjonali Privat.

    6. L-Unjoni Ewropea tisħaq li qafas legali komuni applikabbli bejn l-Istati Membri tal-UE u pajjiżi terzi jista' joffri l-aħjar soluzzjoni għal każijiet sensittivi ta' każijiet ta' ħtif internazzjonali tat-tfal, meta jfallu l-kanali diplomatiċi u l-medjazzjoni.

    7. Il-Marokk ddepożitat l-istrument tal-adeżjoni għall-Konvenzjoni tal-1980 fid-9 ta' Marzu 2010. Id-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni tal-1980 seħħ fl-1 ta' Ġunju 2010.

    8. L-Artikolu 38(4) tal-Konvenzjoni tal-1980 jistipula li l-Konvenzjoni tapplika bejn il-pajjiż aderenti u dawk l-Istati Kontraenti li jkunu ddikjaraw li aċċettaw l-adeżjoni.

    9. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri l-Opinjoni 1/03 tas-7 ta' Frar 2006 dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni l-ġdida ta' Lugano, id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tal-1980 jaffettwaw il-leġiżlazzjoni sekondarja tal-Unjoni Ewropea fuq il-ħtif internazzjonali tat-tfal u r-responsabbiltà tal-ġenituri, b'mod partikolari r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas-27 ta' Novembru dwar il-ġuriżdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta' sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta' responsabbilità tal-ġenituri. Il-kwistjonijiet ittrattati mill-Konvenzjoni tal-1980 b'hekk jaqgħu fil-kompetenza esterna esklussiva tal-Unjoni Ewropea.

    10. Skont il-Konvenzjoni tal-1980, l-Istati sovrani biss jistgħu ikunu parti fiha. B'hekk, l-Unjoni Ewropea la tista' taderixxi fiha u lanqas tiddepożita d-dikjarazzjoni tagħha ta' aċċettazzjoni tal-adeżjoni tal-Marokk.

    11. B'hekk l-Istati Membri għandhom jiddepożitaw id-dikjarazzjoni tagħhom ta' aċċettazzjoni tal-adeżjoni tal-Marokk fl-interess tal-Unjoni Ewropea.

    12. Permezz ta' dikjarazzjoni, l-Istati Membri għandhom jaċċettaw, fl-interess tal-Unjoni Ewropea, l-adeżjoni tal-Marokk sabiex il-Konvenzjoni tal-1980 tkun applikabbli bejn l-Unjoni Ewropea u l-Marokk. Ikun tajjeb li l-dispożizzjonijiet tagħha jiġu applikati mingħajr dewmien, fid-dawl tal-kontribuzzjoni prezzjuża tal-Konvenzjoni tal-1980 għall-ħarsien tal-minuri fil-livell internazzjonali.

    13. Skont l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u la hija marbuta biha u lanqas suġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea se jiddepożitaw simultanjament, u mhux iktar tard minn [ŻID ID-DATA: xahrejn mill-adozzjoni] dikjarazzjoni ta' aċċettazzjoni tal-adeżjoni tal-Marokk għall-Konvenzjoni tal-Aja tal-25 ta' Ottubru 1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali tat-Tfal fl-interess tal-Unjoni Ewropea kif ġej:

    "[L-ISTAT MEMBRU] jiddikjara li jaċċetta, fl-interess tal-Unjoni Ewropea, l-adeżjoni tal-Marokk fil-Konvenzjoni tal-Aja tal-25 ta' Ottubru 1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali tat-Tfal".

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea .

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell,

    Għall-Kunsill

    Il-President

    [1] L-Opinjoni 1/03 tas-7 ta' Frar 2006 tal-Qorti dwar il-kompetenza tal-Komunità li tikkonkludi l-Konvenzjoni l-ġdida ta' Lugano dwar il-Ġuriżdizzjoni u r-Rikonoxximent u l-Eżekuzzjoni tas-Sentenzi fi Kwistjonjiet Ċivili u Kummerċjali.

    [2] ĠU L 338, 23.12.2001.

    [3] ĠU C , , p. .

    Top