This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52011PC0380
Proposal for a COUNCIL DECISION on the conclusion of the Anti-Counterfeiting Trade Agreement between the European Union and its Member States, Australia, Canada, Japan, the Republic of Korea, the United Mexican States, the Kingdom of Morocco, New Zealand, the Republic of Singapore, the Swiss Confederation and the United States of America
Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-konklużjoni tal-Ftehim Kummerċjali dwar il-Ġlieda Kontra l-Falsifikazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, l-Awstralja, il-Kanada, il-Ġappun, ir-Repubblika tal-Korea, l-Istati Uniti tal-Messiku, ir-Renju tal-Marokk, New Zealand, ir-Repubblika ta’ Singapor, il-Konfederazzjoni Svizzera u l-Istati Uniti tal-Amerika
Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-konklużjoni tal-Ftehim Kummerċjali dwar il-Ġlieda Kontra l-Falsifikazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, l-Awstralja, il-Kanada, il-Ġappun, ir-Repubblika tal-Korea, l-Istati Uniti tal-Messiku, ir-Renju tal-Marokk, New Zealand, ir-Repubblika ta’ Singapor, il-Konfederazzjoni Svizzera u l-Istati Uniti tal-Amerika
/* KUMM/2011/0380 finali - 2011/0167 (NLE) */
Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-konklużjoni tal-Ftehim Kummerċjali dwar il-Ġlieda Kontra l-Falsifikazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, l-Awstralja, il-Kanada, il-Ġappun, ir-Repubblika tal-Korea, l-Istati Uniti tal-Messiku, ir-Renju tal-Marokk, New Zealand, ir-Repubblika ta’ Singapor, il-Konfederazzjoni Svizzera u l-Istati Uniti tal-Amerika /* KUMM/2011/0380 finali - 2011/0167 (NLE) */
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI 1. L-ACTA għandha
l-għan li tistabbilixxi qafas internazzjonali komprensiv li se jassisti
lill-UE fl-isforzi tagħha biex tiġġieled b'mod effettiv il-ksur
tad-drittijiet ta' proprjetà intelletwali (IPR). Dan il-ksur jimmina n-negozju
leġittimu l-kompetittivita tal-UE mar-riperkussjonijiet negattivi
sussegwenti dwar it-tkabbir u l-impjiegi. Dan jinkludi dispożizzjonijiet
avvanzati dwar l-infurzar tad-drittijiet fuq il-proprjetà intellettwali, li
jinkludu dispożizzjonijiet dwar miżuri ta' infurzar ċivili,
kriminali, konfinali u fl-ambjent diġitali, mekkaniżmi robusti ta'
kooperazzjoni fost il-Partijiet tal-ACTA li jassistuhom fl-isforzi tagħhom
ta’ infurzar, u t-twaqqif tal-aħjar prassi għal infurzar effettiv
tal-IPR. 2. Minkejja li l-ACTA ma
jimmodifikax l-acquis tal-UE, peress li l-liġi tal-UE diġà
hija ferm aktar avvanzata mill-istandards internazzjonali attwali, dan se
jdaħħal standard internazzjonali ġdid, li jkompli jsawwar
il-Ftehim TRIPS (adottat fl-1994) tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ.
Għaldaqstant, dan se jipprovdi benefiċċju għall-esportaturi
detenturi tad-drittijiet tal-esportazzjoni tal-UE li joperaw fis-suq dinji u li
bħalissa qed isofru ksur sistematiku estensiv tad-drittijiet tal-awtur,
il-marki kummerċjali, il-privattivi id-disinji u l-indikazzjonijiet
ġeografiċi posseduti minnhom fis-suq globali. 3. Fl-istess waqt, l-ACTA huwa
ftehim ibbilanċjat, peress li dan jirrispetta bis-sħiħ id-drittijiet
taċ-ċittadini u l-interessi ta' partijiet interessati importanti
bħall-konsumaturi, il-fornituri tal-internet u l-imsieħba
fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw. 4. Wara l-adozzjoni
tad-direttivi tan-negozjar mill-Kunsill fl-14 ta' April 2008,
in-negozjati tnedew fit-3 ta' Ġunju 2008. Il-ftehim
ġie konkluż fil-15 ta’ Novembru 2010 u t-test ġie
inizjalat fil-25 ta’ Novembru, wara 11-il stadju ta' negozjati. 5. L-Istati Membri tal-UE
ġew mgħarrfa verbalment u bil-miktub dwar il-proċess
tan-negozjati permezz tal-Kumitat għall-Politika Kummerċjali
tal-Kunsill. Il-Presidenza li ddur tal-UE mexxiet in-negozjati dwar materji ta'
infurzar penali, imsejsa fuq pożizzjonijiet maqbula u adottati unanimament
mill-Kunsill fil-COREPER. Il-Parlament Ewropew kien informat regolarment ukoll
dwar l-iżviluppi permezz tal-Kumitat tiegħu dwar il-Kummerċ
Internazzjonali (INTA) u mill-Kummissarju De Gucht fi tliet dibattiti plenarji
fl-2010. Fl-24 ta' Novembru 2010, il-Parlament Ewropew adotta
Riżoluzzjoni li ssostni l-ACTA. 6. L-ACTA tinkludi numru ta'
dispożizzjonijiet dwar infurzar kriminimali li jaqa' fl-ambitu
tal-Artiklu 83(2) TFUE. Dawk il-partijiet tal-ftehim, differenti minn dawk
il-partijiet li jaqgħu taħt l-Artikolu 207, jagħmlu parti
mill-qasam ta' kompetenzi komuni (l-Artikolu 2(2) TFUE). Meta kwistjoni taqa'
taħt ħiliet komuni, l-Unjoni Ewropea jew l-Istati Membru jistgħu
jilleġiżlaw u jadottaw atti li jorbtu legalment. Fir-rigward il-firma
u l-konklużjoni tal-ACTA, il-Kummissjoni għażlet li ma
tipproponix li l-Unjoni Ewropea teżerċita l-ħila potenzjali
tagħha fil-qasam tal-infurzar kriminali skont l-Artikolu 83(2) TFUE.
Il-Kummissjoni tikkunsidra dan bħala xieraq għaliex qatt ma kienet
l-intenzjoni, fir-rigward tan-negozjati tal-ACTA biex timmodifika l-acquis
tal-UE jew biex tarmonizza l-leġiżlazzjoni tal-UE fir-rigward
tal-infurzar kriminali tad-drittijiet ta' proprjetà intelletwali. Għal din
ir-raġuni, il-Kummissjoni tipproponi li l-ACTA jiġi ffirmat u
konkluż kemm mill-UE kif ukoll mill-Istati Membri kollha. 7. Il-pożizzjoni
tal-Kummissjoni fir-rigward tal-ACTA u l-Artikolu 83(2) TFUE huwa
mingħajr preġudizzju għall-pożizzjoni tal-Kummissjoni dwar
eżerċizzju futur mill-UE tal-ħiliet komuni previsti
mill-Artikolu 83(2) TFUE fir-rigward ta' inizjattivi oħra. 2011/0167 (NLE) Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-konklużjoni tal-Ftehim
Kummerċjali dwar il-Ġlieda Kontra l-Falsifikazzjoni bejn l-Unjoni
Ewropea bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, l-Awstralja,
il-Kanada, il-Ġappun, ir-Repubblika tal-Korea, l-Istati Uniti tal-Messiku,
ir-Renju tal-Marokk, New Zealand, ir-Repubblika ta’ Singapor,
il-Konfederazzjoni Svizzera u l-Istati Uniti tal-Amerika IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat dwar
il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu
tal-Artikolu 207(4) tiegħu, flimkien mal-Artikolu 218(6)(a)(v), Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni
Ewropea, Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament
Ewropew[1] Billi: (1)
Fl-14 ta' April 2008 l-Kunsill
awtorizza lill-Kummissjoni biex tinnegozja ftehim plurilaterali
kummerċjali kontra l-iffalsifikar, f'isem l-Unjoni Ewropea u Istati Membri
tagħha. (2)
Dawk in-negozjati ġew konklużi u
fil-25 ta’ Novembru 2010 ġie inizjalat il-Ftehim
Kummerċjali dwar il-Ġlieda Kontra l-Falsifikazzjoni bejn l-Unjoni
Ewropea bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, l-Awstralja,
il-Kanada, il-Ġappun, ir-Repubblika tal-Korea, l-Istati Uniti tal-Messiku,
ir-Renju tal-Marokk, New Zealand, ir-Repubblika ta’ Singapor,
il-Konfederazzjoni Svizzera u l-Istati Uniti tal-Amerika. (3)
F'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill
Nru .../2010/UE tal-...[2]
il-Ftehim ġie ffirmat f'isem l-Unjoni nhar il-… (4)
Il-Ftehim għandu jkun approvat, ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI: Artikolu 1 Il-Ftehim Kummerċjali dwar il-Ġlieda
Kontra l-Falsifikazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha,
l-Awstralja, il-Kanada, il-Ġappun, ir-Repubblika tal-Korea, l-Istati Uniti
tal-Messiku, ir-Renju tal-Marokk, New Zealand, ir-Repubblika ta’ Singapor,
il-Konfederazzjoni Svizzera u l-Istati Uniti tal-Amerika[3] huwa b'dan approvat f'isem l-Unjoni. It-test tal-Ftehim li għandu jiġi
konkluż huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni. Artikolu 2 Il-President tal-Kunsill għandu jinnomina
l-persuna li għandha s-setgħa tipproċedi, f’isem l-Unjoni
Ewropea, bid-depożitu tal-istrument ta’ approvazzjoni pprovdut f’dan
il-Ftehim, sabiex jesprimi l-kunsens tal-Unjoni Ewropea li tintrabat
bil-Ftehim. Artikolu 3 Din id-Deċiżjoni għandha
tidħol fis-seħħ dakinhar li tiġi adottata. Għandha
tkun ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Id-data tad-dħul fis-seħħ
tal-Ftehim għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal
Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Magħmul fi Brussell, Għall-Kunsill Il-President ANNESS Il-Ftehim
Kummerċjali dwar il-Ġlieda Kontra l-Falsifikazzjoni bejn l-Unjoni
Ewropea u l-Istati Membri tagħha, l-Awstralja, il-Kanada, il-Ġappun,
ir-Repubblika tal-Korea, l-Istati Uniti tal-Messiku, ir-Renju tal-Marokk, New
Zealand, ir-Repubblika ta’ Singapor, il-Konfederazzjoni Svizzera u l-Istati
Uniti tal-Amerika Il-Partijiet
f’dan il-Ftehim, Filwaqt li jinnutaw li l-infurzar effettiv
tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali huwa kruċjali għas-sostenn
tat-tkabbir ekonomiku fl-industriji kollha u fil-livell globali; Filwaqt li jkomplu jinnutaw li
l-proliferazzjoni tal-oġġetti foloz u piratati, kif ukoll
tas-servizzi li jqassmu materjal bi ksur tal-liġi, timmina l-kummerċ
leġittimu u l-iżvilupp sostenibbli tal-ekonomija dinjija,
tikkawża telf finanzjarju sinifikanti għad-detenturi tad-drittijiet u
n-negozji leġittimi, u, f'xi każijiet, tipprovdi sors ta' dħul
għall-kriminalità organizzata u b’modi oħra twassal għal riskji
lill-pubbliku; Filwaqt li jixtiequ jiġġieldu dan
it-tip ta' proliferazzjoni permezz tal-kooperazzjoni internazzjonali mtejba u
infurzar internazzjonali aktar effettiv; Filwaqt li għandhom il-ħsieb li
jipprovdu mezzi effettivi u xierqa, li jikkumplimentaw il-Ftehim TRIPS,
għall-infurzar tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali, filwaqt li
jikkunsidraw id-differenzi fis-sistemi u l-prassi legali rispettivi
tagħhom; Filwaqt li jixtiequ jiżguraw li l-miżuri u l-proċeduri li jinfurzaw
id-drittijiet ta' proprjetà intellettwali ma jissawruwx minnhom infushom
f’ostakli għall-kummerċ leġittimu; Filwaqt li jixtiequ jittrattaw il-problema tal-ksur tad-drittijiet ta' proprjetà
intellettwali, inkluż il-ksur li jseħħ fl-ambjent diġitali,
b’mod partikolari fir-rigward tad-dritt tal-awtur jew drittijiet relatati,
b’mod li jibbilanċja d-drittijiet u l-interessi tad-detenturi relevanti
tad-drittijiet, il-fornituri tas-servizzi u l-utenti; Filwaqt li jixtiequ jħeġġu l-kooperazzjoni bejn il-fornituri tas-servizzi u
d-detenturi tad-drittijiet biex jindirizzaw il-ksur rilevanti fl-ambjent
diġitali; Filwaqt li jixtiequ li dan il-Ftehim jopera b’mod li jkun ta’ sostenn reċiproku
għall-ħidma u l-kooperazzjoni internazzjonali fl-infurzar fl-organizzazzjonijiet
internazzjonali rilevanti; Filwaqt li jirrikonoxxu l-prinċipji stabbiliti fid-Doha Declaration on the TRIPS
Agreement and Public Health, adottat fl-14 ta’ Novembru 2001,
fir-Raba’ Konferenza Ministerjali tad-WTO; B’dan
jaqblu kif ġej:
Kapitolu I: Dispożizzjonijiet
Inizjali u Definizzjonijiet Ġenerali Taqsima 1: Dispożizzjonijiet Inizjali Artikolu 1: Relazzjoni ma’ Ftehimiet
Oħrajn Xejn f’dan il-Ftehim ma għandu jidderoga
minn xi obbligi ta' Parti fir-rigward ta' kwalunkwe Parti oħra skont ftehimiet
eżistenti, inkluż il-Ftehim TRIPS. Artikolu 2: In-Natura u l-Ambitu
tal-Obbligi 1. Kull Parti għandha
ddaħħal fis-seħħ id-dispożizzjonijiet ta' dan
il-Ftehim. Parti tista’ timplimenta fil-liġi tagħha infurzar aktar
estensiv tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali minn dak mitlub permezz ta'
dan il-Ftehim, sakemm dan l-infurzar ma jikkontravenix
id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim. Kull Parti għandha tkun
ħielsa li tiddetermina l-metodu xieraq għat-twettiq tad-dispożizzjonijiet
ta' dan il-Ftehim fis-sistema u l-prattika legali tagħha. 2. Xejn f'dan il-Ftehim ma
joħloq xi obbligu dwar id-distribuzzjoni tar-riżorsi bejn l-infurzar
ta' drittijiet ta' proprjetà intellettwali u l-infurzar tal-liġi b'mod
ġenerali. 3. L-għanijiet u
l-prinċipji stipulati fil-Parti I tal-Ftehim TRIPS, b’mod partikolari
l-Artikoli 7 u 8, għandhom japplikaw, mutatis mutandis,
għal dan il-Ftehim. Artikolu 3: Relazzjoni ma’ Standards
li jikkonċernaw id-Disponibbiltà u l-Ambitu tad-Drittijiet ta' Proprjetà
Intellettwali 1. Dan il-Ftehim għandu
jkun bla ħsara għad-dispożizzjonijiet fil-liġi tal-Parti li
tirregola d-disponibbiltà, l-akkwist, l-ambitu, u l-manutenzjoni tad-drittijiet
ta' proprjetà intellettwali. 2. Dan il-Ftehim ma joħloq
l-ebda obbligu fuq xi Parti li tapplika miżuri fejn dritt fuq proprjetà
intellettwali mhux imħares mil-liġijiet u r-regolamenti tagħha. Artikolu 4: Il-Privatezza u
l-Iżvelar ta’ Informazzjoni 1. Xejn f’dan il-Ftehim ma
jirrikjedi li xi Parti tiżvela: a) informazzjoni, li l-iżvelar
tagħha jmur kontra l-liġi tagħha, inklużi liġijiet li
jħarsu d-drittijiet għall-privatezza, jew ftehimiet internazzjonali
li hija parti tagħhom; b) informazzjoni kunfidenzjali, li
l-iżvelar tagħha jkun ta’ impediment għall-infurzar
tal-liġi jew inkella jkun kuntrarju għall-interess pubbliku; or c) informazzjoni kunfidenzjali, li
l-iżvelar tagħha jkun ta’ ħsara għall-interessi
kummerċjali leġittimi ta' xi intrapriżi partikolari, sew jekk
pubbliċi jew inkella privati. 2. Meta xi Parti tipprovdi
informazzjoni bil-miktub skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim,
il-Parti li tirċievi l-informazzjoni għandha, bla ħsara
għal-liġi u l-prattika tagħha, iżżomm lura milli
tiżvela jew tuża l-informazzjoni għal xi għan għajr
dak li għalih tkun ġiet ipprovduta l-informazzjoni, ħlief
b'kunsens minn qabel tal-Parti li tipprovdi l-informazzjoni. Taqsima 2: Definizzjonijiet Ġenerali Artikolu 5: Definizzjonijiet
Ġenerali Għall-finijiet ta' dan il-Ftehim, kemm-il
darba ma jkunx speċifikat mod ieħor: a) ACTA tfisser il-Ftehim
Kummerċjali dwar il-Ġlieda Kontra l-Falsifikazzjoni; b) Kumitat tfisser il-Kumitat
tal-ACTA stabbilit skont il-Kapitolu V (Arranġamenti Istituzzjonali); c) awtoritajiet kompetenti jinkudu
l-awtoritajiet ġudizzjarji, amministrattivi jew tal-infurzar tal-liġi
xierqa skont il-liġi tal-Parti; d) oġġetti b'marka
kummerċjali iffalsifikati tfisser kull xorta ta' oġġetti,
inkluż it-tgeżwir, li bla awtorizzazzjoni juru marka kummerċjali
identika għal marka kummerċjali rreġistrata b’mod validu
fir-rigward tat-tali oġġetti, jew marka li ma tistax tingħaraf
fl-aspetti essenzjali tagħha minn dik valida, u li għalhekk tikser
id-dritt ta' sid il-marka kummerċjali inkwistjoni skont il-liġi
tal-pajjiż li fih huma invokati l-proċeduri stiputali fil-Kapitolu II
(Qafas Legali għall-Infurzar tad-Drittijiet fuq il-Proprjetà
Intellettwali); e) pajjiż għandu jinftiehem
li għandu l-istess tifsira ta' dak stipulat fin-Noti ta' Spjegazzjoni
mal-Ftehim tad-WTO; f) tranżitu doganali tfisser
il-proċedura doganali li taħtha l-oġġetti jinġarru
taħt kontroll doganali minn uffiċċju doganali għal
ieħor; g) jiem tfisser jiem kalendarji; h) proprjetà intellettwali tirreferi
għall-kategoriji kollha tal-proprjetà intellettwali li huma
soġġetti għat-Taqsimiet minn 1 sa 7 tal-Parti II
tal-Ftehim TRIPS; i) oġġetti fi tranżitu
tfisser oġġetti suġġetti għal tranżitu
doganali jew trasbord; j) persuna tfisser jew persuna
naturali jew persuna ġuridika; k) oġġetti bi dritt
tal-awtur pirattati tfisser kwalunkwe oġġetti li huma kopji
magħmula mingħajr il-kunsens tad-detentur tad-dritt jew persuna
awtorizzata b'mod xieraq mid-detentur tad-dritt fil-pajjiż tal-produzzjoni
u li huma magħmula direttament jew indirettament minn xi artikolu fejn
biex tkun saret dik il-kopja jkun jikkostitwixxi ksur tad-dritt tal-awtur jew
xi dritt relatat skont il-liġi tal-pajjiż fejn hi invokata
l-proċedura stipulata fil-Kapitolu II (Qafas Legali
għall-Infurzar tad-Ddrittijiet fuq il-Proprjetà Intellettwali); l) detentur ta’ dritt jinkludi
federazzjoni jew assoċjazzjoni li jkollha piż ġuridiku li
tasserixxi d-drittijiet fil-proprjetà intellettwali; m) territorju, għall-finijiet
tat-Taqsima 3 (Miżuri Konfinali) tal-Kapitolu II (Qafas Legali
għall-Infurzar tad-Drittijiet fuq il-Proprjetà Intellettwali), ifisser
it-territorju doganali u ż-żoni ħielsa kollha[4] ta’ xi Parti; n) trasbord tfisser proċedura
doganali li skontha oġġetti huma trasferiti taħt kontroll
doganali mill-mezz tat-trasport tal-importazzjoni għall-mezz tat-trasport
tal-esportazzjoni fiż-żona ta' uffiċċju doganali li huwa l-uffiċċju
li jikkontrolla kemm l-importazzjoni kif ukoll l-esportazzjoni; o) Il-Ftehim TRIPS ifisser il- Ftehim dwar l-aspetti tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali
relatati mal-kummerċ, li jinsab fl-Anness 1C mal-Ftehim tad-WTO;
p) WTO tfisser l-Organizzazzjoni
Dinjija tal-Kummerċ; kif ukoll q) Il-Ftehim tad-WTO tfisser
il-Ftehim ta’ Marrakesh li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija
tal-Kummerċ, magħmul fil-15 ta’ April 1994. Kapitolu II: Il-Qafas Legali
Għall-Infurzar tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali Taqsima 1: Obbligi Ġenerali Artikolu 6: Obbligi Ġenerali
fir-Rigward tal-Infurzar 1. Kull Parti għandha
tiżgura li proċeduri ta' infurzar jkunu disponibbli fil-liġi
tagħha sabiex jippermettu azzjoni effettiva kontra kull att li jikser
id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali koperti minn dan il-Ftehim,
inklużi rimedji b'ħeffa sabiex ma jitħalliex isir ksur ta' dawn
id-drittijiet u rimedji li jkunu ta' deterrent għal aktar ksur fil-futur.
Dawn il-proċeduri għandhom ikunu applikati b'tali mod li jiġi evitat
il-ħolqien ta' ostakli għall-kummerċ leġittimu u sabiex
jissalvagwardjaw l-abbuż tagħhom. 2. Il-proċeduri adottati,
miżmuma, jew applikati biex jimplimentaw id-dispożizzjonijiet ta’ dan
il-Kapitolu għandhom ikunu ġusti u ekwi, u għandhom jipprevedu li
jħarsu kif jixraq id-drittijiet tal-parteċipanti kollha
suġġetti għal tali proċeduri. Dawn
il-proċeduri ma għandhomx ikunu kkumplikati żżejjed jew
iqumu żżejjed flus, jew ikollhom bżonn perjodu ta' żmien
twil jew dewmien mhux ġustifikat. 3. Fl-implimentazzjoni
tad-dispożizzjonijet ta’ dan il-Kapitolu, kull Parti għandha tqis
il-ħtieġa li jkun hemm proporzjonalità bejn is-serjetà tal-ksur,
l-interessi tal-partijiet terzi, u l-miżuri, ir-rimedji u l-penali
applikabbli. 4. L-ebda dispożizzjoni
f’dan il-Kapitolu ma għandha tinftiehem li tirrikjedi li xi Parti
tagħmel lill-uffiċjali tagħha suġġetti għal
responsabbiltà għal atti li jseħħu fit-twettiq tad-dmirijiet
uffiċjali tagħhom. Taqsima 2:
Infurzar Ċivili[5] Artikolu 7: Id-Disponibbiltà ta'
Proċeduri Ċivili 1. Kull Parti għandha
tqiegħed għad-dispożizzjoni tad-detenturi tad-drittijiet
proċeduri ġudizzjarji ċivili dwar l-infurzar ta’ kwalunkwe dritt
tal-proprjetà intelletwali speċifikat f’din it-Taqsima. 2. Sal-punt li kwalunkwe rimedju
ċivili jista' jkun ordnat bħala riżultat ta' proċeduri
amministrattivi dwar il-meriti tal-każ, kull Parti għandha tipprevedi
li t-tali proċeduri għandhom jikkonformaw ma' prinċipji
ekwivalenti fis-sustanza għal dawk imniżżla f'din it-Taqsima. Artikolu 8: L-inġunzjonijiet 1. Kull Parti għandha
tipprevedi li, fi proċedimenti ġudizzjarji ċivili li
jikkonċernaw l-infurzar tad-drittijiet TAl-proprjetà intellettwali,
l-awtoritajiet ġudizzjarji tagħha jkollhom l-awtorità li
joħorġu ordni kontra xi parti biex ma jwettqux xi ksur, u inter
alia, xi ordni lil dik il-parti, jew fejn jixraq, lil parti terza li fuqha
l-awtorità ġudizzjarja rilevanti teżerċita ġurisdizzjoni,
biex jiġi evitat li oġġetti li jinvolvu l-ksur ta’ xi dritt
tal-proprjetà intellettwali jidħlu fil-kanali kummerċjali. 2. Minkejja
d-dispożizzjonijiet l-oħra ta' din it-Taqsima, Parti tista’
trażżan ir-rimedji disponibbli kontra l-użu mill-gvernijiet, jew
minn partijiet terzi awtorizzati minn xi gvern, mingħajr l-awtorizzazzjoni
tad-detentur tad-dritt, għall-pagament ta' remunerazzjoni, sakemm il-Parti
tkun konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Parti II tal-Ftehim TRIPS li
jittratta b’mod speċifiku użu bħal dan. F'każijiet
oħra, ir-rimedji f'din it-Taqsima għandhom japplikaw jew, meta dawn
ir-rimedji mhumiex konsistenti mal-liġijiet ta' Parti, għandhom ikunu
disponibbli sentenzi dikjaratorji u kumpens adegwat. Artikolu 9: Danni 1. Kull Parti għandha
tipprevedi li, fil-proċedimenti ġuridiċi ċivili li
jikkonċernaw l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali,
l-awtoritajiet tagħha jkollhom l-awtorità li jordnaw lil min ikun
responsabbli għall-ksur li, b'għarfien jew b'raġunijiet
raġonevoli ta' għarfien, impenja ruħu f'attività ta' ksur, li
jħallas lid-detentur tad-dritt danni adegwati li jagħmlu tajjeb
għad-dannu li jkun sofra d-detentur tad-dritt minħabba l-ksur.
Fid-determinazzjoni tal-ammont ta’ danni għall-ksur tad-drittijiet
tal-proprjetà intellettwali, l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ Parti
għandhu jkollhom l-awtorità li jqisu, inter alia, kwalunkwe
miżura leġittima ta' valur sottomessa mid-detentur tad-dritt, li
tista' tinkludi profitti mitlufa, il-valur tal-oġġetti jew
is-servizzi milquta mill-ksur imkejjel skont il-prezz tas-suq, jew il-prezz
bl-imnut issuġġerit. 2. Tal-anqas f’każijiet ta’
ksur tad-dritt tal-awtur jew ta' drittijiet relatati jew iffalsifikar tal-marka
kummerċjali, kull Parti għandha tipprevedi li, fi proċedimenti
ġudizzjarji ċivili, l-awtoritajiet ġudizzjarji tagħha
jkollhom l-awtorità li jordnaw lil min ikun responsabbli għall-ksur li
jħallas lid-detentur tad-dritt il-profitti li jkun għamel li jkunu
attribwibbli għall-ksur. Parti tista’ tassumi li dawk il-profitti jkunu
l-ammont tad-danni msemmija fil-paragrafu 1. 3. Tal-anqas fir-rigward
tal-ksur tad-dritt tal-awtur jew drittijiet relatati li jipproteġu
xogħlijiet, fonogrammi, u spettakli, u fil-każijiet tal-iffalsifikar
tal-marki kummerċjali, kull Parti għandha tistabbilixxi wkoll jew
iżżomm sistema li tipprevedi almenu wieħed minn dawn li
ġejjin: a) danni stabbiliti minn qabel; or b) suppożizzjonijiet[6] għad-determinazzjoni tal-ammont ta’
danni suffiċjenti biex jikkompensa lid-detentur tad-dritt
għall-ħsara kkawżata mill-ksur; or c) tal-anqas għad-dritt tal-awtur,
danni addizzjonali. 4. Meta Parti tipprovdi
r-rimedji msemmija fis-sottoparagrafu 3(a) jew is-suppożizzjonijiet
imsemmija fis-sottoparagrafu 3(b), din għandha tiżgura li jew
l-awtoritajiet ġudizzjarji tagħha jew id-detentur tad-dritt ikollhom
id-dritt li jagħżlu t-tali rimedju jew il-preżunzjonijiet
bħala alternattiva għar-rimedji msemmija fil-paragrafi 1 u 2. 5. Kull Parti għandha
tipprevedi li l-awtoritajiet ġudizzjarji tagħha, fejn jixraq,
ikollhom l-awtorità li jordnaw, mal-konklużjoni tal-proċedimenti
ġudizzjarji ċivili li jikkonċernaw il-ksur ta' tal-anqas dritt
tal-awtur jew drittijiet relatati, jew marki kummerċjali, li l-parti
prevalenti tingħata ħlas mill-parti telliefa għall-ispejjeż
jew miżati tal-qorti u l-miżati xierqa għad-difiża legali,
jew kull spiża oħra kif tipprevedi l-liġi ta' dik il-Parti. Artikolu 10: Rimedji Oħra 1. Tal-anqas fir-rigward ta’
oġġetti bi dritt tal-awtur piratati u oġġetti b’marka
kummerċjali ffalsifikata, kull Parti għandha tistipula li, fi
proċedimenti ġudizzjarji ċivili, fuq talba mid-detentur
tad-dritt, l-awtoritajiet ġudizzjarji tagħha jkollhom l-awtorità li
jordnaw li t-tali oġġetti li jikkawżaw ksur jinqerdu, ħlief
f'ċirkostanzi eċċezzjonali, bla kumpens ta' ebda tip. 2. Kull Parti għandha
tipprevedi wkoll li l-awtoritajiet ġudizzjarji tagħha jkollhom
l-awtorità li jordnaw li materjali u għodda użati b'mod predominanti
fil-manifattura u l-ħolqien ta' oġġetti bħal dawn li
jikkawżaw ksur, jinqerdu jew jiġu eliminati lil hinn mill-kanali
kummerċjali, mingħajr kumpens ta' ebda tip u bla dewmien mhux neċessarju,
sabiex b’hekk jitnaqqsu r-riskji ta' iktar ksur. 3. Parti tista’ tipprevedi li
r-rimedji deskritti f’dan l-Artikolu jitwettqu a spejjeż ta’ min ikun
responsabbli mill-ksur. Artikolu 11: Informazzjoni Relatata
mal-Ksur Bla ħsara għal-liġi tagħha
li tirregola il-privileġġi, il-protezzjoni tal-kunfidenzjalità
tal-għejjun tal-informazzjoni, jew l-ipproċessar tad-dejta personali,
kull Parti għandha tipprevedi li, fi proċedimenti ġudizzjarji
ċivili li jikkonċernaw l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali,
l-awtoritajiet ġudizzjarji tagħha jkollhom l-awtorità, fuq talba
ġustifikata tad-detentur tad-dritt, li jordnaw lil min ikun responsabbli
mill-ksur jew, bħala alternattiva, dak li allegament huwa responsabbli
mill-ksur, sabiex jipprovdi lid-detentur tad-dritt jew lill-awtoritajiet
ġudizzjarji, tal-anqas għall-finijiet tal-kumpilazzjoni tal-evidenza,
informazzjoni rilevanti kif prevista fil-liġijiet u r-regolamenti
applikabbli tagħha li dak responsabbli mill-ksur jew allegatament
responsabbli mill-ksur ikollu fil-pussess jew il-kontroll tiegħu.
Informazzjoni bħal din tista’ tinkludi informazzjoni dwar kwalunkwe
persuna involuta fi kwalunkwe aspett tal-ksur jew ksur allegat u dwar il-mezz
tal-produzzjoni jew il-kanali tad-distribuzzjoni tal-oġġetti jew
is-servizzi tal-ksur jew li allegatament jirriżultaw fi ksur, inkluża
l-identifikazzjoni tal-persuni terzi li allegatament ikunu involuti
fil-produzzjoni u d-distribuzzjoni tat-tali oġġetti jew servizzi u
tal-kanali tad-distribuzzjoni tagħhom. Artikolu 12: Miżuri
Proviżorji 1. Kull Parti għandha
tipprevedi li l-awtoritajiet ġudizzjarji tagħha jkollhom l-awtorità
li jordnaw miżuri proviżorji effettivi u fil-pront: a) kontra parti jew, fejn jixraq, parti
terza li fuqha l-awtorità ġudizzjarja rilevanti teżerċita
ġurisdizzjoni, biex jiġi evitat li jseħħ ksur ta' kwalunkwe
dritt tal-proprjetà intellettwali, u b'mod partikolari, biex jiġi evitat
li l-oġġetti li jinvolvu ksur ta' dritt tal-proprjetà intellettwali
jidħlu fil-kanali kummerċjali; b) sabiex jippriżervaw xhieda relevanti
dwar l-allegat ksur. 2. Kull Parti għandha
tipprevedi li l-awtoritajiet ġudizzjarji tagħha jkollhom l-awtorità
li jadottaw miżuri proviżorji inaudita altera parte fejn
jixraq, partikolarment fejn kwalunkwe dewmien x'aktarx jikkawża danni
irreparabbli lid-detentur tad-drittijiet, jew fejn hemm riskju li jista' jidher
ta' xhieda li tkun qiegħda tinqered. Fil-proċedimenti mwettqa inaudita
altera parte, kull Parti għandha tipprevedi li l-awtoritajiet
ġudizzjarji tagħha jkollhom l-awtorità li jaġixxu bil-ħeffa
fir-rigward ta' talbiet għal miżuri proviżorji u li jieħdu
deċiżjoni bla dewmien żejjed. 3. Tal-anqas f’każijiet ta’
ksur tad-dritt tal-awtur jew drittijiet relatati u ffalsifikar tal-marki
kummerċjali, kull Parti għandha tipprevedi li, fi proċedimenti
ġudizzjarji ċivili, l-awtoritajiet ġudizzjarji tagħha
jkollhom l-awtorità li jordnaw is-sekwestru jew it-teħid b'xi mod
ieħor f'kustodja tal-oġġetti suspettati, u ta' materjali u
għodod relevanti mal-att tal-ksur, u, tal-anqas fl-iffalsifikar tal-marki
kummerċjali, ix-xhieda dokumentarja, sew jekk f'għamla oriġinali
jew f'kopji, rilevanti mal-ksur. 4. Kull Parti għandha
tipprevedi li l-awtoritajiet ġudizzjarji tagħha jkollhom l-awtorità
li jitolbu lill-applikant, fir-rigward ta’ miżuri proviżorji, biex
jipprovdi kull xhieda raġonevoli disponibbli bil-ħsieb li
tissodisfahom b'ċertezza biżżejjed li d-dritt tal-applikant qed
jinkiser jew li ksur bħal dan huwa imminenti, u sabiex jordnaw
lill-applikant jipprovdi garanzija jew assigurazzjoni ekwivalenti
biżżejjed sabiex jipproteġi l-konvenut u sabiex jipprevjeni
abbuż. It-tali garanzija jew assigurazzjoni ekwivalenti ma għandhomx
jiskoraġġixxu b'mod mhux raġonevoli rikors għat-tali
proċeduri proviżorji. 5. Meta l-miżuri
proviżorji jiġu revokati jew meta jaqgħu minħabba kwalunkwe
att jew ommissjoni mill-applikant, jew meta sussegwentement jinstab li ma kien
hemm l-ebda ksur ta' xi dritt tal-proprjetà intelletwali, l-awtoritajiet
ġudizzjarji għandu jkollhom l-awtorità li jordnaw lill-applikant, fuq
it-talba tal-konvenut, sabiex jipprovdi kumpens xieraq lill-konvenut għal
kull ħsara mwettqa b'dawn il-miżuri. Taqsima 3: Miżuri tal-konfini[7], [8] Artikolu 13: L-Ambitu tal-Miżuri
tal-Konfini[9] Fejn tistipula, kif jixraq, u b'mod
konsistenti mas-sistema domestika tagħha tal-protezzjoni tad-drittijiet
tal-proprjetà intellettwali u bla ħsara għar-rekwiżiti
tal-Ftehim TRIPS, l-infurzar effettiv fuq il-fruntieri tad-drittijiet
tal-proprjetà intellettwali, Parti għandha tagħmel dan b'mod li ma
jiddiskriminax bla ġustifikazzjoni bejn id-drittijiet tal-proprjetà
intellettwali u li jevita l-ħolqien ta' ostakoli għall-kummerċ
leġittimu. Artikolu 14: Konsenji Żgħar
u Bagalji Personali 1. Kull Parti għandha
tinkludi fl-applikazzjoni ta’ din it-Taqsima l-oġġetti ta' natura
kummerċjali mibgħuta f'konsenji żgħar. 2. Parti tista' teskludi
mill-applikazzjoni ta’ din it-Taqsima kwantitajiet żgħar ta’
oġġetti ta’ natura mhux kummerċjali li jinġarru fil-bagalji
personali tal-vjaġġaturi. Artikolu 15: Għoti ta’
Informazzjoni mid-Detentur tad-Dritt Kull Parti għandha tippermetti
lill-awtoritajiet kompetenti tagħha li jitolbu lil detentur tad-dritt li
jgħaddilhom l-informazzjoni rilevanti li tassisti lill-awtoritajiet
kompetenti biex jieħdu l-miżuri konfinali msemmija f’din it-Taqsima.
Parti tista’ tippermetti wkoll li detentur tad-dritt iforni l-informazzjoni
rilevanti lill-awtoritajiet kompetenti. Artikolu 16: Miżuri tal-konfini 1. Kull Parti għandha
tadotta jew iżżomm proċeduri fir-rigward ta' konsenji ta'
importazzjoni jew esportazzjoni li skonthom: a) l-awtoritajiet doganali tagħha
jistgħu jaġixxu fuq inizjattiva tagħhom infushom biex
jissospendu r-rilaxx ta' oġġetti suspettati; kif ukoll b) fejn jixraq, detentur tad-dritt jista'
jitlob lill-awtoritajiet kompetenti jissospendu r-rilaxx ta' oġġetti
suspettati. 2. Parti tista’ tadotta jew
iżżomm proċeduri fir-rigward ta' oġġetti suspettati fi
tranżitu jew f'xi sitwazzjonijiet oħra fejn l-oġġetti jkunu
taħt kontroll doganali li skonthom: a) l-awtoritajiet doganali tagħha
jistgħu jaġixxu fuq inizjattiva tagħhom infushom biex
jissospendu r-rilaxx tal-oġġetti suspettati jew iżommuhom; kif
ukoll b) fejn jixraq, detentur tad-dritt jista'
jitlob lill-awtoritajiet kompetenti jissospendu r-rilaxx ta' oġġetti
suspettati, jew iżommuhom. Artikolu 17: Applikazzjoni
mid-Detentur tad-Dritt 1. Kull Parti għandha
tipprevedi li l-awtoritajiet kompetenti tagħha jirrikjedu detentur
tad-dritt li jitlob il-proċeduri mfissra fis-sottoparagrafi 1(b) u
2(b) tal-Artikolu 16 (Miżuri tal-Konfini) li jipprovdi xhieda
adegwata li tissodisfa lill-awtoritajiet kompetenti li, skont il-liġi
tal-Parti li tkun qed tipprevedi l-proċeduri, hemm ksur prima facie
tad-dritt tal-proprjetà intellettwali tad-detentur tad-dritt, u li jforni
informazzjoni suffiċjenti li tista' tkun mistennija b'mod raġonevoli
li jkollu għarfien tagħha d-detentur tad-dritt ħalli
l-oġġetti suspettati jingħarfu b'mod pjuttost faċli
mill-awtoritajiet kompetenti. Ir-rekwiżit dwar il-forniment ta’
informazzjoni suffiċjenti ma għandux b'mod mhux raġonevoli
jiskoraġġixxi r-rikors għall-proċeduri deskritti
fis-sottoparagrafi 1(b) u 2(b) tal-Artikolu 16 (Miżuri
tal-Konfini). 2. Kull Parti għandha
tipprevedi applikazzjonijiet għas-sospensjoni tar-rilaxx ta' kwalunkwe
oġġett suspettat[10] li
jkun taħt kontroll doganali fit-territorju tagħha, jew
għall-qbid tiegħu. Parti tista' tipprevedi li t-tali
applikazzjonijiet japplikaw għal konsenji multipli. Parti tista’
tipprevedi li, fuq talba tad-detentur tad-dritt, l-applikazzjoni
għas-sospensjoni tar-rilaxx ta’ oġġetti suspettati, jew
iż-żamma tagħhom, jista' japplika għal punti ta' dħul
u ħruġ magħżula taħt kontroll doganali. 3. Kull Parti għandha
tiżgura li l-awtoritajiet kompetenti tagħha jinfurmaw lill-applikant
f'perjodu ta’ żmien raġonevoli dwar jekk ikunux aċċettaw
l-applikazzjoni jew le. Meta l-awtoritajiet kompetenti tagħha jkunu
aċċettaw l-applikazzjoni, dawn għandhom jinfurmaw ukoll
lill-applikant dwar il-perjodu tal-validità tal-applikazzjoni. 4. Parti tista’ tipprevedi li,
meta applikant ikun abbuża mill-proċeduri mfissra fis-sottoparagrafi 1(b)
u 2(b) tal-Artikolu 16 (Miżuri tal-Konfini), jew meta jkun hemm
kawża ġusta, l-awtoritajiet kompetenti tagħha jkollhom
is-setgħa li jiċħdu, jissospendu, jew jannullaw l-applikazzjoni. Artikolu 18: Garanzija jew
Assigurazzjoni Ekwivalenti Kull Parti għandha tipprevedi li
l-awtoritajiet kompetenti tagħha jkollhom is-setgħa li jirrikjedu
detentur tad-dritt li jitlob li jsiru l-proċeduri deskritti
fis-sottoparagrafi 1(b) u 2(b) tal-Artikolu 16 (Miżuri
tal-Konfini) li jipprovdi garanzija raġonevoli jew assigurazzjoni
ekwivalenti li tkun biżżejjed biex tħares lill-konvenut u
lill-awtoritajiet kompetenti u biex jiġi evitat l-abbuż. Kull Parti
għandha tipprevedi li t-tali garanzija jew assigurazzjoni ekwivalenti ma
għandhomx mingħajr raġuni jiskoraġġixxu rikors
għal dawn il-proċeduri. Parti tista' tistipula li t-tali garanzija
tista’ tieħu l-għamla ta' bond ikkundizzjunat li jiggarantixxi li
l-konvenut ma jsirulux danni minn kwalunkwe telf jew ħsara li
jirriżultaw minn kwalunkwe sospensjoni tar-rilaxx tal-oġġetti
jew iż-żamma tagħhom, f’każ li l-awtoritajiet kompetenti
jiddeterminaw li l-oġġetti mhumiex kawża ta' ksur. Parti tista',
f’każijiet eċċezzjonali biss jew skont ta’ ordni
ġudizzjarja, tippermetti li l-konvenut jikseb il-pussess ta’
oġġetti suspettati billi dan jirreġistra bond jew xi garanzija
oħra. Artikolu 19: Id-Determinazzjoni
tal-Ksur Kull Parti għandha tadotta jew
iżżomm proċeduri li bihom l-awtoritajiet kompetenti tagħha
jkunu jistgħu jiddeterminaw f'perjodu ta' żmien raġjonevoli
mindu jibdew il-proċeduri mfissra fl-Artikolu 16 (Miżuri
Konfinali), jekk l-oġġetti suspettati jiksrux xi dritt fuq
il-proprjetà intellettwali jew le. Artikolu 20: Rimedji 1. Kull Parti għandha
tipprevedi li l-awtoritajiet kompetenti tagħha jkollhom l-awtorità li
jordnaw li jinqerdu l-oġġetti wara d-determinazzjoni msemmija
fl-Artikolu 19 (Id-Determinazzjoni tal-Ksur) li l-oġġetti huma
kawża ta' ksur. F’każijiet fejn it-tali oġġetti ma
jinqerdux, kull Parti għandha tiżgura li, għajr
f’ċirkustanzi eċċezzjonali, dawn l-oġġetti jintremew
lil hinn mill-kanali tal-kummerċ b'mod li jiġi evitat kull dannu
għad-detentur tad-dritt. 2. Dwar oġġetti
b’marka kummerċjali ffalsifikata, is-sempliċi tneħħija
tal-marka kummerċjali mwaħħla kontra l-liġi ma
għandhiex tkun biżżejjed, għajr f'każijiet
eċċezzjonali, sabiex jiġi permess ir-rilaxx
tal-oġġetti fil-kanali ta' kummerċ. 3. Kull Parti għandha
tipprevedi li l-awtoritajiet kompetenti tagħha jkollhom l-awtorità li
jimponu penali amministrattivi wara d-determinazzjoni msemmija fl-Artikolu 19
(Id-Determinazzjoni tal-Ksur) li l-oġġetti huma kawża ta' ksur.
Artikolu 21: Miżati Kull Parti għandha tipprevedi li kwalunwe
miżata ta’ applikazzjoni, ħażna jew qerda li trid tiġi
vvalutata mill-awtoritajiet kompetenti tagħha b'rabta mal-proċeduri deskritti
f’din it-Taqsima, ma għandhiex tintuża biex bla raġuni oħra
tnaffar ir-rikors għal dawn il-proċeduri. Artikolu 22: Żvelar ta’
Informazzjoni Bla ħsara għal-liġijiet ta'
Parti pertinenti għall-privatezza jew il-kunfidenzjalità
tal-informazzjoni : a) Parti tista’ tawtorizza lill-awtoritajiet
kompetenti tagħha biex jipprovdu lil detentur ta’ dritt b’informazzjoni
dwar kunsinji speċifiċi ta' oġġetti, li jinkludu
d-deskrizzjoni u l-kwantità tal-oġġetti, għall-għajnuna
fid-ditezzjoni tal-oġġetti li huma kawża ta' ksur; b) Parti tista' tawtorizza lill-awtoritajiet
kompetenti tagħha sabiex jipprovdu lil detentur tad-dritt b'informazzjoni
dwar oġġetti, li tkun tinkludi, imma mhux limitata għal,
deskrizzjoni u kwantità tal-oġġetti, l-isem u l-indirizz tal-kunsinnatur,
l-importatur, l-esportatur, jew id-destinatarju tal-kunsinja, u, jekk ikunu
magħrufa, il-pajjiż tal-oriġini tal-oġġetti, u l-isem
u l-indirizz tal-manifattur tal-oġġetti, biex jassistu
fid-determinazzjoni msemmija fl-Artikolu 19 (Id-Determinazzjoni ta’ Ksur);
c) sakemm parti ma tkunx tat
lill-awtoritajiet kompetenti tagħha s-setgħa mfissra
fis-sottoparagrafu (b), talanqas fil-każijiet ta' oġġetti
importati, meta l-awtoritajiet kompetenti tagħha jissekwestraw
oġġetti suspettużi jew, minflok, jagħmlu determinazzjoni
kif hemm imsemmi fl-Artikolu 19 (id-Determinazzjoni ta’ Ksur) li
l-oġġetti huma kawża ta’ ksur, il-Parti għandha tawtorizza
lill-awtoritajiet kompetenti tagħha biex jipprovdu lid-detentur tad-dritt,
fi żmien tletin jum[11]
mis-sekwestru jew id-determinazzjoni, informazzjoni dwar it-tali
oġġetti, inkluż, imma mhux limitat għalihom,
id-deskrizzjoni u l-kwantità tal-oġġetti, l-isem u l-indirizz
tal-kusinnatur, l-importatur, l-esportatur, jew id-destinatarju, u, jekk ikunu
magħrufa, il-pajjiż tal-oriġini tal-oġġetti, u l-isem
u l-indirizz tal-manifattur tal-oġġetti. Taqsima 4:
Infurzar Kriminali Artikolu 23: Reati Kriminali 1. Kull
Parti għandha tipprevedi proċeduri kriminali u penali sabiex ikunu
applikati talanqas fil-każijiet ta' falsifikazzjoni apposta ta' marki
kummerċjali jew piraterija tad-dritt tal-awtur jew tad-drittijiet relatati
fuq skala kummerċjali[12].
Għall-finijiet ta’ din it-Taqsima, atti mwettqa fuq skala kummerċjali
jinkludu talanqas dawk imwettqa bħala attivitajiet kummerċjali
għal vantaġġ ekonomiku jew kummerċjali dirett jew indirett. 2. Kull Parti għandha
tipprevedi proċeduri kriminali u penali li jiġu applikati
f'każijiet ta' importazzjoni apposta[13]
u użu domestiku, tul il-proċess tal-kummerċ u fuq skala
kummerċjali, ta’ tikketti jew ippakkjar[14]: a) li tkun ġiet applikata magħhom
marka mingħajr awtorizzazzjoni li tkun identika għal marka
kummerċjali reġistrata fit-territorju tagħha, jew li ma tkunx
tista' tiġi distinta minnha; kif ukoll b) li huma intiżi biex tul
il-proċess tal-kummerċ jintużaw fuq oġġetti jew
b'rabta ma' servizzi li huma identiċi għal oġġetti jew
servizzi li għalihom hija reġistrata t-tali marka kummerċjali. 3. Parti tista' tipprevedi
proċeduri kriminali u penali f’każijiet xierqa għal
għall-ikkupjar mhux awtorizzat ta' bċejjeċ
ċinematografiċi minn wirja f'faċilità tal-esebizzjoni tal-films
ġeneralment miftuħa għall-pubbliku. 4. Fir-rigward tar-reati
speċifikati f'dan l-Artikolu li għalihom Parti tipprevedi
proċeduri kriminali u penali, dik il-Parti għandha tiżgura li
r-responsabbiltà kriminali għall-għajnuna u l-kompliċità tkun
disponibbli skont il-liġi tagħha. 5. Kull
Parti għandha tadotta t-tali miżuri kif jaf ikun neċessarju,
b'mod konsistenti mal-prinċipji legali tagħha, biex tistabbilixxi
r-responsabbiltà, li taf tkun kriminali, ta' persuni ġuridiċi
għar-reati speċifikati f'dan l-Artikolu li għalihom il-Parti
tipprevedi proċeduri kriminali u penali. It-tali responsabbiltà
għandha tkun bla ħsara għar-responsabbiltà kriminali tal-persuni
naturali li jkunu kkommettew ir-reati kriminali. Artikolu 24: Penali Fil-każ tar-reati speċifikati
fil-paragrafi 1, 2 u 4 tal-Artikolu 23 (Reati Kriminali), kull Parti
għandha tipprovdi penali li jinkudu priġunerija kif ukoll multi
monetarji[15] li
jkunu ħorox biżżejjed biex iservu ta' deterrent għal atti
ta’ ksur fil-ġejjieni, b’mod konsistenti mal-livell ta’ penali applikat
għal reati ta’ serjetà korrespondenti. Artikolu 25: Sekwestru, Konfiska, u
Qerda 1. Fir-rigward tar-reati
speċifikati fil-paragrafi 1, 2, 3, u 4 tal-Artikolu 23 (Reati
Kriminali) li għalihom Parti tipprevedi proċeduri kriminali u penali,
dik il-Parti għandha tipprevedi li l-awtoritajiet kompetenti tagħha
jkollhom is-setgħa li jordnaw il-konfiska tal-oġġetti suspettati
b’marka kummerċjali falza jew piraterija ta’ oġġetti bi dritt
tal-awtur, kwalunkwe materjali jew għodod użati fil-kummissjoni
tar-reat allegat, ix-xhieda dokumentata relevanti għar-reat allegat, u
l-assi derivati minn, jew miksuba direttament jew indirettament permezz
tal-attività tal-ksur allegat. 2. Meta Parti tirrikjedi
l-identifikazzjoni ta' oġġetti suġġetti għas-sekwestru
bħala prerekwiżit għall-ħruġ tal-ordni msemmija
fil-paragrafu 1, dik il-Parti m'għandhiex tirrikjedi li
l-oġġetti jiġu deskritti f'aktar dettall milli hu
neċessarju biex dawn jiġu identifikati għall-fini tas-sekwestru.
3. Fir-rigward tar-reati
speċifikati fil-paragrafi 1, 2, 3, u 4 tal-Artikolu 23 (Reati
Kriminali) li għalihom Parti tipprevedi proċeduri kriminali u penali,
dik il-Parti għandha tipprevedi li l-awtoritajiet kompetenti tagħha
jkollhom l-awtorità li jordnaw il-konfiska jew il-qerda tal-oġġetti
kollha b’marki kummerċjali ffalsifikati jew ta' piraterija ta’
oġġetti bid-dritt tal-awtur. F’każijiet fejn l-oġġetti
b’marki kummerċjali ffalsifikati jew ta' piraterija ta’ oġġetti
bid-dritt tal-awtur ma jinqerdux, l-awtoritajiet kompetenti għandhom
jiżguraw li, għajr f’ċirkustanzi eċċezzjonali, dawn
l-oġġetti għandhom jintremew 'il hinn mill-kanali
tal-kummerċ b'mod li jiġi evitat kull dannu għad-detentur
tad-dritt. Kull Parti għandha tiżgura li l-konfiska jew il-qerda
tat-tali oġġetti għandha sseħħ bla kumpens ta’ ebda
tip għal min ikun responsabbli mill-ksur. 4. Fir-rigward tar-reati
speċifikati fil-paragrafi 1, 2, 3, u 4 tal-Artikolu 23 (Reati
Kriminali) li għalihom Parti tipprevedi proċeduri kriminali u penali,
dik il-Parti għandha tipprevedi li l-awtoritajiet kompetenti tagħha
jkollhom is-setgħa li jordnaw il-konfiska jew il-qerda tal-materjali u
l-għodod użati predominentement fil-ħolqien tal-oġġetti
b’marka kummerċjali falza jew piraterija ta’ oġġetti bi dritt
tal-awtur u, talanqas fil-każ ta’ reati serji, tal-assi derivati minn, jew
miksuba direttament jew indirettament permezz tal-attività ta' ksur. Kull Parti
għandha tiżgura li l-konfiska jew il-qerda tat-tali materjali,
għodod, jew assi għandha sseħħ bla kumpens ta’ ebda tip
għal min ikun responsabbli mill-ksur. 5. Fir-rigward tar-reati
speċifikati fil-paragrafi 1, 2, 3, u 4 tal-Artikolu 23 (Reati
Kriminali) li għalihom Parti tipprevedi proċeduri kriminali u penali,
dik il-Parti tista’ tipprevedi li l-awtoritajiet ġudizzjarji tagħha
jkollhom l-awtorità li jordnaw: a) is-sekwestru tal-assi li l-valur
tagħhom jikkorrispondi għal dak tal-assi derivati mill-attività ta'
ksur allegat, jew miksuba direttament jew indirettament minnha; kif ukoll b) il-konfiska
tal-assi li l-valur tagħhom jikkorrispondi għal dak tal-assi derivati
mill-attività ta' ksur, jew miksuba direttament jew indirettament minnha; Artikolu 26: Infurzar Kriminali Ex
Officio Kull Parti għandha tipprevedi li,
f’każijiet xierqa, l-awtoritajiet kompetenti tagħha jistgħu
jaġixxu fuq inizjattiva tagħhom stess biex iniedu investigazzjoni jew
azzjoni legali fir-rigward tar-reati kriminali speċifikati fil-paragrafi
1, 2, 3, u 4 tal-Artikolu 23 (Reati Kriminali) li għalihom dik il-Parti
tipprevedi proċeduri kriminali u penali. Taqsima 5: L-Infurzar tad-drittijiet fuq
il-Proprjetà Intellettwali fl-Ambjent Diġitali Artikolu 27: Infurzar fl-Ambjent
Diġitali 1. Kull Parti għandha
tiżgura li l-proċeduri ta' infurzar, sal-punt stipulat
fit-Taqsimiet 2 (Infurzar Ċivili) u 4 (Infurzar Kriminali), ikunu
disponibbli skont il-liġi tagħha biex jippermettu azzjoni effettiva
kontra att ta' ksur ta' drittijiet fuq proprjetà intellettwali li
jseħħ fl-ambjent diġitali, bl-inklużjoni ta’ rimedji
mħeffa biex jiġu evitati l-atti ta' ksur u rimedji li jikkostitwixxu
deterrent għal aktar atti ta’ ksur. 2. B'segwiment
għall-paragrafu 1, il-proċeduri ta' infurzar ta' kull Parti
għandhom japplikaw għall-ksur tad-dritt tal-awtur jew drittijiet
relatati fuq netwerks diġitali, li jistgħu jinkludu l-użu kontra
l-liġi ta' mezzi ta' distribuzzjoni estensiva għal finijiet ta' ksur.
Dawn il-proċeduri għandhom jiġu implimentati b'mod li jevita
l-ħolqien ta' ostakli għal attività leġittima, inkluż
il-kummerċ elettroniku, u, b'mod konsistenti mal-liġi ta' dik
il-Parti, b'mod li jikkonserva l-prinċipji fundamentali bħalma huma
l-libertà tal-espressjoni, il-proċess ġust, u l-privatezza[16]. 3. Kull Parti għandha
tirsisti biex tħeġġeġ sforzi ta’ kooperazzjoni fil-komunità
kummerċjali biex l-ksur tad-drittijiet tal-awtur jew drittijiet relati u
tal-marki kummerċjali jiġi indirizzat b'mod effettiv filwaqt li li
tiġi kkonservata l-kompetizzjoni leġittima u, b’mod konsistenti
mal-liġi ta’ dik il-Parti, jitħarsu l-prinċipji fundamentali
bħalma huma l-libertà tal-espressjoni, il-proċess ġust, u
l-privatezza. 4. Parti tista’ tipprevedi,
skont il-liġijiet u r-regolamenti tagħha, li l-awtoritajiet
kompetenti tagħha jkollhom is-setgħa li jordnaw lill-fornituri
tas-servizzi onlajn li jiżvelaw bla dewmien lil detentur ta’ dritt
informazzjoni li tkun biżżejjed biex jiġi identifikat abbonat li
l-kont tiegħu jkun allegatament intuża għal ksur, meta
d-detentur tad-dritt ikun irreġistra klejm suffiċjentement legali ta’
ksur ta’ dritt tal-awtur jew drittijiet relatati jew ta' marka
kummerċjali, u meta t-tali informazzjoni tkun qed tiġi mfittxija
għall-fini ta' protezzjoni jew infurzar ta' dawk id-drittijiet. Dawn
il-proċeduri għandhom jiġu implimentati b'mod li jevita
l-ħolqien ta' ostakli għal attività leġittima, inkluż
il-kummerċ elettroniku, u, b'mod konsistenti mal-liġi ta' dik
il-Parti, b'mod li jikkonserva l-prinċipji fundamentali bħalma huma
l-libertà tal-espressjoni, il-proċess ġust, u l-privatezza. 5. Kull Parti għandha
tipprovdi protezzjoni legali xierqa u rimedji legali effettivi kontra
ċ-ċirkumvenzjoni tal-miżuri teknoloġiċi effettivi[17] li jintużaw mill-awturi, il-persuni
tal-ispettaklu jew il-produtturi ta' fonogrammi f'konnessjoni
mal-eżerċitazzjoni ta’ drittijiethom, u li jrażżnu l-atti
fir-rigward ta’ ħidmiethom, l-ispettakli u l-fonogrammi tagħhom, li
mhumiex awtorizzati mill-awturi, il-persuni tal-ispettaklu jew il-produtturi
tal-fonogrammi kkonċernati jew permessi mil-liġi. 6. Biex jiġu pprovduti
l-protezzjoni legali adegwata u r-rimedji legali effettivi msemmija
fil-paragrafu 5, kull Parti għandha talanqas tipprovdi protezzjoni
kontra: a) sal-punt provdut mil-liġi
tagħha: i) iċ-ċirkumvenzjoni mhux
awtorizzata ta’ miżura teknoloġika effettiva mwettqa apposta jew
abbażi ta' raġunijiet li jwasslu b’mod raġjoneveoli lil
wieħed x'jifhem li twettqet apposta; kif ukoll ii) l-offerta lill-pubbliku permezz ta'
tqegħid fis-suq ta’ xi apparat jew prodott, inklużi programmi
tal-kompjuter, jew ta’ xi servizz, bħala mezz biex tiġi
ċirkumventa xi miżura teknoloġika effettiva; kif ukoll b) il-manifattura, l-importazzjoni, jew
id-distribuzzjoni ta' xi apparat jew prodott, inklużi programmi
tal-kompjuter, jew forniment ta' servizz li: i) huwa mfassal jew manifatturat
primarjament għall-għan li jiċċirkumventa miżura
teknoloġika effettiva; jew ii) għandu
biss għan kummerċjalment sinifikanti limitat għajr dak li
jiċċirkumventa miżura teknoloġika effettiva. [18] 7. Biex tipproteġi l-informazzjoni
tal-immaniġġjar tad-drittijiet elettroniċi[19], kull
Parti għandha tipprovdi protezzjoni legali adegwata u rimedji legali
effettivi kontra kull persuna li twettaq apposta u bla awtorità kwalunkwe att
fost dawn li ġejjin bil-konsapevolezza, jew fir-rigward tar-rimedji
ċivili, b'raġunijiet raġjonevoli li tkun taf li dan l-att
jippermetti, jiffaċilita, jaħbi jew iwassal għal ksur ta’
kwalunkwe dritt tal-awtur jew drittijiet relatati: a) it-tneħħija jew it-tibdil ta’
xi informazzjoni tal-immaniġġjar tad-drittijiet elettroniċi; b) it-tqassim, l-importazzjoni
għad-distribuzzjoni, ix-xandir, il-komunikazzjoni, jew it-tqegħid
għad-dispożizzjoni tal-pubbliku ta' kopji ta' ħidmiet,
spettakli, jew fonogrammi, bl-għarfien li l-informazzjoni
tal-immaniġġjar tad-drittijiet elettroniċi tneħħie’
jew tbiddlet bla awtorità. 8. Fil-provvediment ta'
protezzjoni legali adegwata u ta’ rimedji legali effettivi skont
id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 5 u 7, Parti tista' tadotta jew
iżżomm limitazzjonijiet jew eċċezzjonijiet xierqa
għall-miżuri ta' implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 5,
6, u 7. L-obbligi stipulati fil-paragrafi 5, 6, u 7 huma bla ħsara
għad-drittijiet, il-limitazzjonijiet, l-eċċezzjonijiet, jew
id-difiżi tal-ksur tad-drittijiet tal-awtur jew drittijiet relatati skont
il-liġi ta’ Parti. Kapitolu III: Prattiki ta' Infurzar Artikolu 28: Għarfien Espert,
Informazzjoni u Koordinament Domestiku tal-Infurzar 1. Kull Parti għandha
tħeġġeġ l-iżvilupp ta' għarfien espert
speċjalizzat fl-awtoritajiet kompetenti tagħha responsabbli
mill-infurzar tad-drittijiet fuq il-proprjetà intellettwali. 2. Kull Parti għandha
tħeġġeġ il-ġbir u l-analiżi ta’ dejta statistika
u informazzjoni oħra relevanti dwar il-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà
intellettwali kif ukoll il-ġbir ta’ informazzjoni dwar l-aħjar prassi
għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-ksur. 3. Kull Parti għandha, kif
jixraq, tħeġġeġ koordinament intern fost l-awtoritajiet
kompetenti tagħha responsabbli mill-infurzar tad-drittijiet fuq
il-proprjetà intellettwali, u tiffaċilita azzjonijiet konġunti
bejniethom. 4. Kull Parti għandha
tirsisti biex tħeġġeġ, fejn jixraq, it-twaqqif u
ż-żamma ta’ mekkaniżmi formali jew informali, bħal gruppi
konsultattivi, li permezz tagħhom l-awtoritajiet kompetenti tagħha
jkunu jistgħu jirċievu l-opinjonijiet tad-detenturi tad-drittijiet u
ta' partijiet interessati relevanti oħra. Artikolu 29: L-Immaniġġjar
tar-Riskji fil-Fruntieri 1. Biex titqawwa l-effettività
tal-infurzar tad-drittijiet fuq il-proprjetà intellettwali fil-fruntieri,
l-awtoritajiet kompetenti ta’ Parti jistgħu: a) jikkonsultaw mal-partijiet interessati
relevanti, u l-awtoritajiet kompetenti ta’ Partijiet oħra responsabnbli
mill-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali biex jidentifikaw u
jindirizzaw riskji sinifikanti, u jħeġġu azzjonijiet li jtaffu
dawk ir-riskji; kif ukoll b) jaqsmu informazzjoni mal-awtoritajiet
kompetenti ta’ Partijiet oħra dwar l-infurzar fuq il-fruntieri
tad-drittijiet fuq proprjetà intellettwali, inkluża informazzjoni
relevanti biex jiġu identifikati u mmirati aħjar l-ispezzjonijiet ta'
kunsinji suspettati li fihom oġġetti ta' ksur. 2. Meta Parti tissekwestra
oġġetti importati li jiksru dritt fuq proprjetà intellettwali,
l-awtoritajiet kompetenti tagħha jistgħu jipprovdu l-Parti
tal-esportazzjoni bl-informazzjoni neċessarja għall-identifikazzjoni
tal-partijiet u l-oġġetti involuti fl-esportazzjoni
tal-oġġetti sekwestrati. L-awtoritajiet kompetenti tal-Parti
tal-esportazzjoni jistgħu jieħdu azzjoni kontra dawk il-partijiet u
kunsinji futuri skont il-liġi ta' dik il-Parti. Artikolu 30: It-Trasparenza Biex tħeġġeġ t-trasparenza
fl-amministrazzjoni tas-sistema tal-infurzar tad-drittijiet fuq il-proprjetà
intellettwali tagħha, kull Parti għandha tieħu miżuri
xierqa, skont il-liġi u l-politiki tagħha, biex tippubblika jew b'xi
mod ieħor tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku
informazzjoni dwar: a) il-proċeduri disponibbli skont
il-liġi tagħha għall-infurzar tad-drittijiet fuq il-proprjetà
intellettwali, l-awtoritajiet kompetenti tagħha responabbli mit-tali
infurzar, u l-punti ta' kuntatt disponibbli għall-assistenza; b) il-liġijiet, ir-regolament,
id-deċiżjonijiet ġuridiċi finali relevanti, u
d-deċiżjonijiet amministrattivi ta’ applikazzjoni ġenerali
pertinenti għall-infurzar tad-drittijiet fuq il-proprjetà intellettwali;
kif ukoll c) l-isforzi tagħha biex tiżgura
sistema effettiva ta’ infurzar u protezzjoni tad-drittijiet fuq il-proprjetà
intellettwali. Artikolu 31: Il-Kuxjenza Pubblika Kull Parti għandha, kif xieraq,
tħeġġeġ l-adozzjoni ta' miżuri li jkattru l-kuxjenza
pubblika dwar l-importanza tar-rispett għad-drittijiet fuq il-proprjetà
intellettwali u dwar l-effetti negattivi tal-ksur tad-drittijiet fuq
il-proprjetà intellettwali. Artikolu 32: Konsiderazzjonijiet
Ambjentali fir- rigward tal-Qerda tal-Oġġetti ta’ Ksur Il-qerda ta’ oġġetti li jiksru
d-drittijiet fuq il-proprjetà intellettwali għandha ssir b’mod konsistenti
mal-liġijiet u r-regolament dwar kwistjonijiet ambjentali tal-Parti fejn
isseħħ il-qerda. Kapitolu IV Il-Kooperazzjoni Internazzjonali Artikolu 33: Il-Kooperazzjoni Internazzjonali
1. Kull Parti tirrikonoxxi li
l-kooperazzjoni internazzjonali hija vitali biex tirnexxi l-protezzjoni
effettiva tad-drittijiet fuq il-proprjetà intellettwali u li din għandha
titħeġġeġ bla ma titqies l-oriġini tal-oġġetti
li jiksru d-drittijiet fuq il-proprjetà intellettwali, jew il-lokalità jew
in-nazzjonalità tad-detentur tad-dritt. 2. Biex jiġi
miġġieled il-ksur tad-drittijiet fuq il-proprjetà intellettwali, u
b’mod partikolari l-iffalsifikar tal-marki kummerċjali jew piraterija
tad-dritt tal-awtur jew drittijiet relatati, il-Partijiet għandhom
iħeġġu l-kooperazzjoni, fejn jixraq, fost l-awtoritajiet
kompetenti responsabbli mill-infurzar tad-drittijiet fuq il-proprjetà
intellettwali. Kooperazzjoni ta’ dan it-tip tista’ tinkludi kooperazzjoni
fl-infurzar tal-liġi fir-rigward ta’ infurzar kriminali u miżuri
konfinali koperti minn dan il-Ftehim. 3. Il-kooperazzjoni skont dan
il-Kapitolu għandha titwettaq b'mod konsistenti mal-ftehimiet
internazzjonali relevanti u tkun suġġett għal-liġijiet, il-politiki,
l-allokament tar-riżorsi, u l-prijoritajiet tal-infurzar tal-liġi ta'
kull Parti. Artikolu 34: Il-Qsim ta’ Informazzjoni
Bla ħsara
għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 29 (L-Immaniġġjar
tar-Riskji fil-Fruntieri), kull Parti għandha tistinka biex tiskambja
mal-Partijiet l-oħrajn: a) informazzjoni li l-Parti tiġbor
skont id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III (Prattiki ta’ Infurzar),
inklużi dejta statistika u informazzjoni dwar l-aħjar prattiki; b) informazzjoni dwar il-miżuri
leġiżlattivi u regolatorji tagħha marbuta mal-protezzjoni u
l-infurzar tad-drittijiet fuq il-proprjetà intellettwali; kif ukoll c) informazzjoni oħra kif jixraq u jkun
maqbul reċiprokament. Artikolu 35: Tiswir tal-Kapaċità
u l-Assistenza Teknika 1. Kull Parti għandha tistinka
biex tipprovdi, fuq talba u skont termini u kundizzjonijiet maqbula
reċiprokament, assistenza fit-tiswir tal-kapaċità u l-assistenza
teknika fit-titjib tal-infurzar tad-drittijiet fuq il-proprjetà intellettwali
lil Partijiet oħra kontraenti f'dan il-Ftehim u, fejn jixraq, lil
Partijiet prospettivi. It-tiswir tal-kapaċità u l-assistenza teknika jafu
jkopru oqsma bħal: a) it-titjib tal-għarfien pubbliku
dwar id-drittijiet fuq il-proprjetà intellettwali; b) l-iżvilupp u l-implimentazzjoni
tal-leġiżlazzjoni nazzjonali relatata mal-infurzar tad-drittijiet fuq
il-proprjetà intellettwali; c) it-taħriġ ta’ uffiċjali
fl-infurzar tad-drittijiet fuq il-proprjetà intellettwali; kif ukoll d) operazzjonijet koordinati li
jsiru fil-livelli reġjonali u multilaterali. 2. Kull Parti għandha
tistinka biex taħdem mill-qrib mal-Partijiet l-oħra u, fejn jixraq,
ma' non-Partijiet ta’ dan il-Ftehim għall-għan li jiġu
implimentati d-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1. 3. Parti tista’ timpenja
ruħha għall-attivitajiet imfissra f'dan l-Artikolu flimkien
mas-settur privat relevanti jew organizzazzjonijiet internazzjonali. Kull Parti
għandha tirsisti biex tevita dupplikazzjoni bla bżonn bejn
l-attivitajiet imfissra f’dan l-Artikolu u attivitajiet ta’ kooperazzjoni
internazzjonali oħrajn. Kapitolu V Arranġamenti Istituzzjonali Artikolu 36: Il-Kumitat tal-ACTA 1. Il-Partijiet permezz ta’ dan
jistabbilixxu l-Kumitat tal-ACTA. Kull Parti għandha tkun
irrappreżentata fuq il-Kumitat. 2. Il-Kumitat għandu: a) jirrevedi l-implimentazzjoni u l-operat
ta’ dan il-Ftehim; b) iqis kwistjonijiet li jikkonċernaw
l-iżvilupp ta' dan il-Ftehim; c) iqis kwalunkwe emendi proposti għal
dan il-Ftehim skont l-Artikolu 42 (Emendi); d) jiddeċiedi, skont
il-paragrafu 2 tal-Artikolu 43 (Adeżjoni), dwar il-kundizzjonijiet
tal-adeżjoni f’dan il-Ftehim ta’ kull Membru tad-WTO; kif ukoll e) iqis kwalunkwe kwistjoni oħra li taf
tolqot l-implimentazzjoni u t-tħaddim ta’ dan il-Ftehim. 3. Il-Kumitat jista’
jiddeċiedi li: a) jistabbilixxi kumitati jew gruppi ta'
ħidma ad hoc biex jassistu lill-Kumitat fit-twettiq
tar-responsabbiltajiet tiegħu skont il-paragrafu 2, jew biex jassisti
lil xi Parti prospettiva wara rikjesta min-naħa tagħha biex taderixxi
ma’ dan il-Ftehim skont l-Artikolu 43 (Adeżjoni) b) ifittex il-pariri ta’ persuni jew gruppi
nongovernattivi; c) jagħmel rakkommandazzjonijiet dwar
l-implimentazzjoni u t-tħaddim ta’ dan il-Ftehim, inkluż billi
japprova linji gwida dwar l-aħjar prattika marbuta miegħu; d) jaqsam informazzjoni u l-aħjar
prattika ma' partijiet terzi dwar it-tnaqqis ta’ ksur tad-drittijiet fuq
il-proprjetà intellettwali, inklużi tekniki għall-identifikazzjoni u
l-monitoraġġ tal-piraterija u l-iffalsifikar; kif ukoll e) jieħu azzjonijiet oħra
fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu. 4. Id-deċiżjonijiet
kollha tal-Kumitat għandhom jittieħdu b’kunsens, ħlief meta
l-Kumitat jaf jiddeċiedi mod ieħor b’kunsens. Il-Kumitat għandu
jitqies li jkun aġixxa b’kunsens dwar xi kwistjoni sottomessa
għall-konsiderazzjoni tiegħu, jekk l-ebda Parti preżenti fil-laqgħa
meta tkun ittieħdet id-deċiżjoni ma toġġezzjona
formalment kontra d-deċiżjoni proposta. Il-lingwa ta’ ħidmet
il-Kumitat għandha tkun l-Ingliż u d-dokumenti ta' appoġġ
għal ħidmietu għandhom ikunu bil-lingwa Ingliża. 5. Il-Kumitat għandu
jadotta r-regoli u l-proċeduri tiegħu f’perjodu ta’ żmien
raġjonevoli wara d-dħul fis-seħħ ta' dan il-Ftehim, u
għandu jistieden lil dawk il-Firmatarji li mhumiex Partijiet f'dan
il-Ftehim sabiex jieħdu sehem fid-deliberazzjonijiet tal-Kumitat dwar dawk
ir-regoli u l-proċeduri. Ir-regoli u l-proċeduri: a) għandhom jindirizzaw kwistjonijiet
bħall-presidenza u l-ospitar tal-laqgħat, u l-prestazzjoni
tal-kompiti organizzattivi relevanti għal dan il-Ftehim u t-tħaddim
tiegħu; kif ukoll b) jistgħu jindirizzaw ukoll tali kwsitjonijiet
bħall-għoti ta’ status ta’ osservatur, u kwalunkwe kwistjoni
oħra li l-Kumitat jiddeċiedi li hija neċessarja
għat-tħaddim sew tiegħu. 6. Il-Kumitat jista’ jemenda
r-regoli u l-proċeduri. 7. Minkejja
d-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 4, matul l-ewwel ħames snin
mindu jkun daħal fis-seħħ dan il-Ftehim,
id-deċiżjonijiet tal-Kumitat li jadotta jew jemenda r-regoli u
l-proċeduri għandhom jittieħdu b’kunsens tal-Partijiet u ta'
dawk il-Firmatarji li mhumiex Partijiet f'dan il-Ftehim. 8. Wara l-perjodu
speċifikat fil-paragrafu 7, il-Kumitat jista’ jadotta jew jemenda
r-regoli u l-proċeduri abbażi ta' kunsens tal-Partijiet f'dan
il-Ftehim. 9. Minkejja
d-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 8, il-Kumitat jista'
jiddeċiedi li l-addozzjoni jew l-emenda ta' xi regola jew proċedura
partikolari tirrikjedi l-kunsens tal-Partijiet u ta' dawk il-Firmatarji li
mhumiex Partijiet f'dan il-Ftehim. 10. Il-Kumitat għandu
jiltaqa' talanqas darba fis-sena sakemm il-Kumitat ma jiddeċidix mod
ieħor. L-ewwel laqgħa tal-Kumitat għandha ssir f'perjodu ta'
żmien raġjonevoli wara d-dħul fis-seħħ ta' dan
il-Ftehim. 11. Għal aktar ċertezza,
il-Kumitat mhux se jissorvelja jew jimmonitorja l-infurzar domestiku jew
internazzjonali jew l-investigazzjonijiet kriminali ta’ każijiet
speċifiċi ta’ proprjetà intellettwali. 12. Il-Kumitat għandu
jistinka biex jevita dupplikazzjoni bla bżonn bejn l-attivitajiet
tiegħu u sforzi internazzjonali oħrajn fir-rigward tal-infurzar
tad-drittijiet fuq il-proprjetà intellettwali. Artikolu 37: Punti ta' Kuntatt 1. Kull Parti għandha
twaqqaf punt ta' kuntatt li jiffaċilita l-komunikazzjonijiet bejn
il-Partijiet dwar kwalunkwe kwistjoni koperta minn dan il-Ftehim. 2. Fuq talba ta’ Parti
oħra, il-punt ta' kuntatt ta' xi Parti partikolari għandu jidentifika
uffiċċju jew uffiċjal xieraq li jista’ jiġi indirizzat
mill-Parti li tkun għamlet it-talba, u għandu jassisti, skont
il-ħtieġa, fl-iffaċilitar tal-komunikazzjoni bejn
l-uffiċċju jew l-uffiċjal ikkonċernat u l-Parti li tkun
għamlet it-talba. Artikolu 38:
Konsultazzjonijiet 1. Parti tista’ titlob
bil-miktub konsultazzjoni ma' Parti oħra fir-rigward ta' kwalunkwe
kwistjoni li tolqot l-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim. Il-Parti li
tagħmel it-talba għandha tagħti konsiderazzjoni pożittiva
lil tali rikjesta, tipprovdi tweġiba, u tforni opportunità adegwata
għal konsultazzjoni. 2. Il-konsultazzjonijiet,
inklużi pożizzjonijiet partikolari mittieħda mill-Partijiet
konsultattivi, għandhom jibqgħu kunfidenzjali u bla ħsara
għad-drittijiet jew il-pożizzjonijiet ta’ kull waħda
mill-Partijiet fi kwalunkwe proċediment ieħor, inkluż xi
proċediment taħt l-awspiċi tal-Understanding on Rules and
Procedures Governing the Settlement of Disputes li jinsab fl-Anness 2
tal-Ftehim tad-WTO. 3. Il-Partijiet konsultattivi
jistgħu, b'kunsens reċiproku, jinnotifikaw lill-Kumitat dwar
ir-riżultat tal-konsultazzjonijiet tagħhom skont dan l-Artikolu. Kapitolu VI:
Dispożizzjonijiet Finali Artikolu 39: Iffirmar Dan il-Ftehim għandu jibqa’ miftuħ
għall-iffirmar mill-parteċipanti fin-negozjati tiegħu[20] u
minn kwalunkwe Membru ieħor tad-WTO li l-parteċipanti jafu jaqblu
dwaru b’kunsens, mill-31 ta' Marzu 2011
sal-31 ta' Marzu 2013. Artikolu 40:
Dħul fis-seħħ 1. Dan
il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ tletin juim wara d-data
tad-depożitu tas-sitt strument tar-ratifika, l-aċċettazzjoni,
jew l-approvazzjoni bejn dawk il-Firmatarji li ddepożitaw l-istrumenti
rispettivi tagħhom tar-ratifika, l-aċċettazzjoni, jew
l-approvazzjoni. 2. Il-Ftehim
għandu jidħol fis-seħħ għal kull Firmatarju li
jiddepożita l-istrument tiegħu tar-ratifika,
l-aċċettazzjoni, jew l-approvazzjoni wara d-depożitu tas-sitt
strument tar-ratifika, l-aċċettazzjoni, jew l-approvazzjoni, tletin
jum wara d-data tad-depożitu mit-tali Firmatarju tal-istrument tiegħu
tar-ratifika, l-aċċettazzjoni, jew l-approvazzjoni. Artikolu 41:
Irtirar Parti tista’ tirtira minn dan il-Ftehim
permezz ta’ notifika bil-miktub lid-Depożitarju. L-irtirar għandu
jkollu effett 180 jum wara li d-Depożitarju jirċievi n-notifika.
Artikolu 42: Emendi 1. Parti tista’ tipproponi
emendi għal dan il-Ftehim lill-Kumitat. Il-Kumitat għandu
jiddeċiedi dwar jekk jippreżentax emenda proposta lill-Partijiet
għar-ratifika, l-aċċettazzjoni, jew l-approvazzjoni. 2. Kwalunkwe
emenda għandha tidħol fis-seħħ disgħin jum wara d-data
li l-Partijiet kollha jkunu ddepożitaw l-istrumenti rispettivi
tagħhom tar-ratifika, l-aċċettazzjoni, jew l-approvazzjoni
mad-Depożitarju. Artikolu 43: Adeżjoni 1. Wara li jiskadi l-perjodu
previst fl-Artikolu 39 (Iffirmar), kwalunkwe Membru tad-WTO jista’ japplika
biex jaderixxi ma’ dan il-Ftehim. 2. Il-Kumitat
għandu jiddeċiedi dwar il-kundizzjonijiet tal-adeżjoni għal
kull applikant. 3. Dan
il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ għall-applikant
tletin jum wara d-data tad-depożitu tal-istrument ta' adeżjoni
tiegħu abbażi tal-kundizzjonijiet tal-adeżjoni msemmija
fil-paragrafu 2. Artikolu 44: It-Testi tal-Ftehim Dan
il-Ftehim għandu jiġi ffirmat f’oriġinal waħdieni
bil-lingwa Ingliża, Franċiża u Spanjola, b'kull verżjoni
tkun awtentika b'mod ugwali. Artikolu 45: Depożitarju Il-Gvern tal-Ġappun għandu jkun
id-Depożitorju ta' dan il-Ftehim. [1] ĠU C, , p. . [2] ĠU: jekk jogħġbok daħħal
in-numru u r-referenza tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni. [3] ĠU: jekk jogħġbok, fin-nota
tal-qiegħ 1 daħħal ir-referenza tal-pubblikazzjoni tal-Ftehim. [4] Għal aktar ċertezza, il-Partijiet jirrikonoxxu
li żona ħielsa tfisser parti mit-territiroju tal-Parti fejn
kwalunkwe dħul ta' oġġetti, sa fejn jikkonċerna taxxi u
dazji ta' importazzjoni, jitqiesu li qegħdin barra mit-territorju
tad-dwana. [5] Parti tista' teskludi privattivi u protezzjoni ta'
informazzjoni mhix żvelata mill-ambitu ta' din it-Taqsima. [6] Is-suppożizzjonijiet imsemmija
fis-sottoparagrafu 3(b) jistgħu jinkludu suppożizzjoni li
l-ammont ta’ danni huwa: (i) il-kwantità tal-oġġetti li jiksru
d-dritt tad-detentur tad-drittijiet intellettwali inkwistjoni u li attwalment
huma assenjati lil terzi persuni, immultiplikata bl-ammont tal-profitt
għal kull unità ta' oġġetti li kellhom jinbiegħu
mid-detentur tad-dritt li kieku ma kienx hemm l-att ta' ksur; jew (ii) royalty
raġonevoli; jew (iii) somma f’salt abbażi ta' elementi bħal
tal-anqas l-ammont ta' royalties jew miżati dovuti li kieku dak
responsabbli mill-ksur talab awtorizzazzjoni għall-użu tad-dritt
tal-proprjetà intellettwali inkwistjoni. [7] Fejn Parti tkun żarmat sostanzjalment il-kontrolli
kollha fuq il-moviment tal-oġġetti lil hinn mill-fruntiera
tagħha ma' Parti oħra li magħha tifforma parti f’unjoni
doganali, ma għandux jintalab li jiġu applikati d-dispożizzjonijiet
ta' din it-Taqsima f'dik il-fruntiera. [8] Huwa mifhum li ma għandu jkun hemm l-ebda obbligu
li jiġu applikati il-proċeduri stipulati f’din it-Taqsima
għall-oġġetti mqiegħda fis-suq ta’ pajjiż ieħor
mid-detentur tad-dritt jew bil-kunsens tiegħu. [9] Il-Partijiet jaqblu li l-privattivi u l-protezzjoni ta'
informazzjoni mhix żvelata ma jaqgħux fl-ambitu ta’ din it-Taqsima. [10] Ir-rekwiżit li jiġu previsti applikazzjonijiet
bħal dawn huwa suġġett għall-obbligi li jiġu pprovduti
l-proċeduri msemmija fis-sottoparagrafi 1(b) u 2(b) tal-Artikolu 16
(Miżuri tal-Konfini). [11] Għall-finijiet ta' dan l-Artikolu, jum tfisser
jum ta' negozju. [12] Kull Parti għandha tittratta l-importazzjoni jew
l-esportazzjoni apposta ta' oġġetti b'falsifikazzjoni tal-marka
kummerċjali jew piraterija ta' oġġetti mħarsa minn dritt
tal-awtur fuq skala kummerċjali bħala attivitajiet illegali
suġġetti għall-proċedimenti kriminali skont dan l-Artikolu.
Parti tista’ tikkonforma mal-obbligazzjoni tagħha marbuta
mal-importazzjoni u l-esportazzjoni ta' oġġetti b'falsifikazzjoni
tal-marka tal-kummerċ jew piraterija ta’ oġġetti mħarsa
bid-dritt tal-awtur billi tali oġġetti jiġu pprovduti
għad-distribuzzjoni, għall-bejgħ jew għal offerta
għall-bejgħ fuq skala kummerċjali billi tqishom bħala
attivitajiet kontra l-liġi suġġetti għal penali kriminali. [13] Parti tista’ tikkonforma mal-obbligi tagħha marbuta
mal-importazzjoni ta’ tikketti jew ippakkjar permezz tal-miżuri
tagħha rigward id-distribuzzjoni. [14] Parti tista' tikkonforma mal-obbligi tagħha skont dan
il-paragrafu billi tipprevedi proċeduri kriminali u penali li
għandhom jiġu applikati għal tentattivi ta’ twettiq ta’ reati
konnessi mal-marki tal-kummerċ. [15] Huwa mifhum li ma hemm l-ebda obbligi għal Parti biex
tistipula l-possibilità ta' ħabs u multi monetarji li jkunu imposti b'mod
parallel. [16] Pereżempju, bla ħsara għal-liġi ta’
Parti, l-addozzjoni jew iż-żamma ta' sistema li tipprevedi
limitazzjonijiet fuq ir-responsabbiltà tal-fornituri ta' servizzi onlajn, jew
fuq ir-rimedji disponibbli kontriehom, filwaqt li jitħarsu l-interessi
leġittimi tad-detentur tal-dritt. [17] Għall-finijiet ta' dan l-Artikolu, miżuri
teknoloġiċi tfisser kwalunkwe teknoloġija, apparat, jew
komponent li, fil-proċess normali tat-tħaddim tiegħu, tfassal
biex jipprevjeni jew irażżan atti, fir-rigward ta' ħidmiet,
spettakli, jew fonogrammi li mhumiex awtorizzati mill-awturi, persuni
tal-ispettaklu jew produtturi ta' fonogrammi, kif previst mil-liġi ta’ xi
Parti. Bla ħsara għall-ambitu tad-dritt tal-awtur jew drittijiet
relatati li jinsabu fil-liġi tal-Parti, miżuri teknoloġiċi
għandhom jitqiesu effettivi meta l-użu ta' ħidmiet, spettakli,
jew fonogrammi protetti huwa kkontrollat mill-awturi, il-persuni tal-ispettaklu
jew il-produtturi tal-fonogrammi permezz tal-applikazzjoni ta' kontroll
tal-aċċess relevanti jew proċess ta' protezzjoni,
bħall-ikkriptar jew l-iscrambling, jew mekkaniżmu tal-kontroll
tal-ikkuppjar, li jikseb l-oġġettiv tal-protezzjoni. [18] Fl-implimentazzjoni tal-paragrafi 5 u 6, l-ebda Parti
ma għandha tkun obbligata tirrikjedi li d-disinn ta', jew id-disinn u
selezzjoni tal-partijiet u komponenti għal, prodotti elettroniċi
tal-konsum, tat-telekomunikazzjonijiet, jew tal-kompjuter jipprovdu għal
rispons għal kwalunkwe miżura teknoloġika partikolari, sakemm
il-prodott ma jkunx mill-banda l-oħra jikser il-miżuri tiegħu li
jimplimentaw dawn il-paragrafi. [19] Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, informazzjoni
tal-immaniġġjar tad-drittijiet tfisser: (a) informazzjoni
li tidentifika l-ħidma, l-ispettaklu, jew il-fonogramm; l-awtur
tal-ħidma, il-persuna li twettaq l-ispettaklu, jew il-produttur
tal-fonogramm; jew is-sid ta’ kwalunkwe dritt fil-ħidma, l-ispettaklu, jew
il-fonogramm; (b) informazzjoni
dwar it-termini u l-kundizzjonijiet tal-użu tal-ħidma, l-ispettaklu,
jew il-fonogramm; jew (c) kwalunkwe
numri jew kodiċi li jirrappreżentaw l-informazzjoni deskritta f'(a) u
(b) hawn fuq;
fejn kwalunkwe minn dawn l-entitajiet ta’ informazzjoni
hija mehmuża ma' xi ħidma, spettaklu, jew fonogramm, jew tidher
f'konnessjoni mal-komunikazzjoni jew mat-tqegħid għad-dispożizzjoni
tal-ħidma, spettaklu, jew fonogramm għall-pubbliku. [20] L-Awstralja, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Renju
tal-Belġju, ir-Repubblika tal-Bulgarija, il-Kanada, ir-Repubblika ta’
Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika
tal-Estonja, l-Unjoni Ewropea, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Repubblika
Franċiża, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika
Elennika, ir-Repubblika tal-Ungerija, l-Irlanda, ir-Repubblika Taljana,
il-Ġappun, ir-Repubblika tal-Korea, ir-Repubblika tal-Latvija,
ir-Repubblika tal-Litwanja, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, ir-Repubblika ta'
Malta, l-Istati Uniti tal-Messiku, ir-Renju tal-Marokk, ir-Renju
tal-Pajjiżi l-Baxxi, in-New Zealand, ir-Repubblika tal-Polonja,
ir-Repubblika Portugiża, ir-Rumanija, ir-Repubblika ta' Singapor,
ir-Repubblika Slovakka, ir-Repubblika tas-Slovenja, ir-Renju ta' Spanja,
ir-Renju tal-Isvezja, il-Konfederazzjoni Svizzera, ir-Renju Unit tal-Gran
Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq, u l-Istati Uniti tal-Amerika.