Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011PC0212

    Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, skont il-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda (applikazzjoni EGF/2010/031 BE/General Motors Belgium mill-Belġju)

    /* KUMM/2011/0212 finali */

    52011PC0212

    /* KUMM/2011/0212 finali */ Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, skont il-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda (applikazzjoni EGF/2010/031 BE/General Motors Belgium mill-Belġju)


    [pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

    Brussel 14.4.2011

    KUMM(2011) 212 finali

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, skont il-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda (applikazzjoni EGF/2010/031 BE/General Motors Belgium mill-Belġju)

    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    Il-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda[1] jippermetti l-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF) permezz ta' mekkaniżmu ta' flessibilità, sal-limitu massimu annwali ta' EUR 500 miljun, u dan apparti mill-intestaturi rilevanti tal-qafas finanzjarju.

    Ir-regoli applikabbli għall-kontribuzzjonijiet mill-EGF huma stipulati fir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni[2].

    Fl-20 ta' Diċembru 2010, il-Belġju ppreżenta l-applikazzjoni EGF/2010/031 BE/General Motors Belgium għall-kontribuzzjoni finanzjarja mill-EGF, wara sensji fil-General Motors Belgium [3]u erbgħa mill-fornituri tagħha fil-Belġju.

    Wara analiżi bir-reqqa ta' din l-applikazzjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006 li l-kundizzjonijiet għal kontribuzzjoni finanzjarja skont dan ir-Regolament huma sodisfatti.

    TAQSIRA TAL-APPLIKAZZJONI U L-ANALIŻI

    Dejta prinċipali: |

    Nru ta' Referenza tal-EGF | EGF/2010/031 |

    Stat Membru | Il-Belġju |

    Artikolu 2 | (a) |

    Intrapriża primarja | General Motors Belgium |

    Fornituri u produtturi iktar l-isfel fil-katina tal-produzzjoni | 4 |

    Perjodu ta’ referenza | 14.6.2010 – 14.10.2010 |

    Data ta' bidu għas-servizzi personalizzati | 14.06.2010 |

    Data tal-applikazzjoni | 20.12.2010 |

    Sensji matul il-perjodu ta’ referenza | 1 336 |

    Sensji qabel u wara l-perjodu ta' referenza | 1 498 |

    Sensji totali eliġibbli | 2 834 |

    Ħaddiema li ngħataw is-sensja li huma identifikati għall-għajnuna | 2 834 |

    Nefqa għas-servizzi personalizzati (EUR) | 14 324 894,84 |

    Nefqa għall-implimentazzjoni tal-EGF[4] (EUR) | 435 000,00 |

    Nefqa għall-implimentazzjoni tal-EGF (%) | 2,95 |

    Baġit totali (EUR) | 14 759 894,84 |

    Il-kontribuzzjoni tal-EGF (65 %) (EUR) | 9 593 931 |

    1. L-applikazzjoni tressqet quddiem il-Kummissjoni fl-20 ta’ Diċembru 2010 u kienet sostnuta b'tagħrif addizzjonali sal-24 ta’ Jannar 2011.

    2. L-applikazzjoni tissodisfa l-kondizzjonijiet għall-użu tal-EGF kif stabbilit fl-Artikolu 2(a) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, u ġiet sottomessa fi żmien il-perjodu speċifikat ta’ 10 ġimgħat imsemmi fl-Artikolu 5 ta’ dak ir-Regolament.

    Ir-rabta bejn is-sensji u l-bidliet strutturali maġġuri fix-xejriet tal-kummerċ dinji minħabba l-globalizzazzjoni jew il-kriżi finanzjarja u ekonomika globali

    3. Sabiex tiġi stabbilita rabta bejn is-sensji u l-kriżi finanzjarja u ekonomika globali, il-Belġju jsostni li fl-2009 il-produzzjoni ta' vetturi bil-mutur (karozzi, trakkijiet u karozzi tal-linja) fl-Ewropa naqset drastikament minħabba din il-kriżi. tnaqqis ta' 17,3 % meta mqabbla mal-2008 u 23 % meta mqabbla mas-sitwazzjoni ta' qabel il-kriżi fl-2007. Il-produzzjoni tal-vetturi bil-mutur fil-Belġju segwiet l-istess xejra. Fl-2009 l-immuntar tal-vetturi bil-mutur naqas bi 23,8 % meta mqabbel mal-2008, għall-immuntar tal-karozzi tal-passiġġiera t-tnaqqis laħaq l-34,8 %.

    4. Il-Belġju jsostni li l-kriżi finanzjarja u ekonomika kellha impatt fuq l-industrija awtomotiva bil-mod li ġej:

    5. L-ewwel nett, permezz ta' tnaqqis sinifikanti fid-domanda għall-karozzi tal-passiġġiera u vetturi kummerċjali bħala konsegwenza tal-kundizzjonijiet aktar stretti li jirregolaw l-aċċess għall-krediti tal-konsumatur, il-fiduċja baxxa tal-konsumatur u t-tnaqqis fil-kapaċità tal-konsumatur;

    6. It-tieni nett, id-diffikultajiet ta' finanzjament f'partijiet differenti tal-industrija awtomotiva, in-nuqqas ta' likwidità u l-inerzja tal-flussi tal-flus permezz tal-katina tal-provvista, li hija partikolarment rilevanti għall-fornituri ż-żgħar;

    7. It-tielet nett, l-ambjent kompetittiv ħafna li jeħtieġ tnaqqis kontinwu tal-kosti tal-produzzjoni u t-titjib fl-effiċjenza interna.

    Turija tal-għadd tas-sensji u konformità mal-kriterji tal-Artikolu 2(a)

    8. Il-Belġju ressaq din l-applikazzjoni skont il-kriterji ta’ intervent tal-Artikolu 2(a) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, li jirrikjedi mill-inqas 500 sensja tul perjodu ta’ erba’ xhur f’intrapriża fi Stat Membru, inklużi ħaddiema li ngħataw is-sensja mill-fornituri tagħha jew mill-produtturi involuti fl-istadji aħħarija ta’ produzzjoni.

    9. L-applikazzjoni ssemmi 1 336 sensja fil-General Motors Belgium u tlieta mill-fornituri tagħha matul il-perjodu ta' referenza ta' erba' xhur mill-14 ta' Ġunju 2010 sal-14 ta' Ottubru 2010 u 1 498 sensja oħra wara l-perjodu ta' referenza fil-General Motors Belgium u tnejn mill-fornituri tagħha. Dawn is-sensji kollha ġew ikkalkolati skont l-ewwel inċiż tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006.

    Spjegazzjoni tan-natura mhix prevista ta' dawk is-sensji

    10. L-awtoritajiet Belġjani jsostnu li l-produzzjoni ewlenija fil-General Motors Belgium kienet il-mudell Opel Astra. Id-deċiżjoni meħuda mill-maniġment tal-kumpanija ewlenija tal-General Motors li twaqqaf il-linja tal-produzzjoni tal-Opel Astra fl-impjant tagħha f'Antwerp ma kinitx prevista. B'konsegwenza tal-kriżi ekonomika u finanzjarja, li lanqas ma setgħet tkun prevista, General Motors ma kinetx f'qagħda li tinvesti fl-iżvilupp ta' linja tal-produzzjoni għal mudell ġdid tal-Opel fl-impjant tagħha fil-Belġju.

    Identifikazzjoni tal-intrapriżi li taw is-sensji u l-ħaddiema li huma fil-mira għall-għajnuna

    11. L-applikazzjoni tikkonċerna total ta' 2 834 sensja, li minnhom 2 593 seħħew fil-General Motors Belgium u 241 f'erbgħa mill-fornituri tagħha: 18 f'Wissan Produktionservice GMBH, Antwerp, 26 f'Dussman, Antwerp, 21 f'SCA Service Center Antwerpen u 176 f'Johnson Controls automotive, Antwerp. Dawn il-ħaddiema kollha li ngħataw is-sensja huma identifikati għall-appoġġ.

    12. It-tqassim tal-ħaddiema identifikati huwa kif ġej:

    Kategorija | Għadd | Perċentwali |

    Irġiel | 2 430 | 85,8 |

    Nisa | 404 | 14,2 |

    Ċittadini tal-UE | 2 693 | 95,0 |

    Ċittadini barra l-UE | 141 | 5,0 |

    Età bejn il-15 u l-24 sena | 11 | 0,4 |

    Età bejn il-25 u l-54 sena | 2 717 | 95,9 |

    Età bejn il-55 u l-64 sena | 105 | 3,7 |

    Età ’l fuq minn 64 sena | 1 | 0,04 |

    13. Hemm 42 ħaddiem (1,5 %) bi problema tas-saħħa persistenti jew diżabbiltà inklużi fil-kategoriji hawn fuq.

    14. Fir-rigward ta' kategoriji professjonali, it-tqassim[5] hu kif ġej:

    Kategorija | Għadd | Perċentwali* |

    Ħaddiem tal-produzzjoni | 470 | 16,6 |

    Operatur tal-forklifters | 188 | 6,6 |

    Ħaddiem assistent fis-settur tal-metall | 160 | 5,7 |

    Ħaddiem fil-maħżen | 122 | 4,3 |

    Fitter ta' biċċiet tal-metall | 99 | 3,5 |

    Mekkanik tal-manutenzjoni | 83 | 2,9 |

    Persuna responsabbli għall-produzzjoni | 79 | 2,8 |

    Kontrollatur tal-kwalità | 70 | 2,5 |

    Skrivani amministrattivi | 53 | 1,9 |

    Teknixin elettro-mekkaniku | 52 | 1,8 |

    Fitter ta' vetturi bil-mutur | 44 | 1,6 |

    Bejjiegħ | 38 | 1,4 |

    Skrivan eżekuttiv | 34 | 1,2 |

    Akkompliċi (xogħol li huwa kemmxejn tqil) | 31 | 1,1 |

    Sewwieq li joffri s-servizz tal-ġarr | 30 | 1,1 |

    Oħrajn | 1 281 | 45,2 |

    * It-total ma jaqbilx minħabba li ċ-ċifri tqarrbu lejn l-eqreb numru.

    Il-kategorija "oħrajn" tkopri l-kategoriji professjonali kollha li jirrappreżentaw inqas minn 1 % tal-għadd totali tal-ħaddiema identifikati. Dan hu l-każ għall-i.a. inġiniera, il-welders, il-mekkaniks tal-vetturi bil-mutur, l-elektrixins tal-manutenzjoni eċċ. Tinkludi wkoll 5,5 % fejn il-kategorija professjonali mhijiex magħrufa mill-Istat Membru applikanti.

    15. Skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, il-Belġju kkonferma li ġiet applikata politika ta' ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel kif ukoll dik ta' nondiskriminazzjoni, u li din se tkompli tapplika matul l-istadji varji tal-implimentazzjoni tal-EGF u, b'mod partikolari, fir-rigward tal-aċċess għalih.

    Deskrizzjoni tat-territorju kkonċernat u tal-awtoritajiet u l-partijiet interessati tiegħu

    16. Il-provinċja ta' Antwerp (ir-reġjun BE21 tan-NUTS II) hija l-aktar ikkonċernata mill-għeluq tal-impjant tal-General Motors Belgium f'Antwerp. L-erba' kumpaniji fornituri jinsabu wkoll fil-provinċja ta' Antwerp.

    17. L-awtorità ewlenija kkonċernata hija l-ESF Agency Vlaanderen. Il-partijiet interessati rilevanti huma s-servizz Fjamming għat-taħriġ vokazzjonali u l-impjieg (Vlaamse Dienst voor Arbeidsbemiddeling en Beroepsopleiding or VDAB), bħala msieħba soċjali min-naħa tal-ħaddiema: it-tliet trejdjunjins rappreżentattivi - ABVV (Algemeen Belgisch Vakverbond), ACLVB (Algemene Centrale der Liberale Vakbonden van België), ACV (Algemeen Christelijk Vakverbond), u min-naħa tal-impjegaturi. In-Netwerk għall-Intrapriżi (Vlaams netwerk van ondernemingen or VOKA) u l-Unjoni tal-imprendituri indipendenti (Unie van zelfstandige ondernemers or Unizo), il-gvern tal-Provinċja ta' Antwerp u l-Ministru Fjamming għall-Impjieg.

    L-impatt mistenni tas-sensji fir-rigward tal-impjiegi lokali, reġjonali jew nazzjonali

    18. L-awtoritajiet Belġjani jsostnu li r-reġjun l-aktar affettwat mis-sensji huwa d-distrett amministrattiv (' arrondissement' ) ta' Antwerp:' madwar 75 % tas-sensji ngħataw f'dan ir-reġjun u madwar 66 % tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja jgħixu f'dan ir-reġjun. L-awtoritajiet Belġjani jkomplu jiddikjaraw li s-sensji se jkollhom impatt ukoll fuq is-sitwazzjoni tal-impjiegi fid-distretti amministrattivi ta' Dendermonde u Sint-Niklaas, fejn jgħix sehem rilevanti tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja. Filwaqt li l-għadd ta' persuni li qegħdin ifittxu impjieg fil-perjodu ta' Ottubru 2009 – Ottubru 2010 naqas b'1,64 % fil-Fjandri, fid-distretti amministrattivi ta' Antwerp, Dendermonde u Sint-Niklaas żdied bi 2,39 %, 2,71 % u 4,05 % rispettivament. Għall-istess perjodu, ir-rata ta' qgħad għall-Fjandri naqset b'0,21 %, fid-distrett amministrattiv ta' Antwerp din żdiedet b'0,10 %.

    Pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati li jridu jiġu ffinanzjati u analiżi tal-ispejjeż stmati, inkluża l-komplimentarjetà tiegħu mal-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali

    19. Qed jiġu proposti t-tipi ta’ miżuri li ġejjin, li kollha jingħaqdu biex jiffurmaw pakkett ikkoordinat ta’ servizzi personalizzati mmirati lejn l-integrazzjoni mill-ġdid tal-ħaddiema fis-suq tax-xogħol.

    20. L-ewwel serje ta' miżuri tikkonċerna l-għajnuna għat-tfittxija ta' Impjieg: Bħala l-ewwel miżuradawn jinkludu intervista tal-bidu u l-iskrining limitat tal-profili tal-ħaddiema u tqabbil mal-postijiet ta' xogħol vakanti disponibbli. It-tieni miżura tkopri akkumpanjament individwali meta persuna tkun qiegħda tfittex impjieg u tinkludi skrining fil-fond tal-possibbiltajiet u aspirazzjonijiet tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja u l-iżvilupp ta' trajjettorja biex jinstab impjieg ġdid. It-tielet miżura tikkonċerna l-provvediment ta' konsulenti dwar l-intervent soċjali tal-VDAB biex tgħin lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja b'sessjonijiet ta' informazzjoni, biex jipprovdu punt ta' kuntatt fl-intrapriża li tat is-sensji. Ir-raba' miżura tikkonċerna l-provvediment tal-gwida vokazzjonali lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja. Il-ħames miżura tikkonċerna l-organizzazzjoni tal-fieri tal-impjiegi li se ġġib flimkien il-ħaddiema li ngħataw is-sensja u r-rappreżentanti tal-kumpaniji li joffru postijiet tax-xogħol vakanti li jikkorrispondu għall-profili tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja.

    21. It-tieni serje ta' miżuri tikkonċerna t-Taħriġ u t-taħriġ mill-ġdid: Din tkopri tipi varji ta' taħriġ vokazzjonali organizzat mill-VDAB, mill-fornituri tat-taħriġ wara proċedura tal-akkwist jew mill-Fond għas-settur tal-Metall f'Antwerp (FTMA). Din tkopri wkoll taħriġ dwar it-tekniki varji meħtieġa meta persuna tapplika għal impjieg. Bħala t-tielet miżura hemm taħriġ vokazzjonali individwali (Individuele Beroepsopleiding or IBO) għal perjodu medju ta' tliet xhur li għandu l-għan li joffri lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja impjieg fit-tul f'settur differenti jew f'funzjoni differenti.

    22. Għajnuna għall-klassifikazzjoni mill-ġdid: Din tkopri tliet xhur ta' għajnuna għall-klassifikazzjoni mill-ġdid lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja u li huma taħt l-45 sena. Għall-ħaddiema li għandhom 'il fuq minn 45 sena din hija obbligu legali għall-intrapriża li tagħti s-sensji u taqa' lil hinn mill-pakkett tal-miżuri eliġibbli għall-appoġġ tal-EGF.

    23. Għajnuna għal impjieg indipendenti: Din hija rilevanti għall-proġett ''Ondernemen werkt" ("Jaqbillek issir imprenditur"). Din tikkonċerna l-għażla ta' kandidati potenzjali, il-provvediment ta' taħriġ għall-intraprendenza, għajnuna għall-iżvilupp ta' pjan ta' negozju u studju fattibbli kif ukoll sostenn għar-rekwiżiti amministrattivi. Kull imprenditur-kandidat isegwi pjan ta' żvilupp individwali u jkun iggwidat mill-qrib.

    24. In-nefqa għall-implimentazzjoni tal-EGF, li hija inkluża fl-applikazzjoni, skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, tkopri attivitajiet ta’ tħejjija, ġestjoni u kontroll kif ukoll informazzjoni u pubbliċità.

    Is-servizzi personalizzati ppreżentati mill-awtoritajiet Belġjani huma miżuri attivi tas-suq tax-xogħol fi ħdan l-azzjonijiet eliġibbli definiti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006. L-awtoritajiet Belġjani jistmaw li l-kosti totali ta’ dawn is-servizzi huma ta’ EUR 14 324 894,84 u n-nefqa għall-implimentazzjoni tal-EGF hija ta' EUR 435 000 (2,95 % tal-ammont totali). Il-kontribuzzjoni totali mitluba mill-EGF hija ta’ EUR 9 593 931 (65 % tal-kosti totali).

    Azzjonijiet | Għadd stmat ta’ ħaddiema identifikati | Kost stmat għal kull ħaddiem identifikat (EUR) | Kosti totali (l-EGF u l-kofinanzjament nazzjonali) (EUR) |

    Servizzi personalizzati (l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006) |

    Għajnuna għat-tiftix ta’ impjieg 1. Intervista tal-bidu ('gesprekken voor eerste opvang') | 2 834 | 16,00 | 45 344,00 |

    2. Akkumpanjament individwali meta persuna tkun qiegħda tfittex impjieg ('individuele begeleiding in zoektocht naar een baan) | 1 750 | 1 000,00 | 1 750 000,00 |

    3. Provvediment ta' konsulenti dwar intervent soċjali (('SIA werking') | 2 834 | 3,96 | 11 222,64 |

    4. Provvediment ta' gwida vokazzjonali ('beroepskeuzevoorlichting') | 16 | 1 095,88 | 17 534,00 |

    5. Fiera tal-impjiegi ('Jobbeurs') | 1 000 | 42,00 | 42 000,00 |

    Taħriġ u taħriġ mill-ġdid 6.a&b. taħriġ mill-VDAB jew permezz ta' proċedura tal-akkwist ('opleidingen in eigen beheer of uitbesteding') | 500 | 12 708,80 | 6 354 400,00 |

    6.c. Taħriġ mill-Fond għas-settur tal-Metall f'Antwerp ('opleiding door FTMA') | 577 | 610,00 | 351 970,00 |

    7. Taħriġ għall-applikazzjoni ('sollicitatietraining') | 500 | 1 955,20 | 977 600,00 |

    8. Impjieg permezz tat-taħriġ vokazzjonali individwali ('tewerstelling via IBO') | 250 | 4 300,00 | 1 075 000,00 |

    Għajnuna għall-klassifikazzjoni mill-ġdid ('outplacementbegeleiding) | 1 253 | 2 873,76 | 3 600 824,20 |

    Għajnuna għal impjieg indipendenti ('ondersteuning naar zelfstandige beroepsactivteit') | 90 | 1 100,00 | 99 000,00 |

    Subtotal tas-servizzi personalizzati | 14 324 894,84 |

    Nefqa fuq l-implimentazzjoni tal-EGF (it-tielet paragrafu tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006) |

    Attivitajiet ta' tħejjija | 10 000,00 |

    Ġestjoni | 130 000,00 |

    Informazzjoni u pubbliċità | 270 000,00 |

    Attivitajiet ta’ kontroll | 25 000,00 |

    Subtotal tan-nefqa totali għall-implimentazzjoni tal-EGF | 435 000,00 |

    Stima totali tal-kosti | 14 759 894,84 |

    Kontribut tal-EGF (65 % tal-kosti totali) | 9 593 931 |

    25. Il-Belġju jikkonferma li l-miżuri deskritti hawn fuq huma komplementarji mal-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali. Se jiġi assigurat prosegwiment kontinwu tal-finanzjament permezz tal-EGF u l-Fondi Strutturali permezz tal-bażi tad-dejta tal-Aġenzija tal-FSE fil-Fjandri kif ukoll permezz tas-sistema ta' prosegwiment tal-klijent Fjamminga (ClientVolgSysteem or light CVS) li tinkludi d-dejta għal kull partiċipant individwali.

    Data(i) li fiha/fihom bdew jew kienu ppjanati li jibdew is-servizzi personalizzati għall-ħaddiema affettwati

    26. Fl-14 ta’ Ġunju 2010, il-Belġju beda s-servizzi personalizzati għall-ħaddiema affettwati inklużi fil-pakkett koordinat propost lill-EGF għall-kofinanzjament. Din id-data, għalhekk, tirrappreżenta l-bidu tal-perjodu ta' eliġibbiltà għal kwalunkwe għajnuna li tista' tingħata mill-EGF.

    Proċeduri għall-konsultazzjoni mas-sħab soċjali

    27. L-awtoritajiet Belġjani kkonfermaw li l-pakkett ta' miżuri propost għall-għajnuna mill-EGF ġie stabbilit b'kunsens mal-imsieħba soċjali u li l-miżuri kollha inklużi fil-pakkett huma sostnuti mill-imsieħba soċjali.

    28. L-awtoritajiet Belġjani kkonfermaw li kien hemm konformità mar-rekwiżiti stipulati fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-UE dwar sensji kollettivi.

    Informazzjoni dwar azzjonijiet li huma obbligatorji skont il-liġi nazzjonali jew il-ftehimiet kollettivi

    29. Fir-rigward tal-kriterji li jinsabu fl-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, l-awtoritajiet Belġjani fl-applikazzjoni tagħhom:

    30. ikkonfermaw li l-kontribuzzjoni finanzjarja mill-EGF ma tissostitwixxix miżuri li huma r-responsabbiltà ta' kumpaniji bis-saħħa tal-liġi nazzjonali jew ftehimiet kollettivi;

    31. taw prova li l-azzjonijiet jipprovdu sostenn lill-ħaddiema individwali u ma għandhomx jintużaw għar-ristrutturar ta' kumpaniji jew setturi;

    32. ikkonfermaw li l-azzjonijiet eliġibbli ma jirċevux assistenza minn strumenti finanzjarji tal-UE oħra.

    Sistemi ta' ġestjoni u kontroll

    33. Il-Belġju nnotifika lill-Kummissjoni li l-kontribuzzjoni finanzjarja se tkun ġestita u kkontrollata mill-istess entità li tiġġestixxi u tikkontrolla l-FSE fil-Fjandri ('ESF-Agentschap Vlaanderen'). Se jinħoloq kumitat ta' monitoraġġ sabiex jimmonitorja l-implimentazzjoni tal-kontribuzzjoni tal-EGF. Dan il-kumitat se jkollu l-istess responsabbiltajiet bħall-kumitat ta' monitoraġġ Fjammingu għall-Għan 2 tal-FSE fil-Fjandri.

    Il-finanzjament

    34. Abbażi tal-applikazzjoni mill-Belġju, il-kontribuzzjoni proposta mill-EGF għall-pakkett ikkoordinat tas-servizzi personalizzati hija ta' EUR 9 593 931, li tirrappreżenta 65 % tal-kost totali. L-allokazzjoni proposta tal-Kummissjoni minn dan il-Fond hija bbażata fuq l-informazzjoni li ngħatat mill-Belġju.

    35. B'kunsiderazzjoni tal-ammont massimu possibbli ta' kontribuzzjoni finanzjarja mill-EGF skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, kif ukoll l-ambitu tal-allokazzjoni mill-ġdid ta' approprjazzjonijiet, il-Kummissjoni tipproponi li timmobilizza l-EGF għall-ammont totali msemmi hawn fuq, li għandu jiġi allokat skont l-intestatura 1a tal-qafas finanzjarju.

    36. L-ammont propost ta' kontribuzzjoni finanzjarja se jħalli aktar minn 25 % tal-ammont massimu annwali ddestinat għall-EGF disponibbli għall-allokazzjonijiet matul l-aħħar erba' xhur tas-sena, kif meħtieġ bl-Artikolu 12(6) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006.

    37. Bil-preżentazzjoni ta' din il-proposta sabiex timmobilizza l-EGF, il-Kummissjoni qiegħda tniedi l-proċedura ssimplifikata ta' trijalogu, kif mitlub mill-Punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006, sabiex tikseb il-qbil taż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja dwar il-ħtieġa li jintuża l-EGF u l-ammont meħtieġ. Il-Kummissjoni tistieden lill-ewwel waħda miż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja li tilħaq ftehim dwar l-abbozz tal-proposta għall-mobilizzazzjoni biex, f'livell politiku xieraq, tgħarraf lill-fergħa l-oħra u lill-Kummissjoni bl-intenzjonijiet tagħha. F'każ ta' nuqqas ta' qbil minn xi waħda miż-żewġ partijiet tal-awtorità baġitarja, se tissejjeħ laqgħa formali ta' trijalogu.

    38. B’mod separat, il-Kummissjoni tippreżenta talba ta' trasferiment sabiex fil-baġit għall-2011 iddaħħal approprjazzjonijiet għall-impenji speċifiċi, kif mitlub mill-Punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006.

    Sors tal-approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet

    39. Il-baġit tal-2011 li juri approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet ta' EUR 47 608 950 dwar il-linja baġitarja 04.0501 "Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF)", din il-linja baġitarja se tintuża biex tkopri l-ammont ta' EUR 9 593 931 meħtieġa għall-applikazzjoni preżenti.

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, skont il-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda (applikazzjoni EGF/2010/031 BE/General Motors Belgium mill-Belġju)

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda[6], u b'mod partikolari l-punt 28 tiegħu,

    Wara li kkunsidraw ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni[7], u b'mod partikolari l-Artikolu 12(3) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni[8],

    Billi:

    (1) Il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF) twaqqaf biex jipprovdi appoġġ addizzjonali għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja minħabba bidliet strutturali kbar fix-xejriet kummerċjali dinjin dovuti għall-globalizzazzjoni u sabiex jiġu megħjuna fir-reintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol.

    (2) L-ambitu tal-EGF twessa’ għall-applikazzjonijiet imressqa mill-1 ta’ Mejju 2009 biex jinkludi appoġġ għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja b'riżultat dirett tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali.

    (3) Il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 jippermetti l-mobilizzazzjoni tal-EGF taħt il-limitu massimu annwali ta’ EUR 500 miljun.

    (4) Il-Belġju ressaq applikazzjoni għall-mobilizzazzjoni tal-EGF, fir-rigward tas-sensji fl-intrapriża General Motors Belgium u erbgħa mill-fornituri tagħha, fl-20 ta' Diċembru 2010 u sostniha b'informazzjoni addizzjonali sal-24 ta' Jannar 2011. Din l-applikazzjoni tikkonforma mar-rekwiżiti sabiex jiġu ddeterminati l-kontribuzzjonijiet finanzjarji kif stabbilit fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006. Il-Kummissjoni għalhekk ressqet proposta biex timmobilizza l-ammont ta' EUR 9 593 931.

    (5) L-EGF għandu, għalhekk, jiġi mmobilizzat sabiex jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja għall-applikazzjoni mressqa mill-Belġju.

    ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2011, il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF) għandu jiġi mmobilizzat biex jipprovdi s-somma ta' EUR 9 593 931 f'approprjazzjonijiet għall-impenji u l-ħlasijiet.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea .

    Magħmul fi [Brussell/Strasburgu],

    Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

    Il-President Il-President

    [1] ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

    [2] ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.

    [3] Ġeneralment issr referenza għalih bħala "Opel Antwerp"

    [4] Skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006.

    [5] Dan it-tqassim huwa bbażat fuq l-estrapolazzjoni tal-ishma relattivi magħrufa ta' kull kategorija għall-2 354 ħaddiema li ngħataw is-sensja għall-popolazzjoni kollha tal-ħaddiema identifikati.

    [6] ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

    [7] ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.

    [8] ĠU C […], […], p. […].

    Top