Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011PC0062

    Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni skont il-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda (applikazzjoni EGF/2010/013 PL/makkinarju ta' Podkarpackie mill-Polonja)

    /* KUMM/2011/0062 finali */

    52011PC0062

    Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni skont il-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda (applikazzjoni EGF/2010/013 PL/makkinarju ta' Podkarpackie mill-Polonja) /* KUMM/2011/0062 finali */


    [pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

    Brussel 15.2.2011

    KUMM(2011) 62 finali

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni skont il-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda (applikazzjoni EGF/2010/013 PL/makkinarju ta' Podkarpackie mill-Polonja)

    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    Il-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda[1] jippermetti l-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF) permezz ta' mekkaniżmu ta' flessibilità, sal-limitu massimu annwali ta' EUR 500 miljun, u dan apparti mill-intestaturi rilevanti tal-qafas finanzjarju.

    Ir-regoli applikabbli għall-kontribuzzjonijiet mill-EGF huma stipulati fir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni[2].

    Fis-27 ta' April 2010, il-Polonja ressqet l-applikazzjoni EGF/2010/013 PL/Podkarpackie għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-EGF, wara sensji f'tliet impriżi li joperaw fis-settur tan-NACE Reviżjoni 2 Diviżjoni 28 ("Manifattura ta' makkinarju u tagħmir") [3] fir-reġjun NUTS II ta' Podkarpackie (DK32) fil-Polonja.

    Wara analiżi bir-reqqa ta' din l-applikazzjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006 li l-kundizzjonijiet għal kontribuzzjoni finanzjarja skont dan ir-Regolament huma ssodisfatti.

    TAQSIRA TAL-APPLIKAZZJONI U L-ANALIŻI

    Dejta ewlenija: |

    Nru ta' Referenza tal-EGF | EGF/2010/013 |

    Stat Membru | Il-Polonja |

    Artikolu 2 | (b) |

    Intrapriżi konċernati | 3 |

    Ir-reġjun NUTS II | Podkarpackie (PL32) |

    Taqsima NACE Reviżjoni 2 | 28 ("Manifattura ta’ makkinarju u tagħmir") |

    Perjodu ta’ referenza | 1.6.2009 – 1.3.2010 |

    Data tal-bidu għas-servizzi personalizzati | 1.8.2009 |

    Data tal-applikazzjoni | 27.4.2010 |

    Sensji matul il-perjodu ta' referenza | 594 |

    Ħaddiema ssensjati fil-mira għas-sostenn | 200 |

    Nefqa għas-servizzi personalizzati (EUR) | 684 800 |

    Nefqa għall-implimentazzjoni tal-EGF[4] (EUR) | 13 000 |

    Nefqa għall-implimentazzjoni tal-EGF (%) | 1,9 |

    Baġit totali (EUR) | 697 800 |

    Il-kontribuzzjoni tal-EGF (65 %) (EUR) | 453 570 |

    1. L-applikazzjoni tressqet quddiem il-Kummissjoni fis-27 ta’ Marzu 2010 u kienet supplimentata b'tagħrif addizzjonali sal-4 ta' Awwissu 2010.

    2. L-applikazzjoni tissodisfa l-kundizzjonijet għat-tħaddim tal-EGF kif stipulat fl-Artikolu 2(b) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006 u tressqet fiż-żmien stipulat ta' 10 ġimgħat kif imsemmi fl-Artikolu 5 ta' dan ir-Regolament.

    Ir-rabta bejn is-sensji u t-tibdiliet strutturali ewlenin fix-xejriet kummerċjali dinjin minħabba l-globalizzazzjoni jew il-kriżi finanzjarja u ekonomika globali

    3. Sabiex tiġi stabbilita rabta bejn is-sensji u l-kriżi globali ekonomika u finanzjarja, il-Polonja targumenta li s-settur tal-produzzjoni tal-makkinarju huwa partikolarment vulnerabbli għal bidliet fl-ekonomija globali minħabba s-sehem għoli tal-kummerċ internazzjonali fil-produzzjoni globali u b’konsegwenza ta’ dan il-kompetizzjoni diretta ta' produtturi minn pajjiżi oħra fis-suq globali. Fl-2008, is-sehem ta' esportazzjonijiet fil-valur tal-produzzjoni mibjugħ mis-settur tal-bini tal-makkinarju fil-Polonja ammonta għal 45,6 %.

    4. L-industrija Pollakka tal-bini tal-makkinarju sal-2007 kienet ikkaratterizzat minn tkabbir rapidu fil-produzzjoni, ikkawżat mill-iżvilupp rapidu tal-ekonomija Pollakka u l-opportunitajiet tajbin ta' esportazzjoni. Fl-2008, l-iżvilupp tas-settur naqas minħabba l-kriżi globali ekonomika u finanzjarja. Fl-2009, għall-ewwel darba f'bosta snin, is-settur irrapporta tnaqqis fil-produzzjoni.

    5. Id-domanda mnaqqsa fil-pajjiżi tal-UE-15 (li rċevew 77,8 % mill-esportazzjonijiet Pollakki fl-2008) ikkontribwiet għal tnaqqis fil-valur tal-oġġetti mibjugħa barra, billi tmienja minn 10 minn dawk li jirċievu l-biċċa l-kbira minn dan il-makkinarju Pollakk huma l-Istati Membri tal-UE. Il-valur tal-esportazzjoni tal-makkinarju u t-tagħmir mill-Polonja għall-Istati Membri niżel b'iktar minn 10 % bejn l-2008 u l-2009, filwaqt li l-produzzjoni tal-makkinarju b'kollox niżel b'madwar 8 %.

    6. Il-Ġermanja hija l-ikbar sieħba kummerċjali tal-Polonja, bi 23 % tal-makkinarju prodott fil-Polonja jispiċċa f'dan il-pajjiż. Il-Ġermanja nnifisha hija dipendenti b'mod qawwi fuq l-esportazzjonijiet u b'riżultat tal-kriżi fl-2009 soffriet minn tnaqqis ta' 20 % fl-ordnijiet ta’ makkinarju u tagħmir. Dan kellu impatt negattiv fuq il-fornituri Pollakki għall-manifatturi Ġermaniżi.

    7. Importaturi sinifikanti oħrajn tal-makkinarju u tagħmir Pollakk, eż. l-Ukraina u r-Russja, ukoll rreġistraw tnaqqis fl-iżvilupp tas-settur tal-kostruzzjoni. F'dawn il-pajjiżi, is-settur kien appoġġjat il-biċċa l-kbira minn kapital barrani. Minħabba l-kriżi globali, dawn is-sorsi barranin ta' finanzjar tnaqqsu b'mod sinifikanti, u kkawżaw tnaqqis fil-valur tax-xogħolijiet ta' kostruzzjoni u installazzjoni (tnaqqis ta' 20 % fir-Russja u b'iktar minn 55 % fl-Ukraina fl-ewwel ħames xhur tal-2009). Huta Stalowa Wola S.A. tesporta 60 % tal-produzzjoni tal-makkinarju ta' kostruzzjoni tagħha lejn il-pajjiżi tal-Ewropa tal-Lvant.

    8. It-tliet kumpaniji li l-ħaddiema tagħhom huma fil-mira għall-appoġġ tal-EGF skont din l-applikazzjoni, ġew affettwati direttament bit-tendenzi negattivi deskritti hawn fuq.

    Huta Stalowa Wola S.A ., waħda mill-ikbar produtturi domestiċi ta' tagħmir militari, irreġistrat tnaqqis ta' 54 % fl-esportazzjonijiet fl-2009, filwaqt li 10 % biss mill-produzzjoni totali kien fil-mira fis-suq domestiku.

    Fl- HSW – Zakład Zespołów Napędowych Sp. z o.o. (HSW - ZZN Sp. z o.o.) , produttur tal-unitajiet tal-elettriku użati fil-makkinarju tal-kostruzzjoni; il-bejgħ totali naqas b'47 % u l-esportazzjonijiet bi 34 %.

    Zakłady Metalowe DEZAMET S.A. (ZM DEZAMET S.A.) , li tipproduċi parts għall-makkinarju tal-bini tat-toroq, tal-kostruzzjoni, u tal-minjieri, kellha tnaqqis ta' 58 % fl-esportazzjonijiet bejn l-2008 u l-2009.

    Turija tal-għadd ta’ sensji u konformità mal-kriterji tal-Artikolu 2(b)

    9. Il-Polonja ressqet din l-applikazzjoni skont il-kriterji ta' intervent tal-Artikolu 2(b) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, li jitlob li jkun hemm minn tal-inqas 500 sensja fuq perjodu ta' disa' xhur f'intrapriżi li joperaw fl-istess Diviżjoni tar-Reviżjoni 2 tan-NACE f'reġjun wieħed jew żewġ reġjuni kontigwi fil-livell tan-NUTS II fi Stat Membru.

    10. L-applikazzjoni ssemmi 594 sensja fi tliet intrapriżi fid-Diviżjoni 28 tan-NACE Reviżjoni 2 ("Manifattura ta' makkinarju u tagħmir") fir-reġjun NUTS II ta' Podkarpackie (PL32) matul il-perjodu ta' referenza mill-1 ta' Ġunju 2009 sal-1 ta' Marzu 2010. Dawn is-sensji kollha ġew ikkalkolati skont it-tieni inċiż tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006.

    Spjegazzjoni tan-natura mhux prevista ta’ dawk is-sensji

    11. L-awtoritajiet Pollakki jsostnu li l-kriżi ekonomika u finanzjarja globali ma kinetx prevista, u li din kienet ħalliet impatt gravi fuq l-industrija tal-makkinarju u tat-tagħmir tal-manifattura, kif deskritt hawn fuq fil-paragrafi 3 sa 8 hawn fuq.

    Identifikazzjoni tal-intrapriżi taw is-sensji u l-ħaddiema li huma fil-mira għall-għajnuna

    12. L-applikazzjoni ssemmi total ta' 594 sensji, fi tliet ditti mhux relatati fid-Diviżjoni 28 tan-NACE Reviżjoni 2 f' Podkarpackie matul il-perjodu ta' referenza.

    Intrapriżi | Sensji |

    Huta Stalowa Wola S.A. | 357 |

    Huta Stalowa Wola S.A. – Zakład Zespołów Napędowych Sp. z o.o. | 139 |

    Zakłady Metalowe DEZAMET S.A. | 98 |

    Total | 594 |

    Il-Polonja tikkalkula li 200 mill-ħaddiema ssensjati għandhom jirċievu l-għajnuna mill-EGF . Skont l-awtoritajiet Pollakki, il-bqija tal-ħaddiema huma mistennija li jsibu xogħol permezz tal-inizjattiva tagħhom stess mingħajr il-ħtieġa ta’ għajnuna mill-EGF, jew li joħorġu mis-suq tax-xogħol.

    13. It-tqassim tal-ħaddiema fil-mira huwa kif ġej:

    Kategorija | Numru | Persentaġġ |

    Irġiel | 154 | 77,0 |

    Nisa | 46 | 23,0 |

    Ċittadini tal-UE | 200 | 100,0 |

    Ċittadini barra l-UE | 0 | 0,0 |

    Età bejn il-15 u l-24 sena | 21 | 10,5 |

    25 sa 54 sena | 121 | 60,5 |

    minn 55 sa 64 sena | 40 | 20,0 |

    > 64 | 18 | 9,0 |

    14. Fit-termini ta' kategoriji professjonali jitqassmu kif ġej:

    Kategorija | Numru | Persentaġġ |

    Ħaddiema fis-snajja' tal-metall, fil-makkinarju u fi snajja oħra relatati | 108 | 54,0 |

    Ħaddiema fil-qasam tal-minjieri, tal-bini, tal-manifattura u tat-trasport | 40 | 20,0 |

    Skrivani | 17 | 8,5 |

    Operaturi ta' impjanti immobbli u operaturi relatati | 10 | 5,0 |

    Professjonisti assoċjati tax-xjenza tal-fiżika u tal-inġinerija | 10 | 5,0 |

    Professjonisti oħra | 7 | 3,5 |

    Professjonisti assoċjati oħra | 5 | 2,5 |

    Maniġers korporattivi | 1 | 0,5 |

    Professjonisti tax-xjenza tal-fiżika, tal-matematika u tal-inġinerija | 1 | 0,5 |

    Sewwieqa u operaturi ta' impjanti mobbli | 1 | 0,5 |

    15. Skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, il-Polonja kkonfermat li ġiet applikata politika ta' ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel kif ukoll ta' nondiskriminazzjoni, u li din se tkompli tapplika matul l-istadji varji tal-implimentazzjoni tal-EGF u, b'mod partikolari, fir-rigward tal-aċċess għalih.

    Deskrizzjoni tat-territorju kkonċernat u tal-awtoritajiet u l-partijiet interessati tiegħu

    16. It-territorju kkonċernat huwa Podkarpackie voivodship (provinċja) (NUTS II – PL32 Podkarpackie), u b'mod partikolari l- powiats (kontej/distretti) ta' Stalowa Wola, Nisko u Tarnobrzeg (fin-NUTS III – PL 326 sottoreġjun ta' Tarnobrzeg u PL 325 sottoreġjun ta' Rzeszów).

    Il-provinċja ta' Podkarpackie hija l-ħames waħda fl-erja u t-tmien waħda fil-popolazzjoni fost is-sittax-il provinċja tal-Polonja, b'erja ta' 17 845 km² u popolazzjoni kemxejn il-fuq minn 2 miljun ruħ. Il-belt kapitali tagħha hija Rzeszów. It-tliet distretti affettwati huma kollha fil-parti ta' fuq tal-provinċja.

    Id-distrett ta' Stalowa Wola, b'erja ta' 832 km², għandu popolazzjoni ta' 109 410 ruħ (fl-2006); Id-distrett ta' Nisko, b'erja ta' 786 km², għandu popolazzjoni ta' 67 065 ruħ (fl-2006);Id-distrett ta' Tarnobrzeg, b'erja ta' 607 km², għandu popolazzjoni ta' 103 338 ruħ (fl-2006).

    17. Il-partijiet interessati prinċipali jinkludu l-gvernijiet provinċjali u lokali li huma involuti fl-għajnuna għall-ħaddiema ssensjati, permezz tal-Uffiċċju Provinċjali tax-Xogħol f'Rzeszów u l-Uffiċċji tax-Xogħol fid-distretti li fihom jinsabu d-ditti. Involuti wkoll biex jipprovdu l-assistenza lill-ħaddiema ssensjati huma l-Uffiċċju tat-Taxxa, l-Istituzzjoni tal-Sigurtà Soċjali (ZUS), l-Ispettorat Nazzjonali tax-Xogħol (PIP) u ċ-Ċentri Vokazzjonali tal-Informazzjoni u l-Ippjanar tal-Karriera f'Tarnobrzeg u Stalowa Wola, kif ukoll il-Kunsill tax-Xogħol ta' Voivodship f'Rzeszów, il-Kamra Reġjonali tal-Kummerċ fi Stalowa Wola, l- Għaqda tal-Artiġjani u Intraprendituri Oħra fi Stalowa Wola, l-Aġenzija tal-Iżvilupp Reġjonali f'Tarnobrzeg, il-Kamra tal-Kummerċ u l-Industrija f'Tarnobrzeg, l-Aġenzija tal-Iżvilupp Industrijali – l-Uffiċċju f'Tarnobrzeg.

    18. L-imsieħba soċjali involuti fl-implementazzjoni tal-EGF huma l-Organizzazzjoni tal-Intrapriżi tat-Trejdjunjin ta' Solidarność (Solidarjetà, kif ukoll il-Kunsill tax-Xogħol ta' Voivodship f'Rzeszów, il-Kamra Reġjunali tal-Kummerċ fi Stalowa Wola , l-Għaqda tal-Artiġjani u Intraprendituri Oħra fi Stalowa Wola, l-Aġenzija tal-Iżvilupp Reġjonali f'Tarnobrzeg, il-Kamra tal-Kummerċ u l-Industrija f'Tarnobrzeg, l-Aġenzija tal-Iżvilupp Industrijali – l-Uffiċċju f'Tarnobrzeg.

    L-impatt mistenni tas-sensji fir-rigward tal-impjiegi lokali, reġjonali jew nazzjonali

    19. Il-Polonja qed tistenna li l-impatt tas-sensji jkun sinifikanti lokalment. Is-sensji wasslu għal żieda fil-qgħad fid-distretti inkwistjoni. Il-ħaddiema li ngħataw is-sensja mit-tliet ditti ċitati fl-applikazzjoni ammontaw għal 3,4% tal-għadd totali minn dawk qiegħda fid-distrett ta' Stalowa Wola, 2,9 % fid-distrett ta' Niskot, 2,3 % fid-distrett ta' Tarnobrzeg fl-aħħar ta' Frar 2010.

    Il-ħaddiema li ngħataw is-sensja ammontaw għal 0,8 % tal-impiegi totali ta' Stalowa Wola, 1 % fid-distrett ta' Nisko u 0,5 % fid-distrett ta' Tarnobrzeg sal-aħħar ta' Frar 2010.

    Fid-distretti affettwati tal-provinċja l-għadd ta' persuni qiegħda żdiedu b'mod konsiderevoli (id-dejta kollha mill-perjodu ta' Ġunju 2009 sa Frar 2010): b'20 % fid-distrett ta' Nisko, 19 % fid-distrett ta' Tarnobrzeg, u 24 % fid-distrett ta' Stalowa Wola. Ir-rata tal-qgħad fit-tliet distretti kienu ogħla mill-medja (24 %, 17 % u 15 % rispettivament meta mqabbel ma' 13 % għal Polonja fi Frar 2010).

    Pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati li jridu jiġu ffinanzjati u analiżi tal-ispejjeż stmati, inkluża l-komplimentarjetà tiegħu mal-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali

    20. Il-Polonja qed tipproponi pakkett ta' ħames miżuri separati iżda kkoordinati favur il-ħaddiema ssensjati. L-għan ta' dawn l-attivitajiet huwa li jżidu l-attività u l-mobilità tal-ħaddiema ssensjati fis-suq tax-xogħol, li jippromwovu l-intraprendenza fost il-ħaddiema u jtejbu l-opportunitajiet biex jinstab ix-xogħol, inter alia , billi jadattaw il-kwalifiki tal-persuni li spiċċaw bis-sensja sforz tal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol. L-azzjonijiet huma deskritti fid-dettall hawn taħt.

    21. Taħriġ u taħriġ mill-ġdid – l-irkupru tal-ispejjeż għat-taħriġ (inklużi l-istudji ta' wara l-lawrja), l-ispejjeż tal-ivjaġġar jew in-nefqa tal-akkomodazzjoni u l-ikliet provduti waqt it-taħriġ, l-irkupru tal-ispejjeż tal-eżamijiet mediċi u psikoloġiċi li jgħinu lit-trainees jiksbu ċertifikati, diplomi, ċerti kwalifiki jew titoli professjonali, u l-ispejjeż biex jinkisbu l-liċenzji neċessarji biex jitwettaq ix-xogħol. Huwa stmat li 100 ħaddiem se jibbenefikaw minn din il-miżura, li tammonta għal EUR 2 308 għal kull ħaddiem.

    22. Allokazzjonijiet għal taħriġ fuq ix-xogħol - għal ħaddiema ta' taħt il-25 sena li ngħataw is-sensja rreferuti mill-PLO, jistgħu jingħataw allokazzjoni ekwivalenti għal 120 % tal-benefiċċju tal-qgħad, għal perjodu massimu ta' 12-il xahar matul it-taħriġ fil-post tax-xogħol bħala allokazzjoni tat-taħriġ, kif speċifikat fil-kuntratt mas-sid. L-ispiża stmata hija ta' EUR 3 000 għal kull ħaddiem, u huwa stmat li 10 ħaddiema se jibbenefikaw minn din il-mużura.

    23. Għotjiet għal konsultazzjoni tal-impieg indipendenti u konsultazzjoni rrelatata – għotjiet għall-prinċipjanti fin-negozju, inklużi l-ispejjeż tal-assistenza legali, il-konsultazzjoni u l-parir meta wieħed jiftaħ negozju. L-ammont ta' appoġġ huwa limitat għal mhux aktar minn sitt darbiet l-ammont tas-salarju medju u, meta l-attività taqa' taħt it-termini tal-kooperattivi soċjali, l-ammont ta' għotjiet allokati lill-persuni qiegħda ma jistax jaqbeż erba' darbiet is-salarju medju għal fundatur tal-kooperattivi membri, jew tliet darbiet is-salarju medju ta' membru li jissieħeb mal-kooperattiva soċjali wara l-formazzjoni tagħha. Huwa stmat li 20 ħaddiem se jibbenefikaw minn din il-miżura, li tammonta għal EUR 5 200 għal kull ħaddiem.

    24. Tagħmir u tgħammir mill-ġdid tal-postijiet tax-xogħol – għall-dawk li jimpjegaw ħaddiem li ngħata s-sensja li ġie referit lilu/lilha mill-uffiċċju tax-xogħol tad-distrett, l-ispejjeż tat-tagħmir u tat-tgħammir mill-ġdid fil-post tax-xogħol huma eliġibbli għal dik il-persuna. L-ammont għandu jkun speċifikat fil-kuntratt bejn is-sid u l-uffiċċju tax-xogħol tad-distrett, iżda ma jistax jaqbeż sitt darbiet is-salarju medju ta' kull xahar. Huwa stmat li 50 ħaddiem se jibbenefikaw minn din il-miżura, li tammonta għal EUR 5 200 għal kull ħaddiem.

    25. Allokazzjonijiet għal taħriġ vokazzjonali – taħriġ vokazzjonali prattiku għal ħaddiema li ngħataw is-sensja ta' tlieta sa' 18-il xahar. Min jirċievi t-taħriġ huwa intitolat għal allokazzjoni li tammonta għal massimu ta' 120 % mir-rata ta' benefiċċji tal-impieg. Huwa stmat li 20 ħaddiem se jibbenefikaw minn din il-miżura, li tammonta għal EUR 3 000 għal kull ħaddiem.

    26. In-nefqa għall-implimentazzjoni tal-EGF, li hija inkluża fl-applikazzjoni, skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, tkopri attivitajiet ta’ tħejjija, ġestjoni u kontroll kif ukoll informazzjoni u pubbliċità.

    27. Is-servizzi personalizzati ppreżentati mill-awtoritajiet Pollakki huma miżuri attivi tas-suq tax-xogħol fi ħdan l-azzjonijiet eliġibbli stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006. L-awtoritajiet Pollakki jistmaw li l-ispejjeż totali ta’ dawn is-servizzi huma ta’ EUR 684 800 u l-ispiża għall-implimentazzjoni tal-EGF hija ta' EUR 13 000 (1,9 % tal-ammont totali). Il-kontribuzzjoni totali mitluba mill-EGF hija ta’ EUR 453 570 (65 % tal-ispejjeż totali).

    Azzjonijiet | Stima tal-għadd ta' ħaddiema fil-mira | Stima tal-ispiża għal kull ħaddiem fil-mira (EUR) | Spejjeż totali (EGF u kofinanzjament nazzjonali) (f’EUR) |

    Servizzi personalizzati (l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006) |

    Taħriġ u taħriġ mill-ġdid | 100 | 2 308 | 230 800 |

    Allokazzjonijiet għal taħriġ fil-post tax-xogħol : | 10 | 3 000 | 30 000 |

    Għotjiet għall-impieg indipendenti u konsultazzjoni rrelatata | 20 | 5 200 | 104 000 |

    Tagħmir u tgħammir mill-ġdid fil-postijiet tax-xogħol | 50 | 5 200 | 260 000 |

    Allokazzjonijiet għal taħriġ vokazzjonali | 20 | 3 000 | 60 000 |

    Subtotal tas-servizzi personalizzati | 684 800 |

    Nefqa għall-implimentazzjoni tal-EGF (it-tielet paragrafu tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006) |

    Attivitajiet ta' tħejjija | 2 000 |

    Tmexxija | 3 000 |

    Tagħrif u reklamar | 6 000 |

    Attivitajiet ta’ kontroll | 2 000 |

    Subtotal tan-nefqa għall-implimentazzjoni tal-EGF | 13 000 |

    Stima totali tal-ispejjeż | 697 800 |

    Kontribut tal-EGF (65 % tal-ispejjeż totali) | 453 570 |

    28. Il-Polonja tikkonferma li l-miżuri deskritti hawn fuq huma komplimentarji mal-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali. Il-Polonja stabbiliet il-mekkaniżmi meħtieġa biex tiżgura s-separazzjoni finali tal-azzjonijiet imwettqa mill-EGF u l-fondi strutturali kif ukoll biex telimina kwalunkwe riskju ta' finanzjament doppju.

    Data(i) li fiha/fihom bdew jew kienu ppjanati li jibdew is-servizzi personalizzati għall-ħaddiema affettwati

    29. Fit-1 ta’ Awwissu 2009, il-Polonja bdiet is-servizzi personalizzati għall-ħaddiema affettwati inklużi fil-pakkett koordinat propost lill-EGF għall-kofinanzjament. Din id-data għalhekk tirrappreżenta l-bidu tal-perjodu ta' eliġibilità għal kull għajnuna li tista' tingħata mill-EGF.

    Proċeduri għall-konsultazzjoni mas-sħab soċjali

    30. Fis-16 ta' Frar 2009, fil-laqgħa tal-Kummissjoni provinċjali għad-Djalogu Soċjali f'Rzeszów, ġiet diskussa l-possibilità ta' appoġġ mill-EGF għal ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja mit-tliet kumpaniji fit-tliet distretti affettwati.

    Fit-3 ta' Diċembru 2009, f'laqgħa tal-Bord tal-Impiegi provinċjali, ġew diskussi l-prinċipji tal-EGF, flimkien mal-possibilità li ssir applikazzjoni għall-appoġġ tiegħu f'Pokarpackie u l-forom possibbli li dan l-appoġġ jista' jieħu.

    Tagħrif dwar azzjonijiet li huma mandatorji permezz tal-liġi nazzjonali jew skont ftehim kollettiv

    31. Fir-rigward tat-twettiq tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, fl-applikazzjoni tagħhom, l-awtoritajiet Pollakki:

    - ikkonfermaw li l-kontribuzzjoni finanzjarja mill-EGF ma tissostitwixxix miżuri li huma r-responsabbiltà ta' kumpaniji bis-saħħa tal-liġi nazzjonali jew ftehimiet kollettivi;

    - urew bil-provi li l-azzjonijiet jipprovdu appoġġ għall-ħaddiema individwali u mhumiex se jintużaw għar-ristrutturar tal-kumpaniji jew ta' setturi;

    - ikkonfermaw li l-azzjonijiet eliġibbli ma jirċevux assistenza minn strumenti finanzjarji tal-UE oħra.

    32. L-awtoritajiet Pollakki kkonfermaw ukoll li kemm l-UE, kif ukoll ir-regolamenti nazzjonali dwar l-għajnuna tal-istat ġew sodisfatti, partikolarment fir-rigward tal-azzjonijiet imsemmija taħt il-punt 23.

    Sistemi ta' tmexxija u kontroll

    33. Il-Polonja nnotifikat lill-Kummissjoni li l-kontribuzzjoni finanzjarja se tkun ġestita u kkontrollata mill-istess entitajiet li jiġġestixxu u jikkontrollaw il-finanzjament mill-Fond Soċjali Ewropew (ESF) fil-Polonja.

    L-Iffinanzjar

    34. Abbażi tal-applikazzjoni mill-Polonja, il-kontribuzzjoni proposta mill-EGF għall-pakkett kkoordinat ta’ servizzi personalizzati huwa ta’ EUR 453 570, li jirrappreżenta 65 % tal-ispiża totali. L-allokazzjoni proposta mill-Kummissjoni minn dan il-Fond hija bbażata fuq l-informazzjoni li ngħatat mill-Polonja.

    35. B'kunsiderazzjoni tal-ammont massimu possibbli ta' kontribuzzjoni finanzjarja mill-EGF skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, kif ukoll l-ambitu tal-allokazzjoni mill-ġdid ta' approprjazzjonijiet, il-Kummissjoni tipproponi li timmobilizza l-EGF għall-ammont totali msemmi hawn fuq, li għandu jiġi allokat skont l-intestatura 1a tal-qafas finanzjarju.

    36. L-ammont propost ta' kontribuzzjoni finanzjarja se jħalli aktar minn 25 % tal-ammont massimu annwali ddestinat għall-EGF disponibbli għall-allokazzjonijiet matul l-aħħar erba' xhur tas-sena, kif meħtieġ bl-Artikolu 12(6) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006.

    37. Bil-preżentazzjoni ta' din il-proposta biex timmobilizza l-EGF, il-Kummissjoni qiegħda tniedi l-proċedura ssimplifikata ta' trijalogu, kif mitlub mill-Punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006, bil-għan li tikseb il-qbil taż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja dwar il-ħtieġa li jintuża l-EGF u l-ammont meħtieġ. Il-Kummissjoni tistieden l-ewwel waħda miż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja li tilħaq ftehim dwar l-abbozz ta' proposta ta' mobilizzazzjoni, fil-livell politiku xieraq, biex tinforma lill-fergħa l-oħra u lill-Kummissjoni dwar l-intenzjonijiet tagħha. F'każ ta' nuqqas ta' qbil minn xi waħda miż-żewġ partijiet tal-awtorità baġitarja, se tissejjeħ laqgħa formali ta' trijalogu.

    38. Il-Kummissjoni tippreżenta, separatment, talba ta' trasferiment sabiex iddaħħal fil-baġit għall-2010 approprjazzjonijiet ta' impenji u ta' pagamenti speċifiċi, kif jitlob il-Punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006.

    Sors tal-approprijazzjonijiet ta' pagamenti

    39. Il-baġit tal-2011 qed juri approprijazzjonijiet ta' ħlas ta' EUR 47 608 950 fuq il-linja ta' baġit 04.0501 "Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF)". Din il-linja ta' baġit se tintuża biex tkopri l-ammont ta' EUR 453 570 għall-applikazzjoni preżenti.

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni skont il-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda (l-applikazzjoni EGF/2010/013 PL/makkinarju ta' Podkarpackie mressqa mill-Polonja)

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda[5], u b'mod partikolari l-punt 28 tiegħu,

    Wara li kkunsidraw ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni[6], u b'mod partikolari l-Artikolu 12(3) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni[7],

    Billi:

    (1) Il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF) twaqqaf biex jipprovdi appoġġ addizzjonali għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja minħabba bidliet strutturali kbar fix-xejriet kummerċjali dinjin dovuti għall-globalizzazzjoni u sabiex jiġu megħjuna fir-reintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol.

    (2) L-ambitu tal-EGF twessa’ għall-applikazzjonijiet imressqa mill-1 ta’ Mejju 2009 biex jinkludi appoġġ għall-ħaddiema ssensjati b'riżultat dirett tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali.

    (3) Il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 jippermetti l-mobilizzazzjoni tal-EGF fil-limitu massimu annwali ta’ EUR 500 miljun.

    (4) Il-Polonja bagħtet applikazzjoni biex timmobilizza l-EGF fir-rigward tas-sensji fiż-żewġ intrapriżi li joperaw fid-Diviżjoni 28 tar-Reviżjoni 2 tan-NACE ("Manifattura ta' makkinarju u tagħmir") fir-reġjun NUTS II ta' Podkarpackie (PL32), fis-27 ta' April 2010 u ssupplimentatu b'tagħrif addizzjonali sal-4 ta' Awwissu 2010. Din l-applikazzjoni hija konformi mar-rekwiżiti għad-determinazzjoni tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji kif stabbilit fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006. Il-Kummissjoni, għalhekk, tipproponi li jiġi mobilizzat ammont ta' EUR 453 570.

    (5) L-EGF għandu, għalhekk, jiġi mmobilizzat sabiex jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja għall-applikazzjoni mressqa mill-Polonja.

    ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2010, il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF) għandu jiġi mmobilizzat biex jipprovdi s-somma ta' EUR 453 570 f'approprjazzjonijiet għall-impenji u għall-pagamenti.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tkun ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea .

    Magħmul fi [Brussell/Strasburgu],

    Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

    Il-President Il-President

    [1] ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

    [2] ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.

    [3] Ir-Regolament (KE) Nru 1893/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-klassifikazzjoni tal-istatistika ta’ attivitajiet ekonomiċi tan-NACE Reviżjoni 2 u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3037/90 kif ukoll ċerti regolamenti tal-KE dwar setturi speċifiċi tal-istatistika (ĠU L 393, 30.12.2006, p. 1).

    [4] Skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006.

    [5] ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

    [6] ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.

    [7] ĠU C […], […], p. […].

    Top