Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011IP0576

    Il-Politika Ewropea tal-Viċinat Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 14 ta' Diċembru 2011 dwar ir-rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (2011/2157(INI))

    ĠU C 168E, 14.6.2013, p. 26–44 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    14.6.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    CE 168/26


    L-Erbgħa 14 ta’ Diċembru 2011
    Il-Politika Ewropea tal-Viċinat

    P7_TA(2011)0576

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Diċembru 2011 dwar ir-rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (2011/2157(INI))

    2013/C 168 E/05

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjonijiet Konġunti tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tal-25 ta' Mejju 2011 dwar Risposti ġodda għal Viċinat fi trasformazzjoni (COM(2011)0303) u tat-8 ta' Marzu 2011 dwar Sħubija għad-Demokrazija u l-Prosperità Komuni fin-Nofsinhar tal-Mediterran (COM(2011)0200),

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjonijiet mill-Kummissjoni tal-11 ta' Marzu 2003 dwar Ewropa Estiża – Viċinat: Qafas Ġdid għar-Relazzjonijiet mal-Ġirien tagħna tal-Lvant u tan-Nofsinhar (COM(2003)0104), tat-12 ta' Mejju 2004 dwar il-Politika Ewropea tal-Viċinat - Dokument ta' Strateġija (COM(2004)0373), tal-4 ta' Diċembru 2006 dwar it-Tisħiħ tal-PEV (COM(2006)0726), tal-5 ta' Diċembru 2007 dwar Politika Ewropea tal-Viċinat b'Saħħitha (COM(2007)0774), tat-3 ta' Diċembru 2008 dwar is-Sħubija tal-Lvant (COM(2008)0823), tal-20 ta' Mejju 2008 dwar il-Proċess ta' Barċellona: Unjoni għall-Mediterran (COM(2008)0319) u tat-12 ta' Mejju 2010 dwar Analiżi tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (COM(2010)0207) u tal-24 ta' Mejju 2011 dwar “Djalogu dwar il-migrazzjoni, il-mobilità u s-sigurtà mal-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran” (COM(2011)0292),

    wara li kkunsidra l-iżvilupp tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) mill-2004, u b'mod partikolari r-rapporti ta' progress tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tagħha,

    wara li kkunsidra l-Pjanijiet ta' Azzjoni adottati b'mod konġunt mal-Eġittu, l-Iżrael, il-Ġordan, il-Libanu, il-Marokk, l-Awtorità Palestinjana u t-Tuneżija, u mal-Armenja, l-Azerbajġan, il-Ġeorġja u l-Moldova, u l-Aġenda ta' Assoċjazzjoni mal-Ukraina,

    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill "Affarijiet Barranin" dwar il-PEV tal-26 ta' Lulju 2010 u tal-20 ta' Ġunju 2011 u l-konklużjonijiet tal-Kumitat "Affarijiet Barranin" (Kummerċ) tas-26 ta' Settembru 2011,

    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Ministri għall-Affarijiet Barranin tas-Sħubija tal-Lvant tat-13 ta' Diċembru 2010,

    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjonijiet Konġunti tas-Samit dwar is-Sħubija tal-Lvant ta' Praga fis-7 ta' Mejju 2009 u tas-Samit tas-Sħubija tal-Lvant ta' Varsavja tad-29 u t-30 ta' Settembru 2011,

    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Barċellona li tistabbilixxi Sħubija Ewro-Mediterranja adottata waqt il-Konferenza Ewro-Mediterranja tal-Ministri għall-Affarijiet Barranin li saret fis-27 u fit-28 ta' Novembru 1995,

    wara li kkunsidra l-approvazzjoni tal-Proċess ta' Barċellona: Unjoni għall-Mediterran (UgħM) tal-Kunsill Ewropew ta' Brussell tat-13 u tal-14 ta' Marzu 2008,

    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tas-Samit ta' Pariġi għall-Mediterran, li sar f'Pariġi fit-13 ta' Lulju 2008,

    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni UE-Marokk tat-13 ta' Ottubru 2008, li taw l-istatus avvanzat lill-Marokk,

    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni UE-Ġordan tas-26 ta' Ottubru 2010, li taw l-istatus avvanzat lill-Ġordan,

    wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1638/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 2006 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali għat-twaqqif ta' Strument Ewropew ta' Viċinat u Sħubija (ENPI) (1),

    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tiegħu tas-27 ta' Settembru 2011 dwar il-ħolqien tal-programmi Ewro-Mediterranji "Erasmus" u "Leonardo da Vinci" (2),

    wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri Nru 13/2010 bit-titolu “L-Istrument Ewropew ta' Viċinat u Sħubija l-Ġdid (ENPI) ġie varat b'suċċess u qiegħed jilħaq ir-riżultati fil-Kawkasu tan-Nofsinhar (l-Armenja, l-Ażerbajġan u l-Ġeorġja)?”,

    wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/424/PESK tat-18 ta' Lulju 2011 li taħtar Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għar-reġjun tan-Nofsinhar tal-Mediterran (3) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/518/PESK tal-25 ta' Awwissu 2011 li taħtar lir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għall-Kawkasu tan-Nofsinhar u l-kriżi fil-Ġeorġja (4),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-7 ta' April 2011 dwar ir-reviżjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat – Dimensjoni tal-Lvant u dwar ir-reviżjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (5) – Dimensjoni tan-Nofsinhar (6),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tad-19 ta' Jannar 2006 dwar il-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) (7), tal-15 ta' Novembru 2007 dwar it-tisħiħ tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (8), tas-6 ta' Lulju 2006 dwar l-Istrument Ewropew ta' Viċinat u Sħubija (ENPI) (9), tal-5 ta' Ġunju 2008 dwar ir-rapport annwali mill-Kunsill lill-Parlament Ewropew dwar l-aspetti prinċipali u l-orjentazzjonijiet tal-politika estera u ta' sigurtà komuni (PESK) (10), tad-19 ta' Frar 2009 dwar ir-reviżjoni tal-Istrument Ewropew ta' Viċinat u Sħubija (11), tad-19 ta' Frar 2009 dwar il-Proċess ta' Barċellona: Unjoni għall-Mediterran (12), tas-17 ta' Jannar 2008 dwar Approċċ Politiku Reġjonali għall-Baħar l-Iswed (13), tal-20 ta' Jannar 2011 dwar Strateġija tal-UE għall-Baħar l-Iswed (14), tal-20 ta' Mejju 2010 dwar l-Unjoni għall-Mediterran (15), tal-20 ta' Mejju 2010 dwar il-ħtieġa ta' strateġija Ewropea għall-Kawkasu tan-Nofsinhar (16), tad-9 ta' Settembru 2010 dwar is-sitwazzjoni tax-Xmara Ġordan b'attenzjoni speċjali għall-inħawi tal-medda ta' isfel tax-Xmara Ġordan (17), tat-3 ta' Frar 2011 dwar is-sitwazzjoni fit-Tuneżija (18), tas-17 ta' Frar 2011 dwar is-sitwazzjoni fl-Eġittu (19), tal-10 ta' Marzu 2011 dwar il-Viċinat tan-Nofsinhar, u l-Libja b'mod partikolari, inklużi l-aspetti umanitarji (20) u tas-7 ta' Lulju 2011 dwar is-Sirja, il-Jemen u l-Baħrejn fil-kuntest tas-sitwazzjoni fid-dinja Għarbija u fl-Afrika ta' Fuq, tal-15 ta' Settembru 2011 u tal-20 Jannar 2011 dwar is-sitwazzjoni fil-Bjelorussja u fir-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Bjelorussja, u tal-15 ta' Settembru 2011 dwar is-sitwazzjoni fil-Libja (21) u dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja (22),

    wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet adottati mill-kumitati tal-Assemblea Parlamentari tal-Unjoni għall-Mediterran (AP-UgħM) fis-seba' sessjoni plenarja tagħha li saret f'Ruma fit-3 u l-4 ta' Marzu 2011,

    wara li kkunsidra l-Att Kostitwenti tal-Assemblea Parlamentari bejn l-UE u l-Viċinat tal-Lvant (EURONEST) tat-3 ta' Mejju 2011,

    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tas-sessjoni inawgurali tal-Assemblea Reġjonali u Lokali Ewro-Mediterranja (ARLEM), li saret f'Barċellona fil-21 ta' Jannar 2010,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Mejju 2011 dwar id-dimensjonijiet kulturali tal-azzjonijiet esterni tal-UE (23),

    wara li kkunsidra l-aġenda Ewropea għal kultura f'dinja li qed tiġi gglobalizzata (COM(2007)0242),

    wara li kkunsidra l-Artikoli 8 u 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Iżvilupp, tal-Kumitat għall-Baġits, tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali, tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni, tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern kif ukoll tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (A7-0400/2011),

    A.

    billi r-rispett għal u l-promozzjoni tad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem – b'mod partikolari d-drittijiet tan-nisa, tat-tfal u tal-minoranzi – il-ġustizzja u l-istat tad-dritt, il-libertajiet fundamentali – inkluża l-libertà ta' espressjoni, kuxjenza, reliġjon jew twemmin, orjentament sesswali, assoċjazzjoni u l-midja, inkluż l-aċċess mingħajr restrizzjonijiet għall-informazzjoni, il-komunikazzjoni u l-internet – it-tisħiħ tas-soċjetà ċivili, tas-sigurtà – inklużi r-riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitti u r-relazzjonijiet ta' bonviċinat –, l-istabilità demokratika, il-prosperità, id-distribuzzjoni ġusta tal-introjtu, tal-ġid u tal-opportunitajiet, il-koeżjoni soċjali, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-promozzjoni tal-governanza tajba u ta' żvilupp sostenibbli huma l-prinċipji u l-għanijiet li fuqhom hi msejsa l-UE u li jridu jikkostitwixxu valuri komuni fil-qalba tar-rieżami tal-PEV;

    B.

    billi hu fl-akbar interess tal-UE li tkun ambizzjuża fil-kooperazzjoni ekonomika u tadotta strateġija reċiprokament vantaġġjuża, responsabbli u flessibbli bbażata fuq l-appoġġ favur it-tranżizzjonijiet demokratiċi u d-difiża tad-drittijiet tal-bniedem filwaqt li titgħallem mill-fallimenti u l-iżbalji ta' politika tal-UE kif ukoll tal-Istati Membri, partikolarment, fir-rigward tal-approċċ kompjaċenti lejn sistemi awtoritarji tal-viċinat tan-Nofsinhar, li taw tagħlima li l-UE-PEV inġenerali għandha tkun ibbażata fuq il-valuri;

    C.

    billi, f'din is-sitwazzjoni l-ġdida, ir-relazzjonijiet ma' dawn il-pajjiżi għandha tidħol f'dinamika ġdida li tkun ibbażata fuq kooperazzjoni li tagħti prijorità lid-demokrazija u l-prosperità fuq iż-żewġ naħat tal-Mediterran, u mhux biss is-sigurtà u l-kontroll tal-migrazzjoni;

    D.

    billi l-Unjoni għall-Mediterran inħolqot bl-għan ambizzjuż li sservi bħala strument permanenti għat-tisħiħ tar-relazzjonijiet mal-pajjiżi tal-viċinat tan-Nofsinhar, u ssostitwixxiet dak li qabel kien il-Proċess ta' Barċellona sabiex xogħolha jissaħħaħ u jsir iktar viżibbli,

    E.

    billi l-kooperazzjoni fil-qafas tal-Assemblea Parlamentari EURONEST għandha l-għan li toħloq effetti pożittivi billi sservi ta' pjattaforma għall-iskambju ta' opinjonijiet, jinstabu pożizzjonijiet komuni dwar l-isfidi globali ta' żminijietna fir-rigward tad-demokrazija, il-politika, l-ekonomija, is-sigurtà tal-enerġija, u l-affarijiet soċjali, u anke biex jissaħħu r-rabtiet bejn il-pajjiżi tar-reġjun u mal-UE;

    F.

    billi l-Artikolu 49 tat-TUE jistipula li kwalunkwe Stat Ewropew li jirrispetta l-valuri li hija bbażata fuqhom l-UE, partikolarment id-demokrazija, l-istat tad-dritt, ir-rispett tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali u li jimpenja ruħu jippromwovihom, jista' japplika sabiex isir membru tal-Unjoni;

    G.

    billi r-relazzjonijiet imsaħħa jirrikjedu impenn ċar u ppruvat lejn ir-riforma bil-għan li jsir progress tanġibbli fl-ilħuq ta' parametri ta' referenza predefiniti;

    H.

    billi l-UE għandha tipprovdi lilha nnifisha bi strumenti flessibbli u ffinanzjati kif suppost sabiex jikkorrispondu mal-ambizzjonjiet tagħha u mal-ġrajjiet li seħħew fir-reġjuni, billi tingħata prijorità lill-aħjar użu tal-istrumenti finanzjarji eżistenti;

    I.

    billi l-effetti tal-kriżi ekonomika u finanzjarja jinsabu fil-quċċata tal-isfidi politiċi u soċjali eżistenti fil-pajjiżi sħab, partikolament fir-rigward tal-problema tal-qgħad; billi huwa fl-interess komuni ta' dawn il-pajjiżi u tal-UE li jitnaqqsu r-rati tal-qgħad fir-reġjun u li l-popli tagħhom ikollhom tama għall-ġejjieni, partikolarment in-nisa, iż-żgħażagħ u l-popolazzjoni rurali;

    J.

    billi l-appoġġ mogħti mill-Parlament Ewropew għall-ħolqien ta' programmi Ewro-Mediterranji "Erasmus" u "Leonardo da Vinci" permezz tad-Dikjarazzjoni tiegħu tas-27 ta' Settembru 2011;

    1.

    Jilqa' l-Komunikazzjonijiet Konġunti tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar “Risposti ġodda għal Viċinat fi trasformazzjoni” u “Sħubija għad-Demokrazija u l-Prosperità Komuni fin-Nofsinhar tal-Mediterran” u l-approċċ ippreżentat fihom, b'mod partikolari fir-rigward tal-prinċipji tar-responsabilità reċiproka u l-impenn kondiviż għall-valuri universali tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt, kif ukoll il-kundizzjonalità u approċċ imfassal speċifikament għall-pajjiżi sħab, il-progress fil-kooperazzjoni multilaterali u subreġjonali, u l-prinċipju li s-soċjetajiet ikkonċernati fil-politika tal-PEV ikomplu jiġu involuti;

    2.

    Jirrikonoxxi l-aspirazzjonijiet Ewropej u l-għażla Ewropea ta' xi pajjiżi sħab u l-impenn tagħhom biex jibnu demokrazija soda u sostenibbli u jenfasizza li jeħtieġ li tiġi stabbilita relazzjoni ġdida u distinta bejn il-pajjiżi tal-UE u tas-Sħubija tal-Lvant, filwaqt li tiġi appoġġata l-ħidma tagħhom favur il-konsolidament tad-demokraziji u l-ekonomiji tas-swieq sostenibbli;

    3.

    Jinsisti, madankollu, li għandhom jingħataw inċentivi tanġibbli u kredibbli lill-pajjiżi ġirien biex dawn jinvolvu ruħhom fl-objettiv komuni li tinbena demokrazija soda, kif ukoll li d-differenzjazzjoni bbażata fuq ir-realtajiet, ir-rendiment u r-riżultati politiċi, ekonomiċi u soċjali għandha sseħħ fuq il-bażi ta' kriterji ddefiniti b'mod ċar u parametri ta' referenza li jistgħu jiġu vvalutati u mmonitorjati regolarment għal kull pajjiż sieħeb individwali; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Kummissjoni u lis-SEAE jqisu l-parametri ta' referenza stipulati fil-Komunikazzjoni Konġunta bħala objettivi li għandhom jinkisbu u li, biex jiġi vvalutat il-progress li sar, dawn l-objettivi jirrikjedu parametri ta' referenza aktar speċifiċi, li jistgħu jitkejlu aktar, li jistgħu jinkisbu aħjar u li huma marbuta aktar maż-żmien, u l-punt ta' tluq ta' dan huwa differnti għall-viċinat tan-Nofsinhar u tal-Lvant; huwa tal-opinjoni li politika orjentata lejn ir-riżultati teħtieġ metodoloġija iktar ċara ta' stabbiliment ta' livelli ta' referenza u jenfasizza, f'dan il-kuntest, l-importanza li jinħolqu mekkaniżmu ta' segwitu adegwati għall-valutazzjoni tal-progress tal-pajjiżi PEV; jenfasizza li dan l-approċċ għandu jiġi rifless fl-istruttura tal-Pjanijiet ta' Azzjoni tal-PEV u fir-rapporti ta' progress annwali korrispondenti;

    4.

    Jemmen li r-rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat toħloq opportunità għall-UE biex b'mod effettiv tilħaq l-objettivi tagħha u tirrispetta l-valuri tagħha stipulati fl-Artikoli 2, 3, 6, 8 u 21 tat-TUE;

    5.

    Jenfasizza li waqt li l-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp tagħmel parti mill-qafas tal-prinċipji u l-għanijiet tal-azzjoni esterna tal-Unjoni – u għalhekk, f'dan il-każ, parti mill-Politika Ewropea tal-Viċinat – l-Unjoni, madankollu, għandha dejjem l-obbligu kostituzzjonali, abbażi tal-Artikolu 208(1), it-tieni paragrafu, tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tqis l-objettivi tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp fl-implimentazzjoni ta' politiki li x'aktarx jolqtu lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni u lis-SEAE jżommu dejjem f'moħħhom dawn l-objettivi, li huma t-tnaqqis u, finalment, il-qerda tal-faqar, meta jkunu qed jimplimentaw il-Politika Ewropea tal-Viċinat, u dan kemm fil-pajjiżi sħab tal-viċinat tal-Lvant u kemm fil-pajjiżi sħab tal-viċinat tal-Mediterran;

    6.

    Jappoġġa l-konsolidament fil-PEV ta' politiki tal-UE rigward politika barranija u ta' għajnuna li qabel kienu separati; ifittex netwerk imsaħħaħ ta' arranġamenti istituzzjonali li jkun stabbli, ekonomiku u ddedikat bl-għan li jiżviluppa integrazzjoni ekonomika u assoċjazzjoni politika eqreb fost dawk kollha involuti, inkluż l-allinjament tal-valuri fi ħdan il-fora internazzjonali kollha, speċjalment tan-Nazzjonijiet Uniti, ma' dawk tal-Unjoni Ewropea;

    Demokrazija u sħubija fil-fond mas-soċjetajiet

    7.

    Jenfasizza li, għalkemm l-UE ma għandhiex l-intenzjoni li timponi mudell jew riċetta lesta għar-riformi politiċi, il-PEV hi bbażata fuq valuri kondiviżi, is-sjieda konġunta, ir-responsabilità reċiproka u r-rispett u l-impenn lejn id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, l-ekonomija tas-suq u l-governanza tajba;

    8.

    Jenfasizza l-importanza li sabiex ikun hemm id-demokrazija, jeħtieġ li jiġu stabbiliti organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, fosthom is-sħab soċjali, attivi u indipendenti; jenfasizza l-importanza ta' djalogu ma', u l-finanzjament adegwat fl-ambitu tal-Istrument Ewropew ta' Viċinat (ENI) għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, jisħaq fuq il-fatt li s-sħubija bejn l-UE u l-PEV u s-soċjetajiet ċivili rispettivi għandha tissaħħaħ sabiex din tgħin biex jinbnew demokraziji li jaħdmu, jitrawmu r-riformi u t-tkabbir ekonomiku sostenibbli; jenfasizza li dawn is-sħubijiet mas-soċjetà ċivili għandhom ikunu inklużivi, li jinkludu b'mod partikolari r-rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet tan-nisa u l-gruppi ta' minoranza; jistieden lis-SEAE u lill-Kummissjoni jagħtu sostenn lill-parlamenti, l-awtoritajiet lokali u reġjonali u s-soċjetà ċivili fl-isforzi tagħhom biex jiżvolġu rwol xieraq fid-definizzjoni tal-istrateġiji tal-PEV, biex iżommu lill-gvernijiet responsabbli għal dak li jagħmlu, jissorveljaw u jevalwaw ir-rendiment tal-passat u r-riżultati li nkisbu;

    9.

    Jisħaq fuq l-importanza li tinbena sħubija mas-soċjetajiet ċivili bħala mezz li bih jiġu promossi l-bidla u d-demokratizzazzjoni; f'dan il-kuntest, jieħu nota tal-allokazzjoni ta' EUR 22 miljun għall-Faċilità tas-Soċjetà Ċivili għall-perjodu 2011-2013 u jistenna ħerqan li l-faċilità tiġi ffinanzjata aktar sostanzjalment fil-qafas finanzjarju multiannwali li jmiss; jistieden lis-SEAE u lill-Kummissjoni jispjegaw aħjar l-kamp ta' applikazzjoni u l-objettiv ta' Faċilità tas-Soċjetà Ċivili potenzjali u jitlob li jkun hemm kjarifika akbar tal-Faċilità tas-Soċjetà Ċivili f'termini tal-kumplimentarjetajiet mal-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR) u l-ENPI; josserva li l-istrumenti għandhom ukoll jiġu identifikati biex b'mod konkret jappoġġaw lill-minoranzi reliġjużi u etniċi fl-oqsma koperti mill-inizjattiva; jirrakkomanda li tintuża din il-faċilità sabiex jitjieb ix-xogħol tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili fis-Sħubija tal-Lvant u biex potenzjalment jinbena forum anke għall-pajjiżi sħab tan-Nofsinhar;

    10.

    Jilqa' l-proposta għal Dotazzjoni Ewropea għad-Demokrazija (EED), li hi reazzjoni f'waqtha għall-għajta għad-demokrazija mill-popolazzjonijiet tal-pajjiżi ġirien tagħna; jenfasizza li din għandha tkun mekkaniżmu flessibbli, veloċi u mmirat għas-sostenn u għandha tikkumplementa l-istrumenti tal-UE li diġà jeżistu u l-ħidma eżemplari tal-fundazzjonijiet Ewropej, politiċi jew mhux, li ilhom jeżistu, filwaqt li jiġi kkunsidrat li riżultati tanġibbli għandhom ikunu objettiv ta' din l-inizjattiva; jinsisti sabiex din id-Dotazzjoni ma tkunx ta' xkiel, u lanqas ma tikkawża xogħol doppju mal-azzjonijiet li diġà nbdew minn dawn il-fundazzjonijiet jew fil-qafas tal-programmi Ewropej eżistenti, bħall-EIDHR; jisħaq fuq il-fatt li l-kamp ta' applikazzjoni u l-organizzazzjoni tagħha għandhom ikunu definiti b'mod ċar u li l-istrutturi u l-proċeduri tagħha għandhom ikunu ħfief u mingħajr kumplikazzjonijiet; jistieden lis-SEAE, lill-Kummissjoni u lill-Presidenza (Pollakka) jippreżentaw demarkazzjoni ċara tal-kompetenzi ta' EED futura fir-rigward ta' dawn l-istrumenti u oqfsa; jinsisti fuq dritt ta' skrutinju u jitlob biex ikun hemm l-involviment tal-Parlament Ewropew fl-istruttura ta' governanza tiegħu, sabiex jgħin biex jiġu stabbiliti l-għanijiet, il-prijoritajiet, ir-riżultati mistennija, u l-allokazzjonijiet finanzjarji annwali f'termini wiesgħa u sabiex ikun parti mis-sorveljanza tal-attivitajiet; jesprimi tħassib dwar il-fatt li dan il-fond futur jista' jiġi ffinanzjat, kollu kemm hu jew parti minnu, barra mill-baġit tal-UE u jafferma mill-ġdid id-dritt ta' monitoraġġ u skrutinju tal-awtorità baġitarja fuq l-implimentazzjoni ta' dan il-fond; jitlob, għalhekk, kjarifika mill-Kummissjoni u mill-Kunsill fuq din il-kwistjoni;

    11.

    Jistieden lis-SEAE u lill-Kummissjoni jkomplu jħeġġu kull tip ta' riforma politika, billi jżommu f'moħħhom il-ħtiġijiet u l-livell ta' żvilupp ekonomiku u soċjali ta' kull pajjiż sieħeb, fil-qafas tal-approċċ ġdid tagħhom ibbażat fuq il-rendimenti “aktar għal aktar”; jistidinhom jipprovdu metodoloġija ċara u adegwata u parametri ta' referenza dettaljati biex jiġu vvalutati ir-riżultati tal-pajjiżi PEV dwar l-osservanza u l-promozzjoni tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem (li tinkludi b'mod partikolari l-libertà tal-kelma, tal-kuxjenza, tar-reliġjon, tal-assoċjazzjoni u tal-midja) u jiġu pprovduti rapporti regolari f'biżżejjed dettall, li għandhom ikunu l-bażi għall-allokazzjoni tal-fondi skont l-approċċ il-ġdid “aktar għal aktar” ibbażat fuq ir-rendiment; jitlob li dawn l-evalwazzjonijiet li jiġu inklużi fir-rapporti tal-progress tal-PEV u kull sena jiġu ppreżentati lill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin tiegħu; jinsisti fuq il-ħtieġa li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jiġu sistematikament inklużi fl-istadji kollha tal-proċess ta' rieżami; huwa tal-fehma li dan l-approċċ ibbażat fuq ir-rendiment ifisser ukoll 'anqas għal anqas' u jtenni t-talba tiegħu biex tiġi implimentata l-Klawżola tad-Drittijiet tal-Bniedem u tad-Demokrazija fil-ftehimiet tal-UE mal-pajjiżi terzi;

    12.

    Jistieden lis-SEAE u lill-Kummissjoni jipprovdu aktar informazzjoni dwar il-mod kif jiġi implimentat il-prinċipju ta' responsabilità reċiproka;

    13.

    Jikkunsidra li s-sitwazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem għandhom jiġu mmonitorjati kontinwament – b'rigward partikolari għad-drittijiet tat-tfal, tan-nisa u tal-minoranzi – u d-djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem jitwettqu mal-pajjiżi sħab kollha u li valutazzjoni annwali tas-sitwazzjoni u anke r-riżultati tad-djalogi għandhom jiġu inklużi fl-anness għar-rapport ta' progress annwali ta' kull pajjiż sieħeb b'mekkaniżmu ċar biex il-kooperazzjoni bilaterali terġa' tiġi eżaminata u progressivament imrażżna jekk jiġi kkonfermat il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza li l-approċċ lejn diversi pajjiżi sħab fir-rigward tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tagħhom trid tkun kredibbli;

    14.

    Jistieden lill-KE u lill-Istati Membri jikkonċentraw il-kooperazzjoni tagħhom fil-PEV fuq il-ġemellaġġ ta' atturi demokratiċi tal-UE bħat-trade unions, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi, l-organizzazzjonijiet rilevanti ta' min iħaddem, il-bdiewa, in-nisa, il-parteċipanti fid-djalogu reliġjuż, il-konsumaturi, iż-żgħażagħ, il-ġurnalisti, l-għalliema, il-korpi tal-gvern lokali, l-universitajiet, l-istudenti, l-atturi tat-tibdil fil-klima u l-kontrapartijiet emerġenti tagħhom fil-pajjiżi tal-PEV;

    15.

    Jenfasizza li l-libertà tal-espressjoni u l-indipendenza tal-midja u l-pluraliżmu huma l-bażijiet ta' demokrazija soda u sostenibbli u ta' valuri komuni; jenfasizza l-importanza li jkun hemm servizzi tal-midja pubblika indipendenti, sostenibbli u responsabbli, biex jipprovdu kontenut ta' kwalità, pluralistiku u divers, filwaqt li jiġi mfakkar li midja pubblika libera u indipendenti dejjem tiżvolġi rwol kruċjali fir-rigward tal-approfondiment tad-demokrazija, fil-massimizzazzjoni tal-involviment tas-soċjetà ċivili fl-affarijiet pubbliċi u fl-għoti tad-drittijiet għad-demokrazija liċ-ċittadini;

    16.

    Jappoġġa bis-sħiħ u jitlob iċ-ċirkolazzjoni libera tal-informazzjoni, kundizzjonijiet biex jiġi żgurat li l-ġurnalisti jkunu jistgħu jaħdmu b'mod effikaċi u ħieles mingħajr pressjoni politika, ekonomika jew xi tip ieħor ta' pressjoni, u l-bini ta' infrastruttura li tippermetti li tiġi żviluppata t-teknoloġija elettronika moderna; jilqa' d-dikjarazzjoni tal-aċċess għall-internet bħala dritt tal-bniedem min-NU fis-6 ta' Ġunju 2011; f'dan ir-rigward, iħeġġeġ lis-SEAE u lill-Kummissjoni joħolqu għodod speċjali bl-għan li jgħinu biex is-soċjetajiet ċivili, l-organizzazzjonijiet u l-individwi fil-pajjiżi tal-PEV ikollhom aċċess bla xkiel għall-internet u għal forom oħra ta' teknoloġiji tal-komunikazzjonijiet elettroniċi;

    17.

    Jenfasizza li fil-proċessi li għaddejjin bħalissa tat-tranżizzjonijiet demokratiċi fil-pajjiżi tar-Rebbiegħa Għarbija, il-parteċipazzjoni tan-nisa, taż-żgħażagħ kif ukoll tas-soċjetà ċivili u l-funzjonament ta' midja libera u indipendenti se jkunu kruċjali u jħeġġeġ lill-UE żżid l-appoġġ għat-taħriġ u l-organizzazzjoni ta' dawn l-atturi, inkluż billi tistedinhom josservaw l-elezzjonijiet u l-funzjonament tal-istituzzjonijiet demokratiċi fl-UE;

    18.

    Jappoġġa l-identifikazzjoni tal-osservanza sħiħa u effikaċi tad-dritt tal-libertà ta' reliġjon (fid-dimensjoni individwali, kollettiva, pubblika, privata u istituzzjonali) bħala prijorità, b'mod partikolari fir-rigward tal-minoranzi reliġjużi li hemm fir-reġjun, u għalhekk il-ħtieġa ta' għajnuna konkreta lil gruppi bħal dawn;

    19.

    Jenfasizza, b'mod partikolari, l-importanza li jiġu promossi d-drittijiet tat-tfal u li tiġi żgurata l-protezzjoni tat-tfal, kif stipulat fit-Trattat ta' Lisbona;

    20.

    Jinkoraġġixxi l-appoġġ tal-iżvilupp ta' partiti politiċi orjentati lejn id-demokrazija f'dawk il-pajjiżi li għadhom qed jitħabtu biex ikollhom id-demokrazija, kif ukoll il-ħolqien ta' organizzazzjonijiet mhux governattivi u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili;

    21.

    Jenfasizza l-importanza li n-nisa jiġu rrappreżentati sew fil-parlament, fil-ministeri, fl-ogħla karigi tal-gvern, fil-karigi fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet fl-amministrazzjoni pubblika u f'dik lokali u fit-tmexxija tal-kumpaniji pubbliċi; jinkoraġġixxi lill-pajjiżi sħab tal-PEV jadottaw u jintegraw politiki dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi u biex jadottaw pjanijiet ta' azzjoni għall-ugwaljanza bejn is-sessi;

    22.

    Jilqa' l-ħidma tal-Grupp Konsultattiv tal-UE ta' Livell Għoli tar-Repubblika tal-Armenja u t-tnedija ta' grupp simili fil-Moldova; jinkoraġġixxi lill-VP/RGħ u lill-Kummissjoni joffru tali għajnuna lill-pajjiż kollha tas-Sħubija tal-Lvant filwaqt li jiżguraw, bħal fil-każ tal-Armenja, li tiġi koperta d-dimensjoni parlamentari; jitlob li jkun hemm l-aġġornament ta' dan l-istrument tal-UE u jirrakkomanda li s-SEAE tkun inkarigata direttament mir-reklutaġġ u anke mill-ġestjoni tal-konsulenti sabiex jiġi garantit l-aktar trasferiment xieraq tal-għarfien tal-UE lill-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant;

    23.

    Jitlob lill-KE żżid il-viżibilità tal-proġetti tas-Sħubija tal-Lvant u dawk tal-UgħM fil-pajjiżi sħab u biex tagħmilhom aktar faċli biex iċ-ċittadini tagħhom jifhmuhom filwaqt li turi l-valur miżjud tal-kooperazzjoni mal-UE;

    24.

    Jerġa' jfakkar li l-impenn tal-UE flimkien mal-ġirien tagħha għandu jkun ikkundizzjonat mill-progress demokratiku u l-osservanza tad-drittijiet tal-bniedem tagħhom; jistieden għalhekk lill-komunità internazzjonali tiffriża l-għajnuna finanzjarja tagħha, kif ukoll dik tal-Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali li jagħmlu parti minnha l-membri, lis-sistema Bjelorussa sakemm il-kapijiet, il-ġurnalisti, il-kandidati presidenzjali u s-sostenituri tagħhom li ġew miżmuma jew arrestati jiġu rilaxxati u liberati mill-akkużi u riabilitati;

    25.

    Japprova l-approċċ uffiċjali attwali tal-UE li jiġu ssanzjonati l-awtoritajiet Bjelorussi, filwaqt li jsiru sforzi biex jissaħħu r-rabtiet mas-soċjetà ċivili u n-nies fil-Bjelorussja; f'dan ir-rigward, iħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea terġa' torjenta ruħha lejn is-soċjetà u żżid l-assistenza tagħha favur il-Bjelorussja sabiex jiġu indirizzati l-bżonnijiet tal-popolazzjoni, jissaħħaħ l-appoġġ finanzjarju u tekniku lill-oppożizzjoni demokratika, lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili inkluż dawk li mhumiex reġistrati, u anke lil studenti u lill-midja libera;

    Żvilupp ekonomiku u soċjali sostenibbli

    26.

    Jisħaq fuq il-fatt li d-demokrazija sostenibbli, istituzzjonijiet li jiffunzjonaw u li tkun tneħħitilhom il-burokrazija żejda, l-istat tad-dritt u l-edukazzjoni ta' kwalità, mhux biss jippromwovu l-istabilità politika, s-sigurtà soċjali u l-koeżjoni imma jqanqlu wkoll it-tkabbir ekonomiku billi jtejbu l-ambjent kummerjali u jiġbdu l-investiment, jippermettu li jinbtu impriżi żgħar u ta' daqs medju ġodda u jrawmu l-kummerċ, l-ekonomija ħadra u t-turiżmu, u dan kollu jiġġenera impjiegi ġodda u opportunitajiet ġodda; ifakkar fil-ħtieġa li jinħoloq qafas adegwat għall-investimenti li fih l-istabilità u s-sigurtà ġuridika kif ukoll il-ġlieda kontra l-korruzzjoni jokkupaw post fundamentali; jistieden, għaldaqstant, lill-Unjoni Ewropea tħeġġeġ, fil-qafas tal-arranġament tat-tranżizzjonijiet demokratiċi tagħha, riformi strutturali fl-oqfsa ekonomiċi, soċjali u ġuridiċi u jiġbed l-attenzjoni b'mod espliċitu għar-rabta mill-qrib li hemm bejn l-iżvilupp demokratiku u dak soċjoekonomiku; jilqa' favorevolment l-inizjattivi emblematiċi tal-Kummissjoni dwar l-SMEs u dwar is-swieq reġjonali tal-enerġija u l-effiċenza enerġetika; jemmen li dawn l-isforzi għandhom ikunu riflessi fil-qafas finanzjarju multiannwali (MFF);

    27.

    Jisħaq fuq il-fatt li għandhom jitwettqu minnufih miżuri immedjati, bħall-kofinanzjament tal-proġetti emblematiċi jew il-proġetti pilota diġà identifikati jew proġetti ekonomiċi konkreti oħra ta' importanza strateġika, li jistgħu jiġu implimentati rapidament fuq il-post, b'riżultati tanġibbli li ma jistgħux jiġu ddubitati, biex tittaffa s-sitwazzjoni tal-pajjiżi li attwalment qed jaffaċċjaw kriżijiet soċjoekonomiċi sinifikanti, filwaqt li jiġu kkunsidrati b'mod speċjali l-pajjiżi sħab fejn it-tranżizzjoni demokratika taggrava d-diffikultajiet ekonomiċi; jenfasizza li miżuri bħal dawn iffinanzjati mill-UE għandhom jittieħdu biss bil-kundizzjoni li l-partijiet involuti kollha jimpenjaw ruħhom li fil-każ speċifiku rispettiv tagħhom jissodisfaw, b'mod li jista' jiġi kkontrollat, l-istandards soċjali, ambjentali u tax-xogħol li jkunu applikabbli fuq livell internazzjonali u fl-UE u li dawn il-miżuri jservu għat-titjib immedjat tal-qagħda soċjali taċ-ċittadini fl-istati tal-PEV;

    28.

    Jappoġġa bil-qawwa l-promozzjoni tal-kooperazzjoni subreġjonali u proġetti transfruntieri u jisħaq fuq l-importanza li tiġi żviluppata kooperazzjoni ekonomika kumplementari bilaterali u multilaterali bejn is-sħab, li ġġib magħha benefiċċji tanġibbli għaċ-ċittadini u ttejjeb il-klima politika fir-reġjun; jenfasizza li din il-kooperazzjoni ekonomika subreġjonali għandha tiġi inkluża fi proġett ta' integrazzjoni usa' li jiffavorixxi l-implimentazzjoni ta' proġetti subreġjonali fl-oqsma tal-mobilità, il-protezzjoni soċjali u ambjentali, il-kultura u l-edukazzjoni; jinsisti b'mod partikolari fuq l-importanza li jitħeġġu l-iżvilupp tal-kummerċ “Nofsinhar-Nofsinhar” u “Lvant-Lvant” u l-integrazzjoni kummerċjali u ekonomika bejn il-pajjiżi kkonċernati; iqis li t-titjib f'tali kooperazzjoni fost il-pajjiżi sħab ikun sinjal ta' kooperazzjoni favur il-valuri Ewropej ta' relazzjonijiet ta' bonviċinat u sħubijiet ta' benefiċċju reċiproku;

    29.

    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tappoġġa l-bini tal-kapaċità amministrattiva fl-impjieg u fl-affarijiet soċjali, b'attenzjoni speċjali għall-bini tal-kapaċitajiet fis-servizzi ġuridiċi, li se jiggarantixxu tħejjija aħjar għat-tmexxija tar-riformi;

    30.

    Jenfasizza l-importanza tat-trade unions u tad-djalogu soċjali bħala parti mill-iżvilupp demokratiku tal-pajjiżi sħab tal-PEV; iħeġġiġhom isaħħu d-drittijiet tax-xogħol u tat-trade unions; jinnota r-rwol importanti li jista' jkollu d-djalogu soċjali fir-rigward tal-isfidi soċjoekonomiċi fir-reġjuni;

    31.

    Itenni l-bżonn ta' garanzija li l-paga minima ffissata skont il-prassi nazzjonali tippermetti lill-ħaddiema u lill-familji rispettivi tagħhom jgħixu f'kundizzjonijiet adegwati u li t-tnaqqis mill-pagi ma jċaħħadx lill-impjegati u d-dipendenti tagħhom mill-mezzi stessi ta' sussistenza;

    32.

    Josserva li l-avviżi tat-temm ta' impjieg għandhom ikunu kkomunikati adegwatament minn qabel, billi titqies l-anzjanità fis-servizz tal-impjegat;

    33.

    Jenfasizza li l-Unjoni għandha tagħti importanza speċjali lill-kooperazzjoni deċentralizzata, fil-livell lokali, li tikkonsisti fi proġetti żgħar li jtejbu minnufih u b'mod tanġibbli l-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini tal-pajjiżi ġirien, u b'hekk jiġi ffaċilitat ukoll il-konsolidament tal-progress demokratiku fit-territorju kollu ta' dawn il-pajjiżi;

    34.

    Jistieden lill-Kummissjoni tħaddan id-Dokumenti ta' Strateġija għat-Tnaqqis tal-Faqar (PRSP) bħala qafas politiku ta' gwida għal tkabbir ekonomiku fit-terminu medju favur il-fqar u d-distribuzzjoni ġusta tal-ġid skont il-bżonnijiet tal-pajjiż;

    Ftehimiet ta' assoċjazzjoni

    35.

    Jenfasizza l-opportunità li jipprovdu n-negozjati dwar il-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni biex jagħtu spinta lir-riformi; jisħaq fuq il-fatt li l-komponenti kollha għandhom ikunu marbutin bejniethom sabiex l-UE tkun tista' tipprofondixxi r-relazzjoni tagħha b'mod olistiku u koerenti; jemmen li għaldaqstant għandhom jinkludu kundizzjonijiet konkreti, kalendarji u parametri ta' referenza għar-rendiment li għandhom jiġu mmonitorjati b'mod regolari; jenfasizza l-ħtieġa li f'dawn il-ftehimiet jiġu inklużi inċentivi reali u tanġibbli għall-pajjiżi sħab biex jagħmlu t-triq ta' riforma aktar attraenti;

    36.

    Jiddikjara li d-differenzjazzjoni għandha tiġi applikata għall-kummerċ fil-prodotti u s-servizzi, jistieden lill-pajjiżi sħab tal-PEV javvanzaw fil-ħolqien tal-kundizzjonijiet li jippermettu l-ħolqien ta' Żoni ta' Kummerċ Ħieles Profondi u Komprensivi (DCFTAs) u jistieden lill-UE tassistihom fl-isforzi ta' riforma tagħhom u tiftaħ is-suq intern tagħha, suġġett għall-allinjament meħtieġ tal-ispeċifikazzjonijiet ta' sikurezza u ta' kwalità għall-istandards Ewropej, u twettaq flimkien magħhom proċess ta' ftuħ gradwali u bbilanċjat tas-swieq tagħhom li minnu jibbenefikaw b'mod reċiproku; jenfasizza li l-UE għandha tivvaluta wkoll iċ-ċirkostanzi politiċi, soċjali u ambjentali ta' kull pajjiż b'referenza għas-sehem tagħhom fid-DCFTA tal-ġejjieni u eventwalment jiġu ddefiniti l-passi gradwali għall-implimentazzjoni tagħha, filwaqt li jiġi żgurat li l-konvenzjonijiet internazzjonali dwar il-liġijiet tax-xogħol u t-tħaddim tat-tfal jiġu ssorveljati; jenfasizza li r-rabtiet kummerċjali, speċjalment id-DCFTAs, għandhom jitqiesu, permezz tar-rekwiżiti tagħhom, bħala mezz biex isaħħu l-impenn favur il-valuri demokratiċi tal-pajjiżi PEV, bħala parti tal-prinċipju tal-kundizzjonalità; jappoġġa b'mod parallel is-sħubija sħiħa fid-WTO tal-istati kollha tas-Sħubija tal-Lvant;

    37.

    Josseva li perspettiva Ewropea li tinkludi l-Artikolu 8 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-aspirazzjonijiet ta' adeżjoni tal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant skont l-Artikolu 48 tat-TUE, tikkostitwixxi xprun għar-riformi f'dawn il-pajjiżi u tkompli ssaħħaħ l-impenn tagħhom favur valuri u prinċipji kondiviżi bħad-demokrazija, l-istat tad-dritt, l-osservanza tad-drittijiet tal-bniedem u tal-governanza tajba; jemmen li l-konklużjoni ta' Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni tista' tkun pass importanti lejn impenn politiku ulterjuri u relazzjoni aktar b'saħħitha mal-Ewropa, permezz tal-iskambju ta' prattiki tajbin u djalogu politiku u ekonomiku konsolidat;

    38.

    Itenni li l-għan tas-sħubija tan-Nofsinhar huwa li jqarrreb iż-żewġt ixtut tal-Mediterran biex tinbena żona ta' paċi, demokrazija, sigurtà u prosperità għat-800 miljun abitant, u biex jiġi offrut qafas bilaterali u multilaterali effikaċi għall-UE u l-pajjiżi sħab tagħha biex jintlaqgħu l-isfidi demokratiċi, soċjali u ekonomiċi, tiġi promossa l-integrazzjoni reġjonali, b'mod partikolari dik kummerċjali, u biex jiġi żgurat il-kożvilupp tagħhom għall-benefiċċju ta' kulħadd, jiġu assistiti l-pajjiżi sħab fl-istabbiliment ta' stati demokratiċi, pluralistiċi u sekulari, jiġifieri permezz ta' programmi ta' bini tal-kapaċità istituzzjonali, kif ukoll biex jiżviluppaw arranġamenti kummerċjali ta' benefiċċju reċiproku u ambizzjużi li jistgħu jwasslu għal DCFTAs, li żgur jirrappreżentaw l-ewwel pass lejn “Spazju Ekonomiku Ewro-Mediterranju” kbir li jgħin ukoll fit-taffija tal-problemi ekonomiċi tas-sħab ġirien tagħna fin-Nofsinhar u jiffaċilita l-integrazzjoni Nofsinhar-Nofsinhar; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jiffaċilitaw l-implimentazzjoni tas-sitt pakketti ta' miżuri ppreżentati fid-dokument tal-Kummissjoni dwar is-segwitu tal-inizjattivi fir-rigward tal-kummerċ u tal-investiment għall-benefiċċju tas-sħubijijiet tan-Nofsinhar tal-Mediterran tat-30 ta' Marzu 2011;

    39.

    Jixtieq li jkun hemm definizzjoni ta' kriterji oġġettivi u vinkolanti li jippermettu li s-sistema tingħata “status avvanzat”; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu kkjarifikati d-drittijiet u d-dmirijiet li jirriżultaw minn dan l-impenn bilaterali għall-pajjiżi sħab l-istess bħalma għandu jiġri għall-Unjoni Ewropea;

    40.

    Jenfasizza li r-relazzjonijiet kuntrattwali mal-pajjiżi kollha tal-PEV ikunu jinkludu dispożizzjonijiet dwar forum regolari sabiex jiġu trattati kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, liema forum jieħu l-forma ta' sottokumitat għad-drittijiet tal-bniedem; jistieden lis-SEAE jagħmel l-aħjar użu minn dawn id-dispożizzjonijiet u jinvolvi lis-sottokumitati eżistenti fi kwalunkwe negozjat;

    Kooperazzjoni settorjali

    41.

    Jisħaq fuq il-fatt li l-UE għandha trawwem is-sinerġiji bejn il-politiki esterni u interni Ewropej, b'mod partikolari permezz tal-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjoni mmirata lejn il-ħolqien tal-impjiegi, it-tnaqqis tal-faqar, il-modernizzazzjoni tal-politiki tax-xogħol, is-sigurtà u l-effiċjenza enerġetika, l-iżvilupp ta' sorsi rinnovabbli u tas-sostenibilità ambjentali, it-titjib tal-protezzjoni soċjali, il-ħolqien tal-ġid u l-ġustizzja u l-iffaċilitar tal-kummerċ abbażi tal-prinċipju ta' diversifikazzjoni;

    42.

    Jemmen li l-iskambju ta' spazju komuni jimplika skambju ġust tar-responsabilitajiet u jappella għal kooperazzjoni aħjar, b'mod partikolari fir-rigward tal-politiki u l-kwistjonijiet kollha li għandhom dimensjoni transkonfinali; jappella, għaldaqstant, għal tisħiħ tad-dimensjonijiet reġjonali u transkonfinali tal-kooperazzjoni settorjali;

    43.

    Jilqa' ż-żieda fl-interazzjoni tal-pajjiżi sħab fl-aġenziji tal-UE f'diversi oqsma, jistieden lill-Kummissjoni tressaq lista ċara u komprensiva ta' aġenziji u programmi rilevanti li fihom jistgħu jipparteċipaw il-pajjiżi ġirien, flimkien ma' ħarsa ġenerali tal-forma, il-kontribuzzjoni finanzjarja u l-metodu ta' tali parteċipazzjoni differenzjata;

    44.

    Jappoġġa kooperazzjoni ulterjuri f'setturi bħalma huma l-industrija, l-SMEs, ir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni, it-tekonoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, inkluża is-sigurtà tas-sistemi tal-teknoloġija tal-informazzjoni, l-ispazju u t-turiżmu u jenfasizza l-benefiċċji ta' inizjattivi konġunti dwar programmazzjoni ta' riċerka mill-UE u l-ġirien tagħha; jilqa' l-proposti tal-Kummissjoni dwar l-iżvilupp ta' spazju komuni tal-għarfien u l-innovazzjoni u ta' ekonomija diġitali bbażata fuq t-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, u jistieden lill-Istati Membri u lill-pajjiżi ġirien jaffermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom għall-progress lejn dan l-iżvilupp; itenni l-importanza ta' mekkaniżmi effikaċi għall-iffaċilitar tal-kummerċ u l-investiment bejn l-UE u l-pajjiżi ġirien tagħha sabiex issaħħu s-sħubijiet kummerċjali u jippermettu lill-operaturi ekonomiċi, speċjalment l-SMEs, ikollhom aċċess għal informazzjoni adegwata u affidabbli dwar il-kundizzjonijiet tal-kummerċ u l-investiment fil-pajjiżi ġirien;

    45.

    Jilqa' t-tisħiħ tad-dimensjoni tal-kooperazzjoni fl-enerġija tal-PEV; jenfasizza l-importanza tal-kondiviżjoni tal-esperjenza tal-UE fir-rigward tar-riformi fis-settur tal-enerġija mal-pajjiżi ġirien; iqis neċessarju li jiġu żviluppati l-effiċjenza enerġetika u l-promozzjoni tal-enerġija rinnovabbli; jappella għal sigurtà tal-provvistà tal-enerġija permezz tad-diversifikazzjoni tas-sorsi u l-ġestjoni tad-domanda, impenn akbar mal-fornituri prinċipali u mal-istati ta' tranżitu u koordinament fir-rigward tal-miżuri ta' sikurezza nukleari, b'mod partikolari fir-reġjuni li huma suxxettibbli għal attività sismika qawwija, flimkien ma' żieda fit-trasparenza sabiex jiġi żgurat li l-konformità sħiħa mal-ftehimiet ambjentali u internazzjonali dwar is-sikurezza nukleari tibqa' prijorità tal-politika tal-enerġija tal-UE u li kemm il-ġirien tal-Lvant kif ukoll dawk tan-Nofsinhar jibqgħu objettiv prinċipali tal-politika koordinata tal-enerġija esterna tal-UE; jitlob li jittieħdu miżuri effikaċi sabiex ikun żgurat li l-prinċipju ta' solidarjetà jiġi applikat fil-qasam tal-enerġija;

    46.

    Jilqa' l-proposta għall-ħolqien ta' Komunità Ewropea tal-Enerġija u jemmen li din tista' tkun pass importanti għall-kooperazzjoni mal-ġirien tagħna; enfasizza l-importanza tar-rwol li għandhom il-pajjiżi ġirien fin-Nofsinhar fil-provvista tal-enerġija ta' diversi Stati Membri; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu promossi l-interkonnessjonijiet Ewro-Mediterranji fis-setturi tal-gass u tal-elettriku; jenfasizza s-sinifikat strateġiku tal-proġett Nabucco u tal-implimentazzjoni rapida tiegħu, kif ukoll tat-trasport tal-gass naturali likwifikat (LNG) skont il-proġett AGRI; jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġixxi, anki permezz tal-investiment, il-kostruzzjoni, il-modernizzazzjoni u l-iżvilupp ta' interkonnessjonijiet bejn in-netwerks u l-infrastruttura tal-enerġija intelliġenti mal-ġirien tal-UE;

    47.

    Jiġbed l-attenzjoni, barra minn hekk, għar-rwol ta' appoġġ li jista' jkollha l-UE biex tittratta l-problemi ambjentali fil-pajjiżi ġirien, b'mod partikolari billi jiġu eliminati l-istokkijiet kbar ta' "pestiċidi li ma għadhomx jintużaw", li jistgħu jikkawżaw tniġġis kimiku fuq skala kbira;

    48.

    Jappoġġa aktar kooperazzjoni fis-settur tat-trasport, inkluż billi in-netwerk tal-infrastruttura tal-UE jingħaqqad ma' dak tal-pajjiżi sħab b'mod aktar strett sabiex jiġu ffaċilitati l-iskambji tal-persuni u l-prodotti, li jista' jinkiseb permezz ta' integrazzjoni tas-suq aktar mill-qrib u permezz ta' konnessjonijiet infrastrutturali mtejba;.

    49.

    Iqis essenzjali l-kooperazzjoni kulturali fil-livell internazzjonali, reġjonali u interreġjonali bbażata fuq djalogu ġenwin bejn il-kulturi u li tinkludi s-setturi kollha tas-soċjetà (l-awtoritajiet, l-istituzzjonijiet, l-organizzazzjonijiet u l-assoċjazzjonijiet kulturali); jistieden lis-SEAE u lill-Kummissjoni jikkoordinaw l-użu strateġiku tal-aspetti kulturali tal-politika esterna, billi jfittxu l-kumplimentarjetajiet mal-politiki kulturali esterni tal-Istati Membri;

    50.

    Jerġa' jafferma b'qawwa l-konnessjoni bejn, min-naħa, l-iskambju u l-kooperazzjoni bejn l-UE u l-pajjiżi tal-PEV fl-oqsma tal-kultura, l-edukazzjoni u l-isport u, min-naħa l-oħra, il-bini u t-tisħiħ ta' soċjetà ċivili miftuħa, id-demokrazija, l-istat tad-dritt u t-tixrid tal-libertajiet fundamentali u tad-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza li l-kooperazzjoni reċiproka f'dawn l-oqsma tikkostitwixxi valur miżjud kemm għall-UE, kif ukoll għall-pajjiżi tal-PEV;

    51.

    Jemmen li t-trawwim tal-parteċipazzjoni fil-programmi kulturali tal-UE jista' jkun ta' benefiċċju għall-iżvilupp materjali u mhux materjali tal-pajjiżi tal-PEV, u jenfasizza, għalhekk, l-importanza ta' programmi bħal Media Mundus u ta' proġetti li jitmexxew taħt l-awspiċju tal-Unjoni għall-Mediterran u tal-Programm Kulturali tas-Sħubija tal-Lvant; jirrimarka, barra minn hekk, li l-programmi kulturali u l-programmi li jippromwovu l-mobilità għandhom ukoll ikopru l-mobilità tal-artisti u ta' dawk li qed isegwu studji artistiċi, hu favur l-istabbiliment ta' viża kulturali għall-artisti u għal professjonisti kulturali oħra mill-pajjiżi tal-PEV; jitlob ukoll lill-Kummissjoni tipproponi inizjattiva fuq il-viżi għal żjara qasira, bil-għan li jitneħħew l-ostakli għall-mobilità fis-settur kulturali;

    52.

    Jenfasizza l-importanza tat-tisħiħ, fi ħdan il-qafas tal-PEV, tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-isport fil-pajjiżi konċernati, fid-dawl tal-valur edukattiv tal-attivitajiet sportivi; jistieden lill-istituzzjonijiet Ewropej u lill-Istati Membri jaħdmu favur il-moviment ħieles tal-atleti fid-dinja, billi jibdew b'dawk mill-pajjiżi tal-PEV;

    53.

    Iħeġġeġ il-valutazzjoni tal-programmi eżistenti bil-għan li jiġi żgurat l-użu effikaċi tar-riżorsi sabiex jintlaħqu l-għanijiet u l-objettivi tal-UE; jappoġġa r-razzjonalizzazzjoni tal-funzjonijiet interni fi ħdan il-Kummissjoni fir-rigward tal-programmi eżistenti u tal-proġetti differenti fil-qasam tal-kultura u l-edukazzjoni;

    54.

    Jenfasizza l-valur miżjud tal-programm Tempus IV fil-promozzjoni tal-kooperazzjoni u fit-tfittxija tal-modernizzazzjoni tas-sistemi edukattivi tal-pajjiżi ġirien tal-UE, u jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi appoġġ għall-programm għall-qafas finanzjarju multiannwali li jmiss;

    55.

    Jittama li l-pajjiżi sħab se jkunu involuti b'mod aktar attiv fix-xogħol tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ u l-Aġenzija Eżekuttiva tal-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura;

    56.

    Jinnota li t-tisħiħ tad-dimensjoni taż-Żgħażagħ tas-Sħubija tal-Lvant u l-Unjoni għall-Mediterran huwa investiment importanti fil-futur tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-PEV b'potenzjal kbir għas-snin li ġejjin u fid-demokratizzazzjoni ta' dawk il-pajjiżi sħab u l-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni tagħhom ma' standards Ewropej; itenni, li finanzjament addizzjonali allokat għall-Erasmus Mundus u l-programmi Żgħażagħ Attivi għall-2012 fil-Baġit tal-UE għall-2012 għandu jrawwem kooperazzjoni fost l-istituzzjonijiet edukattivi ogħla, itejjeb l-iskambji tal-persunal akkademiku u l-istudenti, u jibni netwerks ġodda li jtejbu l-kapaċità tal-NGOs fil-qasam taż-żgħażagħ fl-Ewropa u fil-pajjiżi tal-Politika Ewropea tal-Viċinat;

    57.

    Jemmen li l-Università Ewro-Mediterranja (EMUNI) tipprovdi pjattaforma unika u opportunità għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni fil-qasam ta' edukazzjoni ogħla u l-mobilità tal-istudenti mal-ġirien tan-Nofsinhar tagħna, fi żmien ta' importanza partikolarment vitali li jissaħħu r-relazzjonijiet mal-pajjiżi sħab tan-Nofsinhar, speċjalment mal-ġenerazzjonijiet aktar żgħażagħ tagħhom; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li l-potenzjal tal-EMUNI għandu jiġi żviluppat kemm jista' jkun;

    58.

    Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tilqa' l-proposta tal-Parlament Ewropew, li nħarġet eżatt wara r-Rebbiegħa Għarbija, tistabbilixxi programm Erasmus Ewro-Mediterranju, inizjattiva li jekk tirnexxi tkun tista' tiġi estiża għall-pajjiżi kollha tal-viċinat; jilmenta f'dan l-istadju dwar il-proposti inadegwati tal-Kummissjoni li, minkejja d-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni fis-27 ta' Settembru 2011, fil-fatt jipprevedu biss żieda żgħira fin-numru ta' boroż ta' studju Erasmus Mundus;

    59.

    Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tilqa' l-proposta tal-Parlament Ewropew, li nħarġet eżatt wara r-Rebbiegħa Għarbija, tistabbilixxi programm Leonardo da Vinci Ewro-Mediterranju intiż li jħeġġeġ il-mobilità fost iż-żgħażagħ li jixtiequ jiksbu taħriġ professjonali barra minn pajjiżhom, u l-għan ta' dan huwa li tingħata għajnuna fil-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ, fenomenu endemiku fin-Nofsinhar tal-Mediterran;

    60.

    Itenni l-appoġġ kbir tiegħu għall-proġett ta' boroż ta' studju tal-PEV fil-Kulleġġ tal-Ewropa, iffinanzjat mill-UE, li jingħata lill-gradwati tal-università li ġejjin mill-PEV u mill-UE; jemmen li dan se jippermetti l-preparazzjoni tal-interlokuturi futuri Ewropej u dawk tal-pajjiżi tal-viċinat li jiġu familjarizzati b'mod sħiħ u professjonali mas-sustanza u l-ispirtu tal-politiki, il-liġijiet u l-istituzzjonijiet tal-UE, għal impjiegi relatati mal-PEV u l-UE; jistieden lill-pajjiżi sħab, li ċ-ċittadini tagħhom ikunu ngħataw tali borża ta' studju, biex jużaw l-għarfien u l-esperjenza tagħhom billi jimpjegawhom fl-amministrazzjoni nazzjonali u joffrulhom kundizzjonijiet tax-xogħol adegwati;

    61.

    Jisħaq fuq ir-rwol importanti li jiżvolġu l-awtoritajiet lokali fl-iżvilupp demokratiku tal-pajjiżi sħabna; jistieden għaldaqstant lill-Kummissjoni ssaħħaħ u żżid il-programmi TAIEX (Strument ta' Assistenza Teknika u Skambju ta' Informazzjoni) u ta' ġemellaġġ mal-awtoritajiet lokali fil-pajjiż tal-UE u l-pajjiżi sħab;

    Mobilità

    62.

    Ifakkar li l-UE għandha ttejjeb il-ġestjoni u timmassimizza l-benefiċċji reċiproċi tal-migrazzjoni għall-iżvilupp, inter alia billi tipprovdi kundizzjonijiet aħjar għall-istabbiliment ta' migranti legali fl-UE u tindirizza l-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni irregolari fil-pajjiżi sħab; jikkunsidra li hemm bżonn li l-UE tiffavorixxi l-migrazzjoni legali tal-ħaddiema billi tikkonkludi sħubijiet għall-mobilità, li jieħdu inkunsiderazzjoni l-bilanċi demografiċi, soċjoloġiċi u professjonali fuq iż-żewġ naħat, u billi tinkoraġġixxi l-iskambji ta' speċjalisti bejn l-UE u pajjiżi terzi; jistieden lill-Istati Membri jħarsu lejn id-dibattitu tal-mobilità bħala element importanti tal-Politika tal-Viċinat li m'għandux ikun immexxi primarjament mill-problemi ta' sigurtà; jenfasizza l-importanza li tiġi evitata l-immigrazzjoni illegali u li jiġu proċessati l-organizzazzjonijiet responsabbli mit-traffikar ta' persuni;

    63.

    Jemmen li l-UE għandha tmexxi 'l quddiem il-ħidma tagħha fuq il-ftehimiet dwar il-faċilitazzjoni tal-viżi u r-riammissjoni fuq bażi parallel bl-aktar mod trasparenti bil-prospettiva ta' tranżizzjoni – gradwalment u każ b'każ, ladarba jkunu ntlaħqu l-kundizzjonijiet kollha – lejn sistema mingħajr viżi; jitlob ukoll li jidħlu fis-seħħ il-kundizzjonijiet materjali tal-ħruġ u t-tiġdid tal-viżi b'mod li jkunu josservaw iktar id-drittijiet tal-individwu; jenfasizza f'dan ir-rigward li l-mobilità taż-żgħażagħ u tal-istudenti għandha tiġi trattata bħala prijorità; jenfasizza wkoll li l-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant għandhom jibbenefikaw minn offerta privileġġata tal-UE dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża fir-rigward tal-kalendarju u s-sustanza; jenfasizza li d-dispożizzjonijiet dwar l-asil iridu jkunu kompletament konformi mal-obbligi u l-impenji internazzjonali u mal-istandards tal-UE, speċjalment fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem;

    64.

    Ifakkar, f'dan ir-rigward, li l-Istati Membri għandhom jirrispettaw il-prinċipju ta' “non-refoulement” u jagħmlu kull sforz biex jiffaċilitaw l-iżvilupp ta' sistema ta' asil tal-UE li tkun aċċessibbli, ġusta u protettiva;

    65.

    Jitlob lill-Istati Membri u lill-UE jirratifikaw il-Protokoll kontra t-Traffikar Illegali tal-Migranti bl-Art, bil-Baħar u bl-Ajru, li jikkumplimenta l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali; iqis li r-rieżami tal-PEV għandu jiffaċilita l-adozzjoni ta' miżuri speċifiċi f'dawn l-oqsma; jaqbel mal-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar is-sitwazzjoni fir-rigward tal-migrazzjoni għal raġunijiet ta' familja, u jilqa' l-Green Paper li se toħroġ dwar dan is-suġġett;

    66.

    Jenfasizza l-importanza li tingħata attenzjoni partikolari liż-żgħażagħ, u jenfasizza l-bżonn li jissaħħu s-sinerġiji bejn Żgħażagħ Attivi u l-PEV; jisħaq fuq il-fatt li l-UE għandha żżid il-kooperazzjoni fil-qasam tal-edukazzjioni akkademika u t-taħriġ professjonali, billi minnufih twessa' u żżid il-programmi tal-boroż ta' studju u l-mobilità tal-istudenti, il-gradwati, l-għalliema u l-akkademiċi billi tippromwovi l-iskambji bejn l-edukazzjoni ogħla u l-istituzzjonijiet ta' taħriġ, flimkien mas-sħubijiet bejn is-settur pubbliku u dak privat fil-qasam tar-riċerka u l-impriżi; iqis li huwa essenzjali li jkun hemm proċeduri aktar flessibbli u rapidi għall-ħruġ tal-viżi għall-parteċipanti f'dawn il-programmi; jenfasizza l-ħtieġa biex jiġi avvanzat ix-xogħol dwar ir-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki u tas-sistemi edukattivi mal-pajjiżi sħab tal-PEV speċjalment dwar l-approssimazzjoni ta' Diplomi ta' Edukazzjoni Ogħla u standards taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni Ogħla; jisħaq fuq il-ħtieġa qawwija għal politika tal-informazzjoni struttura lejn iċ-ċittadini tal-pajjiżi sħab tal-PEV fir-rigward tal-possibilità ta' parteċipazzjoni fil-programmi tal-UE;

    67.

    Jistieden lill-Kunsill u l-Kummissjoni jistabbilixxu djalogu strutturat mal-awtoritajiet tal-pajjiżi terzi sabiex jiżviluppaw approċċ favorevoli għal kulħadd favur il-mobilità, jiffaċilitaw il-formalitajiet tal-viżi, jagħmlu aktar użu mill-opportunitajiet li joffri l-Kodiċi dwar il-Viżi tal-UE filwaqt li jtejbu u jarmonizzaw l-applikazzjoni tagħha sabiex jiġu garantiti kundizzjonijiet ugwali u ekwi għall-applikanti fl-Istati Membri kollha, billi jiffukaw b'mod partikolari fuq l-effetti tal-interdipendenza bejn l-għajnuna għall-iżvilupp, is-sigurtà, il-migrazzjoni regolari u l-migrazzjoni irregolari kif iddefiniti fl-Approċċ Globali għall-Migrazzjoni; jitlob li tingħata attenzjoni speċjali biex ikun żgurat li l-pajjiżi sħab ma jsofrux minn “eżodu tal-imħuħ”;

    68.

    Jitlob lill-UE ttejjeb l-aċċessibilità u l-allokazzjoni tal-fondi tal-UE fi proġetti intiżi sabiex il-migranti jiġu informati dwar drittijiethom u dmirijiethom u jiġu protetti d-drittijiet tagħhom, b'referenza partikolari għad-drittijiet ta' minorenni mhux akkumpanjati, in-nisa u gruppi vulnerabbli oħra; jitlob għaldaqstant lill-Kummissjoni tipprovdi lill-Parlament b'rapport dettaljat dwar l-użu tal-fondi tal-UE maħsuba għal pajjiżi ġirien, fosthom dawk tal-programm tematiku tal-Kummissjoni għall-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi fl-oqsma tal-migrazzjoni u tal-asil;

    Dimensjoni reġjonali

    69.

    Itenni l-konvinzjoni tiegħu li l-Politika Ewropea tal-Viċinat mhijiex se tkun totalment effikaċi sakemm ma jkunx hemm sinerġija bejn id-dimensjonijiet bilaterali u multilterali tagħha; iqis essenzjali, għaldaqstant, li jissaħħaħ l-element multilaterali fil-PEV u li għalih tiġi allokata parti iktar sostanzjali mill-fondi tal-Istrument Ewropew tal-Viċinat u s-Sħubija;

    70.

    Jilqa' l-proposta li jintuża l-qafas multilaterali b'mod aktar strateġiku sabiex jiġu avvanzati r-relazzjonijiet bilaterali bejn il-pajjiżi sħab u jistenna li jittieħdu miżuri konkreti maħsuba biex din il-proposta titqiegħed fil-prattika; jistenna f'dan ir-rigward b'interess kbir il-pjan direzzjonali bl-għanijiet, l-istrumenti u l-azzjonijiet imħabbra mill-HR/VP u l-Kummissjoni sat-tmiem tas-sena;

    71.

    Jemmen li d-dimensjoni multilaterali tas-Sħubija tal-Lvant għandha tkompli tissaħħaħ u tiġi żviluppata, inkluż il-Forum għas-Soċjetà Ċivili; jinnota l-importanza li jiġi stabbilit djalogu kostruttiv mat-Turkija u r-Russja dwar kwistjonijiet reġjonali ta' interess komuni u partikolarment dwar dak li għandu x'jaqsam mal-kwistjonijiet tas-sigurtà;

    72.

    Jindika li r-rwol tar-reġuni huwa kruċjali biex jiġu żgurati r-riformi soċjali u ekonomiċi fit-tul u biex jiġi garantit l-iżvilupp sostenibbli; jenfasizza li l-PEV għandha titqies b'mod ġenerali sabiex jiġi xprunat l-iżvilupp ekonomiku taż-żoni li huma fruntiera; iqis li l-prinċipji dwar il-kooperazzjoni territorjali japplikaw ukoll għall-fruntieri esterni u huma għodda kruċjali biex jittejbu l-iżvilupp ekonomiku tal-UE kif ukoll l-objettivi tal-politiki ġenerali tal-UE dwar il-PEV; huwa tal-fehma li l-approċċ il-ġdid tal-PEV għandu jippermetti l-istrateġiji makroreġjonali tal-UE u li l-potenzjal tal-makroreġjuni tal-UE li jinkludu l-pajjiżi ġirien tal-UE għandhom jintużaw bis-sħiħ sabiex jiġu kkoordinati aħjar il-prijoritajiet u l-proġetti ta' interess komuni għall-pajjiżi tal-UE u tal-PEV ħalli jinkisbu riżultati pożittivi b'mod reċiproku u jiġu ottimizzati r-riżorsi investiti;

    73.

    Jenfasizza r-rwol eċċezzjonali tal-Ewroreġjuni fil-ksib tal-objettivi tal-politika ta' koeżjoni u jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tippromwovi u tgħin l-iżvilupp tagħhom, b'mod partikolari fir-reġjuni tal-fruntieri, sabiex tingħata spinta lir-rwol tal-Ewroreġjuni fi ħdan il-politika tal-PEV;

    74.

    Jenfasizza l-potenzjal għoli tar-Raggruppament Ewropew ta' Kooperazzjoni Territorjali (REKT) li jinvolvi reġjuni lil hinn mill-fruntieri esterni; jinkoraġġixxi ftehimiet speċifiċi ma' pajjiżi terzi ġirien fir-rigward tal-introduzzjoni ta' liġijiet nazzjonali li jippermettu strutturi tar-REKT skont il-liġijiet nazzjonali tagħhom u ftehimiet interstatali li jippermettu lill-awtoritajiet lokali u reġjonali ta' pajjiżi terzi jipparteċipaw fir-REKT;

    75.

    Iqis li l-PEV futura għandha tqis ir-rwol tar-reġjuni ultraperiferiċi fil-politika tar-relazzjonijiet esterni tal-UE; jinnota li huma jirrappreżentaw opportunità reali biex jinfluwenzaw il-politika esterna tal-UE minħabba li jippermettu lill-UE biex minn naħa jkollha relazzjonijiet aktar fil-qrib ma' numru ikbar ta' pajjiżi terzi u min-naħa l-oħra tindirizza l-kwistjonijiet kumplessi bħalma hi l-migrazzjoni irregolari; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi aktar flessibilità fir-rigward ta' opportunitajiet innovattivi ta' finanzjament għall-proġetti magħżula fl-ambitu tal-politika ta' koeżjoni sabiex l-istess proġetti jkunu jistgħu jiġu stabbiliti kemm fir-reġjuni Ewropej u kif ukoll f'dawk tal-pajjiżi terzi u jkunu ta' benefiċċju għalihom;

    76.

    Jenfasizza l-importanza ta' approċċ ġeografiku u strateġiku usa' meta jiġi kkunsidrat il-futur tal-PEV, filwaqt li jfakkar li wara r-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Jannar 2006 dwar il-PEV, l-UE stabbiliet f'Novembru 2007 politiki speċifiċi dwar il-pajjiżi tal-gżejjer tal-Atlantiku li huma ġirien tar-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE biswit il-kontinent Ewropew, fejn ġie kkonstatat li l-kwistjonijiet speċjali bħall-viċinanza ġeografika, l-affinità kulturali u storika u s-sigurtà reċiproka huma rilevanti; jilqa' l-livell għoli ta' riżultati miksuba u d-dinamiżmu tal-politiki speċifiċi diġà implimentati, jiġifieri s-Sħubija Speċjali bejn l-UE u l-Kap Verde; u jitlob lill-UE tkompli ssaħħaħ id-djalogu tagħha u l-konverġenza politika ma' dawn il-pajjiżi u tappoġġa l-isforzi tagħhom biex jikkonsolidaw ir-riformi politiki, soċjali u ekonomiċi;

    77.

    Jifhem li d-DĠ tal-Kummissjoni għall-Iżvilupp Reġjonali għandu esperjenza vasta fil-ġestjoni tal-FEŻR u jinsab konvint li jkun fl-interess tal-objettivi tal-ENPI li jitqies il-parir tad-DĠ Regio fir-rigward tal-ġestjoni tal-fondi; jemmen għaldaqstant li l-ġestjoni ta' dawn l-għodod finanzjarji fir-rigward tal-programmi CBC għandha terġa' tgħaddi f'idejn id-DĠ Regio, li fil-passat kien hu responsabbli minnha;

    78.

    Jilqa' d-Dikjarazzjoni Konġunta tas-Samit tas-Sħubija tal-Lvant ta' Varsavja tat-30 ta' Settembru 2011 kif ukoll id-Dikjarazzjoni dwar is-sitwazzjoni fil-Bjelorussja, partikolarment fir-rigward tal-prinċipji tad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, l-impenn favur involviment bilaterali aktar fil-fond, kemm ekonomiku kif ukoll politiku, inkluża r-rieda li jkun hemm progress fin-negozjati tal-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni, it-tisħiħ tal-kooperazzjoni multilaterali fost il-pajjiżi sħab u l-iffaċilitar tal-mobilità u l-impenn li ttejjeb l-implimentazzjoni tagħha b'benefiċċji ċari għas-soċjetajiet tal-pajjiżi sħab;

    79.

    Jemmen li t-tisħiħ tas-Sħubija tal-Lvant se jkun element ewlieni għall-iżvilupp tar-reġjuni tal-fruntiera tal-UE; jenfasizza li s-Sħubija tal-Lvant u l-iżvilupp reġjonali għandhom jimxu id f'id u jinkoraġġixxu l-kooperazzjoni bilaterali u multilaterali, bħall-ftehimiet ta' kummerċ ħieles, kif ukoll proġetti konġunti finanzjati b'mod xieraq, bħall-iskambji kulturali u dawk tas-soċjetà ċivili;

    80.

    Jisħaq fuq l-importanza li tkompli titrawwem il-kooperazzjoni reġjonali fl-ispazju tal-Baħar l-Iswed u li tiġi żviluppata aktar l-Istrateġija tal-UE dwar il-Baħar l-Iswed; jenfasizza l-kumplimentarjetà bejn il-politiki tal-Baħar l-Iswed tal-UE u s-Sħubija tal-Lvant; jistieden lill-Kummissjoni u s-SEAE jagħmlu użu tajjeb mill-approċċi li jvarjaw taż-żewġ inizjattivi u biex jikkjarifikaw, fil-livelli kollha, kif dan il-livell sostanzjali ta' kumplimentarjetà għandu jintuża b'mod utli;

    81.

    Jenfasizza l-importanza tal-Unjoni għall-Mediterran bħala forum permanenti ta' djalogu u kooperazzjoni u strument għall-promozzjoni tad-demokrazija; iħeġġeġ lill-kopresidenza (li jmiss) tal-Unjoni għall-Mediterran tibqa' impenjata biex jinkisbu l-għanijiet ambizzjużi inizjalment stabbiliti u tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni effikaċi tal-Politika Ewropea tal-Viċinat fir-reġjun Mediterranju; huwa tal-opinjoni li l-UgħM għandha tippromwovi żvilupp ekonomiku, soċjali u demokratiku b'saħħtu u li għandha toħloq bażi soda u komuni għal kooperazzjoni reġjonali mill-qrib bejn l-UE u l-pajjiżi ġirien tagħha fin-Nofsinhar; jilqa' l-opportunità offruta mill-UgħM għat-tisħiħ tal-komplementarjetà bejn il-politiki bilaterali u l-politiki reġjonali, sabiex l-objettivi tal-kooperazzjoni Ewro-Mediterranja jinkisbu b'mod aktar effikaċi, abbażi tar-rikonoxximent reċiproku ta' valuri komuni u l-ħolqien ta' spazju ta' paċi, sigurtà u prosperità; jilqa' b'mod partikolari l-impenn tas-Segretarju Ġenerali l-ġdid tal-Unjoni li jaħdem u jippreżenta proġetti tal-UgħM fl-oqsma tad-demokrazija u s-soċjetà ċivili; jilqa' ż-żieda fil-baġit ġenerali tal-Faċilità ta' Investiment tal-Viċinat, fid-dawl tas-sitwazzjoni attwali;

    82.

    Jinnota li l-element multilaterali tal-PEV għandu jservi biex jikkontribwixxi għat-tnedija effikaċi u rapida ta' proġetti tanġibbli tal-UgħM sabiex jiġi ffaċilitat il-proċess kondiviż ta' żvilupp u integrazzjoni, b'mod partikolari permezz tal-kofinanzjament ta' studji ta' fattibilità u l-appoġġ għal użu usa' ta' self konċessjonarju;

    83.

    Jistieden lill-Kummissjoni u s-SEAE jesploraw opportunitajiet għal interkonnessjoni istituzzjonali bejn il-PEV u l-politiki tal-viċinat ta' atturi reġjonali ewlenin, speċjalment it-Turkija; ifakkar fl-ambizzjoni ta' Ankara li tispira u tassisti tranżizzjonijiet demokratiċi u riformi soċjoekonomiċi fil-viċinat tan-Nofsinhar; jinnota li l-parteċipazzjoni tal-istituzzjonijiet Torok u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi fl-istrumenti PEV tiġġenera effetti uniċi ta' sinerġija, speċjalment f'oqsma bħall-istabbiliment ta' istituzzjonijiet u l-iżvilupp tas-soċjetà ċivili; jemmen li l-kooperazzjoni prattika kellha tiġi kumplementata minn djalogu strutturat bejn l-UE u t-Turkija sabiex jiġu kkoordinati l-politiki tal-viċinat rispettivi tagħhom; jirrakkomanda li offerta simili ta' kooperazzjoni fil-qafas tal-PEV għandha, bħala prinċipju, tiġi estiża għar-Russja u partijiet interessati oħra;

    L-UE u r-riżoluzzjoni ta' kunflitti

    84.

    Ifakkar li r-riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitti militari reġjonali, inklużi dawk imsejħa ffriżati, hija l-prekundizzjoni essenzjali għall-konsolidament tad-demokrazija, l-osservanza tad-drittijiet tal-bniedem, il-prosperità u t-tkabbir ekonomiku, għalhekk għandha tkun tal-akbar interess għall-UE;

    85.

    Ifakkar li l-UE għandha tinvolvi ruħha aktar u tiżvolġi rwol aktar attiv, koerenti u kostruttiv fir-riżoluzzjoni ta' kunflitti reġjonali, fost l-oħrajn permezz tas-SEAE, billi tiżviluppa aktar miżuri għall-bini ta' fiduċja, rikonċiljazzjoni u medjazzjoni, billi tikkunsidra approċċi pragmatiċi u innovattivi ġodda, inkluża t-tnedija ta' strateġiji ta' komunikazzjoni pubblika fil-pajjiżi sħab, billi tippromwovi korpi ċivili Ewropej ta' paċi u azzjonijiet ta' medjazzjoni lokali, billi tappoġġa l-kultura ċivika - speċjalment it-taħriġ, l-edukazzjoni u l-parteċipazzjoni tat-tfal u ż-żgħażagħ - u d-djalogu bejn u fil-komunitajiet, billi tinvolvi l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, billi tiżviluppa proġetti transkonfinali u billi ssaħħaħ ir-relazzjonijiet tajbin bejn il-ġirien; ifakkar fl-importanza vitali li jissaħħu l-kooperazzjonijiet politiċi għall-iskop ta' sigurtà u biex jiġu miġġielda t-terroriżmu u l-forom individwali ta' estremiżmu;

    86.

    Jemmen li d-djalogu interkulturali u interreliġjuż huwa kruċjali biex itejjeb il-fehim reċiproku, ir-rispett, is-solidarjetà u t-tolleranza ma' u fost il-pajjiżi sħab tal-viċinat; jitlob sabiex l-istrumenti tal-PEV l-ġodda proposti jqiesu b'mod partikolari l-promozzjoni tagħhom;

    87.

    Fil-kuntest tal-konsegwenzi tar-rivoluzzjonijiet fit-Tramuntana tal-Afrika, jenfasizza l-importanza li jiġi provdut appoġġ għal ġustizzja tranżizzjonali u jħeġġeġ lill-pajjiżi sħab kollha jikkooperaw mal-ġustizzja internazzjonali, jiġifieri l-Qorti Kriminali Internazzjonali;

    88.

    Jinsisti fuq il-ħtieġa li jinżamm approċċ reġjonali u jilqa' d-deċiżjoni li jinħatar Rappreżentant Speċjali tal-UE kemm għall-Kawkasu t'Isfel u kemm għar-reġjun tan-Nofsinhar tal-Mediterran, kif ukoll li tiġi stabbilita task force għan-Nofsinhar tal-Mediterran; huwa tal-fehma li task force simili għall-Kawkasu tan-Nofsinhar għandha tiġi kkunsidrata; jenfasizza l-ħtieġa biex jiġi żgurat li r-rwol proattiv tal-UE fit-taħditiet 5+2 dwar Transnistrja ikollu riżorsi adegwati, speċjalment mit-terminazzjoni tal-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-UE;

    89.

    Jenfasizza li l-kunflitti reġjonali ma jistgħux jinftiehmu jekk ma jiġux ikkunsidrati fil-kuntest kulturali tagħhom; jappella għall-implimentazzjoni ta' strateġija koerenti, abbażi tal-istrateġija Blue Shield, li tagħti lill-kultura rwol fil-prevenzjoni tal-kunflitti u tal-istabbiliment mill-ġdid tal-paċi;

    90.

    Jilqa' l-ħidma li l-organizzazzjonijiet internazzjonali, b'mod partikolari l-aġenziji tal-OSKE u n-NU, iwettqu fuq il-post f'sitwazzjonijiet ta' kunflitt u wara kunflitt u fil-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli fil-viċinat kollu kemm hu, speċifikament l-impenn li ilu stabbilit tal-UNRWA fir-rigward tar-rifuġjati Palestinjani;

    91.

    Jappoġġa l-azzjoni umanitarja u favur l-iżvilupp u l-paċi tal-UE fil-pajjiżi sħab tal-viċinat tal-Lvant, u b'mod partikolari l-kontribut importanti tal-Unjoni lill-UNRWA; jiddispjaċih madankollu li din l-azzjoni għad mhux qed tkun akkumpanjata mit-tisħiħ tal-Unjoni bħala attur politiku prinċipali fil-Lvant Nofsani; iħeġġeġ lis-SEAE u lill-Kummissjoni jagħmlu minn kollox biex jagħtu piż politiku għall-preżenza u l-azzjoni tal-Unjoni fir-reġjun pari għall-impenn deċiżiv tagħha f'termini ta' għajnuna umanitarja u għajnuna għall-iżvilupp;

    Dimensjoni parlamentari

    92.

    Jisħaq fuq il-fatt li l-Parlament Ewropew jiżvolġi rwol importanti, permezz tad-delegazzjonijiet parlamentari tiegħu u d-delegazzjonijiet tiegħu f'assemblej parlamentari, fit-tisħiħ tad-djalogu politiku u l-promozzjoni tal-libertajiet, ir-riformi demokratiċi u l-istat tad-dritt kompletament żviluppati fil-pajjiżi ġirien sħab u jenfasizza li dawn il-kuntatti jistgħu jkunu wkoll mod biex jiġi vvalutat jekk il-kriterji li ġejjin intlaħqux jew le, u biex tiġu adattata l-kooperazzjonijiet bilaterali u multilaterali fid-dawl tal-avvenimenti u l-progressi li saru;

    93.

    Jerġa' jafferma li l-assemblej parlamentari multilaterali, bħall-EURONEST u l-AP-UgħM, huma vetturi kruċjali għall-bini tal-fiduċja u l-koerenza bejn l-UE u l-pajjiżi sħab u fost il-pajjiżi sħab infushom, u għaldaqstant jikkontribwixxu bil-kbir biex jinkisbu l-objettivi tas-Sħubija tal-Lvant u tal-Unjoni għall-Mediterran; jitlob lis-SEAE u lill-Kummissjoni jassoċjaw kemm jista' jkun lill-membri tal-EURONEST mal-istrutturi u l-pjattaformi multilaterali tas-Sħubija tal-Lvant; jinsisti fuq il-ħtieġa li l-AP-UgħM tiġi rikonoxxuta bħala istituzzjoni parlamentari leġittima tal-UgħM; jenfasizza li segretarjat kompletament żviluppat se jagħti aktar koerenza lill-ħidma tal-EURONEST u tal-AP-UgħM u konsistenza mal-programmi tal-PEV ippjanati għad-dimensjoni tal-Lvant u reġjonali tan-Nofsinhar;

    94.

    Jitlob lill-KE tipprovdi appoġġ finanzjarju, tekniku u espert imsaħħaħ lill-amministrazzjonijiet tal-parlamenti nazzjonali tal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant fil-programm ta' Bini ta' Istituzzjonijiet Komprensiv biex isaħħaħ l-effiċjenza, it-trasparenza u r-responsabilità tagħhom, li huwa kruċjali sabiex il-parlamenti jkollhom rwol xieraq fil-proċessi demokratiċi tat-teħid tad-deċiżjonijiet;

    95.

    Jikkonferma li huwa lest li jilqa' r-rappreżentanti tal-Parlament tal-Bjelorussja fil-EURONEST hekk kif l-elezzjonijiet parlamentari fil-Bjelorussja jibdew jitqiesu demokratiċi mill-komunità internazzjonali, inkluża l-OSKE;

    Finanzjament

    96.

    Jilqa' l-proposta għall-Istrument Ewropew ta' Viċinat il-ġdid u ż-żieda tal-finanzjament għall-PEV, kif mitlub fir-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu; jikkunsidra li d-distribuzzjoni tal-fondi għandha tkun flessibbli u xierqa għaż-żewġ reġjuni filwaqt li jinżamm il-bilanċ reġjonali, b'approċċ ibbażat fuq ir-rendiment u li jkun jiffoka fuq l-impenji u l-progress fir-rigward tar-riformi tal-pajjiżi sħab, iżda wkoll fuq il-bżonnijiet u l-kapaċitajiet tagħhom; jinnota li l-flessibilità u s-semplifikazzjoni ulterjuri għandhom jirrispettaw id-dritt ta' skrutinju demokratiku u jkunu akkumpanjati b'aktar sorveljanza tal-infiq;

    97.

    Iqis li huwa importanti li jinżamm bilanċ raġonevoli bejn il-komponenti tal-Lvant u tan-Nofsinhar, speċjalment peress li l-pajjiżi ġirien tal-Lvant jinsabu fil-proċess li jimplimentaw programmi u riformi relatati mas-Sħubija tal-Lvant u għandhom perspettiva tal-UE; jemmen, madankollu, li dan il-bilanċ m'għandux jitqies li hu ffissat b'mod permanenti; jappoġġa bis-sħiħ il-prinċipju ta' għajnuna finanzjarja flessibbli, differenzjata u ibbażata fuq ir-rendiment, ibbażata fuq bżonnijiet reali, kapaċità ta' assorbiment u objettivi milħuqa;

    98.

    Iqis li r-rieżami tal-ENI għandu jkun konsistenti mal-evalwazzjoni attwali tal-MFF 2007-2013 u n-negozjati dwar il-perjodu wara l-2013, u għandu jitwettaq fil-kuntest tagħhom bl-għan li ma jerġgħux jinfetħu n-negozjati dwar il-finanzjament tal-politika tal-viċinat tul l-2012 u l-2013;

    99.

    Jitlob żieda sostanzjali fil-limitu massimu tal-Intestatura 4 tal-baġit tal-UE għall-Istrument Ewropew ta' Viċinat u Sħubija, minħabba li matul l-aħħar snin minkejja li sar xi progress fil-promozzjoni ta' kooperazzjoni mtejba u integrazzjoni ekonomika progressiva bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi sħab, jeħtieġ li jsir aktar progress hekk kif jitfaċċaw sfidi ġodda u oqsma għall-kooperazzjoni;

    100.

    Jenfasizza li r-riallokazzjoni tal-approprjazzjonijiet meħtieġa għaż-żieda fil-finanzjament għall-PEV għandha tkun ibbażata fuq prijoritajiet ċari u għalhekk m'għandhiex tkun askapitu tal-unika għodda, li għandha l-Unjoni, ta' rispons għall-kriżi u ta' konsolidament tal-paċi, l-Istrument għall-Istabilità, kif propost mill-Kummissjoni; jenfasizza li l-finanzjament tal-PEV m'għandux jintlaqat mill-krizi tad-dejn sovran attwali;

    101.

    Jiddispjaċih li perċentwal għoli tal-fondi disponibbli tal-PEV qed jintefqu fuq konsulenza minflok fuq proġetti u programmi u jitlob, f'dan ir-rigward, għal bilanċ mill-ġdid u malajr fl-użu tagħhom taħt l-istrument il-ġdid;

    102.

    Jenfasizza l-importanza, fil-każijiet fejn l-UE mmobilizzat għajnuna umanitarja, li jiġi żgurat li jkun hemm tranżizzjoni adattata bejn ir-riabilitazzjoni, ir-rikostruzzjoni u l-iżvilupp, sabiex jinstab rimedju għal uħud mill-konsegwenzi qerrieda tar-rivoluzzjonijiet;

    103.

    Jikkunsidra li l-QKA jista' jiġi kkunsidrat bħala parti integrali tal-ENI; jissuġġerixxi li titqies l-idea li l-ġestjoni tal-fondi tal-ENI taqa' mill-ġdid taħt il-QKA jekk l-istati ma jirnexxilhomx jissodisfaw il-kundizzjonijiet għall-finanzjament minħabba rendiment insodisfaċenti;

    104.

    Jenfasizza r-rwol kritiku tal-ENI fl-appoġġ għall-istrateġiji makroreġjonali tal-UE, bħall-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku u l-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tad-Danubju, billi jingħata finanzjament għad-dimensjoni esterna ta' dawn l-istrateġiji, b'mod partikolari l-attivitajiet li jinvolvu pajjiżi ġirien;

    105.

    Jenfasizza li l-allokazzjoni tar-riżorsi għandha tkun ibbażata fuq għadd limitat ta' prijoritajiet iddefiniti b'mod ċar u objettivi li jistgħu jitkejlu, bi qbil mal-pajjiżi sħab, filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet tagħhom u abbażi ta' kundizzjonalità ċara u tal-progress li diġà sar; jenfasizza li l-appoġġ baġitarju għandu jintuża biss fejn ikun hemm il-garanziji għal ġestjoni baġitarja soda u li għandha tintuża l-firxa sħiħa tal-għodda disponibbli sabiex il-prijoritajiet jiġu riflessi b'mod aħjar; jenfasizza, f'dan il-kuntest, il-ħtieġa għal leġiżlazzjoni mtejba dwar l-akkwisti pubbliċi u l-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi tal-pajjiżi PEV;

    106.

    Jenfasizza l-ħtieġa għal approċċ konsistenti fl-assistenza pprovduta lill-pajjiżi ġirien minn kull Stat Membru individwali tal-UE u mill-UE fil-qafas tal-PEV; hu favur kull mekkaniżmu li jgħin fil-koordinament u s-semplifikazzjoni tal-azzjoni tad-donaturi differenti tal-UE fil-pajjiżi tal-PEV, mingħajr ma jiżdiedu saffi burokratiċi bla bżonn;

    107.

    Jindika li minkejja l-għajnuna tista' taġixxi bħala ingranaġġ għall-pajjiżi tal-PEV, din mhijiex biżżejjed biex jiġi żgurat żvilupp sostenibbli u dejjiemi; għalhekk jitlob lill-pajjiżi tal-PEV isaħħu u jimmobilizzaw ir-riżorsi nazzjonali tagħhom, jistabbilixxu sistemi ta' tassazzjoni trasparenti, jinvolvu s-settur privat, il-gvernijiet lokali u s-soċjetà ċivili fl-aġenda tal-PEV u jimmiraw għas-sjieda akbar tagħhom tal-proġetti tal-PEV;

    108.

    Jilqa' d-deċiżjoni tal-pajjiżi membri tal-G8 li jżidu l-faċilitajiet ta' self għall-benefiċċju tal-pajjiżi tas-sħubija tan-Nofsinhar li jkunu bdew tranżizzjoni demokratika; iqis li l-impenji li ttieħdu fil-qafas tas-"Sħubija ta' Deauville" fis-27 ta' Mejju 2011 huma tali li jħeġġu l-mobilizzazzjoni finanzjarja għall-benefiċċju tad-demokrazija u tal-iżvilupp fil-pajjiżi sħab tal-Unjoni Ewropea;

    109.

    Jitlob, fid-dawl tar-Rebbiegħa Għarbija, kif ukoll tal-passi lura mid-demokrazija fi wħud mill-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant, għal evalwazzjoni awtokritika speċifika tal-istrumenti finanzjarji użati fil-passat fl-ENPI, fir-rigward tal-funzjonament tagħhom fl-oqsma tad-demokrazija, tad-drittijiet tal-bniedem, tal-governanza, tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni, tal-bini ta' istituzzjonijiet u ta' appoġġ lis-soċjetà ċivili; jemmen li l-UE għandha tadotta approċċ ġdid li jtejjeb il-kooperazzjoni għall-prevenzjoni tal-kunflitti;

    110.

    Huwa tal-konvinzjoni soda li l-għajnuna finanzjarja lill-Awtorità Palestinjana u l-UNRWA għandhom ukoll ikunu eżaminati fil-kuntest ta' dan ir-rieżami u jkunu suġġetti għall-programmazzjoni fuq perjodu fit-tul, bħala parti integrali tal-Politika tal-Viċinat; ma jqisx validu l-argument li l-instabilità politika fir-reġjun u l-ispeċifiċitajiet tal-proċess tal-paċi jippermettu biss il-programmazzjoni proviżorja u t-tisħiħ każ b'każ;

    111.

    Jitlob, minħabba l-ħtiġijiet attwali urġenti, speċjalment fil-Viċinat tan-Nofsinhar, li jintlaħaq malajr ftehim bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar il-proposta għat-tisħiħ tal-Istrument ta' Viċinat tul il-perjodu 2012-2013; jitlob, barra minn hekk, lill-Istati Membri biex fil-pront iwettqu l-wegħdiet bilaterali tagħhom lill-Mediterran tan-Nofsinhar u lis-Sħubija tal-Lvant;

    112.

    Jinsisti li l-Kunsill għandu jadotta mingħajr dewmien ulterjuri l-proposta leġiżlattiva biex jiġi emendat l-Artikolu 23 tar-Regolament dwar l-ENPI ppreżentat mill-Kummissjoni f'Mejju 2008 u adottat mill-Parlament fit-8 ta' Lulju 2008, li tkun tippermetti l-investiment mill-ġdid tal-fondi rritornati insegwitu ta' operazzjonijiet preċedenti; ifakkar li din il-miżura diġà hi meqjusa bħala fatta u hi riflessa fil-proposta għall-finanzjament tar-rieżami tal-PEV fil-baġit tal-2011-2013; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra modi alternattivi biex tiżgura li l-fondi ta' kapital tar-riskju addizzjonali jsiru disponibbli malajr kemm jista' jkun permezz tal-BEI, kemm għad-dimensjonijiet tan-Nofsinhar u kemm tal-Lvant;

    113.

    Jilqa' l-ħidma mwettqa mill-Bank Ewropew tal-Investiment, b'mod partikolari permezz tal-Faċilità Ewro-Mediterranja ta' Investiment u Sħubija, u mill-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ) u jenfasizza l-importanza u l-ħtieġa ta' aktar sinerġiji mal-istituzzjonijiet finanzjarji nazzjonali u internazzjonali oħra li huma wkoll attivi f'dawn il-pajjiżi; jappoġġa l-modifika tal-istatuti tal-BERŻ sabiex anki s-sħab tal-viċinat tan-Nofsinhar ikunu eliġibbli għall-assistenza tiegħu u jixtieq jiżgura li bejn il-BEI u l-BERŻ, li l-kapital tat-tnejn li huma huwa fil-parti l-kbira ta' oriġini Ewropea, tiġi stabbilita relazzjoni produttiva ta' kooperazzjoni, u mhux ibbażata fuq kompetizzjoni;

    *

    * *

    114.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà/il-Viċi President tal-Kummissjoni, lis-SEAE, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri u lill-pajjiżi tal-PEV u lis-Segretarju Ġenerali tal-Unjoni għall-Mediterran.


    (1)  ĠU L 310, 9.11.2006, p. 1.

    (2)  Testi adottati, P7_TA(2011)0413.

    (3)  ĠU L 188, 19.7.2011, p. 24.

    (4)  ĠU L 221, 27.8.2011, p. 5.

    (5)  Testi adottati, P7_TA(2011)0153.

    (6)  Testi adottati, P7_TA(2011)0154.

    (7)  ĠU C 287 E, 24.11.2006, p. 312.

    (8)  ĠU C 282 E, 6.11.2008, p. 443.

    (9)  ĠU C 303 E, 13.12.2006, p. 760.

    (10)  ĠU C 285 E, 26.11.2009, p. 11.

    (11)  ĠU C 76 E, 25.3.2010, p. 83.

    (12)  ĠU C 76 E, 25.3.2010, p. 76.

    (13)  ĠU C 41 E, 19.2.2009, p. 64.

    (14)  Testi adottati, P7_TA(2011)0025.

    (15)  ĠU C 161 E, 31.5.2011, p. 126.

    (16)  ĠU C 161 E, 31.5.2011, p. 136.

    (17)  ĠU C 308 E, 20.10.2011, p. 81.

    (18)  Testi adottati, P7_TA(2011)0038.

    (19)  Testi adottati, P7_TA(2011)0064.

    (20)  Testi adottati, P7_TA(2011)0095.

    (21)  Testi adottati, P7_TA(2011)0386.

    (22)  Testi adottati, P7_TA(2011)0387.

    (23)  Testi adottati, P7_TA(2011)0239.


    Top