This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52011DC0782
COMMUNICATION FROM THE COMMISSION TO THE EUROPEAN PARLIAMENT, THE COUNCIL, THE EUROPEAN ECONOMIC AND SOCIAL COMMITTEE AND THE COMMITTEE OF THE REGIONS Developing a Maritime Strategy for the Atlantic Ocean Area
KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT SOĊJALI U EKONOMIKU EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Niżviluppaw Strateġija Marittima għaż-Żona tal-Oċean Atlantiku
KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT SOĊJALI U EKONOMIKU EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Niżviluppaw Strateġija Marittima għaż-Żona tal-Oċean Atlantiku
/* KUMM/2011/0782 finali */
KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT SOĊJALI U EKONOMIKU EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Niżviluppaw Strateġija Marittima għaż-Żona tal-Oċean Atlantiku /* KUMM/2011/0782 finali */
KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI
LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT SOĊJALI U EKONOMIKU
EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Niżviluppaw Strateġija Marittima
għaż-Żona tal-Oċean Atlantiku (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
1.
Kamp ta' applikazzjoni
L-Oċean Atlantiku, li jimmarka l-fruntiera
fil-Punent tal-UE, huwa t-tieni l-akbar oċean fid-dinja. Din
il-Komunikazzjoni twieġeb għal talba mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea[1]
(UE) u l-Parlament Ewoprew[2]. Tipproponi
approċċ koerenti u bbilanċjat li huwa konsistenti
mal-aġenda UE 2020[3] u l-inizjattivi ewlenin
tagħha li jippromwovu l-koeżjoni territorjali u li jqisu d-dimensjoni
internazzjonali. Filwaqt li dan l-approċċ propost
fil-biċċa l-kbira se jiffoka fuq l-għoti ta’ għajnuna
lill-komunitajiet li jgħixu u jaħdmu fuq il-kosta tal-Atlantiku biex
ikunu ppreparati għar-realtajiet ekonomiċi ġodda, jagħraf
ukoll li l-UE taqsam ir-responsabbiltà għall-amministrazzjoni
tal-oċeani tad-dinja. F’sens wiesa’, l-istrateġija se tkopri l-ispejjeż,
l-ibħra territorjali u ġuriżdizzjonali tal-ħames Stati
Membri tal-UE b'linja kostali mal-Atlantiku[4] – Franza,
l-Irlanda, il-Portugall, Spanja u r-Renju Unit[5] kif ukoll
l-ilmijiet internazzjonali li jaslu lejn il-Punent sal-Ameriki, lejn il-Lvant
sal-Afrika u l-Oċean Indjan, lejn in-Nofsinhar sal-Oċean
tan-Nofsinhar u lejn it-Tramuntana sal-Oċean Artiku[6].
Barra mill-azzjonijiet li jikkonċernaw il-ħames Stati Membri tal-UE,
kemm f'livell nazzjonali kif ukoll f’dak lokali, qed jitfittex impenn ukoll
min-naħa tal-Istati oħrajn tal-UE li jużaw dan l-ispazju kif
ukoll sħab internazzjonali li l-ilmijiet tagħhom imissu ma’ dan
l-ispazju. Jeħtieġ li jitqiesu l-implikazzjonijiet tas-sħubija
tal-Islanda fl-UE. L-azzjonijiet kollha proposti għandhom
jiġu ffinanzjati fi ħdan programmi eżistenti u mhu se
joħolqu ebda impatt addizzjonali fuq il-baġit tal-UE.
2.
Opportunitajiet u Sfidi
L-isfidi u l-opportunitajiet li qed
taffaċċja ż-żona tal-Oċean Atlantiku jistgħu
jinġabru f’ħames temi. Madankollu dawn ma jiffurmawx sett ta’
azzjonijiet uniċi. L-azzjonijiet f’tema waħda jistgħu wkoll
jikkontribwixxu għall-għanijiet ta’ tema oħra. Kollha se
jikkontribwixxu lejn l-għan prevalenti tal-ħolqien ta’ impjiegi u
tkabbir sostenibbli.
2.1.
Nimplimentaw l-approċċ ekosistemiku
Il-ġestjoni tal-attivitajiet tal-bniedem fl-Atlantiku
għandha twassal għal ekosistema b’saħħitha u produttiva.
Huwa rikonoxxut li dan l-approċċ huwa implimentat bl-aqwa mod permezz
tal-ġestjoni flimkien tal-attivitajiet kollha li għandhom impatt fuq
il-baħar. L-approċċ ekosistemiku huwa l-bażi għall-ġestjoni
tal-baħar kemm fil-Politika Komuni tas-Sajd kif ukoll fid-Direttiva ta’
Qafas dwar l-Istrateġija Marittima[7]. Iż-żewġ
strumenti jinkludu referenzi għal iktar koerenza[8].
Madankollu, il-proċessi ta’ implimentazzjoni għall-iżgurar ta’
sajd sostenibbli u l-kisba ta' status ambjentali tajjeb fil-prattika
għadhom fil-biċċa l-kbira separati u se jirrikjedu sforz
addizzjonali fiż-żona tal-Oċean Atlantiku. Għalhekk, l-istrateġija
għall-Atlantiku għandha tiffoka fuq l-iżvilupp tal-aspetti li
ġejjin: –
L-attivitajiet tas-sajd kienu pedament
ċentrali fl-ekonomiji taż-żewġ naħat tal-Atlantiku.
Huma għadhom jipprovdu madwar terz[9] tal-volum tal-ħatt
l-art tal-flotta tas-sajd tal-UE. Kwart tal-importazzjonijiet ta' ħut
tal-UE skont il-valur huma min-Norveġja u l-Islanda. Ir-riforma proposta
tal-Politika Komuni tas-Sajd (PKS)[10] tipproponi li dawn
l-istokkijiet jiġu mmaniġġjati sabiex jinkiseb ir-rendiment
massimu sostenibbli filwaqt li jiġu kkonservati l-prodotti u s-servizzi
mir-riżorsi akkwatiċi ħajjin għall-ġenerazzjonijiet
preżenti u futuri. Sar progress tajjeb. Pereżempju, skont
ir-Riżoluzzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti 61/105 u 64/72 kemm
l-Organizzazzjonijiet Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd
għall-Atlantiku tat-Tramuntana, il-Kummissjoni tas-Sajd tal-Atlantiku tal-Grigal
u l-Organizzazzjoni tas-Sajd fl-Atlantiku tal-Majjistral għalqu
ż-żoni tas-sajd għat-tkarkir tal-qiegħ mhux biss biex
jiżguraw is-sostenibbilità fit-tul tal-istokkijet tal-ħut
tal-baħar fond iżda wkoll biex jikkonservaw l-ekosistemi vulnerabbli tal-baħar
inklużi l-isponoż u l-qroll. Iżda għandu jsir aktar.
Il-ġestjoni ta’ speċi unika trid tieqaf sabiex ikun hemm pjanijiet
fit-tul għal diversi speċijiet flimkien li jqisu l-ekosistema usa’.
L-Istati Membri tal-Atlantiku għandhom jieħdu l-opportunitajiet
tar-reġjonalizzazzjoni li jinħolqu bir-riforma tal-Politika Komuni
tas-Sajd biex jadottaw miżuri tekniċi għall-Atlantiku.
Il-Kummissjoni beħsiebha tipproponi qafas xieraq hekk kif ir-riforma
tal-PKS tidħol fis-seħħ. –
L-akkwakultura tista’ tissodisfa d-domanda tal-UE
għal prodotti tal-ħut tajbin għas-saħħa u li jiġu
prodotti b’mod sostenibbli fil-livell li jista’ jiġi pprovdut mis-sajd
tal-qbid u f’livell ogħla. L-ilmijiet kostali nodfa tal-Atlantiku b’mareat
qawwija jipprovdu opportunità biex tintlaħaq din id-domanda, u b’hekk
nibqgħu kompetittivi f’suq globali filwaqt li nirrispettaw l-ambjent.
Madankollu, in-nuqqas ta’ spazju fuq il-littoral tal-Atlantiku bħalissa
jillimita l-espansjoni. Filwaqt li titkompla r-riċerka, teknoloġiji
ġodda u inġinerija innovattiva se jippermettu lill-industrija tmur
aktar lil hinn mill-kosta, il-qsim ta’ spazju ma’ infrastruttura oħra
bħall-pjattaformi tat-turbini tar-riħ hija opportunità li
għandha titqies mill-bidu ta' kwalunkwe proċess ta’ liċenzjar.
L-istrateġija għandha għalhekk tippromwovi l-ippjanar spazjali
bħala għodda għall-implimentazzjoni tal-approċċ
ekosistemiku fiż-żona tal-Oċean Atlantiku. Proċess
bħal dan għandu jsaħħaħ il-koerenza, il-konnettività u
r-reżiljenza ta’ żoni protetti tal-baħar fl-Atlantiku skont
il-pjan ta’ azzjoni għall-bijodiversità tal-UE. L-istrumenti tal-UE għal politika marittima
integrata u l-kooperazzjoni territorjali diġà qed jappoġġjaw
proġetti pilota dwar l-ippjanar spazjali u l-ġestjoni
taż-żoni kostali fl-Atlantiku. Il-Kummissjoni Ewropea bħalissa
qed teżamina l-għażliet għal approċċ iktar
strutturat lejn dawn il-mekkaniżmi li se jippermetti lill-Istati Membri
tal-Atlantiku u lill-partijiet interessati jimplimentaw l-approċċ
ekosistemiku. –
Fl-aħħar nett, iċ-ċirkolazzjoni
oċeanika tal-Atlantiku tixpruna l-bidliet fl-ekosistemi Ewropej, kemm dawk
terrestri kif ukoll dawk tal-baħar. It-tbassir tal-bidliet futuri
fil-klima tal-Ewropa u l-adattament ta’ dawn il-bidliet qatt mhu se jinkisbu
mingħajr fehim aħjar tal-Atlantiku. Dan jitlob għal sistemi ta'
osservazzjoni sostenibbli, mill-ispazju u fil-baħar, ta' varjabbli ewlenin
tal-baħar. Is-sħab Ewropej u tat-Tramuntana tal-Amerika
jikkontribwixxu għall-programm ARGO li diġà poġġa firxa ta'
900 sufrun li jimmonitorjaw kontinwament it-temperatura u s-salinità
tal-wiċċ tal-Oċean Atlantiku. Il-Kummissjoni beħsiebha
teżamina l-alternattivi biex tappoġġja din is-sistema ta'
osservazzjoni tal-oċeani u tħejji, flimkien mas-sħab
tagħha, l-estensjoni tagħha għal livelli aktar fil-fond u
parametri bijoġeokimiċi kif ukoll fiżiċi.
2.2.
Innaqqsu l-marka tal-karbonju tal-Ewropa
Peress li l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima hija
parti integrali mill-politiki kollha tal-UE, l-istrateġija trid tiffoka
fuq l-elementi li ġejjin: –
L-Atlantiku għandu rjieħ aktar qawwija
mill-ibħra l-oħra li jolqtu x-xtut tal-Ewropa. Dan mhux biss joffri
enerġija nadifa iżda jista' jikkontribwixxi wkoll lejn anqas
dipendenza fuq sorsi mbiegħda ta' fjuwil fossilu. It-turbini tar-riħ
huma inklużi fil-Pjan Strateġiku tal-Enerġija tal-UE u diġà
qed imorru lil hinn mill-kosta[11] biex jibbenefikaw minn
irjieħ aktar qawwija u jnaqqsu l-impatt fuq il-pajsaġġ.
L-espansjoni ta’ parks eoliċi lil hinn mill-kosta se toffri
opportunitajiet industrijali ewlenin għall-portijiet li jagħtuhom
servizz. Sal-2020, madwar 20 % tal-kapaċità eolika installata Ewropea
lil hinn mill-kosta tista’ tkun tinstab fil-baċir tal-Atlantiku. –
Jeħtieġ ukoll li jiġi sfruttat
il-potenzjal tal-mewġ qawwi u l-mareat b’saħħithom
tal-Atlantiku. In-natura prevedibbli tal-enerġija mill-mareat tista’
tikkomplimenta l-enerġija varjabbli mir-riħ. Il-gżejjer
jistgħu jirċievu proporzjon għoli tal-enerġija tagħhom
mill-baħar. Madankollu, l-użu b'suċċess ta’ enerġija
rinnovabbli lil hinn mill-kosta fuq skala kbira se jseħħ biss jekk
ikun żgurat li l-konnessjonijiet tal-grilji jillinkjaw iċ-ċentri
prinċipali ta’ produzzjoni mal-konsum. F’Diċembru 2010,
għaxar pajjiż Ewropej qablu li jiżviluppaw grilja tal-elettriku
lil hinn mill-kosta fil-Baħar tat-Tramuntana li jinsab biswit. Fil-linji
gwida l-ġodda għall-implimentazzjoni tal-infrastrutturi
tal-enerġija tal-Ewropa, il-Kummissjoni se tipproponi li l-Baħar
Irlandiż ikun inkluż flimkien mal-Baħar tat-Tramuntana u
l-Baltiku ġewwa "grilja lil hinn mill-kosta tal-Ibħra
tat-Tramutana" li se jitqiesu bħala "prijorità
tal-infrastruttura tal-enerġija". Dan se jħaffef il-proċess
għall-għoti tal-permessi. Il-Kummissjoni beħsiebha timplimenta t-talba
tal-Kunsill[12] li tesplora
s-sinerġiji bejn il-Politika Ewropea tal-Enerġija u l-politika
marittima integrata sabiex tippromwovi aktar ġenerazzjoni
tal-enerġija mill-baħar, partikolarment mill-mewġ, il-mareat,
il-kurrenti u sorsi tal-gradjent termali, inkluż mill-Atlantiku. –
Il-bidliet fit-trasport marittimu se
jikkontribwixxu wkoll għat-tnaqqis tal-marka tal-karbonju fl-Atlantiku. Għaddejjin negozjati taħt
l-awspiċji tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) biex
jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mit-tbaħħir
internazzjonali. L-adozzjoni ta’ Indiċi ta’ Effiċjenza
Enerġetika se tnaqqas l-emissjonijiet minn bastimenti li jinbnew wara
l-2013. Filwaqt li jiffavorixxu bastimenti aktar effiċjenti fl-użu
tal-fjuwil, il-miri tal-emissjonijiet jistgħu jinfluwenzaw
l-organizzazzjoni tar-rotot tat-tbaħħir fl-Atlantiku. L-istrateġija
fl-Atlantiku għandha tirrifletti kif it-tbaħħir fl-Atlantiku
jkun jopera taħt ir-restrizzjonijiet ta' żieda fil-volum
tat-tbaħħir u inqas emissjonijiet ta’ dijossidu tal-karbonju. Il-bidla fit-trasport tal-merkanzija mit-triq
għall-baħar ukoll se tnaqqas l-emissjonijiet. Skont il-White Paper
riċenti tal-UE dwar it-trasport, bħalissa għaddejjin azzjonijiet
immirati lejn l-integrazzjoni ta’ trasport fuq l-ilma fin-netwerk tat-trasport
Ewropew. L-Atlantiku ma jospita ebda port enormi iżda pjuttost għadd
sinifikanti ta’ portijiet iżgħar. Il-proġetti dwar
l-"Awstostradi tal-Baħar" tal-UE diġà jikkontribwixxu
permezz ta' rotot eżistenti bejn Bilbao u Zeebrugge, bejn Sines u La
Spezia u rotta ġdida bejn Gijón u Saint-Nazaire li dalwaqt jiġu mtejba
biex jipprovdu frekwenza ogħla. Hija ppjanata rotta bejn
Nantes-Saint-Nazaire u Vigo, li għandha tiġi estiża fi stadju
aktar tard sa Le Havre u Algesiras. Fl-2014, għandha tibda topera linja
bejn Brest u Leixões. L-awtoritajiet reġjonali tal-Atlantiku qed
jikkunsidraw l-iżvilupp ulterjuri ta' kurituri tat-trasport multimodali,
bħala parti min-Netwerk Ewropew tat-Trasport (TEN-T). Azzjonijiet
oħra tal-UE biex tiżdied l-effiċjenza ta’ tbaħħir
fil-qosor fl-Atlantiku jinkludu l-implimentazzjoni ta’ "Żona Ewropea
ta’ Trasport Marittimu mingħajr Konfini"[13]
u l-proġett pilota "Blue Belt" biex jitnaqqsu l-piżijiet
amministrattivi bħall-proċeduri doganali għat-traffiku
tal-merkanzija intraUE. Il-Kummissjoni se tivvaluta l-progress sal-2012.
Djalogu dwar it-trasport marittimu mal-amministrazzjoni marittima tal-Istati
Uniti rriżulta f’Memorandum ta’ kooperazzjoni dwar it-tbaħħir
qasir bil-baħar iffirmat fl-2011. Ir-riżultati mir-riflessjoni
tal-awtoritajiet reġjonali, ir-rapport ta’ progress tal-Kummissjoni u
t-tagħlimiet meħuda mill-kooperazzjoni ma’ awtoritajiet marittimi
oħra se jdakkru l-isforz tal-istrateġija tal-Atlantiku sabiex
jiżdied il-volum tat-tbaħħir qasir bil-baħar.
2.3.
Nisfruttaw ir-riżorsi naturali f'qiegħ
il-baħar tal-Atlantiku b’mod sostenibbli
Din l-istrateġija għandu jkollha
l-għan li tiffoka fuq l-aspetti li ġejjin sabiex tiżviluppa
l-isfruttar sostenibbli tar-riżorsi naturali f'qiegħ il-baħar
tal-Atlantiku: –
Il-Komunikazzjoni riċenti mill-Kummissjoni
dwar l-indirizzar tal-isfidi fis-swieq tal-komoditajiet u dawk marbutin
mal-materja prima[14] tenfasizza l-bżonn
li jiżdied l-investiment tal-assi naturali tal-Ewropa filwaqt li jiġi
żgurat li l-minerali jiġu estratti taħt kundizzjonijiet sikuri
li jirrispettaw l-ambjent u l-ħaddiema. Fl-2010 l-Awtorità Internazzjonali
dwar Qiegħ il-Baħar adottat regolamenti dwar it-tfittxija u
l-esplorazzjoni għan-noduli polimetalliċi[15]
u f'Lulju 2011 ħarġet liċenzja għat-tiftix ta’ erja
fiż-żona tat-Tramuntana tax-xifer ta’ nofs l-Atlantiku. L-isforzi ta'
kuntratturi attwali mal-Awtorità huma primarjament diretti lejn studji
ġeoloġiċi u ambjentali fit-tul, iffinanzjati permezz ta’ fondi
pubbliċi iktar milli l-esplorazzjoni xprunata kummerċjalment.
Is-Sħubija Ewropea dwar il-materja prima ppjanata mill-Kummissjoni
fil-qafas tal-Inizjattiva Ewlenija tal-UE2020 dwar l-Unjoni tal-Innovazzjoni[16]
se tinkludi l-promozzjoni tar-riċerka u l-innovazzjoni għal
aċċess sostenibbli għall-materja prima tal-baħar. –
L-istituti tar-riċerka tal-baħar fuq
iż-żewġ naħat tal-Atlantiku huma f’post tajjeb biex
iżidu l-għarfien dwar x’tista’ toffri l-bijodiversità rikka
tal-oċean għall-ikel, il-fjuwil u l-farmaċewtiċi filwaqt li
jiġu kkonservati l-funzjonijiet tal-ekosistemi tiegħu. Huma
qegħdin dejjem aktar jaħdmu flimkien. Il-ħames Stati tal-UE li
jmissu mal-Atlantiku u Stati Membri oħra tal-UE kif ukoll in-Norveġja
u l-Islanda diġà qed jikkooperaw taħt is-Seba’ Programm Kwadru[17]
fl-azzjoni ta’ koordinazzjoni SEAS-era[18] u bħalissa
qegħdin iħejju l-Inizjattiva ġdida għall-Ipprogrammar
Konġunt "Ibħra u Oċeani b’Saħħithom u
Produttivi"[19] biex jaqsmu x-xogħol
fost il-programmi nazzjonali ta’ riċerka tal-baħar. Filwaqt li l-bini
ta’ sħubijiet transatlantiċi kien diffiċli minħabba
l-bżonn ta’ allinjament taż-żmien ta’ opportunitajiet ta'
finanzjament, il-Kummissjoni se tfittex li tiddefinixxi l-arranġamenti li
jippermettu li l-organizzazzjonijiet fuq iż-żewġ naħat
tal-Atlantiku jikkontribwixxu għal proġetti konġunti. –
L-aċċess għad-dejta prodotta minn
istituti ta' riċerka u awtoritajiet pubbliċi oħra mhux dejjem
kien faċli fil-passat. L-inizjattiva 2020 tal-UE dwar l-għarfien
tal-baħar[20] se tappoġġja
n-negozji u l-awtoritajiet ta’ konservazzjoni billi tipprovdi punt ta’ aċċess
uniku għad-dejta tal-baħar armonizzat skont il-baċiri
tal-ibħra, u b'hekk inaqqas l-ispiża tal-ġbir flimkien tad-dejta
meħtieġa biex tkun iddisinjata, mibnija u mħaddma infrastruttura
kostali jew lil hinn mill-kosta. L-isfruttar tal-potenzjal tal-patrimonju
tad-dejta tal-baħar mhux biss se jwassal sabiex il-proċessi
kummerċjali attwali ikunu aktar kompetittivi iżda se jistimula
l-innovazzjoni billi jiftaħ l-aċċess għal riċerkaturi
u negozji żgħar li qabel kienu esklużi. Hemm il-ħsieb li
l-isforzi tal-UE wkoll jikkontribwixxu lejn inizjattivi ta’ aċċess
globali miftuħ bħal GEBCO[21] u OneGeology[22].
L-istrateġija għandha tirrifletti dwar l-opportunitajiet li dawn
l-iżviluppi jiftħu għaż-żona tal-Oċean Atlantiku.
2.4.
Nirreaġixxu għat-theddid u
l-emerġenzi
Jeħtieġ li l-UE tkun ippreparata
għat-theddid u l-emerġenzi fl-Atlantiku kemm jekk ikunu kkawżati
minn inċidenti, diżastri naturali kif ukoll minn attività kriminali.
L-aspetti li ġejjin huma prijoritajiet għaż-żona
tal-Oċean Atlantiku: –
L-adozzjoni ta' miżuri leġiżlattivi
importanti dwar is-sikurezza marittima, bl-aktar waħda riċenti tkun
it-tielet pakkett dwar is-sikurezza marittima fl-2009[23],
naqqsu r-riskju tal-inċidenti fit-tbaħħir. Il-Ftehimiet ta’
Lisbona u ta' Bonn[24] xprunaw
il-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri dwar it-tħejjija u r-reazzjoni
għad-diżastri tal-baħar. Il-Memorandum ta' Fehim ta'
Pariġi, wassal għal aktar minn 24.000 spezzjoni ta’ vapuri
fis-sena. Madankollu l-inċidenti xorta jistgħu jseħħu u
l-kosta tal-Atlantiku tibqa’ vulnerabbli għal avvenimenti naturali
bħall-maltempati li laqtu l-Vendée fl-2010. Il-klima li dejjem tinbidel
flimkien ma' impatti umani oħrajn fuq il-baħar tfisser li dak li
ġara fil-passat jista’ ma jkunx ta’ gwida għall-futur. Għandna
dejjem inkunu ppreparati għal dak li mhux mistenni. L-ewwel sigħat ta’ kriżi huma vitali u
l-avvenimenti b’impatt lokali għandhom bżonn l-għajnuna
mill-ġirien. Il-mekkaniżmi għandhom ikunu f’posthom qabel
il-maltempati, it-terremoti, it-tsunami, l-inċidenti nukleari,
l-invażjoni ta' speċijiet aljeni, jew it-tixrid taż-żejt. It-twissijiet
bikrin jeħtieġu monitoraġġ kontinwu tal-baħar,
it-trażmissjoni veloċi ta' informazzjoni, il-koordinazzjoni
tat-timijiet ta' reazzjoni u l-mobilizzazzjoni tal-parir espert. Il-Kummissjoni
qegħda tmexxi l-ħidma dwar il-prevenzjoni u l-preparazzjoni
inkluża l-politika tal-ġestjoni tar-riskju[25]
li tgħaqqad il-valutazzjoni tat-theddid u tar-riskju mat-teħid ta'
deċiżjonijiet u l-iżvilupp tal-ippjanar tax-xenarju għal
diżastri transkonfinali. Meta sseħħ emerġenza kbira
ħafna, il-Mekkaniżmu ta’ Protezzjoni Ċivili tal-UE
jiffaċilita l-koordinazzjoni u t-trasport tal-assistenza mill-Istati
Membri u l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA). Jista’
jikkontribwixxi wkoll lejn dan, it-tbassir preċiż tal-baħar imsejjes
fuq is-servizzi ewlenin tal-baħar tal-programm ta' Monitoraġġ
Globali tal-Ambjent u s-Sigurtà. Huwa jagħti tbassir separat
għall-Atlantiku tal-Majjistral u ż-żona Iberika u ta’ Biscay.
L-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali responsabbli għall-ħarsien
tal-linja kostali tal-Atlantiku u n-nies li jgħixu hemmhekk għandhom
jikkunsidraw proġetti li jittestjaw il-livell ta’ preparazzjoni taħt
il-programm tal-kooperazzjoni territorjali tal-UE u jieħdu impenn attiv
fil-Mekkaniżmu ta’ Protezzjoni Ċivili tal-UE. –
L-Atlantiku huwa ta’ importanza vitali
għall-eżistenza tal-kummerċ fl-Ewropa. Is-sigurtà tal-provvista
tal-Ewropa għandha tkun assolutament sikura u t-traffikar tal-armi,
in-nies u d-drogi għandu jieqaf. L-ekonomiji tal-Unjoni Ewropea u l-Istati
Uniti jammontaw għal madwar nofs il-PDG fid-dinja u għal kważi
terz tal-flussi kummerċjali fid-dinja. F'Ġunju 2011 dawn
iż-żewġ sħab qablu li jirrikonoxxu reċiprokament
l-istandards sabiex jitnaqqsu l-ostakli regolatorji għall-kummerċ
filwaqt li jiżguraw is-sigurtà tal-linja transatlantika vitali għall-eżistenza
tal-kummerċ. L-istrateġija għal rotot marittimi kritiċi
oħrajn hija li tinbena l-kapaċità fl-Istati kostali. Bħalissa
għaddejja valutazzjoni tal-ħtiġijiet biex tiddetermina liema
miżuri taħt l-istrument għall-istabbiltà jistgħu jnaqqsu
l-piraterija, is-serq armat fuq il-baħar u t-teħid ta'
ostaġġi fil-Golf tal-Guinea. Is-SafeSeaNet tal-Aġenzija Ewropea
għas-Sigurtà Marittima diġà tipprovdi integrazzjoni ta’
dikjarazzjonijiet obbligatorji mill-vapuri u portal għas-sinjali
mis-Sistema ta' Identifikazzjoni Awtomatika (AIS) tagħhom li jindunaw
bihom l-istazzjonijiet kostali. Il-bastimenti tas-sajd huma mmonitorjati
permezz tas-sistema ta’ Monitoraġġ tal-Bastimenti u s-sistema ta’
Identifikazzjoni u Traċċar mill-Bogħod tippermetti s-sorveljanza
tal-vapuri tal-passiġġieri u tal-merkanzija kollha ‘l fuq minn
300 tunnellata f’elf mil nawtiku mill-kosta Ewropea. Intwera wkoll
it-traċċar ta' vapuri li jinsabu saħansitra aktar 'il
bogħol b’teknoloġiji oħrajn[26]. Madankollu dawk
li qed jaħdmu kontra theddid bħall-kuntrabandu, is-sajd illegali jew
it-traffikar għad m'għandhomx aċċess għal stampa
sħiħa peress li l-ftehimiet għall-qsim tad-dejta bejn
awtoritajiet differenti għadhom mhumiex kompletament fis-seħħ.
Ir-reġjuni tal-Atlantiku għalhekk se jibbenefikaw minn miżuri
fil-livell tal-UE li għaddejjin bħalissa biex jippromwovu
l-iżvilupp ta’ Ambjent Komuni għall-Qsim tal-Informazzjoni (CISE) li
se jgħaqqad sistemi bħas-Sistema Ewropea ta’ Sorveljanza
tal-Fruntieri (EUROSUR), għall-iskambju ta' informazzjoni dwar il-migrazzjoni
irregolari u l-kriminalità transkonfinali u s-sistema SafeSeaNet. Il-qsim ta'
informazzjoni mhijiex purament ta' tħassib intern għall-UE.
Pereżempju f'Settembru 2011 l-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea qablu
li jaqsmu l-informazzjoni dwar sajd illegali, mhux rappurtat u mhux regolat.
Il-fokus tal-istrateġija tal-Atlantiku għandha tkun li jimmassimizza
l-benefiċċju mill-qsim tal-informazzjoni.
2.5.
Tkabbir inklussiv soċjalment
Filwaqt li hemm varjazzjoni konsiderevoli madwar
il-kosta tal-Atlantiku, ħafna komunitajiet iridu jlaħħqu ma’
tnaqqis fl-impjiegi fis-sajd u fil-bini tal-vapuri, iċ-ċaqliq
tat-turiżmu tal-massa lejn klimi aktar xemxin u t-tendenza li l-anzjani
jagħżlu l-kosta għall-irtirar. L-isfida hija li niżguraw
il-ħolqien ta’ impjiegi ġodda b’valur miżjud għoli fuq
il-kosta u, bl-istess mod, li dawk li qed ifittxu x-xogħol fl-ekonomija
l-ġdida jkollhom il-ħiliet it-tajba biex jimlew dawn l-impjiegi. –
Huma meħtieġa rikonoxximent
reċiproku usa’ tat-taħriġ, inkluża l-ġenerazzjoni li
jmiss ta' xjenzjati tal-baħar[27], taħriġ
mill-ġdid u kwalifiki professjonali biex jinżamm l-għarfien
espert marittimu u biex il-professjonijiet marittimi jerġgħu isiru
attraenti. Hemm bżonn li jsir użu aħjar tal-esperjenza tan-nies
irtirati minn professjonijiet marittimi u li
ż-żgħażagħ jinġibdu lejn karrieri marittimi.
Id-djalogu ma' sħab soċjali dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol
għas-sajjieda u l-baħħara għandu jkompli. Il-Kummissjoni
bdiet ix-xogħol dwar l-evalwazzjoni tad-Direttiva dwar il-Kwalifiki
Professjonali tal-2005 li se twassal għal Green Paper fl-2011 u
reviżjoni tad-Direttiva fl-2012. L-istrateġija għandha
l-għan li tinkludi kontribut mill-industriji marittimi tal-Atlantiku
f'dawn l-isforzi. Ir-raggruppament reġjonali ta' industriji
marittimi ma' stabbilimenti edukattivi jistgħu jiżguraw forza
tax-xogħol b’ħiliet u jippromwovu l-mobbiltà tal-ħaddiema
ġewwa s-setturi. Pereżempju l-industrija lil hinn mill-kosta Brest
tibbenifika mill-viċinanza ta' istituzzjonijiet li jipprovdu tagħlim
u riċerka dwar il-baħar. U l-inizjattiva SmartOcean tal-Istitut
Irlandiż dwar il-Baħar jinvolvi lil kumpaniji tat-teknoloġija
tal-informazzjoni multinazzjonali u lil intrapriżi ż-żgħar
fl-iżvilupp ta’ prodotti ta’ valur għoli għall-industrija
tal-baħar. Il-miġja ta' teknoloġiji ġodda ta’
komunikazzjoni tfisser li massa kritika ta' industriji u riċerkaturi
f'postijiet ġeografikament separati jistgħu jwaqqfu raggruppamenti
virtwali. L-istrateġija għandha tiffoka fuq l-inkoraġġiment
tal-iżvilupp ta’ dawn ir-raggruppamenti permezz ta’proġetti ta’
kooperazzjoni territorjali. –
Turiżmu għaqli[28]
jista' jgħin biex jiġġenera mill-ġdid xi żoni kostali
tal-Atlantiku iżda jrid jiġbed il-kummerċ matul is-sena kollha u
mhux biss fis-sajf biex jappoġġja l-impjiegi ta' kwalità.
Is-sbuħija selvaġġa naturali tal-Atlantiku, il-bijodiversità
rikka, il-kċina tradizzjonali tal-frott tal-baħar u l-kultura
Ċeltika huma assi li jistgħu jiġu sfruttati faċilment.
L-attivitajiet nawtiċi huma sors importanti ta’ dħul u joħolqu
impjiegi ta’ valur għoli, għalkemm il-kosta tal-Atlantiku
għandha nuqqas kbir ta’ rmiġġi speċjalment
għall-bastimenti ta’ rikreazzjoni kbar. It-tkabbir drammatiku
tal-industrija tal-kruċieri f'postijiet oħra għadu ma ġiex
riprodott fl-Atlantiku. L-istrateġija tal-Atlantiku għandha
tinkorpora l-opportunitajiet għall-iżvilupp f'dan il-qasam.
3.
Għodod tal-UE
L-istrumenti leġiżlattivi tal-UE
b'impatti importanti fuq il-baħar u li jippermettu awtonomija lokali
konsiderevoli huma fi stadju bikri ta' maturità u l-istrumenti finanzjarji
għall-perjodu ta' programmar 2014-2020 tal-UE qed jitħejjew.
Id-deċiżjonijiet ta’ programmar li qed jittieħdu issa u li se
jittieħdu fil-futur qrib se jkollhom impatt matul dan il-perjodu.
Għalhekk huwa essenzjali li l-partijiet interessati fl-Atlantiku jkunu
lesti li jużaw dawn l-istrumenti sabiex jaffrontaw l-isfidi identifikati
hawnhekk. L-għodod ewlenin huma: –
Qafas Strateġiku Komuni għall-fondi
strutturali li se jsarraf il-miri u l-għanijiet ta' Ewropa 2020
f'azzjonijiet ewlenin u jiffoka fuq oqsma bħall-enerġija u l-ambjent.
Dan il-qafas se jidentifika azzjonijiet ewlenin meħtieġa fir-rigward
tal-miri u l-inizjattivi ewlenin. Il-Qafas Strateġiku Komuni se jinkludi
l-azzjonijiet li bħalissa huma koperti mill-Fond ta' Koeżjoni,
il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali
Ewropew, il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u għas-Sajd u
l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u jidentifika r-rabtiet
u l-mekkaniżmi ta' koordinazzjoni mal-istrumenti l-oħra tal-UE
bħall-programmi għar-riċerka, l-innovazzjoni, it-tagħlim
tul il-ħajja u n-netwerks –
Orizzont 2020 - Qafas Strateġiku Komuni
għar-riċerka, l-innovazzjoni u l-iżvilupp teknoloġiku li se
jorbot sew mal-programmi nazzjonali ta’ riċerka biex tiġi promossa
l-eċċellenza, jiġu affrontati l-isfidi tas-soċjetà u
tingħata spinta lill-kompetittività. Ir-riċerka, l-iżvilupp
teknoloġiku u l-innovazzjoni jistgħu joħolqu opportunitajiet
għat-tkabbir sostenibbli li jikkumpensaw għat-tnaqqis relattiv
tal-industriji marittimi tradizzjonali. Il-proġett SEAS-ERA li għaddej
bħalissa se jagħti prijoritajiet speċifiċi
għall-baċiri tal-Atlantiku li jistgħu jintużaw
fil-programmi ta’ ħidma tal-Qafas il-ġdid. –
Politika Komuni tas-Sajd riformata. Il-Kummissjoni
pproponiet[29] aġenda b'miri
ambizzjużi għar-reġjonalizzazzjoni u s-simplifikazzjoni. Filwaqt
li d-deċiżjonijiet ewlenin dwar l-għanijiet, il-miri,
l-istandards minimi komuni, ir-riżultati u l-iskedi ta’ żmien
għat-twassil jibqgħu fil-livell tal-UE, l-Istati Membri għandu
jkollhom il-flessibbiltà biex jiddeċiedu dwar miżuri oħra
għall-ġestjoni tas-sajd, taħt is-superviżjoni
tal-Kummissjoni u f'konformità sħiħa mal-liġi tal-UE. L-Istati
Membri li qegħdin mal-Atlantiku laqgħu din id-devoluzzjoni u
jistennew li dan iwassal għal ġestjoni tas-sajd li tkun kapaċi
tirreaġixxi aktar malajr u b’mod aktar effiċjenti għat-tibdil
tal-kundizzjonijiet ekoloġiċi jew ekonomiċi. –
Id-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina[30]
li tistabbilixxi qafas sabiex jintlaħaq jew jinżamm status ambjentali
tajjeb fl-ambjent tal-baħar sa mhux aktar tard mis-sena 2020.
L-Istatus Ambjentali Tajjeb huwa fil-livell tar-reġjun tal-baħar[31],
u b’hekk hija meħtieġa l-kooperazzjoni bejn l-Istati kostali
fid-definizzjoni, il-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-istatus
ambjentali tajjeb. –
l-inizjattivi ewlenin tal-politika marittima dwar
is-sorveljanza marittima, l-għarfien dwar l-ibħra u l-ippjanar
spazjali marittimu. Dawn se jistabbilixxu standards fil-livell tal-UE iżda
se jinkludu wkoll miżuri speċifiċi għall-Atlantiku.
Pereżempju il-proċess biex jitjieb l-għarfien dwar l-ibħra
jinkludi “punti ta' kontroll” separati biex jiġu determinati
n-nuqqasijiet, id-duplikazzjonijiet u l-prijoritajiet fil-programmi ta’
monitoraġġ tal-baħar fil-Bajja ta’ Biscay, fl-Ibħra
Ċeltiċi, fil-kosta Iberika u l-Makaroneżja. –
strumenti ta’ politika barranija bħall-EDF
(il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp) u l-programm dwar ir-Rotot Marittimi
Kritiċi tal-UE biex jimpenjaw pajjiżi terzi fil-protezzjoni
tat-tbaħħir fl-Atlantiku, iżda wkoll permezz ta’ djalogu internazzjonali
(permezz tal-IMO) u bilaterali mas-sħab fir-reġjun tal-Atlantiku. –
Hemm bżonn li tingħata prijorità
lir-riċerka, il-proġetti pilota, id-djalogi, is-sħubijiet u
l-investimenti fi proposti strateġiċi u ta’ programmi fi ħdan
dan il-qafas sabiex jingħata l-aktar pakkett effettiv għall-benefiċċju
tal-Atlantiku.
4.
Implimentazzjoni tal-istrateġija
L-istrateġija tal-Atlantiku mhux se
taħdem biss b'azzjoni mill-istituzzjonijiet tal-UE. Tirrikjedi
l-involviment mill-Istati Membri, ir-reġjuni, l-awtoritajiet lokali u
l-industrija privata kif ukoll minn gruppi ta’ riflessjoni. Għalhekk
l-iżvilupp tal-istrateġija għaż-żona tal-Oċean
Atlantiku hija bbażata fuq il-metodoloġija li ġejja: –
il-bini fuq l-impenn attiv u l-inizjattiva ta’
Stati Membri u reġjuni li qegħdin mal-Atlantiku u partijiet oħra
interessati fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta' azzjonijiet inkluż input
minn Gruppi ta’ Azzjoni Lokali. Dawn huma gruppi ta’ sħab pubbliċi u
privati li jirċievu appoġġ speċifiku mill-Fond Ewropew
għas-Sajd u l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali sabiex
jidentifikaw investimenti mill-UE. Dan l-approċċ ta’ awtoassistenza
minn isfel għal fuq ipprovda lill-komunitajiet lokali bil-mezzi biex
jiżviluppaw attivitajiet ekonomiċi ġodda f'oqsma fejn
l-opportunitajiet tradizzjonali qed jonqsu u għandu jitkompla fl-iffinanzjar
strutturali l-ġdid ta' wara l-2013. –
il-promozzjoni tal-kooperazzjoni internazzjonali
dwar kwistjonijiet bħalma huma l-osservazzjoni, il-qsim tad-dejta,
il-valutazzjonijiet tal-ibħra, ir-riċerka, it-tnaqqis
tal-emissjonijiet u t-tniġġis minn bastimenti, in-navigazzjoni bla
periklu u sikuri, is-sigurtà tal-portijiet, il-ġlieda kontra l-piraterija,
u l-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux rappurtat u mhux regolat. –
l-adozzjoni ta’ Pjan ta' Azzjoni
għall-istrateġija sa tmiem l-2013, b’indikazzjoni tal-proġetti u
l-azzjonijiet speċifiċi rrakkomandati għall-appoġġ. –
"Governanza intelliġenti" sabiex
timplimenta l-istrateġija billi tibni fuq strutturi attwali L-għodod għall-implimentazzjoni
tal-istrateġija huma: –
kooperazzjoni msaħħa - laqgħat,
konferenzi, workshops, diskussjoni onlajn u siti ta’ informazzjoni. –
azzjonijiet immirati ġewwa ftehimiet u
strutturi eżistenti bħalma huma l-Konvenzjoni OSPAR,
l-organizzazzjonijiet reġjonali tas-sajd u l-Organizzazzjoni Marittima
Internazzjonali. –
taħlita strateġika tal-istrumenti ta’
finanzjament u dawk leġiżlattivi tal-UE definiti fit-Taqsima 3
biex jinkisbu l-għanijiet għall-Atlantiku. Bħala l-ewwel
pass, ġie stabbilit Forum dwar l-Atlantiku li se jippermetti lill-Istati
Membri, il-Parlament, l-awtoritajiet reġjonali, is-soċjetà
ċivili u r-rappreżentanti ta’ industriji eżistenti u
emerġenti biex jikkontribwixxu. Se jinkludi sett ta' workshops iffukati
fuq l-isfidi u l-opportunitajiet spjegati hawn fuq u grupp ta’ riflessjoni biex
jissuġġerixxi alternattivi sabiex jintlaħqu l-għanijiet.
Il-Forum hu mistenni li jibda jaħdem fl-2012 u jiġi xolt fl-2013. [1] Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Politika
Marittima Integrata tal-14.06.2010. [2] Ir-Riżoluzzjoni dwar l-Istrateġija Ewropea
għar-Reġjun tal-Atlantiku, 9.03.2011 (ref B7-0165/2011). [3] COM(2010) 2020. [4] L-isfidi pjuttost differenti tal-kosti u l-ilmijiet
tal-Baħar tat-Tramuntana mhumiex ikkunsidrati hawnhekk. Għadha ma
ttieħdet ebda deċiżjoni dwar jekk hux se tiġi
żviluppata strateġija separata għall-Baħar tat-Tramuntana. [5] Inklużi r-Reġjuni l-Aktar Imbiegħda
tal-Ażores, il-Gżejjer Kanarji, il-Gujana Franċiża,
Guadeloupe, Madejra, Martinique, Saint Barthélemy u Saint-Martin [6] Ġie żviluppat approċċ separat tal-UE
għall-Artiku, ara COM(2008) 763 [7] Ara b’mod partikulari ĠU L 164,
25.6.2008, p. 19, Art. 1(3) L-istrateġiji Marini għandhom
japplikaw approċċ ibbażat fuq il-kunsiderazzjonijiet
tal-ekosistema għall-ġestjoni tal-attivitajiet tal-bniedem [8] Ara pereż. il-premessi 39 u 40 tal-MSFD, u l-premessa 8
u l-Artikolu 2(4) tar-Regolament propost għall-PKS. [9] Eskluż il-Baħar tat-Tramuntana [10] COM (2011)417 Riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd [11] COM (2008) 768, 13.11.2008. [12] Il-Kunsill tal-Affarijiet Ġenerali,
is-16 ta’ Novembru 2009 [13] COM(2009) l-10 ta’ Jannar 2009. [14] COM(2011) il-25 ta’ Frar 2011. [15] ISBA/6/A/18, l-Anness [16] COM(2010)546 finali. [17] L-istrument ewlieni tal-UE għall-finanzjament
tar-riċerka u l-iżvilupp tat-teknoloġija [18] SEAS-era: Lejn Strateġija u Programmi Ta’
Riċerka Integrata tal-Baħar – http://www.seas-era.eu [19] http://www.jpi-oceans.eu [20] Komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Għarfien dwar
il-baħar 2020: dejta u osservazzjoni tal-baħar għat-tkabbir
intelliġenti u sostenibbli" (COM(2010) 461, 8.9.2010) [21] Mappa batimetrika ġenerali tal-Oċeani [22] Inizjattiva internazzjonali ta’ stħarriġ
ġeoloġiku fid-dinja varat fl-2007 biex tikkontribwixxi
għas-“Sena Internazzjonali dwar il-Pjaneta Tagħna", [23] Ir-Regolamenti tat-23 ta' April 2009
(ĠU L 131, 28/05/2009) u d-Direttivi relatati sussegwenti.. [24] Il-Ftehim ta' Lisbona jistipula l-implimentazzjoni ta’
Ċentru Internazzjonali ta' Azzjoni għar-Reazzjoni għal
Inċidenti ta' Tniġġis fil-Grigal tal-Atlantiku (CILPAN). [25] Valutazzjoni tar-riskju u l-linji gwida direzzjonali
għall-immaniġġjar tad-diżastri SEC (2010)1626 [26] Pereżempju bl-użu ta' satelliti li jaqbdu sinjali minn
Sistemi ta’ Identifikazzjoni Awtomatika tal-vapuri [27] Workshop tal-Ġurnata Marittima Ewropea 2010 "Lejn Forum
ta’ Xjenzati u Teknoloġisti tal-Baħar
Żgħażagħ". www.eurocean.org/euymast/ [28] COM(2010)352, 30.06.2010 [29] COM(2011) 417. [30] Id-Direttiva 2008/56/KE
tat-17 ta' Ġunju 2008 [31] Skont l-Artikolu 4, ir-reġjun tal-baħar
tal-Grigal tal-Atlantiku huwa maqsum f'dawn is-subreġjuni: (i) il-Baħar tat-Tramuntana l-Kbir,
inklużi l-Kattegat u l-Kanal Ingliż; (ii) l-Ibħra Ċeltiċi; (ii) il-Bajja ta' Biscay u l-Kosta Iberika; (iv) l-Oċean Atlantiku, ir-reġjun bijoġeografiku
Makaroneżjan, li jikkonsisti mill-ilmijiet ta’ madwar l-Ażores,
il-Madejra u l-Gżejjer Kanarji;