This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52011DC0689
COMMUNICATION FROM THE COMMISSION TO THE EUROPEAN PARLIAMENT AND THE COUNCIL Towards a stronger European response to drugs
KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Lejn reazzjoni Ewropea aktar qawwija għad-drogi
KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Lejn reazzjoni Ewropea aktar qawwija għad-drogi
/* KUMM/2011/0689 finali */
KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Lejn reazzjoni Ewropea aktar qawwija għad-drogi /* KUMM/2011/0689 finali */
1.
Reazzjoni Ewropea aktar qawwija għall-isfidi li ġejjin mid-drogi
Id-drogi illeċti[1] huma theddida mill-kbar għas-saħħa u s-sigurtà tal-individwi u tas-soċjetajiet fl-UE.
Il-problema tad-drogi fl-Ewropa qed tevolvi b’ħeffa. B’rata li qatt ma rajna
bħalha, qed ifeġġu sustanzi psikoattivi ġodda u li jagħmlu l-ħsara[2]. It-traffikanti
tad-drogi qed jibdlu r-rotot u l-metodi biex jagħmlu l-kuntrabandu jew biex
jirriċiklaw id-dħul mit-traffikar illeċtu tad-drogi. Id-drogi jaffettwaw b’mod partikolari
liż-żgħażagħ. L-użu tad-drogi huwa wieħed mill-kawżi
maġġuri ta’ problemi ta’ saħħa fost iż-żgħażagħ u huwa wieħed mil-kawżi l-akar
importanti ta' mewt evitabbli fost l-Ewropej żgħażagħ. L-Ewrobarometru 2011
"L-attitudnijiet taż-Żgħażagħ dwar id-drogi"[3] juri li ż-żgħażagħ jistgħu
jiksbu faċilment fi żmien 24 siegħa anke l-iktar drogi li jagħmlu l-ħsara.
L-istatistika turi li fl-Ewropa tmut persuna waħda fis-siegħa minħabba overdose
ta’ droga[4].
L-użu tal-internet fil-bejgħ tad-drogi l-ġodda u fl-iskambju rapidu tal-informazzjoni
dwar drogi ġodda permezz tan-netwerks soċjali jippreżenta sfidi ġodda
għal-linji ta’ politika preżenti dwar il-kontroll tad-drogi u għall-metodi
tradizzjonali ta’ prevenzjoni. Irid isir aktar biex tiġi indirizzata
l-problema tad-drogi. Trid tittieħed azzjoni fejn din tista’ tkun l-aktar tkun
effettiva, fir-rispett sħiħ tas-sussidjarjetà. L-azzjoni tal-UE għandha tkun
iffukata fejn tikseb aktar valur miżjud. B’mod individwali, l-Istati Membri
mhumiex kapaċi jrażżnu t-tixrid tad-drogi mingħajr kooperazzjoni effettiva:
fis-suq intern il-prodotti, imma wkoll il-kriminalità, jiċċirkolaw liberament.
Jekk Stat Membru wieħed jipprojbixxi sustanzi psikoattivi ġodda,
il-kummerċjanti jiftħu ħwienet fl-Istati Membri fejn il-liġi tkun aktar
permissiva. Operazzjonijiet ta’ infurzar mhux ikkoordinati jistgħu jġiegħlu
lit-traffikanti li jispustjaw il-produzzjoni tad-droga lejn pajjiżi ġirien jew
biex iċaqilqu r-rotot tat-traffikar, iżda dawn il-miżuri ma jistgħux iħarbtu
t-traffikar b’mod sostenibbli. Matul il-15-il sena li għaddew, il-Kummissjoni
Ewropea għenet biex tkun tista’ tiġi żviluppata reazzjoni tal-UE komprensiva u
bbilanċjata, fil-qafas tal-Istrateġija tal-UE dwar id-Drogi (2005-2012)[5]. Iż-żewġ strumenti legali
prinċipali tal-UE fil-politika kontra d-drogi, wieħed dwar it-traffikar
tad-droga[6]
u l-ieħor dwar il-wasla ta’ drogi ġodda fis-suq (sustanzi psikoattivi ġodda)[7], saru fl-2004 u fl-2005,
rispettivament. Madankollu, l-aħħar ftit snin ġabu magħhom sfidi ġodda: metodi
ġodda ta’ traffikar tad-droga u sustanzi kimiċi użati għall-manifattura tagħhom
("Prekursuri tad-Droga"), il-wasla rapida ta’ drogi ġodda fis-suq u
ta’ kanali ta’ distribuzzjoni innovattivi għal dawn is-sustanzi. Fil-Pjan ta Azzjoni ta’ Stokkolma 2010-2014[8], il-Kummissjoni Ewropea impenjat
ruħha fuq miżuri biex issaħħaħ il-protezzjoni kontra l-kriminalità serja u
organizzata. Bit-Trattat ta’ Lisbona issa fis-seħħ, ir-reazzjoni
Ewropea għad-drogi jeħtieġ li tkun qawwija u deċiżiva, u li tindirizza kemm
id-domanda għad-drogi kif ukoll il-provvista tad-drogi. Leġiżlazzjoni ġdida li
tinvolvi l-Parlament Ewropew, u implimentata mill-Istati Membri, se tkun
suġġetta għal skrutinju mill-Kummissjoni Ewropea u fl-aħħar mill-aħħar
mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni hija impenjata sabiex tagħti
spinta ġdida lill-politika tal-UE kontra d-drogi. Fil-proposta tagħha ta’ Baġit
għall-Ewropa 2020[9],
il-Kummissjoni twiegħed appoġġ finanzjarju biex jiġu kkonfrontati l-isfidi
futuri li jippreżentaw id-drogi. L-baġit tal-UE għandu jiffoka fuq
il-finanzjament ta’ dawk l-azzjonijiet li għandhom valur miżjud ċar, li
jinkludu: ħidma kontra drogi ġodda, li jiġu żviluppati prattiki innovattivi
dwar il-prevenzjoni jew il-kura u l-kooperazzjoni transkonfinali ta’ infurzar
tal-liġi, u t-taħriġ.
2.
It-traffikar tad-drogi
Is-suq illeċitu tad-drogi qiegħed jevolvi
b’mod kontinwu biex ikun jista’ jaħrab il-kontrolli u l-konfiski[10]. It-teknoloġiji l-ġodda
jiffaċilitaw l-iżvilupp ta’ metodi innovattivi għal kuntrabandu lejn u
mill-UE. It-traffikanti jużaw metodi tekniċi avvanzati biex jaħbu d-drogi,
pereżempju, billi jħalltu l-kokaina likwida f’oġġetti kummerċjali (ħwejjeġ,
likwidi, plastik), jikkonvertuha fi trab tal-kokaina f’laboratorji fl-Ewropa,
jew billi jneħħulha kull riħa. Jużaw monitoraġġ remot tal-produzzjoni u
tas-siti tal-ħażna. Biex tiżdied ir-reżistenza, it-traffikanti jiddiversifikaw
in-negozju tagħhom billi jifirxu l-interess tagħhom fuq diversi drogi (jibdew
jagħmlu kuntrabandu ta’ diversi drogi jew sustanzi illeċiti li jagħmlu l-ħsara
għas-saħħa tal-atleti), kif ukoll iwettqu diversi attivitajiet illeċti. In-netwerks kriminali jibdlu r-rotot
tat-traffikar tagħhom b’mod frekwenti sabiex jaħarbu l-kontrollli.
L-importanza dejjem tikber tar-rotta tal-Afrika tal-Punent biex isir
il-kuntrabandu tal-kokaina mill-Amerika Latina lejn l-Ewropa hija prova li
n-netwerks huma kapaċi jegħlbu l-kontrolli tul il-kosta Atlantika u hija
indikazzjoni li hemm il-ħtieġa ta' Sistema Ewropea ta' Sorveljanza
tal-Fruntieri effettiva. Il-Patt Ewropew dwar it-traffikar
internazzjonali tad-drogi adottat mill-Kunsill fit-3 ta’ Ġunju 2010[11], kif ukoll il-Patt Ewropew
kontra d-drogi sintetiċi, li dalwaqt jitlesta, inizjat mill-Presidenza
Pollakka, għandhom l-għan li jtejbu l-koordinazzjoni bejn l-inizjattivi varji
mnedija biex irażżnu t-traffikar tad-drogi[12]. It-traffikar tad-droga huwa wieħed mill-akbar
sfidi transkonfinali ta’ infurzar tal-liġi fl-UE. Sa mill-2004, il-Eurojust
ittrattat aktar każijiet ta’ traffikar tad-drogi minn kwalunkwe tip ieħor ta’
kriminalità. L-għadd ta’ każijiet ta’ traffikar tad-droga riferuti
lill-Eurojust żdied b’aktar minn tliet darbiet matul dan il-perjodu, minn 77 sa
254[13],
u din it-tendenza qed tkompli fl-2011. Fl-2010, madwar terz tal-appoġġ
operazzjonali pprovdut mill-Europol lil aġenziji nazzjonali tal-infurzar
tal-liġijiet kien relatat mat-traffikar illeċitu tad-droga[14]. Il-Eurojust u l-Europol
qegħdin dejjem aktar jgħinu fil-koordinazzjoni ta’ investigazzjonijiet
transkonfinali fi ħdan l-UE, u ma’ pajjiżi terzi. It-Trattat ta’ Lisbona jiddefinixxi
t-traffikar tad-drogi bħala wieħed mir-“reati partikolarment gravi
b’dimensjoni transkonfinali” li jiġġustifikaw l-adozzjoni ta’ direttivi
li jistabbilixxu regoli minimi fir-rigward tad-definizzjoni ta’ reati kriminali
u sanzjonijiet[15].
Dan huwa pass maġġuri ’il quddiem li se jagħmilha possibbli għall-UE biex
tipprovdi reazzjoni aktar kuraġġuża, b’involviment aktar qawwi
tal-Parlament Ewropew u tal-Parlamenti nazzjonali. Il-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE dwar
it-traffikar tad-drogi, jiġifieri d-Deċiżjoni Qafas 2004/757/ĠAI, li
tipprovdi definizzjoni tal-UE tar-reati ta’ traffikar tad-droga u regoli minimi
dwar is-sanzjonijiet, hija l-ewwel pass importanti biex jiġi żgurat approċċ
Ewropew, iżda għandha n-nuqqasijiet tagħha. Il-valutazzjoni
tal-Kummissjoni tal-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas[16] uriet li dan l-istrument ftit
li xejn ġab xi allinjament tal-miżuri nazzjonali fil-ġlieda kontra t-traffikar
tad-droga. Ma kkontribwiex biżżejjed sabiex tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni
ġudizzjarja f’każijiet ta’ traffikar tad-droga. Pereżempju, fil-biċċa l-kbira tal-Istati
Membri, it-traffikar tal-prekursuri kimiċi huwa kopert direttament bil-liġi
kriminali tal-istat rispettiv. Madankollu, f’xi Stati Membri dan jaqa’ biss
taħt ir-reat ta’ għajnuna u kompliċità fit-traffikar tad-drogi. Bħala
konsegwenza l-ġudikatura tista’ tħabbatha ma’ ostakli biex effettivament
twettaq il-prosekuzzjoni ta’ dan l-att kriminali. Bl-istess mod,
id-dispożizzjonijiet relatati ma’ ċirkustanzi aggravanti (li jiġġustifikaw
pieni kriminali partikolarment għolja) mniżżla f’din id-Deċiżjoni Qafas mhumiex
suffiċjenti: ma jinkludux iċ-ċirkustanzi aggravanti kollha[17] elenkati fi strumenti
preċedenti tal-UE jew tan-NU. Regoli komuni minimi huma essenzjali sabiex
jiġi stabbilit il-livell ta’ fiduċja neċessarju biex tittejjeb
il-kooperazzjoni fost il-ġudikaturi tal-Istati Membri.. Id-dħul fis-seħħ
tat-Trattat ta’ Lisbona issa jippermetti t-tisħiħ legali u politiku ta’ dan
l-istrument legali importanti. Il-Kummissjoni se tipproponi leġiżlazzjoni ġdida tal-UE, biex madwar l-UE tara li jkun hemm approssimazzjoni aktar effettiva
fejn jidħlu offiżi u sanzjonijiet marbuta mat-traffikar tad-drogi. Il-proposta
l-ġdida: (1) Tkun immirata lejn it-traffikar transkonfinali tad-droga
u lejn netwerks ta’ kriminalità organizzata, billi jiġu esplorati ċirkostanzi
minimi komuni aggravanti jew mitiganti. (2) Ittejjeb id-definizzjoni ta’ offiżi u sanzjonijiet,
possibbilment billi taqsam b’mod aktar dettaljat is-sanzjonijiet. (3) Tintroduċi obbligi ta’ rrappurtar aktar qawwija
għall-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni u l-impatti tal-leġiżlazzjoni. Barra minn kapaċitajiet qawwija fil-ġbir ta'
dejta dwar in-naħa tad-domanda, it-titjib tal-ġbir tad-data fil-qasam
tal-provvista tad-drogi huwa essenzjali għall-valutazzjoni tal-iżviluppi
fis-suq tad-drogi. In-nuqqas ta’ indikaturi jagħmilha diffiċli li dawn
l-iżviluppi jiġu vvalutati, li jiġi stmat il-piż fuq is-soċjetà tal-kriminalità
relatata mad-droga u biex jiġu evalwati l-impatt u l-effettività tat-tnaqqis
fil-forniment tad-droga. Billi tibni fuq il-ħila teknika żviluppata fiċ-Ċentru Ewropew
għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga (EMCDDA), il-Kummissjoni,
bl-appoġġ tal-Europol, se tippreżenta indikaturi ewlenin
għall-monitoraġġ tas-swieq tad-droga, tal-kriminalità relatata mad-droga u
t-tnaqqis fil-provvista tad-drogi. Dawn għandhom jgħinu sabiex tittejjeb
l-effettività tar-reazzjonijiet fil-qasam tal-provvista tad-drogi.
3.
Il-Prekursuri tad-droga
It-traffikar ta’ sustanzi kimiċi użati
għall-manifattura tad-drogi hija kwistjoni li tqanqal tħassib kbir. It-trasformazzjoni ta’ oppju pur f’eroina, pereżempju, teħtieġ
kwantitajiet sinifikanti ta’ prekursuri tad-droga. Dawn is-sustanzi kimiċi
jkollhom diversi użi industrijali leġittimi, iżda jistgħu jiġu ddevjati
mill-kummerċ leġittimu lejn il-produzzjoni ta’ drogi illeċiti. Dawn jiċċirkolaw
bil-kuntrabandu fi ħdan l-UE, kif ukoll bejn l-UE u reġjuni differenti
tad-dinja. Ftehimiet bilaterali bejn l-UE u l-imsieħba kummerċjali dwar
il-kontroll tal-prekursuri tad-droga jipprovdu pjattaforma qawwija
għall-koordinazzjoni tal-politiki u l-iskambju ta’ informazzjoni dwar
it-traffikar tal-prekursuri tad-droga. L-UE diġà ffirmat ftehimiet bħal dawn
mat-Turkija, mal-Messiku, maċ-Ċili, mal-Istati Uniti, maċ-Ċina u mal-pajjiżi
fir-reġjun Andin. Biex ikunu jistgħu jevadu l-kontrolli,
it-traffikanti jibdlu l-metodi tal-produzzjoni, jittrasformaw il-prekursuri
f’sustanzi differenti (preprekursuri) li minnhom jiġu rkuprati fi stadju aktar
tard, jew jiksbuhom minn preparati farmaċewtiċi. Kwalunkwe miżura maħsuba għal kontra
d-devjazzjoni tal-prekursuri tad-droga għandha toħloq bilanċ bejn l-iżgurar
ta’ kontroll effettiv tad-devjazzjoni mingħajr ma ttellef l-attività legali f’dawn
is-sustanzi. Kooperazzjoni tajba bejn l-awtoritajiet - inklużi l-Aġenzija
Ewropea għall-Mediċini u l-awtoritajiet tas-saħħa/mediċi nazzjonali u l-atturi
ekonomiċi - hija kruċjali f’dan ir-rigward. Fl-evalwazzjoni tal-Kummissjoni[18] tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE
dwar il-monitoraġġ u l-kontroll tal-kummerċ tal-prekursuri tad-droga[19] kien hemm diversi
rakkomandazzjonijiet, fosthom: it-tisħiħ tal-implimentazzjoni tar-regoli
eżistenti u possibbilment l-introduzzjoni ta’ reġoli aktar stretti għal ċerti
sustanzi kimiċi (bħal fil-każ tal-prekursur prinċipali fil-produzzjoni
tal-eroina, l-anidrid aċetiku) u l-iżgurar ta’ kontroll xieraq ta’ preparati
farmaċewtiċi li jkun fihom sustanzi użati għall-produzzjoni tal-metamfetamina. Il-Kummissjoni qed teżamina modi kif issaħħaħ ir-regoli tal-UE dwar
il-kontroll tal-produzzjoni u l-kummerċ tal-prekursuri tad-drogi li jinkudu
diversi kategoriji ta’ sustanzi u aġenti ta’ reazzjoni li jintużaw ta’ spiss
fil-manifattura ta’ drogi narkotiċi jew ta’ sustanzi psikoattivi, u sabiex tiġi
żgurata implimentazzjoni effettiva u uniformi ta' dawn ir-regoli. Bħalissa hija
qiegħda tevalwa l-impatti ta’ diversi għażliet ta’ politika, bil-għan li
tippreżenta proposti leġiżlattivi biex tiżdied l-effiċjenza tar-regoli li
jipprevjenu d-diverżjoni illeċta, filwaqt li jippermettu kummerċ leġittimu
fil-prekursuri mingħajr piż amministrattiv eċċessiv. Se tingħata attenzjoni
partikolari lill-prekursur tal-eroina, l-anidrid aċetiku, u
lill-preparazzjonijiet farmaċewtiċi li jkun fihom l-efedrina u
l-psewdoefedrina, użati għall-produzzjoni tal-metamfetamina. Il-Kummissjoni ser tieħu azzjoni sabiex tikber il-kooperazzjoni
internazzjonali kontra d-devjazzjoni tal-prekursuri tad-droga. Hija qiegħda f’negozjati dwar ftehim mar-Russja dwar il-prekursuri
tad-drogi, bil-għan li tiffirmah fix-xhur li ġejjin, bħala materja urġenti.
Flimkien mal-Istati Membri, il-Kummissjoni se ssaħħaħ il-kooperazzjoni
mal-pajjiżi tal-Amerika Latina u se tkompli bil-kooperazzjoni maċ-Ċina, li
magħha l-UE diġà għandha ftehimiet bħal dawn.
4.
Il-konfiska u l-irkupru ta’ assi kriminali
Il-mottiv ewlieni tal-kriminalità organizzata
transkonfinali huwa l-qligħ finanzjarju. Sabiex ikun effikaċi, kwalunkwe
tentattiv sabiex tali kriminalità, inkluż it-traffikar tad-drogi, tiġi mtellfa
u miġġielda għandu jiffoka fuq it-traċċar, l-iffriżar, il-qbid u l-konfiska
tar-rikavati mill-kriminalità. Il-gruppi kriminali organizzati qegħdin
jisfruttaw dejjem aktar il-vantaġġi ta’ Ewropa mingħajr fruntieri interni biex
ikunu jistgħu jakkwistaw assi f'diversi Stati Membri tal-UE, u ħafna drabi
jaħbuhom f'pajjiżi terzi. Huma jibdlu wkoll il-metodi għall-ħasil tal-flus. L-intraċċar, l-iffriżar u l-konfiska tal-assi
ta’ netwerks kriminali hija sfida maġġuri. L-UE adottat ħames strumenti
leġiżlattivi (Deċiżjonijiet ta’ qafas) mfassla biex lit-traffikanti ċċaħħadhom
mill-qligħ tagħhom[20].
Dawn l-istrumenti ma kinux effettivi biżżejjed. B’mod partikolari, huma
ma ppermettewx li l-awtoritajiet pubbliċi jkunu jistgħu jikkonfiskaw ammonti
kbar ta’ merkanzija. Huwa kruċjali li jkun hemm netwerk ta’ uffiċċji ta’ rkupru
ta’ assi fl-Ewropa, li jkun jaħdem tajjeb, sabiex tiddgħajjef il-qawwa
finanzjarja ta' netwerks kriminali u sabiex fil-mira jkun hemm b'mod effettiv
ir-rikavat u l-assi tagħhom. Il-Kummissjoni se tipproponi leġiżlazzjoni ġdida tal-UE, aktar b’saħħitha,
dwar il-konfiska, l-irkupru ta’ assi kriminali u r-rikonoxximent reċiproku ta’
ordnijiet ta’ ffriżar u ta’ konfiska. L-għan huwa li jiġi żgurat
ħtif aktar effiċjenti tar-rikavati mill-kriminalità u biex ma tħallix li jiġu
investiti mill-ġdid fl-ekonomija leċta jew użati biex jitwettqu delitti oħra.
Il-pakkett ta’ leġiżlazzjoni li hemm il-ħsieb li jitfassal dwar il-konfiska u
l-irkupru tal-assi se jkun ikopri wkoll it-traffikar tad-drogi. L-għan tiegħu
hu li jitfasslu regoli minimi armonizzati u li tissaħħaħ il-fiduċja reċiproka
bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji. Il-Kummissjoni se tirrevedi it-tielet Direttiva dwar il-ħasil
tal-flus, sabiex tkompli ssaħħaħ id-difiżi tal-UE kontra l-ħasil tal-flus
iġġenerat mill-kriminalità organizzata, inkluż it-traffikar tad-droga.
5.
Sustanzi psikoattivi ġodda
Matul l-aħħar snin feġġew ta’ spiss fl-UE
sustanzi psikoattivi ġodda, li jimitaw id-drogi illeċti. Sa mill-2005,
l-Istati Membri rrappurtaw 115 sustanza psikoattiva ġdida permezz
tas-sistema tat-twissija bikrija tal-UE[21].
Dawn jinbiegħu fi ħwienet “speċjalizzati” jew fuq l-internet, iżda xi wħud huma
disponibbli minn bejjiegħa tad-drogi illeċti. Biex jevitaw il-leġiżlazzjoni
nazzjonali, dawn id-drogi ta’ spiss ikollhom it-tikketta “mhux għall-konsum
mill-bniedem”. Ir-rapidità li biha jkunu varati fis-suq hija ta’ sfida
għall-ħila tal-awtoritajiet biex jirrispondu. Fl-2010 ġie rrappurtat numru rekord ta’
sustanzi ġodda (41), li jiġu madwar terz tas-sustanzi kollha notifikati
mill-2005. Żewġ sustanzi, il-BZP u l-mefedron[22],
kienu suġġetti għall-istima tar-riskju fil-livell tal-UE, u wara dan
il-Kunsill, abbażi ta’ proposta mill-Kummissjoni, issottoponihom għal miżuri
ta’ kontroll u sanzjonijiet kriminali. Abbażi ta’ dan, l-Istati Membri
għandhom jikklassifikaw dawn is-sustanzi bħala drogi illeċti, jintroduċu miżuri
ta’ kontroll u sanzjonijiet kriminali taħt il-leġiżlazzjoni tagħhom
f’konformità ma’ Konvenzjonijiet tan-NU. Skont stħarriġ tal-Ewrobarometru 2011[23], 5% taż-żgħażagħ
intervistati madwar l-UE użaw sustanzi bħal dawn. Il-prezz ta’ dawn
is-sustanzi (li huwa orħos minn dak tad-drogi illeċti) u l-fatt li dawn
“mhumiex illegali” - u għalhekk aċċessibbli faċilment ħafna – jistgħu jispjegaw
il-firxa veloċi tagħhom f’ħafna Stati Membri. Madankollu, minħabba l-livell ta' tossiċità tagħhom, u l-potenzjal li
għandhom li jwasslu għad-dipendenza, dawn jistgħu jkunu ta’ theddida
għas-saħħa, theddida li tista’ titqabbel ma’ dik ġejja mid-drogi illeċti. Il-Kummissjoni qed tkompli taħdem mill-qrib
ma’ aġenziji tal-UE biex tgħolli l-livell ta' għarfien ta’ din il-problema u
biex tidentifika risposti aktar effettivi, inkluż fil-qasam tal-prevenzjoni.
Il-leġiżlazzjoni li għandha bħalissa l-UE ma tindirizzax din l-isfida b’mod
xieraq. L-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-funzjonament tad-Deċiżjoni
tal-Kunsill 2005/387/ĠAI[24]
dwar sustanzi psikoattivi ġodda kkonkludiet li din għandha tliet nuqqasijiet
prinċipali: ·
Ma tistax tindirizza ż-żieda kbira fin-numru ta’
sustanzi psikoattivi ġodda, peress li tindirizza s-sustanzi waħda waħda,
permezz ta’ proċess fit-tul. ·
Hija reattiva: is-sustanzi suġġetti għal miżuri ta’
kontroll jinbidlu malajr b’oħrajn ġodda li jkollhom effetti simili. ·
M’għandhiex għażliet biżżejjed għal miżuri
regolatorji u ta’ kontroll. Il-Kummissjoni se tipproponi leġiżlazzjoni tal-UE aktar qawwija fuq
sustanzi psikoattivi ġodda. Filwaqt li jitqiesu l-iżviluppi mgħaġġla f’dan
il-qasam, kif ukoll l-evidenza xjentifika dwar ir-riskji li jippreżentaw dawn
is-sustanzi, il-proposta l-ġdida: (1) Ittejjeb il-monitoraġġ u l-valutazzjoni tar-riskju ta’
sustanzi, billi testendi l-appoġġ għall-analiżi forensika, l-istudji
tossikoloġiċi, farmakoloġiċi u epidemjoloġiċi. (2) Tipprovdi risposti aktar malajr u aktar sostenibbli
hekk kif ifeġġu dawn is-sustanzi, possibbilment billi tesplora metodi kif
tindirizza gruppi ta’ sustanzi, minkejja l-ħtieġa li tiġi determinata b’mod
xjentifiku l-ħsara li s-sustanza individwali tagħmel lis-saħħa. (3) Tippermetti reazzjoni aktar malajr hekk kif ifeġġu
sustanzi ġodda, inkluż, possibbilment, projbizzjonijiet temporanji għal
sustanzi li jippreżentaw riskji immedjati. (4) Ittejjeb l-allinjament tal-liġijiet fil-qasam
tal-kontroll tad-droga, tas-sikurezza tal-prodotti u tal-ikel, il-ħarsien
tal-konsumatur u l-mediċini biex tkun koperta varjetà wiesgħa ta’ sustanzi li
jfeġġu.
6.
It-tnaqqis tad-domanda
Madwar l-UE jeżistu diversi miżuri biex
titnaqqas id-domanda għad-drogi. Dawn għandhom l-għan
li jżommu n-nies milli jibdew jużaw id-drogi, biex ma jsirux dipendenti, biex
jitnaqqsu l-konsegwenzi negattivi tal-użu tad-droga li jolqtu s-saħħa kif ukoll
lir-rabtiet soċjali, u biex jipprovdu servizzi ta’ kura, riabilitazzjoni u
reintegrazzjoni soċjali. Madankollu, it-tibdil fix-xejriet fl-użu tad-droga u
ż-żieda fil-konsum ta’ diversi sustanzi flimkien, bħal drogi illeċiti flimkien
mal-alkoħol jew mediċini bir-riċetta, qed tkun ta’ sfida għall-metodi preżenti
tal-prevenzjoni u tat-trattament. Filwaqt li f’dawn l-aħħar snin żdied
il-provvediment tal-kura għad baqa’ differenzi maġġuri madwar l-UE
fil-kopertura u l-kwalità ta’ servizzi marbuta mad-droga. Madwar
670 000 Ewropew jirċievu trattament ta’ sostituzzjoni għad-dipendenza fuq
l-eroina – jiġifieri biss madwar nofs dawk fil-bżonn li jingħataw kura. F’xi
pajjiżi tal-UE, id-disponibbiltà tal-kura hija limitata. F’ċerti Stati Membri,
l-effettività ta’ ħafna programmi ta’ edukazzjoni, ta’ prevenzjoni u ta’ kura
għadu mhux evalwat. Miżuri bħal ma huma
programmi ta’ skambju ta’ labar u siringi li permezz tagħhom nies li jinjettaw
id-droga jiġu pprovduti b’aċċess għal labar u siringi biex dawn ma joqogħdux
jiskambjaw bejniethom l-apparat tal-injezzjonijiet kienu ta’ għajnuna biex
jitnaqqas it-tixrid tal-HIV u infezzjonijiet oħra li jinġarru mid-demm fost min
jagħmel użu mid-droga. Madankollu, is-suċċess ta’ dawn il-miżuri jitlob li jkun
hemm strateġiji sostenibbli u integrati madwar l-UE biex tiġi evitata l-firxa
ta' infezzjonijiet marbuta mad-droga li jinġarru mid-demm[25]. Hemm ħtieġa ċara għall-estensjoni u
t-titjib tas-servizzi relatati mad-droga, sabiex jiġi żgurat li
l-prevenzjoni taħdem, u li dawk li jkunu qed isegwu kura jkunu jistgħu
jirkupraw u jerġgħu jintegraw fis-soċjetà. Il-Kummissjoni se tippromwovi wkoll
implimentazzjoni mtejba tal-indikaturi kruċjali fil-qasam tat-tnaqqis
tad-domanda għad-drogi, sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jipprovdu servizzi
aktar effettivi. Il-Kummissjoni se tgħin fl-iżvilupp ta’ standards minimi ta’ kwalità,
sabiex ittejjeb l-effettività tal-prevenzjoni tad-droga, it-trattament u
t-tnaqqis tal-ħsara fl-UE. L-għan huwa li jiġu stabbiliti standards għal
kwalità fl-għoti ta’ servizzi relatati mad-droga, pereżempju permezz ta’
ppjanar bir-reqqa tal-kura f’konformità mal-ħtiġijiet individwali tal-pazjent
jew dwar ir-rekwiżiti għall-kwalifikazzjoni tal-persunal. Dawn l-istandards
għandhom jiġu żviluppati flimkien mal-EMCDDA, l-Istati Membri u dawk involuti
fil-prattika tas-servizzi relatati mad-droga, u se jqisu s-sistemi tas-saħħa u
l-kapaċitajiet differenti madwar l-UE. Il-Kummissjoni se tkompli tappoġġja u tippromwovi miżuri biex
titnaqqas il-ħsara għas-saħħa u l-ħsara soċjali assoċjati mad-dipendenza fuq
id-drogi, inkluż bit-tisħiħ tal-prevenzjoni edukattiva u b’appoġġ sa minn
kmieni biex tiġi evitata d-dipendenza, interventi biex jiġu evitati u
kkontrollati l-infezzjonijiet fost nies li jinjettaw id-drogi, u biex jiġu
evitati mwiet relatati mad-droga[26].
Se tkompli tappoġġja miżuri biex tgħin fir-riabilitazzjoni u r-reintegrazzjoni
ta’ dawk dipendenti fuq l-użu tad-droga fis-soċjetà[27]. Hija beħsiebha tippreżenta
t-tieni rapport dwar l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-2003 dwar
it-tnaqqis tal-ħsara[28],
maħsub biex jevalwa l-effettività tal-prevenzjoni u t-tnaqqis ta’ ħsara
għas-saħħa assoċjata mad-dipendenza fuq id-drogi.
7.
Is-sewqan taħt l-influwenza tad-drogi
Ħafna inċidenti fit-toroq fl-UE huma kkawżati
minn sewwieqa taħt l-influwenza ta’ sustanzi psikoattivi. L-istudji juru
li s-sewqan taħt l-influwenza ta’ droġi illeċti jżid ir-riskju li tiġi kkawżata
diżgrazzja fatali tat-traffiku. Madankollu, peress li d-dejta mhix miġbura
b’mod sistematiku fil-livell tal-UE, l-effett negattiv fuq is-sikurezza
fit-toroq tas-sewqan taħt l-effett tad-drogi jeħtieġ aktar studju. L-izvilupp
ta’ risposti effettivi u proporzjonati fil-konfront tas-sewqan taħt
l-influwenza tad-drogi jippreżenta sfida maġġuri, kif jintqal fil-Pjan
direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport[29]. Il-Kummissjoni qed tesplora azzjonijiet possibbli fil-livell tal-UE biex
tindirizza s-sewqan taħt l-influwenza tad-drogi, bil-għan li tiżdied
is-sikurezza fit-toroq. Abbażi tar-riżultati tal-proġett DRUID ffinanzjat
mill-UE[30],
li evalwa l-impatt tad-drogi illeċti fuq is-sikurezza fit-toroq, l-effettività
ta’ apparat tal-ittestjar u r-risposti possibbli, il-Kummissjoni se tipproponi
miżuri biex tindirizza din il-problema b’mod effettiv. Dawn ir-risposti jistgħu
jinkludu modi kif titjieb l-affidabilità ta’ strumenti użati għal ittestjar maġenb
it-triq, jew jipprovdu appoġġ għal taħriġ xieraq ta’ uffiċjali tat-traffiku.
8.
Il-kooperazzjoni internazzjonali
L-UE għandha rwol ewlieni fil-kooperazzjoni
internazzjonali dwar id-drogi illeċti. Hija impenjata fi djalogu attiv
mal-pajjiżi ta’ produzzjoni u ta’ tranżitu u tipprovdi appoġġ politiku,
finanzjarju u tekniku. Risposta aktar qawwija għad-droġi illeċti tkun
tirrekjedi li l-UE tkabbar l-impenn tagħha ma’ pajjiżi ġirien, ma’ sħab
strateġiċi u matul ir-rotot ta’ drogi lejn l-UE, abbażi ta’ approċċ bilanċjat u
komprensiv b’rispett sħiħ għad-drittijiet tal-bniedem. Apparti mid-drogi illeċti li joriġinaw fl-UE,
hemm żewġ rotot ewlenin tad-drogi li permezz tagħhom jidħlu d-drogi fl-UE. Dawn
huma “r-rotta tal-kokaina” (tibda mill-Amerika Latina, tgħaddi mill-Afrika
tal-Punent, lejn l-UE) u “r-rotta tal-eroina” (tibda mill-Afganistan u tgħaddi
jew mill-Balkani tal-Punent jew mill-Asja Ċentrali lejn l-UE). L-approċċ tal-UE
fil-ġlieda internazzjonali kontra d-drogi illegali huwa bbażat fuq tliet linji:
Komprensiva -
it-Trattat ta’ Lisbona jipprovdi opportunità għall-UE li ssaħħaħ
il-kooperazzjoni tagħha dwar l-infurzar tal-liġi ma’ pajjiżi terzi biex
tgħinhom itejbu l-ħiliet tas-sistemi ġudizzjarji u biex jippromwovu l-istat
tad-dritt, fir-rispett sħiħ tad-drittijiet tal-bniedem. L-UE tiffoka fuq
it-tiftix ta’ soluzzjonijiet għat-tul, pereżempju billi tippromwovi qligħ
tal-għajxien alternattiv għal bdiewa li jkabbru d-droga f'oqsma rurali,
f'pajjiżi bħall-Afganistan, u billi titnaqqas id-domanda fil-pajjiżi
tal-oriġini u ta’ tranżitu. L-UE hija impenjata li taħdem mill-qrib sew ma’
pajjiżi ta’ tranżitu kif ukoll ma’ dawk ta’ produzzjoni, peress li t-tnejn li
huma jbatu minn żieda fl-użu tad-droga fost il-popolazzjonijiet tagħhom, minn
sfidi relatati għas-saħħa pubblika kif ukoll minn ħiliet istituzzjonali
limitati biex jikkonfrontaw il-problema. Ġeografika - l-UE
se tkompli tikkonsolida l-approċċ tagħha fejn jidħlu “ir-rotot tad-drogi”, li
permezz tiegħu tkun tista’ tikkonfronta l-problema b’mod komprensiv,
mill-kultivazzjoni tal-pjanti tad-drogi sad-dħul tad-drogi fis-suq tal-UE. Il-Pajjiżi
tal-Viċinat Ewropew (PVE) se jibqgħu ta’ prijorità. Se jibqa’ jingħata
appoġġ lill-pajjiżi involuti fit-tkabbir fejn jidħol il-bini tal-ħiliet sabiex
ikunu jistgħu jikkonfrontaw it-traffikar u l-abbuż tad-drogi, speċjalment
permezz tal-Istrument għall-Assitenza ta’ qabel l-Adezjoni (IPA). L-UE se
ssaħħaħ l-impenn tagħha mal-pajjizi tal-Amerika Latina[31], il-Karibew u l-Afrika
kif ukoll ma' organizzazzjonijiet reġjonali relevanti, billi tibni fuq is-suċċess
tal-pjattaformi ta' kooperazzjoni ta' uffiċjali ta' kuntatt fl-Afrika
tal-Punent, biex tkun tista’ tikkoordina l-bini tal-ħiliet. Kooperazzjoni ma’ sħab strateġiċi - l-UE se tkompli tibni fuq l-involviment tagħha ma’ sħab strateġiċi
b'interess komuni li jiġġieldu kontra d-drogi illeċti. Il-kooperazzjoni
mal-Istati Uniti dwar id-dejta tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR)
kienet ta' siwi partikolari fil-ġlieda kontra t-traffikar tad-drogi. L-UE u
l-Istati Uniti qed jesploraw modi biex jistabbilixxu netwerk konġunt ta'
infurzar tad-drogi fejn jidħol it-traffikar tad-drogi u biex jikkoordinaw
proġetti ta’ bini ta’ ħiliet fil-Afrika tal-Punent, fl-Amerika Latina u
fil-Karibew. L-UE qed issaħħaħ l-isforzi tagħha mal-Istati Uniti u mar-Russja biex
jitnaqqas it-traffikar tad-drogi u jiġi evitat l-abbuż tad-droga fl-Asja
Ċentrali. Qed taħdem ukoll ma’ sħab internazzjonali biex ittejjeb
il-kooperazzjoni internazzjonali biex tikkonfronta l-ekonomija bbażata fuq
id-drogi fl-Afganistan, li tissupplixxi sa 90% tal-eroina kollha tad-dinja. Se jiġu kkunsidrati aktar miżuri għat-tisħiħ
tal-kooperazzjoni internazzjonali fil-qasam tad-drogi fil-kuntest
tal-evoluzzjoni li għadha għaddejja tal-Istrateġija dwar id-Drogi u tal-Pjani
ta’ Azzjoni tal-UE.
9.
Konklużjonijiet
Il-politika Ewropea dwar id-drogi għandha
l-għan li tipproteġi u ttejjeb il-ġid tas-soċjetà u tal-individwu, li
tipproteġi s-saħħa pubblika, li toffri livell għoli ta’ sigurtà għall-pubbliku
inġenerali u li tadotta approċċ ibbilanċjat u integrat għall-problema
tad-drogi. Id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona u ż-żarmar tal-istruttura
tal-pilastri fit-tfassil tal-politiki tal-UE jipprovdu opportunitajiet ġodda
għal integrazzjoni aħjar tal-oqsma tal-politiki kollha rilevanti għall-problema
tad-droga. L-iskala tal-problema tad-drogi tal-Ewropa, u n-natura dejjem
tinbidel tagħha, titlob azzjoni ħafifa, qawwija u effettiva mill-UE.
Il-Kummissjoni hija ddeterminata li tkabbar ir-risposta tagħha għad-drogi
illeċti u għal sustanzi psikoattivi ġodda li jimitaw l-effetti tagħhom (l-aktar
id-drogi sintetiċi l-ġodda)[32],
bl-użu tal-opportunitajiet ġodda pprovduti mit-Trattat ta’ Lisbona. Il-Kummissjoni se tipproponi; bħala proposti leġiżlattivi: (1)
Pakkett leġiżlattiv dwar id-drogi, li jkun jinkludi
proposta għal reviżjoni tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill dwar it-traffikar
tad-droga u tad-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar sustanzi psikoattivi ġodda; (2)
Proposti leġiżlattivi dwar il-prekursuri tad-drogi;
(3)
Proposti leġiżlattivi dwar il-konfiska u l-irkupru
ta’ assi kriminali u fuq it-tisħiħ ta’ rikonoxximent reċiproku tal-iffriżar u
l-konfiska ta’ ordnijiet; (4)
Miżuri leġiżlattivi ġodda biex jikkumbattu l-ħasil
tal-flus. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tippreżenta: (5)
Indikaturi biex permezz tagħhom ikunu jistgħu jiġu
ssorveljati: il-provvista tad-drogi, il-kriminalità relatata mad-droga u
t-tnaqqis fil-provvista tad-drogi, biex jgħinu fit-titjib tal-effettività ta’
miżuri ta’ tnaqqis tal-provvista; (6)
Standards minimi ta’ kwalità biex tittejjeb
il-prevenzjoni tad-droga, it-trattament u servizzi għat-tnaqqis tal-ħsara. Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament
Ewropew u lill-Kunsill, lis-soċjetà ċivili u lil partijiet involuti oħra
importanti biex jieħdu sehem f’dibattitu dwar risposti effettivi għad-drogi
illeċti u sustanzi psikoattivi ġodda. Sabiex dawk kollha interessati jkunu
jistgħu jikkontribwixxu għal dan id-dibattitu, il-Kummissjoni se tniedi
konsultazzjoni pubblika bl-internet dwar kif l-aħjar li jiġu indirizzati
d-drogi illeċiti u l-emerġenza ta’ sustanzi ġodda li jimitawhom. [1] Id-drogi illeċti huma dawk is-sustanzi psikoattivi li
l-kultivazzjoni, il-produzzjoni, il-kummerċ u l-pussess mhux liċenzjati tagħhom
– ħlief għal skopijiet mediċi u xjentifiċi – huma pprojbiti. [2] Sustanzi psikoattivi ġodda huma drogi narkotiċi jew
psikotropiċi li jistgħu jkunu ta‘ theddida għas-saħħa pubblika, kumparabbli ma’
drogi illeċti, u li feġġew biss reċentement fis-suq u li mhumiex ipprojbiti.
Il-biċċa l-kbira ta’ dawn is-sustanzi huma sintetiċi. [3] Il-Kummissjoni Ewropea, Flash Eurobarometer nr. 330, Youth
attitudes on Drugs [4] EMCDDA, Rapport Annwali 2010 dwar l-Istat tal-Problema
tad-Droga fl-Ewropa. [5] Il-Kummissjoni nediet evalwazzjoni esterna
tal-Istrateġija tal-UE kontra d-Drogi (2005-2012) li se titlesta sa tmiem
l-2011. [6] Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2004/757/JHA tal-25 ta'
Ottubru 2004 li tistabbilixxi d-dispożizzjonijiet minimi dwar l-elementi
kostitwenti tar-reat u l-pieni kriminali fil-qasam tat-traffikar illegali
tad-droga ĠU L 335, 11.11.2004, pp 8–11. [7] Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/387/ĠAI tal-10 ta' Mejju
2005 dwar l-iskambju ta’ informazzjoni, il-valutazzjoni tar-riskju u l-kontroll
fuq sustanzi psikoattivi ġodda, ĠU L 127, 20.5.2005, p. 32–37. [8] Il-Kunsill Ewropew tal-10-11 ta’ Diċembru 2009 adotta
l-Programm ta' Stokkolma, qafas komprensiv fuq inizjattivi fil-ġustizzja u
affarijiet interni. Sabiex tikkonverti dawn l-għanijiet politiċi fi proposti
konkreti, il-Kummissjoni għażlet għadd ta’ azzjonijiet kruċjali biex jiġu
adottati bejn l-2010 u l-2014. COM(2010) 171 finali. [9] COM(2011) 500. [10] L-Europol, Valutazzjoni tat-Theddida tal-Krimimalità
Organizzata OCTA 2011. [11] http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_data/docs/pressdata/en/jha/114889.pdf. [12] Fuq l-aġenda tal-Kunsill tal-Ġustizzja u l-Affarijiet
Interni tas-27 u t-28 ta’ Ottubru 2011. [13] Rapport Annwal tal-Eurojust, 2010. [14] Europol, Rapport Ġenerali dwar l-attivitajiet tal-Europol
2010. [15] L-Artikolu 83(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament
tal-Unjoni Ewropea [16] COM(2009) 669 u SEC(2009) 1661. [17] Pereżempju
dwar il-vittimizzazzjoni jew l-użu tal-minuri, kif previst mill-Artikolu 3.5(f)
tal-Konvenzjoni tan-NU tal-1988 kontra t-Traffikar Illeċtu ta’ drogi narkotiċi
u sustanzi psikotropiċi, u r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 1996
dwar is-sentenzi għal kontra t-traffikar tad-drogi illeċti serji, ĠU C 10,
11.1.1997, p. 3 – 4. [18] Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 111/2005 tat-22
ta' Diċembru 2004, ĠU L 22, 26.1.2005, p. 1-10; Ir-Regolament
tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 273/2004 tal-11 ta’ Frar
2004, ĠU L 47, 18.2.2004, p. 1-10. [19] COM(2009) 709. [20] Tliet Deċiżjonijiet Qafas għandhom l-għan li jarmonizzaw
il-miżuri nazzjonali għall-iffriżar u l-konfiska ta’ assi kriminali (2001/500,
2005/212, 2007/845) u tnejn minnhom għandhom x’jaqsmu mal-għarfien reċiproku
tad-deċiżjonijiet tal-Istati Membri biex jiġu ffriżati u kkonfiskati assi
kriminali (2003/577, 2006/783). [21] SEC(2011) 912. [22] Il-BZP fl-2008 (ĠU L 63, 7.3.2008, p. 45 – 46) u
l-mefedrona fl-2010 (ĠU L 322, 8.12.2010, p. 44 – 45). [23] Il-Kummissjoni Ewropea, Flash Eurobarometer nr. 330, Youth
attitudes on Drugs [24] COM(2011) 430. [25] EMCDDA, Rapport Annwali 2010 dwar l-Istat tal-Problema
tad-Droga fl-Ewropa. [26] Kif deskritt fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar
il-ġlieda kontra l-HIV/AIDS fl-UE u l-pajjiżi ġirien, COM (2009) 569 [27] Inizjattivi bħal dawn se jkomplu jiġu ffinanzjati minn
programmi finanzjarji tal-UE, inkluż bil-Programm ta' Informazzjoni dwar
id-Droga u l-Prevenzjoni tagħha, il-Programm tas-Saħħa kif ukoll il-Fond
Soċjali Ewropew. [28] ĠU L165, 03.07.2003, p. 31 – 33 [29] COM(2011) 144. [30] Sewqan taħt l-influwenza tad-drogi, l-alkoħol u mediċini. http://www.druid-project.eu. [31] Il-programm COPOLAD jipprovdi qafas solidu biex inkunu
nistgħu nkomplu bl-isforzi tagħna mal-pajjiżi tal-Amerika Latina fl-indirizzar
tal-aspetti kollha tal-politiki kontra d-droga. Barra minn hekk, fl-Amerika
Latina u l-Karibew, ser jiġu indirizzati l-kwistjonijiet tas-sigurtà relatata
mad-droga, fid-dawl tal-preokkupazzjoni dejjem tikber f’dan il-qasam. [32] L-ewwel inizjattiva tal-UE dwar is-sustanzi psikoattivi
ġodda kienet Azzjoni Konġunta 97/396/JHA tas-16 ta’ Ġunju 1997 dwar l-iskambju
tal-informazzjoni, l-istima tar-riskju u l-kontroll tad-droga sintetika
l-ġdida. Sustanzi psikoattivi ġodda huma l-aktar drogi sintetiċi ġodda imma
jinkludu wkoll sustanzi organiċi. L-Azzjoni Konġunta ġiet mibdula bid-Deċiżjoni
tal-Kunsill 2005/387/ĠAI ta' l-10 ta' Mejju 2005 dwar l-iskambju
ta’ informazzjoni, il-valutazzjoni tar-riskju u l-kontroll fuq sustanzi
psikoattivi ġodda.