Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011DC0548

    RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Evalwazzjoni finalital-implimentazzjoni ta' Programm Komunitarju multiannwali sabiex il-kontenut diġitali fl-Ewropa jsir aktar aċċessibbli u jkun jista' jiġi użat u sfruttat aktar

    /* KUMM/2011/0548 finali */

    52011DC0548

    /* KUMM/2011/0548 finali */ RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Evalwazzjoni finalital-implimentazzjoni ta' Programm Komunitarju multiannwali sabiex il-kontenut diġitali fl-Ewropa jsir aktar aċċessibbli u jkun jista' jiġi użat u sfruttat aktar


    RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    Evalwazzjoni finali tal-implimentazzjoni ta' Programm Komunitarju multiannwali sabiex il-kontenut diġitali fl-Ewropa jsir aktar aċċessibbli u jkun jista' jiġi użat u sfruttat aktar

    1. INTRODUZZJONI

    Dan ir-Rapport jikkonċerna l-evalwazzjoni finali tal-Programm eContentplus (2005-2008), li f’dan id-dokument jissejjaħ "il-Programm"[1].

    Il-Programm dam għaddej perjodu ta' 4 snin mill-1 ta' Jannar 2005 sal-31 ta' Diċembru 2008 b'baġit ta' EUR 149 miljun, li minnhom ġew impenjati 100 % għal proġetti, studji u amminstrazzjoni (nefqa relatata mal-organizzazzjoni ta' evalwazzjonijiet ta' proposti u analiżijiet ta' proġetti).

    L-għan tal-Programm huwa li jagħmel iżjed aċċessibbli l-kontenut diġitali fl-Ewropa u li jkun jista' jiġi użat u sfruttat iktar, u b'hekk jiffaċilita l-ħolqien u t-tixrid tal-informazzjoni, f'oqsma ta’ interess pubbliku, fuq il-livell tal-Komunità.

    Il-Programm kien parti mill-politika tal-Kummissjoni mħabbra fi 'i2010 - Soċjetà tal-Informatika Ewropea għat-tkabbir u l-impjiegi’. Biex jintlaħaq l-għan li jkun faċilitat l-aċċess, l-użu u l-isfruttar tal-kontenut u biex ikun stimolat l-arrikkiment tal-kontenut, il-Programm eContentplus indirizza tnejn mill-erba’ sfidi prinċipali tal-konverġenza diġitali għall-ħolqien ta’ Spazju Waħdieni Ewropew tal-Informazzjoni, kif identifikat mill-i2010, prinċipalment ‘l-interoperabbiltà’ u ‘l-kontentut rikk’. Aktar speċifikament, fittex li jgħin sabiex jintlaħaq l-Għan 1 tal-i2010: Spazju Uniku Ewropew tal-Informazzjoni li joffri komunikazzjonijiet b'medda ta' frekwenzi għolja bi prezz raġjonevoli u li huma sikuri, kontenut għani u varjat u servizzi diġitali.

    Sabiex jintlaħaq l-għan ġenerali tal-Programm, kienu indirizzati l-linji ta' azzjoni li ġejjin:

    1. l-iffaċilitar fuq livell Komunitarju tal-aċċess għall-kontenut diġitali, l-użu u l-isfruttar tiegħu;

    2. it-titjib tal-kwalità u t-tisħiħ tal-aħjar prattika relatata mal-kontenut diġitali bejn il-fornituri u l-utenti tal-kontenut, u bejn is-setturi;

    3. it-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn il-partijiet li għandhom interess fil-kontenut diġitali u tal-għarfien.

    Permezz ta’ dawk il-linji ta' azzjoni, il-Programm immira lejn oqsma li kellhom interess pubbliku li ma kinux se jkunu żviluppati, jew kienu se jkunu żviluppati b'pass iktar bil-mod, kieku dan tħalla f'idejn is-suq.

    - Informazzjoni ġeografika: L-għan tal-eContentplus huwa li jikkontribwixxi għal użu usa' tal-informazzjoni ġeografika (jiġifieri kwalunkwe dejta li tirreferi b'mod dirett għal post jew żona ġeografika speċifika) minn korpi tas-settur pubbliku, kumpaniji privati, inklużi impriżi żgħar u ta’ daqs medju, u ċittadini f’konformità mad-Direttiva PSI[2] dwar l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku kif ukoll id-Direttiva INSPIRE[3] li timmira sabiex tagħmel disponibbli informazzjoni ġeografika rilevanti, armonizzata u ta' kwalità għall-finijiet tal-formulazzjoni, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tat-tfassil ta' politika tal-Komunità. F’dan il-kuntest il-programm iffinanzja proġetti li japplikaw il-prinċipji li ġejjin ta’ INSPIRE li huma partikolarment rilevanti għal żieda fl-użu mill-ġdid, fejn għandu jkun faċli li jkun skopert liema dejta spazjali hija disponibbli, biex tkun evalwata l-adegwatezza tagħha għall-għan u jsir magħruf liema kondizzjonijiet japplikaw għall-użu tagħha u għandu jkun possibbli li tinġabar flimkien dejta spazjali uniformi minn sorsijiet differenti u li tinqasam bejn ħafna utenti u applikazzjonijiet.

    - Kontenut edukattiv: Il-kontenut edukattiv diġitali huwa kontenut li jista' jintuża għat-tagħlim f'kuntesti differenti: fi programmi formali ta’ edukazzjoni u taħriġ, fl-edukazzjoni informali ġenerali, f’korsijiet ta’ taħriġ vokazzjonali, kif ukoll għat-tagħlim personali. Il-programm eContentplus jimmira lejn it-trawwim tal-użu effikaċi ta’ kontenut edukattiv diġitali b’pedagoġija tajba lil hinn mill-konfini ġeografiċi kif ukoll jikkomplementa inizjattivi oħra tal-Komunità bħad-Deċiżjoni Nru 1720/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Novembru 2006 li tistabbilixxi programm ta' azzjoni fil-qasam tat-tagħlim tul il-ħajja li jinkludi, fost l-għanijiet tiegħu, is-sostenn għall-iżvilupp ta' kontenut, servizzi, pedagoġiji u prattika innovattiva abbażi tal-ICT għat-tagħlim tul il-ħajja.

    - Libreriji diġitali b'kontenut kulturali u xjentifiku/akkademiku: Il-libreriji diġitali huma kollezzjonijiet organizzati ta' kontenut diġitali li huma magħmula disponibbli għall-pubbliku minn istituzzjonijiet kulturali u xjentifiċi (libreriji, arkivji u mużewijiet) u detenturi tal-kontenut privati (pereżempju pubblikaturi) fl-Istati Membri tal-UE jew f’pajjiżi oħra li qed jipparteċipaw fil-programm eContentplus. Dan il-programm jimmira li jagħti spinta lid-disponibbiltà multilingwistika ta' assi sinifikanti ta' kontenut kulturali, xjentifiku u akkademiku diġitali billi jsostni l-iżvilupp ta' kollezzjonijiet u oġġetti interoperabbli - li fuqhom jistgħu jinbnew servizzi multilingwistiċi u transkonfinali - billi jsostni soluzzjonijiet lejn il-faċilitazzjoni tal-iżvelar, l-iskoperta u l-irkupru ta' dawn ir-riżorsi[4]. Fit-30 ta’ Settembru 2005, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni li tagħti ħarsa ġenerali lejn il-viżjoni tal-inizjattiva «i2010: Libreriji Diġitali», li timmira sabiex tiffaċilita l-aċċess u l-użu f’ambjent onlajn tal-wirt kulturali Ewropew. Fi ħdan din l-inizjattiva, il-Kummissjoni tat l-appoġġ tagħha għall-ħolqien ta’ Librerija Ewropea Diġitali (europeana.eu) li hija mistennija li tagħmel disponibbli onlajn tal-anqas għaxar miljun ktieb, dokument u xogħol kulturali ieħor sal-2010.

    Il-Programm eContentplus kien implimentat permezz ta’ sejħiet annwali għall-proposti. L-għanijiet u l-prijoritajiet speċifiċi ġew stipulati fi programmi ta’ ħidma annwali, li pprovdew ukoll il-baġit disponibbli kif ukoll skeda indikattiva għall-evalwazzjoni u l-għażla ta’ proposti ta’ proġetti mressqa bħala tweġiba għas-sejħiet. Ġie allokat finanzjament għal 67 proġett, għal total ta' EUR 146.9 miljun, b’aktar minn 800 organizazzjoni Ewropea tipparteċipa direttament fil-proġetti.

    Il-Kummissjoni offriet ukoll kuntratti għal studji sabiex itejbu l-fehim tal-importanza ekonomika tal-attivitajiet koperti mill-Programm u jipprovdu kontribut għad-definizzjoni tal-prijoritajiet ta' attivitajiet futuri ta' riċerka u mhux ta' riċerka żviluppati fuq il-livell tal-UE. Dawn il-mezzi jinkludu: studju dwar xprunaturi soċjoekonomiċi u l-impatt ta’ konservazzjoni fit-tul ta' riżorsi diġitali, l-ewwel attentat sistematiku biex jiġi individwat u mkejjel l-impatt soċjali u ekonomiku tad-dominju pubbliku fis-soċjetà tal-informazzjoni u, wara l-analiżi tal-2008 tad-Direttiva dwar l-użu mill-ġdid tal-Informazzjoni tas-Settur Pubbliku (PSI), studju biex tkun stabbilita pjattaforma ċentrali tal-PSI Ewropea biex tistimola aktar l-azzjoni u timmonitorja l-progress lejn ambjent aktar b’saħħtu u aktar trasparenti għat-tkabbir ta’ swieq nazzjonali u Ewropew fl-użu mill-ġdid tal-PSI.

    2. L-GĦANIJIET TAL-EVALWAZZJONI

    Skont l-Artikolu 5(3) tad-Deċiżjoni tal-Programm, il-Kummissjoni kellha tippreżenta r-rapport tal-evalwazzjoni finali fl-aħħar tal-Programm. Din l-evalwazzjoni twettqet bl-għajnuna ta’ bord ta’ esperti esterni li evalwa l-effikaċja tal-Programm, il-kisbiet tiegħu, l-impatt tiegħu, is-sostenibbiltà tiegħu u kemm jikkumplementa l-inizjattivi l-oħra fi ħdan l-Unjoni Ewropea u lil hinn minnha, kif ukoll permezz ta' inizjattivi nazzjonali.

    Is-sejbiet ta’ din l-evalwazzjoni finali huma bbażati fuq dokumentazzjoni disponibbli, dejta tal-Kummissjoni, kwestjonarju ta’ investigazzjoni, u intervisti ta’ segwitu ma' parteċipanti magħżula tal-proġetti.

    3. IS-SEJBIET TAL-EVALWAZZJONI

    L-evalwaturi sabu li l-Programm irnexxielu jilħaq l-għanijiet stabbiliti kif stipulat fid-Deċiżjoni tal-Programm kif ukoll fil-programmi ta' ħidma annwali adottati għall-implimentazzjoni tiegħu. Ikkontribwixxa sabiex jagħmel il-kontenut diġitali fl-Ewropa iżjed aċċessibbli u li jkun jista' jiġi użat u sfruttat iktar, u b'hekk iffaċilita l-ħolqien u t-tixrid tal-informazzjoni, f'oqsma ta’ interess pubbliku. Aktar speċifikament, l-evalwazzjoni wasslet għall-konklużjonijiet li ġejjin:

    Ir-rwol ta’ faċilitatur tal-Programm u l-kisbiet tal-Programm

    Il-kisbiet tal-Programm huma f’konformità mal-għanijiet tal-Programm. Il-Programm irnexxielu joħloq kondizzjonijiet aħjar għall-aċċess, l-użu, l-użu mill-ġdid u l-isfruttar ta' materjal diġitali, u b'hekk ippermetta l-bini ta' prodotti u servizzi b'żieda fil-valur mal-Ewropa fl-oqsma fil-mira magħżula. Għen lill-partijiet interessati fil-kontenut (fornituri u utenti) jilħqu l-potenzjal sħiħ tal-kontenut diġitali. Il-fornituri tal-kontenut, jiġifieri organizzazzjonijiet u istituzzjonijiet pubbliċi u privati li joħolqu, jiġbru jew jippossedu kontenut diġitali, setgħu ikabbru l-viżibbiltà tal-materjal diġitali tagħhom, mhux biss f'pajjiżhom stess, iżda wkoll fi Stati Membri oħra u pajjiżi li qed jipparteċipaw fil-programm. Min-naħa l-oħra, l-utenti tal-kontenut, inklużi ċittadini, studenti u riċerkaturi Ewropej kif ukoll organizzazzjonijiet u impriżi issa jistgħu jsibu u jużaw tali kontenut, irrispettivament mill-post jew mil-lingwa.

    Bil-ġabra flimkien tal-konsorzji madwar l-Ewropa u bil-kontribut lejn il-ħolqien ta’ settijiet tad-dejta u servizzi transkonfinali, il-programm eContentplus għamel il-kontenut aktar aċċessibbli u li jista' jkun użat u sfruttat aktar fl-oqsma fil-mira imsemmija hawn fuq. Kif ġie kkonfermat mill-istħarriġ u l-intervisti, ħafna mill-proġetti ma kinux jitwettqu mingħajr is-sostenn finanzjarju tal-Programm eContentplus, u dan jenfasizza s-siwi kbir ta' mekkaniżmi finanzjarji bħal dawn fuq il-livell Ewropew.

    Fuq il-livell ta’ proġett, ma kinux jinkisbu riżultati bħall-istabbiliment tal-Librerija Diġitali Ewropea Europeana, li hija punt ta’ aċċess komuni multilingwistiku għall-wirt kulturali diġitali Ewropew. Il-ħolqien ta’ dan il-proġett ta' prominenza, li madwaru jinġabru mal-20 proġett ‘ta’ sors’, u li jipprovdi aċċess għal madwar 17-il miljun oġġett kulturali minn aktar minn 1500 istituzzjoni kulturali Ewropea (direttament jew indirettament permezz ta’ aggregaturi), huwa kisba sinifikanti. Il-parteċipazzjoni f’din l-inizjattiva kabbret il-viżibbiltà tal-imsieħba fil-proġett u tathom inċentiv ħafna akbar biex iżommu s-servizz ġaladarba ċ-ċiklu ta' finanzjament ikun tlesta. F’dak li jirrigwarda l-kontenut edukattiv, kien hemm kisbiet kbar grazzi għal netwerking u kollaborazzjoni aktar intensivi. Il-proġett MELT, pereżempju, jipprovdi portal għall-Iskambju tar-Riżorsi għat-Tagħlim għall-iskejjel (lreforschools.eun.org) fejn wieħed jista' jsib aktar minn 130,000 riżorsi u assi edukattivi miftuħa minn ħafna pajjiżi u fornituri differenti, inklużi 17-il Ministeru tal-Edukazzjoni. Fil-qasam tal-informazzjoni ġeografika, il-Programm ġabar flimkien fornituri tad-dejta, fornituri tat-teknoloġija, utenti u partijiet interessati oħra, u b’hekk ħoloq netwerks li se jkomplu jipprovdu pjattaforma għall-qsim tal-informazzjoni, l-aqwa teknoloġija possibbli u tnaqqis fl-ostakli għall-interoperabbiltà fl-UE. Għalhekk, il-proġett EURADIN se jimplimenta, jittestja u jivvalida soluzzjoni pilota għal infrastruttura Ewropea biex tintuża bħala referenza għall-Istati Membri kollha biex iwettqu r-rakkomandazzjonijiet ta’ INSPIRE fir-rigward ta’ indirizzi.

    L-effiċjenza tal-programm

    Il-Programm kien ġestit b’mod effikaċi. Kemm l-applikanti kif ukoll il-parteċipanti tal-proġett kienu kuntenti bil-kwalità tal-informazzjoni mogħtija mill-Kummissjoni, għalkemm xi nies ġodda u organizzazzjonijiet li mhumiex familjari mal-proġetti ta’ finanzjament Ewropew fil-bidu qajmu xi kwistjonijiet minuri dwar il-kjarezza tal-għanijiet tal-programm u tal-iskemi ta’ finanzjament.

    Il-pubblikazzjoni tal-għanijiet tal-programm u tal-kriterji tal-għotja ċari fuq naħa waħda u l-proċess tal-evalwazzjoni f’żewġ stadji fuq naħa oħra kellha effetti pożittivi ħafna fuq il-preżentazzjoni u l-għażla ta' proposti ta' kwalità għolja.

    Is-simplifikazzjonijiet li ġew introdotti fil-ftehim tal-għotja tal-eContentplus ħaffu l-pass tal-proċeduri għat-talbiet tal-ispejjeż tal-proġett u sabiex jiġu rċevuti l-ħlasijiet

    Ġew introdotti Netwerks tal-Aqwa Prassi bħala tip ġdid ta’ proġett biex jippromwovu l-adozzjoni ta’ standards u speċifikazzjonijiet sabiex il-kontenut diġitali fl-Ewropea jsir aktar aċċessibbli u utilizzabbli. Dan intlaħaq billi l-funzjonijiet ta' bini ta' kunsens u ta’ żieda fl-għarfien ta’ netwerk ingħaqdu flimkien mal-implimentazzjoni fuq skala kbira, f’kuntest ta’ ħajja reali, ta’ soluzzjoni waħda jew aktar mill-membri tagħha.

    L-impatti tal-programm

    L-impatt fuq l-organizzazzjonijiet li qed jipparteċipaw fil-Programm jistgħu biss ikunu stmati, peress li ħafna programmi għadhom għaddejjin jew għadhom kif intemmu. Filwaqt li ħafna mill-organizzazzjonijiet qed jistennew tkabbir fil-viżibbiltà u l-isfruttar tal-kontenut diġitali tagħhom fil-futur qarib, huma diġà jirrikonoxxu li l-parteċipazzjoni fil-proġetti eContentplus kabbret il-kollaborazzjoni internazzjonali u transkonfinali u għamlithom aktar konxji mill-valur ekonomiku u kulturali tal-kontenut diġitali li għandhom. Il-proġetti eContentplus, pereżempju, appoġġaw il-konverżjoni għal test diġitali ta’ aktar minn 20 miljun paġna ta’ kotba u gazzetti skennjati miżmuma minn libreriji nazzjonali. B’riżultat ta' dan l-isforz, fil-futur qarib iċ-ċittadini se jkunu jistgħu jfittxu t-test sħiħ ta' kontenut bħal dan permezz tal-portali tal-libreriji Ewropej u ta’ diversi libreriji nazzjonali. L-arkiviji tax-xandir tat-TV Ewropej irnexxilhom joħolqu portal li minnu jista' jkun hemm aċċess għal parti mill-kontenut tagħhom, u b'hekk iċ-ċittadini jkunu jistgħu jesploraw l-iżvilupp tat-televiżjoni fl-Ewropa kif ukoll ix-xandir ta' avvenimenti kulturali u storiċi kemm minn pajjiżhom kif ukoll minn nazzjonijiet oħrajn.

    Fil-qasam tal-libreriji diġitali, il-Programm eContentplus huwa l-ewwel programm li l-impatt ewlieni tiegħu kien li jagħmel il-materjal direttament disponibbli lil ċittadini individwali fuq skala kbira ħafna. Fil-fatt, aktar milli influwenzat lill-partijiet interessati jew milli għamlet aġġustamenti u standards tekniċi li jinkoraġġixxu jew jippermettu disponibbiltà bħal din, europeana.eu saret punt ta' aċċess għall-kontenut kulturali Ewropew. Il-Programm enfasizza wkoll għadd ta’ sfidi li jridu jiġu indirizzati. Huwa meħtieġ finanzjament pubbliku akbar biex tiġi ffinanzjata d-diġitizzazzjoni fuq skala kbira, flimkien ma’ inizjattivi ma' msieħba privati sakemm dawn jippermettu aċċessibbiltà ġenerali tal-wirt kulturali komuni Ewropew onlajn. Il-frammentazzjoni u l-kumplessità tas-sistema attwali tal-liċenzjar ukoll ifixklu d-diġitizzazzjoni ta’ parti kbira mill-wirt kulturali riċenti tal-Ewropa. L-approvazzjoni tad-drittijiet trid tittejjeb, u għandhom jiġu ċċarati r-rwol u r-responsabbiltajiet tal-organizzazzjonijiet privati u pubbliċi għad-diġitizzazzjoni ta' xogħlijiet orfni kif ukoll ta' materjal li huwa taħt id-drittijiet tal-awtur iżda li mhuwiex disponibbli aktar kummerċjalment.

    Fil-qasam tal-kontenut edukattiv, hija mistennija żieda sinifikanti fl-użu tal-kontenut ta' bażi bħala riżultat tas-sostenn għall-programm. Pereżempju, il-portal lreforschools.eun.org jippermetti lill-għalliema u l-istudenti biex isibu u jużaw faċilment kontenut edukattiv minn diversi pajjiżi permezz ta' punt wieħed ta' aċċess. Barra minn hekk, l-involviment ta’ Ministeri tal-Edukazzjoni nazzjonali f'ħafna mill-proġetti x'aktarx li wkoll ikollu impatt fuq l-inklużjoni tal-eLearning fil-kurrikuli.

    Fir-rigward tal-informazzjoni ġeografika, is-sostenn għall-programm huwa mistenni jżid l-interoperabbiltà fi ħdan għadd ta’ oqsma tematiċi taħt id-Direttiva INSPIRE b’impatti diretti u li jitkejlu fuq ir-regoli ta' implimentazzjoni ta' INSPIRE.

    Is-sostenibbiltà

    F’dan l-istadju, huwa diffiċli li wieħed jevalwa s-sostenibbiltà għal żmien twil. Madankollu, il-proġetti jirrappurtaw rabta qawwija ma' min ifassal il-politika fuq livell nazzjonali u ħafna huma ottimisti li l-proġetti se jkomplu abbażi ta' finanzjament minn istituzzjonijiet pubbliċi u/jew privati involuti fil-proġett.

    4. RAKKOMANDAZZJONIJIET EWLENIN

    Hemm domanda li qed tikber għal kontenut diġitali ta’ kwalità fl-Ewropa minn ċittadini, studenti, riċerkaturi, SMEs u utenti tan-negozju oħrajn kemm ġodda kif ukoll li diġà użaw is-servizz li jixtiequ jisfruttaw ir-riżorsi tal-kontenut diġitali sabiex joħolqu servizzi. Dan jirrikjedi sostenn kontinwu fuq livell Ewropew sabiex titkabbar id-disponibbiltà tal-kontenut diġitali Ewropew, b'mod partikolari f'żoni ta' interess pubbliku fejn il-progress x'aktarx ikun bil-mod u fejn l-aċċess għall-kontenut huwa limitat minn, b’mod partikolari, ostakli ta' lingwa u kulturali.

    Matul din l-evalwazzjoni ħarġu għadd ta' punti ġenerali li jistgħu jkunu indikattivi għal azzjonijiet fil-futur:

    4. Il-finanzjament għandu jkun marbut ma’ għanijiet ta’ politika ċari u definiti. Anke jekk l-azzjonijiet ta’ finanzjament f’żoni oħra jkollhom riżultati u effetti tajbin, x'aktarx li l-iffukar fuq żoni fejn l-UE għandha għanijiet ta' politika ċari u definiti jipproduċi riżultati aktar sostenibbli b'impatt ogħla. Ir-rabta bejn iż-żona fil-mira tal-kontenut kulturali/tal-libreriji diġitali u l-inizjattiva tal-librerija diġitali i2010 hija eżempju tajjeb ħafna ta’ dan.

    5. L-Inizjattiva tal-Libreriji Diġitali għandha tkompli tirċievi sostenn ekonomiku mill-Kummissjoni Ewropea biex ikun żgurat l-iżvilupp kontinwu tal-Europeana u ta’ servizzi simili fuq livell Ewropew.

    6. Minkejja li l-Informazzjoni tas-Settur Pubbliku (PSI) għandha valur ekonomiku enormi, xorta mhix qed tiġi sfruttata b'mod estensiv. L-implimentazzjoni tad-Direttiva PSI għandha tkompli tkun sostnuta minn attivitajiet li jkabbru għall-massimu l-użu mill-ġdid tal-PSI fl-Ewropea u li jiżblokkaw il-potenzjal ekonomiku sħiħ tagħha. Dan huwa partikolarment evidenti fil-qasam tal-informazzjoni ġeografika fejn il-frammentazzjoni tas-settijiet tad-dejta tostakola l-użu transkonfinali u timpedixxi l-isfruttar tagħhom għall-finijiet xjentifiċi u kummerċjali.

    7. Sabiex ikomplu jixprunaw il-qsim tal-informazzjoni spazjali bejn l-organizazzjonijiet tas-settur pubbliku u ċ-ċittadini, l-attivitajiet ta' segwitu tal-eContentplus għandhom isostnu proġetti li jgħinu għall-ħolqien ta' ambjent elettroniku aktar standardizzat għall-ħżin u l-armonija ta’ settijiet tad-dejta spazjali li jkopru qasam wieħed jew aktar minn dawk imsemmija fl-Annessi I-III tad-Direttiva INSPIRE. Proġetti bħall-EURADIN, l-Infrastruttura tal-Indirizzi Ewropew, u l-EGN (EuroGeoNames) iservu ta’ mudell f’dan ir-rigward.

    8. Kemm id-dimensjoni multilingwistika kif ukoll dik multikulturali tal-Programm kienu apprezzati ħafna u l-Kummissjoni Ewropea għandha tkompli tenfasizza aspetti bħal dawn.

    9. Is-simplifikazzjonijiet fil-ftehim tal-għotja tal-eContentplus tqiesu bħala effikaċi ħafna, b'mod partikolari l-introduzzjoni ta' rata fissa għall-ispejjeż amministrattivi u l-ħlas ta' kontribuzzjoni Komunitarja bħala finanzjament minn qabel permezz ta' pagamenti. Il-pubblikazzjoni ta' tfassil ċar tal-għanijiet tal-programm u tal-kriterji għall-għotja, kif ukoll il-proċess ta' evalwazzjoni fuq żewġ fażijiet kellhom effetti pożittivi ħafna fuq il-preżentazzjoni u l-għażla ta' proposti ta' kwalità għolja. Għandhom jiġu kkunsidrati għal ftehimiet ta’ għotja li jimplimentaw programmi ta’ finanzjament futuri.

    10. Instab li n-Netwerks tal-Aqwa Prassi ħallew impatt sinifikanti fuq l-ittestjar tan-netwerking u dak prattiku billi pprovdew l-aktar soluzzjonijiet xierqa u involvew lill-partijiet interessati rilevanti kollha. L-istrument ta’ finanzjament għandu jitqies għal attivitajiet ta’ finanzjament li jfittxu li jwettqu soluzzjonijiet kompetittivi u innovattivi.

    11. Fil-qasam tal-kontenut edukattiv, hija meħtieġa azzjoni kontinwa biex issostni l-implimentazzjoni tas-sistemi effikaċi ta’ intermedjazzjoni b’qies għall-kuntest u l-istandardizzazzjoni tat-teknoloġiji tat-tagħlim. L-azzjonijiet imwettqa għandhom jiffukaw fuq l-użu tal-kontenut edukattiv minn gruppi speċifiċi (pereżempju l-SMEs) f’kuntesti edukattivi speċifiċi filwaqt li xorta jikkontribwixxu għall-istandardizzazzjoni globali tat-teknoloġiji tat-tagħlim.

    5. KONKLUŻJONIJIET

    B’rikonoxximent tal-ħtieġa għal aktar sostenn fuq livell Ewropew biex tiżdied l-aċċessibbiltà għal kontenut diġitali, b’mod partikolari fl-oqsma ta' interess pubbliku, tkomplew il-miżuri sabiex il-kontenut diġitali fl-Ewropa jsir aktar aċċessibbli u jkun jista' jiġi użat u sfruttat aktar taħt il-PSP tal-ICT mill-2009.

    It-temi inklużi fil-programmi ta’ ħidma tal-ICT PSP tal-2009 u tal-2010 bħala azzjonijiet ta’ segwitu għall-eContentplus huma f’konformità mar-rakkomandazzjoni tal-evalwaturi li l-azzjonijiet ta’ finanzjament għandhom ikunu marbuta ma' għanijiet ta’ politika definiti b’mod ċar. L-għanijiet għal dawn it-temi jfittxu li jrawmu proġetti b’sostenn għall-politika tal-Kummissjoni fl-oqsma li ġejjin: il-libreriji diġitali; id-diġitizzazzjoni u l-aċċessibbiltà onlajn tal-kontenut kulturali u l-konservazzjoni diġitali; l-aċċess, it-tixrid u l-konservazzjoni ta' informazzjoni xjentifika fl-era diġitali u l-użu mill-ġdid tal-Informazzjoni tas-Settur Pubbliku.

    Dawn l-oqsma ġew ukoll rikonoxxuti fost il-prijoritajiet għall-azzjoni tal-Aġenda Diġitali għall-Ewropa[5]. L-ICT PSP se tkompli tintuża biex tappoġġa l-objettivi tal-politika li ssaħħaħ Europeana u tappoġġa inizjattivi li jippermettu aċċessibbiltà aħjar għall-wirt kulutrali tal-Ewropa onlajn.

    B’konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-grupp ta’ riflessjoni dwar kif il-wirt kulturali tal-Ewropa jinġieb onlajn[6], l-ICT PSP se tintuża biex tinkoraġġixxi d-diġitizzazzjoni u l-aċċess onlajn ta’ materjal kulturali – inklużi kotba, mapep, gazzetti, ħoss, materjal arkivjali, ritratti, oġġetti mill-mużewijiet, films[7] u materjal awdjoviżiv – sabiex ikun iktar aċċessibbli għaċ-ċittadini Ewropej u aktar faċli għall-użu għad-divertiment, ix-xogħol u l-istudju.

    Il-finanzjament se jintuża biex jinkoraġġixxi l-korpi pubbliċi jwettqu l-objettiv li jistimulaw is-swieq tal-kontenut billi jagħmlu l-informazzjoni tagħhom disponibbli fuq termini trasparenti, effettivi u mhux diskriminatorji.

    L-Aġenda Diġitali għall-Ewropa tistipula wkoll l-objettiv ta' politika li tissimplifika l-eLearning fil-politiki nazzjonali sabiex timmodernizza l-edukazzjoni u t-taħriġ. Is-suċċess tal-eContentplus fil-qasam tal-kontenut edukattiv jista’ jkun pass importanti fil-kisba ta’ dan l-objettiv. Fl-ambitu tal-pilastru tal-Aġenda Diġitali għall-Ewropa ta’ "Titjib tal-litteriżmu, il-ħiliet u l-inklużjoni diġitali" l-eLearning se jrawwem l-akkwist ta' ħiliet diġitali meħtieġa għall-innovazzjoni u t-tkabbir f'soċjetà imsejsa fuq l-għarfien.

    Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonimiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni sabiex:

    12. jieħdu nota li l-Programm ġie implimentat b’suċċess;

    13. ikomplu jgħinu lill-Kummissjoni fil-ħidma tagħha lejn it-tkabbir tal-viżibbiltà tal-inizjattivi mmirati sabiex il-kontenut diġitali fl-Ewropa jsir aktar aċċessibbli u jkun jista' jiġi użat u sfruttat aktar u sabiex ikun stimulat djalogu kontinwu dwar kwistjonijiet ta' kontenut diġitali.

    [1] Id-Deċiżjoni Nru 456/2005/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ĠU L 79, tal-24.3.2005, p. 1.

    [2] Id-Direttiva 2003/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ĠU L 345, tal-31.12.2003, p. 90.

    [3] Id-Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ĠU L 108, 25.4.2007, p. 1.

    [4] Uħud minn dawn l-attivitajiet kienu kkumplimentanti mill-programm MEDIA 2007 li fih skema li tappoġġa l-pjattaformi ta' vidjow fuq talba ("video on demand") u d-diġitizzazzjoni taċ-ċinema. Id-Deċiżjoni Nru 1718/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Novembru 2006.

    [5] COM(2010) 245, Aġenda Diġitali għall-Ewropea. Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Soċjali u Ekonomiku Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni

    [6] "Comité des Sages" dwar kif il-Wirt Kulturali tal-Ewropa jinġieb Onlajn http://ec.europa.eu/information_society/activities/digital_libraries/comite_des_sages/index_en.htm

    [7] Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-opportunitajiet u l-isfidi għaċ-ċinema ewropea fl-era diġitali COM(2010) 487 finali

    Top