EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011DC0301

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar in-nefqa tal-FAEGSistema ta' twissija bikrijaNru 4/2011

/* KUMM/2011/0301 finali */

52011DC0301




WERREJ

1. Introduzzjoni 3

2. Dħul assenjat lill-FAEG 3

3. Dħul li joriġina mill-ammonti temporanji għar-ristrutturar (is-settur taz-zokkor) 4

4. Kummenti dwar l-implimentazzjoni provviżorja tal-baġit tal-FAEG għall-2011 4

5. Implimentazzjoni tad-dħul assenjat lill-FAEG 8

6. Implimentazzjoni tad-dħul li joriġina mill-ammonti temporanji għar-ristrutturar (is-settur taz-zokkor) 8

7. Implimentazzjoni tal-Fond ta’ Ristrutturar għaz-Zokkor 9

8. Konklużjonijiet 9

ANNESS 1: UżU PROVVIżORJU TAL-APPROPRJAZZJONIJIET TAL-FAEGG FIT-28/02/2011

INTRODUZZJONI

Għall-perjodu bejn is-16 ta’ Ottubru 2010 u t-28 ta' Frar 2011, il-livell attwali tal-implimentazzjoni tal-baġit imqabbel mal-profil tan-nefqa previst mill-indikatur, stabbilit abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 20 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005[1], qed jiġi ppreżentat fl-Anness 1.

DħUL ASSENJAT LILL-FAEG

Abbażi tar-regoli tal-Artikolu 34 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 dwar il-finanzjament tal-Politika Agrikola Komuni, id-dħul li joriġina mill-korrezzjonijiet finanzjarji skont id-deċiżjonijiet tal-approvazzjoni tal-konformità, minn irregolaritajiet u mill-imposta fuq il-ħalib, jitqies bħala dħul assenjat għall-finanzjament tan-nefqa tal-FAEG. Skont dawn ir-regoli, dħul assenjat jista’ jintuża biex ikopri l-finanzjament tan-nefqa tal-FAEG imġarrba mill-Istati Membri. F'każ fejn parti minn dan id-dħul ma tintużax, din il-parti tiġi ttrasferita awtomatikament għas-sena tal-baġit ta' wara[2].

Il-Baġit tal-FAEG għall-2011 inkluda kemm: l-istima l-aktar riċenti tal-Kummissjoni dwar l-ammont ta’ approprjazzjonijiet, li tkun meħtieġa biex tkun iffinanzjata n-nefqa mistennija għall-miżuri tas-suq u għall-għajnuniet diretti, kif ukoll l-istimi tad-dħul assenjat, li kien mistenni jinġabar matul is-sena tal-baġit inkwistjoni u t-trasferiment tal-bilanċ tad-dħul assenjat li kien baqa’ disponibbli mis-sena tal-baġit preċedenti. Fil-proposta tagħha għall-ammont ta’ approprjazzjonijiet tal-FAEG għall-Baġit tal-2011, il-Kummissjoni qieset id-dħul assenjat totali mistenni u talbet fl-2011 livell ta’ approprjazzjonijiet ikkalkolat billi tnaqqas l-istima tad-dħul assenjat mill-istima tan-nefqa tagħha . L-Awtorità tal-Baġit adottat il-baġit il-ġdid tal-FAEG li l-approprjazzjonijiet tiegħu kienu jinkludu d-dħul assenjat mistenni.

Fiż-żmien tal-istabbilment tal-Baġit għall-2011, l-istimi tal-Kummissjoni tad-dħul assenjat disponibbli kienu jammontaw għal EUR 1 247 miljun. B’mod speċifiku:

- Ġie stmat li d-dħul assenjat li mistenni jiġi ġġenerat matul is-sena tal-baġit tal-2011 se jkun ta’ EUR 707 miljun. Kienu mistennija l-ammonti ta’ EUR 600 miljun u EUR 88 miljun mill-korrezzjonijiet tal-approvazzjoni tal-konformità u mill-irregolaritajiet rispettivament. Ġie stmat li d-dħul mill-imposta fuq il-ħalib se jkun ta’ EUR 19 miljun.

- Ġie stmat li d-dħul assenjat li mistenni jiġi ttrasferit mis-sena tal-baġit tal-2010 għall-2011 se jammonta għal EUR 540.0 miljun.

Fil-baġit tal-2011, il-Kummissjoni assenjat dan id-dħul ta' EUR 1 247 miljun għal żewġ skemi. B’mod speċifiku:

- EUR 500 miljun ġew assenjati għall-fondi operattivi tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi fis-settur tal-frott u l-ħaxix, u

- EUR 747 miljun ġew assenjati għall-iskema ta’ pagament uniku.

Għal dawn iż-żewġ skemi, l-Awtorità tal-Baġit eventwalment ivvutat favur approprjazzjonijiet li jammontaw għal EUR 292 miljun u EUR 30 389 miljun rispettivament, skont il-proposta tal-Kummissjoni. Is-somma tal-approprjazzjonijiet ivvutati u d-dħul assenjat imsemmi hawn fuq jikkorrispondu għal stima totali tal-approprjazzjonijiet meħtieġa ta’ EUR 792 miljun għall-fondi operattivi tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi fis-settur tal-frott u l-ħaxix u ta’ EUR 31 136 miljun għall-iskema ta’ pagament uniku.

Fl-Anness, li jippreżenta l-użu provviżorju tal-baġit għall-2011 għall-perjodu sat-28 ta’ Frar 2011, iċ-ċifri tal-approprjazzjonijiet tal-baġit għas-settur tal-frott u l-ħaxix u għas-settur tal-għajnuniet diretti diżakkoppjati, ippreżentaw approprjazzjonijiet ivvutati għal dawn iż-żewġ skemi, li jammontaw għal EUR 491.1 miljun u għal EUR 36 324 miljun rispettivament, mingħajr ma jitqies id-dħul assenjat imsemmi hawn fuq. Wara li jiġi inkluż id-dħul assenjat lil dawn is-setturi, l-approprjazzjonijiet totali previsti fil-baġit tal-2011 jammontaw għal EUR 991.1 miljun għall-frott u l-ħaxix u għal EUR 37 071.0 miljun għall-għajnuniet diretti diżakkoppjati.

DħUL LI JORIġINA MILL-AMMONTI TEMPORANJI GħAR-RISTRUTTURAR (IS-SETTUR TAZ-ZOKKOR)

L-ammonti temporanji għar-ristrutturar tas-settur taz-zokkor jitqiesu bħala dħul assenjat maħsub biex jiffinanzja l-għajnuna għar-ristrutturar tas-settur taz-zokkor u l-għajnuniet l-oħra previsti mill-Fond ta' Ristrutturar għaz-Zokkor. Għal tliet snin ta’ kummerċjalizzazzjoni: 2006/07, 2007/08 u 2008/09, dawn l-ammonti li kienu relatati mal-kwoti kwantitattivi ta’ zokkor, ġulepp tal-inulina u iżoglukożju miżmuma minn operaturi f’kull Stat Membru tħallsu lill-Fond. Fiż-żmien meta kien sar il-baġit tal-2011 kien mistenni li jkun ittrasferit l-ammont ta’ EUR 1 015 miljun mis-sena tal-baġit 2010 għall-2011. L-ammont finali tad-dħul assenjat li ġie ttrasferit għall-2011 lill-Fond ta' Ristrutturar għaz-Zokkor laħaq l-ammont ta' EUR 1 044.8 miljun.

Kummenti dwar l-implimentazzjoni provviżorja tal-baġit tal-FAEG għall-2011

Il-livell tal-implimentazzjoni provviżorja tal-baġit għall-perjodu bejn is-16 ta’ Ottubru 2010 u t-28 ta’ Frar 2011 huwa ppreżentat fl-Anness 1. Dan il-livell tqabbel mal-profil tan-nefqa bbażat fuq l-indikatur, li ġie stabbilit abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 20 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005. Hawn taħt qed jingħata kummentarju qasir dwar ċerti artikoli tal-baġit, li juru d-diverġenzi l-aktar sinifikanti bejn il-livell attwali tal-implimentazzjoni u dak mistenni għall-baġit tal-2011:

Miżuri tas-suq

L-assorbiment ta’ approprjazzjonijiet għall-interventi fis-swieq agrikoli kien ogħla meta mqabbel mal-livell tal-approprjazzjonijiet ivvutati mill-baġit, kif ikkalkulat mil-livell tal-indikatur fit-28 ta’ Frar 2011, b’EUR 151.9 miljun. Din id-diverġenza hija attribwita primarjament għas-settur tal-inbid u għall-programmi tal-ikel. Fl-istess waqt, bħala total, setturi oħra jippreżentaw nuqqas ta' implimentazzjoni.

Ċereali (-EUR 62.1 miljuni)

In-nuqqas ta' użu f'din l-intestatura tal-baġit fl-2011 huwa riżultat ta' bejgħ sinifikanti ta' ċereali mill-intervent li beda f'Diċembru 2010. Sat-28 ta' Frar, fil-qafas ta' offerti miftuħa, il-Kummissjoni biegħet 2 404 000 tunellata xgħir u 88 000 tunellata qamħ u allokat prezzijiet partikolarment ogħla minn dawk stmati waqt it-tħejjija tal-Baġit tal-2011. F'dan l-istadju, il-Kummissjoni tqis li n-nefqa negattiva rraportata f'din l-intestatura tal-baġit twassal għan-nuqqas ta' użu ġenerali fl-aħħar tal-2011.

Programmi tal-ikel (+EUR 23.1 miljun)

L-assorbiment aktar mgħaġġel ta' approprjazzjonijiet imqabbel mal-livell tal-indikatur bħalissa huwa riflessjoni tan-nuqqas ta' użu f’din l-intestatura tal-baġit fl-2010. Dan jirrifletti l-fatt li l-ispejjeż amministrattivi tal-Istati Membri marbuta mal-ġestjoni tal-programmi tal-2010 ġew iddikjarati biss fis-sena tal-baġit 2011. F’dan il-mument, il-Kummissjoni tqis li l-approprjazzjonijiet se jkunu suffiċjenti sabiex ikopru n-nefqa mistennija.

Frott u ħaxix (+ EUR 98.6 miljun meta mqabbel mal-approprjazzjonijiet ivvutati)

Dan il-livell ta’ implimentazzjoni huwa attribwit għan-nefqa għall-fondi operattivi għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi, li huma ffinanzjati kemm mill-approprjazzjonijiet ivvutati tal-baġit, kif ukoll mid-dħul assenjat għal din l-iskema fil-baġit tal-2011 (NB: għad-dettalji, jekk jogħġbok ara l-punt 2 hawn fuq). Dan il-livell ta’ implimentazzjoni huwa r-riżultat tal-applikazzjoni tal-indikatur għall-perjodu sat-28 ta’ Frar 2011 għall-approprjazzjonijiet ivvutati tal-baġit, li ma jinkludux id-dħul assenjat għal dan is-settur.

F’dan il-mument, il-Kummissjoni tqis li l-approprjazzjonijiet totali disponibbli għal dan is-settur se jkunu suffiċjenti sabiex ikopru n-nefqa li mistennija jġarrbu l-Istati Membri fl-2011.

Mill-2010, għall-benefiċċju tal-qarrej, il-Kummissjoni introduċiet nota f’qiegħ il-paġna * għat-tabella ta’ użu provviżorju li tidher fl-Anness. Din in-nota f’qiegħ il-paġna turi xi tkun is-sitwazzjoni fit-28 ta' Frar 2011, li kieku ġie applikat l-indikatur, għall-approprjazzjonijiet totali, li huma mistennija jkunu disponibbli biex ikun iffinanzjat dan is-settur. Hekk kif indikat fil-punt 2 ta’ hawn fuq, il-finanzjament totali li mistenni jkun disponibbli għal dan is-settur huwa magħmul mill-approprjazzjonijiet ivvutati tal-baġit, li jammontaw għal EUR 491.1 miljun, u mid-dħul assenjat għal dan is-settur, li huwa stmat li jammonta għal EUR 500miljun. Għalhekk, kieku kien applikat l-indikatur għall-finanzjament totali ta’ EUR 991.1 miljun li mistenni jkun disponibbli għal dan is-settur, allura jkun jidher li hemm nuqqas ta' użu ta’ – EUR 52.5 miljun.

Dan in-nuqqas ta' użu huwa relatat ma’ fondi operattivi għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi li għandhom ritmu ftit aktar bil-mod ta’ pagamenti meta mqabbel mas-snin preċedenti u għall-Iskema tal-Frott fl-Iskejjel, li minħabba novità relattiva tal-miżura għadha ma ssegwix xejra ta' użu definit. It-tnejn huma meqjusa ta’ natura temporanja. Min-naħa l-oħra, matul dawn l-aħħar tliet snin, l-għajnuna għar-rikonoxximent preliminarju tal-gruppi tal-produtturi segwiet ritmu ta’ pagamenti aktar mgħaġġel.

Il-prodotti tas-settur tal-inbid (+ EUR 117.3 miljun)

Meta mqabbla mal-livell tal-approprjazzjonijiet tal-baġit u mal-profil teoretiku ta' użu li wera l-indikatur fit-28 ta' Frar 2011, dan l-użu żejjed attwali huwa dovut għar-ritmu iktar mgħaġġel tal-pagamenti mill-Istati Membri primarjament għall-programmi ta’ appoġġ nazzjonali għas-settur tal-inbid Dan ir-ritmu aktar mgħaġġel ma jikkostitwixxix riskju li jinqabżu l-approprjazzjonijiet tal-baġit, minħabba li huwa bbażat fuq il-limiti finanzjarji stabbiliti mil-leġiżlazzjoni għal dawn il-miżuri.

Il-ħalib u l-prodotti tal-ħalib (- EUR 14.1 miljun)

Meta mqabbla mal-livell tal-approprjazzjonijiet tal-baġit u mal-profil teoretiku ta' użu li wera l-indikatur fit-28 ta' Frar 2011, ġie osservat li hemm nuqqas ta' użu. B'mod partikolari dan huwa relatat mal-Iskema tal-Ħalib fl-Iskejjel li l-approprjazzjonijiet tagħha fil-Baġit żdiedu b’EUR 10 miljun meta mqabbla mal-ħtiġijiet inizjali. Din iż-żieda fil-baġit mhijiex riflessa fl-użu tal-Istati Membri f'dan l-istadju. Barra minn hekk il-bejgħ ta' trab tal-ħalib xkumat (SMP) barra mill-intervent li beda f'Diċembru 2010, li wassal għal nefqa negattiva f'din l-intestatura, hekk kif il-bejgħ ġie realizzat fil-livell ta' prezzijiet ogħla minn dak stmat oriġinarjament meta tħejja l-Baġit 2011.

Iċ-ċanga u l-vitella (+EUR 7.2 miljun)

L-assorbiment aktar mgħaġġel tal-approprjazzjonijiet f’din l-intestatura baġitarja kif imqabbel mal-livell tal-indikatur huwa riżultat ta' kwantitajiet ikbar minn dawk mistennija esportati b'rifużjonijiet fil-perjodu bejn is-16 ta' Ottubru 210 u t-28 ta' Frar 2011. Minħabba l-ftuħ tas-suq tat-Turkija għall-prodotti tal-laħam tal-UE, l-attività tal-esportazzjoni f'dan is-suq żdiedet b'mod konsiderevoli fl-ewwel nofs tas-sena tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ tal-2010/11. Attwalment il-Kummissjoni tipprevedi li toħroġ iċ-ċertifikati tal-esportazzjoni din is-sena għal kwantità, li hija akbar minn dik stmata fiż-żmien meta tħejja l-Baġit 2011. B'hekk f'dan l-istadju l-Kummissjoni tikkunsidra li din l-intestatura tal-baġit b'mod ġenerali se jkollha użu żejjed fl-2011, li se jkun kopert permezz ta' trasferiment tal-approprjazzjonijiet disponibbli f'intestaturi oħra tal-baġit b'nuqqas ta' użu.

Għajnuniet diretti

L-assorbiment tal-approprjazzjonijiet għal għajnuniet diretti mqabbel mal-livell li wera l-indikatur fil-31 ta’ Jannar 2011 kien inqas minn EUR 9.7 miljun.

Għajnuniet diretti diżakkopjati (-EUR 77.4 miljun meta mqabbla mal-approprjazzjonijiet ivvutati)

It-total tal-approprjazzjonijiet ta' kreditu disponibbli għall-ħtiġijiet ta' dan is-settur jammonta għal EUR 37 071 miljun inkluż id-dħul previst ta’ EUR 747 miljun assenjat għall-Iskema ta’ Pagament Uniku. (NB: għad-dettalji, jekk jogħġbok ara l-punt 2 hawn fuq).

L-iskema ta’ pagament uniku (SPU) tippreżenta nuqqas ta' użu meta mqabbel mal-livell tal-indikatur. Din l-iskema, wara assorbiment mgħaġġel ħafna fl-ewwel xahrejn tas-sena tal-baġit 2011, naqqset ftit ir-ritmu f'Jannar u Frar. L-Istati Membri diġà ħallsu madwar 94 % tal-ħtiġijiet stmati fil-baġit meta mqabbla ma’ 89 % f’dak iż-żmien fl-2010.

Il-livell ta' implimentazzjoni għall-għajnuniet diretti diżakkopjati jista' jkun attribwit ukoll għall-pagamenti magħmula mill-Istati Membri għall-iskema ta’ pagament uniku skont l-erja (SPUE), fejn ġie osservat nuqqas ta' użu b'mod sinifikanti meta mqabbel mal-livell tal-indikatur. Filwaqt li għall-maġġoranza tal-Istati Membri r-ritmu tal-pagamenti huwa f'konformità max-xejriet stabbiliti, u sal-aħħar ta’ Frar il-Bulgarija u Malta, kienu għadhom ma għamlu l-ebda pagament u fil-Polonja saru pagamenti ħafna aktar baxxi. F’dan il-mument, il-Kummissjoni qed tikkunsidra din is-sitwazzjoni bħala waħda temporanja.

Mill-2010, għall-benefiċċju tal-qarrej, il-Kummissjoni introduċiet nota f’qiegħ il-paġna * għat-tabella ta’ użu provviżorju li tidher fl-Anness. Din in-nota turi x’kienet tkun is-sitwazzjoni fit-28 ta’ Frar 2011, li kieku kien applikat l-indikatur għall-approprjazzjonijiet totali li huma mistennija jkunu disponibbli sabiex jiġi ffinanzjat dan is-settur. Skont kif inhu indikat fil-punt 2 ta’ hawn fuq, il-finanzjament totali li mistenni jkun hemm għal dan is-settur huwa magħmul mill-approprjazzjonijiet ivvutati tal-baġit, li jammontaw għal EUR 36 324.0 miljun, u mid-dħul assenjat għal dan is-settur, li huwa stmat li jammonta għal EUR 747.0 miljun. Għalhekk, kieku l-indikatur kien applikat għall-finanzjament totali ta’ EUR 37 071 miljun li mistenni jkun disponibbli għal dan is-settur, ikun jidher li hemm nuqqas ta' użu ta’ EUR 770.8 miljun.

Għajnuniet diretti oħrajn (EUR 67.4 miljun)

B’kuntrast mas-sitwazzjoni fl-aħħar ta' Jannar, fit-28 ta' Frar l-għajnuniet diretti oħrajn juru użu żejjed. Din il-bidla hija riżultat ta' ritmu ta' pagament aktar mgħaġġel għall-għajnuna skont l-erja għall-qoton u l-pagament tranżizzjonali għall-frott u l-ħxejjex. Fl-istess waqt, meta mqabbel mal-livell li wera l-indikatur, jista’ jiġi osservat ritmu kemmxejn aktar bil-mod ta’ pagamenti magħmula mill-Istati Membri għal ċerti skemi oħrajn (primjums għal baqar li jreddgħu, għall-qtil tal-bovini). Dan il-ħin, din is-sitwazzjoni hija mistennija tkun waħda temporanja għall-miżuri kollha ta' hawn fuq.

Awditjar tan-nefqa agrikola

L-approvazzjoni tal-kontijiet tas-snin preċedenti (+EUR 85.4 miljun)

Il-livell attwali ta’ implimentazzjoni jirriżulta mit-tqabbil tal-approvazzjoni tal-korrezzjonijiet tal-kontijiet li diġà sar mal-livell tal-indikatur korrispondenti fit-28 ta’ Frar 2011. Madanakollu, ta’ min jinnota li f’konformità mal-qafas taż-żmien leġiżlattiv, għadhom ma ttiħdux id-deċiżjonijiet kollha tal-approvazzjoni tal-kontijiet mistennija matul din is-sena tal-baġit.

Ta’ min jinnota li l-Kummissjoni, fl-Ittra ta’ Emenda tagħha għall-2011, ipproponiet korrezzjonijiet li jammontaw għal – EUR 72.0 miljun. L-ammont finali inkluż fil-baġit tal-2011 kien – EUR 272 miljun.

Dan il-mument il-Kummissjoni tqis li l-korrezzjonijiet li mistennija jsiru mid-deċiżjonijiet tal-approvazzjoni tal-kontijiet tagħha u min-nuqqas ta' ħarsien tal-iskadenzi ta’ pagamenti ta' għajnuna mill-Istati Membri, mhux se jkunu biżżejjed biex ikopru l-ammont straordinarju ta’ – EUR 200 miljun. Sabiex tagħlaq din il-partita tal-baġit fl-2011, il-Kummissjoni se jkollha bżonn tkopri n-nuqqas sinifikanti ta’ approprjazzjonijiet negattivi tal-baġit bl-approprjazzjonijiet pożittivi tal-baġit.

Implimentazzjoni tad-dħul assenjat lill-FAEG

It-tabella fl-Anness turi li d-dħul assenjat, li jammonta għal EUR 1 227.5 miljun, inġabar sat-28 ta’ Frar 2011. B’mod speċifiku:

- id-dħul minn korrezzjonijiet abbażi ta’ deċiżjonijiet ta’ approvazzjoni tal-konformità kien jammonta għal EUR 236.1 miljun b’ammonti addizzjonali mistennija sa tmiem is-sena tal-baġit;

- id-dħul mill-irregolaritajiet kien jammonta għal madwar EUR 65.7 miljun, b’ammonti addizzjonali wkoll mistennija sa tmiem is-sena tal-baġit, u

- f’dan il-mument, inġabar kważi d-dħul kollu mill-imposta fuq il-ħalib u dan jammonta għal madwar EUR 20.6 miljun li jaqbeż bi ftit l-istima inizjali ta’ EUR 19–il miljun;

- fl-aħħar nett, għall-kuntrarju tal-ammont ta’ EUR 540.0 miljun li kien stmat fil-bidu, l-ammont ta’ dħul assenjat li ġie eventwalment ittrasferit mill-2010 għall-2011 ammonta għal EUR 905.1 miljun.

Għalhekk, l-ammont tad-dħul assenjat disponibbli għall-finanzjament tan-nefqa tal-FAEG, fit-28 ta’ Frar 2011, huwa ta’ EUR 1 227.5 miljun. F’dan il-mument, il-Kummissjoni tistma li l-ammont tad-dħul assenjat li għad irid jinġabar jammonta għal EUR 384.6 miljun (id-dħul assenjat li se jiġi ġġenerat fil-baġit tal-2011 huwa stmat għal EUR 707 miljun li minnu nġabru EUR 322.4 miljun).

Implimentazzjoni tad-dħul li joriġina mill-ammonti temporanji għar-ristrutturar (is-settur taz-zokkor)

F’konformità mal-leġiżlazzjoni, ma nġabar l-ebda ammont ġdid ta’ ristrutturar temporanju mill-Istati Membri minn Novembru 2009 'l hawn. Għalhekk, l-ammont totali tad-dħul assenjat disponibbli għall-Fond ta’ Ristrutturar għaz-Zokkor huwa ugwali għall-ammont ittrasferit mill-baġit tal-2010, li jammonta għal EUR 1 044.8 miljun (ogħla mill-EUR 1 015-il miljun fil-baġit tal-2011 minħabba li fl-aħħar tal-2010 kienu saru pagamenti b'ammonti iżgħar minn dawk mistennija).

IMPLIMENTAZZJONI TAL-FOND TA’ RISTRUTTURAR GħAZ-ZOKKOR

Fl-aħħar ta’ Frar 2011, l-Istati Membri kienu għamlu pagamenti ta’ EUR 10.6 miljuni għal għajnuniet li jikkonċernaw l-miżuri ta' ristrutturar, għall-għajnuniet għad-diversifikazzjoni jew għal għajnuniet għar-raffinar taz-zokkor.

KONKLUżJONIJIET

L-użu provviżorju tal-approprjazzjonijiet tal-baġit tal-FAEG għall-2011, għall-perjodu sat-28 ta’ Frar 2011, juri li r-rimborżi ta’ kull xahar lill-Istati Membri qabżu l-profil għall-użu tal-baġit abbażi tal-indikatur, b’madwar EUR 219.6 miljun. Inġabar dħul assenjat li jammonta għal EUR 1 227.5 miljun u fl-2011 għad mistenni li jinġabar l-ammont ta’ EUR 384.6 miljun.

F’dan il-mument, il-Kummissjoni tistenna li l-ammont ta’ dħul assenjat li huwa disponibbli kif ukoll dak li se jsir disponibbli, matul is-sena, se jintuża biex ikopri l-finanzjament tal-fondi operattivi għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi u għall-Iskema ta’ Pagament Uniku kif kien mistenni oriġinarjament meta ġie stabbilit il-baġit.

F’dak li għandu x’jaqsam maż-żieda tal-korrezzjonijiet tal-approvazzjoni tal-kontijiet minn – EUR 200miljun għal EUR 272 miljun b'kollox, (ara l-punt 4.3.1) il-Kummissjoni se ssegwi mill-qrib l-iżvilupp tal-użu tal-baġit sabiex tara, jekk in-nuqqas ta' użu f’partijiet oħrajn tal-baġit huwiex se jippermetti l-finanzjament ta' parti minn din in-nefqa negattiva, li mhijiex se tiġi koperta mid-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-approvazzjoni tal-kontijiet u mill-korrezzjonijiet l-oħra tal-Kummissjoni għan-nuqqas ta’ ħarsien tal-iskadenzi tal-pagamenti għall-għajnuniet mill-Istati Membri kkonċernati.

[pic]

[1] ĠU L 209, 11.8.2005, p. 1

[2] Id-dħul assenjat ittrasferit għandu jintuża l-ewwel, u dan ifisser qabel l-appropjazzjonijiet ivvutati mill-Awtorità tal-Baġit jew id-dħul assenjat iġġenerat fis-sena (Art 10 tar-Regolament Finanzjarju).

Top