This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52011DC0244
COMMUNICATION FROM THE COMMISSION TO THE EUROPEAN PARLIAMENT, THE COUNCIL, THE ECONOMIC AND SOCIAL COMMITTEE AND THE COMMITTEE OF THE REGIONS Our life insurance, our natural capital: an EU biodiversity strategy to 2020 COMMUNICATION FROM THE COMMISSION TO THE EUROPEAN PARLIAMENT, THE COUNCIL, THE ECONOMIC AND SOCIAL COMMITTEE AND THE COMMITTEE OF THE REGIONS Our life insurance, our natural capital: an EU biodiversity strategy to 2020
KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT SOĊJALI U EKONOMIKU EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI L-assigurazzjoni ta' ħajjitna, il-kapital naturali tagħna: strateġija tal-UE għall-bijodiversità sal-2020 KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT SOĊJALI U EKONOMIKU EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI L-assigurazzjoni ta' ħajjitna, il-kapital naturali tagħna: strateġija tal-UE għall-bijodiversità sal-2020
KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT SOĊJALI U EKONOMIKU EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI L-assigurazzjoni ta' ħajjitna, il-kapital naturali tagħna: strateġija tal-UE għall-bijodiversità sal-2020 KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT SOĊJALI U EKONOMIKU EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI L-assigurazzjoni ta' ħajjitna, il-kapital naturali tagħna: strateġija tal-UE għall-bijodiversità sal-2020
/* KUMM/2011/0244 finali */
/* KUMM/2011/0244 finali */ KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT SOĊJALI U EKONOMIKU EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI L-assigurazzjoni ta' ħajjitna, il-kapital naturali tagħna: strateġija tal-UE għall-bijodiversità sal-2020 KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT SOĊJALI U EKONOMIKU EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI L-assigurazzjoni ta' ħajjitna, il-kapital naturali tagħna: strateġija tal-UE għall-bijodiversità sal-2020
I NTRODUZZJONI Il-bijodiversità, jiġifieri l-varjetà straordinarja ta' ekosistemi, speċi u ġeni li jinsabu madwarna, hija l-assigurazzjoni fuq ħajjitna: tagħtina l-ikel, ilma frisk u arja nadifa, kenn u mediċina, u ttaffi d-diżastri naturali, il-pesti u l-mard u tikkontribwixxi għar-regolazzjoni l-klima. Il-bijodiversità hija wkoll il-kapital naturali tagħna, li huwa sors ta' servizzi tal-ekosistema li jsaħħu l-ekonomija tagħna. It-taħsir u t-telf tagħha jqiegħdu fil-periklu l-provvediment ta' dawn is-servizzi: nitilfu l-ispeċi u l-ħabitats flimkien mal-għana u l-impjiegi li nieħdu min-natura, u nqiegħdu fil-periklu l-bennessri tagħna stess. Dan, flimkien mat-tibdil fil-klima, jagħmel it-telf tal-bijodiversità l-aktar theddida kritika għall-ambjent fuq livell dinji hekk kif it-tnejn huma marbuta ferm ma' xulxin. Filwaqt li l-bijodiversità tagħti kontribuzzjoni ewlenija fir-rigward tal-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih huma essenzjali wkoll l-ilħiq il-mira taż-'2 gradi' flimkien ma' miżuri xierqa ta' adattament għat-tnaqqis tal-impatt ta' effetti inevitabbli tat-tibdil fil-klima sabiex jiġi evitat it-telf tal-bijodiversità. Ir-rati attwali tal-estinzjoni tal-ispeċi għaddejjin issir b’ritmu li qatt ma kien daqshekk mgħaġġel. L-ispeċi qed jintilfu b'rata ta' 100 sa 1,000 darba aktar mgħaġġla mir-rata naturali, u dan l-aktar minħabba l-attivitajiet tal-bniedem: skont il-FAO, 60 % tal-ekosistemi fid-dinja huma ddeġradati jew użati b'mod mhux sostenibbli; 75 % tal-istokkijiet tal-ħut huma sfruttati żżejjed jew naqsu b'mod sinifikanti u 75 % tad-diversità ġenetika tal-għelejjel fid-dinja ntilfet mill-1990 ‘l hawn. Madwar 13-il miljun ettaru f'foresti tropikali jitneħħa kull sena[1] u 20 % tas-sikka tal-qroll dinjija diġà għebet, filwaqt li 95 % se tkun qiegħda fir-riskju ta' qerda jew ħsara estrema sal-2050 jekk it-tibdil fil-klima mhux se jonqos[2]. Fl-UE, huma biss 17 % tal-ħabitats u l-ispeċi u 11 % tal-ekosistemi ewlenin protetti mil-leġiżlazzjoni tal-UE li jinsabu fi stat tajjeb[3]. Dan minkejja l-azzjoni li ttieħdet kontra t-telf wiggle ittal-bijodiversità, b'mod partikolari minn mindu ġiet stabbilita il-mira UE 2010 għall-bijodiversità fl-2001. Il-benefiċċji ta' dawn l-azzjonijiet ingħelbu mill-pressjonijiet kontinwi u dejjem jikbru fuq il-bijodiversità fl-Ewropa: it-tibdil fl-użu tal-art, l-isfruttament tal-bijodiversità u l-komponenti tagħha, il-firxa ta' speċi aljeni invażivi, it-tniġġis u t-tibdil fil-klima kollha jew baqgħu kostanti jew qed jiżdiedu. Raġunijiet indiretti, bħat-tkabbir fil-popolazzjoni, għarfien limitat dwar il-bijodiversità u l-fatt li l-valur ekonomiku li għandha l-bijodiversità mhux qed jiġi rifless fit-teħid ta' deċiżjonijiet qed ikollhom ukoll impatt qawwi fuq il-bijodiversità. Din l-istrateġija għandha l-għan li twaqqaf it-telf tal-bijodiversità u wkoll li tħaffef it-tranżizzjoni min-naħa tal-UE lejn ekonomija ekoloġika u li tuża r-riżorsi b'effiċjenza. Hija parti integrali mill-Istrateġija Ewropa 2020[4] u b'mod partikolari mill-inizjattiva ewlenija tal-Ewropa dwar l-użu effiċjenti tar-riżorsi[5]. SISIEN ġODDA GħALL-POLITIKA TAL-BIJODIVERSITÀ TAL-UE MANDAT DOPPJU GħALL-AZZJONI Il-mandat tal-UE F'Marzu tal-2010, il-mexxejja tal-UE rrikonoxxew li l-mira tal-bijodiversità għall-2010 mhux se tintlaħaq, minkejja s-suċċessi kbar li kien hemm bħat-twaqqif ta' Natura 2000, l-akbar netwerk ta' żoni protetti fid-dinja. Għaldaqstant appoġġaw il-viżjoni għat-tul u l-mira ewlenija ambizzjuża li l-Kummissjoni pproponiet fil-Komunikazzjoni tagħha 'Alternattiva għal viżjoni Ewropea u mira għall-bijodiversità wara l-2010'[6]. Viżjoni 2050 Sal-2050, il-bijodiversità tal-Unjoni Ewropea u s-servizzi tal-ekosistema li tipprovdi - il-kapital naturali tagħha – ikunu protetti, valorizzati u rriġenerati kif xieraq minħabba l-valur intrinsiku tal-bijodiversità u l-kontribuzzjoni essenzjali tagħhom għall-benessri tal-bniedem u l-prosperità ekonomika, u biex b'hekk jiġu evitati l-bidliet katastrofiċi kkawżati mit-telf tal-bijodiversità. Mira ewlenija 2020 Jitwaqqaf it-telf tal-bijodiversità u d-degradazzjoni tas-servizzi tal-ekosistema fl-UE sal-2020 u jiġu rriġenerati kemm jista' jkun, filwaqt li tiżdied il-kontribuzzjoni tal-UE biex jiġi evitat telf globali tal-biodiversità. Il-mandat dinji L-għaxar Konferenza tal-Partijiet (CoP10) fil-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (CBD), li saret f'Nagoya fl-2010, wasslet għall-adozzjoni tal-Pjan Strateġiku dinji għall-bijodiversità 2011-2020[7], il-Protokoll Nagoya dwar Aċċess għar-Riżorsi Ġenetiċi u l-Kondiviżjoni Ġusta u Ekwa tal-Benefiċċji li jirriżultaw mill-Użu tagħhom (Protokoll ABS) [8] u strateġija biex jiġu mmobilizzati r-riżorsi għall-bijodiversità dinjija. L-istrateġija għall-bijodiversità tal-UE 2020 twieġeb għaż-żewġ mandati, u b'hekk tqiegħed l-UE fit-triq it-tajba sabiex tilħaq il-miri tagħha stess għall-bijodiversità u l-impenji li ħadet fuq livell dinji. NAGħTU VALUR LILL-ASSI NATURALI TAGħNA BIEX NIġġENERAW DIVERSI BENEFIċċJI Il-mira tal-bijodiversità tal-UE 2020 tintrifed mill-għarfien tal-fatt li, minbarra l-valur intrinsiku tagħha, il-bijodiversità u s-servizzi li tipprovdi għandhom valur ekonomiku sinifikanti li qajla jiġi sfruttat fis-swieq. Minħabba li ma tingħatax prezz u mhijiex riflessa fil-kontijiet tas-soċjetà, il-bijodiversità spiss tkun vittma ta' dikjarazzjonijiet li jikkompetu ma' xulxin dwar in-natura u l-użu tagħha. Il-proġett internazzjonali sponsorjat mill-Kummissjoni dwar l-Ekonomija tal-Ekosistemi u l-Bijodiversità (TEEB) jirrakomanda li l-valur ekonomiku tal-bijodiversità jiġi inkluż fil-proċess ta' teħid tad-deċiżjonijiet u rifless fis-sistemi tal-kontabilità u r-rappurtar[9]. F'Nagoya, din ir-rakomandazzjoni ġiet inkluża fil-mira dinjija u hija parti mill-bosta azzjonijiet ewlenin ta' din l-istrateġija. Għalkemm l-azzjoni sabiex ikun imwaqqaf it-telf tal-bijodiversità iġġib magħha l-ispejjeż[10], it-telf tal-bijodiversità nnifisha hija spiża għas-soċjetà kollha, b'mod partikolari għall-atturi ekonomiċi fl-oqsma li jiddependu direttament mis-servizzi tal-ekosistemi. Pereżempju, id-dakkir tal-insetti fl-UE għandu valur ekonomiku stmat għal EUR 15-il biljun fis-sena[11]. It-tnaqqis kontinwu ta' naħal u insetti oħra li jdakkru[12] jista' jkollu konsegwenzi serji fuq il-bdiewa Ewropej u s-settur tan-negozju agrikolu[13]. Is-settur privat huwa konxju dejjem iżjed minn dawn ir-riskji. Bosta negozji fl-Ewropa u lil hinn qiegħdin jivverifikaw id-dipendenza tagħhom fuq il-bijodiversità filwaqt li jintegraw il-miri fir-rigward tal-użu tar-riżorsi naturali fl-istrateġiji korporattivi[14]. L-għoti ta' valur lill-potenzjal tan-natura se jikkontribwixxi għal numru ta' għanijiet strateġiċi tal-UE: - Ekonomija aktar effiċjenti fir-riżorsi: L-impronta ekoloġiku tal-UE bħalissa qiegħda d-doppju tal-kapaċità bijoloġika tagħha[15]. L-UE tista' ttejjeb l-effiċjenza tar-riżorsi fl-ekonomija tagħha u tnaqqas id-dipendenza tagħha fuq ir-riżorsi naturali minn barra l-Ewropa billi żżomm u ttejjeb il-bażi ta' riżorsi naturali tagħha u tuża r-riżorsi b'mod sostenibbli. - Ekonomija aktar reżiljenti għall-klima u b'livell baxx tal-emissjonijiet tal-karbonju: Approċċi bbażati fuq l-ekosistema fir-rigward tal-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għlaih jistgħu joffru alternattivi kosteffiċjenti sa soluzzjonijiet teknoloġiċi filwaqt li jipprovdu diversi benefiċċji lil hinn miż-żamma tal-bijodiversità. - Fuq quddiem fir-riċerka u l-innovazzjoni: Il-progress f'bosta xjenzi applikati jiddependi fuq id-disponibbiltà tal-assi naturali fuq perjodu twil ta' żmien u fuq id-diversità tagħhom. Id-diversità ġenetika, pereżempju, hija sors prinċipali ta' innovazzjoni għall-industriji tal-mediċina u tal-kożmetika, filwaqt li l-potenzjal għall-innovazzjoni li għandhom ir-restawr tal-ekosistemi u l-infrastrutturi ekoloġiċi[16] fil-biċċa l-kbira mhuwiex qed jiġi sfruttat. - Ħiliet, impjiegi u opportunitajiet ta' negozju ġodda: L-innovazzjoni bbażata fuq in-natura, flimkien mal-azzjoni għar-restawr tal-ekosistemi u ż-żamma tal-bijodiversità jistgħu joħolqu ħiliet, impjiegi u opportunitajiet ta' negozju ġodda. It-TEEB jistima li l-opportunitajiet għan-negozju dinji li jiġu mill-investimenti fil-bijodiversità jistgħu jilħqu l-valur ta' USD 2 triljuni sa USD 6 triljuni sal-2050. NIBNU FUQ DAK LI DIġÀ NAFU DWAR IL-BIJODIVERSITÀ Sar progress tajjeb fit-titjib tal-għarfien tagħna dwar il-bijodiversità sabiex il-politika tkun sostnuta minn dejta xjentifika u informazzjoni aġġornati. Dan issa jrid isir konformi mal-qafas ta' politika 2020. Il-Kummissjoni se taħdem mal-Istati Membri u l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent sabiex sal-2012 tiżviluppa qafas integrat għall-monitoraġġ, il-valutazzjoni u r-rappurtar dwar il-progress fl-implimentazzjoni tal-istrateġija. L-obbligi ta' monitoraġġ, rappurtar u reviżjoni fuq livelli nazzjonali, tal-UE u wkoll dawk dinjija se jittejbu u jitqabblu kemm jista' jkun mar-rekwiżiti li jaqgħu taħt leġiżlazzjoni ambjentali oħra, bħad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma. Ix-xenarju bażi tal-bijodiversità tal-UE 2010 flimkien mal-indikaturi aġġornati dwar il-bijodiversità fl-UE[17] se jkunu komponenti ewlenin ta' dan il-qafas, li se jitratta wkoll dejta u informazzjoni oħra, bħal dik prodotta mis-Sistema dwar l-Informazzjoni Ambjentali Kondiviża u mill-Monitoraġġ Dinji tal-Ambjent u s-Sigurtà, miċ-Ċentru ta' Dejta dwar il-Foresti Ewropej u mil-LUCAS (Land Use Cover Area Frame Survey). Il-portal tal-internet tas-Sistema Ewropea ta' Informazzjoni dwar il-Bijodiversità (BISE) se jkun il-pjattaforma prinċipali għall-kondiviżjoni tad-dejta u l-informazzjoni. Din l-istrateġija tinkludi azzjoni speċifika li ttejjeb il-monitoraġġ u r-rappurtar. L-integrazzjoni tal-monitoraġġ u r-rappurtar dwar il-bijodiversità fil-leġiżlazzjoni tal-UE dwar in-natura, il-Politika Agrikola Komuni (PAK), il-Politika Komuni tas-Sajd (PKS) u, safejn ikun vjabbli, il-Politika tal-Koeżjoni, għandhom jgħinu fl-evalwar tal-impatti ta' dawn il-politiki fuq il-bijodiversità. Il-Kummissjoni se tkompli xogħolha biex timla l-lakuni ewlenin li hemm fir-riċerka, inkluż dawk li hemm fir-rigward tat-tfassil u l-valutazzjoni tal-benefiċċji li tista' tipprovdi l-ekosistema fl-Ewropa u li se jgħinu fit-titjib tal-għarfien tagħna dwar ir-rabtiet li hemm bejn il-bijodiversità u t-tibdil fil-klima, flimkien mar-rwol li għandha l-bijodiversità tal-ħamrija fl-għoti tal-benefiċċji ewlenin li jistgħu jipprovdu l-ekosistemi, bħall-qbid tal-karbonju u l-provvista tal-ikel. Il-finanzjament tar-riċerka skont il-Qafas Strateġiku Komuni l-ġdid jista' jikkontribwixxi aktar sabiex jimla dawn l-ispazji vojta identifikati fl-għarfien tagħna u jsostni l-politika. Fl-aħħar nett, l-UE se tibqa' involuta mill-qrib filwaqt li tagħti kontribuzzjoni attiva fil-pjattaforma ġdida intergovernattiva għall-politika tax-xjenza dwar il-Bijodiversità u s-Servizzi Ekosistemiċi (IPBES), b'mod partikolari fix-xogħol dwar il-valutazzjonijiet reġjonali, li għalih jista' jkun jinħtieġ mekkaniżmu fuq livell tal-UE li jsaħħaħ l-interfaċċja tal-politika tax-xjenza. QAFAS GĦALL-AZZJONI GĦALL-GĦAXAR SNIN LI ĠEJJIN L-istrateġija għall-bijodiversità 2020 tinkludi sitt miri li jagħtu appoġġ lil xulxin u li huma interdipendenti, liema miri jwieġbu għall-għanijiet tal-mira ewlenija tal-2020. Huma se jgħinu wkoll biex jieqaf it-telf tal-bijodiversità u d-degradazzjoni tas-servizzi tal-ekosistemi, filwaqt li kull wieħed ifittex li jindirizza kwistjoni speċifika: il-protezzjoni u r-restawr tal-bijodiversità u servizzi relatati tal-ekosistema (miri 1 u 2), it-titjib tal-kontribuzzjoni pożittiva tal-agrikoltura u l-forestrija u t-tnaqqis ta' pressjonijiet ewlenin fuq il-bijodiversità fl-UE (miri 3, 4 u 5) u ż-żieda tal-kontribuzzjoni tal-UE għall-bijodiversità dinjija (mira 6). Kull mira tinqasam f’pakkett ta' azzjonijiet imfassla sabiex iwieġbu għall-isfidi speċifiċi indirizzati mill-mira. L-azzjonijiet speċifiċi huma stipulati fl-Anness għal din il-Komunikazzjoni, u se jkunu soġġetti għal iktar valutazzjonijiet tal-impatt fejn ikun meħtieġ[18]. IL-ħARSIEN U R-RESTAWR TAN-NATURA L-implimentazzjoni sħiħa tad-Direttiva dwar l-Għasafar u d-Direttiva dwar il-Ħabitats (jiġifieri li jintlaħaq stat tajjeb ta' konservazzjoni tal-ħabitats u l-ispeċi li huma importanti fuq il-livell Ewropew u wkoll li jkun hemm popolazzjonijiet suffiċjenti ta' speċi ta' għasafar selvaġġi naturali) hija kritika biex jiġi evitat aktar telf u biex tiġi rrestawarata l-bijodiversità fl-UE. Mira li tkun marbuta bil-ħin u kkwantifikata taċċellera l-implimentazzjoni tad-Direttivi u t-twettiq tal-għanijiet stabbiliti fihom. Mira 1 It-twaqqif tad-deterjorament fl-istat tal-ispeċijiet u l-ħabitats kollha koperti mil-leġiżlazzjoni tal-UE dwar in-natura, u t-titjib sinifikanti u li jista' jiġi kkalkulat fl-istat tagħhom sabiex, sal-2020, imqabbel mal-valutazzjonijiet ta' bħalissa: (i) ikun hemm żieda ta' 100 % fil-valutazzjonijiet tal-ħabitats u żieda ta' 50 % fil-valutazzjoni tal-ispeċijiet skont id-Direttiva dwar il-Ħabitats li juru titjib fl-istati ta' konservazzjoni; u (ii) ikun hemm żieda ta' 50 % fil-valutazzjoni tal-ispeċijiet skont id-Direttiva dwar l-Għasafar li juru stat aktar sikur jew imtejjeb. Iż-żAMMA U T-TITJIB TAL-EKOSISTEMI U TAS-SERVIZZI TAGħHOM Fl-UE, bosta ekosistemi u s-servizzi tagħhom ġew iddegradati u dan l-aktar minħabba l-frammentazzjoni tal-art. Kważi 30 % tat-territorju tal-UE huwa moderatament frammentat jew frammentat ħafna. Il-mira 2 tiffoka fuq iż-żamma u t-titjib fis-servizzi tal-ekosistemi u r-restawr ta' ekosistemi ddegradati permezz tal-inklużjoni ta' infrastruttura ekoloġika waqt l-ippjanar tal-ispazji. Dan se jikkontribwixxi għall-għanijiet ta' tkabbir sostenibbli li għandha l-UE[19] u għall-mitigazzjoni u l-adattament għat-tibdil fil-klima, filwaqt li ssir promozzjoni tal-koeżjoni ekonomika, territorjali u soċjali u tal-ħarsien tal-wirt kulturali tal-UE. Se jiżgura wkoll konnettività funzjonali aħjar bejn l-ekosistemi fiż-żoni tan-Natura 2000 u bejniethom u fil-kampanja b'mod ġenerali. Mira 2 tinvolvi l-mira dinjija li sar qbil dwarha mill-Istati Membri tal-UE u l-UE fin-Nagoya sabiex 15 % tal-ekosistemi degradati jiġu rrestawrati sal-2020. Mira 2 Sal-2020, l-ekosistemi u s-servizzi tagħhom għandhom jinżammu u jitjiebu billi tiġi stabbilita infrastruttura ekoloġika u billi jiġu restawrati mill-inqas 15 % tal-ekosistemi degradati. TIġI żGURATA S-SOSTENIBBILTÀ TAL-AGRIKOLTURA, IL-FORESTRIJA U S-SAJD L-UE diġà għamlet sforzi biex tintegra l-bijodiversità fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' politiki oħrajn. Madankollu, minħabba l-benefiċċji li jġibu magħhom il-bijodiversità u s-servizzi tal-ekosistemi f'bosta oqsma, dawn l-isforzi għadhom mhux biżżejjed. Din l-istrateġija tfittex li tttejjeb l-integrazzjoni f'setturi ewlenin, b'mod partikolari permezz ta' miri u azzjoni li jtejbu l-kontribuzzjoni pożittiva li jagħtu l-oqsma tal-agrikoltura, il-forestrija u s-sajd lill-ħarsien tal-bijodiversità u l-użu sostenibbli[20]. Fir-rigward tal-agrikoltura, strumenti eżistenti li jaqgħu taħt il-PAK se jkunu qed jikkontribwixxu għal din il-mira kif ukoll għall-Miri 1 u 2. Ir-riforma li ġejja tal-PAK u l-PKS kif ukoll il-Qafas Finanzjarju Multiannwali ġdid jippreżentaw opportunitajiet għal titjib fis-sinerġiji u għat-tkabbir tal-koerenza bejn l-għanijiet għall-ħarsien tal-bijodiversità u l-għanijiet ta' dawn il-politiki u ta' oħrajn. Mira 3* A) L-agrikoltura: Sal-2020, għandhom jitkattru kemm jista' jkun iż-żoni agrikoli f'mergħat, art li tista' tinħadem u għelejjel permanenti, li jkunu kopruti minn miżuri relatati mal-bijodiversità fil-qafas tal-PAK, bil-għan li tiġi żgurata l-konservazzjoni tal-bijodiversità u li jsir titjib li jista' jitkejjel (*) fl-istatus ta´ konservazzjoni tal-ispeċijiet u tal-ħabitats li jiddependu jew ikunu milquta mill-agrikoltura, kif ukoll titjib fl-għoti ta' servizzi ekosistemiċi, imqabbel max-xenarju bażi EU2010, u b'hekk isir kontribut lejn it-titjib tal-ġestjoni sostenibbli. B) Il-foresti: L-implimentazzjoni sal-2020 ta’ Pjanijiet ta’ Ġestjoni tal-Foresti jew ta’ strumenti ekwivalenti, skont il-Ġestjoni Sostenibbli tal-Foresti (ĠSF)[21], għall-foresti kollha ta’ proprjetà pubblika kif ukoll il-foresti li jisbqu ċertu daqs** (kif għandu jiġi ddefinit mill-Istati Membri jew mir-reġjuni, u kkomunikat fil-Programmi ta’ Żvilupp Rurali tagħhom), li jirċievi fondi fil-qafas tal-Politika tal-UE għall-Iżvilupp Rurali, bil-għan li jsir titjib li jista' jitkejjel (*) fl-istatus ta' konservazzjoni tal-ispeċijiet u tal-ħabitats li jiddependu jew jintlaqtu mill-forestrija, kif ukoll titjib fl-għoti ta’ servizzi marbutin mal-ekosistema, imqabbel max-xenarju bażi EU2010. (*) Għaż-żewġ miri, it-titjib għandu jitkejjel skont il-miri kkwantifikati ta' titjib għall-istatus ta' konservazzjoni tal-ispeċijiet u tal-ħabitats ta' interess għall-UE, stipulati fil-Mira 1, kif ukoll għar-restawr ta' ekosistemi degradati skont il-Mira 2. (**) Għal proprjetajiet ta' foresti iżgħar, l-Istati Membri jistgħu joffru inċentivi addizzjonali biex iħeġġu l-adozzjoni tal Pjanijiet ta' Ġestjoni jew strumenti ekwivalenti bi qbil mal-ĠSF. Mira 4: Is-Sajd: Li jintlaħaq l-ogħla rendiment sostenibbli (MSY)[22] sal-2015. Li tintlaħaq distribuzzjoni tal-popolazzjoni fuq il-bażi tal-età u tad-daqs li tkun xhieda ta' stokk b'saħħtu, u dan permezz ta' ġestjoni tas-sajd li ma tħallix impatti negattivi sinifikanti fuq stokkijiet, speċi u ekosistemi oħrajn, biex b'hekk tgħin sabiex sal-2020 jintlaħaq Stat Ambjentali Tajjeb, hekk kif meħtieġ skont id-Direttiva ta' Qafas dwar l-Istrateġija Marittima. IL-ġLIEDA KONTRA SPEċIJIET EżOTIċI INVAżIVI L-ispeċijiet eżotiċi invażivi (IAS) huma ta' theddida sinifikanti għall-bijodiversità fl-UE u huwa probabbli li din it-theddida tiżdied fil-futur sakemm ma titteħidx azzjoni soda fil-livelli kollha biex jiġu kkontrollati l-introduzzjoni u l-istabbilment ta' dawn l-ispeċi u jkunu indirizzati dawk li diġà ġew introdotti[23]. Kull sena, l-IAS jikkawżaw madwar EUR 12.5 biljun f'dannu fl-UE. Għalkemm l-isfidi li jippreżentaw l-IAS huma komuni għal bosta Stati Membri, bl-eċċezzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar l-użu ta' speċi eżotiċi jew li ma jeżistux lokalment fl-akkwakultura, bħalissa ma hemm l-ebda politika tal-UE apposta u komprensiva biex tindirizza dawn l-isfidi. L-istrateġija tipproponi li dan in-nuqqas jimtela bi strument leġiżlattiv apposta tal-UE li jindirizza sfidi kbar fir-rigward ta', fost oħrajn, mogħdijiet tal-IAS, detezzjoni bikrija u rispons, trażżin u ġestjoni tal-IAS. Mira 5: Sal-2020, l-Ispeċi Eżotiċi Invażivi u l-mogħdijiet tagħhom għandhom jiġu identifikati u mogħtija prijorità, speċi prijoritarji għandhom jiġu kkontrollati jew imneħħija, u l-mogħdijiet għandhom ikunu ġestiti b'mod li jimpedixxu l-introduzzjoni u l-istabbiliment ta' IAS ġodda. L-INDIRIZZAR TAL-KRIżI DINJIJA TAL-BIJODIVERSITÀ L-UE ntrabtet li tilħaq il-miri u l-għanijiet internazzjonali tal-bijodiversità għall-2020, mifthiema fil-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika. Dan jirrikjedi teħid ta' azzjoni fl-UE, iżda wkoll f'livell dinji billi l-UE tgawdi minn benefiċċji sinifikanti tal-bijodiversità dinjija u fl-istess ħin hija responsabbli għal xi telf u degradazzjoni li jseħħu lil hinn mill-fruntieri tagħha, l-aktar minħabba l-mudelli insostenibbli tal-konsum tagħha. Permezz ta' din l-istrateġija, sforzi mmirati se jippruvaw inaqqsu l-pressjoni fuq il-bijodiversità li ġejja mill-UE filwaqt li jagħtu l-kontribuzzjoni tagħhom biex l-ekonomija ssir aktar ekoloġika, f'konformità mal-prijoritajiet tal-UE għall-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Iżvilupp Sostenibbli tal-2012. Jekk trid tkompli tkun fuq quddiem fil-politika internazzjonali dwar il-bijodiversità, l-UE se jkollha bżonn twettaq l-impenji speċifiċi li ħadet fis-COP10 fir-rigward tal-mobilizzazzjoni tar-riżorsi u timplimenta l-Protokoll ta' Nagoya dwar l-ABS. Mira 6: Sal-2020, l-UE għandha żżid il-kontribuzzjoni tagħha biex tnaqqas it-telf tal-bijodiversità fuq livell dinji. KONTRIBUZZJONIJIET MINN POLITIKI U INIZJATTIVI AMBJENTALI OħRAJN Filwaqt li din l-istrateġija sservi bħala l-mutur prinċipali li bih l-azzjoni tal-UE tindirizza t-telf tal-bijodiversità u tiffoka l-azzjoni fejn l-UE għandu l-aktar valur miżjud u qawwa, l-ilħiq tal-mira għall-2020 se jkun jeħtieġ implimentazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni ambjentali eżistenti tal-UE, kif ukoll azzjoni fuq livell nazzjonali, reġjonali u lokali. Bosta inizjattivi ta' politika eżistenti jew ippjanati se jappoġġaw l-għanijiet tal-bijodiversità. Pereżempju, it-tibdil fil-klima, li joħloq pressjoni sinifikanti u dejjem tikber fuq il-bijodiversità u li se jbiddel il-ħabitats u l-ekosistemi, huwa indirizzat permezz ta' pakkett ta' politika komprensiv tal-UE adottat fl-2009. Se jkun essenzjali li tintlaħaq il-mira taż-2 gradi fir-rigward tat-tisħin tal-atmosfera sabiex ma jiġi impedit itelf tal-bijodiversità. Il-Kummissjoni tippjana li tippreżenta strateġija tal-UE dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima sal-2013. L-UE għandha leġiżlazzjoni sostanzjali li teħtieġ il-kisba ta' stat ekoloġiku tajjeb għall-ilma sal-2015[24] u għall-ekosistemi marittimi sal-2020[25], u li tindirizza t-tniġġis minn diversi sorsi filwaqt li tirregola s-sustanzi kimiċi u l-effetti tagħhom fuq l-ambjent. Il-Kummissjoni qed tqis hijiex meħtieġa azzjoni addizzjonali li permezz tagħha jiġi indirizzat it-tniġġis min-nitroġenu u l-fosfati u ċerta sustanzi li jniġġsu l-arja , filwaqt li l-Istati Membri qed jikkunsidraw proposta tal-Kummissjoni għal direttiva ta' qafas li tipproteġi l-ħamrija u li hija meħtieġa biex tippermetti li l-UE tilħaq l-għanijiet tal-bijodiversità. Fl-aħħar nett, il-muturi indiretti li jwasslu għat-telf fil-bijodiversità huma parzjalment indirizzati permezz ta' din l-istrateġija, inkluż permezz ta' azzjoni biex titnaqqas l-impronta ekoloġika tal-UE, u parzjalment permezz ta' inizjattivi oħra bħala parti mill-inizjattiva ewlenija "Ewropa effiċjenti fir-riżorsi". AĦNA LKOLL PARTI MINNHA SħUBIJIET GħALL-BIJODIVERSITÀ Il-ksib tal-miri tal-bijodiversità tal-UE u dawk dinjija għall-2020 jeħtieġu ingaġġ u impenn sħiħ min-naħa ta’ varjetà kbira ta’ partijiet interessati. Sabiex dan jiġi żgurat, se jiġu estiżi u mħeġġa numru ta’ sħubijiet ewlenin bħala appoġġ għal din l-istrateġija: - Il-Kummissjoni stabilixxiet Pjattaforma tan-Negozju u l-Bijodiversità tal-UE , li bħalissa qed iġġib flimkien negozji minn sitt setturi differenti (agrikoltura, industriji estrattivi, finanzi, provvista tal-ikel, forestrija u turiżmu) sabiex jaqsmu bejniethom l-esperjenzi tagħhom flimkien mal-aħjar prattiki. Il-Kummissjoni se tkompli tiżviluppa l-Pjattaforma sabiex tħeġġeġ kooperazzjoni akbar bejn in-negozji fl-Ewropa, inkluż l-SMEs, u rabtiet mal-inizjattivi nazzjonali u dinjija. - Il-Kummissjoni se tkompli taħdem ma’ sħab oħrajn sabiex tippubbliċizza u timplimenta r-rakomandazzjonijiet tat-TEEB fuq il-livell tal-UE u tappoġġa x-xogħol li jitratta l-għoti ta’ valur lill-bijodiversità u s-servizzi tal-ekosistemi f’pajjiżi li qiegħdin jiżviluppaw. - Il-Kummissjoni se tkompli tħeġġeġ aktar il-kollaborazzjoni bejn ir-riċerkaturi u l-partijiet interessati oħrajn li huma involuti fl-ippjanar tal-ispazju u l-ġestjoni tal-użu tal-art fl-implimentazzjoni tal-istrateġiji tal-bijodiversità fil-livelli kollha, u b'hekk tiżgura konsistenza mar-rakomandazzjonijiet rilevanti stabbiliti fl-Aġenda Territorjali Ewropea. - Is-sehem attiv tas- soċjetà ċivili se jkun imħeġġeġ fil-livelli kollha ta' implimentazzjoni. Pereżempju, l-inizjattivi fir-rigward tax-xjenza taċ-ċittadini, huma mezz ta’ valur li permezz tiegħu tinġabar dejta ta' kwalità għolja filwaqt li jimmobilizzaw liċ-ċittadini lejn is-sehem f'attivitajiet ta' konservazzjoni tal-bijodiversità. - Permezz tal-inizjattiva BEST (Bijodiversità u Servizzi tal-Ekosistema f'Territorji 'il barra mill-Ewropa) il-Kummissjoni u l-Istati Membri se jaħdmu mal- aktar reġjuni mbiegħda u mal- pajjiżi u territorji lil hinn mill-Unjoni, li fihom wieħed isib aktar speċi endemiċi milli fil-kontinent Ewropew kollu, biex iħeġġu l-konservazzjoni tal-bijodiversità u l-użu sostenibbli. - L-UE se tappoġġa wkoll l-isforzi kontinwi li qed isiru għat-titjib fil-kollaborazzjoni, sinerġiji u l-iffissar ta’ prijoritajiet komuni bejn il-Konvenzjonijiet relatati mal-bijodiversità (CBD, CITES, Konvenzjoni dwar l-Ispeċi Migratorji, Konvenzjoni Ramsar dwar l-Art Mistagħdra u l-Konvenzjoni Dinjija dwar il-Wirt). L-UE se tħeġġeġ ukoll kooperazzjoni mtejba bejn is-CBD, il-Konvenzjoni dwar it-Tibdil fil-Klima u dik dwar id-Deżertifikazzjoni sabiex minn dawn joħorġu benefiċċji reċiproċi. - L-UE se ssaħħaħ id-djalogu u l-kooperazzjoni tagħha dwar il-bijodiversità ma’ sħab ewlenin , partikularment ma' pajjiżi kandidati u pajjiżi kandidati potenzjali, biex dawn jiżviluppaw u jaġġustaw il-politiki tagħhom b’mod li jilħqu l-miri tal-bijodiversità għall-2020. Il-pajjiżi kandidati u l-kandidati potenzjali huma mistiedna jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-istrateġija u jibdew jiżviluppaw jew jaġġustaw il-politiki tagħhom lejn l-għan tal-ksib tal-miri tal-2020 tal-UE u globali dwar il-bijodiversità. Dawn is-sħubijiet jgħinu sabiex jiżdied l-għarfien dwar il-bijodiversità, liema għarfien għadu baxx fl-UE[26]. Il-Kampanja tal-Kummissjoni għall-2010 ‘Bijodiversità: Aħna lkoll parti minnha’ se tkun segwita minn kampanja speċifika li tiffoka fuq in-netwerk Natura 2000. NIMMOBILIZZAW IR-RIżORSI BIEX NAPPOġġAW IL-BIJODIVERSITÀ U S-SERVIZZI TAL-EKOSISTEMA Il-ksib tal-għanijiet ta’ din l-istrateġija u l-iżgurar tal-fatt li l-UE tilħaq l-impenji tagħha fuq livell dinji fir-rigward tal-bijodiversità jiddependi fuq id-disponibbiltà u l-użu effiċjenti tar-riżorsi finanzjarji. Fil-perjodu kurrenti tal-ipprogrammar u mingħajr ma jiġi antiċipat l-eżitu tan-negozjati dwar il-Qafas Finanzjarju Multiannwali li jmiss, il-Kummissjoni u l-Istati Membri se jaħdmu biex: - jiżguraw l-użu u d-distribuzzjoni aħjar tal-fondi eżistenti għall-bijodiversità. Skont il-perjodu kurrenti tal-ipprogrammar , EUR 105 biljun mill-Politika ta' Koeżjoni mistennija jintużaw għal attivitajiet relatati mal-ambjent u l-klima, inkluż il-protezzjoni tal-bijodiversità u tan-natura[27]. Madankollu, l-użu tal-fondi għall-bijodiversità huwa anqas minn dak għal kategoriji oħra ta’ nfiq[28]. - jirrazzjonalizzaw ir-riżorsi disponibbli u jimmassimizzaw il-kobenefiċċji ta’ diversi sorsi ta’ finanzjament , inkluż finanzjament għall-agrikoltura u żvilupp rurali, sajd, politika reġjonali u tibdil fil-klima. Fil-fatt, l-investiment fil-bijodiversità jista’ jħalli l-frott tiegħu b’iżjed minn mod wieħed u joffri tweġiba kosteffiċjenti għall-kriżi tat-tibdil tal-klima. L-inklużjoni tal-għanijiet tal-bijodiversità għandha titqies bħala parti mill-Qafas Strateġiku Komuni li qed jiġi kkunsidrat mill-Kummissjoni sabiex tingħata prijorità lill-finanzjament skont il-ħames strumenti ta' finanzjament li jaqgħu taħt il-politiki rurali, reġjonali, soċjali u tas-sajd. - jiddiversifikaw u jżidu diversi sorsi ta’ finanzjament. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri se jħeġġu l-iżvilupp u l-użu ta’ mekkaniżmi innovattivi ta’ finanzjament, inkluż l-istrumenti bbażati fuq is-suq. Ħlasijiet għall-iskemi tas-Servizzi tal-Ekosistemi għandhom jippremjaw lil dawk il-prodotti pubbliċi u privati minn ekosistemi agrikoli, tal-foresti u marittimi. Se jiġu pprovduti inċentivi li jiġbdu aktar lejhom investiment mis-settur privat fl-infrastruttura ekoloġika hekk kif il-potenzjal ta’ kumpens tal-bijodiversità se jiġu investigati bħala mod biex jinkiseb approċċ ta' “l-ebda telf nett”. Il-Kummissjoni u l-Bank Ewropew tal-Investiment qegħdin jesploraw l-ambitu għall-użu ta’ strumenti finanzjarji innovattivi għall-isfidi tal-bijodiversità, inkluż permezz ta' Sħubijiet bejn il-Pubbliku u l-Privat, kif ukoll it-twaqqif possibbli ta' faċilità għall-finanzjament marbut mal-bijodiversità. Żewġ rekwiżiti ta’ finanzjament jispikkaw b’mod partikolari. L-ewwel wieħed huwa dwar il-bżonn għall-finanzjament xieraq sabiex jiġi implimentat b’mod sħiħ in-Netwerk Natura 2000, fejn il-finanzjament tal-Istat Membru għandu jkun l-istess bħal finanzjament mill-UE[29]. (ikkalkolat għal total ta’ madwar EUR 5.8 biljun fis-sena). Dan jista’ jitlob li l-Istati Membri jiżviluppaw ippjanar multiannwali għal Natura 2000, li hu konsistenti mal-oqsfa ta’ azzjoni prijorizzata mitluba skont id-Direttiva dwar il-Ħabitats. It-tieni jwieġeb għall-impenn tas-CoP10 li r-riżorsi finanzjarji jiżdiedu b’mod sostanzjali mis-sorsi kollha biex issir implimentazzjoni effettiva tal-eżiti ta' Nagoya. Diskussjonijiet dwar il-miri ta’ finanzjament fis-CoP-11 għandhom jirrikonoxxu l-bżonn taż-żieda fil-finanzjament pubbliku, iżda wkoll il-potenzjal ta' mekkaniżmi finanzjarji innovattivi. Il-flussi finanzjarji (riżorsi proprji u sorsi innovattivi) li huma meħtieġa sabiex jintlaħqu l-bżonnijiet identifikati għandhom ikunu stabbiliti fl-istrateġiji u l-pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali dwar il-bijodiversità. Dawn l-impenji jistgħu jitwettqu b’mod dirett permezz ta’ finanzjament addizzjonali apposta għall-bijodiversità u b’mod indirett permezz tal-iżgurar tas-sinerġiji ma’ sorsi ta’ finanzjament rilevanti oħrajn, bħall-finanzjament tal-klima (eż. Dħul mill-ETS, REDD+) u sorsi innovattivi ta' finanzjament oħrajn, bħal fondi ġġenerati permezz tal-Protokoll ta' Nagoya dwar l-ABS. Ir-riforma ta' sussidji li jagħmlu l-ħsara, f'konformità mal-Istrateġija 2020 u l-mira dinjija tas-CBD, se tkun ukoll ta' benefiċċju għall-bijodiversità. STRATEġIJA TA’ IMPLIMENTAZZJONI KOMUNI GħALL-UE Jinħtieġ li l-miri kondiviżi bejn l-UE u s-CBD ikunu segwiti permezz ta’ taħlita ta’ azzjonijiet fuq livelli subnazzjonali, nazzjonali u dak tal-UE. Għaldaqstant se tkun meħtieġa koordinazzjoni mill-qrib sabiex jiġi traċċat il-progress li jsir lejn il-ksib tal-miri, inkluż dawk indirizzati permezz ta’ miżuri ta’ politika 'l barra mill-ambitu ta’ din l-istrateġija, u biex tiġi żgurata l-konsistenza bejn l-azzjoni tal-UE u tal-Istat Membru. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri, se taħdem biex tiżviluppa qafas komuni ta’ implimentazzjoni li jinvolvi wkoll atturi, setturi u istituzzjonijiet ewlenin oħrajn u wkoll ibbażat fuq l-aħjar prattika, u li tistabbilixxi r-rwoli u r-responsabbiltajiet ta’ kull wieħed minnhom biex is-suċċess ikun żgurat. Il-Kummissjoni se tappoġġa u tikkumplimenta l-isforzi tal-Istati Membri billi ssaħħaħ l-leġiżlazzjoni ambjentali, timla l-ispazji vojta li hemm fil-politika billi tipproponi inizjattivi ġodda, tipprovdi linji gwida, finanzjament, u tieħu ħsieb ir-riċerka u l-kondiviżjoni tal-aħjar prattika. SEGWITU Din l-istrateġija tipprovdi qafas ta’ azzjoni li jippermetti li l-UE tilħaq il-mira tagħha għall-bijodiversità għall-2020 u tqiegħdha fit-triq it-tajba biex tikseb il-viżjoni għall-2050. Se tkun suġġetta għal reviżjoni ta’ nofs it-terminu fil-bidu tal-2014, biex b'hekk ir-riżultati jkunu jistgħu jintużaw fit-tħejjijiet tal-ħames Rapport Nazzjonali tal-UE hekk kif mitlub skont is-CBD. Il-miri u l-miżuri se jiġu kkunsidrati mill-ġdid hekk kif informazzjoni ġdida se ssir disponibbli u jsir progress fuq l-għanijiet stabbiliti fl-istrateġija. Minħabba li ħafna mill-azzjonijiet li ttieħdu llum għall-ħarsien tal-bijodiversità u għat-titjib tal-assi naturali tagħna se jieħdu fit-tul biex iġibu magħhom titjib reali, hemm bżonn li l-implimentazzjoni ta’ din l-istrateġija tibda issa biex l-UE tkun tista’ tilħaq il-mira prinċipali tagħha għall-2020. Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jappoġġaw il-miri u l-azzjonijiet stabbiliti fl-Anness. ANNESS MIRA 1: L-IMPLIMENTAZZJONI SħIħA TAD-DIRETTIVA DWAR L-GħASAFAR U D-DIRETTIVA DWAR IL-ĦABITATS It-twaqqif tad-deterjorament fl-istat tal-ispeċijiet u l-ħabitats kollha koperti mil-leġiżlazzjoni tal-UE dwar in-natura, u t-titjib sinifikanti u li jista' jitkejjel tal-istatus tagħhom sabiex, sal-2020, imqabbel mal-valutazzjonijiet ta' bħalissa: (i) issir żieda ta' 100 % fil-valutazzjonijiet tal-ħabitats u żieda ta' 50 % fil-valutazzjoni tal-ispeċijiet skont id-Direttiva dwar il-Ħabitats li juru titjib fl-istatus ta' konservazzjoni; u (ii) issir żieda ta' 50 % fil-valutazzjonijiet tal-ispeċijiet skont id-Direttiva dwar l-Għasafar li juru stat aktar sikur jew imtejjeb. Azzjoni 1: Tlestija tal-istabbilment tan-netwerk Natura 2000 u l-garanzija ta' ġestjoni tajba 1a) L-Istati Membri u l-Kummissjoni se jiggarantixxu li l-fażi biex tiġi stabbilita Natura 2000, inkluż fl-ambjent marittimu, se tkun kompluta fil-maġġoranza tagħha sal-2012. 1b) L-Istati Membri u l-Kummissjoni se jkomplu jintegraw il-protezzjoni tal-ispeċi u tal-ħabitats u r-rekwiżiti ta’ ġestjoni f’politiki ewlenin dwar l-art u l-użu tal-ilma, it-tnejn li huma fiż-żoni tan-Natura 2000 u lil hinn minnhom. 1c) L-Istati Membri se jiżguraw li l-pjanijiet ta’ ġestjoni jew strumenti ekwivalenti li jistabbilixxu l-miżuri ta' konservazzjoni u restawr jiġu żviluppati u implimentati f'waqthom għas-siti kollha tan-Natura 2000. 1d) Il-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri, sal-2012 se tistabbilixxi proċess biex tħeġġeġ il-kondiviżjoni tal-esperjenzi, prattika tajba u kollaborazzjoni transkonfinali fil-ġestjoni tan-Natura 2000, fl-oqsfa bijoġeografiċi stabbiliti fid-Direttiva dwar l-Abitati. Azzjoni 2: Garanzija ta’ finanzjament xieraq għas-siti tan-Natura 2000 2) Il-Kummissjoni u l-Istati Membri se jipprovdu l-fondi u l-inċentivi meħtieġa għal Natura 2000, fosthom permezz ta’ strumenti ta’ finanzjament tal-UE, skont il-qafas finanzjarju multiannwali li jmiss. Il-Kummissjoni se tippreżenta l-fehmiet tagħha fl-2011 dwar il-mod li bih Natura 2000 se tkun iffinanzjata skont il-qafas finanzjarju multiannwali li jmiss. Azzjoni 3: Żieda tal-għarfien u s-sehem tal-parti interessata u titjib fl-infurzar 3a) Il-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri, se tiżviluppa u tvara kampanja ta’ komunikazzjoni importanti ħafna dwar Natura 2000 sal-2013. 3b) Il-Kummissjoni u l-Istati Membri se jtejbu l-kooperazzjoni ma’ setturi prinċipali u se jkomplu jiżviluppaw dokumenti ta’ gwida biex itejbu l-fehim tar-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni dwar in-natura tal-UE u l-valur li għandha fil-promozzjoni tal-iżvilupp ekonomiku. 3c) Il-Kummissjoni u l-Istati Membri se jiffaċilitaw l-infurzar tad-direttivi dwar in-natura billi jipprovdu programmi ta’ taħriġ speċifiċi dwar Natura 2000 għall-imħallfin u l-prosekuturi pubbliċi, u billi jiżviluppaw kapaċitajiet aħjar għal promozzjoni tal-konformità. Azzjoni 4: It-titjib u s-simplifikazzjoni tal-monitoraġġ u r-rappurtar 4a) Il-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri, sal-2012 se tiżviluppa sistema ta' rappurtar ġdida tal-UE dwar l-għasafar, tiżviluppa aktar is-sistema ta’ rappurtar skont l-Artikolu 17 tad-Direttiva dwar il-Ħabitats u ttejjeb ir-ritmu, l-aċċessibilità u r-rilevanza tad-dejta tan-netwerk Natura 2000. 4b) Il-Kummissjoni se toħloq għodda tal-ICT apposta bħala parti mis-Sistema ta’ Informazzjoni għall-Ewropa dwar il-Bijodiversità sabiex ittejjeb id-disponibbiltà u l-użu tad-dejta sal-2012. MIRA 2: Iż-żAMMA U T-TITJIB TAL-EKOSISTEMI U TAS-SERVIZZI TAGħHOM Sal-2020, l-ekosistemi u s-servizzi tagħhom jinżammu u jitjiebu billi tiġi stabbilita infrastruttura ekoloġika u billi jiġu rrestawrati mill-inqas 15 % tal-ekosistemi degradati. Azzjoni 5: Titjib fl-għerf fir-rigward tal-ekosistemi u s-servizzi tagħhom fl-UE 5) L-Istati Membri, bl-għajnuna tal-Kummissjoni, se jfasslu u jivvalutaw l-istat tal-ekosistemi u s-servizzi tagħhom fit-territorju nazzjonali tagħhom sal-2014, jivvalutaw il-valur ekonomiku ta’ servizzi bħal dawn u jippromwovu l-integrazzjoni ta’ dawn il-valuri fil-kontabbiltà u s-sistema ta’ rappurtar fuq livell tal-UE u dak nazzjonali sal-2020. Azzjoni 6: Iffissar ta' prijoritajiet sabiex ikun hemm mill-ġdid tħeġġiġ tal-użu tal-infrastruttura ekoloġika 6a) Sal-2014, l-Istati Membri, bl-għajnuna tal-Kummissjoni, se jiżviluppaw qafas strateġiku li jiffissa l-prijoritajiet għar-restawr tal-ekosistema fuq livell subnazzjonali, nazzjonali u dak tal-UE. 6b) Il-Kummissjoni se tiżviluppa Strateġija għall-Infrastruttura Ekoloġika sal-2012 sabiex tħeġġeġ l-użu tal-infrastruttura ekoloġika fl-UE f'żoni urbani u rurali, dan ukoll permezz ta' inċentivi li jħeġġu investimenti bil-quddiem fil-proġetti tal-infrastruttura ekoloġika u ż-żamma tas-servizzi tal-ekosistemi, pereżempju permezz ta' użu aħjar u iktar immirat tal-finanzjamenti u l-Isħubijiet bejn il-Pubbliku u l-Privat. Azzjoni 7: Garanzija tal-ebda telf nett tal-bijodiversità u s-servizzi tal-ekosistemi 7a) B’kollaborazzjoni mal-Istati Membri, il-Kummissjoni se tiżviluppa, sal-2014, metodoloġija għall-valutazzjoni tal-impatt ta’ proġetti, pjanijiet u programmi marbutin mal-bijodiversità ffinanzjati mill-UE. 7b) Il-Kummissjoni se twettaq aktar xogħol bil-għan li sal-2015 tipproponi inizjattiva li permezz tagħha tiggarantixxi li ma jkunx hemm telf nett tal-ekosistemi u tas-servizzi tagħhom (eż. permezz ta' kumpens jew skemi ta' tpaċija). MIRA 3: ŻIEDA TAL-KONTRIBUZZJONI TAL-AGRIKOLTURA U L-FORESTRIJA GħAż-żAMMA U T-TITJIB TAL-BIJODIVERSITÀ 3A) L-agrikoltura: Sal-2020, għandhom jitkattru kemm jista' jkun iż-żoni agrikoli f'mergħat, art li tista' tinħadem u għelejjel permanenti, li jkunu kopruti minn miżuri relatati mal-bijodiversità fil-qafas tal-PAK, bil-għan li tiġi żgurata l-konservazzjoni tal-bijodiversità u li jsir titjib li jista' jitkejjel (*) fl-istatus ta´ konservazzjoni tal-ispeċijiet u tal-ħabitats li jiddependu jew ikunu milquta mill-agrikoltura, kif ukoll titjib fl-għoti ta' servizzi ekosistemiċi, imqabbel max-xenarju bażi EU2010, u b'hekk isir kontribut lejn it-titjib tal-ġestjoni sostenibbli. 3B) Il-foresti: L-implimentazzjoni sal-2020 ta’ Pjanijiet ta’ Ġestjoni tal-Foresti jew ta’ strumenti ekwivalenti, skont il-Ġestjoni Sostenibbli tal-Foresti (ĠSF) [30], għall-foresti kollha ta’ proprjetà pubblika kif ukoll il-foresti li jisbqu ċertu daqs** (kif għandu jiġi ddefinit mill-Istati Membri jew mir-reġjuni, u kkomunikat fil-Programmi ta’ Żvilupp Rurali tagħhom), li jirċievi fondi fil-qafas tal-Politika tal-UE għall-Iżvilupp Rurali, bil-għan li jsir titjib li jista' jitkejjel (*) fl-istatus ta' konservazzjoni tal-ispeċijiet u tal-ħabitats li jiddependu jew jintlaqtu mill-forestrija, kif ukoll titjib fl-għoti ta’ servizzi marbutin mal-ekosistema, imqabbel max-xenarju bażi EU2010. (*) Għaż-żewġ miri, it-titjib għandu jitkejjel skont il-miri kkwantifikati ta' titjib għall-istatus ta' konservazzjoni tal-ispeċijiet u tal-ħabitats ta' interess għall-UE, stipulati fil-Mira 1, kif ukoll għar-restawr ta' ekosistemi degradati skont il-Mira 2. (**) Għal proprjetajiet ta' foresti iżgħar, l-Istati Membri jistgħu joffru inċentivi addizzjonali biex iħeġġu l-adozzjoni tal Pjanijiet ta' Ġestjoni jew strumenti ekwivalenti bi qbil mal-ĠSF. Azzjoni 8: Titjib tal-pagamenti diretti għall-prodotti pubbliċi ambjentali fil-Politika Agrikola Komuni tal-UE 8a) Il-Kummissjoni se tipproponi li l-pagamenti diretti tal-PAK jippremjaw l-għoti ta’ prodotti pubbliċi ambjentali li jmorru lil hinn mill-kundizzjonalità (eż mergħa permanenti, kopertura tal-ħaxix, tinwib, twarrib ekoloġiku tal-art, Natura 2000). 8b) Il-Kummissjoni se tipproponi li ttejjeb u tissimplifika l-istandards ta’ kundizzjonalità tal-GAEC (Kundizzjonijiet Agrikoli u Ambjentali Tajba), u wkoll tikkunsidra li fl-ambitu tal-kundizzjonalità żżid id-Direttiva ta' Qafas dwar l-Ilma meta din id-Direttiva tkun ġiet implimentata u l-obbligi operattivi għall-bdiewa jkunu ġew identifikati sabiex ikun hemm titjib fl-istat tal-ekosistemi akkwatiċi f'żoni rurali. Azzjoni 9: Indirizzar aħjar tal-Iżvilupp Rurali għall-konservazzjoni tal-bijodiversità 9a) Il-Kummissjoni u l-Istati Membri se jintegraw miri kwantifikati għall-bijodiversità fl-istrateġiji u fil-programmi għall-Iżvilupp Rurali, filwaqt li jadattaw l-azzjoni skont il-ħtiġijiet reġjonali u lokali. 9b) Il-Kummissjoni u l-Istati Membri se jistabbilixxu mekkaniżmi biex jiffaċilitaw il-kollaborazzjoni bejn il-bdiewa u l-operaturi tal-forestrija u biex ikun hemm kontinwità fil-karatteristiċi tal-pajsaġġ, protezzjoni tar-riżorsi ġenetiċi u mekkaniżmi oħra ta’ kooperazzjoni li jipproteġu l-bijodiversità. Azzjoni 10: Konservazzjoni tad-diversità ġenetika tal-agrikoltura tal-Ewropa 10) Il-Kummissjoni u l-Istati Membri se jħeġġu t-teħid ta’ miżuri agroambjentali li jappoġġaw id-diversità ġenetika fl-agrikoltura u jesploraw l-ambitu għall-iżvilupp ta’ strateġija għall-konservazzjoni tad-diversità ġenetika. Azzjoni 11: Dawk li jieħdu ħsieb il-foresti mħeġġa jipproteġu u jtejbu l-bijodiversità tal-foresti 11a) L-Istati Membri u l-Kummissjoni se jħeġġu l-adozzjoni ta' Pjanijiet ta’ Ġestjoni[31], fost oħrajn permezz tal-użu ta' miżuri għall-iżvilupp rurali[32] u l-programm LIFE+. 11b) L-Istati Membri u l-Kummissjoni se jappoġġaw mekkaniżmi innovattivi (eż. Ħlasijiet għas-Servizzi tal-Ekosistemi) biex jiffinanzjaw iż-żamma u r-restawr tas-servizzi tal-ekosistema pprovduti mill-foresti b’diversi funzjonijiet. Azzjoni 12: Integrazzjoni tal-miżuri għall-bijodiversità fil-pjanijiet ta' ġestjoni tal-foresti 12) L-Istati Membri se jiggarantixxu li l-pjanijiet ta’ ġestjoni għall-foresti jew strumenti ekwivalenti jkunu jinkludu fihom kemm jista’ jkun miżuri minn dawn li ġejjin: - iż-żamma ta' livelli ottimi ta' injam niexef, filwaqt li jkunu kkunsidrati l-varjazzjonijiet reġjonali bħar-riskju ta' nar jew tifqigħa possibbli ta' insetti; - il-konservazzjoni ta’ żoni fl-istat naturali tagħhom; - miżuri bbażati fuq l-ekosistema li jżidu l-flessibbiltà tal-foresti kontra n-nar bħala parti mill-iskemi ta' prevenzjoni tan-nirien fil-foresti, skont l-attivitajiet li jsiru fis-Sistema ta' Informazzjoni Ewropea dwar in-Nirien fil-Foresti (EFFIS); - miżuri speċifiċi żviluppati għas-siti tal-foresti tan-Natura 2000; - il-garanzija li l-afforestazzjoni sseħħ skont il-Linji Gwida Pan-Ewropej għal-Livell Operazzjonali għall-ĠSF[33], b’mod partikolari fir-rigward tad-diversità tal-ispeċi u l-ħtiġijiet ta’ adattament għat-tibdil fil-klima. MIRA 4: GARANZIJA TA’ UżU SOSTENIBBLI TA’ RIżORSI TAS-SAJD Li jintlaħaq l-ogħla rendiment sostenibbli (MSY) sal-2015. Li tintlaħaq distribuzzjoni tal-popolazzjoni fuq il-bażi tal-età u tad-daqs li tkun xhieda ta' stokk b'saħħtu, u dan permezz ta' ġestjoni tas-sajd li ma tħallix impatti negattivi sinifikanti fuq stokkijiet, speċi u ekosistemi oħrajn, biex b'hekk tgħin sabiex sal-2020 jintlaħaq Stat Ambjentali Tajjeb, hekk kif meħtieġ skont id-Direttiva ta' Qafas dwar l-Istrateġija Marittima. Azzjoni 13: Titjib fil-ġestjoni ta’ stokkijiet tal-qabdiet 13a) Il-Kummissjoni u l-Istati Membri se jżommu u jerġgħu jqiegħdu mill-ġdid l-istokkijiet tal-ħut fil-livelli li jkunu jistgħu jipproduċu MSY fiż-żoni kollha li fihom joperaw il-flotot tal-ħut tal-UE, inkluż iż-żoni regolati mill-Organizzazzjonijiet Reġjonali ta’ Ġestjoni tas-Sajd, u l-ilmijiet tal-pajjiżi terzi li magħhom l-UE kkonkludiet il-Ftehimiet ta’ Sħubija dwar is-Sajd. 13b) Il-Kummissjoni u l-Istati Membri se jiżviluppaw u jimplimentaw skont il-pjanijiet ta' ġestjoni fuq tul ta' żmien tal-PKS bir-regoli dwar il-kontroll tal-ħsad ikunu bbażati fuq l-approċċ MSY. Dawn il-pjanijiet għandhom ikunu mfassla biex iwieġbu għal miri speċifiċi relatati maż-żmien u għandhom ikunu bbażati fuq pariri xjentifiċi u prinċipji tas-sostenibbiltà. 13c) Il-Kummissjoni u l-Istati Membri se jżidu x-xogħol tagħhom b’mod sinifikanti biex jiġbru d-dejta bħala appoġġ għall-implimentazzjoni tal-MSY. Ladarba jintlaħaq dan il-għan, jista’ jkun hemm parir xjentifiku sabiex jiddaħħlu kunsiderazzjonijiet ekoloġiċi fid-definizzjoni tal-MSY sal-2020. Azzjoni 14: L-eliminazzjoni ta’ impatti ħżiena fuq l-istokkijiet tal-ħut, speċijiet, ħabitats u ekosistemi 14a) L-UE se tfassal miżuri biex tnaqqas u tneħħi progressivament il-prattiki tar-rimi, biex jiġu evitati l-qabdiet inċidentali ta’ speċijiet mhux mixtieqa, u biex jitħarsu ekosistemi marittimi vulnerabbli skont il-leġiżlazzjoni tal-UE u l-obbligi internazzjonali. 14b) Il-Kummissjoni u l-Istati Membri se jappoġġaw l-implimentazzjoni tad-Direttiva ta’ Qafas dwar l-Istrateġija Marittima, inkluż billi jkunu pprovduti inċentivi finanzjarji permezz ta’ strumenti finanzjari futuri għas-sajd u l-politika marittima għaż-żoni marittimi protetti (inklużi ż-żoni ta’ Natura 2000 u dawk stabbiliti permezz ta' ftehimiet internazzjonali jew reġjonali). Dan jista’ jinkludi r-restawr tal-ekosistemi marittima, l-adattament tal-attivitajiet ta’ sajd u l-promozzjoni tal-involviment tas-settur f’attivitajiet alternattivi, bħal pereżempju l-ekoturiżmu, il-monitoraġġ u l-ġestjoni tal-bijodiversità marittima u l-ġlieda kontra l-iskart fil-baħar. MIRA 5: IL-ġLIEDA KONTRA SPEċIJIET ALJENI INVAżIVI Sal-2020, l-Ispeċijiet Eżotiċi Invażivi (IAS) u l-mogħdijiet tagħhom għandhom jiġu identifikati u mogħtija prijorità, speċi prijoritarji għandhom ikunu kkontrollati jew imneħħija, u l-mogħdijiet għandhom ikunu ġestiti b'mod li jimpedixxu l-introduzzjoni u l-istabbiliment ta' IAS ġodda. Azzjoni 15: Tisħiħ tar-Reġimi dwar is-Saħħa tal-Pjanti u l-Annimali tal-UE 15) Il-Kummissjoni se tintegra aktar kwistjonijiet importanti dwar il-bijodiversità mar-reġimi dwar is-saħħa tal-Pjanti u l-Annimali sal-2012. Azzjoni 16: Iffissar ta’ strument dedikat dwar l-Ispeċi Aljeni Invażivi 16) Il-Kummissjoni se timla l-ispazji vojta tal-politika fil-ġlieda kontra l-IAS permezz tal-iżvilupp ta’ strument leġiżlattiv apposta sal-2012. MIRA 6: GħAJNUNA BIEX TIġI EVITATA T-TELFA TAL-BIJODIVERSITÀ FUQ LIVELL DINJI Sal-2020, l-UE għandha żżid il-kontribuzzjoni tagħha biex tnaqqas it-telf tal-bijodiversità fuq livell dinji. Azzjoni 17: Tnaqqis ta’ kawżi indiretti li jwasslu għat-telf tal-bijodiversità 17a) Skont l-inizjattiva ewlenija tal-UE dwar l-effiċenzja tar-riżorsi, l-UE se tieħu miżuri (li jistgħu jinkludu miżuri marbuta mad-domanda u/jew mal-miżuri) sabiex jitnaqqsu l-impatti tal-bijodiversità fuq il-mudelli ta’ konsum tal-UE, b’mod partikolari għar-riżorsi li għandhom impatti negattivi sinifikanti fuq il-bijodiversità. 17b) Il-Kummissjoni se ttejjeb il-kontribuzzjoni li tagħti l-politika dwar il-kummerċ fir-rigward tal-ħarsien tal-bijodiversità u tindirizza l-impatti negattivi potenzjali billi tinkludiha sistematikament bħala parti min-negozjati u mid-djalogi mal-pajjiżi terzi, u dan billi tidentifika u tevalwa l-impatti li jista' jkun hemm fuq il-bijodiversità u li jirriżultaw mil-liberalizzazzjoni tan-negozju u l-investiment permezz ta' Valutazzjonijiet tal-Impatt ex ante dwar is-Sostenibbiltà tal-Kummerċ filwaqt li tfittex li fil-ftehimiet ġodda kollha dwar in-negozju tinkludi kapitlu dwar l-iżvilupp sostenibbli li jipprovdi għal dispożizzjonijiet ambjentali sostanzjali ta' importanza fil-kuntest tal-kummerċ, inkluż dwar il-miri għall-bijodiversità. 17c) Il-Kummissjoni se taħdem mal-Istati Membri u partijiet interessati ewlenin sabiex tipprovdi s-sinjali t-tajba tas-suq għall-konservazzjoni tal-bijodiversità, inkluż ix-xogħol imwettaq bi skop ta' riforma, ta’ twaqqif bil-ftit il-ftit u ta' eliminazzjoni ta' sussidji li jagħmlu ħsara kemm fuq livell tal-UE kemm dak tal-Istat Membru, u biex tipprovdi inċentivi pożittivi għall-konservazzjoni tal-bijodiversità u l-użu sostenibbli. Azzjoni 18: Mobilizzazzjoni ta’ riżorsi oħrajn għall-konservazzjoni tal-bijodiversità fuq livell dinji 18a) Il-Kummissjoni u l-Istati Membri se jagħtu l-kontribut dovut tagħhom fl-isforzi internazzjonali biex iżidu b’mod sinifikanti r-riżorsi għall-bijodiversità dinjija bħala parti mill-proċess internazzjonali mmirat lejn il-valutazzjoni tal-ħtiġijiet tal-finanzjament għall-bijodiversità u lejn l-adozzjoni ta’ miri għall-mobilizzazzjoni tar-riżorsi għall-bijodiversità fis-CBD CoP11 fl-2012[34]. 18b) Il-Kummissjoni se ttejjeb l-effettività tal-finanzjament tal-UE għall-bijodiversità dinjija billi, fost oħrajn, tappoġġa l-valutazzjonijiet tal-kapital naturali fil-pajjiżi benefiċjarji u l-iżvilupp u/jew l-aġġornament tal-Istrateġiji Nazzjonali għall-Bijodiversità u l-Pjanijiet ta’ Azzjoni, u billi ttejjeb il-koordinazzjoni fl-UE u mal-kontributuri ewlenin fl-implimentazzjoni ta' assistenza/proġetti tal-bijodiversità u li mhumiex fl-UE. Azzjoni 19: Kooperazzjoni fl-UE għal żvilupp tal- mingħajr ħsara għall-bijodiversità 19) Il-Kummissjoni se tkompli tanalizza b’mod sistematiku l-azzjoni tagħha ta’ kooperazzjoni fl-iżvilupp sabiex tnaqqas kemm tista’ l-impatt negattiv negattiv fuq il-bijodiversità filwaqt li twettaq Valutazzjonijiet Ambjentali Strateġiċi u/jew Valutazzjonijiet dwar l-Impatt Ambjentali għal azzjonijiet li probabbilment ikollhom effetti sinifikanti fuq il-bijodiversità. Azzjoni 20: Regolazzjoni tal-aċċess għar-riżorsi ġenetiċi u l-kondiviżjoni ġusta u ekwa tal-benefiċċji li jirriżultaw mill-użu tagħhom 20) Il-Kummissjoni se tipproponi leġiżlazzjoni biex timplimenta l-Protokoll ta' Nagoya dwar l-Aċċess għar-Riżorsi Ġenetiċi u l-Kondiviżjoni Ġusta u Ekwa tal-Benefiċċji li jirriżultaw mill-Użu tagħhom fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea, sabiex l-UE tkun tista' tirratifika l-Protokoll malli jista' jkun, u mhux iktar tard mill-2015, kif inhu mitlub mill-mira dinjija. [1] FAO, 2010. [2] Il-proġett 'Reefs at Risk Revisited', World Resources Institute, 2011. [3] http://www.eea.europa.eu/publications/eu-2010-biodiversity-baseline/. [4] COM(2010) 2020. [5] COM(2011) 21. [6] COM(2010) 4. [7] Il-Pjan Strateġiku dinji 2011-2020 jinkludi l-viżjoni 2050, il-missjoni 2020 u l-20 mira. [8] Fil-11 ta' Frar 2011, il-Kummissjoni ressqet proposta lill-Kunsill għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll ta’ Nagoya. [9] http://www.teebweb.org. [10] Hekk kif stabbilit fid-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal li jakkumpanja d-dokument. [11] Gallai et al, 2009. [12] Il-popolazzjonijiet tal-friefet ( Grassland butterfly ) niżlu b'iktar minn 70 % mill-1990 ‘l hawn. [13] Huwa stmat li aktar minn 80 % tal-għelejjel tal-UE jiddependu, tal-inqas parzjalment, fuq id-dakkir tal-insetti (‘Il-Mortalità tan-Naħal u s-Sorveljanza tan-Naħal fl-Ewropa’, 2009). [14] ‘State of Green Business 2011’ (L-Istat tan-Negozju Ekoloġiku 2011), GreenBiz Group. [15] http://www.eea.europa.eu/data-and-maps/indicators/ecological-footprint-of-european-countries. [16] Hekk kif deskritt f'COM(2009) 147 u COM(2011) 17. [17] http://biodiversity.europa.eu/topics/sebi-indicators. Indikaturi oħra rilevanti jinkludu l-iżvilupp sostenibbli tal-UE u l-indikaturi agroambjentali. [18] L-impatt li jista' jkollhom il-miri u l-miżuri tqies fid-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal li jakkumpanja d-dokument. Id-dokument jindika wkoll, fil-p. 81-82, azzjonijiet li għalihom tinħtieġ aktar valutazzjoni tal-impatt. [19] COM(2011) 17 finali. [20] L-agrikoltura u l-foresti jkopru 72 % tal-art tal-UE. Iż-żamma u t-titjib fil-bijodiversità tal-foresti jikkostitwixxu għan iddikjarat fil-Pjan ta' Azzjoni dwar il-Foresti tal-UE tal-2006 (traduzzjoni mhux uffiċjali) - COM(2006) 302. [21] Kif definit f'SEC(2006) 748. [22] Fis-Samit Dinji dwar l-Iżvilupp Sostenibbli li sar fl-2002, l-UE ffirmat biex ikun hemm il-mira li jintlaħqu l-ogħla livelli ta' rendiment sostenibbli sal-2015 u l-mira ġdida fir-rigward tas-sajd għall-2020, li kienet adottata fil-Konvenzjoni fuq il-Bijodiversità Bijoloġika CoP10. [23] IEEP, 2010. [24] Id-Direttiva 2000/60/KE. [25] Id-Direttiva 2008/56/KE. [26] http://ec.europa.eu/public_opinion/flash/fl_290_en.pdf. [27] COM(2011) 17. [28] COM(2010) 110. Sa tmiem Settembru 2009, l-użu tal-fondi allokati għall-bijodiversità kien inqas minn dak ta' kategoriji oħra ta' nfiq. F'dak iż-żmien, l-użu tal-fondi għaż-żewġ kategoriji marbutin direttament mal-bijodiversità (“promozzjoni tal-bijodiversità u tan-natura” u “promozzjoni tal-assi naturali”) kien ta’ 18,1 % u 22 % rispettivament, imqabbel mal-medja ta’ 27,1 % għall-finanzjament kollu tal-politika ta' koeżjoni. L-Istati Membri huma mitluba jissottomettu ċ-ċifri aġġornati sa tmiem Ġunju 2011, u d-dejta konsolidata għandha tkun disponibbli fis-sajf. [29] Kif meħtieġ skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva dwar il-Ħabitats. [30] Kif definit f'SEC(2006) 748. [31] Il-ĠSF teħtieġ użu akbar tal-pjanijiet ta’ ġestjoni jew strumenti ekwivalenti. 23 Stat Membru diġà għandhom aktar minn 60 % tal-foresti tagħhom li qed jużaw tali pjanijiet. [32] Hekk kif stabbilit permezz tar-Regolament tal-Kunsill 1698 (2005). [33] http://www.foresteurope.org. [34] Hekk kif stabbilit fid-Deċiżjoni X/3 ta’ CoP10.