This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52011DC0206
COMMUNICATION FROM THE COMMISSION TO THE EUROPEAN PARLIAMENT, THE COUNCIL, THE ECONOMIC AND SOCIAL COMMITTEE AND THE COMMITTEE OF THE REGIONS Single Market Act Twelve levers to boost growth and strengthen confidence "Working together to create new growth"
KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI L-Att dwar is-Suq Uniku Tnax-il xprun sabiex jiġi stimulat it-tkabbir u r-rinfurzart tal-fiduċja "Flimkien għal tkabbir ġdid"
KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI L-Att dwar is-Suq Uniku Tnax-il xprun sabiex jiġi stimulat it-tkabbir u r-rinfurzart tal-fiduċja "Flimkien għal tkabbir ġdid"
/* KUMM/2011/0206 finali */
KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI L-Att dwar is-Suq Uniku Tnax-il xprun sabiex jiġi stimulat it-tkabbir u r-rinfurzart tal-fiduċja "Flimkien għal tkabbir ġdid" WERREJ 1. Introduzzjoni 2 2. It-12-il xprun biex jiġi stimulat it-tkabbir u r-rinfurzar tal-fiduċja 5 2.1. L-aċċess għall-finanzjament għall-SMEs 5 2.2. Il-mobilità taċ-ċittadini 6 2.3. Id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali 8 2.4. Il-konsumaturi, atturi fis-suq uniku 9 2.5. Is-servizzi 10 2.6. In-netwerks 11 2.7. Is-suq uniku diġitali 12 2.8. L-intrapreditorjat soċjali 14 2.9. It-tassazzjoni 16 2.10. Il-koeżjoni soċjali 17 2.11. L-ambjent regolatorju tal-intrapriżi 18 2.12. Is-swieq pubbliċi 19 3. Il-kundizzjonijiet għas-suċċess, Governanza rinfurzata tas-suq uniku 20 4. L-istadju li jmiss u konklużjoni 22 1. Introduzzjoni Fil-qalba tal-proġett Ewropew sa mit-twaqqif tiegħu, is-suq komuni, li sar is-suq intern, ilu jinseġ, għal aktar minn 50 sena, is-solidarjetà bejn in-nisa u l-irġiel tal-Ewropa u fl-istess ħin jiftaħ oqsma ġodda ta’ tkabbir għal aktar minn 21 miljun intrapriża Ewropea. Bħala żona ta’ moviment ħieles għall-merkanzija, il-persuni, is-servizzi u l-kapital, is-suq intern ġie arrikkit mill-1993 bil-konsolidazzjoni tal-integrazzjoni ekonomika, il-ħolqien ta’ munita unika u l-iżvilupp ta’ politiki ta’ solidarjetà u ta’ koeżjoni. Illum aktar minn qatt qabel, huwa jipparteċipa fir-realtà tal-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini , li jibbenifikaw minnha fl-attivitajiet tagħhom, fil-ħajja professjonali tagħhom u fil-ħajja privata jew bħala konsumaturi u jikkostitwixxi l- mutur reali tat-tkabbir tal-ekonomija Ewropea u tal-iżvilupp tal-intrapriżi. Madankollu, is- suq intern għandu għadd ta’ defiċenzi , imressqa għall-attenzjoni minn Mario Monti fir-rapport tiegħu dwar “ Strateġija ġdida għas-Suq Uniku ”, kif ukoll mill-Parlament Ewropew fir-rapport ta’ Louis Grech “ Ir-realizzazzjoni tas-suq uniku għall-konsumaturi u ċ-ċittadini ”[1]. Pjan ta’ Azzjoni għar-rilanċ tat-tkabbir u r-rinfurzar tal-fiduċja Li jinstabu rimedji għal dawn id-defiċenzi jfisser li tingħata l-possibilità lis-suq uniku li jiżviluppa l-potenzjali sħiħ tiegħu , billi jippermetti liċ-ċittadini li jerġgħu jiksbu l-ispazju komuni tal-ħajja tagħhom u billi joffri lill-inizjattivi tal-atturi pubbliċi u privati aktar possibilitajiet ta' suċċess. Għal dan jeħtieġ li tiġi żviluppata strateġija proattiva u trażversali . Dan jinvolvi li tintemm il-frammentazzjoni tas-suq, jiġu eliminati l-barrieri u l-ostakoli għall-moviment tas-servizzi, għall-innovazzjoni u l-kreattività . Dan jinvolvi r-rinfurzar tal- fiduċja taċ-ċittadini fis-suq intern tagħhom u li l-konsumaturi jiġu offruti l-vantaġġi kollha ta’ suq uniku. Suq integrat aħjar li jaqdi bis-sħiħ ir-rwol tiegħu ta’ pjattaforma li fuqha tinbena l-kompetittività kollettiva tan-nisa u tal-irġiel, tal-intrapriżi, u tat-territorji Ewropej, inklużi t-territorji l-aktar imbiegħda u l-anqas żviluppati[2]. Jeħtieġ azzjoni urġenti . Minkejja r-reazzjoni minnufih tal-Unjoni Ewropea għall-kriżi u r-riformi li għaddejin sew bħalissa, partikolarment fis-swieq finanzjarji u l-governanza ekonomika, il-kriżi jista’ jkollha effett durabbli fuq it-tkabbir potenzjali u fuq il-qagħad, u taffettwa l-kundizzjonijiet tal-ħajja taċ-ċittadini Ewropej, u l-futur tagħhom[3]. Bħala tweġiba għal dan l-Unjoni Ewropea adottat strateġija – Ewropa 2020 – li tistabilixxi miri ambizzjużi għal perkors ġdid ta’ tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv [4]. Iżda dawn il-miri jistgħu jintlaħqu biss jekk l-Unjoni u l-Istati Membri jipproċedu għal riformi strutturali urġenti . Il-prijorità għandha tingħata lill-miżuri li x’aktarx jiffavorixxu t-tkabbir u l-impjiegi. Fl-istħarriġ annwali tagħha dwar it-tkabbir[5], il-Kummissjoni enfasizzat il-ħtieġa ta’ rispons globali għall-kriżi li għaliha s-suq uniku huwa mitlub jagħti kontribut deċiżiv billi juża l-potenzjal kollu tiegħu favur it-tkabbir. Dan ir-rwol ġie enfasizzat mill-Kunsill Ewropew fil-konklużjonijiet tiegħu tal-24-25 ta’ Marzu 2011: "[i]s-Suq Uniku għandu rwol ewlieni fit-twassil tat-tkabbir u l-impjiegi u fil-promozzjoni talkompetittività… Għandha ssir enfasi partikolari fuq miżuri li joħolqu tkabbir u impjiegi u li jwasslu għal riżultati tanġibbli għaċ-ċittadini u n-negozji"[6]. Is-suq uniku joffri l-qafas u l-għodod għall-implimentazzjoni ta' dawn ir-riformi. Dibattitu pubbliku rikk u stimulanti Biex twieġeb għal dawn l-isfidi l-Kummissjoni ppreżentat ħamsin proposta biex jiġu diskussi, fil-Komunikazzjoni tagħha "Lejn Att dwar is-Suq Uniku" [7]. Id-dibattitu pubbliku sar fil-livell Ewropew, nazzjonali u lokali. Daħlu aktar minn 800 kontribut bħala parti mill-konsultazzjoni pubblika dwar l-Att dwar is-Suq Uniku, li jirriflettu l-opinjonijiet tal-Istati Membri, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi, is-sħab soċjali, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-livell Ewropew, tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, il-federazzjonijiet industrijali u professjonali, l-organizzazzjonijiet sindakali, l-intrapriżi, l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi, il-gruppi ta’ riflessjoni, l-universitarji u bosta ċittadini[8]. Mill-konsultazzjoni ħarġu aspettattivi għoljin tas-soċjetà ċivili, kemm f'termini ta' żvilupp tal-potenzjalitajiet tas-suq uniku sabiex jippromwovu t- tkabbir u l-impjiegi kif ukoll tad- dimensjoni soċjali tas-suq intern u tal-protezzjoni tas-servizzi pubbliċi. Il-prijoritajiet enfasizzati mill-atturi ekonomiċi jikkonfermaw adeżjoni qawwija mal-għan komuni ta’ ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna . Fil-Konklużjonijiet tiegħu tal-10 ta’ Diċembru 2010[9], il-Kunsill approva d-direzzjoni ġenerali tal-Att dwar is-Suq Uniku, li tikkonsisti f’li s-suq uniku jitqiegħed fuq bażi ekonomika u soċjali soda sabiex tiġi stabilita ekonomija kompetittiva ħafna. Huwa impenja ruħu sabiex ikompli jeżamina l-Att dwar is-Suq Uniku, sabiex jiddefinixxi fl-aqsar żmien possibbli, flimkien mal-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni, il-miżuri ta’ prijorità li għandhom jiġu konkretizzati qabel tmiem l-2012. Il-Parlament Ewropew, fir-Riżoluzzjonijiet tiegħu tas-6 ta’ April 2011 ibbażati fuq ir-rapporti tal-parlamentari Sandra Kalniete, Cristian Silviu Busoi u Antonio Fernando Correia de Campos[10], ipprovda l-prijoritajiet tiegħu sabiex jiġi żviluppat suq uniku għall-Ewropej, għall-intrapriżi u t-tkabbir, f’qafas ta’ sħubija u ta’ governanza. It-12-il xprun sabiex jiġi stimulat it-tkabbir u tissaħħaħ il-fiduċja taċ-ċittadini Fuq il-bażi tal-kontributi miġbura matul id-dibattitu pubbliku, tal-opinjonijiet u l-konklużjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, kif ukoll tal-opinjonijiet tal-Kumitat tar-Reġjuni[11] u tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[12], il-Kummissjoni identifikat 12-il xprun . Għal kull wieħed minnhom, il-Kummissjoni tipproponi li sat-tmiem tal-2012 l-UE taddotta miżura ewlenija sabiex tistimula t-tkabbir u tirrinforza l-fiduċja taċ-ċittadini. Fl-2011 il-Kummissjoni se tippreżenta l-proposti leġiżlattivi meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dawn il-miżuri kruċjali sabiex il-Parlament u l-Kunsill ikunu jistgħu jwieġbu għall-istedina tal-Kunsill Ewropew li jadottaw l-ewwel pakkett ta' miżuri ta' prijorità għar-rilanċ tas-suq uniku għall-aħħar tal-2012 [13]. Din il-prijorità madankollu ma tfissirx li l-Kummissjoni se tirrinunzja milli tkompli x-xogħlijiet fuq azzjonijiet oħrajn identifikati mill-Komunikazzjoni tagħha “Lejn Att dwar is-Suq Uniku” li jippermettu li s-suq uniku jsir il-pjattaforma għat-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi. Jekk ikun hemm urġenza għal azzjoni għat-tkabbir u l-impjiegi, il- pjan ta’ azzjoni ppreżentat huwa biss l-ewwel pass f’din id-direzzjoni . Ix-xogħlijiet għandhom jitkomplew u jeħtieġ li diġà jiġi ppreparat il-pass li jmiss. Il-Kummissjoni se tippreżenta miżuri oħrajn, li jissodisfaw l-istess ħtiġijiet u jagħtu kontribut sinifikanti għall-proġett ta’ rilanċ tas-suq uniku. Fit-tmiem tal-2012, hija se tevalwa l-istat ta’ progress ta’ dan il-pjan ta’ azzjoni u se tippreżenta l-programm tagħha għall-pass li jmiss. Il-grupp se jipproponi respons politiku koerenti għad-defiċenzi tas-suq intern billi jiġi propost mudell ta' tkabbir sostenibbli, intelliġeni u inklużiv fil-qafas tal-istrateġija Ewropa 2020. Tkabbir sostenibbli Dawn ir-riformi flimkien għandhom jikkontribwixxu għal żvilupp sostenibbli bbażat fuq ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna [14]. Huma għandhom jikkontribwixxu għall-progress soċjali u għall- impjiegi kif ukoll għat- titjib tal-ambjent u għall- ġlieda kontra t-tibdil fil-klima . Għandhom isaħħu d-dimensjoni esterna tas-suq intern . Huma għandhom ukoll jinkludu benefiċċji tanġibbli għaċ-ċittadini li jkunu maħsuba għalihom. Dan huwa appoġġ għaċ-ċittadini għall-proġett ta’ integrazzjoni Ewropea u tal-fiduċja tagħhom. Tkabbir intelliġenti Dawn ir-riformi se jissupplimentaw u jirriformaw is-suq uniku, u jadattawh għall-isfidi tas-seklu 21 , b’mod partikolari dik tal- ekonomija diġitali , billi jipprovdu lill-industrija tagħna mezzi sabiex tkun aktar kompetittiva fis-swieq internazzjonali, u jipprovdu lill-Ewropa infrastruttura li se tkun indispensabbli biex tiżgura l-moviment ħieles tal-persuni u tal-merkanzija. Huma għandhom ukoll jippromwovu l-innovazzjoni u l-kreattività li jikkontribwixxu fir- rilanċ ta’ bażi industrijali b’saħħitha fl-Ewropa u fl-iżvilupp ta’ soċjetà tas-servizzi kompetittiva . Tkabbir inklużiv Dawn ir-riformi jiffaċilitaw il-ħolqien u l-iżvilupp ta’ intrapriżi żgħar u medji li huma s-sinsla tal-ekonomiji nazzjonali u dik Ewropea . It-tkomplija tal-isforzi għal regolamentazzjoni aktar intelliġenti u għat- tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi se tkun parti integrali minn dawn ir-riformi. Huma se jkunu jimmiraw biex isolvu d-diffikultajiet konkreti tal-Ewropej , u sabiex l-integrazzjoni ma ssirx aspejjeż tal-jeddijiet soċjali iżda għall-kuntrarju dawn ir-riformi jikkontribwixxu għal soċjetà aktar solidari. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni se tkompli tapprofondixxi l-aspett soċjali tal-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja l-proposti leġiżlattivi kollha fil-qasam tas-suq intern. . Tiżgura li l-proposti leġiżlattivi tagħha jinkludu, fejn ġustifikabbli fid-dawl ta' dawn il-valutazzjonijiet, riferenza għall-politiki u l-jeddijiet soċjali. Tqis kif xieraq l-Artikoli 8 u 9 tat-Trattat dwar il-funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewroepa. Dawn id-drittijiet fundamentali jiddisponu partikolarment li l-ħaddiema u l-impjegaturi, jew l-organizzazzjonijiet rispettivi tagħhom għandhom, b'konformità mad-dritt tal-Unjoni u l-leġiżlazzjoni u prattiki nazzjonali, il-jedd li jirrikorru, fil-każ ta’ kunflitt ta’ interess, għal azzjonijiet kollettivi biex jiddefendu l-interessi tagħhom, inkluż azzjonijiet industrijali[15]. Tkabbir inklużiv ifisser ukoll li tingħata attenzjoni partikolari lill-bżonnijiet ta’ dawk b'diżabilitajiet sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw mis-suq uniku, pereżempju, il-passiġġieri b'mobilità mnaqqsa għandhom jivvjaġġaw b'aktar faċilità, dawk bi problemi tal-vista jkollhom aċċess akbar għall-qari. Strateġija integrata Il-Kummissjoni diġà impenjat ruħha f'diversi azzjonijiet importanti, permezz tas-seba' inizjattivi ewlenin tal-istrateġija Ewropa 2020. L-inizjattivi adottati, li jolqtu l-oqsma kollha li jikkontribwixxu fl-irkupru tal-ekonomija, bħall-Pjan Ewropew għall-Effiċjenza Enerġetika 2011[16] jew ir- Reviżjoni tal-"Att dwar in-Negozji ż-Żgħar" għall-Ewropa[17] , jipprovdu b’mod progressiv it-tragwardi ta’ tkabbir ġdid. Is-swieq finanzjarji se jaqdu rwol essenzjali f'dan ir-rigward u r-riformi fil-qasam tar-regolazzjoni tas-servizzi finanzjarji favur tkabbir sostenibbli[18] se jitkomplew. 2. It-12-il xprun biex jiġi stimulat it-tkabbir u r-rinfurzar tal-fiduċja 2.1. L-aċċess għall-finanzjament għall-SMEs Azzjoni ewlenija: Leġiżlazzjoni bl-għan li tiffaċilita li l-fondi ta’ kapitali ta’ riskju li jkunu stabiliti fi Stat Membru jistgħu jinvestu fi kwalunkwe Stat Membru ieħor, mingħajr ostakolu jew rekwiżit addizzjonali. L-għan se jkun li l-SMEs li jkunu jridu jirrikorru għall-kapital ta’ riskju jkunu jistgħu japplikaw għal fondi bil-kompetenza meħtieġa għas-settur speċifiku tagħhom, u li jkollhom il-kapaċità li joffru kapital bi prezz attraent[19]i. | Il-21 miljun SME tal-Unjoni Ewropea jikkostitwixxu vantaġġ kbir għal tkabbir sostenibbli u l-ħolqien tal-impjiegi. Id-diffikultà għall-aċċess għall-finanzjament huwa wieħed mill-ostakoli ewlenin li jimpedixxi lill-SMEs milli jniedu prodotti ġodda, isaħħu l-infrastrutturi tagħhom u jimpjegaw aktar ħaddiema[20]. Din is-sitwazzjoni tikkaratterizza kemm l-SMEs stabiliti sewwa kif ukoll dawk innovattivi u dawk espansivi. Fl-Ewropa, il-maġġoranza tal-SMEs stabiliti sew irrikorrew għall-kreditu bankarju, li naqas minħabba l-kriżi finanzjarja. Għalhekk il-Kummissjoni, fir-reviżjoni tagħha tal- Att dwar in-Negozji ż-Żgħar , adottat fi Frar, impenjat ruħha sabiex tivvaluta l-impatt fuq l-SMEs tal-proposti kollha ta' regolamentazzjoni tas-servizzi finanzjarji (bħar-rekwiżiti kapitali imposti fuq il-banek), u sabiex taġġustahom b'mod xieraq. Li jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-finanzjament għall-SMEs espansivi jikkostitwixxi eżiġenza ta’ importanza primarja għaliex dawn, partikolarment l-SMEs innovattivi, jaqdu rwol kruċjali għall-iżvilupp ta’ ekonomija innovattiva u sostenibbli. Sabiex jiksbu l-fondi neċessarji biex l-innovazzjonijiet jkunu jistgħu jiġu kkummerċjalizzati dawn l-intrapriżi spiss ifittxu li jkollhom aċċess għas-swieq kapitali lil hinn mill-kreditu bankarju. Is-swieq tal-kapital ta’ riskju jistgħu jipprovdu kapital, iżda għadhom ma żviluppawx biżżejjed fl-Ewropa. Il-fondi ta’ kapital ta’ riskju qed jaffaċċjaw diffikultajiet sinifikanti sabiex jiksbu kapital barra mill-pajjiż u biex joperaw b’mod transfruntier minħabba l-kumplessità tas-sistemi nazzjonali ta’ regolazzjoni, kif ukoll il-barrieri fiskali. Din l-azzjoni kruċjali ser tiġi implimentata bil-koperazzjoni qariba tal-Forum tal-Finanzjament tal-SMEs. Il-finanzjament tal-SMEs se jkun is-suġġett ta’ programm ta’ azzjoni speċifiku li se jkun jikkonċerna mhux biss l-aċċess għas-sorsi diversi ta’ finanzjament, iżda wkoll direttament l-għodod ta’ finanzjament tal-SMEs u l-ħolqien ta’ ambjent favorevoli għall-iżvilupp u għat-tkabbir tal-SMEs. Id-Direttiva dwar it-Trasparenza, ir-Regolament għall-Applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-Prospett u d-Direttiva dwar l-Abbuż tas-Suq għandhom jiġu emendati wkoll sabiex l-obbligi applikabbli għall-SMEs elenkati jsiru aktar proporzjonali, filwaqt li jiġi ggarantit l-istess livell ta’ protezzjoni tal-investituri. Barra minn hekk, kundizzjonijiet speċjali u kkalibrati għall-pjattaformi ta’ negozjar maħsuba għall-SMEs għandhom jiġu introdotti fir-reviżjoni tad- Direttiva dwar is-Swieq Finanzjarji (il-MiFID) , sabiex tinħoloq tikketta ta’ kwalità għal dawn is-swieq u jiġi ffaċilitat in-netwerking tagħhom. 2.2. Il-mobilità taċ-ċittadini Azzjoni ewlenija: Leġiżlazzjoni aġġornata dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali[21]. L-għan huwa li jkunu ssimplifikati l-proċeduri ta' rikonoxximent reċiproku għall-ħaddiema mobbli, li jiġi mmodernizzat il-qafas leġiżlattiv, li jiġi rieżaminat il-qasam ta' professjonijiet regolati, u li tissaħħaħ il-fiduċja u l-koperazzjoni bejn l-Istati Membri. Il-ħolqien ta’ Tessera Professjonali Ewropea tippermetti b’mod partikolari li tiġi inkoraġġita l-mobilità tal-professjonisti, filwaqt li tikkostitwixxi garanzija ta' fiduċja bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri konċernati u finalment favur il-konsumaturi u l-impjegaturi. | Il-mobilità u l-kwalifiki tal-ħaddiema jwieġbu għall-bżonn tar-rilanċ tat-tkabbir fl-Ewropa. Aktar mobilità ta’ ħaddiema kwalifikati tippermetti lill-ekonomija Ewropea li tkun aktar kompetittiva. Wisq ostakoli regolamentarji għadhom qed jimpedixxu lill-Ewropej milli jaħdmu fejn jixtiequ fl-Unjoni Ewropea, u għalhekk numru ta' postijiet li jirrikjedu kwalifiki għoljin għadhom ma mtlewx. L-ekonomija tista’ wkoll tibbenefika minn mobilità temporanja ta’ ħaddiema jekk din tkun valorizzata aħjar u ffaċilitata minn qafas aktar ċar. Barra minn hekk, fil-qafas mhux irregolat, se jkun importanti li jitkomplew l-isforzi ta' korrispondenza bejn is-sistemi ta' ċertifikazzjoni nazzjonali, permezz tal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki, sabiex tkun promossa il-paragunabilità tal-kwalifiki f'każ ta' mobilità. Is-sitwazzjoni attwali tas-suq tax-xogħol, ikkaratterizzata mill-kriżi ekonomika u popolazzjoni li qed tixjieħ, hija kkaratterizzata minn nuqqas ta’ ħaddiema u minn diffikultajiet għall-impjegaturi biex isibu impjegati bil-ħiliet meħtieġa. F’dan il-kuntest, iċ-ċittadini għandu jkollhom il-possibilità li jibdlu l-impjieg malajr fi Stat Membru ieħor. Għalhekk, il-kwalifiki u l-esperjenza professjonali tagħhom għandhom ikunu rikonoxxuti fl-Istati Membri kollha. Sabiex tiġi ffaċilitata l-mobilità, iċ-ċittadini għandhom ikunu jistgħu ukoll jistabilixxu u jżommu d-drittijiet tagħhom għal pensjoni supplimentari (portabilità) anki f’każ ta’ bidliet sussegwenti tal-impjieg fi Stat Membru ieħor. L-impenn sħiħ tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ser ikun vitali biex jiġi żgurat rispons għall-aspettazzjonijiet għolja taċ-ċittadini sal-2012. Għal dan il-għan, u fuq il-bażi tal-Green Paper tal-2010[22], il-Kummissjoni se tippubblika White Paper dwar il-pensjonijiet, li fost l-oħrajn se tindirizza l-kwistjoni tal-protezzjoni tal-jeddijiet għall-pensjoni u li se tinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex joperaw servizzi ta’ monitoraġġ tal-pensjonijiet li jgħinu liċ-ċittadini jsegwu l-evoluzzjoni tal-jeddijiet għall-pensjoni tagħhom. Wara se jiġu proposti miżuri leġiżlattivi biex jippromwovu l-ħarsien tal-jeddijiet għall-pensjoni, matul is-sena 2012. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni se tirrevedi wkoll id-Direttiva dwar l-istituzzjonijiet tal-pensjoni professjonali, sabiex tippermetti lill-ħaddiema u lill-impjegatur tagħhom jibbenefikaw aħjar mis-Suq Uniku. Il-Kummissjoni pproponiet ukoll sensiela ta’ miżuri favur il-mobilità fl-inizjattiva ewlenija tagħha “Aġenda għall-ħiliet ġodda u l-impjiegi”, fosthom il-ħolqien ta’ “Passaport Ewropew tal-Ħiliet” li se jippermetti lil kulħadd li jispeċifika l-kwalitajiet u l-kompetenzi miksuba matul il-ħajja[23]. Il-mobilità tas-żgħażagħ, b'mod partikolari ta’ dawk li jkunu spiċċaw l-iskola mingħajr kwalifiki, ukoll għandha tkun iffaċilitata. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni se tipproponi abbozz ta’ rakkomandazzjoni tal-Kunsill għall-promozzjoni u l- validazzjoni tat-taħriġ barra l-iskola [24]. 2.3. Id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali Azzjoni ewlenija: Leġiżlazzjoni li tistabilixxi protezzjoni ta’ privattiva unitarja għall-maġġoranza tal-Istati Membri u sistema unifikata li ssolvi l-litigazzjonijiet, bl-għan li jingħataw l-ewwel privattivi li jibbenefikaw minn din il-protezzjoni unitarja fl-2013[25]. | Il-proprjetà intellettwali hija dritt ta’ proprjetà rikonoxxut mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali[26]. Hija daqstant importanti daqs il-materja prima jew il-bażi industrijali: bejn 45 u 75 % tar-riżorsi tal-intrapriżi l-kbar huma marbuta mad-drittijiet tagħhom tal-proprjetà intellettwali[27]. L-industriji li jagħmlu użu intensiv minnhom għandhom rwol strateġiku għat-tkabbir sostenibbli tal-ekonomiji tagħna. Dawn mhux biss joħolqu l-innovazzjoni, iżda jiġġeneraw ukoll aktar valur ekonomiku sinifikanti u joffru impjiegi stabbli u li jirrikjedu kwalifiki ta’ livell għoli. Il-pagi huma bħala medja 60 % ogħla mis-setturi l-oħrajn. Il-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali jħeġġeġ l-investimenti fl-iżvilupp ta’ prodotti u servizzi innovattivi, billi jiġi żgurat redditu ġust fuq l-investiment. Ser jiddaħħal fis-seħħ qafas regolatorju li jipproteġi dawn id-drittijiet b'mod effikaċi u b'rispett għad-drittijiet fundamentali. Dan il-qafas li għandu jiżgura fl-istess waqt it-tixtrid tal-informazzjoni, il-prodotti u s-servizzi, kif ukoll ir-rispett tal-jedd tal-konkorrenza, allura għandu jikkostiwixxi waħda mill-ewwel prijoritajiet tal-UE. Is-sitwazzjoni attwali, ikkaratterizzata minn numru ta’ privattivi u ta’ sistemi li jsolvu t-tilwim nazzjonali, tiswa ħafna, ineffikaċi u twassal għal inċertezza ġuridika u tagħmel l-implimentazzjoni tal-protezzjoni ta’ privattiva unitarja u ta’ sistema unifikata tas-soluzzjoni tal-litiġji l-prijorità assoluta f'dan il-qasam. Protezzjoni unitarja tnaqqas il-kostijiet bi 80 %. Bl-istess mod, l-iżvilupp ta’ strument ta’ valwazzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tiffaċilità l-emerġenza ta’ suq Ewropew reali ta’ privattivi u ta’ liċenzji. Barra minn hekk, huwa mixtieq li l-assi immaterjali li tippossjedi intrapriża fil-forma ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali jistgħu jkunu rikonoxxuti bis-sħiħ bħala kollateral għal self. Barra minn hekk, is-sistemi attwali tal-għoti ta’ liċenzji tad-dritt tal-awtur għall-offerti legali online ukoll għandhom ikunu simplifikati u trasparenti[28]. Fl-era tal-Internet, l-immaniġjar kollettiv għandu jkun jista’ jevolvi lejn mudelli Ewropej li jiffaċilitaw il-liċenzji li jkopru diversi territorji għal numru ta’ servizzi online, filwaqt li jkun żgurat livell għoli ta’ protezzjoni għal dawk li għandhom id-dritt. Din il-flessibilità ġdida ta’ qafas leġiżlattiv mġedded se tippermetti mudelli kummerċjali ġodda li jwasslu għat-tixrid fuq medda wiesgħa u mmirat ta’ kontenut kreattiv għal konsumaturi aktar mobbli. Barra minn hekk, il-ħolqien ta’ verżjoni diġitali tal-fondi tal-istituzzjonijiet kulturali Ewropej, inklużi xogħlijiet orfni , għandu jiġi ffaċilitat. Il-promozzjoni tal-offerti legali għandha tiġi ssupplimentata b'leġiżlazzjoni Ewropea li għandha tiġi adottata biex issaħħaħ il- ġlieda kontra l-piraterija u l-falsifikazzjoni , b’mod partikolari billi jissaħħah l-Osservatorju Ewropew tal-Falsifikazzjoni u l-Piraterija, u billi titjieb il-koperazzjoni tal-awtoritajiet[29]. Il-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali mill-awtoritajiet doganali għandha tiġi rinfurzata permezz ta' leġiżlazzjoni reveduta. Il-piraterija u l-falsifikazzjoni jirrappreżentaw kost annwali għall-intrapriżi Ewropej stmat għal EUR 250 biljun[30]. Is-sistema tal-marki kummerċjali fl-Ewropa wkoll għandha tiġi aġġornata sabiex titjieb il-protezzjoni tal-marki kummerċjali u s-sistema Ewropea u s-sistemi nazzjonali jsiru aktar koerenti; dan se jissimplifika l-proċeduri, inaqqas l-kost u jippermetti lis-sistema sabiex tibbenefika bis-sħiħ mit-teknoloġiji l-ġodda li jiffaċilitaw ir-riċerki. Dawn il-kwistjonijiet se jiġu trattati fil-Komunikazzjoni dwar l-istrateġija dwar il-proprjetà intellettwali, li l-Kummissjoni se taddotta fl-2011. 2.4. Il-konsumaturi, atturi fis-suq uniku Azzjoni ewlenija: Leġiżlazzjoni dwar is-Soluzzjoni Alternattiva tat-Tilwim. L-għan huwa li jiġi żgurat l-istabiliment ta’ mezzi ta’ rikors straġudizzjarji kapaċi li jiggarantixxu soluzzjoni faċli, rapida u rħisa għall-konsumaturi, u li kapaċi tippreserva r-relazzjonijiet tal-intrapriżi mal-klijentela tagħhom. Din l-azzjoni se tinkludi d-dimensjoni tal-kummerċ online. | Is-suq uniku huwa realtà fil-ħajja ta’ kuljum tal-konsumaturi meta huma jivvjaġġaw, jixtru, iwettqu pagamenti, iżda huma għadhom qed jiltaqgħu wisq ta’ spiss ma’ diversi ostakoli u ma għandhomx fiduċja sħiħa fil-possibilità li jiksbu rimedju f’każ ta’ problema. Għar-rilanċ tas-suq uniku u b’mod partikolari tas-suq uniku diġitali, huwa b’hekk essenzjali li tiġi rrinfurzata l-fiduċja tal-konsumaturi fl-implimentazzjoni tad-drittijiet tagħhom. Applikazzjoni aħjar tad-dritt jippermetti lill-konsumaturi jevitaw telf sinifikanti – stmat li huwa ta’ 0.16 % tal-prodott domestiku gross (PDG) tal-Unjoni Ewropea. Aktar fiduċja tal-konsumaturi fil-kummerċ diġitali transfruntier tipproduċi ffrankar addizzjonali, stmat madwar 0.02% tal-PDG tal-Unjoni Ewropea jew EUR 2.50 biljun[31]. Minbarra r-regolament alternattiv tat-tilwim, il-Kummissjoni se tkompli wkoll ix-xogħlijiet tagħha fuq approċċ Ewropew ta’ rimedju kollettiv fuq il-bażi tar-riżultati tal-konsultazzjoni li nediet. Sabiex tissaħħah il-fiduċja tal-konsumaturi fis-suq uniku, għandhom jittieħdu azzjonijiet konkreti oħra . Il-konsumaturi għandhom ikunu jistgħu jiġu żgurati li l-prodotti li jixtru jkunu affidabbli, irrispettivament mill-post tal-produzzjoni. Għal dan l-għan, jeħtieġ li tiġi riveduta d- Direttiva dwar is-Sikurezza Ġenerali tal-prodotti . Bl-istess mod, l-intrapriżi jistennew li l-Istati Membri japplikaw regoli ta’ protezzjoni identiċi fl-UE kollha. Għal dan l-għan, se jitħejja pjan ta’ azzjoni multiannwali dwar is-sorveljanza tas-suq , anke fil-fruntieri esterni, mill-Kummissjoni flimkien mas-servizzi doganali u ta’ sorveljanza tas-suq, u dan se jiġi implimentat mill-Istati Membri. Sabiex jiġi żgurat li l-konsumaturi jiksbu informazzjoni affidabbli dwar il-prestazzjoni ambjentali tal-prodotti, il-Kummissjoni se tipproponi, fil-qafas ta’ Pjan ta’ Azzjoni dwar il-konsum u l-produzzjoni sostenibbli, inizjattiva dwar l-impatt ekoloġiku tal-prodotti . Jeħtieġ ukoll li tiġi ggarantita l-applikazzjoni korretta tal- jeddijiet tal-passiġġieri fil-mezzi tat-trasport kollha, inkluż għall-persuni b’mobilità mnaqqsa. Se tiġi ppubblikata Komunikazzjoni, li tiddeskrivi fil-qosor ir-regoli kollha eżistenti fl-Unjoni Ewropea dwar il-jeddijiet tal-passiġġieri fil-mezzi kollha tat-trasport: bl-ajru, bit-trejn, bil-bastiment, b'tal-linja jew kowċ. Sabiex il-konsumaturi jiġu protetti b’mod aħjar, il-Kummissjoni dalwaqt se tipproponi reviżjoni tad-Direttiva dwar il-vjaġġi b'kollox inkluż, b’mod partikolari meta dawn jinxtraw minn fuq l-Internet. Fl-aħħar nett, ix-xogħlijiet marbuta mal-protezzjoni tal-konsumaturi ta’ prodotti finanzjarji għall-konsumaturi se jkomplu b’mod partikolari fir-rigward tat-trasparenza tat-tariffi bankarji u ta’ protezzjoni akbar tal-mutwatarji fis-suq tas-self ipotekarju. 2.5. Is-servizzi Azzjoni ewlenija: Reviżjoni tal-leġiżlazzjoni dwar is-sistema tal-istandardizzazzjoni Ewropea sabiex tiġi estiża għas-servizzi u tagħmel il-proċeduri ta’ standardizzazzjoni aktar effikaċi, effiċjenti u inklużivi[32]. | L-istandardizzazzjoni tikkostitwixxi għodda essenzjali sabiex tippermetti l-libertà tal-moviment tal-merkanzija filwaqt li tkun żgurata l-interoperabilità tal-prodotti, is-sikurezza u l-kwalità tagħhom. Hija qed tintuża wkoll aktar u aktar fis-settur tas-servizzi, iżda l-aktar fil-livell nazzjonali. Għalhekk dan jista’ jwassal sabiex l-integrazzjoni tas-suq uniku tas-servizzi ssir aktar diffiċli. Sabiex jiġi evitat li jitfaċċaw aktar barrieri u jiġi ffaċilitat il-fluss transfruntier tas-servizzi, l-aktar għas- servizzi għall-intrapriżi bħal-loġistika jew l-immaniġjar tas-servizzi ta’ appoġġ għall-intrapriżi ("facility management"), huwa importanti li tiġi żviluppata l-istandardizzazzjoni tas-servizzi fil-livell Ewropew, filwaqt li jitqiesu bis-sħiħ il-ħtiġijiet tas-suq. Dan se jkun l-ewwel għan ta’ reviżjoni tas-sistema tal-istandardizzazzjoni Ewropea. Għan ieħor importanti se jkun li tiġi stabilita sistema aktar effikaċi, effiċjenti u inklużiva. Għandu jkun possibbli għas-sistema tal-istandardizzazzjoni li tippermetti l-adozzjoni rapida ta’ standards u l-adattament tagħhom għat-teknoloġiji l-ġodda fost l-oħrajn fil-qasam tat-teknoloġiji telematiċi, aktar parteċipazzjoni tal-SMEs u tal-partijiet l-oħra interessati u li tara li l-istandards jibqgħu aċċessibbli għall-uteni interessati kollha. B’mod aktar ġenerali, funzjonament tajjeb tas-suq uniku tas-servizzi huwa kundizzjoni essenzjali għall-ġenerazzjoni tat-tkabbir u l-impjiegi fl-Ewropa. Filwaqt li t-tkabbir tal-ekonomija Ewropea kien ta’ medja ta’ 2.1 % kull sena bejn l-1998 u l-2008, is-settur tas-servizzi kiber b’medja ta’ 2.8 % kull sena. L-impjieg fis-settur żdied bi 2 % fis-sena, meta mqabbel ma’ 1 % għall-ekonomija kollha[33]. Għal dan l-għan, il-prijorità immedjata hija l-implimentazzjoni sħiħa tad-Direttiva tas-Servizzi mill-Istati Membri kollha, inkluża l-implimentazzjoni tal-punti ta’ kuntatt uniċi. Lil hinn minn din l-implimentazzjoni u b'konformità mal-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-24-25 ta' Marzu 2011, il-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri, se twettaq "testijiet tal-prestazzjoni” bl-għan li teżamina aktar mill-qrib il-funzjonament prattiku tal-qafas regolatorju tal-Unjoni li japplika għal ċerti setturi ta’ tkabbir bħal dawk tas-servizzi għall- intrapriżi , tal- kostruzzjoni u tat- turiżmu . Hija se twettaq evalwazzjonijiet aktar avvanzati tar-riżervi tal-attivitajiet, is-sjieda tal-kapital, il-forma ġuridika u r-rekwiżiti fir-rigward tal-assigurazzjonijiet, billi għad hemm ħafna ostakoli għal integrazzjoni aħjar tas-suq tas-servizzi[34]. Abbażi tar-riżultati ta’ dawn l-inizjattivi varji, il-Kummissjoni tiddeċiedi fl-2012 dwar l-istadji li jmiss. Is-setturi tal-operaturi u tal-konsumaturi għandhom ukoll ikunu soġġetti għal attenzjoni partikolari minħabba l-kontribut tagħhom għat-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi. Ser tittieħed inizjattiva għall- ġlieda kontra prattiki kummerċjali inġusti bejn l-intrapriżi sabiex jiġu identifikati n-natura u l-iskala tal-problemi b'rabta mal-prattiki kummerċjali inġusti bejn l-operaturi professjonisti tul il-katina kollha tal-provvista, biex jiġu elenkati r-regolamenti fil-livell tal-Istati Membri, biex tiġi vvalutata l-implimentazzjoni tagħhom, u fl-aħħar nett biex jiġu identifikati l-alternattivi differenti possibbli. L-għan ser ikun biex jinġibu fi tmiemhom il-prattiki inġusti li jippreġudikaw il-vijabilità tal-intrapriżi u biex tiġi stimulata l-kompetittività tal-operaturi varji fil-ktajjen tal-provvista fil-kuntest ta’ suq uniku aktar ġust u effikaċi fis-setturi tal-operaturi u tal-konsumaturi, u fl-istess waqt jiġu ssodisfati l-aspettazzjonijiet tal-konsumaturi u tal-produtturi fir-rigward tal-prezzijiet kompetittivi. Fir-rigward tal-importanza tas- servizzi għall-intrapriżi , il-Kummissjoni se tistabilixxi Grupp ta’ Livell Għoli sabiex jistudja d-defiċenzi tas-suq. Fl-aħħar nett, u mingħajr ħsara għar-rikonoxximent tal-kwalifiki, ser ikun meħtieġ li jiġi eżaminat kif tiġi żgurata l-kwalità tal-edukazzjoni provduta fil-kuntest tal-moviment liberu tas-servizzi, fid-dawl tal-firxa tal-fenomenu tal-franchising fl-edukazzjoni. 2.6. In-netwerks Azzjoni ewlenija: Liġijiet dwar l-infrastrutturi enerġetiċi u tat-trasport biex jiġu identifikati u varati l-proġetti strateġiċi ta’ interess Ewropew u biex jiġu żgurati l-interoperabilità u l-intermodalità. | In-netwerks enerġetiċi, tat-trasport u tal-komunikazzjonijiet elettroniċi jikkostitwixxu s-sinsla tas-suq uniku. Fil-fatt, infrastruttura li tiffunzjona tajjeb tiffavorixxi l-moviment liberu rapidu u bi prezz raġonevoli tal-persuni, il-merkanzija, id-diversi tipi ta’ enerġija u tad-dejta (bl-allokazzjoni ta’ spettru tar-radju adegwat). Integrazzjoni ekonomika effiċjenti tistrieħ fuq l-integrazzjoni tal-infrastruttura ta’ netwerks li jiffunzjonaw tajjeb. Politika Ewropea ġdida għall- infrastrutturi enerġetiċi [35] hija indispensabbli sabiex tibdel il-mod li bih jiġu ppjanati u żviluppati n-netwerks fl-UE. Għandhom jinsabu soluzzjonijiet għal konnessjonijiet importanti neqsin, u n-netwerks għandhom isiru aktar intelliġenti sabiex l-enerġija tiġi ttrasportata b’mod aħjar. Leġiżlazzjoni ġdida għandha tiffaċilita l-kostruzzjoni ta’ netwerk unifikat u intelliġenti li jżid is-sikurezza tal-forniment u l-integrazzjoni tas-swieq, iżda wkoll l-effikaċa enerġetika u l-konsum tal-enerġija rinnovabbli. L-aċċellerazzjoni u t-trasparenza tal-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni huma essenzjali sabiex l-integrazzjoni tan-netwerks enerġetiċi nazzjonali f’netwerk wieħed Ewropew issir b’suċċess. Huwa urġenti li wieħed jaġixxi f’dan il-qasam, minħabba ż-żmien osservat għall-awtorizzazzjoni ta’ proġetti ġodda (spiss aktar minn 10 snin). Fir-rigward tat-trasport, għandhom jiddaħħlu fis-seħħ l-azzjonijiet promossi mill-White Paper dwar il-politika tat-trasport b'perspettiva sal-2050, partikolarment maħsuba biex jeliminaw l-ostakli għar-realizzazzjoni ta’ suq tassew uniku, jindirizzaw il-modi u s-sistemi kollha nazzjonali, inkluż is-sistemi intelliġenti tat-trasport, u l-iżvilupp ta’ netwerk ta’ kabotaġġ u trasport multimodali moderni. Partikolarment, l-UE mhux dejjem għandha netwerk ta’ infrastrutturi transfruntieri konnessi, interoperabbli u effiċjenti biżżejjed. Ir-reviżjoni tal-linji gwida komuni għall-iżvilupp ta’ netwerk trans-Ewropew tat-trasport (TEN-T) fl-2011 għandha tippermetti l-eliminazzjoni tal-ilmiebet prinċipali u jitneħħew il-lakuni li fadal u jiġu interkonnessi l-modalitajiet tat-trasport permezz ta’ identifikazzjoni aħjar ta’ proġetti u insegwiment aħjar tad-deċiżjonijiet. B'dan il-mod, il-linji gwida ġodda jiddefenixxu netwerk bażiku ta’ infrastrutturi strateġiċi Ewropej li jintegraw il-partijiet tal-Punent u l-Lvant tal-Unjoni Ewropea, u b'hekk iwasslu għal netwerk Ewropew tal-mobilità u żona unika Ewropea tat-trasport. Fl-aħħarnett, l-ispettru tar-radju għandu importanza essenzjali għas-soċjetà diġitali, is-servizzi veloċi bla fili, l-irkupru ekonomiku, it-tkabbir, il-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità u l-kompetittività fit-tul tal-UE. B'kunsiderazzjoni tal-importanza tad-disponibilità u l-użu effikaċi tal-ispettru għall-istabiliment ta’ suq intern għall-komunikazzjonijiet elettroniċi u għall-oqsma l-oħra tal-politika tal-UE, il-Parlament u l-Kunsill huma mistiedna li jadottaw malajr il-proposta ta’ deċiżjoni li tistabilixxi programm dwar l-ippjanar strateġiku u l-armonizzazzjoni tal-użu tal-ispettru tar-radju fl-Ewropa. 2.7. Is-suq uniku diġitali Azzjoni ewlenija: Leġiżlazzjoni li tiżgura r-rikonoxximent reċiproku tal-identifikazzjoni u tal-awtentifikazzjoni elettronika fl-UE u reviżjoni tad-Direttiva dwar il-firma elettronika, sabiex tippermetti interazzjoni b’mezz elettroniku sigur u mingħajr restrizzjonijiet bejn intrapriżi, ċittadini u amministrazzjonijiet pubbliċi, b’vantaġġ għall-effikaċa tas-servizzi u tas-swieq pubbliċi, tal-prestazzjoni tas-servizzi u tal-kummerċ elettroniku, anke fid-dimensjoni transfruntiera tagħhom. | Ir-rinfurzar tal-fiduċja fit-tranżazzjonijiet elettroniċi hija kundizzjoni sine qua non tal-iżvilupp ta’ suq intern diġitali li jkunu jistgħu jibbenefikaw bis-sħiħ minnu ċ-ċittadini, l-intrapriżi u l-amministrazzjonijiet. L-ingredjenti essenzjali għal dan il-għan huma s-servizzi fiduċjarji elettroniċi li jirrispettaw il-protezzjoni tal-privatezza, jiggarantixxu ċ-ċertezza ġuridika, jiżguraw is-sigurtà tat-tranżazzjonijiet, jaħdmu lil hinn mill-fruntieri, ikunu rikonoxxuti mis-setturi tal-attività kollha iżda jkunu sempliċi biex jintużaw, eknonomiċi u taħt il-kontroll strett tal-partijiet fi tranżazzjoni. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni se tipproponi qafas leġiżlattiv ġdid biex jiżgura l-fiduċja fit-tranżazzjonijiet elettroniċi. Dan il-qafas se jipproponi r- reviżjoni tad-Direttiva dwar il-firma elettronika biex jikkjarifika l-kunċetti, jissimplifika l-użu tal-firma elettronika u jelimina l-barrieri għall-interoperabilità. Il-qafas se jiggarantixxi wkoll ir- rikonoxximent reċiproku ta’ servizzi ta’ identifikazzjoni u ta’ awtentikazzjoni elettroniċi . Dan il-qafas leġiżlattiv se jindirizza wkoll il-funzjonament transfruntier ta’ ċerti servizzi fiduċjarji oħrajn. L-istrumenti proposti għal dan il-qafas se jkunu ġeneriċi mingħajr ma jkunu marbuta ma' settur ta’ attività speċifiku b'mod partikolari fir-rigward tal- identità elettronika . Il-qafas se jkun teknoloġikament newtrali u se jkun miftuħ għall-mezzi tal-komunikazzjoni kollha bħall-Internet jew il-komunikazzjonijiet mobbli. L-iżvilupp tat-teknoloġija diġitali huwa wieħed mill-ixpruni ewlenin biex tingħata spinta lit-tkabbir u lill-impjiegi fl-UE, fl-aspetti differenti tagħha: industrija tat-teknoloġiji telematiċi (li l-valur miżjud tagħha fl-ekonomija Ewropea kien ta’ madwar EUR 600 biljun fl-2007[36]), numru dejjem jikber ta’ Ewropej li jużaw l-Internet regolarment jew anki ta’ kuljum (b’kollox kienu 65 % u 53 % rispettivament fl-2010[37]), suq tal-faxxa wiesgħa (broadband) li, fl-2010[38], kiseb pożizzjoni dominanti fid-dinja, suq għall-informazzjoni tas-settur pubbliku stmat għal EUR 27 biljun[39], biex insemmu xi ftit. L-inizjattiva ewlenija “Aġenda Diġitali għall-Ewropa”[40] tippreżenta grupp sħiħ ta’ azzjonijiet li finalment għandhom iwasslu għal suq uniku diġitali. It-trasport tal-vuċi u tad-dejta kull ma jmur jikkostitwixxi servizz essenzjali għaċ-ċittadini Ewropej kollha. Fir-rigward tat-tariffi tar-rowming, il-miżuri regolatorji meħuda mill-Unjoni sa mill-2007 taw kontribut ċar għal tnaqqis fil-kostijiet telefoniċi u għal aktar trasparenza għall-konsumatur. Madankollu, il-prezzijiet għall-konsumaturi tas-servizzi ta’ trażmissjoni tad-dejta waqt ir-rowming għadhom għoljin wisq, u jwasslu sabiex il-maġġoranza tal-individwi u parti sinifikanti tal-intrapriżi ma jużawx dawn is-servizzi barra mill-fruntieri. L-iżvilupp tas-suq uniku diġitali huwa mxekkel min-nuqqas ta’ fiduċja tal-konsumaturi, li l-kawżi ewlenin tiegħu jikkonċernaw is-sigurtà tal-pagamenti u r-rispett tad-drittijiet tal-konsumaturi fit-tranżazzjonijiet transfruntieri[41], partikolarment f'termini ta’ sikurezza tal-prodotti u tal-iffalzifikar[42]. Dan in-nuqqas ta’ fiduċja u d-diffikultajiet li wieħed jixtri minn fuq l-Internet fi Stati Membri oħra jispjegaw il-fatt li l-kummerċ elettroniku jirrappreżenta anqas minn 5 % mill-bejgħ għall-konsumaturi, u li 9 % tal-Ewropej biss diġà xtraw minn fuq l-Internet fi Stat Membru ieħor[43]. L-isfida hija li suq uniku reali jsir aċċessibbli għaċ-ċittadini kollha, inklużi l-aktar popli vulnerabbli jew li jgħixu f'territorji iżolati. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni se tippreżenta pjan ta’ azzjonijiet għall-iżvilupp tal- kummerċ elettroniku . Din il-komunikazzjoni tevalwa l-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kummerċ-e u tanalizza l-isfidi li għandhom jingħelbu: il-mikropagamenti, is-sigurtà tal-pagamenti fuq l-Internet, il-protezzjoni tad-dejta personali, il-ġlieda kontra l-falzifikazzjoni, il-kunsinna tal-ordnijiet, ir-responsabilità tal-fornituri tas-servizzi fuq l-Internet, u l-koerenza tad-dritt Ewropew li għandu impatt fuq il-kummerċ elettroniku[44]. Il-Kummissjoni ser tipproponi wkoll miżuri biex tippromwovi l-iżvilupp ta’ spazju integrat għall-kards ta’ pagament kif ukoll għall-forom innovattivi l-oħra ta’ pagament. Id-diskriminazzjonijiet ibbażati fuq il-pożizzjoni ġeografika, b’mod partikolari fil-kummerċ online, għandhom jiġu eliminati. Il-Kummissjoni se tippreżenta linji gwida [45] sabiex jiġu eliminati d-diskriminazzjonijiet inġustifikati abbażi tan-nazzjonalità jew il-post ta' residezna, partikolarment fil-kummerċ online. Fl-aħħar nett, id-Direttiva li tikkonċerna r-riutilizzazzjoni tal-informazzjoni tas-settur pubbliku (PSI[46]) introduċiet il-kundizzjonijiet bażiċi għar-riutilizzazzjoni tar-rikkezza tad-dejta prodotta mill-amministrazzjonijiet pubbliċi li tista’ tagħti spinta lis-swieq tal-kontenut u tas-servizzi jekk ikunu disponibbli f’kundizzjonijiet trasparenti u nondiskriminatorji[47]. Ir-reviżjoni tagħha se tippermetti li l-informazzjoni mis-settur pubbliku ssir sors importanti ta’ opportunitajiet ta’ tkabbir għal ħafna aktar setturi innovattivi. 2.8. L-intrapreditorjat soċjali Azzjoni ewlenija: Leġiżlazzjoni li toħloq qafas Ewropew li jiffaċilita l-iżvilupp tal-fondi ta’ investiment in solidum, li jżidu l-effett tal-inizjattivi nazzjonali billi jiftħu l-opportunitajiet tas-suq uniku għal dawn il-fondi (aċċess għal opportunitajiet ta' investiment u għal investituri stabiliti ġewwa l-Istati Membri kollha). | Is-suq intern huwa bbażat fuq ‘ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna’, li tirrifletti l-evoluzzjoni lejn tkabbir inklużiv, aktar soċjalment ġust u ekoloġikament sostenibbli. Qed jinfirxu mudelli ekonomiċi ġodda, fejn dawn il-kunsiderazzjonijiet soċjali qegħdin jegħlbu l-loġika ta’ profitt finanzjarju biss. Din it-tendenza għandha tirriżulta fis-suq uniku. Dan jeħtieġ l-iżgurar ta’ kundizzjonijiet ekwi ta’ kompetizzjoni, l-appoġġ tal-esperjenzi li jintroduċu aktar ugwaljanza fl-ekonomija u li jipparteċipaw fil-ġlieda kontra l-esklużjoni. Jeħtieġ li jintuża l-ixprun finanzjarju qawwi li jikkostitwixxi l-industrija Ewropea tal-immaniġjar tal-assi (EUR 7 000 biljun fl-2009) għall-promozzjoni tal-iżvilupp tal-intrapriżi li jkunu għażlu, lil hinn mit-tfittxija leġittima ta’ profitt finanzjarju, li jsegwu wkoll għanijiet ta’ interess ġenerali, ta’ żvilupp soċjali, etiku jew ambjentali. Sabiex jiġi żgurat li r-regoli jkunu ugwali għal kulħadd, il-Kummissjoni se tippreżenta proposta leġiżlattiva dwar it-trasparenza tal-informazzjoni soċjali u ambjentali pprovduta mill-intrapriżi fis-setturi kollha. Biex ikun jista’ jiżviluppa u jirrispondi għall-għanijiet tiegħu, is-settur tal-ekonomija soċjali fis-suq intern għandu jkun jista’ jgawdi minn strutturi organizzazzjonali ġuridiċi partikolari. Is-settur koperattiv , pereżempju, huwa aktar attiv minn qatt qabel[48], iżda għandha ssir evalwazzjoni dwar in-nuqqas ta’ adeżjoni mal- Istatut għal Soċjetà Koperattiva Ewropea. Is-soċjetajiet mutwatarji jaħdmu f'setturi ewlenin għaċ-ċittadini (saħħa, bank, assigurazzjoni, eċċ.), iżda rari joffru s-servizzi tagħhom f'aktar minn Stat Membru wieħed. Minkejja dan, b’25 % tas-suq tal-assigurazzjoni u 70 % tan-numru totali ta’ intrapriżi tas-settur, huma ma jistgħux jiġu injorati fis-suq uniku. Il- fundazzjonijiet jipprovdu kontribut qawwi għall-finanzjament tax-xogħol innovattiv u ta’ interess ġenerali. Madankollu dawn jiltaqgħu ma' diffikultajiet biex jistabilixxu ruħhom fi Stati Membri oħra, jew biex jimmutwalizzaw il-mezzi tagħhom lil hinn mill-fruntieri. Sabiex tegħleb dawn id-diffikultajiet, il-Kummissjoni se tippreżenta proposta ta’ Regolament li jistabilixxi Statut tal-Fundazzjoni Ewropea. Barra minn hekk, ċerti intrapriżi inkludew il-ġlieda kontra l-esklużjoni fil-missjoni tagħhom mingħajr ma rrinunċjaw għall-profitt. Spiss intrapriżi żgħar ħafna jaġixxu lokalment, iżda xi wħud għandhom potenzjal veru ta’ tkabbir u ta’ ħolqien ta’ impjiegi[49]. L-istrumenti legali[50] għandhom jippermettu li s-suq uniku jkun il-bażi għall-iżvilupp tagħhom, jew l-orizzont ta’ tkabbir tagħhom minflok ma jagħlquhom fit-territorji nazzjonali biss. Fil-qafas tal-pjattaforma Ewropea kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali[51], il-Kummissjoni se tappoġġja l-iżvilupp tal-ekonomija soċjali bħala strument ta’ inklużjoni attiv billi fl-2011 tipproponi “Inizjattiva ta’ Negozju Soċjali” u billi tiffaċilita l-aċċess għall-programmi finanzjarji tal-UE li jistgħu jintużaw f’dan il-qasam. Il-Kummissjoni se tadotta wkoll fl-2011 Komunikazzjoni dwar ir-responsabilità soċjali tal-intrapriżi (RSI), kunċett aktar inklużiv min-negozju soċjali, li jinkoraġġixxi lill-intrapriżi kollha sabiex isegwu azzjonijiet b’għanijiet soċjali jew ambjentali fl-attivitajiet ta’ kuljum tagħhom. 2.9. It-tassazzjoni Azzjoni ewlenija: Ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar it-tassazzjoni tal-enerġija sabiex jiġi żgurat trattament koerenti tad-diversi sorsi ta’ enerġija biex jitqies aħjar il-kontenut enerġetiku tal-prodotti kif ukoll il-kontenut f’emissjonijiet ta’ CO2. | Il-leġiżlazzjoni fiskali tal-UE ma għadhiex adattata għar-realtajiet tas-suq uniku tas-seklu 21, u lanqas għall-isfidi tal-iżvilupp sostenibbli. Din ma tippermettix li tiġi żgurata l-ugwaljanza fit-trattament tal-konsumaturi finali fis-suq intern, u ma tinkoraġixxix biżżejjed l-aktar prattiki ekonomiċi fl-enerġija jew dawk li jagħmlu l-inqas ħsara lill-ambjent. Illum huwa importanti li t-tassazzjoni tkun tippermetti li l-konsumatur jiġi ggwidat lejn użu aħjar tar-riżorsi enerġetiċi, billi jiffavorixxu s-sorsi tal-enerġija nadifa. Barra minn hekk, l-intrapriżi li jkollhom diversi stabilimenti fl-UE jkollhom jissottomettu diversi dikjarazzjonijiet tat-taxxa fuq l-introjtu u jaħdmu ma’ diversi amministrazzjonijiet fiskali. Il-proġett ta’ bażi komuni konsolidata tat-taxxa korporattiva (BKKTK) jikkostitwixxi azzjoni li fi tmiemha l-Kummissjoni tipproponi l-armonizzazzjoni tal-metodi ta’ kalkolu tal-introjtu taxxabbli, sabiex l-intrapriżi konċernati jkunu soġġetti għall-istess regoli jkun liema jkun l-Istat Membru li jintaxxa[52]. It-twaqqif ta’ punt uniku ta’ kuntat għall-affarijiet fiskali jiffaċilita r-relazzjonijiet bejn l-intrapriżi u l-amministrazzjoni fiskali u jorganizza l-koperazzjoni amministrattiva bejn l-awtoritajiet fiskali tal-Istati Membri. Kull sena, il-BKKTK se tippermetti lill-intrapriżi tal-Unjoni li jiffrankaw EUR 700 miljun, fir-rigward tal-kost ta’ konformità u 1.3 biljun permezz tal-konsolidazzjoni. Barra minn hekk l-intrapriżi li jixtiequ jiżviluppaw lil hinn mill-fruntieri nazzjonali jibbenefikaw minn iffrankar ta' madwar biljun (1) euro. Il-BKKTK kienet ġiet identifikata fl-istrateġija annwali ta’ tkabbir bħala waħda mill-miżuri favorevoli għat-tkabbir li għandha tingħata prijorità biex tiġi adottata sa tmiem l-2012. Fil-qafas tal-involviment sħiħ tal-Parlament u tal-Kunsill se jkun essenzjali sabiex jissodisfa l-aspettazzjoni qawwija tal-intrapriżi fir-rigward tas-simplifikazzjoni tal-ambjent regolatorju tagħhom. Is-sistema tal- VAT ukoll għandha tiġi rriveduta sabiex tiġi speċifikata s-sistema definittiva applikabbli għall-operazzjonijiet transfruntieri, b'mod partikolari, u l-modalitajiet ta’ ntaxxar tagħhom, bl-għan li jitnaqqsu l-imposti amministrattivi speċifiċi fuq dawn it-tranżazzjonijiet u li l-katina kummerċjali kollha fuq bażi soda, speċjalment għall-SMEs. Il-Kummissjoni fi ħsiebha tidentifika, qabel l-2011, l-elementi ta’ strateġija tal-VAT maħsuba biex iwasslu għal inizjattivi leġiżlattivi. Dawn ikollhom jiġu eżaminati bħala parti mill-pass li jmiss għat-tisħiħ tas-suq uniku wara l-2012. Il- problemi fiskali transfruntieri jikkostitwixxu ostakolu sinifikanti ffaċċjat miċ- ċittadini . Għandha tinsab soluzzjoni għalihom. Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tneħħija ta' ostakoli fiskali transkonfinali [transfruntieri] għaċ-ċittadini tal-UE[53] identifikat l-aktar problemi gravi, partikolarment it-tassazzjoni doppja, id-diskriminazzjoni fiskali kif ukoll l-aċċess diffiċli għall-informazzjoni u għall-amministrazzjonijiet fiskali ta’ Stati Membri oħra. Hi ħabbret miżuri biex jindirizzaw il-problemi speċifiċi. Is-soluzzjonijiet possibli jinkludu partikolarment mekkaniżmu vinkolanti għal-litiġji fi kwisjonijiet ta’ tassazzjoni doppja, il-ħolqien ta’ punti uniċi ta’ aċċess għall-amministrazzjonijiet u t-trattament fiskali tas-suċċessjonijiet transfruntieri. 2.10. Il-koeżjoni soċjali Azzjoni ewlenija: Leġiżlazzjoni maħsuba sabiex ittejjeb u ssaħħaħ it-transpożizzjoni, l-applikazzjoni u r-rispett fil-prattika tad-direttiva dwar “l-Istazzjonar tal-Ħaddiema”[54], li tinkludi miżuri għall-prevenzjoni u ssanzjonar ta’ kull abbuż u tagħwiġ tar-regoli applikabbli, akkumpanjata minn leġiżlazzjoni bl-għan li tikkjarifika l-eżerċizzju tal-libertajiet tal-istabiliment u tal-forniment tas-servizzi flimkien mad-drittijiet soċjali fundamentali. | F'ekonomija soċjali tas-suq, suq tas-servizzi Ewropew aktar unifikat jassumi li jiggarantixxi, mingħajr livellar sal-qiegħ, li l-intrapriżi jkunu jistgħu jipprovdu s-servizzi tagħhom aktar faċilment fl-Unjoni Ewropea kollha, b’mod partikolari permezz tal-istazzjonar tal-impjegati tagħhom, filwaqt li jiġu pprovduti aktar impjiegi ta’ kwalità u livell għoli ta’ protezzjoni għall-ħaddiema u tad-drittijiet soċjali tagħhom. F’dan ir-rigward, l-applikazzjoni tal-qafas ġuridiku dwar l-istazzjonar tal-ħaddiema għandu jitjieb, sabiex tiġi ffaċilitata ċ-ċirkolazzjoni tal-informazzjoni bejn l-intrapriżi u l-awtoritajiet tal-Istati Membri, jiġu infurzati l-kontrolli, u sabiex jiġu miġġielda l-abbużi, b'mod partikolari fejn għandhom x'jaqsmu d-drittijiet tal-ħaddiema. Il-leġiżlazzjoni tas-suq uniku għandha tqis kif xieraq l-Artikoli 8 u 9 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewroepa, li llum għandha l-istess valur ġuridiku tat-Trattat. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ser tipproponi leġiżlazzjoni applikabbli għas-setturi kollha li tikkjarifika l-eżerċizzju tal-libertà tal-istabiliment u l-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi flimkien mal-jeddijiet soċjali fundamentali, inkluż id-dritt li tittieħed azzjoni kollettiva, skont id-dritt u l-prattiki nazzjonali u b'konformità mad-dritt tal-UE[55]. Lil hinn minn dan, kumplessivament il-proġett Ewropew jikkunsidra l-koeżjoni soċjali u territorjali tal-Unjoni bħala preokkupazzjoni ewlenija. Huwa jirrikonoxxi wkoll li l-forzi tas-suq biss ma jwasslux għal respons adegwat għall-ħtiġijiet kollettivi kollha. Is-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (SIEĠ) jikkostitwixxu element essenzjali tal-mudell soċjali Ewropew, jiġifieri ta’ ekonomija kemm kompetittiva ħafna kif ukoll soċjalment inklużiva. L-Unjoni Ewropea tirrikonoxxi, b’mod partikolari fl-Artikolu 14 tat-TFUE u fil-protokoll 26 anness mat-trattati, l-importanza tas-SIEĠ għall-promozzjoni tal-koeżjoni soċjali u territorjali tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, kif ukoll ir-rwol essenzjali u s-setgħat diskrezzjonarji wiesgħa tal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali għall-forniment, l-eżekuzzjoni u l-organizzazzjoni tas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali b'mod li jwieġeb għall-ħtiġijiet tal-utenti, b'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà. Fil-qasam tas-swieq pubbliċi, il-Kummissjoni għadha kemm wettqet riflessjoni bl-għan li tikkjarifika l-artikolazzjoni tar-regoli li jirregolaw l-għajnuna mill-Istat ma’ dawk li jorganizzaw is-swieq pubbliċi kif ukoll is-sistema applikabbli għas-servizzi pprovduti internament. Barra minn hekk, huwa fil-kompetenza esklużiva tal-Kummissjoni, b’konformità mal-Artikolu 106 tat-TFUE, li tara li dawn il-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni u ta’ finanzjament tas-SIEĠ ikunu konformi mal-prinċipji u d-dispożizzjonijiet tat-Trattat fir-rigward tal-kompetizzjoni. Barra minn hekk, għadha kemm tvarat diskussjoni dwar ir-reviżjoni li jmiss tal-pakkett ta’ miżuri dwar l-għajnuna mill-Istat favur is-SIEĠ (magħruf ukoll bħala “l-Pakkett post-Altmark”)[56]. Ir-riforma futura għandha tkun ibbażata fuq għan doppju ta’ kjarifikazzjoni u ta’ approċċ differenzjat u proporzjonali. Għalhekk il-Kummissjoni fi ħsiebha, fejn neċessarju, tippreċiża diversi kunċetti ewlenin. Min-naħa l-oħra, fi ħsiebha tiżgura li l-grad tal-iskrutinju tal-għajnuna mill-Istat ikun porporzjonat għan-natura tas-servizzi pprovduti u l-iskala tagħhom. F'Komunikazzjoni li se tiġi adottata sal-aħħar tas-sena 2011, il-Kummissjoni se tippreżenta azzjonijiet bil-għan li tiżgura aħjar li s-SIEĠ, inkluż is-servizzi soċjali ta’ interess Ġenerali (SSIĠ), jibbenifikaw minn qafas li jippermettilhom iwettqu l-missjoni tagħhom. Il-Komunikazzjoni l-Kummissjoni għalhekk se teżamina l-miżuri meħtieġa sabiex jiġu żgurat li, b'konformità mal-Artikolu 14 u l-Protokoll 26, iċ-ċittadini kollha jkollhom aċċess affordabbli għas-servizzi essenzjali ta’ kuljum li jkunu jeħtieġu sabiex jipparteċipaw fil-ħajja ekonomika u soċjali, b'kunsiderazzjoni tar-rwol vitali tal-Istati Membri fil-forniment, l-eżekuzzjoni u l-organizzazzjoni ta’ dawn is-servizzi. F'dan ir-rispons għandu jiqies il-karattru evoluttiv tal-bżonnijiet tal-Ewropej. Il-Kummissjoni tinnota li mhux iċ-ċittadini kollha għandhom il-possibilità li jipparteċipaw b’mod attiv fis-suq uniku. Pereżempju, l-aċċess għas-servizzi bankarji bażiċi, li sar kundizzjoni meħtieġa għall-parteċipazzjoni fil-ħajja ekonomika u soċjali, mhuwiex kompletament iggarantit. Il-Kummissjoni b’hekk se tipproponi inizjattiva dwar l-aċċess għal kont ta’ pagament bażiku, bi prezz raġonevoli, għal kull ċittadin, ikun liema jkun il-post ta’ residenza fl-UE. 2.11. L-ambjent regolatorju tal-intrapriżi Azzjoni ewlenija: Is-simplifikazzjoni tad-Direttivi dwar l-istandards tal-kontabilità fir-rigward tal-obbligi ta’ rapportar finanzjarju, u tnaqqis tar-restrizzjonijiet amministrattivi, b’mod partikolari dawk li huma ta’ piż fuq l-SMEs. | Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-24-25 ta’ Marzu 2011 il-Kunsill Ewropew enfasizza l-ħtieġa li jitnaqqsu r-restrizzjonijiet regolatorji speċjalment dawk ta’ xkiel għall-SMEs, kemm fil-livell Ewropew kif ukoll dak nazzjonali, dossier li dwaru l-Kummissjoni se tirrapporta lill-Kunsill Ewropew[57]. In-numru ta’ vantaġġi li jġib miegħu is-suq uniku jiddependi mill-faċilità li biha l-persuni, il-prodotti, is-servizzi u l-kapital ikunu jistgħu jiċċaqalqu liberament minn Stat Membru għall-ieħor. L-għan tal-politiki tas-suq uniku huwa li jitħaffu dawn il-movimenti mhux biss permezz tal-abolizzjoni tal-barrieri, iżda wkoll permezz tal-ħolqien ta’ ambjent regolatorju li jimminimizza l-piż amministrattiv. Il-proposta għal reviżjoni tad-direttivi tal-kontabilità għandha l-għan ewlieni li tnaqqas il-piż amministrattiv minħabba l-obbligi kontabilistiċi imposti fuq il-mikrointrapriżi u dawk żghar li jkollhom l-għamla ta’ kumpanija pubblika limitata jew kumpanija b’responsabilità limitata. L-iffrankar potenzjali li jirriżulta minn din il-proposta jammonta għal EUR 1.5 biljun fis-sena għal 1.1 miljun intrapriża żgħira, u EUR 5.2 biljuni fis-sena għal 5.9 miljuni mikrointrapriżi. L-iffrankar ġej l-aktar minn tnaqqis tal-obbligi ta’ rapportar finanzjarju għal dawn il-mikrointrapriżi u l-intrapriżi ż-żgħar. Lil hinn minn din is-simplifikazzjoni, ir-reviżjoni tad-direttivi se jkollha wkoll l-għan li ttejjeb iċ-ċarezza u l-kumparabilità fl-UE tal-istati finanzjarji tal-intrapriżi żgħir sa dawk kbar. Barra minn hekk, il-proposta tal-Kummissjoni li teżenta l-mikrointrapriżi mid-dispożizzjonijiet tad-Direttivi tal-kontabilità għandha tiġi adottata mill-Kunsill u l-Parlament. L-introduzzjoni ta’ regoli Ewropej armonizzati tissostitwixxi sett ta’ 27 regola nazzjonali u b’hekk tikkostitwixxi tnaqqis fil-piż regolatorju. Barra minn dan, qed isiru sforzi sabiex jitnaqqas aktar il-piż amministrattiv li ġej mir-regoli Ewropej[58]. Għal dan l-għan, ġiet ippreżentata proposta mill-Kummissjoni sabiex jinħoloq Statut ta' Kumpaniji Privati Ewropej , li għadha għall-kunsiderazzjoni tal-Kunsill tal-UE. Imma għandha tiġi sblukkata mill-Kunsill. Sabiex jiġu ffaċilitati l-attivitajiet tal-SMEs, il-Kummissjoni addottat l-“ Att dwar in-Negozji ż-Żgħar ”[59]. Dan jintroduċi l-prinċipju tat-“L-Ewwel Aħseb fiż-Żgħir” fil-politiki Ewropej kollha u jinkludi firxa ta’ miżuri konkreti maħsuba sabiex jirrinfurzaw l-kompetittività tal-SMEs fi ħdan is-suq uniku. Strument alternattiv tal-liġi tal-kuntratti Ewropea għandu jiġi introdott biex jiffaċilita t-tranżazzjonijiet transfruntiera fis-suq uniku. Għandha titfittex ukoll l-adozzjoni ta’ regolament għall-iffaċilitar tal- irkupru tranfruntier tal-krediti . Dan jissimplifika aktar ir-regoli eżistenti, u jkun ta’ vantaġġ għaċ-ċittadini u l-intrapriżi li jkunu jixtiequ aktar ċertezza ġuridika f'dan il-qasam. 2.12. Is-swieq pubbliċi Azzjoni ewlenija: Qafas leġiżlattiv tas-swieq pubbliċi rivedut u aġġornat bl-għan li jwassal għal politika bilanċjata li tappoġġja domanda għal prodotti, servizzi u xogħlijiet li jagħmlu l-inqas ħsara lill-ambjent, li jkunu soċjalment responsabbli u innovattivi. Din ir-reviżjoni għandha wkoll toffri proċeduri aktar sempliċi u aktar flessibbli lill-awtoritajiet kontraenti, u tiżgura aċċess aktar faċli għall-intrapriżi, b'mod partikolari għall-SMEs[60]. | L-awtoritajiet pubbliċi jonfqu madwar 18 % tal-PDG tal-UE f’oġġetti, servizzi u xogħlijiet. Il-ligijiet Ewropej u nazzjonali fetħu s-swieq pubbliċi għal kompetizzjoni ġusta li l-konsegwenza tagħha hija li ċ-ċittadini jiġu offruti kwalità aħjar għal prezz aħjar. Fir-rigward tan-numru kbir ta’ oġġetti, servizzi u xogħlijiet li huma soġġetti għall-akkwist pubbliku, id-domanda pubblika toffri opportunitajiet sabiex tiżdied id-domanda għal oġġetti, servizzi u xogħlijiet ekoloġiċi, soċjalment responsabbli u innovattivi. Fi kliem ieħor, is-swieq pubbliċi jistgħu jkunu għodda sabiex iħeġġu l-iżvilupp ta' suq intern aktar ekoloġiku, soċjali u innovattiv. Jeħtieġ ukoll li jiġi eżaminat kif il-proċeduri jistgħu jsiru aktar sempliċi u aktar flessibbli sabiex tiżdied l-effiċjenza tal-akkwist pubbliku. Fl-istess ħin, tali simplifikazzjoni ma għandhiex twassal sabiex jiġi ristrett l-aċċess għas-swieq fuq l-iskala Ewropea. Għall-kuntrarju, l-aċċess għas-swieq għandu saħansitra jsir aktar faċli, b’mod partikolari għall-SMEs u l-kummerċ transfruntier, inkluż għall-akkwisti komuni bejn entitajiet kontraenti differenti. Fil-fatt, il-perċentwal ta’ kuntratti pubbliċi li huma jingħataw lil intrapriżi ta’ Stat Membru ieħor għadu relattivament baxx, speċjalment meta mqabbel mar-rata ta' penetrazzjoni fis-swieq privati. Il- konċessjonijiet tas-servizzi jirrappreżentaw piż ekonomiku sinifikanti[61] u jikkostitwixxu l-biċċa l-kbira tas-sħubijiet pubbliċi-privati. Qafas leġiżlattiv jippermetti ċertezza ġuridika akbar sabiex tappoġġa dawn is-sħubijiet. Il-ftuħ tas-swieq pubbliċi għall-kompetizzjoni jġib miegħu benefiċċji kemm globalment kif ukoll fil-livell Ewropew. Sabiex jiġi żgurat li dan il-ftuħ isir fi spirtu ta' reċiproċità u ta' benefiċċji reċiproċi, li joffri lill-intrapriżi Ewropej u barranin opportunitajiet ugwali u jiggarantixxi kompetizzjoni ġusta, għandha tiġi introdotta wkoll leġiżlazzjoni Ewropea dwar l-aċċess għall-intrapriżi ta' pajjiżi terzi għas-swieq pubbliċi Ewropej, li tippermetti li l-impenji jidħlu fil-qafas Ewropew. 3. Il-kundizzjonijiet għas-suċċess, Governanza rinfurzata tas-suq uniku Sabiex l-azzjonijiet proposti jipproduċu l-effetti mistennija f’termini ta’ tkabbir u impjiegi, jeħtieġ li l-kundizzjonijiet tal-iżvilupp tagħhom u l-implimentazzjoni effettiva tagħhom jiġu ssodisfati. Dawn il-kundizzjonijiet huma erbgħa: (1) djalogu aħjar mas-soċjetà ċivili kollha ; (2) sħubija mill-qrib mal-atturi differenti; (3) il-provvista effikaċi tal-informazzjoni għaċ-ċittadini u l-intrapriżi; u (4) kontroll tal-applikazzjoni tar-regoli tas-suq uniku aktar enerġiku. L-involviment tas-soċjetà ċivili u l-promozzjoni ta’ kultura tal-evalwazzjoni Il-konsultazzjoni pubblika uriet b’mod ċar li s-soċjetà ċivili tixtieq tkun involuta aktar mill-qrib fl-iżvilupp tas-suq uniku milli kienet qabel[62]. Sabiex timpenja ruħha f’dan il-qasam, il-Kummissjoni se tippubblika regolarment lista tal-20 aspettattivi ewlenin taċ-ċittadini u l-intrapriżi fir-rigward tas-suq uniku, ibbażati fuq l-esperjenzi konkreti tagħhom. Din il-lista tassew se tkun barometru tal-istat ta' funzjonament tas-suq uniku li se tissottometti lill- Forum tas-Suq Uniku . Dan se jlaqqa’ b’mod regolari l-atturi tas-suq: intrapriżi, sħab soċjali, organizzazzjonijiet mhux governattivi u rappreżentanti taċ-ċittadini, awtoritajiet pubblilċi f’livelli differenti tal-gvern, u parlamenti. Huwa se jeżamina l-istat tas-suq uniku, b’mod partikolari t-traspożizzjoni u l-applikazzjoni tad-direttivi, u se jiskambja l-prattiki tajbin. Se jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ kultura tal-valutazzjoni tal-politiki u f’dan ir-rigward se jieħu sehem sħiħ fis-segwitu tal-Att dwar is-Suq Uniku li għalih se jikkontribbwixxi sabiex ikejjel l-effetti fil-prattika. Ix-xogħol tal-Ombudsman ser jikkontribwixxi wkoll għal din l-evalwazzjoni. Sabiex issaħħaħ dan l-aspett tal-aħħar, il-Kummissjoni se tuża sett limitat ta’ indikaturi msemmija fl-Anness 2. Ir-rwol tas- sħab soċjali wkoll għandu jissaħħaħ, billi jingħataw iċ-ċans jippreżentaw il-pożizzjonijiet tagħhom dwar kwistjonijiet b'rabta mal-koeżjoni ekonomika u soċjali. Il-ħolqien ta’ sħubijiet u t-tħeġġiġ tal-koperazzjoni Il-ħtieġa li tissaħħaħ u tiġi estiża s- sħubija bejn l-atturi kollha tas-suq uniku , b’mod partikolari bejn l-Istati Membri u mal-Kummissjoni, ġiet enfasizzata mill-awtoritajiet territorjali li esprimew ir-rieda qawwija tagħhom li jkunu partijiet interessati fl-iżvilupp tal-politiki tas-suq uniku. Dan se jsir permezz tal-involviment akbar tagħhom fil-konsultazzjonijiet dwar il-proposti speċifiċi tal-Kummissjoni, u bit-tisħiħ tal-mezzi disponibbli sabiex jiffaċilitaw u jħeġġu l-koperazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet nazzjonali fil-livell li fih jittieħdu d-deċiżjonijiet individwali, jiġifieri spiss fil-livell territorjali. Għal dan l-għan, iċ-ċertezza ġuridika tas-sistema elettronika għall-iskambju tal-informazzjoni (IMI) – li diġà tgħaqqad 6,000 amministrazzjoni – ser tiġi rinfurzata . L-użu ta’ din is-sistema għandu jiġi ffavorit bħala għodda ta’ sħubija għall-implimentazzjoni tar-regoli tas-suq uniku fil-proposti futuri tal-Kummissjoni. Sabiex jiġu ffaċilitati l-iskambji bejn l-amministrazzjonijiet, jeħtieġ jiġu żviluppati l-possibilitajiet teknoloġiċi tat-traduzzjoni awtomatika. Informazzjoni aħjar għal implimentazzjoni aħjar tar-regoli dwar is-Suq Uniku Barra minn hekk, is-suq uniku jista’ wkoll jikkontribwixxi għat-tkabbir kieku l-acquis kollu (speċjalment il-liġijiet Ewropej fis-seħħ) kien implimentat mill-Istati Membri kollha u kienu jibbenefikaw bis-sħiħ l-intrapriżi u ċ-ċittadini . Dawn huma l-ewwel li jistgħu jistennew li d-drittijiet tagħhom ikunu rispettati. Sabiex ikunu jistgħu jagħmlu dan, jeħtieġ li jkunu jafu x'inhuma d-drittijiet tagħhom, li jkunu jistgħu jeżerċitawhom u li jkunu jistgħu jsibu għajnuna meta dawn id-drittijiet ma jiġux irrispettati. Il-Kummissjoni se ssaħħaħ ukoll il-punt ta’ aċċess uniku tagħha (“L-Ewropa Tiegħek”), flimkien mal-Istati Membri, sabiex dan isir il-punt uniku ta' informazzjoni u ta’ għajnuna, fil-livell Ewropew u nazzjonali. Huwa importanti wkoll li jitjiebu l-kundizzjonijiet li fihom ikunu jistgħu jingħataw soluzzjonijiet konkreti malajr u mingħajr ħlas għaċ-ċittadini u l-intrapriżi li d-drittijiet tagħhom ma jkunux kompletament rispettati. Dan sabiex ikun hemm il-fiduċja fis-suq uniku u b’hekk ir-rieda ta’ kull wieħed li jipparteċipa fih. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni u l-Istati Membri se jsaħħu n-netwerk SOLVIT bejn l-amministrazzjonijiet nazzjonali. Kundizzjonijiet ekwi u applikati b’mod uniformi Jekk l-użu tal-mezzi alternattivi għar-riżoluzzjoni għandu jkun sistematiku[63], meta d-diffikultajiet jippersistu u jirriżultaw b’mod partikolari problemi aktar strutturali li joriġinaw mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, il-Kummissjoni hija responsabbli li tagħmel użu sħiħ tal-proċeduri tal-Artikolu 258 tat-Trattat (TFUE). Waqt il-konsultazzjoni, il-partijiet interessati saħqu dwar l-importanza li jiġi żgurat li l-kundizzjonijiet ikunu ugwali għal kulħadd fis-suq uniku, u ħabbru numru ta' sitwazzjonijiet li jfixklu. Il-Kummissjoni b’hekk se tibda politika aktar deċiżiva f’dan il-qasam, u se tappella lill-Istati Membri sabiex itejbu s-sitwazzjoni tat-traspożizzjoni u l-konformità tal-liġi nazzjonali tagħhom permezz ta’ miri stabiliti li għandhom jintlaħqu. Dan l-approċċ diġà ppermetta li jitnaqqas id-defiċit ta’ traspożizzjoni għal 1 %, iżda minn issa ’l quddiem għandhom isiru aktar sforzi. Applikazzjoni tajba u kompleta tar-regoli dwar is-suq uniku mill-Istati Membri kollha teħtieġ li ġej sal-2012, kif mitlub mill-Parlament Ewropew: (i) in-notifika mill-Istati Membri tat-tabelli ta' korrelazzjoni biex isiru pubbliċi ; (ii) l-iffissar tal-miri li jillimitaw id-defiċit ta’ traspożizzjoni u d-defiċit tal-konformità tad-dritt nazzjonali rispettivament sa 0.5 %[64] għad-defiċit ta’ traspożizzjoni u 0.5 % għad-defiċit tal-konformità tad-dritt nazzjonali rispettivament; (iii) l-applikazzjoni aktar effikaċi tal-proċeduri tal-ksur permezz ta’ miri numeriċi b'rabta mal-istadji tal-proċedura. Fl-aħħarnett, l-istrument ta' evalwazzjoni reċiproka bejn il-pari tista' tiġi proposta mill-Kummissjoni meta d-Direttiva ta' traspożizzjoni tkun tikkonċerna settur ewlieni uniku li fih il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali jkunu partikolarment abbondanti. Regoli fil-livell globali Is-suċċess tas-suq intern u tal-intrapriżi Ewropej fil-konkorrenza mondjali jiddependi mill-kapaċità tal-Unjoni Ewropea biex tiżgura l-koerenza u l-komplimentarità tal-politiki interni u esterni tagħha. Għal dan il-għan il-Kummissjoni ser tkompli bil-perkors tal-politika tagħha ta’ promozzjoni tal-konverġenza regolatorja u attivament tisħaq l-adozzjoni usa' ta’ standards internazzjonali. Ser tinnegozja ftehimiet kummerċjali b'enfasi partikolari mhux biss fuq l-aċċess għas-swieq, imma wkoll għall-konverġenza regolatorja. Għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-kandidati għall-adeżjoni fl-Unjoni Ewropea, li huma mistennija jadottaw l-acquis, kif ukoll għall-pajjiżi fil-viċinat tal-UE u s-sħab strateġiċi tal-Unjoni, sabiex tiġi promossa l-integrazzjoni ekonomika u jittejjeb l-aċċess reċiproku għas-swieq u l-approssimizzazzjoni regolatorja, partikolarment abbażi ta’ ftehimiet għall-kummerċ ħieles aktar profondi. 4. L-ISTADJU LI JMISS U KONKLUżJONI L-iffissar ta’ prijoritajiet li għandna nikkonċentraw fuqhom fit-18-il xahar li ġej ma jeżentaniex mit-tfassil minn issa ta’ dak li għandu jkun l-istadju li jmiss wara l-2012. Fil-fatt, is-suq uniku għandu jiġi riorjentat u jingħata d-dinamiżmu sabiex jaqdi l-għanijiet tal-istrateġija Ewropa 2020 li għandha l-perspettiva tal-10 snin li ġejjin. Is-suq uniku għandu jikkontribbwixi għall-għanijiet ta’ sostenibilità u ta’ użu aktar effiċjenti tar-riżorsi, għall-innovazzjoni, l-inklużjoni soċjali u l-koeżjoni territorjali, kif ukoll għall-istrateġija għall-impjiegi. Fl-aħħar tal-2012, se jiddaħħal stadju ġdid fl-iżvilupp tas-suq uniku. Ir-riflessjonijiet se jkunu bbażati fuq studju ekonomiku kbir, li r-riżultati tiegħu għandhom jippermettu li jiġu identifikati n-niċeċ fejn jeżisti potenzjal għal tkabbir li mhux qed jiġi sfruttat, u li jekk ikun meħtieġ jiġu introdotti xpruni ġodda għat-tkabbir. Il-Kummissjoni se tikkonsulta wkoll is-soċjetà ċivili u l-atturi kollha tas-suq uniku permezz ta’ strumenti ġodda ta’ governanza. Iċ-ċittadini u l-intrapriżi jistgħu biss jieħdu vantaġġ sħiħ mis-suq uniku jekk l-Att dwar is-Suq Uniku u l-miżuri prijoritarji tiegħu jkunu suġġetti għal implimentazzjoni ta’ malajr u ambizzjuża . Dan il-programm ta’ azzjoni huwa kontribuzzjoni essenzjali għall-isforzi sabiex tiġi rrinfurzata l-kompetittività tal-ekonomija Ewropea u bħala tali għandu jingħata l-ogħla prijorità. Dan se jirrikjedi l-mobilizzazzjoni tal-Istituzzjonijiet Ewropej kollha, tal-Istati Membri u tal-partijiet konċernati. Għalhekk, il-Kummissjoni: - tistieden lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni sabiex jagħtu l-appoġġ sħiħ tagħhom għall-Att dwar is-Suq Uniku ; - tistieden lill-Kunsill Ewropew sabiex jagħti l-appoġġ tiegħu lit-12-il prijorità stabiliti mill-Att dwar is-Suq Uniku kif ukoll lill-implimentazzjoni tagħhom bħala prijorità; - tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sabiex fil-proċess leġiżlattiv jagħtu l-ogħla prijorità lill-azzjonijiet ewlenin li jinsabu fl-Att dwar is-Suq Uniku billi jaqblu dwar l-adozzjoni tiegħu mingħajr dewmien sal-aħħar tal-2012; - se tirrapporta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill dwar il-progress miksub fl-implimentazzjoni tal-Att dwar is-Suq Uniku u tal-azzjonijiet ewlenin tiegħu, fil-qafas tas-Semestru Ewropew u bil-ħsieb ta’ valutazzjoni waqt il-Kunsill Ewropew tar-rebbiegħa; - se taħdem mal-Istati Membri biex tiffaċilita l-implimentazzjoni rapida tal-Att dwar is-Suq Uniku u tal-azzjonijiet ewlenin tiegħu; - tistieden lill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali tal-Istati Membri sabiex jiżguraw l-implimentazzjoni u l-konformità mar-regoli dwar is-suq uniku ; - tistieden lill-partijiet interessati kollha, lill-membri tal-Parlament Ewropew u tal-parlamenti nazzjonali, lir-rappreżentanti tal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali, kif ukoll il-partijiet interessati l-oħrajn kollha, sabiex jipparteċipaw attivament f'"jum dwar is-suq uniku”, li matulu jiġu diskussi l-progress miksub u l-isfidi identifikati fil-livell nazzjonali u Ewropew, speċjalment fi ħdan il-Forum tas-Suq Uniku. Anness 1: Tabella tal-azzjonijiet ewlenin Azzjoni ewlenija: | Xprun | Proposta mill-Kummissjoni | 1 | Leġiżlazzjoni bl-għan li tiffaċilita li l-fondi ta’ kapitali ta’ riskju li jkunu stabiliti fi Stat Membru jistgħu jinvestu fi kwalunkwe Stat Membru ieħor, mingħajr ostakolu jew rekwiżit addizzjonali | L-aċċess għall-finanzjament għall-SMEs | Trimestru 4 tal-2011 | 2 | Leġiżlazzjoni aġġornata dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali | Il-mobilità taċ-ċittadini | Trimestru 4 tal-2011 | 3 | Leġiżlazzjoni li tistabilixxi protezzjoni ta’ privattiva unitarja għall-maġġoranza tal-Istati Membri u sistema unifikata li ssolvi t-tilwim, bl-għan li jingħataw l-ewwel privattivi li jibbenefikaw minn din il-protezzjoni unitarja fl-2013 | Id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali | Trimestru 2 tal-2011 | 4 | Leġiżlazzjoni dwar is-Soluzzjoni Alternattiva tat-Tilwim. Din l-azzjoni se tinkludi parti għall-kummerċ fuq l-internet | Il-konsumaturi, atturi fis-suq uniku | Trimestru 4 tal-2011 | 5 | Reviżjoni tal-leġiżlazzjoni dwar is-sistema tal-istandardizzazzjoni Ewropea sabiex tiġi estiża għas-servizzi u tagħmel il-proċeduri ta’ standardizzazzjoni aktar effikaċi, effiċjenti u inklużivi | Is-servizzi | Trimestru 2 tal-2011 | 6 | Liġijiet dwar l-infrastrutturi enerġetiċi u tat-trasport biex jiġu identifikati u varati l-proġetti strateġiċi ta’ interess Ewropew u biex jiġu żgurati l-interoperabilità u l-intermodalità | In-netwerks | Trimestru 4 tal-2011 Trimestru 3 tal-2011 | 7 | Leġiżlazzjoni li tiżgura r-rikonoxximent reċiproku tal-identifikazzjoni u l-awtentifikazzjoni elettronika fl-UE u reviżjoni tad-Direttiva dwar il-firma elettronika | Is-suq uniku diġitali | Trimestru 1 tal-2011 | 8 | Leġiżlazzjoni li toħloq qafas Ewropew li jiffaċilita l-iżvilupp tal-fondi ta’ investiment in solidum | L-intrapreditorjat soċjali | Trimestru 4 tal-2011 | 9 | Ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar it-tassazzjoni tal-enerġija sabiex jiġi żgurat trattament koerenti tad-diversi sorsi enerġetiċi biex jitqies aħjar il-kontenut enerġetiku tal-prodotti kif ukoll il-kontenut f’emissjonijiet ta’ CO2 | It-tassazzjoni | Trimestru 2 tal-2011 | 10 | Leġiżlazzjoni maħsuba sabiex ittejjeb u ssaħħaħ it-transpożizzjoni, l-applikazzjoni u r-rispett fil-prattika tad-direttiva dwar “l-Istazzjonar tal-Ħaddiema”[65], akkumpanjata minn leġiżlazzjoni bl-għan li tikkjarifika l-eżerċizzju tal-libertajiet tal-istabiliment u tal-forniment tas-servizzi flimkien mad-drittijiet soċjali fundamentali. | Il-koeżjoni soċjali | Trimestru 4 tal-2011 | 11 | Is-simplifikazzjoni tad-direttivi dwar l-istandards tal-kontabilità | L-ambjent regolatorju tal-intrapriżi | Trimestru 2 tal-2011 | 12 | Qafas leġiżlattiv tas-swieq pubbliċi rivedut u aġġornat | Is-swieq pubbliċi | Trimestru 4 tal-2011 | Anness 2: Indikaturi għas-Suq Uniku - Il-kummerċ fl-UE tal-oġġetti u s-servizzi: fl-2009, il-kummerċ intra-UE tal-oġġetti kien jirrappreżenta 37 % tal-PDG (EUR 4.320 biljuni) u għas-servizzi kien 10.5 % tal-PDG (EUR 1.233 biljun). - Il-kummerċ elettroniku intra-UE: fl-2010, 9 % taċ-ċittadini Ewropej għamlu xirjiet mingħand fornituri stabiliti fi Stati Membri oħrajn[66]. - L-għadd ta’ talbiet introdotti u mogħtija għall-ksib ta’ privattiva Ewropea: fl-2010 (ċifri provviżorji) – 235,029 talba għal privattiva Ewropea waslu fl-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi; ngħataw 58,108 privattiva Ewropea[67]. - Il-koperazzjoni transfruntiera tal-amministrazzjonijiet pubbliċi tal-UE (IMI): fl-aħħar tal-2010, 5,737 awtoritajiet kompetenti kienu rreġistrati fl-IMI[68]. - Id-defiċit tat-traspożizzjoni tal-leġiżlazzjoni Ewropea tas-suq intern: id-defiċit tat-traspożizzjoni kien ta’ 0.9 % għall-UE kollha fl-aħħar tal-2010[69]. - L-għadd ta’ ċittadini tal-UE li jaħdmu fi Stat Membru ieħor: 5.8 miljun ċittadin fl-2009, ekwivalenti għal 2.5 % tal-popolazzjoni attiva tal-UE[70]. [1] A7-0132/2010. [2] Il-Kummissjoni inkarigat lil Pedro Solbes biex jikteb rapport dwar is-sitwazzjoni ta’ dawn ir-reġjuni. [3] It-tkabbir potenzjali fuq perjodu medju huwa stmat għal 1.5 % sal-2020. 9.6 % tal-popolazzjoni attiva hija diżokkupata. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir – l-avvanz tar-rispons komprensiv tal-UE għall-kriżi” paġni 2 u 3. [4] COM(2010) 2020. [5] Komunikazzjoni “Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir” COM(2011) 11. [6] Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew, tal-24-25 ta’ Marzu 2011, EUCO 10/11, il-punt 7. [7] COM(2010) 608. [8] Ara fl-Anness ir-Rapport tal-Konsultazzjoni pubblika dwar l-Att dwar is-Suq Uniku. [9] Il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Att dwar is-Suq Uniku (17799/10). [10] Rispettivament "Governanza u Sħubija fis-Suq Uniku" P7TA-PROV(2011)0144 , "Suq Uniku għall-Ewropej" P7TA-PROV(2011)0145 u "Suq Uniku għall-Impriżi u t-Tkabbir" P7TA-PROV(2011)0146. [11] CdR 330/2010 - ECOS-V-009. [12] CESE 525/2011 – INT/548. [13] Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-24 u l-25 ta’ Marzu, EUCO 10/11 tal-25 ta’ Marzu, il-punt 7. [14] L-Artikolu 3.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. [15] L-Artikolu 28 tal-Karta. [16] COM(2011) 109. [17] COM(2011) 78. [18] Ara l-Komunikazzjoni tat-2 ta’ Ottubru 2010: “Ir-regolazzjoni tas-servizzi finanzjarji għat-tkabbir ekonomiku” (COM(2010) 301 finali) u r-Rapport ta’ progress ippubblikat fi Frar tal-2011 (http://ec.europa.eu/internal_market/finances/docs/110209_progress_report_financial_issues_en.pdf). [19] Ara wkoll l-inizjattivi ewlenin “Unjoni tal-Innovazzjoni” (COM(2010)546). [20] Skont studju tal-Ewrobarometru fl-2009, id-diffikultajiet ta’ aċċess għall-finanzjament huma kkwotati bħala t-tieni l-akbar ostaklu li jfixkel it-tkabbir tal-intrapriżi. http://ec.europa.eu/public_opinion/flash/fl_271_en.pdf [21] Ara wkoll l-inizjattiva ewlenija “Aġenda għall-Ħiliet Ġodda u l-Impjiegi” COM(2010) 682. [22] “Lejn sistemi ta’ pensjonijiet Ewropej adegwati, sostenibbli u siguri” (COM(2010)365. [23] Ara COM(2010) 682. [24] Ara wkoll l-inizjattiva ewlenija “Żgħażagħ Mobbli” COM(2010)477. [25] Ara wkoll l-inizjattivi ewlenin “Unjoni tal-Innovazzjoni” – COM(2010)546 – u “Politika industrijali integrata għall-era tal-globalizzazzjoni” – COM(2010)614. [26] L-Artikolu 17 tal-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali. [27] Sors: http://www.wipo.int/sme/en/documents/valuing patents.htm [28] Ara wkoll l-inizjattiva ewlenija “Aġenda Diġitali għall-Ewropa” – COM(2010) 245. [29] Ara wkoll l-inizjattiva ewlenija “Politika Industrijali Integrata” - COM(2010) 614. [30] OECD: "Magnitude of counterfeiting and piracy of tangible products - November 2009 update"; http://www.oecd.org [31] Id-Dokument ta’ Ħidma “Tisħiħ tas-setgħat tal-konsumaturi fl-Unjoni Ewropea”, adottat fil-11 ta’ April 2011 (SEC (2011) 469) (traduzzjoni uffiċjali għadha mhix disponibbli) u bbażat fuq l-Ewrobarometru 342; u stima tas-servizi tal-Kummissjoni bbażata fuq dejta ppubblikata fl-istudju mmexxi minn YouGovPsychonomics (2009) "Mystery Shopping Evaluation of Cross-Border E-Commerce in the EU". [32] Ara wkoll l-inizjattivi ewlenin “Unjoni tal-Innovazzjoni” – COM(2010) 546 – u “Politika industrijali integrata għall- era tal-globalizzazzjoni ” – COM(2010) 614 – u “Aġenda Diġitali għall-Ewropa” – COM(2010) 245. [33] L-Eurostat. [34] Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – COM(2011) 20 – “Lejn titjib tal-funzjonament tas-suq uniku għas-servizzi”. [35] Ara wkoll il-Komunikazzjoni "Prioritajiet tal-infrastruttura tal-enerġija għall-2020 u wara -Pjan dettaljat għal netwerk tal-enerġija Ewropew integrati" - COM(2010) 677 - il-Konklużjonijiet tas-samit Ewropew tal-4.2.2011, l-inizjattiva ewlenija “ Ewropa li tuża r-riżorsi b'effiċjenza ” - COM(2011)21 - u l-Pjan 2011 għall-Effiċjenza Enerġetika - COM(2011)109. [36] "Europe's Digital Competitiveness Report" - SEC(2010) 627. [37] L-Eurostat. [38] Communications Committee Working Document – "Broadband Access in the EU: situation at 1 July 2010" [39] Studju "MEPSIR – Measuring European Public Sector Information Resources" (2006), HELM Group of Companies with Zenc, għall-Kummissjoni Ewropea. [40] COM(2010) 245. [41] Flash Eurobarometer Nru 299 – Cross-border trade and consumer protection, Settembru 2010, rapport analitiku, p.30. [42] Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Komunikazzjoni dwar in-negozju transkonfinali san-Negozju Elettroniku tal-Konsum [dwar il-Kummerċ-e transfruntier bejn l-intrapriżi u l-konsumaturi] fl-UE - COM(2009) 557;http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=CELEX:52009DC0557:MT:HTML [43] 5th Consumer Scoreboard - http://ec.europa.eu/consumers/strategy/docs/5th_edition_scoreboard_en.pdf [44] L-inizjattiva dwar il-Liġi tal-Kuntratti Ewropea se tkun fost l-azzjonijiet maħsuba sabiex jitnaqqsu l-ostakoli regolatorji għall-kummerċ elettroniku. [45] Għall-applikazzjoni tal-Artikolu 20 tad-Direttiva tas-Servizzi. [46] 2003/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Novembru 2003. [47] Bħala eżempju, il-mapep u r-rotot li huma disponibbli fuq l-Internet jew fil-GPS ma kienux ikunu daqshekk żviluppati li kieku d-Direttiva PSI ma ħolqotx il-kundizzjonijiet sabiex l-informazzjoni mis-settur pubbliku tkun disponibbli. [48] Il-koperattivi waħidhom jirrappreżenaw aktar minn 4.8 miljun impjieg. [49] In-numru ta’ impjegati minn intrapriżi soċjali u s-settur terzjarju huwa stmat għal madwar 7 miljun, jiġifieri 4% tal-impjiegi salarjati fl-Ewropa. [50] Ir-regolamentazzjoni tas-swieq pubbliċi, ir-relazzjonijiet bejn l-intrapriżi, b’mod partikolari fil-kummerċ u d-distribuzzjoni ( B to B ), l-aċċess għall-finanzjament (Kreditu bankarju, fondi ta’ investiment dedikati, l-orjentazzjoni tat-tfaddil privat minn inizjattivi bħall-Big Society Bank fir-Renju Unit). [51] COM(2010) 758. [52] Huwa stmat għal 67 % t-tnaqqis fl-ispejjeż amministrattivi ta’ natura fiskali fuq l-SMEs li għandu jirriżulta minn bażi komuni konsolidata għat-taxxa korporattiva. [53] COM(2010) 769. [54] Ara wkoll l-inizjattiva ewlenija “Aġenda għall-Ħiliet Ġodda u l-Impjiegi” - COM(2010) 682. [55] L-inizjattiva tkun tista' tuża s-soluzzjonijiet fir-Regolament (KE) Nru 2679/98 tas-7 ta’ Diċembru 1998, dwar il-ħidma tas-suq intern b'relazzjoni mal-moviment liberu tal-oġġetti fost l-Istati Membri. [56] Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta’ Marzu 2011, “Ir-Riforma tar-Regoli tal-UE dwar l-Għajnuna mill-Istat għal Servizzi ta' Interess Ekonomiku Ġenerali”, COM(2011) 146. [57] Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-24 u l-25 ta’ Marzu, EUCO 10/11 tal-25 ta’ Marzu, il-punt 7. [58] Ara wkoll l-Istrateġija Ewropea għas-simplifikazzjoni tal-ambjent regolatorju - COM(2005) 535. [59] Ara wkoll “Politika Industrijali Integrata għall-Era tal-Globalizzazzjoni” – COM(2010) 614. [60] Ara wkoll l-inizjattivi ewlenin “Unjoni tal-Innovazzjoni” – COM(2010)546 – u “Politika industrijali integrata għall- era tal-globalizzazzjoni ” – COM(2010)614. [61] Skont stima konservattiva, mill-inqas EUR 138 biljun bejn l-2000 u l-2006. [62] Il-konsultazzjoni u d-djalogu mas-soċjetà ċivili kienu s-suġġett ikkunsidrat bħala l-aktar importanti fost il-50 azzjoni tal-Att dwar is-Suq Uniku mill-akbar numru ta’ tweġibiet provduti fuq l-Internet (312 minn 740). [63] In-netwerk EU Pilot bejn il-Kummissjoni u ċerti Stati Membri huwa mezz effikaċi sabiex jippruvaw isolvu n-nuqqas ta’ ftehim qabel jinbdew proċeduri ta’ ksur. Dan jintuża b’mod sistematiku mill-Kummissjoni li tixtieq testendih għall-Istati Membri kollha. [64] Fl-2010, id-defiċit medju kien ta’ 0.9 % u kwart tal-Istati Membri diġà laħqu l-0.5 %. [65] Ara wkoll l-inizjattiva ewlenija “Aġenda għall-Ħiliet Ġodda u l-Impjiegi” - COM(2010) 682. [66] L-Eurostat. [67] L-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi. [68] Il-Kummissjoni Ewropea. [69] Il-Kummissjoni Ewropea. [70] L-Eurostat.