This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52011DC0012
COMMUNICATION FROM THE COMMISSION TO THE EUROPEAN PARLIAMENT, THE COUNCIL, THE EUROPEAN ECONOMIC AND SOCIAL COMMITTEE AND THE COMMITTEE OF THE REGIONS Developing the European Dimension in Sport
KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUNSILL, IL-KUMITAT SOĊJALI U EKONOMIKU EWROPEW U L-KUMITAT TAR-REĠJUNI L-Iżvilupp tad-Dimensjoni Ewropea fl-Isport
KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUNSILL, IL-KUMITAT SOĊJALI U EKONOMIKU EWROPEW U L-KUMITAT TAR-REĠJUNI L-Iżvilupp tad-Dimensjoni Ewropea fl-Isport
/* KUMM/2011/0012 finali */
[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA | Brussel 18.1.2011 KUMM(2011) 12 finali KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUNSILL, IL-KUMITAT SOĊJALI U EKONOMIKU EWROPEW U L-KUMITAT TAR-REĠJUNI L-Iżvilupp tad-Dimensjoni Ewropea fl-Isport SEG(2011) 68 finaliSEG(2011) 67 finaliSEG(2011) 66 finali KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUNSILL, IL-KUMITAT SOĊJALI U EKONOMIKU EWROPEW U L-KUMITAT TAR-REĠJUNI L-Iżvilupp tad-Dimensjoni Ewropea fl-Isport 1. DAĦLA Il-kooperazzjoni u d-djalogu dwar l-isport fil-livell tal-UE ssaħħew bil-kbir grazzi għall-White Paper dwar l-Isport tal-2007[1]. Kważi l-azzjonijiet kollha fil-Pjan ta' Azzjoni akkumpanjanti "Pierre de Coubertin" tlestew jew qed jiġu implimentati. Il-White Paper tinkludi deskrizzjoni tal-ispeċifiċità tal-isport u l-applikazzoni tal-liġi tal-UE f'oqsma bħas-Suq Intern u l-kompetizzjoni għas-settur tal-isport. Permezz tal-implimentazzjoni tal-White Paper dwar l-Isport, il-Kummissjoni ġabret evidenza utli rigward it-temi li jridu jiġu indirizzati fil-ġejjieni. Din il-Komunikazzjoni ma tiħux post il-White Paper imma tibni fuq il-kisbiet tagħha. F'għadd ta' oqsma, il-White Paper tibqa' bażi xierqa għal attivitajiet fil-livell tal-UE fil-qasam tal-isport. Dawn l-oqsma jinkludu, pereżempju, il-promozzjoni ta' attività volontarja fl-isport, il-protezzjoni tal-minuri u l-ħarsien tal-ambjent. Il-White Paper ħolqot ukoll djalogu strutturali mal-partijiet interessati tal-isport, inkluż Forum annwali tal-Isport tal-UE, u serviet bħala bażi biex l-attivitajiet relatati mal-isport jingħataw prominenza fil-fondi, programmi u inizjattivi tal-UE rilevanti. Il-fatt li ċerti suġġetti mhumiex diskussi wkoll f'din il-Komunikazzjoni ma jimplikax li m'għadhomx prijoritajiet għall-Kummissjoni, imma li l-White Paper għadha bażi suffiċjenti biex tindirizzahom fis-snin li ġejjin. Aspetti differenti tas-settur tal-isport huma koperti minn dispożizzjonijiet differenti tat-Trattat, kif spjegat fil-White Paper. B'żieda ma' dan, it-Trattat ta' Lisbona jagħti kompetenza ta' sostenn, koordinament u suppliment fl-isport lill-UE li titlob li jkun hemm azzjoni biex tiġi żviluppata d-dimensjoni Ewropea fl-isport (l-Artikolu 165 tat-TFUE). Peress li nstab li l-istruttura tal-White Paper, ibbażata fuq tliet kapitoli tematiċi wesgħin (rwol l-isport fis-soċjetà, id-dimensjoni ekonomika tal-isport u l-organizzazzjoni tal-isport) u tirrifletti d-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar l-Isport, kienet utli għall-partijiet interessati fl-isport u saret għodda aċċettata sew għat-tfassil tal-attivitajiet u d-diskussjonijiet tal-UE, din l-istruttura qed tinżamm għal din il-Komunikazzjoni. Kull kapitolu jagħlaq b'lista illustrattiva, mhux eżawrjenti tal-kwistjonijiet possibbli, li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jridu jindirizzaw fl-oqsma rispettivi ta' kompetenza tagħhom. 1.1. Konsultazzjoni pubblika mal-UE kollha Fit-tħejjija ta' din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni kkonsultat ma' għadd ta' partijiet interessati biex jiġu identifikati t-temi ewlenin li jridu jiġu indirizzati fil-livell tal-UE, inklużi konsultazzjonijiet mal-Istati Membri u l-partijiet interessati ewlenin fl-isport (il-Forum tal-Isport tal-UE, konsultazzjonijiet bilaterali), konsultazzjoni onlajn u grupp ta' esperti indipendenti[2]. Hija qieset ukoll ir-riżultati ta' studju dwar "It-Trattat ta' Lisbona u l-Politika tal-UE għall-Isport" ikkummissjonat mill-Parlament Ewropew[3]. Il-konsultazzjonijiet mal-Istati Membri żvelaw livell għoli ta' kunsens li s-suġġetti li ġejjin għandhom ikunu prijoritajiet fl-aġenda tal-UE għall-isport: attività fiżika li ttejjeb is-saħħa; il-ġlieda kontra t-teħid tad-drogi; l-edukazzjoni u t-taħriġ; attività volontarja u organizzazzjonijiet sportivi li ma jagħmlux profitti; l-inklużjoni soċjali fl-isport u permezz tiegħu, inkluż sport għal nies b'diżabilitajiet u ugwaljanza bejn is-sessi fl-isport; finanzjament sostenibbli għall-isport ta' bażi; u governanza tajba. B'żieda ma' dawn il-kwistjonijiet, is-settur sportiv nongovernattiv qajjem is-suġġetti li ġejjin: livelli ta' parteċipazzjoni fl-isport; id-disponibilità tal-attivitajiet sportivi u fiżiċi fil-livelli ta' edukazzjoni kollha; rikonoxximent tal-attivitajiet volontarji; il-ġlieda kontra l-vjolenza u d-diskriminazzjoni; finanzjament stabbli; u l-bżonn għal appoġġ għan-netwerking u l-iskambju ta' prassi tajba fil-livell tal-UE. 1.2. Il-valur miżjud tal-UE fil-qasam tal-isport Il-Kummissjoni tirrispetta l-awtonomija tal-istrutturi ta' tmexxija tal-isport bħala prinċipju fundamentali relatat mal-organizzazzjoni tal-isport. Hija tirrispetta wkoll il-kompetenzi tal-Istati Membri f'dan il-qasam, b'konfomità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà. Minkejja dan, l-implimentazzjoni tal-White Paper ikkonfermat li, f'għadd ta' oqsma, azzjoni fil-livell tal-UE tista' tipprovdi valur miżjud sinifikanti. L-azzjoni tal-UE għandha l-għann li ssostni lill-azzjonijiet tal-Istati Membri u li tikkumplimentahom fejn xieraq biex jindirizzaw sfidi bħal ma huma l-vjolenza u l-intolleranza marbuta mal-avvenimenti sportivi, jew in-nuqqas ta' dejta komparabbli dwar is-settur tal-isport tal-UE bħala bażi għal tfassil politiku. Fl-istess ħin, azzjoni tal-UE tista' tgħin tindirizza sfidi transnazzjonali li jiltaqa' magħhom l-isport fl-Ewropa bħal ma hu approċċ ikkoordinat għall-isfida tat-teħid tad-drogi, frodi u xiri tal-logħob jew l-attivitajiet tal-aġenti tal-isport. Azzjoni tal-UE tikkontribwixxi wkoll għall-għanijiet ġenerali tal-istrateġija Ewropa 2020 billi ttejjeb l-impjegabilità u l-mobilità, notevolment permess ta' azzjonijiet li jippromwovu l-inklużjoni soċjali fl-isport, l-edukazzjoni u t-taħriġ u permezz tagħhom (inkluż permezz il-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki) u l-linji gwida Ewropej għall-attività fiżika. Fl-oqsma kollha elaborati f'din il-Komunikazzjoni, azzjoni tal-UE tista' sservi biex tipprovdi pjattaforma għall-iskambju u d-djalogu fost il-partijiet interessanti tal-isport, il-qsim tal-prassi tajba u l-promozzjoni tal-iżvilupp ta' netwerks Ewropej fil-qasam tal-isport. B'mod parallel, l-azzjoni tal-UE tikkontribwixxi għat-tixrid tal-għarfien dwar il-liġi tal-UE fis-settur tal-isport, biex b'hekk tassigura aktar ċertezza legali għall-isport Ewropew. Attwalment, il-Kummissjoni tipprovdi sostenn għall-proġetti u n-netwerks fil-qasam tal-isport jew permezz ta' miżuri ta’ inċentivi speċifiċi għall-isport, notevolment l-Azzjonijiet Preparatorji fil-qasam tal-isport, jew permezz ta' programmi eżistenti f'diversi oqsma rilevanti. Dawn jinkludu t-tagħlim tul il-ħajja, is-saħħa pubblika, iż-żgħożija, iċ-ċittadinanza, l-iżvilupp fil-qasam tar-riċerka u tat-teknoloġija, l-inklużjoni soċjali, il-ġlieda kontra r-razziżmu, il-ħarsien tal-ambjent u oħrajn. Filwaqt li l-kontinwazzjoni tal-miżuri inċentivi b'sostenn għall-azzjonijiet identifikati f'din il-Komunikazzjoni se tkun parti mid-diskussjonijiet li jakkumpanjaw il-preparazzjoni tal-Qafas Finanzjarju Multiannwali li jmiss, il-proposti f'dan id-dokument se jkunu sostnui fil-medda qasira taż-żmien permezz ta' avvenimenti speċjali fil-qasam tal-isport u Azzjonijiet Preparatorji li għaddejjin bħalissa jew li se jkun hemm fil-ġejjieni. 2. RWOL L-ISPORT FIS-SOĊJETÀ L-isport għandu potenzjal qawwi biex jikkontribwixxi għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv u impjiegi ġodda permezz tal-effetti pożittivi tiegħu fl-inklużjoni soċjali, l-edukazzjoni u t-taħriġ, u s-saħħa pubblika. Huwa jgħin biex jillimita ż-żieda fl-infiq fis-sigurtà soċjali u s-saħħa billi jitjiebu s-saħħa u l-produttività tal-popolazzjoni u billi tiġi żgurata kwalità tal-ħajja aħjar sa età avvanzata. Huwa jikkontribwixxi għall-koeżjoni soċjali billi jelimina l-ostakli soċjali, u jtejjeb l-impjegabilità tal-popolazzjoni permezz tal-impatt tiegħu fuq l-edukazzjoni u t-taħriġ. Attività volontarja fl-isport tista' tikkontribwixxi għall-impjieg, għall-inklużjoni soċjali kif ukoll għal partiċipazzjoni ċivika ogħla, speċjalment fost iż-żgħażagħ. Mill-banda l-oħra, l-isport huwa kkonfrontat b'għadd ta' theddidiet li l-atleti, partikolarment l-atleti żgħażagħ, u ċ-ċittadini jridu jkunu mħarsa minnhom, bħat-teħid tad-drogi, il-vjolenza u l-intolleranza. 2.1. Il-ġlieda kontra t-teħid tad-drogi It-teħid tad-drogi għadu theddida importanti għall-isport. L-użu ta' sustanzi ta' droga minn atleti dilettanti joħloq perikli serji għas-saħħa pubblika u jitlob azzjoni preventiva, inkluż fiċ-ċentri ta' taħriġ fiżiku. Il-prevenzjoni tad-droga u s-sanzjonijiet kontra t-teħid tagħha jibqgħu kompetenza tal-għaqdiet sportivi u l-Istati Membri. Il-Kummissjoni tappoġġja l-ġlieda kontra t-teħid tad-drogi u r-rwol importanti tal-World Anti-Doping Agency (WADA), l-għaqdiet nazzjonali ta' kontra d-drogi (NADOs), il-laboratorji akkreditati, il-Kunsill tal-Ewropa u l-UNESCO. Il-Kummissjoni hija kuntenta li n-NADOs huma dejjem iżjed organizzati bħala entitajiet indipendenti. Hija tħeġġeġ ukoll lill-Istati Membri jadottaw u jaqsmu l-pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali ta' kontra d-drogi li għandhom il-mira li jiżguraw il-koordinament fost l-atturi rilevanti kollha. Ħafna partijiet interessati jsejħu għal approċċ tal-UE iktar attiv fil-ġlieda kontra d-drogi, pereżempju billi jingħaqdu, safejn il-kompetenzi f'dan il-qasam jippermettu lill-Unjoni li tagħmel dan, mal-Konvenzjoni ta' Kontra t-Teħid tad-Drogi tal-Kunsill tal-Ewropa. Hemm bżonn li jiġu vvalutati l-implikazzjonijiet tal-kompetenza konferita fuq l-Unjoni fl-Artikolu 165 tat-TFUE fir-rigward tar-rappreżentanza tal-UE fl-istrutturi governattivi tal-WADA. Il-Kummissjoni tenfasizza l-bżonn li r-regoli u l-prassi ta' kontra t-teħid tad-drogi jkunu konformi mal-liġi tal-UE billi jirrispettaw id-drittijiet u l-prinċipji fundamentali bħal ma huma r-rispett għall-ħajja privata u tal-familja, il-ħarsien ta' dejta personali, id-dritt ta' smigħ ġust u l-preżunzjoni tal-innoċenza. Kwalunkwe limitazzjoni fuq l-eżerċitar ta' dawn id-drittijiet u l-libertajiet għandha tkun ipprovduta mil-liġi u għandha tirrispetta l-element essenzjali ta' dawk id-drittijiet u l-prinċipju ta' proporzjonalità. Il-Kummissjoni tħeġġeġ ix-xejra eżistenti madwar l-Istati Membri tal-UE biex jiġu introdotti d-dispożizzjonijiet tal-liġi kriminali kontra l-kummerċ fis-sustanzi ta' droga minn netwerks organizzati, jew biex jissaħħu d-dispożizzjonijiet eżistenti. 2.2. L-edukazzjoni, it-taħriġ u l-kwalifiki fl-isport Il-ħin imqatta' fl-isport u f'attivitajiet fiżiċi fl-edukazzjoni jistgħu jittejbu mingħajr ħafna nfiq kemm barra l-kurrikulu tal-iskola u kemm bħala parti minnu. Il-kwalità tal-programmi tal-edukazzjoni fiżika u l-kwalifiki tal-għalliema involuti jibqgħu ta' tħassib f'għadd ta' Stati Membri. Il-kooperazzjoni bejn l-għaqdiet sportivi u l-istituti edukattivi hija ta' benefiċċju għaż-żewġ setturi u jistgħu jkunu sostnuti mill-universitajiet. Wara s-sejħa tal-Kunsill Ewropew fl-2008 biex tiġi indirizzata l-kwistjoni ta' "karrieri doppji"[4], il-Kummissjoni tenfasizza l-importanza li atleti żgħażagħ ta' livell għoli jkunu offruti edukazzjoni ta' kwalità b'mod parallel mat-taħriġ sportiv. L-atleti żgħażagħ, b'mod partikolari dawk li ġejjin minn pajjiżi terzi biex jitħarġu u jikkompetu fl-Ewropa, jiffaċċjaw diversi riskji marbuta mal-vulnerabilità tagħhom. Il-kwalità taċ-ċentri ta' taħriġ sportiv u tal-persunal tagħhom għandu jkun għoli biżżejjed sabiex jitħarsu l-iżvilupp morali u edukattiv u l-interessi professjonali tal-atleti. L-Istati Membri u l-moviment sportiv jagħrfu l-bżonn għal persunal bi kwalifiki aħjar fis-settur sportiv. Il-livell għoli ta' professjonaliżmu u d-diversità tal-professjonijiet sportivi, flimkien ma' mobilità miżjuda fi ħdan l-UE, jenfasizzaw ir-rilevanza li l-kwalifiki relatati mal-isport fis-sistemi ta' kwalifiki nazzjonali sabiex ikunu jistgħu jieħdu vantaġġ billi jirreferu għall-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki (QEK). Hemm bżonn ta' iktar trasparenza rigward il-validazzjoni u r-rikonoxximent tal-kwalifiki miksuba mill-voluntieri, kif ukoll fir-rigward tal-kwalifiki meħtieġa għal professjonijiet regolati relatati mal-isport. 2.3. Il-ġlieda kontra l-vjolenza u l-intolleranza u l-prevenzjoni tagħha Il-vjolenza u d-diżordni tal-ispettaturi jibqgħu fenomenu madwar l-Ewropa kollha u hemm bżonn ta' approċċ Ewropew li jinkludi miżuri maħsuba biex inaqqsu r-riskji relatati. B'kooperazzjoni mal-Kunsill tal-Ewropa, l-azzjoni tal-UE s'issa ffukat fuq li ċ-ċittadini jiġu pprovduti b'livell għoli ta' sikurezza permezz tal-pulizija f'avvenimenti internazzjonali tal-futbol. Approċċ usa' li jkopri wkoll dixxiplini sportivi oħra, li jiffoka fuq il-prevenzjoni u l-infurzar tal-liġi, se jeħtieġ kooperazzjoni aktar qawwija fost il-partijiet interessati rilevanti, bħal ma huma servizzi tal-pulizija, awtoritajiet ġudizzjarji, organizzazzjonijiet sportivi, organizzazzjonijiet tal-partitarji u awtoritajiet pubbliċi. Kif wera rapport reċenti tal-Aġenzija tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE[5], ir-razziżmu, il-ksenofobija u forom oħra ta' intolleranza jkomplu joħolqu problemi fl-isport Ewropew, inkluż fil-livell tad-dilettanti. L-Istati Membri huma mħeġġa jiżguraw it-traspożizzjoni sħiħa u effettiva tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/913/ĠAI dwar il-Ġlieda Kontra Ċerti Forom u Espressjonijiet ta’ Razziżmu u Ksenofobija Permezz tal-Liġi Kriminali u jappoġġjaw l-attivitajiet immirati lejn il-ġlieda kontra dawn il-fenomeni. 2.4. It-titjib tas-saħħa permezz tal-isport L-attività fiżika hija waħda mid-determinanti l-iktar importanti għas-saħħa fis-soċjetà moderna u tista' tagħti kontribut ewlieni fit-tnaqqis tal-piż żejjed u l-obeżità u l-prevenzjoni ta' għadd ta' mard serju. L-isport jikkostitwixxi parti fundamentali ta' kwalunkwe approċċ ta' politika pubblika li għandha l-għan li ttejjeb l-attività fiżika. Fl-2008, il-Ministri tal-Isports tal-UE appoġġjaw informalment il-Linji Gwida għall-Attività Fiżika tal-UE billi rrakkomandaw kif il-politiki u prattiki fil-livelli lokali, nazzjonali u tal-UE jistgħu jintużaw biex tkun eħfef għaċ-ċittadini li jkunu attivi fiżikament bħala parti mill-ħajjiet tagħhom ta' kuljum. Għadd ta' Stati Membri użawhom bħala bażi għall-inizjattivi politiċi nazzjonali. Is-saħħa u l-attività fiżika tant huma relatati mill-qrib li t-titjib tal-attività fiżika hija parti ewlenija tal-White Paper tal-2007 "Strateġija għall-Ewropa dwar kwistjonijiet tas-saħħa relatati man-Nutrizzjoni, il-Ħxuna u l-Obeżità[6]". Biex jimplimentaw din l-istrateġija, diversi Stati Membri wrew rieda li jinvestu f'attività fiżika bħala mezz biex itejbu s-saħħa, u diversi organizzazzjonijiet impenjaw irwieħhom fi proġetti li jippromwovu l-eżerċizzju għal saħħa aħjar. Hemm differenzi kbar fil-livelli tal-attività fiżika u tal-approċċi pubbliċi bejn l-Istati Membri u l-kunċett ta' attività fiżika li ttejjeb is-saħħa (HEPA), li jkopri varjetà ta' setturi diversi bħall-isport, is-saħħa, l-edukazzjoni, it-trasport, l-ippjanar urban, is-sikurezza pubblika u l-ambjent tax-xogħol, joħloq sfidi konsiderevoli. L-attività fiżika tista' tkompli tiġi inkoraġġuta f'sistemi edukattivi nazzjonali minn età żgħira. L-iskambju transnazzjonali ta' prassi tajba bħala appoġġ għat-tfassil u l-implimentazzjoni ta' linji gwida ta' attività fiżika nazzjonali għandu valur miżjud għoli tal-UE u għandu jkun żviluppat iktar. 2.5. L-inklużjoni soċjali fl-isport u permezz tiegħu Il-persuni b'diżabilitajiet għandhom id-dritt jipparteċipaw fuq bażi ugwali mal-oħrajn f'attivitajiet sportivi. L-UE u l-Istati Membri tagħha ffirmaw il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilitajiet, li tinkludi l-obbligu li jittieħdu l-miżuri xierqa biex dawn id-drittijiet ikunu effettivi. Huwa importanti li tiġi assigurata implimentazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni. In-nisa mhumiex irrappreżentati biżżejjed f'ċerti oqsma tal-isport. F'konformità mal-Istrateġija għall-Ugwaljanza bejn in-Nisa u l-Irġiel 2010-2015, il-Kummissjoni se tgħin biex il-kwistjonijiet ta' bejn is-sessi jingħataw prominenza fl-attivitajiet relatati mal-isport. L-isport jippermetti lill-immigranti u lis-soċjetà li tilqagħhom biex jinfluwenzaw lil xulxin b'mod pożittiv, biex b'hekk iżidu l-integrazzjoni u d-djalogu interkulturali. L-isport qiegħed jiġi dejjem iktar inkluż fi programmi speċifiċi għall-immigranti, imma l-approċċi nazzjonali jvarjaw konsiderevolment. L-isport jista' jkun ukoll mezz biex tiġi promossa l-inklużjoni soċjali tal-minoranzi u gruppi żvantaġġati vulnerabbli oħra u jikkontribwixxi għal fehim aħjar fost il-komunitajiet, inklużi reġjuni li ħarġu minn kunflitt. RWOL L-ISPORT FIS-SOĊJETÀ | Il-ġlieda kontra t-teħid tad-drogi | Il-Kummissjoni: tipproponi abbozz ta' mandat għal negozjati dwar l-adeżjoni tal-UE għall-Konvenzjoni ta' Kontra t-Teħid tad-Drogi tal-Kunsill tal-Ewropa. Il-Kummissjoni: teżamina l-aktar mod xieraq biex issaħħaħ il-miżuri kontra l-kummerċ tas-sustanzi tad-drogi minn netwerks organizzati, inkluż, jekk possibbli, permezz tal-liġi kriminali. Il-Kummissjoni: tappoġġa n-netwerks transnazzjonali ta' kontra t-teħid tad-droga, inklużi n-netwerks li jiffukaw fuq miżuri preventivi li għandhom fil-mira l-isport tad-dilettanti, l-isport għal kulħadd u t-taħriġ fiżiku. | L-edukazzjoni, it-taħriġ u l-kwalifiki fl-isport | Il-Kummissjoni: tappoġġa inizjattivi inovattivi skont il-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja relatat mal-attività fiżika fl-iskola. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri: jiżviluppaw linji gwida Ewropej dwar taħriġ sportiv u edukazzjoni ġenerali kkombinati flimkien ("karrieri doppji"). Il-Kummissjoni u l-Istati Membri: jappoġġaw l-inklużjoni ta' kwalifiki relatati mal-isport fl-implimentazzjoni tal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki. F'dan il-kuntest, jippromwovu l-validazzjoni ta' tagħlim mhux formali u informali miksub permezz ta' attivitajiet bħal ma hi attività volontarja fl-isport. | Il-ġlieda kontra l-vjolenza u l-intolleranza u l-prevenzjoni tagħha | Il-Kummissjoni u l-Istati Membri: jiżviluppaw u jimplimentaw arranġamenti ta' sigurtà u rekwiżiti ta' sikurezza għal avvenimenti sportivi internazzjonali, inkluż taħriġ pan-Ewropew u proġetti ta' reviżjoni mill-pari għall-uffiċjali tal-pulizija rigward il-vjolenza mill-ispettaturi. Il-Kummissjoni: tappoġġa attivitajiet li għandhom l-għan li jiġġieldu r-razziżmu, il-ksenofobija, l-omofobija u l-intolleranza relatata fl-isport. | It-titjib tas-saħħa permezz tal-isport | Il-Kummissjoni u l-Istati Membri: abbażi tal-Linji Gwida tal-UE għall-Attivitajiet Fiżiċi, ikomplu jagħmlu progress lejn it-twaqqif ta' linji gwida nazzjonali, inkluż proċess ta' reviżjoni u koordinament, u jikkunsidraw jipproponu Rakkomandazzjoni tal-Kunsill f'dan il-qasam. Il-Kummissjoni: tappoġġa proġetti u netwerks transnazzjonali fil-qasam tal-attività fiżika li ttejjeb is-saħħa. | L-inklużjoni soċjali fl-isport u permezz tiegħu | Il-Kummissjoni u l-Istati Membri: jiżviluppaw u jxerrdu l-istandards għall-aċċessibilità tal-għaqdiet, l-attivitajiet, l-avvenimenti u l-istrutturi sportivi, ta' rikreazzjoni u għall-ħin liberu permezz tal-Istrateġija Ewropea tad-Diżabilità. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri: jippromwovu l-parteċipazzjoni tan-nies b'diżabilitajiet f'avvenimenti sportivi Ewropej kif ukoll fl-organizzazzjoni ta' avvenimenti speċifiċi għad-diżabilità, b'mod partikolari permezz ta' proġetti u netwerks transnazzjonali ta' sostenn.. F'dan il-kuntest, tappoġġa r-riċerka relatata ma' tagħmir sportiv speċjalizzat għall-persuni b'diżabilità. Il-Kummissjoni: tappoġġa proġetti transnazzjonali li jippromwovu l-aċċess min-nisa għal pożizzjonijiet ta' tmexxija fl-isport u aċċess għall-isport min-nisa f'pożizzjoni żvantaġġata. F'dan il-kuntest, tinkludi sport fil-bażi ta' dejta u n-netwerk tan-nisa f'pożizzjonijiet ta' tmexxija. Il-Kummissjoni: tappoġġa proġetti transnazzjonali li jippromwovu l-integrazzjoni soċjali tal-gruppi vulnerabbli u żvantaġġati permezz tal-isport u l-iskambju relatat ta' prassi tajba. | 3. ID-DIMENSJONI EKONOMIKA TAL-ISPORT L-isport jirrappreżenta settur tal-ekonomija kbir u li qed jikber malajr u jagħti kontribut importanti għat-tkabbir u l-impjiegi, b'valur miżjud u effetti fuq l-impjiegi li jaqbżu r-rati ta' tkabbir medju. Madwar 2 % ta'-PGD globali huwa ġenerat mis-settur tal-isport[7]. Avvenimenti sportivi u kompetizzjonijiet ewlenin jipprovdu potenzjal qawwi għal aktar żvilupp tat-turiżmu fl-Ewropa. L-isport huwa għalhekk kontributur għall-istrateġija Ewropa 2020. Hemm bżonn ta' dejta komparabbli bħala bażi għal tfassil politiku bbażat fuq l-evidenza. Minkejja l-importanza ekonomika kumplessiva tal-isport, il-maġġoranza vasta tal-attivitajiet sportivi jsiru fi ħdan strutturi bla profitti abbażi ta' attività volontarja. Is-sostenibilità tal-finanzjamenti għal strutturi bħal dawn jista' jkun kawża ta' tħassib u s-solidarjetà finanzjarja bejn l-isport professjonali u dak ta' bażi għandha tissaħħaħ. 3.1. It-tfassil politiku bbażat fuq l-evidenza fil-qasam tal-isport It-tfassil politiku għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet sportivi tat-Trattat ta' Lisbona għandu bżonn ta' bażi ta' evidenza soda, inkluża dejta komparabbli mal-UE kollha dwar l-aspetti soċjali u ekonomiċi tal-isport. Il-Kummissjoni qiegħda tiffaċilita l-kooperazzjoni fil-livell tal-UE biex titkejjel l-importanza ekonomika tal-isport permezz ta' Kont Satellita għall-Isport[8]. Iktar kooperazzjoni għal tagħrif aħjar dwar l-isport fl-UE għandu jinvolvi l-akkademiċi, l-industrija tal-isport, il-moviment sportiv u l-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali u Ewropej. 3.2. Finanzjament sostenibbli għall-isport L-isfruttament tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fil-qasam tal-isport, bħall-għoti ta' liċenzji għar-ritrażmissjoni tal-avvenimenti sportivi jew għall-merkanzija, jirrappreżenta sorsi importanti ta' dħul għall-isports professjonali. L-introjtu li jiġi minn dawn is-sorsi spiss jitqassam parzjalment mal-livelli iktar baxxi tal-katina sportiva. Il-Kummissjoni tqis li, bil-kundizzjoni ta' konformità sħiħa mal-liġi tal-kompetizzjoni tal-UE u r-regoli tas-Suq Intern, il-ħarsien effettiv ta' dawn is-sorsi ta' introjtu huma importanti biex jiggarantixxu l-finanzjament indipendenti tal-attivitajiet sportivi fl-Ewropa. L-għoti tal-liċenzji għad-drittijiet tal-mezzi tax-xandir sportivi għandhom jirreaġixxu għad-domandi differenti tas-suq u l-preferenzi kulturali filwaqt li jiġi żgurat li jiġu rispettati s-Suq Intern u l-liġi tal-kompetizzjoni. Il-bejgħ kollettiv tad-drittijiet tal-mezzi tax-xandir huwa eżempju tajjeb tas-solidarjetà finanzjarja u l-mekkaniżmi ta' ridistribuzzjoni fi ħdan l-isports. Il-bejgħ kollettiv tad-drittijiet tal-mezzi tax-xandir jirrestrinġu b'mod inerenti l-kompetizzjoni fl-ambitu tat-tifsira tal-Artikolu 101(1) tat-TFUE. Madankollu, il-bejgħ kollettiv jista' jġib miegħu vantaġġi li jistgħu jegħlbu l-effetti negattivi. Il-bejgħ konġunt jista' għalhekk jilħaq il-kriterji għal eżenzjoni skont l-Artikolu 101(3) tat-TFUE jekk ikunu sodisfatti ċerti kundizzjonijiet. Il-Kummissjoni tirrakkomanda lill-għaqdiet sportivi biex jistabbilixxu mekkaniżmi għall-bejgħ kollettiv ta' drittijiet tal-mezzi tax-xandir biex tiġi żgurata r-ridistribuzzjoni adegwata tal-introjtu, b'konformità sħiħa mal-liġi tal-kompetizzjoni tal-UE filwaqt li jinżamm id-dritt tal-pubbliku għall-informazzjoni. Attivitajiet ta' logħob tal-azzard (inklużi lotteriji u mħatri sportivi) li jitmexxew minn operaturi privati jew mill-Istat, jikkontribwixxu direttament jew indirettament għall-finanzjament tal-isport fl-Istati Membri kollha tal-UE. Il-kontributi jistgħu jinkludu rabtiet finanzjarji bejn il-lotteriji mmexxija mill-Istat u l-moviment sportiv, il-kontribuzzjonijiet fiskali li jipprovdu finanzjament għall-isport, l-esplojtazzjoni ta' drittijiet speċifiċi u ftehimiet ta' sponsorizzazzjoni. Il-partijiet interessati fil-qasam tal-isport jipperċepixxu sfidi fir-rigward tal-fluss tad-dħul kontinwu fl-isport mill-attivitajiet tal-logħob tal-azzard. Is-sejħiet biex jiġi żgurat finanzjament għall-isport mis-sorsi privati u pubbliċi u l-istabilità finanzjarja tas-settur sportiv għandhom jitqiesu fl-indirizzar ulterjuri tal-għoti tas-servizzi tal-logħob tal-azzard fis-Suq Intern. L-approċċi regolatorji jvarjaw minn Stat Membru għall-ieħor fl-oqsma relatati mad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u l-attivitajiet tal-logħob tal-azzard, partikolarment fir-rigward tal-limitu tad-drittijiet tal-proprjetà għall-organizzaturi tal-kompetizzjonijiet sportivi b'relazzjoni mal-avvenimenti li jorganizzaw, kif ukoll għall-għoti tad-drittijiet tal-immaġni fl-isport. Biex dawn il-kwistjonijiet jinftiehmu aħjar, il-Kummissjoni nediet studju tal-UE dwar il-finanzjament għall-isport ta' bażi. L-istudju għandu juri l-importanza reali tas-sorsi ta' finanzjament differenti għall-isport ta' bażi bħas-sussidji pubbliċi (l-awtoritajiet statali, reġjonali u lokali), il-kontributi tal-familji, u l-kontributi tal-attività volontarja, l-isponsorizzazzjoni, l-introjtu mill-mezzi tax-xandir u l-introjtu mill-organizzazzjoni tas-servizzi tal-logħob tal-azzard. Ir-riżultat tal-istudju se jkun ta' appoġġ għal deċiżjonijiet dwar jekk hemmx bżonn ta' xi azzjoni f'dan il-qasam u jekk hemm, ta' liema tip. 3.3. L-applikazzjoni tar-regoli tal-għajnuna Statali tal-UE għall-isport L-isport huwa ffinanzjat f'bosta modi mill-awtoritajiet pubbliċi fl-Istati Membri kollha tal-UE. Xi miżuri, bħal ammonti żgħar ħafna tal-għajnuna li huma koperti mir-Regolament de minimis , jistgħu jibqgħu barra mill-ambitu tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE. Meta l-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu jkunu ntlaħqu, l-għajnuna Statali fil-prinċipju tkun inkompatibbli mal-liġi tal-UE, sakemm ma tkunx applikabbli waħda mid-derogi fl-Artikolu 107 tat-TFUE. Għalkemm l-għajnuna Statali għall-isport mhix eżattament koperta mir-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa, tista' tkun koperta minn ċerti dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament, f'tali każ tista' titqies kompatibbli mingħajr ebda bżonn għal notifika preċedenti lill-Kummissjoni. Inkella, għajnuna ġdida jkollha tiġi nnotifikata bil-quddiem lill-Kummissjoni b'konformità mal-Artikolu 108(3) tat-TFUE u tista' tingħata biss wara li l-Kummissjoni tkun ħarġet deċiżjoni favorevoli. Kien hemm biss ftit deċiżjonijiet li jikkonċernaw l-għajnuna Statali lill-isport u, bħal f'setturi oħra f'sitwazzjoni simili, il-partijiet interessati talbu ripetutament għal kjarifika ulterjuri rigward il-finanzjament tal-infrastruttura u l-għaqdiet sportivi. 3.4. L-iżvilupp Reġjonali u l-Impjegabilità Il-fondi tal-UE jistgħu jintużaw għall-proġetti u l-azzjonijiet b'appoġġ għall-istrutturi sportivi sostenibbli. Pereżempju, sabiex jittieħed vantaġġ sħiħ mill-valur tal-isport bħala għodda għall-iżvilupp lokali u reġjonali, għar-riġenerazzjoni urbana, għall-iżvilupp rurali, għall-impjegabilità, għall-ħolqien ta' xogħol u għall-integrazzjoni tas-suq tax-xogħol, il-Fondi Strutturali jistgħu jappoġġjaw investimenti b'konformità mal-prijoritajiet stabbiliti fil-Programmi Operattivi. Il-partijiet interessati (il-muniċipalitajiet u r-reġjuni) għandhom rwol kruċjali fil-finanzjament tal-isport u l-aċċess għall-isport u għandhom ikunu dejjem iżjed involuti fid-diskussjonijiet relatati fil-livell tal-UE. ID-DIMENSJONI EKONOMIKA TAL-ISPORT | It-tfassil politiku bbażat fuq l-evidenza fil-qasam tal-isport | Il-Kummissjoni u l-Istati Membri: jipproduċu Kontijiet Satellita għall-Isport kompatibbli mad-definizzjoni Ewropea maqbula. Il-Kummissjoni: tappoġġa netwerk ta' universitajiet li jippromwovu politiki sportivi innovattivi u bbażati fuq l-evidenza. Il-Kummissjoni: tistudja hux possibbli li tistabbilixxi funzjoni ta' monitoraġġ tal-isport fl-UE biex tanalizza x-xejriet, tiġbor dejta, tinterpreta l-istatistika, tiffaċilita r-riċerka, tniedi stħarriġiet u studji, u tippromwovi l-iskambju ta' informazzjoni. | Finanzjament sostenibbli għall-isport | Il-Kummissjoni: tassigura li jitqiesu d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali li jistgħu jiġu mill-kopertura tal-avvenimenti sportivi fl-implimentazzjoni tal-inizjattiva tal-Aġenda Diġitali. Il-Kummissjoni: tniedi studju li janalizza d-drittijiet tal-organizzaturi sportivi u d-drittijiet tal-immaġni fl-isport mill-perspettiva tal-qafas ġuridiku tal-UE. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri: b'kooperazzjoni mal-moviment sportiv, jesploraw modi għat-tisħiħ tal-mekkaniżmi ta' solidarjetà finanzjarja fi ħdan l-isports filwaqt li tirrispetta kompletament ir-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri: abbażi tar-riżultati tal-istudju tal-UE dwar il-finanzjament tal-isport ta' bażi, iqisu l-aqwa prassi fost il-mekkaniżmi ta' finanzjament eżistenti għal finanzjament trasparenti u sostenibbli fl-isport. | L-applikazzjoni tar-regoli tal-għajnuna Statali tal-UE għall-isport | Il-Kummissjoni: timmonitorizza l-applikazzjoni tal-liġi tal-għajnuna Statali fil-qasam tal-isport u tikkunsidra l-iggwidar jekk l-għadd ta' każijiet li jeħtieġu l-għajnuna Statali relatata mal-isport jiżdied. | L-iżvilupp Reġjonali u l-Impjegabilità | Il-Kummissjoni u l-Istati Membri: jisfruttaw fis-sħiħ il-possibilitajiet tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali bħala appoġġ għall-infrastruttura tal-isport u l-attivitajiet sostenibbli fl-isport u dawk li jsiru barra bħala għodda għall-iżvilupp reġjonali u rurali, u tal-Fond Soċjali Ewropew biex jissaħħu l-ħiliet u l-impjegabilità tal-ħaddiema fis-settur sportiv. | 4. L-ORGANIZZAZZJONI TAL-ISPORT 4.1. Il-promozzjoni ta' governanza tajba fl-isport Il-governanza tajba fl-isport hija kundizzjoni għall-awtonomija u l-awtoregolazzjoni tal-għaqdiet sportivi. Filwaqt li mhux possibbli li jiġi definit mudell uniku ta' governanza fl-isport Ewropew fost dixxiplini differenti u fid-dawl ta' bosta differenzi nazzjonali, il-Kummissjoni tqis li hemm prinċipji marbutin ma' xulxin li huma l-bażi tal-governanza sportiva fil-livell Ewropew, bħall-awtonomija fil-limiti tal-liġi, id-demokrazija, it-trasparenza u r-responsabilità fit-teħid tad-deċiżjonijiet, u l-inklussività fir-rappreżentanza tal-partijiet interessati. Governanza tajba fl-isport hija kundizzjoni għall-indirizzar tal-isfidi rigward l-isport u l-qafas ġuridiku tal-UE. 4.2. In-natura speċifika tal-isport In-natura speċifika tal-isport, kunċett ġuridiku stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li diġà tqies mill-istituzzjonijiet tal-UE f'bosta ċirkostanzi u li ġie indirizzat fid-dettall fil-White Paper dwar l-Isport u d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal li jakkumpanjaha, issa hija rikonoxxuta mill-Artikolu 165 tat-TFUE. Din tinkludi l-karatteristiċi kollha li l-isport jagħmluh speċjali, bħal pereżempju l-interdipendenza bejn l-avversarji f'kompetizzjoni ma' xulxin jew l-istruttura piramida tal-kompetizzjonijiet miftuħa. Il-kunċett tan-natura speċifika tal-isport titqies fil-valutazzjoni ta' jekk ir-regoli sportivi jikkonformawx mar-rekwiżiti tal-liġi tal-UE (id-drittijiet fundamentali, il-moviment liberu, il-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni, il-kompetizzjoni, eċċ.). Ir-regoli sportivi normalment jikkonċernaw l-organizzazzjoni u l-imġiba tajba tal-isport kompetittiv. Dawn jaqgħu taħt ir-responsabilità tal-organizzazzjonijiet sportivi u jridu jkunu kompatibbli mal-liġi tal-UE. Biex tiġi vvalutata l-kompatibilità tar-regoli sportivi mal-liġi tal-UE, il-Kummissjoni tqis il-leġittimità tal-għanijiet mixtieqa mir-regoli, jekk l-effetti restrittivi ta' dawk ir-regoli humiex inerenti biex jintlaħqu l-għanijiet u jekk humiex proporzjonati għalihom. L-għanijiet leġittimi li jfittxu l-għaqdiet sportivi jistgħu jkunu relatati, pereżempju, mal-ġustizzja fil-kompetizzjonijiet sportivi, l-inċertezza tar-riżultati, il-ħarsien ta' saħħet l-atleti, il-promozzjoni tar-reklutaġġ u t-taħriġ tal-atleti żgħażagħ, l-istabilità finanzjarja tal-klabbs u t-timijiet sportivi jew eżerċizzju uniformi u konsistenti ta' sport partikolari ("ir-regoli tal-logħba"). Permezz tad-djalogu tagħha mal-partijiet interessati, il-Kummissjoni se tkompli l-isforzi tagħha biex tispjega, abbażi tat-tema, ir-relazzjoni bejn il-liġi tal-UE u r-regoli sportivi fl-isport professjonali u dak tad-dilettanti. Kif talbu l-Istati Membri u l-moviment sportiv fil-konsultazzjoni, il-Kummissjoni hija impenjata li tappoġġa interpretazzjoni xierqa tal-kunċett tan-natura speċifika tal-isport u se tkompli tipprovdi gwida f'dan ir-rigward. Fir-rigward tal-applikazzjoni tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-UE, il-Kummissjoni se tkompli tapplika l-proċedura kif previst fir-Regolament (KE) Nru 1/2003. 4.3. Il-moviment liberu u n-nazzjonalità tal-isportivi L-organizzazzjoni tal-isport fuq bażi nazzjonali hija parti mill-approċċ Ewropew tradizzjonali għall-isport. Filwaqt li t-Trattat jipprojbixxi d-diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità u l-prinċipju tal-moviment liberu tal-ħaddiema huwa mnaqqax fih, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset il-bżonn li jitħarsu ċerti karatteristiċi speċifiċi tal-isport f'deċiżjonijiet passati li kellhom x'jaqsmu mal-kompożizzjoni tat-timijiet nazzjonali jew skadenzi għar-regoli tat-trasferiment tal-plejers f'kompetizzjonijiet sportivi bit-timijiet. Fil-qasam tal-isport professjonali, ir-regoli li jwasslu għal diskriminazzjoni diretta (bħall-kwoti ta' plejers fuq bażi ta' nazzjonalità) mhumiex kompatibbli mal-liġi tal-UE. Mill-banda l-oħra, regoli li jiddiskriminaw indirettament (bħall-kwoti għal plejers li tħarrġu lokalment), jew li jxekklu l-moviment liberu tal-ħaddiema (kumpens għar-reklutaġġ u t-taħriġ ta' plejers li għadhom żgħar), jistgħu jitqiesu bħala kompatibbli jekk ikollhom għan leġittimu u sakemm ikunu neċessarji u proporzjonati mal-kisba ta' dak l-għan. Abbażi tal-Artikolu 45 tat-TFUE, ir-regoli tal-moviment liberu japplikaw biss għall-ħaddiema u l-plejers professjonali fil-qafas ta' attività ekonomika. Madankollu, ir-regoli tal-moviment liberu japplikaw ukoll għall-isport tad-dilettanti peress li l-Kummissjoni tqis li jekk l-Artikoli 18, 21 u 165 tat-TFUE jinqraw flimkien, il-prinċipju ġenerali tal-UE tal-projbizzjoni minn kwalunkwe diskriminazzjoni fuq il-bażi ta' nazzjonalità japplika għall-isport għaċ-ċittadini kollha tal-UE li użaw id-dritt tagħhom ta' moviment liberu, inklużi dawk li jieħdu sehem f'attività sportiva fil-livell tad-dilettanti. Il-Kummissjoni nediet studju biex jiġu vvalutati l-implikazzjonijiet tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar in-nondiskriminazzjoni fuq bażi ta' nazzjonalità fl-isports individwali. Il-gwida dwar il-moviment liberu hija pprovduta fid-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal li jakkumpanja din il-Komunikazzjoni. Gwida addizzjonali tista' tinstab fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni "Li ttenni l-moviment liberu tal-ħaddiema: drittijiet u żviluppi maġġuri", adottata fit-13 ta' Lulju 2010[9]. 4.4. Ir-regoli tat-trasferimenti u l-attivitajiet tal-aġenti sportivi Wara diskussjonijiet mal-Kummissjoni fl-2001 fil-kuntest ta' każ tal-antitrust, ġew inklużi sett ta' regoli fir-Regolamenti tal-FIFA dwar l-Istatus u t-Trasferimenti tal-Plejers. It-trasferimenti tal-plejers spiss jkunu fl-attenzjoni tal-pubbliku minħabba tħassib dwar il-legalità ta' dawn l-atti u dwar it-trasparenza tal-flussi finanzjarji involuti. Il-Kummissjoni tqis li wasal iż-żmien għal valutazzjoni kumplessiva tar-regoli tat-trasferimenti fl-isport professjonali fl-Ewropa. L-istudju indipendenti dwar l-aġenti sportivi li sar f'isem il-Kummissjoni fl-2009 jagħti ħarsa ġenerali lejn l-attivitajiet tal-aġenti sportivi fl-UE. Il-problemi ewlenin identifikati huma ta' natura etika, bħall-kriminalità finanzjarja u l-isfruttament tal-plejers li jkunu għadhom żgħar li b'hekk jheddu l-ġustizzja tal-kompetizzjonijiet sportivi u l-integrità tal-isportivi. L-istudju jidentifika wkoll id-diskrepanzi fil-mod ta' kif l-attività tal-aġenti tkun irregolata mill-awtoritajiet pubbliċi u l-entitajiet privati fl-Ewropa. 4.5. L-integrità tal-kompetizzjonijiet sportivi Fl-isports bit-timijiet, is-sistemi tal-għoti tal-liċenzji lill-klabbs joffru għodda ta' valur biex tiġi żgurata l-integrità tal-kompetizzjonijiet. Huma wkoll mod effettiv għall-promozzjoni ta' governanza tajba u stabilità finanzjarja. Il-Kummissjoni tilqa' l-adozzjoni tal-miżuri li għandhom l-għan li jsaħħu l-fair play finanzjarju fil-futbol Ewropew filwaqt li tfakkar li miżuri bħal dawn iridu jirrispettaw is-Suq Intern u r-regoli tal-kompetizzjoni. Ix-xiri tal-logħob imur kontra l-etika u l-integrità tal-isport. Dan huwa forma ta' korruzzjoni sew jekk ikun biex jiġu influwenzati l-imħatri u sew jekk biex jintlaħqu għanijiet sportivi u għaldaqstant huwa ssanzjonat mil-liġi kriminali nazzjonali. In-netwerks kriminali internazzjonali għandhom rwol fix-xiri tal-logħob marbut mal-imħatri illeċiti. Minħabba l-popolarità dinjija tal-isport u n-natura transkonfinali tal-attivitajiet tal-imħatri, il-problema spiss tmur lil hinn mill-kompetenza tal-awtoritajiet nazzjonali. Il-partijiet interessati fl-isport qed jaħdmu mal-kumpaniji tal-imħatri kemm dawk pubbliċi kif ukoll dawk privati biex jiġu żviluppati sistemi ta' twissija bikrija u programmi edukattivi, b'riżultati mħalltin. Il-Kummissjoni se tikkoopera mal-Kunsill tal-Ewropa fl-analiżi tal-fatturi li jistgħu jikkontribwixxu biex il-kwistjoni tax-xiri tal-logħob f'livell nazzjonali, Ewropew u internazzjonali tiġi indirizzata b'mod aktar effettiv. L-integrità fl-isport hija wkoll waħda mill-kwistjonijiet li se jiġu indirizzati fil-konsultazzjoni tal-Kummissjoni li se ssir dalwaqt dwar l-għoti tas-servizzi onlajn tal-logħob tal-azzardfl-UE. 4.6. Id-djalogu soċjali Ewropew fis-settur sportiv Id-djalogu soċjali huwa l-pedament tal-mudell soċjali Ewropej u jagħti lil min iħaddem, lill-atleti u lill-ħaddiema fl-isport l-opportunità li jiffurmaw relazzjonijiet ta' ħidma fis-settur tal-isport permezz ta' djalogu awtonomu fil-qafas leġiżlattiv u istituzzjonali ġenerali tal-UE. Fl-2008 tnieda kumitat għad-djalogu soċjali Ewropew fis-settur tal-futbol professjonali. Ix-xogħol f'dan il-kumitat mexa lejn it-twaqqif ta' rekwiżiti kuntrattwali minimi għall-plejers tal-futbol. Barra minn hekk, bosta għaqdiet tal-imsieħba soċjali Ewropej potenzjali esprimew l-interess tagħhom biex jinħoloq kumitat għad-djalogu soċjali għas-settur kollu tal-isport u ta' rikreazzjoni attiva. Il-Kummissjoni tħeġġeġ dan l-iżvilupp u tistieden lill-imsieħba soċjali biex jikkonsolidaw iktar ir-rappreżentattività fil-livell tal-UE. Hija se tipproponi fażi bi prova biex tiffaċilita l-introduzzjoni tad-djalogu soċjali. L-ORGANIZZAZZJONI TAL-ISPORT | Il-promozzjoni ta' governanza tajba fl-isport | Il-Kummissjoni u l-Istati Membri: jippromwovu l-istandards ta' governanza sportiva permezz tal-iskambju ta' prassi tajba u appoġġ immirat għal inizjattivi speċifiċi. | In-natura speċifika tal-isport | Il-Kummissjoni: tipprovdi għajnuna u gwida, fuq bażi skont it-tema, relatata mal-applikazzjoni tal-kunċett tan-natura speċifika tal-isport. | Il-moviment liberu u n-nazzjonalità tal-isportivi | Il-Kummissjoni: toħroġ gwida dwar kif tirrikonċilja d-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar in-nazzjonalità mal-organizzazzjoni tal-kompetizzjonijiet fl-isports individwali fuq bażi ta' nazzjonalità. Il-Kummissjoni: tivvaluta l-konsegwenzi tar-regoli tal-plejers imħarrġa fil-pajjiż fl-isports bit-timijiet fl-2012. | Ir-regoli tat-trasferimenti u l-attivitajiet tal-aġenti sportivi | Il-Kummissjoni: tniedi studju dwar l-aspetti ekonomiċi u legali tat-trasferimenti tal-plejers u l-impatt tagħhom fuq il-kompetizzjonijiet sportivi. F'dan il-kuntest, tipprovdi gwida dwar it-trasferimenti tal-plejers fl-isports bit-timijiet. Il-Kummissjoni: torganizza konferenza biex jiġu esplorati iktar modi possibbli għall-istituzzjonijiet tal-UE u r-rappreżentanti tal-moviment sportiv (federazzjonijiet, ligs, klabbs, plejers u aġenti) biex tittejjeb is-sitwazzjoni fir-rigward tal-attivitajiet tal-aġenti sportivi. | Id-djalogu soċjali Ewropew fis-settur sportiv | Il-Kummissjoni: tappoġġa lill-imsieħba soċjali u lill-għaqdiet sportivi biex joħolqu djalogu soċjali fil-livell tal-UE għas-settur kollu tal-isport u r-rikreazzjoni u biex jiġu diskussi suġġetti rilevanti ġodda bħall-istabilità kuntrattwali, l-edukazzjoni u t-taħriġ, is-saħħa u s-sigurtà, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-impjieg ta' minuri, ir-rwol tal-aġenti jew il-ġlieda kontra t-teħid tad-drogi. | 5. KOOPERAZZJONI MA' PAJJIŻI TERZI U MA' GĦAQDIET INTERNAZZJONALI It-Trattat ta' Lisbona jitlob lill-Unjoni u lill-Istati Membri jrawmu l-kooperazzjoni mal-pajjiżi terzi u l-għaqdiet internazzjonali kompetenti fil-qasam tal-isport. Fid-dawl tal-organizzazzjoni kontinentali tal-isport u l-kunsens imġedded dwar it-tkabbir, il-kooperazzjoni ma' pajjiżi Ewropej terzi, b'mod partikolari pajjiżi kandidati u kandidati potenzjal, u l-Kunsill tal-Ewropa għandha tkun prijorità. KOOPERAZZJONI MA' PAJJIŻI TERZI U MA' GĦAQDIET INTERNAZZJONALI | Il-Kummissjoni: tidentifika l-ambitu għal kooperazzjoni internazzjonali fil-qasam tal-isport b'fokus fuq il-pajjiżi terzi Ewropej, b'mod partikolari l-pajjiżi kandidati u l-kandidati potenzjali, u l-Kunsill tal-Ewropa. | 6. KONKLUŻJONI Fil-fehma tal-Kummissjoni, il-kumplessità tal-proposti fil-qasam tal-isport jitolbu l-kontinwazzjoni tal-istrutturi ta' koperazzjoni informali bejn l-Istati Membri sabiex jiżguraw l-iskambju kontinwu ta' prassi tajba u t-tixrid tar-riżultati. Il-Kummissjoni se tkompli tipprovdi appoġġ għal gruppi ta' ħidma informali fil-qasam tal-isport li l-Istati Membri jixtiequ jkomplu jew jistabbilixxu u li se jkomplu jirrappurtaw għad-Diretturi tal-Isports tal-UE. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill huma mistiedna jappoġġjaw il-proposti li saru f'din il-Komunikazzjoni dwar l-isport u jindikaw il-prijoritajiet tagħhom għal attivitajiet futuri. [1] COM(2007) 391, 11.7.2007. [2] Ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika ġew ippubblikati fil-websajt li ġejja: http://ec.europa.eu/sport/library/doc/a/100726_online_consultation_report.pdf [3] http://www.europarl.europa.eu/activities/committees/studies/download.do?language=en&file=32471 [4] Id-Dikjarazzjoni dwar l-Isport tal-Kunsill Ewropew, Diċembru 2008. [5] Racism, ethnic discrimination and exclusion of migrants and minorities in sport: comparative overview of the situation in the European Union (2010): http://fra.europa.eu/fraWebsite/home/home_en.htm [6] COM(2007) 279 finali, 30.5.2007. [7] Forum Ekonomiku Dinji, Davos, 2009. [8] Kont satellita huwa qafas statistiku li jkejjel l-importanza ekonomika ta' industrija speċifika (f'dan il-każ, is-settur sportiv) fl-ekonomija nazzjonali. Kont Satellita għall-Isport jiffilterja l-Kontijiet Nazzjonali għal attivitajiet rilevanti għall-isport biex joħroġ il-valur miżjud kollu relatat mal-isport. [9] COM(2010) 373.