Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010PC0627

    Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni proviżorja tal-Protokoll li jestendi l-Ftehim għall-miżuri doganali ta' sigurtà, f'forma ta' skambju ta' ittri bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Prinċipat ta' Andorra

    /* KUMM/2010/0627 finali - NLE 2010/0307 */

    52010PC0627

    Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni proviżorja tal-Protokoll li jestendi l-Ftehim għall-miżuri doganali ta' sigurtà, f'forma ta' skambju ta' ittri bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Prinċipat ta' Andorra /* KUMM/2010/0627 finali - NLE 2010/0307 */


    [pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

    Brussel 10.11.2010

    KUMM(2010) 627 finali

    2010/0307 (NLE)

    2010/0307 (NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni proviżorja tal-Protokoll li jestendi l-Ftehim għall-miżuri doganali ta' sigurtà, f'forma ta' skambju ta' ittri bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Prinċipat ta' Andorra

    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    Il-proposta tad-Deċiżjoni tal-Kunsill mehmuża hawnhekk tikkostitwixxi l-istrument ġudizzjarju għall-iffirmar u l-applikazzjoni proviżorja ta' Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea u l-Prinċipat ta' Andorra bil-ħsieb li jiġi estiż il-kamp ta' applikazzjoni tal-Ftehim tat-28 ta' Ġunju 1990 għall-miżuri doganali ta' sigurtà, f'forma ta' skambju ta' ittri bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Prinċipat ta' Andorra[1].

    Il-Kodiċi Doganali Komunitarju[2] u d-dispożizzjonijiet tal-applikazzjoni tiegħu[3], li jistabbilixxu r-regoli dwar l-ipproċessar doganali tal-oġġetti impurtati jew li għandhom jiġu esportati, ġew emendati rispettivament fl-2005[4] u fl-2006[5] sabiex jiddaħħlu miżuri doganali ta' sigurtà. Fost miżuri oħrajn, din id-dispożizzjoni dwar is-sigurtà tipprevedi b'mod speċjali l-preżentazzjoni mill-operaturi ta' ċerta dejta qabel l-importazzjoni u l-esportazzjoni tal-oġġetti, li se tippermetti li ssir analiżi tar-riskji marbuta ma' dawn l-operazzjonijiet qabel id-dħul jew il-ħruġ ta' konsenni kkonċernati.

    Fil-prinċipju, dawn il-miżuri ta' sigurtà japplikaw għall-kummerċ mal-pajjiżi terzi kollha. Madankollu, il-Kodiċi Doganali Komunitarju jindika li jistgħu jiġu stabbiliti regoli differenti fir-rigward tal-obbligu li tiġi ppreżentata din l-informazzjoni qabel il-wasla jew it-tluq meta jkun hemm ftehim internazzjonali li jipprevedi dispożizzjonijiet speċifiċi fil-qasam tas-sigurtà. Kien għalhekk li f'dan il-qafas ġie meqjus indispensabbli u ta' interess reċiproku għall-Unjoni Ewropea u l-Prinċipat ta' Andorra li tiġi stabbilita emenda għar-regoli doganali ta' sigurtà għall-kummerċ tagħhom bilaterali ta' oġġetti. B'kunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni ġeografika tal-Prinċipat ta' Andorra kif ukoll tal-irbit partikolari li għandu mal-Unjoni Ewropea f'forma ta' unjoni doganali, tali emenda hija meħtieġa, partikolarment għall-garanzija tal-fluss tal-kummerċ waqt li jinżamm livell għoli ta' sigurtà.

    L-arranġament, kif jirriżulta min-negozjati, jikkonsisti fit-tneħħija tal-obbligu tad-dikjarazzjoni minn qabel għall-kummerċ ta' oġġetti bejn l-Unjoni Ewropea u l-Prinċipat ta' Andorra. Din it-tneħħija hija soġġetta għall-kundizzjoni li l-Partijiet Kontraenti jimpenjaw ruħhom biex jiggarantixxu livell ta' sigurtà ekwivalenti fit-territorju doganali rispettiv tagħhom, permezz ta' miżuri bbażati fuq il-leġiżlazzjoni fis-seħħ fl-Unjoni Ewropea.

    Barra d-dispożizzjonijiet relatati mal-miżuri doganali ta' sigurtà, l-arranġament jinkludi wkoll regoli globali li jippermettu, min-naħa, li jiżguraw l-iżvilupp tiegħu fl-istess ħin mal-iżvilupp tal-acquis communautaire, u li jipprevedu, min-naħa l-oħra, fil-każ fejn l-ekwivalenza tal-miżuri ta' sigurtà rispettivi ma tkunx iktar żgurata, li kull parti tista' tieħu miżuri ta' bilanċ mill-ġdid, inkluż it-tneħħija tal-applikazzjoni tat-Titolu kkonċernat tal-Ftehim.

    Fl-aħħar, iddaħħal Artikolu 12h ġdid dwar il-protezzjoni tas-sigriet professjonali u tad-dejta personali. L-iskambju tad-dejta personali fil-qafas tal-miżuri stabbiliti huwa fil-fatt irregolat mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 45/2001[6] dwar l-ipproċessar tad-dejta mill-Kummissjoni Ewropea kif ukoll mid-Direttiva Nru 95/46/KE[7] dwar l-ipproċessar tad-dejta mill-Istati Membri. Min-naħa tiegħu, l-ipproċessar tad-dejta mill-Prinċipat ta' Andorra huwa sottomess għal-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-protezzjoni tad-dejta. Il-Prinċipat irratifika l-Konvenzjoni Nru 108 tal-Kunsill tal-Ewropa għall-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar awtomatiku tad-dejta personali u għandu livell ta' protezzjoni li hija konformi mal-leġiżlazzjoni fis-seħħ fl-Unjoni Ewropea.

    Għandu jiġi speċifikat li għall-kuntrarju tal-unjoni doganali, dan l-arranġament japplika wkoll għall-prodotti agrikoli.

    Fi ftit kliem, l-għan ta' din il-proposta huwa li tawtorizza lill-Kummissjoni tiffirma Protokoll li jemenda l-Ftehim tat-28 ta' Ġunju 1990 bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Prinċipat ta' Andorra sabiex jiġi estiż il-kamp ta' applikazzjoni tiegħu għall-miżuri doganali ta' sigurtà. Għal dan il-għan, se jiġi miżjud Titolu IIa ġdid mal-Ftehim tal-1990, dwar l-"arranġament dwar il-miżuri doganali ta' sigurtà". Barra minn dan, il-proposta tipprevedi l-applikazzjoni proviżorja tal-Protokoll, sakemm ikunu kompluti l-proċeduri meħtieġa għall-konklużjoni tiegħu. Fl-istess ħin, qed tiġi sottomessa separatament proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni ta' dan il-Protokoll.

    Din il-proposta m'għandha l-ebda impatt finanzjarju fuq il-baġit tal-Unjoni Ewropea.

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni proviżorja tal-Protokoll li jestendi l-Ftehim għall-miżuri doganali ta' sigurtà, f'forma ta' skambju ta' ittri bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Prinċipat ta' Andorra

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    1. Il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni Ewropea fis-16 ta' Frar 2009 biex tiftaħ in-negozjati mal-Prinċipat ta' Andorra bil-ħsieb li jkun innegozjat protokoll li jestendi l-Ftehim tat-28 ta' Ġunju 1990 għall-miżuri doganali ta' sigurtà, f'forma ta' skambju ta' ittri bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Prinċipat ta' Andorra.

    2. Il-Kummissjoni Ewropea u l-Prinċipat ta' Andorra kkonkludew in-negozjati msemmijin hawn fuq permezz tal-iffirmar tal-Protokoll.

    3. Huwa xieraq li n-negozjatur jiffirma l-Protokoll innegozjat, f'isem l-Unjoni Ewropea, sakemm tintlaħaq il-konklużjoni tiegħu f'data ulterjuri.

    4. Sakemm jitwettqu l-proċeduri interni tal-Partijiet Kontraenti, dan il-Protokoll għandu japplika b'mod temporanju mill-1 ta' Jannar 2011, data li tikkostitwixxi l-aħħar fażi tal-applikazzjoni tal-miżuri doganali ta' sigurtà introdotti fl-2005 u l-2006 rispettivament mill-emendi tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju[8] u tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 li jistabbilixxi ċerti dispożizzjonijiet ta' applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju [9],

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-Kummissjoni Ewropea hija awtorizzata tiffirma, f'isem l-Unjoni Ewropea, il-Protokoll li jestendi l-kamp ta' applikazzjoni tal-Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Prinċipat ta' Andorra, għall-miżuri doganali ta' sigurtà, u li tinnomina persuna bis-setgħa li tipproċedi għall-iffirmar.

    It-test tal-Protokoll huwa mehmuż fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Sakemm ikunu kompluti l-proċeduri meħtieġa għall-konklużjoni tiegħu, il-Protokoll hu applikat b'mod temporanju mill-1 ta’ Jannar 2011, skont id-dispożizzjonijiet previsti fl-Artikolu 3(3) tiegħu.

    Il-Kummissjoni Ewropea hi awtorizzata biex tiftiehem għal data oħra għall-applikazzjoni proviżorja tal-Protokoll.

    Artikolu 3

    Il-pożizzjoni li għandha tadotta l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat Konġunt dwar kwistjonijiet relatati mat-Titolu IIa tal-Ftehim, hija stabbilita mill-Kummissjoni Ewropea.

    Artikolu 4

    Bil-ħsieb li tiġi żgurata l-applikazzjoni tal-Artikolu 12i(1) tal-Ftehim, il-Kummissjoni Ewropea qed tinnotifika lill-Prinċipat ta' Andorra bl-abbozz tal-Atti tal-Unjoni li jikkostitwixxu żvilupp tal-liġi tal-Unjoni fil-qasam tal-miżuri doganali ta' sigurtà msemmijin fl-Artikolu 12b tal-Ftehim.

    Il-Kummissjoni hija awtorizzata li tieħu l-miżuri meħtieġa previsti fl-Artikolu 12k tal-Ftehim sabiex tiżgura l-ekwivalenza tal-miżuri doganali ta' sigurtà tal-Partijiet Kontraenti.

    Jekk, fid-data tal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni kkonċernata, il-Prinċipat ta' Andorra ma jkunx adotta d-dispożizzjonijiet il-ġodda u jekk l-applikazzjoni temporanja tagħhom ma tkunx possibbli, il-Kummissjoni Ewropea tista' tinnotifika lill-Prinċipat ta' Andorra bis-sospensjoni tat-Titolu IIa tal-Ftehim f'konformità mal-Artikolu 12k(2) tiegħu.

    Artikolu 5

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-ġurnata tal-adozzjoni tagħha. Hija għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi,

    Għall-Kunsill

    Il-President

    ANNESS

    Protokoll li jestendi l-Ftehim għall-miżuri doganali ta' sigurtà, f'forma ta' skambju ta' ittri bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Prinċipat ta' Andorra

    L-UNJONI EWROPEA

    min-naħa l-waħda, u

    IL-PRINĊIPAT TA’ ANDORRA

    min-naħa l-oħra,

    minn hawn ’il quddiem rispettivament imsejħa "l-Unjoni", u "l-Prinċipat ta' Andorra" u, konġuntement, "il-Partijiet Kontraenti",

    Wara li kkunsidraw il-Ftehim f'forma ta’ skambju ta’ ittri bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Prinċipat ta’ Andorra, iffirmat fil-Lussemburgu fit-28 ta’ Ġunju 1990 (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ "il-Ftehim");

    Filwaqt li kkunsidraw il-ħtieġa li jinżamm il-livell eżistenti tat-tħaffif tal-kontrolli u tal-formalitajiet matul il-passaġġ tal-oġġetti fil-fruntieri bejn l-Unjoni u l-Prinċipat ta' Andorra kif ukoll il-ħtieġa li b'dan il-mod jiġi garantit il-fluss tal-iskambji kummerċjali bejn iż-żewġ partijiet;

    Filwaqt li l-Partijiet Kontraenti mpenjaw ruħhom biex jiggarantixxu livell ta' sigurtà ekwivalenti fit-territorju rispettiv tagħhom, permezz ta' miżuri bbażati fuq il-leġiżlazzjoni fis-seħħ fl-Unjoni;

    Filwaqt li hu mixtieq li l-Andorra tkun ikkonsultata dwar l-iżvilupp tar-regoli tal-Unjoni relatati mal-miżuri doganali ta' sigurtà, tipparteċipa fix-xogħlijiet tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali f'dan il-qasam u tkun infurmata fir-rigward tal-implimentazzjoni ta' dawn ir-regoli;

    Filwaqt li l-Partijiet Kontraenti huma ddeterminati li jtejbu s-sigurtà fil-kummerċ ta' oġġetti li jidħlu fi jew li joħorġu mit-territorju tagħhom mingħajr ma jfixklu l-fluss ta’ dan il-kummerċ;

    Filwaqt li fl-interess tal-Partijiet Kontraenti, jeħtieġ li jiġu introdotti miżuri doganali ta’ sigurtà ekwivalenti għal matul it-trasport ta' oġġetti li ġejjin jew sejrin f’pajjiżi terzi;

    Filwaqt li għall-kuntrarju tal-Ftehim innifsu, il-kamp ta' applikazzjoni territorjali ta' dawn il-miżuri doganali ta' sigurtà għandu jkun definit permezz ta' referenza għat-territorji doganali rispettivi tal-Partijiet Kontraenti;

    Filwaqt li dawn il-miżuri doganali ta' sigurtà għandhom ikunu japplikaw ukoll għall-prodotti agrikoli (Kapitoli 1 sa 24 tas-sistema armonizzata) li huma esklużi mill-Unjoni Doganali stabbilita bejn il-Partijiet Kontraenti;

    Filwaqt li kkunsidraw li dawn il-miżuri doganali ta’ sigurtà jikkonċernaw id-dikjarazzjoni tad-dejta tas-sigurtà relatata mal-oġġetti qabel id-dħul u l-ħruġ tagħhom, il-ġestjoni tar-riskji fil-qasam tas-sigurtà u l-kontrolli doganali relatati kif ukoll l-attribuzzjoni ta’ status ta’ Operatur Ekonomiku Awtorizzat fil-qasam tas-sigurtà rrikonoxxut b’mod reċiproku;

    Filwaqt li kkunsidraw li l-Prinċipat ta' Andorra għandu livell xieraq ta’ protezzjoni tad-dejta personali;

    Filwaqt li kkunsidraw li fil-każ ta' miżuri doganali ta' sigurtà, għandhom ikunu previsti miżuri xierqa ta' bilanċ mill-ġdid, inkluża s-sospensjoni tad-dispożizzjonijiet ikkonċernati, għall-każijiet fejn l-ekwivalenza tal-miżuri doganali ta' sigurtà ma tkunx aktar żgurata;

    FTIEHMU DAN LI ĠEJ:

    Artikolu 1

    Bil-għan li l-kamp ta' applikazzjoni tal-Ftehim jiġi estiż għall-miżuri doganali ta' sigurtà, se jiġi miżjud it-Titolu IIa ġdid li ġej:

    ''Titolu IIa

    ARRANĠAMENT DWAR IL-MIŻURI DOGANALI TA' SIGURTÀ

    KAPITOLU I

    Il-miżuri doganali ta' sigurtà u l-monitoraġġ tal-applikazzjoni tagħhom

    Artikolu 12a

    It-territorji koperti

    Dan it-titolu japplika, min-naħa, għat-territorju doganali Komunitarju u, min-naħa l-oħra, għat-territorju doganali tal-Prinċipat ta' Andorra.

    Artikolu 12b

    L-adozzjoni tal-acquis communautaire

    1. Il-Prinċipat ta' Andorra qed jadotta l-miżuri doganali ta' sigurtà applikati mill-Unjoni. "Miżuri doganali ta' sigurtà" tfisser id-dispożizzjonijiet dwar id-dikjarazzjoni tal-oġġetti qabel ma jiġu introdotti fit-territorju doganali jew mal-ħruġ tagħhom mit-territorju doganali, l-Operaturi Ekonomiċi Awtorizzati kif ukoll il-kontrolli doganali ta' sigurtà u l-ġestjoni tar-riskji fil-qasam tas-sigurtà, applikabbli skont il-leġiżlazzjoni doganali rilevanti fis-seħħ, f'kull żmien fl-Unjoni. Il-lista dettaljata tad-dispożizzjonijiet ikkonċernati hija stabbilita mill-Kumitat Konġunt imsemmi fl-Artikolu 17.

    2. Minkejja l-esklużjoni tagħhom mill-Unjoni Doganali bejn l-Unjoni u l-Prinċipat ta' Andorra, skont l-Artikolu 2, il-miżuri doganali ta' sigurtà japplikaw ukoll għall-prodotti agrikoli li ssir referenza għalihom fil-Kapitoli 1 sa 24 tas-sistema armonizzata.

    Artikolu 12c

    Il-prinċipji ġenerali

    1. Il-Partijiet Kontraenti jimpenjaw ruħhom biex japplikaw il-miżuri doganali ta’ sigurtà msemmija fl-Artikolu 12b(1) għat-trasport tal-oġġetti li ġejjin minn jew li sejrin f’pajjiżi terzi, u biex jiggarantixxu b'dan il-mod livell ta’ sigurtà ekwivalenti għall-fruntieri esterni tagħhom.

    2. Il-Partijiet Kontraenti ma japplikawx il-miżuri doganali ta' sigurtà msemmija fl-Artikolu 12b(1) waqt it-trasport tal-oġġetti bejn it-territorji doganali tagħhom.

    3. Il-Partijiet Kontraenti għandhom jikkonsultaw lil xulxin qabel ma tintlaħaq il-konklużjoni ta' kwalunkwe ftehim ma' pajjiż terz fil-qasam tal-miżuri doganali ta' sigurtà, sabiex jiggarantixxu l-koerenza ma' dan l-arranġament, b'mod partikolari jekk il-ftehim maħsub jinkludi dispożizzjonijiet li jidderogaw mill-miżuri doganali ta' sigurtà mfissra f'dan it-Titolu.

    Artikolu 12d

    Il-post fejn għandha tiġi ppreżentata d-dikjarazzjoni ta' qabel l-introduzzjoni jewil-ħruġ tal-oġġetti

    1. Id-dikjarazzjoni ta' qabel l-introduzzjoni tal-oġġetti, għandha tiġi ppreżentata lill-awtorità kompetenti tal-Parti Kontraenti fit-territorju doganali minn fejn ikunu ġew introdotti l-oġġetti ġejjin minn pajjiżi terzi. Din l-awtorità tipproċedi għall-analiżi tar-riskji minn dejta inkluża f'din id-dikjarazzjoni u għall-kontrolli doganali li huma meqjusa meħtieġa fil-qasam tas-sigurtà, anke meta dawn l-oġġetti jkunu ddestinati għall-Parti Kontraenti l-oħra.

    2. Id-dikjarazzjoni ta' qabel il-ħruġ tal-oġġetti għandha tiġi ppreżentata lill-awtorità kompetenti tal-Parti Kontraenti fit-territorju doganali minn fejn isiru l-formalitajiet tal-esportazzjoni jew, meta dan ma jkunx possibbli, minn fejn isir il-ħruġ lejn pajjiżi terzi. L-awtorità kompetenti għandha tipproċedi għall-analiżi tar-riskji mid-dejta inkluża f'din id-dikjarazzjoni u għall-kontrolli doganali meqjusa meħtieġa fil-qasam tas-sigurtà.

    3. Meta l-oġġetti jitilqu mit-territorju doganali ta' Parti Kontraenti u jmorru f'pajjiż terz billi jaqsmu t-territorju doganali tal-Parti Kontraenti l-oħra, id-dikjarazzjoni ta' qabel il-ħruġ tal-oġġetti għandha tiġi ppreżentata biss lill-awtorità kompetenti ta' din it-tieni parti.

    Artikolu 12e

    Il-kontrolli doganali ta’ sigurtà u l-ġestjoni tar-riskji fil-qasam tas-sigurtà

    1. Għall-finijiet tal-kontrolli doganali ta' sigurtà, kull Parti Kontraenti għandha tfisser qafas ta’ ġestjoni tar-riskji, kriterji tar-riskji kif ukoll l-oqsma ta’ kontroll doganali prijoritarju fil-qasam tas-sigurtà.

    2. Il-Partijiet Kontraenti jirrikonoxxu l-ekwivalenza tas-sistemi tagħhom ta' ġestjoni tar-riskji fil-qasam tas-sigurtà.

    3. Il-Partijiet Kontraenti jikkooperaw bil-ħsieb:

    - li jiskambjaw xi informazzjoni li tippermetti t-titjib u t-tisħiħ tal-analiżi tagħhom tar-riskji u l-effiċjenza tal-kontrolli doganali fil-qasam tas-sigurtà, u

    - li jfissru fi żmien xieraq qafas komuni ta’ ġestjoni tar-riskji, kriterji komuni tar-riskji kif ukoll oqsma ta’ kontrolli prijoritarji komuni u li jistabbilixxu sistema elettronika għall-implimentazzjoni ta’ din il-ġestjoni komuni tar-riskji.

    4. Il-Kumitat Konġunt jadotta kull dispożizzjoni meħtieġa għall-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu.

    Artikolu 12f

    Il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-miżuri doganali ta’ sigurtà

    1. Il-Kumitat Konġunt ifisser il-modalitajiet li permezz tagħhom il-Partijiet Kontraenti bi ħsiebhom jiżguraw il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni ta' dan it-Titolu u jivverifikaw il-konformità mal-miżuri doganali ta' sigurtà.

    2. Dan il-monitoraġġ jista' b'mod speċjali jkun żgurat permezz ta'

    - evalwazzjoni perjodika tal-implimentazzjoni ta' dan it-Titolu, b'mod partikolari tal-ekwivalenza tal-miżuri doganali ta' sigurtà,

    - eżami maħsub għat-titjib tal-applikazzjoni tagħha jew għall-emendament tad-dispożizzjonijiet tagħha sabiex l-għanijiet tagħha jinkisbu b'mod aħjar.

    - l-organizzazzjoni ta' laqgħat tematiċi bejn l-esperti taż-żewġ partijiet u ta' verifiki tal-proċeduri amministrattivi, anke permezz ta' żjarat fil-post.

    3. Il-Kumitat Konġunt għandu jiċċekkja li l-miżuri meħuda għall-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu huma konformi mad-drittijiet tal-Operaturi Ekonomiċi kkonċernati.

    Artikolu 12g

    L-iskambju ta' informazzjoni li tikkonċerna l-Operaturi Ekonomiċi Awtorizzati

    Il-Kummissjoni Ewropea u l-awtorità Andorrana kompetenti jiskambjaw b'mod regolari l-identità tal-Operaturi Ekonomiċi Awtorizzati tagħhom fil-qasam tas-sigurtà billi jinkludu l-informazzjoni li ġejja :

    a) in-numru tal-identifikazzjoni tal-Operatur (NIN – in-Numru tal-Identifikazzjoni tan-Negozjant f’format kumpatibbli mal-leġiżlazzjoni RIOE – Reġistrazzjoni u Identifikazzjoni tal-Operatur Ekonomiku) ;

    b) l-isem u l-indirizz tal-Operatur Ekonomiku Awtorizzat ;

    c) in-numru tad-dokument li bih kien mogħti l-istatus ta’ Operatur Ekonomiku Awtorizzat ;

    d) l-istatus attwali (għaddej bħalissa, sospiż, irtirat) ;

    e) il-perjodi ta’ emendi tal-istatus;

    f) id-data minn meta ċ-ċertifikat jidħol fis-seħħ;

    g) l-awtorità li ħarġet iċ-ċertifikat.

    Artikolu 12h

    Il-protezzjoni tas-sigriet professjonali u tad-dejta personali

    L-informazzjoni skambjata bejn il-Partijiet Kontraenti fil-qafas tal-miżuri stabbiliti f’dan it-Titolu tibbenefika mill-protezzjoni tas-sigriet professjonali u tad-dejta personali kif imfissra mil-liġijiet applikabbli f’dan il-qasam fit-territorju tal-Parti Kontraenti li tirċieviha.

    B’mod partikolari, din l-informazzjoni ma tistax tkun mogħtija lill-persuni oħrajn ħlief l-entitajiet kompetenti fil-Parti Kontraenti kkonċernata u lanqas ma tista’ tkun użata minn entitajiet ta’ din il-Parti għal għanijiet oħra minn dawk previsti f'dan il-Ftehim.

    KAPITOLU II

    Ġestjoni tal-arranġament

    Artikolu 12i

    Żvilupp tal-liġi

    1. Hekk kif l-Unjoni telabora l-leġiżlazzjoni l-ġdida fil-qasam tal-miżuri doganali ta' sigurtà, hija titlob b'mod informali l-parir tal-esperti Andorrani.

    2. L-Unjoni tiżgura lill-esperti Andorrani l-parteċipazzjoni, bħala osservaturi u għall-punti li huma ta' interess għalihom, fil-laqgħat tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali li jgħin lill-Kummissjoni Ewropea fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħha ta' implimentazzjoni fl-oqsma koperti mit-Titolu IIa. Id-dispożizzjonijiet previsti fl-Artikoli 66 sa 68 tad-Deċiżjoni Nru 1/2003 tal-Kumitat Konġunt KE-Andorra[10] għandhom japplikaw mutatis mutandis .

    3. Meta l-Kummissjoni Ewropea tagħti l-proposta tagħha tal-Att lill-Parlament Ewropew u/jew lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jew l-abbozz tal-miżuri ta' eżekuzzjoni lill-Istati Membri, hija għandha tindirizza kopja tagħhom lill-Prinċipat ta' Andorra.

    Fuq talba ta' waħda mill-Partijiet Kontraenti, l-iskambju preliminari ta' opinjonijiet jista' jseħħ fi ħdan il-Kumitat Konġunt.

    4. Il-Partijiet Kontraenti għandhom jerġgħu jikkonsultaw lil xulxin, fuq talba ta' waħda minnhom, fi ħdan il-Kumitat Konġunt waqt il-fażi ta' qabel l-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni l-ġdida tal-Unjoni, fi proċess kontinwu ta' informazzjoni u ta' konsultazzjoni.

    5. Il-Partijiet Kontraenti għandhom jikkooperaw matul il-fażi ta' informazzjoni u ta' konsultazzjoni sabiex jiffaċilitaw, fl-aħħar tal-proċess, l-applikazzjoni simultanja mill-Partijiet Kontraenti tal-leġiżlazzjoni l-ġdida msemmija fil-paragrafu 1.

    Artikolu 12j

    Ftehimiet ma’ pajjiżi terzi

    Il-Partijiet Kontraenti jaqblu li l-Ftehimiet konklużi minn waħda minnhom ma' pajjiż terz f'qasam kopert mit-Titolu IIa ma jistgħux joħolqu obbligi għall-parti l-oħra, ħlief jekk il-Kumitat Konġunt jiddeċiedi mod ieħor.

    Artikolu 12k

    Miżuri ta’ bilanċ mill-ġdid

    1. Waħda mill-Partijiet Kontraenti tista', wara konsultazzjoni fi ħdan il-Kumitat Konġunt, tieħu miżuri xierqa ta' bilanċ mill-ġdid, inkluża s-sospensjoni tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Titolu IIa meta hi tinnota li l-parti l-oħra mhix konformi mal-kundizzjonijiet tagħhom jew meta l-ekwivalenza tal-miżuri doganali ta' sigurtà tal-Partijiet Kontraenti ma tkunx għadha żgurata.

    Meta kull dewmien jirriskja li jagħmel ħsara għall-effiċjenza tal-miżuri doganali ta' sigurtà, jistgħu jitwaqqfu miżuri proviżorji ta' prekawzjoni mingħajr ma ssir konsultazzjoni minn qabel, bil-kundizzjoni li l-konsultazzjonijiet isiru minnufih wara li jkunu ttieħdu dawn il-miżuri.

    2. Jekk l-ekwivalenza tal-miżuri doganali ta' sigurtà tal-Partijiet Kontraenti ma tkunx aktar żgurata minħabba l-leġiżlazzjoni l-ġdida msemmija fl-Artikolu 12i ma tkunx ġiet adottata mill-Prinċipat ta' Andorra, l-Unjoni tista' tissospendi l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Titolu IIa, ħlief jekk il-Kumitat Konġunt, wara li jkun eżamina l-mezzi biex tinżamm l-applikazzjoni tagħhom, jiddeċiedi mod ieħor.

    3. L-ambitu u t-tul ta’ żmien tal-miżuri msemmija iktar qabel għandhom ikunu limitati għal dak li huwa meħtieġ sabiex tiġi rimedjata s-sitwazzjoni u biex jiġi żgurat bilanċ xieraq bejn id-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw minn dan it-Titolu. Waħda mill-Partijiet Kontraenti tkun tista' titlob lill-Kumitat Konġunt biex jipproċedi bil-konsultazzjonijiet fir-rigward tal-proporzjonalità ta' dawn il-miżuri. Jekk il-Kumitat Konġunt ma jasalx biex jirrimedja n-nuqqas, huwa jista', fejn hu xieraq, jiddeċiedi li jagħmel użu mill-proċedura ta' arbitraġġ prevista fl-Artikolu 18(2). F'dan il-qafas, mhux se tkun tista' tiġi rrimedjata l-ebda kwistjoni ta' interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet ikkonċernati tal-liġi tal-Unjoni.

    KAPITOLU III

    Dispożizzjonijiet diversi li jikkonċernaw l-arranġament dwar il-miżuri doganali ta' sigurtà

    Artikolu 12l

    Reviżjoni

    Jekk waħda mill-Partijiet Kontraenti tixtieq reviżjoni tal-arranġament, hi għanda tissottometti proposta għal dan l-għan lill-parti l-oħra. Ir-reviżjoni għandha tidħol fis-seħħ wara t-twettiq tal-proċeduri interni rispettivi tal-partijiet."

    Artikolu 2

    Dan il-Protokoll għandu jagħmel parti integrali mill-Ftehim.

    Artikolu 3

    1. Dan il-Protokoll huwa approvat mill-Partijiet Kontraenti skont il-proċeduri li huma xierqa għalihom. Huwa għandu jidħol fis-seħħ fi […] bil-kundizzjoni li l-Partijiet Kontraenti jkunu nnotifikaw lil xulxin qabel din id-data bit-twettiq tal-proċeduri meħtieġa għal dan l-għan.

    2. Jekk dan il-Protokoll ma jidħolx fis-seħħ fi […], huwa għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara d-data li fiha l-Partijiet Kontraenti jkunu nnotifikaw lil xulxin bit-twettiq tal-proċeduri meħtieġa għal dan l-għan.

    3. Sakemm jitwettqu l-proċeduri msemmija fil-paragrafi 1 u 2, il-Partijiet Kontraenti għandhom japplikaw b'mod temporanju dan il-Protokoll mill-1 ta' Jannar 2011 jew f'data ulterjuri miftiehma bejn il-Patrijiet Kontraenti.

    Artikolu 4

    Lingwi

    Dan il-Protokoll għandu jkun abbozzat f'żewġ kopji bil-lingwa Bulgara, Ċeka, Daniża, Estonjana, Finlandiża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Ingliża, Latvjana, Litwana, Maltija, Olandiża, Pollakka, Portugiża, Rumena, Slovakka, Slovena, Spanjola, Svediża, Taljana, Ungeriża u Katalana, b'kull wieħed minn dawn it-testi awtentiku b'mod ugwali.

    Magħmul fi ….,

    Għall-Prinċipat ta' Andorra

    Għall-Unjoni Ewropea

    [1] ĠU L 374, 31.12.1990, p. 16

    [2] Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1)

    [3] Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 li jistabbilixxi ċerti dispożizzjonijiet ta' applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1).

    [4] Ir-Regolament (KE) Nru 648/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' April 2005 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi tad-Dwana Komunitarju (ĠU L 117, 04.05.2005, p. 13).

    [5] Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1875/2006 tat-18 ta’ Diċembru 2006 li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 li jistabbilixxi ċerti dispożizzjonijiet ta' applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (ĠU L 360, 19.12.2006, p. 64).

    [6] Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi Komunitarji u dwar il-moviment ħieles ta’ dik id-dejta (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).

    [7] Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta' Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali u dwar il-moviment ħieles ta' dik id-dejta (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31)

    [8] ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1.

    [9] ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1.

    [10] ĠU L 253, 07.10.2003, p. 3.

    Top