Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010IP0127

    Setgħa ta' delegazzjoni leġiżlattiva Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 5 ta' Mejju 2010 dwar is-setgħa tad-delegazzjoni leġiżlattiva (2010/2021(INI))

    ĠU C 81E, 15.3.2011, p. 6–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    15.3.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    CE 81/6


    L-Erbgħa, 5 ta’ Mejju 2010
    Setgħa ta' delegazzjoni leġiżlattiva

    P7_TA(2010)0127

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Mejju 2010 dwar is-setgħa tad-delegazzjoni leġiżlattiva (2010/2021(INI))

    2011/C 81 E/02

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFEU”),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Settembru 2008 li tinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l-allinjament ta' atti legali mad-Deċiżjoni l-ġdida tal-Komitoloġija (1),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Mejju 2009 dwar ir-rwol u r-responsabilitajiet l-ġodda tal-Parlament fl-implimentazzjoni tat-Trattat ta' Lisbona (2),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Novembru 2009 dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tadatta għadd ta' strumenti suġġetti għall-proċedura msemmija fl-Artikolu 251 tat-Trattat għad-Deċiżjoni 1999/468/KE, fir-rigward tal-proċedura regolatorja bi skrutinju –Aġġustament għall-proċedura regolatorja bi skrutinju - It-Titolu V (3),

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta' Diċembru 2009 dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (COM(2009)0673),

    wara li kkunsidra l-ittra tad-29 ta' Jannar 2010 mill-President tal-Parlament Ewropew lill-President tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-Artikoli 290 u 291 tat-TFEU,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A7-0110/2010),

    A.

    Billi t-Trattat ta' Lisbona jikkonsagra l-poter leġiżlattiv u jintroduċi ġerarkija ta' normi fl-ordni legali tal-Unjoni, b’hekk isaħħaħ il-karattru demokratiku tal-Unjoni u jirrazzjonalizza l-ordni legali tiegħu; billi t-Trattat ta' Lisbona jintroduċi kunċett ġdid ta' att leġiżlattiv, b’konsegwenzi estiżi,

    B.

    billi wieħed mill-elementi tal-poter leġiżlattiv huwa l-possibilità, prevista fl-Artikolu 290 tat-TFEU, għal-Leġiżlatur li jiddelega parti mill-poteri tiegħu lill-Kummissjoni f’att leġiżlattiv (minn hawn ‘il quddiem “l-att bażiku”),

    C.

    billi d-delegazzjoni hija operazzjoni delikata li fiha l-Kummissjoni għandha l-istruzzjoni li teżerċita s-setgħa li hija intrinsika għar-rwol proprju tal-Leġiżlatur; billi l-punt ta' tluq fl-eżaminazzjoni tal-kwistjoni tad-delegazzjoni għandu għalhekk dejjem ikun il-libertà tal-Leġiżlatur,

    D.

    billi din is-setgħa ddelegata tista' tikkonsisti biss f’li tissupplimenta jew temenda partijiet ta' att leġiżlattiv li l-Leġiżlatur ma jqisx bħala essenzjali; billi l-atti ddelegati li jirriżultaw u li adottati mill-Kummissjoni se jkunu atti mhux leġiżlattivi ta' ambitu ġenerali; billi l-att bażiku għandu jiddefinixxi b’mod espliċitu l-objettiv, il-kontenut, il-firxa ta' applikazzjoni u t-tul ta' din id-delegazzjoni, u għandu jistipula l-kundizzjonijiet li d-delegazzjoni hija suġġetta għaliha,

    E.

    billi l-atti ddelegati se jkollhom implikazzjonijiet importanti f'ħafna oqsma; billi għalhekk huwa ta' importanza kbira, b'mod partikolari fir-rigward ta' atti ddelegati, li dawn jiġu żviluppati u deċiżi b'mod trasparenti għalkollox li effettivament jippermetti lill-koleġiżlaturi li jikkontrollaw demokratikament l-eżerċizzju tas-setgħa ddelegata lill-Kummissjoni, b'dibattitu pubbliku fil-Parlament, fejn ikun meħtieġ,

    F.

    billi l-Parlament għandu jkollu l-istess pożizzjoni bħall-Kunsill fir-rigward tal-aspetti kollha tas-setgħa tad-delegazzjoni leġiżlattiva,

    G.

    billi l-“proċedura Lamfalussy” wittiet it-triq għall-mekkaniżmu preżenti tad-delegazzjoni b'kontroll sħiħ mil-Leġiżlatur; billi d-Dikjarazzjoni 39 tal-Konferenza tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri tat-23 ta' Lulju 2007, annessa mat-Trattat ta' Lisbona, irrikonoxxiet in-natura speċifika tal-qasam tas-servizzi finanzjarji; billi r-reġim il-ġdid għall-atti ddelegati ma jista' bl-ebda mod idgħajjef id-drittijiet eżistenti tal-Parlament f'dan il-qasam, speċjalment fir-rigward tat-trażmissjoni bikrija tad-dokumenti u tal-informazzjoni,

    H.

    billi d-delgazzjoni tista’ titqies bħala strument għal tfassil aħjar tal-leġiżlazzjoni, li l-objettiv tagħha huwa li tiżgura li l-leġiżlazzjoni tista’ fl-istess ħin tibqa’ sempliċi u tkun kompluta u aġġornata mingħajr il-bżonn ta' rikors għal proċeduri leġiżlattivi ripetuti, filwaqt li tippermetti lil-Leġiżlatur li jżomm is-setgħa u r-responsabilità assoluta tiegħu,

    I.

    billi, b’kuntrast mal-approċċ meħud fl-Artikolu 291 TFEU dwar il-miżuri ta' implimentazzjoni, l-Artikolu 290 TFEU ma fihx bażi legali għall-adozzjoni ta' att orizzontali li jistipula r-regoli u l-prinċipji ġenerali applikabbli għad-delegazzjoni tas-setgħa; billi dawn il-kundizzjonijiet għandhom għalhekk ikunu stipulati f’kull att bażiku,

    J.

    billi l-Kummissjoni hija responsabbli quddiem il-Parlament; billi l-Kummissarju responsabbli għar-relazzjonijiet u l-amministrazzjoni interistituzzjonali impenja ruħu, fis-smigħ tiegħu quddiem il-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali tat-18 ta' Jannar 2010, li jaħdem mill-qrib sew mal-Parlament u jiżgura li l-eżerċizzju tas-setgħa ddelegata lill-Kummissjoni jissodisfa lill-Parlament,

    Aspetti li għandhom jiġu definiti fl-att bażiku

    1.

    Iqis li l-objettivi, il-kontenut, il-firxa ta' applikazzjoni u t-tul ta' żmien ta' din id-delegazzjoni skont l-Artikolu 290 TFEU għandhom jiġu definiti espressament u b'mod metikoluż f'kull att bażiku;

    2.

    Jenfasizza li l-Artikolu 290 TFEU jagħti lil-Leġiżlatur il-libertà li jagħżel liema mekkaniżmu/i ta' kontroll jidħol/jidħlu fis-seħħ; Iqis li ż-żewġ eżempji enumerati fl-Artikolu 290(2), oġġezzjoni u jirtira, huma purament spjegattivi u li wieħed jista’ jbassar li delega ta' setgħa tiġi soġġetta għal mezzi oħra ta' kontroll, bħall-approvazzjoni rapida mill-Parlament u l-Kunsill ta' kull att iddelegat jew il-possibilità li atti individwali ddelegati li diġa huma fis-seħħ jiġu rtirati;

    3.

    Huwa tal-opinjoni, madankollu, li ż-żewġ eżempji ta' kundizzjonijiet possibbli msemmija fl-Artikolu 290(2) TFEU, oġġezzjoni u revoka, jistgħu jitqiesu bħala l-aktar modi komuni biex jiġi kkontrollat l-użu tas-setgħat iddelegati lill-Kummissjoni u għandhom jiġu inklużi t-tnejn f'kull att bażiku;

    4.

    Huwa tal-opinjoni li l-mekkaniżmi ta' kontroll stipulati mil-Leġiżlatur għandhom jirrispettaw ċerti prinċipji ġenerali tal-liġi tal-Unjoni u li, b'mod partikolari, għandhom:

    ikunu sempliċi u jinftiehmu faċilment,

    jissalvagwardjaw iċ-ċertezza legali,

    jippermettu lill-Kummissjoni teżerċita s-setgħa ddelegata b’mod effikaċi, u

    jippermettu lil-Leġiżlatur li jissorvelja sew l-użu li jkun sar tas-setgħa ddelegata;

    5.

    Iqis li l-eżerċizzju tad-dritt ta' oġġezzjoni tal-Parlament huwa neċessarjament ikkundizzjonat mir-rwol parlamentari u l-postijiet tax-xogħol tiegħu; iqis li perjodu fiss għal oġġezzjoni applikabbli għall-atti legali kollha mhuwiex ġustifikat, u li dan il-perjodu għandu jiġi stabbilit skont il-każ f'kull att bażiku, filwaqt li titqies il-kumplessità tal-kwistjonijiet, u għandu jkun biżżejjed biex jippermetti l-kontroll effikaċi tad-delega, mingħajr ma jdewwem b'mod li ma jkunx xieraq id-dħul fis-seħħ tal-atti ddelegati li ma jkunux kontroversjali;

    6.

    Iqis li proċedura ta' urġenza prevista fl-att bażiku nnifsu għandha tiddaħħal għal każijiet partikolarment eċċezzjonali, pereżempju dawk dwar kwistjonijiet ta' sigurtà, saħħa jew kriżijiet umanitarji;

    7.

    Jemmen, madankollu, li l-maġġoranza l-kbira ta' sitwazzjonijiet li jeħtieġu l-adozzjoni rapida ta' atti ddelegati jistgħu jiġu indirizzati bi proċedura flessibbli li tippermetti li jintwera nuqqas ta' oġġezzjoni fi stadju bikri mill-Parlament u l-Kunsill, wara rikjesta mill-Kummissjoni f’każijiet ġustifikati sew;

    8.

    Isostni li l-perjodu ta' żmien ta' delega jista’ jkun indefinit, b’kunsiderazzjoni tal-fatt li d-delega tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe ħin; huwa tal-opinjoni, madankollu, li delega ta' perjodu limitat tista' tipprovdi l-possibilità ta' tiġdid perjodiku wara talba espressa mill-Kummissjoni; iqis li d-delega tista' tiġġedded biss bil-kundizzjoni li la l-Parlament u lanqas il-Kunsill ma jesprimu xi oġġezzjonijiet qabel skadenza speċifikata;

    9.

    Joġġezzjona bil-qawwi għall-inserzjoni fl-atti bażiċi ta' dispożizzjonijiet li jimponu obbligi addizzjonali fuq il-Leġiżlatur li jmorru lil hinn minn dawk li jinsabu fl-Artikolu 290 TFEU;

    Arranġamenti prattiċi

    10.

    Iqis li ċerti arranġamenti prattiċi jistgħu jiġu kkoordinati aħjar f'Fehim Komuni bejn l-istituzzjonijiet, li jista' jieħu l-forma ta' ftehim interistituzzjonali, u li jkopri inter alia:

    il-konsultazzjonijiet fit-tħejjija u t-tfassil ta' atti ddelegati,

    l-iskambji reċiproċi ta' tagħrif, b’mod partikolari fil-każ ta' revoka,

    l-arranġamenti għat-trażmissjoni tad-dokumenti,

    il-perjodi minimi għal oġġezzjoni mill-Parlament u mill-Kunsill;

    il-komputazzjoni tal-perjodi ta' żmien,

    il-pubblikazzjoni ta' atti fil-Ġurnal Uffiċjali fi stadji differenti tal-proċedura;

    11.

    Jenfasizza li, meta tkun qed tħejji u tfassal atti ddelegati, il-Kummissjoni għandha:

    tiżgura trażmissjoni bikrija u kontinwa ta' informazzjoni u dokumenti rilevanti lill-kumitati rilevanti tal-Parlament, inklużi abbozzi suċċessivi ta' atti ddelegati u kwalunkwe kontribuzzjoni li tasal; għal dan l-għan jista' jintuża r-reġistru attwali tal-komitoloġija bħala mudell għal sistema mtejba ta' informazzjoni diġitali,

    tagħti lill-Parlament aċċess għal laqgħat preparatorji, skambji ta' opinjonijiet u konsultazzjonijiet relatati;

    12.

    Huwa tal-opinjoni li l-iskambju ta' tagħrif qabel revoka għandu jseħħ bħala kwistjoni ta' trasparenza, kortesija u kooperazzjoni leali bejn l-istituzzjonijiet ikkonċernati biex b'hekk jiġi żgurat li l-istituzzjonijiet kollha jkunu jafu tajjeb minn qabel bil-possibilità ta' revoka; madankollu, iqis li l-introduzzjoni ta' obbligu legali speċifiku f'atti bażiċi li jeħtieġu stqarrija ta' raġunijiet għall-adozzjoni ta' ċerti atti legali, apparti r-rekwiżit ġenerali stipulat fl-Artikolu 296 TFUE li hu applikabbli għall-atti legali kollha, hija eċċessiva u toħloq konfużjoni;

    13.

    Jipproponi li jiġi stabbilit perjodu minimu għall-oġġezzjoni fi kwalunkwe ftehim futur, b'mod li jingħad ċar li dan għandu jinftiehem mhux bħala miżura restrittiva iżda sempliċement bħala minimu li taħtu l-kontroll demokratiku tal-Parlament ma jkun jiswa xejn; iqis li l-perjodu minimu għal oġġezzjoni għandu jkun ta' xahrejn, bil-possibilità li dan jiġi estiż b’xahrejn oħra fuq l-inizjattiva tal-Parlament jew tal-Kunsill; jenfasizza, madankollu, li l-perjodu għal oġġezzjoni għandu jiddependi min-natura tal-att iddelegat;

    14.

    Jinsisti, fil-kuntest ta' kwalunkwe ftehim fil-futur, li l-perjodi differenti għall-iskrutinju ta' atti ddelegati għandhom jibdew biss meta l-Kummissjoni tittrażmetti l-verżjonijiet lingwistiċi kollha, u għandhom jikkunsidraw tajjeb il-perjodu ta' waqfien mix-xogħol u dak elettorali tal-Parlament;

    15.

    Jenfasizza, fil-kuntest ta' kwalunkwe ftehim futur, li l-atti delegati soġġetti għal dritt ta' oġġezzjoni jistgħu jiġu ppubblikati biss fil-Ġurnal Uffiċjali u għalhekk jidħlu fis-seħħ wara l-iskadenza tal-perjodu ta' oġġezzjoni, ħlief meta tingħata nuqqas ta' oġġezzjoni bikrija; iqis li obbligu espress, li jeħtieġ li f'kull att bażiku l-Parlament u l-Kunsill jippubblikaw deċiżjonijiet meħuda biex jiġi kkontrollat l-eżerċizzju tas-setgħat iddelegati tal-Kummissjoni, huwa żejjed;

    Rimarki finali

    16.

    Jistieden lil kull wieħed mill-kumitati tiegħu sabiex jiskambja u jaġġorna b'mod regolari l-aħjar prattika u jistabbilixxi mekkaniżmu sabiex jiġi żgurat li l-prattiki tal-Parlament skont l-Artikolu 290 tat-TFUE jkunu koerenti kemm jista' jkun; jenfasizza l-ħtieġa li kull kumitat parlamentari jorganizza l-ħidma tiegħu b’mod li jkun kompatibbli mal-karattru speċifiku tiegħu u li jibbenefika mill-kompetenza akkumulata;

    17.

    Jitlob lill-amministrazzjoni tal-Parlament biex tagħmel riallokazzjoni tar-riżorsi (b’mod li tiġi żgurata n-newtralità baġitarja) bħala mezz kif tipprovdi l-impjiegi meħtieġa biex jingħata appoġġ xieraq fil-qadi tal-obbligi marbuta mal-Artikolu 290 TFEU; jitlob approċċ istituzzjonali għall-evalwazzjoni tal-istrutturi amministrattivi u r-riżorsi umani disponibbli biex jiġu żviluppati kompetenzi ddelegati;

    18.

    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tippreżenta bħala kwistjoni ta' prijorità l-proposti leġiżlattivi meħtieġa biex l-acquis jiġi adattat għad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 290 u 291 tat-TFUE; jikkunsidra, fir-rigward tal-Artikolu 290 tat-TFUE, li dan l-allinjament ma għandux ikun limitat għal dawk il-miżuri li diġà ġew indirizzati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju, iżda għandu jkopri l-miżuri xierqa kollha ta' ambitu ġenerali indipendentement mill-proċedura tat-teħid tad-deċiżjonijiet jew tal-komitoloġija applikabbli għalihom qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona;

    19.

    Jinsisti li l-ewwel prijorità għandha tkun li jiġi adattat l-acquis fl-oqsma politiċi li qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona ma kienux suġġetti għall-proċedura ta' kodeċiżjoni; jitlob li jiġu ttrattati skont il-każ b'tali mod biex jiġi żgurat, b'mod partikolari, li l-miżuri xierqa kollha ta' ambitu ġenerali li qabel kienu adottati skont l-Artikoli 4 u 5 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (4) jkunu definiti bħala atti ddelegati;

    20.

    Iqis li sabiex jisseddqu bis-sħiħ il-prerogattivi tal-Leġiżlatur, għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-użu relattiv tal-Artikoli 290 u 291 TFUE u lill-konsegwenzi prattiċi tal-applikazzjoni ta' wieħed mill-artikoli jew l-ieħor, sew waqt l-allinjament imsemmi aktar 'il fuq u sew waqt li jkunu qed jiġu ttrattati proposti skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja; jinsisti li l-koleġiżlaturi għandhom is-setgħa li jiddeċiedu li l-kwistjonijiet li jkunu ġew adottati qabel skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju (RPS) jistgħu jiġu adottati skont l-Artikolu 290 TFUE jew skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja;

    *

    * *

    21.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


    (1)  ĠU C 8 E, 14.1.2010, p. 22.

    (2)  Testi adottati, P6_TA(2009)0373.

    (3)  Testi adottati, P7_TA(2009)0083.

    (4)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.


    Top