EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52010DC0571
GREEN PAPER on expanding the use of e-Procurement in the EU
GREEN PAPER dwar l-espansjoni tal-użu tal-Akkwist-e fl-UE
GREEN PAPER dwar l-espansjoni tal-użu tal-Akkwist-e fl-UE
/* KUMM/2010/0571 finali */
GREEN PAPER dwar l-espansjoni tal-użu tal-Akkwist-e fl-UE /* KUMM/2010/0571 finali */
MT || IL-KUMMISSJONI EWROPEA Brussel 18.10.2010 KUMM(2010) 571 finali GREEN PAPER dwar l-espansjoni tal-użu
tal-Akkwist-e fl-UE SEG(2010) 1214 GREEN PAPER dwar l-espansjoni tal-użu
tal-Akkwist-e fl-UE
1.
Għaliex għandu jkun hemm Green Paper dwar
l-Akkwist-e?
L-Akkwist-e jirreferi għall-użu
tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u l-ipproċessar
tat-tranżazzjonijiet mill-istituzzjonijiet governattivi u
organizzazzjonijiet oħrajn tas-settur pubbliku meta jinxtraw il-provvisti
u s-servizzi jew jitressqu l-offerti għax-xogħoljiet pubbliċi.
Madankollu, dan jinvolvi ħafna iżjed minn sempliċiment il-bidla
minn sistemi bbażati fuq il-karta għal sistemi li jużaw
l-komunikazzjonijiet elettroniċi għall-proċeduri tal-akkwist
pubbliku. L-Akkwist-e għandu l-potenzjal li jrendi titjibiet importanti
fl-effiċjenza tax-xiri individwali, l-amministrazzjoni globali tal-akkwist
pubbliku u l-funzjonament tas-swieq għall-kuntratti pubbliċi. Il-fażijiet tal-introduzzjoni
tal-Akkwist-e jifformaw parti minn aġenda ambizzjuża tal-Gvern-e li
fundamentalment tista' tittrasforma t-twassil u l-prestazzjoni
tal-amministrazzjoni pubblika. L-Aġenda Diġitali Ewropea
tal-Kummissjoni tbassar l-adozzjoni ta' White Paper tal-Kummissjoni li jkun fiha
deskrizzjoni tal-passi li tkun se tieħu l-Kummissjoni biex tistabbilixxi
infrastruttura interkonnessa tal-Akkwist-e [1]. Din il-Green Paper tikkostitwixxi l-ewwel pass
lejn it-tlestija ta' din l-azzjoni u d-definizzjoni / l-implimentazzjoni ta'
programm ambizzjuż iżda realistiku biex jidderiġi l-potenzjal
tal-ICT għall-akkwist pubbliku madwar is-suq uniku. Din il-Green Paper tikkostitwixxi wkoll
l-ewwel pass lejn eżami koordinat, ambizzjuż u komprensiv tal-qafas
eżistenti tal-UE dwar l-Akkwist Pubbliku li għandha sservi ta'
informazzjoni għall-proposti għar-riforma tal-leġiżlazzjoni
tal-UE. Warajha se jkun hemm it-tieni Green Paper li tindirizza kwistjonijiet
oħrajn marbutin mal-modernizzazzjoni tal-qafas eżistenti tal-akkwist
pubbliku fl-UE. Fl-2005, il-Ministri tal-UE esprimew ix-xewqa
tagħhom li "sal-2010 tal-inqas 50 % tal-akkwist pubbliku li
jinsab 'il fuq mil-limitu (threshold) tal-akkwist pubbliku tal-UE jkun qed isir
b'mod elettroniku"[2].
Sabiex tilħaq dan, il-Kummissjoni mmodifikat il-leġiżlazzjoni u
implimentat il-Pjan ta' Azzjoni tal-Akkwist-e (2004)[3].
Minkejja dan, l-adozzjoni fattwali tinsab ferm 'il bogħod
mill-aspirazzjonijiet inizjali, u dan jirrifletti l-kumplessità teknika,
loġistika u amministrattiva tal-bidla. L-evalwazzjoni tal-Kummissjoni[4]
tissuġġerixxi li l-ammont tal-baġits totali tal-akkwist
tal-ewwel Stati Membri[5] li ċċaqilqu, li qed jingħataw
permezz tas-sistemi elettroniċi, huwa inqas minn 5 %. Il-Kummissjoni tikkunsidra li issa wasal
iż-żmien biex l-azzjoni tal-Komunità terġa' tiġi ffukata
fuq l-appoġġ għall-varar tal-Akkwist-e mill-amministrazzjonijiet
pubbliċi nazzjonali, reġjonali u lokali. Din it-teknoloġija issa
mmaturat. Il-pjattaformi tal-Akkwist-e li kellhom suċċess issa huma
stabbiliti sew f'ħafna reġjuni u Stati Membri. It-traffiku f'dawn is-sistemi
laħaq massa kritika u qed jikber qatigħ. Hemm opportunità
għat-tixrid tal-aħjar prassi u l-korrezzjoni tan-nuqqasijiet
fl-ambjent legali u tal-politika tal-UE li f'ċirkustanzi oħrajn jaf
ixekkel dawn l-iżviluppi. Barra minn hekk, teżisti l-possibbiltà
għall-allinjament tal-iżviluppi u l-proċessi biex ikun
żgurat li l-komponenti ewlenin tal-infrastruttura emerġenti
tal-Akkwist-e jappoġġaw il-parteċipazzjoni transkonfinali
fil-proċeduri tal-akkwist. Il-proliferazzjoni mhux kontrollata
tas-soluzzjonijiet u l-applikazzjonijiet tekniċi tista' twassal
għall-barrieri mhux meħtieġa mill-operaturi ekonomiċi,
fil-proċeduri li huma organizzati fuq sistemi ta' pajjiżi sħab.
Filwaqt li l-parteċipazzjoni transkonfinali fl-Akkwist-e tibqa'
aneddotali, il-Kummissjoni temmen li jkun għaqli li taġixxi issa
sabiex tevita li l-barrieri tekniċi jew operazzjonali jsiru endemiċi
fl-isfond tal-Akkwist-e emerġenti. X'inhu l-Akkwist-e? Akkwist-e huwa terminu ġenerali biex jieħu post
il-proċeduri kollha ibbażati fuq il-karta tal-komunikazzjonijiet u
l-ipproċessar ibbażati fl-ICT matul il-katina kollha tal-akkwist.
L-Akkwist-e jinvolvi l-introduzzjoni ta' proċessi elettroniċi biex
jappoġġaw il-fażijiet differenti ta' proċess tal-akkwist –
il-pubblikazzjoni tas-sejħiet għall-offerti, il-forniment
tad-dokumenti tal-offerti, is-sottomissjoni tal-offerti, l-evalwazzjoni,
l-għoti, l-ordnar, il-fatturar u l-ħlas. Il-proċessi marbuta mal-fatturar u l-ħlas (ta' wara
l-għoti) mhumiex speċifiċi skont l-akkwist u s-soluzzjonijiet li
ġew żviluppati għal suq aktar mifrux (B2B) jistgħu
jitħaddmu fl-Akkwist-e[6]. Madankollu, xi fażijiet (notifika,
sottomissjoni, evalwazzjoni u ordnar) jirrikjedu soluzzjonijiet imfassla
apposta. Il-fażijiet tas-sottomissjoni, l-evalwazzjoni u l-ordnar huma
l-ikbar sfida għaliex jirrikjedu sett maqbul ta' protokolli u standards
għall-organizzazzjoni tal-iskambju ta' dokumenti kumplessi u
l-interazzjoni bejn ix-xerrej pubbliku u l-fornituri. Xi aspetti tal-attività tal-akkwist se jkomplu jirrikjedu ġesjtoni
mhux awtomatizzata. Pereżempju, ċerti fażijiet ta' akkwisti
kumplessi (diżinji, xogħolijiet) jistgħu jkunu diffiċli
biex jiġu ridotti għall-formati standardizzati u jistgħu
jirrikjedu l-intervent tal-bniedem. Xorta waħda, hemm il-potenzjal
għal partijiet kbar tal-attività tal-akkwist biex jiċċaqilqu
għal bażi elettronika. Wieħed jista' jitgħallem
mill-esperjenza tal-Korea: iktar minn 9O % tal-akkwist pubbliku kollu
f'dak il-pajjiż huwa medjat permezz tal-pjattaforma KONEPS li hija
amministrata ċentralment. Spiss, partijiet mill-proċedura tal-akkwist jistgħu jsiru
elettronikament fejn oħrajn joperaw fuq bażi mhux awtomatizzata.
Ħafna amministrazzjonijiet pubbliċi bnew portali
għall-pubblikazzjoni tal-avviżi tal-akkwist u l-forniment ta'
aċċess għad-dokumenti tal-offerti. Il-progress
għall-użu ta' sistemi awtomatizzati għas-sottomissjoni,
l-ipproċessar u l-evalwazzjoni tal-offerti u l-ordnar, huwa inqas mifrux.
L-għan aħħari huwa 'Akkwist-e totali' fejn il-fażijiet
kollha tal-proċedura min-notifika sal-ħlas isiru fuq bażi
awtomatizzata, permezz tal-proċeduri elettroniċi. Possibbiltajiet
bħal dawn huma disponibbli – normalment ipprovduti permezz ta' pjattaformi
speċjalizzati tal-Akkwist-e li jipprovdu l-appoġġ rilevanti
kollu lil awtoritajiet kontraenti individwali fit-tmexxija tal-proċeduri
elettroniċi tal-akkwist.
2.
Għaliex huwa importanti l-Akkwist-e?
Il-Kummissjoni tara l-vantaġġi li
ġejjin fl-użu aktar mifrux tal-Akkwist-e: a) Aktar aċċessibbiltà u
t-trasparenza: billi jiġu awtomatizzati u
ċentralizzati l-flussi tal-informazzjoni dwar opportunitajiet individwali
tal-offerti, l-Akkwist-e jista' jtejjeb l-aċċess tal-impriżi
għall-akkwist pubbliku. It-tiftix għall-opportunitajiet fuq
l-internet huwa iżjed imħaffef u jiswa inqas milli jiġu
ċċekkjati l-pubblikazzjonijiet individwali. Is-sistemi tal-Akkwist-e
jistgħu jiġu wkoll konfigurati sabiex jiġbdu l-attenzjoni
tal-fornituri lejn opportunitajiet partikolari u jipprovdu aċċess
immedjat għad-dokumentazzjoni tal-offerti. It-trasparenza titjieb ukoll
għaliex il-proċess tal-akkwist ikun iżjed miftuħ,
dokumentat u kkomunikat aħjar. B'riżultat ta' dan
il-monitoraġġ u l-effiċjenza globali tal-akkwist pubbliku
jitjiebu, u b'hekk is-swieq jinfetħu għall-iktar kompetizzjoni u
jiżdied l-għadd ta' fornituri li jikkompetu. b) Benefiċċji għal
proċeduri individwali: meta mqabbel mas-sistemi
bbażati fuq il-karta, l-akkwist pubbliku elettroniku jista' jgħin
lill-awtoritajiet kontraenti u l-operaturi ekonomiċi jnaqqsu
l-ispejjeż amministrattivi u jħaffu l-proċeduri tal-akkwist
individwali. Fil-klima finanzjarja attwali, dawn l-effiċjenzi jistgħu
jkunu ta' għajnuna kbira, billi jimmassimizzaw il-potenzjal li jista'
jinkiseb minn riżorsi limitati. Is-sistemi tal-Akkwist-e taw prova wkoll
li jistgħu jkunu utli ħafna biex iħaffu n-nefqa tal-baġits
tal-akkwist pubbliku. c) Benefiċċji f'termini
ta' amministrazzjoni tal-akkwist aktar effiċjenti: fejn jeżistu Korpi Ċentrali għall-Akkwisti (Central
Purchasing Bodies (CPBs)), l-użu tal-proċeduri elettroniċi
jista' jikkontribwixxi biex jiċċentralizza funzjonijiet klerikali
tal-akkwist li jiswew ħafna flus u jiksbu ekonomiji tal-iskala
fl-amministrazzjoni tal-akkwist. Il-bidla għall-Akkwist-e tipprovdi wkoll
opportunità aktar mifruxa biex jiġi razzjonalizzat u revedut
il-proċess tal-akkwist – iċ-ċaqliq għall-Akkwist-e ma
għandux ifisser l-ikkuppjar fil-forma elettronika tal-proċeduri
bbażati fuq il-karta li setgħu kienu ilhom jeżistu għal
ħafna snin. L-Akkwist-e jista' jiġi integrat fi ħdan
l-attivitajiet (elettroniċi) l-oħrajn tal-organizzazzjoni (eż.
kontroll tal-inventarju, maniġjar tal-kuntratti u l-awditjar) fejn
jiġu żgurati l-konsistenza u l-effiċjenza aktar mifruxa. d) Potenzjal
għall-integrazzjoni tas-swieq tal-akkwist tal-UE:
f'ambjent ibbażat fuq il-karta, in-nuqqas ta' għarfien u
t-tħassib dwar l-offerti għall-kuntratti li jkunu f'ċertu
distanza 'l bogħod mill-post tal-istabbiliment tal-impriża seta'
llimita jew skuraġġixxa fornituri milli jikkonkorru f'ċerti
offerti. L-Akkwist-e għandu l-potenzjal li jnaqqas dawn il-barrieri
tad-distanza u l-lakuni fl-informazzjoni u jħeġġeġ aktar
parteċipazzjoni, u b'hekk ikabbar l-ammont ta' fornituri possibbli u
potenzjalment ikabbar is-swieq. Għalkemm ma jistax jibdel ir-rilevanza
tad-distanza jew il-qrubija fiżika f'termini tal-prestazzjoni fattwali
tat-tranżazzjoni sottostanti tal-impriża, joffri mod biex
jegħleb l-ispejjeż marbutin mad-distanza
għall-parteċipazzjoni fil-proċedura tal-akkwist infisha.
It-trasparenza li tirriżulta mhijiex sempliċiment benefiċċju
transkonfinali; il-vantaġġi ta' din iż-żieda fit-trasparenza
jistgħu jinħassu wkoll fi ħdan il-fruntieri ta' pajjiż,
għaliex il-fornituri f'reġjun wieħed jieħdu
vantaġġ tal-opportunitajiet f'reġjun ieħor.
L-aċċess iffaċilitat għall-informazzjoni dwar
l-opportunitajiet ta' offerti u l-ipproċessar ċentralizzat
tal-offerti għandu jiffaċilita l-parteċipazzjoni biex
il-fornituri barranin jipparteċipaw fl-opportunitajiet tal-akkwist fuq
l-internet[7]. Dawn il-benefiċċji ta' hawn fuq
kollha jgħinu r-riżultati tal-akkwist mixtieqa sabiex jinkisbu b'mod
aktar effikaċi. B'mod partikolari, l-Akkwist-e jista' jgħin jissorsja
l-inputs minn servizzi pubbliċi fuq termini li huma ta' valur aħjar
għall-kontribwenti. Dan l-iffrankar huwa partikolarment ta' valur issa
fil-kuntest tal-pressjoni biex ikun hemm ġestjoni tajba tan-nefqa
pubblika. Dawn il-benefiċċji ma jiġux
b'xejn. L-abbiltà biex l-akkwist jitwettaq elettronikament tirrikejdi
investiment matul il-katina tal-akkwist kollha biex tinbena l-kapaċità
neċessarja u tiġi mmaniġjata l-bidla minn sistema għall-oħra.
Il-kostijiet tal-investiment f'faċilitajiet nazzjonali u reġjonali
tal-Akkwist-e – li jvarjaw minn e-Portals għal soluzzjonijiet aktar
komprensivi – li jvarjaw minn EUR 0.5 miljun għal
EUR 5 miljun[8]. Il-kostijiet taż-żamma ivarjaw
minn ħafna eluf għal ħafna miljuni, preżumibbilment
jiddipendi mid-daqs u s-sofistikazzjoni tas-sistema. L-esperjenza
tissuġerixxi li dawn l-investimenti jistgħu jiġu rkuprati
f'iffrankar amministrattiv matul perjodi qosra ta' żmien. Madankollu,
il-barriera ikbar għall-użu ta' dawn is-sistemi tinsab
fit-tħeġġiġ tal-awtoritajiet kontraenti u l-komunitajiet
tal-fornituri biex jaħdmu b'dawn is-sistemi l-ġodda. L-inizjattivi
tal-Akkwist-e li kellhom suċċess spiss jinkludu appoġġ
estensiv biex iħarrġu lill-komunitajiet tal-utenti u l-isforzi
kontinwi tal-isponsors tal-Akkwist-e biex jippromwovu u jiżviluppaw
is-sistemi tagħhom. Eżempji ta' ffrankar u titjib ·
L-aġenzija Taljana bbażata fl-Emilia
Romagna, Intercent ER, toffri servizzi ta' Akkwist-e li jinkludu Swieq-e,
Katalogi-e u Rkanti-e u issa hija l-punt ta' referenza għal
539 amministrazzjoni (90 % tal-aġenziji lokali). Fl-2008 din
ipproċessat tranżazzjonijiet li ammontaw għal madwar
EUR 419 miljun, li rendew benefiċċji ta' effiċjenza
ta' EUR 67.5 miljun u tfaddil fil-ħin ta' 45 sena umana. ·
L-Austrian Federal Procurement Agency
tiċċentralizza x-xiri għall-awtoritajiet federali permezz
tal-funzjonalitajiet tal-Akkwist-e. Fl-2008 irrapportat tfaddil ta'
EUR 178 miljun kontra volum ta' akkwist ta' EUR 830 miljun.
Il-benefiċċji jidhru li qegħdin ikunu sinifikament ikbar
mill-kost taż-żamma annwali ta' EUR 5 miljun, li huma inqas
minn 3 % tal-iffrankar. ·
Sa mill-1 ta' Frar 2005,
l-awtoritajiet kontraenti kollha fid-Danimarka jistgħu jaċċettaw
biss fatturi elettroniċi. Din ir-riforma taffettwa madwar 15-il miljun
fattura fis-sena, u tapplika għas-settur pubbliku kollu, mill-ministeri
sal-iskejjel tat-trabi. L-użu ta' Fatturar-e huwa mistenni li l-pubbliku
jiffranka EUR 100 miljun fis-sena, apparti l-iffrankar
mill-proċessi amministrattivi interni. ·
Fin-Norveġja, il-pjattaforma Ehandel qed
tgħin lill-awtoritajiet jiksbu 20-40 % fi tnaqqis fil-ħin li
wieħed jieħu biex jiġu ttratati l-ordnijiet, il-fattura
tal-oġġetti u l-iffrankar fil-prezzijiet tal-fatturar u l-konsenji
fir-reġjun ta' 2-10 %. ·
Fir-Renju Unit, is-sit Buying Solutions irrapporta
fir-rapport annwali tiegħu tal-2008/09 li ffaċilita bejgħ
ogħla minn 5 biljun sterlina, li wassal għal iffrankar ta’
732 miljun sterlina. Ir-Renju Unit irrapporta wkoll iffrankar li
spiss qabeż l-10 % (u anke wasal sa 45 %) permezz tal-użu
ta' Rkanti-e u reċentament ħabbru pjanijiet biex jużaw Rkanti-e
biex ifaddlu lill-kontribwenti sa 270 miljun sterlina
sal-aħħar tal-2011. ·
Studju Portugiż qabbel l-aħjar offerti
għal xogħolijiet pubbliċi kkuntrattati minn 50 sptar
pubbliku Portugiż fl-2009 (li kienu jużaw is-sistemi bbażati fuq
il-karta) u fl-2010 (bl-użu tal-Akkwist-e). Dan ikkonkluda li fl-2010
inkiseb tnaqqis fl-ispiża ta' 18 % minħabba ż-żieda
fil-kompetizzjoni ġġenerata bl-Akkwist-e.
3.
X'rwol jista' jkollha l-UE fil-promozzjoni
tal-Akkwist-e?
Ħafna mill-investiment meħtieġ
fl-Akkwist-e irid isir fil-livell nazzjonali jew reġjonali, għaliex
il-ħtiġijiet u r-riżorsi hemm jinsabu. Barra minn hekk,
il-leġiżlazzjoni dwar l-akkwist tal-UE tippermetti lill-awtoritajiet
kontraenti l-għażla dwar l-użu ta' metodi ta' komunikazzjoni
elettroniċi jew oħrajn għall-akkwist ogħla mil-livell
limitu. Għalhekk, il-politika tal-UE għall-ħtiġijiet
tal-Akkwist-e trid tirrikonoxxi l-bidla minn isfel għal fuq u n-natura
deċentralizzata tagħha. Madankollu, għad hemm rwol importanti
għall-inizjattivi tal-UE sabiex jiżblukkaw il-potenzjal tal-Akkwist-e
u biex jiġu evitati n-nuqqasijiet li ġġib magħha bidla
għall-Akkwist-e li ma tkunx koordinata u deċentralizzata. B'mod
partikolari, l-isforzi legali u ta’ politika tal-UE kienu u għandhom
ikomplu: (1)
Jippermettu lill-awtoritajiet kontraenti biex
jiżvolġu l-akkwist b'mod elettroniku. Il-leġiżlazzjoni
tal-UE jeħtieġ li tkun konfigurata sabiex tippermetti l-użu
tas-sistemi u l-proċessi tal-Akkwist-e (għall-akkwist ogħla
mil-livell limitu); (2)
Jiżguraw li l-Akkwist-e isir f'tali mod li
jkun konformi mal-prinċipji u d-dispożizzjonijiet ċentrali
tal-leġiżlazzjoni tal-akkwist pubbliku tal-UE (għall-akkwist
ogħla mil-livell limitu) u l-prinċipji rilevanti tat-Trattat
(għall-akkwist ta' taħt il-livell limitu); (3)
Iħeġġu l-iżvilupp u l-użu
ta' soluzzjonijiet konverġenti, sikuri imma kummerċjalment vijabbli u
jaqsmu l-eżempji tal-aħjar prassi. Dan għandu jħaffef
il-bidla għall-Akkwist-e, jevita l-ħela tad-duplikazzjoni u jevita
r-repetizzjoni tal-iżbalji. (4)
Jippermettu lill-operaturi ekonomiċi
jipparteċipaw fil-proċeduri tal-akkwist elettroniku madwar is-suq
uniku. L-Akkwist-e jipprovdi l-possibbiltà li jnaqqas il-barrieri tad-distanza
u l-lakuni fl-informazzjoni. Il-kapaċità tal-Akkwist-e fl-Istati Membri
differenti għandha – kemm jista’ jkun possibbli – tibni fuq mudelli u
approċċi komuni. Is-soluzzjonijiet li jtejbu u jiżbqu
l-interoperabbiltà bejn is-sistemi tal-Akkwist-e lokali, reġjonali u
nazzjonali għandhom jiġu mħeġġa. Dawn għandhom
jevitaw il-barrieri tekniċi li mhumiex meħtieġa
għall-parteċipazzjoni transkonfinali fis-sistemi tal-Akkwist-e. Il-politika tal-UE għalhekk jista'
jkollha rwol importanti u kumplimentari fl-appoġġ għall-isforzi
nazzjonali jew reġjonali sabiex tqiegħed l-akkwist fuq bażi
elettronika. Għandha wkoll rwol aktar mifrux ta' koordinament, fejn trid
tiżgura l-konsistenza mal-iżviluppi f'oqsma oħra relatati –
pereżempju leġiżlazzjoni marbuta mal-firem elettroniċi jew
fatturar elettroniku u li eventwalment jistgħu jwasslu għal
ċertu armonizzazzjoni fl-approċċi ġewwa l-UE. Jekk ma
titqisx id-dimensjoni tal-livell tal-UE, il-bidla tista' tkun imxekkla, jista'
jkun hemm riżorsi moħlija għaliex dejjem qed nerġgħu
nibdew mill-bidu, u l-potenzjal tal-Akkwist-e sabiex iżid il-fornituri
jista' jibqa mhux realizzat. Din il-Green Paper u x-xogħol sussegwenti
jimmiraw li jiddefinixxu bażi realistika u effikaċi għall-UE
biex takkumpanja u tiffaċilita dan il-proċess importanti.
4.
X'għamlet l-UE s'issa?
Dan il-qasam ta' politika mhuwiex xi
ħaġa ġdida għall-Kummissjoni. Fis-snin riċenti
diġà ħadet għadd ta' passi biex tilħaq l-għanijiet
introdotti hawn fuq. B'mod partikolari: (1)
Ipproponiet modifiki fid-Direttivi tal-Akkwist
Pubbliku tal-UE biex ikun permess l-użu tal-proċeduri
elettroniċi għall-akkwist u biex jiġu introdotti tekniċi u
għodod li ġew ikkunsidrati rilevanti għall-Akkwist-e. Qabel,
il-leġiżlazzjoni tal-UE ma kinetx tirrikonoxxi l-possibbilità
għall-użu ta' dawn il-metodi. Il-Kummissjoni introduċiet ukoll
tekniki u għodod ġodda (Irkanti-e, DPS) sabiex tippermetti
lill-awtoritajiet kontraenti biex jagħmlu l-aħjar użu
tal-komunikazzjonijiet elettroniċi sabiex itejbu r-riżultati
tal-akkwist. Dawn il-proposti ġew adottati u implimentati fid-Direttivi tal-Akkwist
Pubbliku modifikati tal-2004. (2)
Hija kkonċepiet u implimentat programm ta'
iktar minn 30 inizjattiva mhux leġiżlattiva sabiex
tiċċara u tħeġġeġ l-użu tal-Akkwist-e
(il-Pjan ta' Azzjoni). Il-viżjoni politika li tifforma l-bażi
għall-Pjan ta' Azzjoni kienet ambizzjuża - li "...kwalunkwe
impriża fl-Ewropa b'kompjuter u konnessjoni tal-internet tista'
tipparteċipa f'xiri pubbliku li jsir b'mod elettroniku."[9]; (3)
Hija kkofinanzjat ir-riċerka u żviluppat
għodod oħrajn prattiċi sabiex tegħleb il-barrieri tekniċi
u amministrattivi għall-Akkwist-e transkonfinali. Dawn jinkludu
inizjattivi bħal PEPPOL[10],
l-għodda varata riċentament e-CERTIS u Open e-PRIOR. Dawn
il-proġetti għadhom qed jiġu żviluppati jew ġew
introdotti biss riċentament. B'mod parallel ma' din il-Green Paper,
is-servizzi tal-Kummissjoni għamlu evalwazzjoni tal-miżuri tal-UE
sabiex jappoġġaw l-Akkwist-e. Il-konklużjonijiet ewlenin ta' din
l-evalwazzjoni huma li ġeneralment, il-Pjan ta' Azzjoni identifika b'mod
korrett l-isfidi rilevanti u l-prijoritajiet li jridu jiġu indirizzati.
Irrikonoxxiet ukoll li l-impetus primarju għal progress irid jiġi
mill-Istati Membri u r-reġjuni. Identifikat għadd ta' azzjonijiet
sabiex tidderiġi l-investimenti nazzjonali u reġjonali f'modi li
kienu konsistenti mal-leġiżlazzjoni tal-UE u s-suq uniku. Il-Pjan ta' Azzjoni kiseb daqsxejn
suċċess notevoli fil-ħolqien u l-użu ta' infrastruttura
komuni għall-pubblikazzjoni elettronika tal-avviżi ta' tressiq
tal-offerti. Issa hemm sistema unika, aċċettata u użata sew
għall-pubblikazzjoni tal-avviżi li huma ogħla mil-livell limitu
madwar l-UE, appoġġata minn infrastruttura kompatibbli fil-livell
nazzjonali. Fl-2009 ftit aktar minn 90 % tal-formoli li ntbagħtu
lit-TED (Tenders Electronic Daily) waslu b'mod elettroniku u f'format strutturat.
Il-pubblikazzjoni elettronika tal-avviżi għall-akkwist ta' taħt
il-livell limitu avvanzat ukoll fil-livell nazzjonali jew reġjonali. Ħafna miżuri tal-Pjan ta' Azzjoni
kkonsistew fi gwida jew studji pilota li fittxew li jittestjaw jew jippromwovu ċerti
soluzzjonijiet. Dawn qajmu kuxjenza dwar problemi, ippuntaw lejn soluzzjonijiet
u pprovdew punti komuni ta' referenza għal suq aktar mifrux. Madankollu,
ma fittxewx li jimponu soluzzjonijiet jew riżultati partikolari fi
żmien meta t-teknoloġija u l-mudelli tal-impriża kienu
għadhom qegħdin jevolvu. S'issa għadhom ma kkristallizzawx
iżjed proġetti konkreti fil-qasam tal-istandardizzazzjoni. Fil-qosor,
għalkemm ġeneralment il-prijoritajiet ġew identifikati b'mod
korrett u ħafna mill-Pjan ta' Azzjoni ġie implimentat kif previst,
s'issa għadha ma nħolqitx soluzzjoni fejn kull impriża tal-UE
tkun tista' tipparteċipa f'kull proċedura tal-akkwist permezz
tal-kompjuter tagħha. Il-qofol ta' kollox huwa li ħafna
mill-prijoritajiet identifikati mill-Pjan ta' Azzjoni, li ġew identifikati
b'mod korrett fl-2004, għadhom prijoritajiet sal-lum. L-approċċ
ta' "liġi mhux vinkolanti" kien jixraq għall-ambjent
tal-Akkwist-e li kien għadu qiegħed jevolvi u ħeġġeġ
l-iżvilupp ta' soluzzjonijiet kreattivi. Bil-benefiċċju li wieħed
jista' jħares lura u jara dak kollu li sar, għad hemm oqsma li
setgħu bbenefikaw minn approċċ aktar proattiv u/jew direttiv.
L-evalwazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni identifikat għadd ta' sfidi u
dgħufiji li, jekk ma jiġux indirizzati, se jwaqqfu r-realizzazzjoni
tal-użu aktar mifux tal-Akkwist-e u l-parteċipazzjoni transkonfinali
fl-akkwist fuq l-internet. Azzjonijiet iffinanzjati u
mmexxija mill-Kummissjoni biex jappoġġaw l-Akkwist-e PEPPOL: immexxi minn organizzazzjonijiet
tas-settur pubbliku minn diversi pajjiżi tal-UE u kofinanzjat
mill-Kummissjoni Ewropea, PEPPOL huwa proġett tal-Akkwist-e kbir
transkonfinali, intenzjonat biex jipprovdi infrastruttura u servizzi tal-IT
ibbażati fuq l-istandards fuq skala kbira, sabiex jistabbilixxu u jmexxu
operazzjonijiet tal-akkwist pubbliku pan-Ewropej fuq l-internet. Fil-qofol
tal-arkitettura tal-PEPPOL hemm netwerk tat-trasport, li jippermetti
s-sħab tal-impriża tal-Akkwist-e biex jikkonnettjaw ir-riżorsi
tal-IT tagħhom biex jagħmlu skambji sikuri u affidabbli tad-dokumenti
tan-negozju. Il-proġett se jagħti wkoll soluzzjonijiet
għall-Ordnar-e u Fatturar-e u jipprovdi l-istruttura
għall-ħolqien ta' sistemi għal Katalgi-e, il-validazzjoni
tal-firem u l-Virtual Company Dossier (VCD). Open e-PRIOR: il-Kummissjoni Ewropea
żviluppat u varat e-PRIOR sabiex tippermetti l-iskambju ta' dokumenti
strutturati tal-Katalogu-e, l-Ordnar-e u l-Fatturar-e bejn il-Kummissjoni u
l-fornituri tagħha. Open e-PRIOR jipprovdi pubblikament din is-soluzzjoni
f'format Open-Source li jista' jerġa’ jintuża. Barra minn hekk, Open
e-PRIOR jinkludi Punt għall-Aċċess PEPPOL integrat li
jippermetti l-iskambju tad-dokumenti permezz tan-Netwerk PEPPOL. e-CERTIS: varat fl-istess żmien ta' din
il-Green Paper, e-CERTIS huwa għodda tal-informazzjoni fuq l-internet,
b'xejn, li tipprovdi dettalji taċ-ċertifikati u l-attestazzjonijiet
differenti mitluba frekwentament fil-proċeduri tal-akkwist madwar
is-27 Stat Membru, iż-żewġ Pajjiżi Kandidati
(it-Turkija u l-Kroazja) u t-tliet pajjiżi membri taż-ŻEE
(l-Islanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja). E-CERTIS ġie
ddiżinjat biex jgħin kemm lill-operaturi ekonomiċi u wkoll
lill-awtoritajiet kontraenti, l-ewwel biex jifhmu liema informazzjoni qed
tiġi mitluba jew provduta u mbagħad biex jidentifikaw l-ekkwivalenti
aċċettabli għal kullħadd.
5.
L-istat tal-Akkwist-e
a) Disponibbiltà ta' soluzzjonijiet
tekniċi L-Akkwist-e issa huwa possibbli fil-prattika -
mhux biss teoretikament. It-teknoloġija teżisti u qed tintuża
f'diversi pajjiżi biex tippermetti li l-fażijiet kollha tat-tranżazzjoni
tal-akkwist jitlestew fuq l-internet. It-teknoloġija ma pprovditx
is-soluzzjonijiet mistennija (ta' teknoloġija avvanzata) għall-passi
proċedurali kollha. F'ċerti każijiet, il-progress irriżulta
minn approċċ aktar pragmatiku – fil-forma ta' soluzzjonijiet
prattiċi li 'jduru madwar' il-problema u jinvolu soluzzjonijiet mhux
daqshekk tekniċi jew jikkumbinaw komunikazzjoni li ma tużax
l-internet flimkien ma' komunikazzjoni li tuża l-internet eż.
l-approċċi adottati għal forniment ta' dokumenti li jagħtu
xhieda għall-kriterji ta' esklużjoni jew selezzjoni; l-użu ta'
soluzzjonijet b'isem l-utent u l-password sabiex jawtentikaw offerent. Ma
jonqosx li dawn is-soluzzjonijiet huma validi - huma sempliċiment
jipprovdu modi alternattivi biex jinkiseb ir-riżultat aħħari.
Ġew identifikati ċerti limiti għall-Akkwist-e "totali"
eż. diffikultajiet fl-użu ta' approċċi awtomatizzati ta'
evalwazzjoni għal xiri kumpless; in-nuqqas ta' sistema li timmarka
l-ħin li hija aċċettata fl-UE kollha. b) Investiment fi u disponibbiltà
tal-kapaċità tal-Akkwist-e Il-preżenza tal-Akkwist-e fl-Ewropa bdiet
tinħass. Is-suċċess tal-għadd ta' pjattaformi juri
l-każ tan-negozji. Ċerti awtoritajiet kontraenti, operaturi
ekonomiċi, Korpi Ċentrali għall-Akkwisti u Stati Membri
għamlu sforzi u progress sinifikanti. Sar progress kbir fl-iżvilupp
tal-applikazzjonijiet elettroniċi li għandhom il-kapaċità
jappoġġaw il-fażijiet kollha tal-proċeduri tal-akkwist jew
ħafna minnhom. Xi Stati Membri jew reġjuni daħħlu
fis-seħħ is-sistemi tal-Akkwist-e li jistgħu jappoġġaw
proċessi 'tal-akkwist elettroniku totali' - tal-inqas għax-xiri
tal-provvisti u s-servizzi standard. Sistemi oħrajn jikkonċentraw fuq
li jipprovdu l-ewwel elementi tal-akkwist – f'25 Stat Membru huwa possibbli li
tippubblika l-avviżi u tagħmel id-dokumenti tal-offerti disponibbli
fuq l-internet. Għadd ta' sistemi li kellhom
suċċess adottaw mudell tal-Akkwist-e pprovdut minn partijiet terzi
(3) fuq in-netwerk. Dawn il-pjattaformi spiss joffru s-servizzi tagħhom
tal-Akkwist-e lil diversi organizzazzjonijiet. Il-prokuraturi individwali
jingħataw spazju privat fuq l-internet fejn remotament jistgħu
jiddefinixxu l-utenti, il-proċessi u t-twassil tagħhom. Uħud
huma mmexxija minn aġenziji pubbliċi, filwaqt li oħrajn huma
pprovduti minn kumpaniji fis-settur privat; wara l-awtoritajiet kontraenti
jħallsu rata fissa jew skont l-użu. c) Użu attwali tal-Akkwist-e Il-bidu ġenerali, kemm ġewwa
ħafna pajjiżi u wkoll madwar l-UE bħala entità, għadu baxx
u huwa stmat li qiegħed f'inqas minn 5 % tal-akkwist totali skont
il-valur. L-eċċezzjoni għal dan
l-użu baxx hija l-Portugall, fejn l-użu ta' mezzi elettroniċi li
jfisser li wieħed jaħdem il-fażijiet tal-akkwist sal-għoti
tal-kuntratt, ilu mandatorju mill-1 ta' Novembru 2009 għal
ħafna mix-xiri pubbliku (xi kuntratti ta' valur żgħir ma jsirux
b'mod elettroniku u l-evalwazzjoni ta' ċertu xiri tista' ssir
b'taħlita ta' meżżi elettroniċi u dawk aktar standard). B'riżultat ta' dan l-awtoritajiet kontraenti
issa qed jagħmlu l-akkwist iżjed malajr u huwa mistenni ffrankar ta'
EUR 28 miljun fis-sena. Stati Membri
oħrajn ukoll għamlu użu minn ċerti fażijiet
tal-Akkwist-e jew għodod mandatorji fil-livell nazzjonali eż.
Ċipru, il-Belġju u l-Pajjiżi l-Baxxi għamlu jew qed
jippjanaw li jagħmlu n-notifika tal-possibbiltajiet tal-kuntratt
mandatorja permezz ta' ċerti pjattaformi. Pajjiżi
oħrajn introduċew rekwiżiti mandatorji għal ċerti
livelli ta' gvern eż. l-Awstrija għamlet l-użu tal-ftehimiet
tal-qafas mandatorju għall-awtoritajiet federali għal
oġġetti u servizzi speċifiċi. Evidenza aneddotali aktar mifruxa
tissuġerixxi li ħafna awtoritajiet kontraenti u operaturi
ekonomiċi għamlu l-bidla għall-Akkwist-e u ma jikkunsidrawx li
jerġgħu lura għll-proċeduri ta' fuq il-karta. d) Aċċessibbiltà
transkonfinali tas-sistemi tal-Akkwist-e Fil-preżent ma tantx jidher li hemm
aspetti komuni fis-sistemi differenti li jeżistu – ġew
żviluppati soluzzjonijiet iżolati individwali u jekk mhijiex se
tittieħed azzjoni malajr ħalli tinħoloq rabta komuni bejniethom,
hemm riskju kbir ta' frammentazzjoni tas-suq. Il-proċessi eżistenti
tal-impriża, l-istandards tad-dokumenti u l-formati u l-modi ta'
komunikazzjoni mhumiex suffiċjentament standardizzati. Iktar ma jsiru
disponibbli l-komponenti predefiniti u dawk li jistgħu jergħu
jintużaw għall-Akkwist-e, iktar ma jkun faċli biex ikun
żgurat ambjent tal-Akkwist-e interoperabbli li jħeġġeġ
l-użu aktar mifrux u eventwalment l-użu transkonfinali. Filwaqt li
l-konverġenza fuq sistema waħda monolotika la ma hija mixtieqa u
l-anqas intenzjonata, għandha tiffaċilita l-parteċipazzjoni jekk
ikun hemm xi funzjonalita tal-qofol komuni għas-sistemi kollha. B'riżultat ta' wħud minn dawn
il-problemi, fis-suq tal-lum, l-operaturi ekonomiċi li jixtiequ
jipparteċipaw fil-proċeduri tal-akkwist fuq l-internet fi Stati
Membri oħrajn se jaffaċċaw ostakli prattiċi, tekniċi u
amministrattivi. Il-proċeduri tal-Akkwist-e nazzjonali / reġjonali
huma ddiżinjati b'referenza għall-prattiki lokali amministrattivi jew
tekniċi li jistgħu jvarjaw sinifikament. Għalkemm id-disponibbiltà
tal-infrastruttura żdiedet sinifikament mill-2004, ftit sar progress
konkret lejn l-akkwist elettroniku bla xkiel u transkonfinali. S'issa, dawn
il-kwistjonijiet għadhom ma telawx fil-wiċċ minħabba
t-talba limitata mill-fornituri tal-pajjiżi sħab biex
jipparteċipaw fl-akkwist fuq l-internet. Madankollu, l-attenzjoni
għandha tkun iffukata issa fuq dawn il-kwistjonijeit, jekk ma rridux
naffaċċaw ġenerazzjoni ġdida ta' barrieri tekniċi
għall-akkwist transkonfinali (fuq l-internet).
6.
Sfidi
It-taqsima li ġejja tidentifika l-isfidi
ewlenin li jwaqqfu t-tranżizzjoni b'suċċess għall-Akkwist-e
u li jistgħu jkunu qed joħolqu ostakli mhux neċessarji
għall-parteċipazzjoni transkonfinali fil-proċeduri tal-akkwist
fuq l-internet. Ħafna minn dawn il-kwistjonijiet huma marbutin internament
u ma jistgħux jiġu indirizzati f'iżolament jekk għandhom
jingħelbu b'suċċess u jintlaħqu l-għanijiet
tal-politika. (1)
Kif tingħeleb l-inerzja u
l-biżgħat min-naħa tal-awtoritajiet kontraenti u l-fornituri: it-teknoloġija u l-kapaċità biex l-akkwist isir b'mod
elettroniku qiegħdin isiru dejjem aktar disponibbli. Madankollu, mhuwiex
il-każ ta' "ibniha u mbagħad jużawha". L-awtoritajiet
kontraenti jeħduha bil-mod biex jagħmlu użu minn dawn
il-possibbiltajiet. Dan jista' jkun attribwit għall-ispejjeż
tal-riorganizzazzjoni tas-sistemi interni, u n-nuqqas ta' kuxjenza dwar
il-vantaġġi. Bl-istess mod il-fornituri mhux dejjem jaraw
il-benefiċċji għalihom f'li jagħmlu din
it-tranżazzjoni. Ħafna mill-awtoritajiet kontraenti u l-fornituri
qegħdin konxjament jieħdu approċċ ta' "nistennew u
naraw" minħabba r-riskji pperċeputi fl-investiment fl-Akkwist-e.
Barra mir-riskji marbutin mat-teknoloġija, huma konċernati dwar
ir-riskji assoċjati mal-integrazzjoni ta' dawn it-teknoloġiji
mas-sistemi ta' informazzjoni eżistenti, mal-mudell tal-impriża li
dawn it-teknoloġiji jimponu fuq ir-relazzjonijiet tal-awtoritajiet li
jikkuntrattaw il-fornituri, u mal-mekkaniżmi tas-sikurezza u l-kontroll
meħtieġ sabiex jiżguraw l-użu xieraq tagħhom. Uħud, partikolarment, l-SMEs, huma
konċernati wkoll li huma se jispiċċaw mitfugħin ’il barra
mis-suq mix-xejriet tal-perkors lejn l-aggregazzjoni u
ċ-ċentralizzazzjoni. Jekk tkun mixtieqa tranżazzjoni mħaffa
tal-Akkwist-e, se jkun neċessarju li jissaħħu l-inċentivi
sabiex issir il-bidla għall-Akkwist-e fejn huwa disponibbli - u
possibbilment biex jiġi impost l-użu tal-Akkwist-e f'ċerti
ċirkustanzi (eż. għal ċertu xiri). (2)
Nuqqas ta' standards fil-proċessi
tal-Akkwist-e: għal futur qarib, il-fornituri se
jkunu konfrontati bi sfond ta' Akkwist-e li jikkonsisti fi pjattaformi u
arranġamenti tal-Akkwist-e differenti. Kull sistema jista' jkun fiha
karatteristiċi tekniċi u funzjonijiet differenti, li jikkomplikaw
il-ħidma tal-fornituri li jkunu qed ifittxu li jipparteċipaw
f'sistemi multipli. Dan jista' jżid l-ispejjeż tat-tagħlim
għall-fornituri fl-akkwist u jnaqqas il-parteċipazzjoni fis-sistemi
tal-Akkwist-e. Ħafna mill-aktar kwistjonijiet ta' sfida joħorġu
fil-fażijiet tas-sottomissjoni u l-ipproċessar tal-offerti. Is-suq
jeħtieġ li jidentifika applikazzjonijiet maturi bil-livelli xierqa
ta' funzjonalità. Huma meħtieġa iktar sforzi konċentrati
fil-livell tal-UE sabiex jħeġġu l-allinjament jew
l-istandardizzazzjoni f'dawn il-partijiet kruċjali tal-proċess. Huma
meħtieġa punti komuni ta' referenza u standards sabiex jippermettu
l-iżvilupp ta' sistemi replikabbli u interoperabbli. L-isforzi
għandhom ikunu konċentrati fl-oqsma tal-iskambju tad-dokumenti,
l-awtentikazzjoni, Fatturar-e, Katalogi-e u l-klassifikazzjonijiet tal-prodotti. (3)
Ma hemmx mezzi biex jiġi ffaċilitatat
ir-rikonoxximent reċiproku tas-soluzzjonijiet elettroniċi nazzjonali għal fażijiet kritiċi tal-akkwist u l-għodod
(eż. l-awtentikazzjoni tal-fornituri permezz tal-użu ta' firem
elettroniċi, prova nazzjonali tad-dokumenti ta' eliġibbiltà).
Jeħtieġ li jinsabu soluzzjonijiet li jnaqqsu l-piż żejjed
minn fuq l-awtoritajiet kontraenti u l-fornituri li jixtiequ joperaw f'suq
Ewropew aktar mifrux. (4)
Rekwiżiti tekniċi kumplikati,
partikolarment għall-awtentikazzjoni tal-offerent: ġew adottati firxa kbira ta' rekwiżiti u soluzzjonijiet
madwar l-UE sabiex jindirizzaw il-kwistjonijiet marbutin mal-awtentikazzjoni u
l-identifikazzjoni. Uħud minn dawn is-soluzzjonijiet huma
teknoloġikament sempliċi ħafna eż. l-użu ta'
kombinazzjoni ta' isem l-utent u password; oħrajn huma aktar sofistikati,
u jirrikjedu tipi speċifiċi ta' firem elettroniċi, inkluż
firem kwalifikati (jirrikjedu ċertifikat diġitali maħruġ
minn Fornitur tas-Servizz ta' Ċertifikazzjoni li
supervizzati/akkreditati). Id-deċiżjoni li ssir promozzjoni
tal-Firem-e kwalifikati fi ħdan il-Pjan ta' Azzjoni setgħet ssettjat
il-punt ta' referenza għall-applikazzjonijiet tal-Akkwist-e fl-għoli
wisq u żiedet il-kost u l-piż tas-sottomissjoni tal-offerti b'mod
elettroniku. L-għażla tal-livell tas-sigurtà ta' firma elettronika
għandha tkun ibbażata fuq valutazzjoni tar-riskju ta' soluzzjonijiet
falluti ta' identifikazzjoni / firem fil-kuntest tal-akkwist.
Fl-aħħar, in-nuqqas ta' interoperabbiltà transkonfinali tal-firem elettroniċi
jippreżenta diffikulta oħra. Hemm tamiet għall-progress
ibbażata fuq l-istabbilment ta' listi nazzjonali affidabbli tal-fornituri
ta' ċertifikati tal-firma kwalifikati[11];
ir-razzjonalizzazzjoni li ġejja tal-istandards tal-firem elettroniċi;
u s-soluzzjonijiet pilota PEPPOL). Aspetazzjonijiet simili ta' teknoloġija
għolja għal elementi oħrajn tal-proċess tal-Akkwist-e
ġew indirizzati b'soluzzjonijiet aktar pragmatiċi – pereżempju
l-użu ta' dikjarazzjonijiet ta' konformità / eliġibbiltà,
aċċettati fl-istadji inizjali tas-sottomissjoni tal-offerti aktar
mill-iżvilupp ta' Dokumenti-e kumplessi. Is-soluzzjonijiet tal-Akkwist-e
jeħtieġ li jkunu proporzjonati, rikonoxxuti minn xulxin u disponibbli
ħafna bi prezz raġonevoli. (5)
Ġestjoni tat-tranżizzjoni
multiveloċi għall-Akkwist-e: Stati Membri
jew reġjuni differenti qed jimxu b'veloċitajiet differenti sabiex
jadottaw il-possibbiltajiet offruti mill-Akkwist-e. Xi Stati Membri imponew
l-użu ta' proċeduri tal-akkwist elettroniku għax-xiri kollu jew
ftit minnu. Il-proċeduri tal-akkwist għal dan ix-xiri jridu jiġu
organizzati permezz tal-infrastruttura disponibbli tal-Akkwist-e. L-isfida
għas-suq uniku hija l-iżgurar li l-fornituri tal-pajjiżi
sħab ma jkunux żvantaġġati bla bżonn biex jikkompetu
fuq dawn is-sistemi u li għandhom l-għodod biex jipparteċipaw fi
proċeduri organizzati fuq sistemi differenti. Mistoqsijiet 1.
L-isfidi ta' hawn fuq jirrappreżentaw
l-iżjed ostakli sinifikanti għall-adozzjoni tal-Akkwist-e u
l-parteċipazzjoni transkonfinali fil-proċeduri tal-akkwist fuq
l-internet? Jekk jogħġbok qiegħed dawn l-isfidi f'ordni ta'
importanza - mill-iktar importanti għall-inqas. 2.
Hemm sfidi oħrajn ta' prijorità mhux
identifikati hawn? Jekk jogħġbok ikkummenta.
7.
Prijoritajiet għall-azzjoni fil-livell tal-UE
Il-Kummissjoni temmen li l-modi li ġejjin
jistgħu jiġu esplorati bil-ħsieb li jwittu t-triq
għall-użu aktar mifrux tal-Akkwist-e u jappoġġaw
l-parteċipazzjoni transkonfinali fil-proċeduri tal-Akkwist-e.
7.1.
Inċentivi u diżinċentivi biex
titħaffef l-adozzjoni tal-Akkwist-e
Issa li t-teknoloġija teżisti,
l-isfida hija dik li wieħed jikkonvinċi lill-awtoritajiet kontraenti
u l-fornituri biex jużawha. Jista' jkun hemm il-ħtieġa ta'
intervent politiku sabiex jinbeda dan il-proċess u tiżgura li dan
iżid fil-massa kritika. B'dan it-tir, għadd ta' Stati Membri
introduċew obbligi biex jaħdmu l-proċeduri tal-akkwist b'mod
elettroniku – jew b'mod ġenerali (bħall-Portugall) jew għal xiri
partikolari (bħal Franza). Għax-xiri pubbliku ta' taħt
il-livelli stipulati fid-Direttivi tal-UE, l-Istati Membri għandhom
diskrezzjoni kbira fir-rigward tal-organizzazzjoni tal-proċeduri. Għall-proċeduri ogħla mil-livell
limitu, id-Direttivi attwali tal-akkwist pubbliku tal-UE ma jindirizzawx
espliċitament ix-xenarju fejn Stat Membru jkun jixtieq jimponi l-użu
tal-Akkwist-e bħala l-mezz rilevanti ta' komunikazzjoni.
L-iċċarar fuq dan il-punt jista' jipprovdi lill-awtoritajiet
nazzjonali b'sigurta' ikbar meta jimponu l-użu tal-Akkwist-e. Jista' wkoll ikun hemm lok biex tintuża
l-leġiżlazzjoni biex tinċentiva l-awtoritajiet kontraenti biex
jaqilbu għall-Akkwist-e. Id-Direttivi tal-UE attwali diġà qed ibassru
tnaqqis fid-dati ta' skadenza tal-pubblikazzjoni (b'sebat ijiem), fil-każ
ta' notifika elettronika tal-offerti u t-tnaqqis fid-dewmien
għas-sottomissjoni tal-offerti (b'ħamest ijiem) meta jiġi
pprovdut aċċess dirett mhux ristrett u sħiħ
għad-dokumenti rilevanti permezz ta' mezzi elettroniċi. Aktar tnaqqis
fid-dati ta' skadenza jista' jiżbilanċja l-abbiltà tal-operaturi
ekonomiċi biex jippreparaw offerti tajbin. Madankollu, jista' jkun hemm
potenzjal biex jiġu introdotti aktar inċentivi jew kundizzjonijiet
regolatorji preferenzjali biex l-awtoritajiet kontraenti
jitħeġġu jagħmlu l-migrazzjoni għall-Akkwist-e. Pereżempju, jista' jkun hemm lok biex
isir trasferiment mill-awtorità kontraenti tar-responsabbiltà biex tkun
konformi ma' ċerti rekwiżiti regolatorji jew proċedurali,
għal sistema tal-Akkwist-e li tieħu ħsieb jew tamministra
l-proċedura tal-akkwist kollha jew parti minnha. Fejn ir-rekwiżiti
tat-trasparenza u proċedurali tad-Direttiva, u l-oġġettività u
t-traċċabbiltà ta' proċeduri individwali jkunu garantiti bil-pjattaforma
tal-Akkwist-e, ir-responsabbiltà għall-iżgurar tal-konformità
mar-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni tal-akkwist tista'
tiċċaqlaq mill-awtorità kontraenti individwali għas-sistema
tal-Akkwist-e. Approċċ bħal dan ikun jipprovdi 'kenn sikur'
għall-awtoritajiet kontraenti individwali li jużaw dawn
il-faċilitajiet speċjalizzati sabiex imexxu l-proċeduri
tal-akkwist individwali. Din iċ-ċaqliqa fir-responsabbiltà,
mill-awtorità kontraenti għas-sistema tal-Akkwist-e, tista' tagħmel
l-użu ta' mezzi fuq l-internet aktar attraenti u b'hekk iżżid
l-adozzjoni ta' dan il-proċess elettroniku. Dan l-approċċ jista'
jirrikjedi d-definizzjoni tar-rekwiżiti jew il-prinċipji komuni
għar-rikonoxximent ta' sistemi tal-e-Procurmenet sabiex jiżgura li
dawn joffru l-garanziji neċessarji. Mistoqsijiet 3.
Hemm aktar lok għall-introduzzjoni ta'
inċentivi regolatorji fil-leġiżlazzjoni tal-UE biex
iħeġġu l-użu tal-Akkwist-e? Jekk jogħġbok
iddeskrivi l-inċentivi li jistgħu jkunu effettivi. 4.
Il-leġiżlazzjoni tal-UE għandha
televa l-obbligi u r-responsabbiltajiet tal-awtoritajiet kontraenti meta
l-akkwisti jsiru mis-sistemi tal-Akkwist-e? Dan se jagħmel l-użu
tal-Akkwist-e iżjed attraenti? 5.
Il-leġiżlazzjoni tal-UE għandha
tippermetti l-impożizzjoni tal-proċeduri elettroniċi għal
parti mill-akkwist kopert mid-Direttivi tal-UE? Xi jkunu
l-iżvantaġġi / vantaġġi ta' dawn
id-dispożizzjonijiet? Għal-liema tipi ta' akkwist koperti
mid-Direttivi tal-UE jista' l-użu mandatorju tal-Akkwist-e jiddaħħal
b'suċċess? 6.
Alternattivament, għandha
l-leġiżlazzjoni tal-akkwist tal-UE tiċċara l-possibbilità
għall-Istati Membri individwali biex jirrikjedu l-użu tal-Akkwist-e
f’ċerti ċirkustanzi? F’liema kundizzjonijiet dan ikun utli jew
ġustifikat?
7.2.
Iffaċilitar tal-parteċipazzjoni
transkonfinali fl-Akkwist-e
Stati Membri u reġjuni individwali qed
jimxu b'veloċitajiet differenti sabiex jippromwovu l-użu
tal-Akkwist-e. Hemm bżonn li tingħata attenzjoni biex ikun
żgurat li dan ma joħloqx barrieri mhux meħtieġa u
sproporzjonati għal parteċipazzjoni transkonfinali fl-akkwist. Hemm
bżonn ta' bilanċ bejn l-awtoritajiet li jħeġġu biex
isir investiment fil-kapaċità tal-Akkwist-e u li tiġi evitata
l-frammentazzjoni tas-swieq tal-akkwist fi gruppi ta' operaturi konnessi ma'
sistemi li għandhom l-ispeċifikazzjonijiet tal-funzjonalità unika
tagħhom. Is-sistemi tal-Akkwist-e iridu jkunu aċċessibli
fil-wisa', kemm jista’ jkun possibbli. Dan ifisser li l-kundizzjonijiet
tekniċi, legali u amministrattivi għal parteċipazzjoni
fil-proċeduri għandhom ikunu mhux diskriminatorji, proporzjonati u ma
joħolqux ostakli mhux ġustifikati u arbitrarji għal
parteċipazzjoni / reġistrazzjoni minn operaturi ekonomiċi minn
Stati Membri oħrajn. Sabiex jinkiseb dan, l-attenzjoni fil-livell
tal-UE – u b'mod partikolari kwalunkwe passi biex jiċċaraw l-ambjent
legali - għandhom jiffokaw prinċipalment fuq il-proċeduri
tal-akkwist ogħla mil-livelli limiti tal-UE jew dawk li jsiru fuq sistema
tal-Akkwist-e fejn il-valur totali tal-akkwist jeċċedi ċertu
livell limitu. Il-prijoritizzazzjoni ta' intervent fil-livell tal-UE tkun
tippermetti sforzi nazzjonali u reġjonali biex tiġi żviluppata
l-kapaċità tal-Akkwist-e tagħhom organikament u biex l-attenzjoni
fil-livell tal-UE tiġi ffukata fuq dawk is-segmenti jew sistemi fejn
il-potenzjal għall-akkwist transkonfinali fuq l-internet huwa l-ikbar. Taħt din l-intestatura, l-azzjoni
fil-livell tal-UE għandha tikkontribwixxi fil-modi li ġejjin: a) Iċċarar
tal-kundizzjonijiet tal-aċċess li s-sistemi u l-proċeduri
tal-Akkwist-e iridu jissodisfaw. Għandha
tiġi stabbilita perspettiva komuni tar-rekwiżiti neċessarji
għall-aċċessibbiltà fil-wisa' tal-Akkwist-e lil hinn
mill-fruntieri, billi tibni fuq ir-rekwiżiti tal-funzjonalità diġà
prodotti skont il-Pjan ta' Azzjoni tal-2004. Dan ma jfissirx il-ħolqien
ta' sistema tal-Akkwist-e unika, issa jew fil-futur. Dan ifisser definizzjoni
ta' sett minimu ta' karatteristiċi maqbula li għandhom ikunu
preżenti fi kwalunkwe sistema tal-Akkwist-e sabiex ikun żgurat li
tkun aċċessibli fil-wisa'. Dan ikun jinvolvi li tiġi pprovduta
gwida operazzjonali biex tespandi fuq il-prinċipji stipulati
fl-Artikolu 42 tad-Direttiva 2004/18/KE. Din il-gwida tista'
tieħu l-forma ta' rakkomandazzjonijiet, komunikazzjonijiet interpretattivi
jew azzjonijiet oħrajn mhux leġiżlattivi. Alternattivament
tista' tieħu l-forma ta' bidliet fid-Direttivi (għall-akwist
ogħla mil-livell limitu) jew miżuri leġiżlattivi
waħedhom indirizzati lis-sistemi tal-Akkwist-e. b) Iffaċilitar
tar-rikonoxximent reċiproku tal-identifikaturi elettroniċi, dokumenti
evidenzjarji u kundizzjonijiet oħrajn għall-operaturi ekonomiċi
biex jipparterċipaw fil-proċeduri tal-akkwist fuq l-internet.
Ħafna mit-tħassib li ħareġ s'issa jirrelata ma' problemi
marbuta mal-awtentikazzjoni, bħall-applikazzjoni ta' firem
elettroniċi u r-rikonixximent ta' identifikazzjoni elettronika. Dawn
il-problemi mhumiex speċifiċi għall-kuntest tal-Akkwist-e imma
joħorġu fi kwalunkwe sitwazzjoni fejn huma meħtieġa
l-awtentikazzjoni / il-firem. Il-Kummissjoni adottat miżuri biex tippermetti
l-awtoritajiet jidentifikaw l-oriġini / ċertifikazzjoni tal-firem
tal-pajjiżi sħab. Il-proġett PEPPOL qed jiżviluppa
soluzzjonijiet li jfittxu li jipprovdu għodod fuq l-internet li
jippermettu r-rikonoxximent awtomatiku tal-firem elettroniċi minn Stati
Membri oħrajn li jistgħu jintużaw fil-kuntest tal-akkwist. Tħassib ieħor joħroġ
mir-rekwiżit għall-awtoritajiet kontraeni biex jivvalutaw
id-dokumenti evidenzjarji sottomessi mill-offerenti biex jagħtu prova ta'
eliġibbiltà għall-għażla. Dawn id-dokumenti jinħarġu
fil-livell nazzjonali / lokali skont il-konvenzjonijiet, formati u lingwi
rilevanti. L-Akkwist-e kien mistenni jsib modi biex iżid l-effiċjenza
ta' din il-parti tal-proċess u iktar speċifiku, biex inaqqas
il-piż li tqiegħed id-dispożizzjoni ripetuta ta' dan it-tip ta'
evidenza fuq operatur ekonomiku. Ħafna mis-soluzzjonijiet żviluppati
s'issa jaslu sa ċertu punt biex jissodisfaw dawn l-għanijiet, imma ma
jiddependux fuq soluzzjonijiet ta' teknoloġija avvanzata kumplikata.
Pereżempju, f'xi pajjiżi l-operatur ekonomiku jipprovdi stqarrija
(spiss dokument elettroniku sempliċi li jista' jew ma jistax ikun iffirmat
b'mod elettroniku) li huma mhux qed jiksru kwalunkwe mill-kriterji stipulati.
L-offerenti rebbieħa biss jintalbu jipprovdu d-dokumenti attwali u dan
jista' jsir b'mod elettroniku jew fuq il-karta. Il-Kummissjoni żviluppat l-għodda
e-CERTIS biex tassisti l-awtoritajiet kontraenti fir-rikonoxximent ta'
dokumenti validi minn Stati Membri oħrajn. Se tkompli tibni fuq din
l-għodda, biex tiżvilippa soluzzjonijiet prattiċi biex
tgħin l-awtoritajiet kontraenti jirrikonoxxu l-attestazzjonijiet /
iċ-ċertifikati tal-pajjiżi sħab. c) Simplifikazzjoni
tar-rekwiżiti tad-dħul / parteċipazzjoni għall-operaturi
ekonomiċi. L-evalwazzjoni tal-Kummissjoni
tal-Pjan ta' Azzjoni tal-Akkwist-e tiżvela tħassib li l-preferenza
għal firem elettroniċi kwalifikati tista' tikkostitwixxi barriera
tad-dħul mhux neċessarja għall-Akkwist-e - b'mod partikolari
għall-fornituri tal-pajjiżi sħab fin-nuqqas s'issa ta' għodod
operazzjonali għar-rikonoxximent ta' firem elettroniċi differenti.
Ġaladarba hemm din il-valutazzjoni, jista' jkun utli biex wieħed
jikkunsidra l-preżunzjoni favur il-firem elettroniċi kwalifikati li
tinsab fil-leġiżlazzjoni tal-akkwist tal-UE. L-Aġenda Diġitali
għall-Ewropa tbassar reviżjoni tal-leġiżlazzjoni
tal-Firem-e u ż-żieda fil-ħidma fil-qasam
tal-Identifikazzjoni-e. Mistoqsijiet 7.
Huwa meħtieġ l-intervent tal-UE sabiex
ikun evitat il-ħolqien ta' barrieri mhux neċessarji u sproporzjonati
għall-parterċipazzjoni transkonfinali fuq l-internet fil-proċeduri
jew sistemi tal-akkwist? Jekk għandha tiġi ċċarata din
għandha tkun fil-forma leġiżlattiva jew mhux
leġiżlattiva? 8.
Tikkunsidra li l-isforzi biex jiġi
żviluppat ambjent tal-UE legali u tal-politika għandu jiffoka fuq: –
Sistemi li jappoġġaw il-proċeduri
tal-akkwist ogħla mil-livelli stipulati fid-Direttivi tal-UE (inkluż
sistemi b'taħlita ta' ogħla u anqas mil-livell limitu); –
Sistemi akbar li jindirizzaw ċertu livell
de minimis ta' akkwist (permezz ta' valur monetarju jew perċentwal
tat-total tal-akkwist nazzjonali). 9.
Hemm bżonn ta' modifika jew
aġġornament fil-qafas leġiżlattiv tal-UE attwali dwar
l-Akkwist-e? Jekk iva, liema dispożizzjonijiet u għal-liema
raġuni? (Jekk jogħġbok irreferi għall-Anness I għal
lista ta' dispożizzjonijiet marbuta mal-Akkwist-e.) 10.
X'soluzzjonijiet tal-awtentikazzjoni u
identifikazzjoni (inkluż il-Firem-e) jkunu proporzjonati għar-riskji
li hemm fl-Akkwist-e? 11.
X'inhuma l-ostakli prinċipali tekniċi,
amministrattivi jew prattiċi misjuba mill-operaturi ekonomiċi meta
jippruvaw jirreġistraw jew jipparteċipaw fi proċeduri jew
sistemi tal-Akkwist-e ta' pajjiżi sħab (awtentikazzjoni, prova ta'
eliġibbiltà, solvenza finanzjarja, eċċ.: jekk jogħġbok
speċifika)? Dawn il-barrieri jikkostitwixxu ostaklu li ma jistax
jingħeleb jew jistgħu jintegħlbu għal spiża
raġonevoli?
7.3.
Elementi importanti għal infrastruttura
tal-Akkwist-e interoperabbli
Ix-xogħol fil-futur għandu
jerġa’ jenfasizza l-ħolqien ta' għodod li jistgħu
jerġgħu jintużaw u fejn jixraq, jinvesti fl-iżvilupp ta'
soluzzjonijiet u standards tal-infrastruttura. Suċċess ċar tal-Pjan ta'
Azzjoni tal-2004 kien il-ħolqien tat-TED u l-introduzzjoni ta' forom
elettroniċi standard għall-proċeduri tal-akkwist ogħla
mil-livell limitu li pprovdew punt ta' referenza uniku għall-Ewropa kollha
għall-proċeduri kollha ogħla mil-livell limitu billi jużaw
l-informazzjoni pprovduta f'format komuni. Madankollu, l-UE tista' tagħmel
iżjed biex tiffaċilita l-interkonnettività u l-interoperabbiltà
fl-isfond emerġenti Ewropew tal-Akkwist-e. a) Inħeġġu
l-istandardizzazzjoni tal-proċessi u s-sistemi ewlenin: proċess kollaborattiv bħall-Akkwist-e, fejn sistemi
indipendenti li jappartjenu għal partijiet indipendendti
jinteraġġixxu permezz ta' skambju ta' informazzjoni tan-negozju. Dawn
jistgħu jkunu appoġġati biss jekk is-sistemi jaqsmu perspettiva
komuni tal-proċess tan-negozju u l-informazzjoni li jeħtieġ
jiġu skambjati. L-approċċi u l-formati standardizzati
għall-proċessi l-aktar frekwenti tal-Akkwist-e jtejbu konsiderevolment
l-adozzjoni u l-użu mill-ġdid tad-dejta. L-operaturi jkunu
jistgħu jipparteċipaw fi proċessi tal-akkwist f'għadd
mingħajr limitu ta' sistemi differenti bi ftit sforz u spejjeż,
mingħajr ma jkollhom bżonn jerġgħu jaħdmu b'mod sinifikanti
s-sottomissjonijiet tagħhom kull darba, apparti milli jfassluhom
għall-offerta speċifika. Qed isir progress importanti f'ċerti
fażijiet ta' wara l-għoti (eż. Katalogi-e, Ordnar-e u
Fatturar-e), għalkemm dan s'issa għadu ma wassalx
għall-adozzjoni tal-istandards Ewropej. Għandhom jiżdiedu
l-isforzi f'dawn l-oqsma u l-proċess ta' standardizzazzjoni għandu
jiġi estiż għall-fażijiet ewlenin oħrajn
tal-Akkwist-e. b) Qabel l-għoti: saru żviluppi kbar fil-pubblikazzjoni u t-tqassim elettroniku
tal-informazzjoni dwar l-opportunitajiet tal-akkwist. Madankollu, deher
ħafna inqas progress fl-iżvilupp ta' approċċi komuni,
standards jew mudelli għas-sottomissjoni fuq l-internet u
l-ipproċessar tal-offerti. Dan huwa l-post fejn jinsab il-veru gwadan (u
l-isfidi) tal-Akkwist-e. Filwaqt li ġew iddiżenjati soluzzjonijiet
għal pjattaformi tal-Akkwist-e individwali, ma ingħatatx attenzjoni
għall-allinjament ta' metodi jew approċċi
għas-sottomissjoni elettronika tal-offerti. c) Nipprovdu elementi importanti
komuni għas-sistemi tal-Akkwist-e: il-Kummissjoni
qed tiżviluppa serje ta' applikazzjonijiet li se jkunu jinkludu
l-fażijiet ewlenin kollha fiċ-ċiklu tal-akkwist, billi jibnu fuq
is-soluzzjoni eżistenti Open e-PRIOR. Dawn is-sistemi kienu primarjament
intenzjonati għall-użu intern, billi jippermettu lill-Kummissjoni
biex tiżviluppa kapaċità effiċjenti tal-Akkwist-e imma issa qed
ikunu disponibbli bħala komponenti b'xejn tal-Open Source li jistgħu
jkunu integrati fi kwalunkwe sistema tal-Akkwist-e kif mixtieq. d) L-operaturi ekonomiċi
jingħataw l-għodod biex jgħellbu l-kwistjonijiet tal-interoperabbiltà
teknika: L-ICT qiegħed dejjem iżid
fil-kapaċità li jwassal soluzzjonijiet biex jappoġġa
l-komunikazzjoni bejn sistemi u applikazzjonijiet ibbażati fuq
speċifikazzjonijiet tekniċi differenti. Il-proġett pilota PEPPOL
qiegħed jiżviluppa soluzzjonijiet tas-software li wieħed
faċli jikseb biex jegħleb l-inkompatibbiltajiet tekniċi l-aktar
importanti li jistgħu jwaqqfu l-operaturi ekonomiċi milli
jipparteċipaw fi proċeduri tal-Akkwist-e tal-pajjiżi sħab.
Is-soluzzjonijiet PEPPOL se jiġu ppruvati f'sitwazzjonijiet reali matul
ix-xhur li ġejjin. Il-Kummissjoni għandha tippromwovi u
tappoġġa l-adozzjoni mis-suq tas-soluzzjonijiet PEPPOL li kellhom
suċċess. Mistoqsijiet 12.
Xi standards fil-livell tal-UE huma
meħtieġa bħala prijorità b'appoġġ
għall-Akkwist-e? 13.
Il-Kummissjoni għandha
tħeġġeġ / iżżid il-forniment ta' soluzzjonijiet
Open-Source li jistgħu jiġu integrati f'sistemi tal-Akkwist-e
eżistenti jew li qed jiżviluppaw ftit ftit? 14.
Il-Kummissjoni għandha tkompli
tagħmel is-soluzzjonijiet tal-Akkwist-e tagħha (eż. tibni fuq
l-e-Prior li huwa Open Source) disponibbli għall-pubbliku fil-wisa'?
7.4.
Nagħmlu l-akkwist iktar
aċċessibbli (għall-SMEs), sostenibbli u innovattiv
L-Akkwist-e jista', min-natura tiegħu,
ikun iktar kompatibbli ma' jew jiffaċilità l-użu ta' baġits
tal-akkwist fl-appoġġ tal-għanijiet tal-UE 2020. Il-potenzjal tal-Akkwist-e biex iżid
l-aċċess irid jiġi realizzat kompletament. Dan ma jirrelatax
biss mal-possibbiltà tal-parteċipazzjoni transkonfinali, imma wkoll biex
jattira lill-fornituri kollha interessati u eliġibbli, kbar u
żgħar. Xi pajjiżi segwew ir-rakkomandazzjonijiet tal-Pjan ta'
Azzjoni u introduċew strateġiji biex iħeġġu lill-SMEs
biex jadottaw il-prassi tal-Akkwist-e. Dawn l-istrateġiji jidher li
kellhom suċċess, bi proporzjon sinifikanti ta' SMEs jirreġistraw
fuq diversi pjattaformi u jipprovdu l-offerti. Pajjiżi oħrajn
jirraportaw tħassib li ċ-ċaqliq biex l-Akkwist-e jintuża
biex jiżdied iċ-ċentralizzazzjoni tax-xiri jew l-aggregazzjoni
bl-użu tal-ftehimiet ta’ qafas qed jeskludi l-SMEs. Hekk kif qed isiru
iktar żviluppi u raffinamenti, jista' jkun neċessarju li jkun
żgurat li s-sistemi kollha tal-Akkwist-e ikunu favorevoli għall-SMEs[12]. L-Akkwist-e jista' wkoll inaqqas il-konsum
tar-riżorsi ambjentali. Finalment, it-traċċabbiltà u
t-trasparenza tal-Akkwist-e jista' jagħmilha iżjed faċli biex
wieħed jiddiżinja, jimplimenta u jimmonitorja l-politiki biex
jagħtu direzzjoni lin-nefqa lejn għanijiet ta' politika innovattivi,
sostenibbli u inklusivi. Mistoqsija 15.
Il-Kummissjoni diġà ħadet passi biex
tħeġġeġ il-ħolqien ta' strateġiji biex jittejjeb
l-aċċess għas-swieq tal-Akkwist-e mill-SMEs. X'passi oħrajn
jistgħu jittieħdu biex jittejjeb l-aċċess tal-partijiet
interessati kollha, b'mod partikolari l-SMEs, għas-sistemi tal-Akkwist-e?
7.5.
Għoti ta’ valuri referenzjarji u
monitoraġġ ... nitgħallmu mill-aħjar prassi
Hekk kif qed nimxu l-quddiem, huwa vitali li
nsibu mekkaniżmu li jippermetti lill-partijiet kollha biex jipprofittaw
iktar direttament mill-esperjenzi eżistenti, u jippromwovu b'mod attivi
l-benefiċċji aktar mifruxa tal-Akkwist-e. Dan se jkun partikolarment
importanti meta wieħed iqies l-ambjent finanzjarju kurrenti, fejn
ir-riżorsi huma limitati u l-proposti għall-proġetti tal-IT (li
spiss kellhom storja ta' falliment jew ġew jiswew iż-żejjed)
jistgħu ikunu ġġudikati b'iktar xettiċiżmu minn qabel.
Sistemi ta' monitoraġġ aħjar,
kemm fil-livell tal-UE u dak nazzjonali jistgħu jagħmlu possibbli
l-ittraċċar tal-progress iktar mill-qrib u, sakemm jiġu
introdotti l-indikaturi xierqa, jiffaċilitaw azzjoni fil-ħin biex
jindirizzaw kwistjonijiet hekk kif ikunu qed jiżviluppaw aktar milli meta
jkunu saru endemiċi.
7.6.
Żviluppi internazzjonali u
kooperazzjoni
Bħala parti mill-Pjan ta' Azzjoni
tal-2004, il-Kummissjoni ġiet involuta f'diversi inizjattivi intenzjonati
li jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta' qafas internazzjonali
għall-Akkwist-e. Għalkemm in-negozjati għadhom sejrin, it-test
tal-GPA rivedut jinkludi dispożizzjonijiet dwar l-Akkwist-e u
l-Kummissjoni ħadmet mal-Kummissjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar
il-Liġi tal-Kummerċ Internazzjonali (UNCITRAL) biex jiġu
introdotti reviżjonijiet li jirrelataw mal-Akkwist-e. Filwaqt li
l-progress s'issa kien limitat, il-Kummissjoni hija impenjata li tkompli
l-adozzjoni tal-Akkwist-e u li tippromwovi soluzzjonijiet Ewropej.
8.
Konklużjonijiet
L-Akkwist-e ma għadux ħolma
tal-ġejjini – dejjem qed isir iżjed realtà li taħdem
f'ħafna reġjuni u Stati Membri. Fejn qiegħed jintuża,
qiegħed jagħti l-benefiċċji mixtieqa. Dawn is-sistemi wrew
il-kapaċità tagħhom li jħaffu x-xiri pubbliku u
jiffaċilitaw il-fluss tan-nefqa pubblika fil-kuntest tal-kriżi
attwali. Madankollu, l-użu tal-Akkwist-e
għadu lura ħafna mill-aspettativi stipulati fid-Dikjarazzjoni ta'
Manchester. Aktar milli użu ta' 50 % tal-Akkwist-e fl-2010, bl-eċċezzjoni
tal-Portugall, il-Kummissjoni tistma li t-tranżazzjonijiet tal-Akkwist-e
ma jammontawx aktar minn 5 % tan-nefqa totali tal-akkwist fl-ewwel Stati
Membri li qalbu għas-sistema. It-tmexxija fil-livelli kollha tal-gvern -
inkluż l-UE – hija meħtieġa biex iżżomm u
taċċellera it-trażizzjoni għall-Akkwist-e. Jekk
l-awtoritajiet kontraenti jingħataw l-għażla, huma se
jżommu ma' prassi ppruvati u fdati (bbażati fuq il-karta) aktar milli
jinvestu u jagħmlu użu minn dawn l-għażliet ġodda
promettenti. Din il-Green Paper ippreżentat xi ideat
ġodda biex tingħeleb l-inerzja min-naħa tal-awtoritajiet
kontraenti u l-operaturi ekonomiċi li fil-preżent qegħdin
iżommu lura mill-migrazzjoni għall-Akkwist-e. Din il-Green Paper tippreżenta wkoll
għadd ta' modi ssuġġeriti sabiex tiżgura li l-introduzzjoni
tal-Akkwist-e ma twassalx għal ġenerazzjoni oħra ta' barrieri
tekniċi u amministrattivi għall-parteċipazzjoni transkonfinali
fil-proċeduri tal-akkwist. Stati Membri, reġjuni jew setturi qed
jimxu b'veloċitajiet differenti sabiex jieħdu vantaġġ
mill-opportunitajiet offruti mill-Akkwist-e. Irridu niżguraw li din
il-'ġeometrija varjabbli' ma tagħtix bidu għall-ostakli mhux
neċessarji u sproporzjonati fl-akkwist transkonfinali. Din jinvolvi
l-iċċarar tal-obbligi tal-organizzaturi tal-proċeduri
tal-Akkwist-e biex jiġi evitat li jimponu kundizzjonijiet li jafu jwaqqfu
b'mod mhux neċessarju u sporporzjonat, il-parteċipazzjoni
transkonfinali. Din tbassar ukoll għadd ta' passi sabiex l-awtoritajiet kontraenti
u l-operaturi ekonomiċi jiġu mgħammra biex jitħalltu b'mod
effettiv fil-kuntest tal-akkwist fuq l-internet. Il-Kummissjoni stabbilit serje ta'
mistoqsijiet marbuta mal-evalwazzjoni tagħha tal-istat tal-Akkwist-e
fl-Ewropa u għas-suġġerimenti tagħha għall-modi kollha
possibbli biex jingħelbu l-isfidi ewlenin għall-adozzjoni u
l-użu tal-Akkwist-e fis-suq uniku. Il-Kummissjoni tistieden ir-risposti
għal dawn il-mistoqsijiet mill-partijiet interessati kollha. L-iskadenza
għar-risposti hija s-31.01.2011 (indirizz tal-posta elettronika:
markt-consult-eproc@ec.europa.eu). Is-servizzi tal-Kummissjoni se janalizzaw
ir-risposti kollha u jippubblikaw sinteżi tal-opinjonijiet fl-2011. ANNESS I: Dispożizzjonijiet
marbutin mal-Akkwist-e introdotti permezz tad-Direttivi tal-Akkwist Pubbliku
tal-2004 (2004/17/KE[13] u 2004/18/KE[14])
Suġġett || Referenza || Deskrizzjoni Mezzi elettroniċi ta’ komunikazzjoni; || L-Artikoli 1.12 u 1.13 ta' 2004/18/KE u l-Artikoli 1.11 u 1.12 ta' 2004/17/KE || Qed jiġi ċċarat li komunikazzjoni bil-miktub tinkludi mezzi elettroniċi, jiġifieri 'l-użu ta' tagħmir elettroniku għall-ipproċessar (inkluża l-kompressjoni diġitali) u l-ħżin ta’ dejta li tiġi trażmessa, imwassla u rċevuta bil-wajer, bir-radju, b’mezzi ottiċi jew b’mezzi elettromanjetiċi oħrajn' Firem-e || L-Artikolu 42.5(b) ta' 2004/18/KE u l-Artikolu 48.5(b) ta' 2004/17/KE || L-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li l-offerti elettroniċi jkun akkumpanjat minn firma elettronika avvanzata f'konformità mal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 1999/93/KE (firma elettronika avvanzata bbażata fuq ċertifikat kwalifikat) Sistema Dinamika ta' Xiri (Dynamic Purchasing System - DPS) || L-Artikolu 1.6 ta' 2004/18/KE u 1.5 ta' 2004/17/KE || DPS hija definita bħala proċess kompletament elettroniku biex jagħmel ix-xiri użat komuni, limitat fid-dewmien tiegħu u miftuħ matul il-validità tiegħu għal kwalunkwe operatur ekonomiku li jissodisfa l-kriterji tal-għażla, wara li jressaq offerta indikattiva. Rkanti-e || L-Artikolu 1.7 ta' 2004/18/KE u 1.6 ta' 2004/17/KE || Definit bħala 'proċess repetittiv li jinvolvi tagħmir elettroniku għall-preżentazzjoni ta' prezzijiet ġodda, reveduti l-isfel, u/jew valuri ġodda li jikkonċernaw ċerti elementi tat-tressiq tal-offerti, magħmula wara l-evalwazzjoni tal-offerti u l-impatt fuq l-ikklassifikar tal-offerti Katalgi-e || Premessa 12 ta' 2004/18/KE u Premessa 20 ta' 2004/17/KE || Definit bħala għodda li tiffaċilita l-akkwist pubbliku, speċifikament bħala modalità għall-parteċipazzjoni f'akkwisti skont il-ftehimiet ta’ qafas jew fi ħdan DPS Notifika-e || L-Artikolu 36.2, 36.3 u 36.6 ta' 2004/18/KE u l-Artikolu 44.2 u 44.3 ta' 2004/17/KE || In-notifika għandha ssir permezz ta' formoli standard imma mhux neċesarjament permezz ta' mezzi elettroniċi, imma fi proċeduri aċċellerati, l-avviżi jridu jintbagħtu bil-feks jew b'mezzi elettroniċi. In-Notifika-e tippermetti pubblikazzjoni mqassra u jżid it-tul massimu permess tal-avviżi. Profili tax-xerreja || Il-punt 2(b) tal-Anness VIII għal 2004/18/KE, u l-punt 2(b) tal-Anness XX għal 2004/17/KE || Definit bħala ġabra ta' dejta li tirrigwarda l-attivitajiet tal-akkwist ta' awtorità kontraenti li jistgħu jinkludu avviżi ta' informazzjoni minn qabel, u informazzjoni ġenerali utli bħal punt ta' kuntatt Aċċess elettroniku għad-dokumenti || L-Artikolu 38.6 ta' 2004/18, (dispożizzjoni korrispondenti l-Artikolu 45.6 ta' 2004/17) || Il-limiti taż-żmien għar-riċevuta tal-offerti tista’ titnaqqas b'ħamest ijiem sakemm l-awtorità kontraenti / entità toffri aċċess dirett mhux ristrett u sħiħ permezz ta' mezzi elettroniċi għad-dokumenti tal-kuntratt u kwalunkwe dokument supplimentari. It-test tal-avviż għandu jispeċifika l-indirizz tal-internet li fih hija aċċessibbli din id-dokumentazzjoni. ANNESS II:
Status tal-miżuri tal-Pjan ta' Azzjoni Għan I: Niżguraw Suq Intern li jiffunzjona sew fl-akkwist pubbliku elettroniku Implimentazzjoni tal-qafas legali sew u fil-ħin COM għandha toħroġ dokument interprettativ dwar ir-regoli l-ġodda dwar l-akkwist pubbliku elettroniku || Lest COM għandha tagħmel id-demostrazzjonijiet tat-tagħlim disponibbli fuq l-internet, u tippermetti s-CAs u l-EOs biex isiru familjari mad-dispożizzjonijiet u l-għodod il-ġodda tal-Akkwist-e || Lest COM għandha tipprovdi l-assistenza li tixraq lill-SM biex jagħmlu traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet legali l-ġodda || Lest Jitlesta l-qafas legali bl-għodod bażiċi xierqa COM għandha tadotta Formoli Standard ġodda għall-avviżi dwar l-akkwist billi tqies l-proċeduri l-ġodda u l-użu tal-mezzi elettroniċi ta' komunikazzjoni || Lest COM għandha tippreżenta proposti għar-reviżjoni tal-Vokabolarju Komuni dwar l-Akkwist (Common Procurement Vocabulary – CPV) || Lest COM għandha tippreżenta Blueprint għal sistema kompletament elettronika għall-ġbir u l-pubblikazzjoni tal-avviżi tal-akkwist fuq it-Tenders Electronic Daily (TED) || Lest L-SM għandhom jimplimentaw sistemi kompletament elettroniċi fil-livell nazzjonali inkluż l-għodod xierqa għall-ġbir u l-pubblikazzjoni awtomatizzati fit-TED || Għaddej Tneħħija / prevenzjoni tal-barrieri biex isiru l-proċeduri tal-akkwist pubbliku elettroniċi L-SM u l-COM jittestjaw, jirfinaw u jivvalidaw ir-riżultati tar-rekwiżiti komuni tal-funzjonalità tal-IDA (Interchange of Data between Administrations programme – il-programm tal-Interkambju tad-Dejta bejn l-Amministrazzjonijiet) għas-sistemi tal-Akkwist-e || Lest L-SM għandhom jirrevedu dwar jekk l-iskemi kollha operazzjonali tal-Akkwist-e ġewx aġġustati għar-rekwiżiti tad-Direttivi || Għaddej L-SM għandhom jintroduċu skemi ta' akkredetazzjoni nazzjonali biex jivverifikaw il-konformità tas-sistemi tal-e-Tendering mal-qafas legali || Għaddej L-SM u l-COM għandhom jikkunsidraw permezz ta' studju ta' fattibbiltà jekk għandhomx jintroduċu skema ta' konformità mal-verifikazzjoni Ewropea || Lest COM tipproponi azzjoni skont il-programm tal-IDABC (Interoperable Delivery of European eGovernment Services to public Administrations, Businesses and Citizens – Twassil Interoperabbli tas-Servizzi tal-e-Government Ewropej lill-Amministrazzjonijiet pubbliċi, Impriżi u Ċittadini) biex tgħin l-SM jikkoordinaw l-implimentazzjoni tal-firma kwalifikata avvanzata biex isolvu l-problemi ta' interoperabbiltà, snin 2005-2009 || Lest L-SM japplikaw, jekk meħtieġ bil-liġi nazzjonali, Firem-e kwalifikati interoperabbli || Għaddej Sejba u indirizzar tal-problemi tal-interoperabbiltà matul iż-żmien CEN / ISSS (Centre Europeen de Normalisation/Workshop on Information Society Standardisation Systems – Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni / Grupp ta' Ħidma dwar is-Sistemi tal-Istandardizzazzjoni tas-Soċjetà tal-Informazzjoni) għandhom ilestu l-analiżi tal-lakuni dwar il-ħtiġijiet tal-interoperabbiltà għal Akkwist-e effettiv || Lest COM tipproponi li jitkomplew l-attivitajiet fuq L-Akkwist-e taħt il-programm IDABC għall-iskambju u d-diskussjoni tal-kwistjonijiet tal-interoperabbiltà u l-monitoraġġ tal-iżviluppi tal-SM || Lest (Xogħol tkompla mill-IDABC / ISA) COM u l-SM għandhom jippromwovu attivitajiet ta' standardizzazzjoni fil-livell Ewropew u jaħdmu flimkien mal-korpi ta' standardizzazzjoni internazzjonali || Għaddej Għan II: Kisba ta' iktar effiċjenza fl-akkwist, titjib fil-governanza u l-kompetittività Tiżdied l-effiċjenza tal-akkwist pubbliku u tittejjeb il-governanza L-SM għandhom jippreparaw pjanijiet nazzjonali biex jintroduċu l-isfond tal-Akkwist-e billi jissettjaw miri ta' prestazzjoni li jistgħu jitkejlu, u jqiesu l-ħtiġijiet nazzjonali speċifiċi || Parzjalment lest L-SM għandhom iħeġġu l-preparazzjoni ta' pjanijiet simili mix-xerrejja nazzjonali individwali u jikkoordinaw u jimmonitorjaw l-implimentazzjoni tagħhom || Parzjalment lest COM għandha tkompli x-xogħol ta' monitoraġġ fuq il-Fatturar-e mis-CEN / ISSS u tipproponi l-kontinwazzjoni tal-attivitajiet XML li saru fl-2003-2004 fuq il-Fatturar-e u l-Ordnar-e taħt l-IDABC || Għaddej L-SM għandhom jistabbilixxu sistemi elettroniċi għall-ġbir u l-ipproċessar ta' dejta ta' statistika dwar l-akkwist || Parzjalment lest Tiżdied l-kompettitività tas-swieq tal-akkwist pubbliku madwar l-UE COM għandha tikkunsidra tipproponi servizzi għall-forniment elettroniku tal-informazzjoni dwar l-impriża u ċ-ċertifikati fl-akkwist pubbliku għall-implimentazzjoni taħt il-programm IDABC || Lest L-SM u l-COM għandhom jaqblu dwar sett komuni ta' ċertifikati elettroniċi frekwentament meħtieġa għall-użu fl-Akkwist-e || Għaddej COM għandha tipproponi l-varar ta' studju dwar il-Katalgi-e (fid-DPS u l-ftehimiet tal-qafas elettroniċi) bl-użu ta' xogħol mis-CEN / ISSS taħt il-programm IDABC || Lest In-Netwerk tal-Akkwist Pubbliku għandu jorganizza punt ta' riferiment dwar it-trasparenza, l-awditjar u t-traċċabbiltà tas-sistemi tal-Akkwist-e || Imdewwem In-Netwerk tal-Akkwist Pubbliku għandu jorganizza sessjonijiet ta' ħidma biex jippromwovi l-iskambji ta' standardizzazzjoni dwar id-dokument tal-offerti || Imdewwem L-SM għandhom ivaraw u jappoġġaw kampanji ta' kuxjenza speċifiċi u taħriġ għall-SMEs fil-livelli nazzjonali u reġjonali || Għaddej Għan III: Ħidma lejn qafas internazzjonali għall-akkwist pubbliku elettroniku COM għandha tkompli n-negozjati dwar ir-reviżjoni tal-Ftehim dwar l-Akkwisti Pubbliċi (GPA - Government Procurement Agreement) || Għaddej COM għandha tieħu inizjattivi fil-GPA biex tipprogressa lejn l-utilizzazzjoni ta' nomenklatura unika komuni għall-klassifikazzjoni tal-oġġetti u s-servizzi tal-akkwist || Għaddej COM għandha tippromwovi l-attivitajiet ta' u taħdem ma' korpi internazzjonali tal-istandardizzazzjoni u l-fora biex tevita l-emerġenza ta' barrieri ta' interoperabbiltà fil-livell internazzjonali || Għaddej COM għandha tikkoopera man-netwerk tal-Banek Multilaterali tal-Iżvilupp (MDBs - Multilateral Development Banks) bil-ħsieb li tikkoordina l-assistenza teknika fil-pajjiżi terzi (3rd), u tappoġġa r-riorganizzazzjoni u l-kompjuterizzazzjoni tar-reġim tal-Akkwist Pubbliku tagħhom || Għaddej COM għandha tikkunsidra kwalunkwe aġġustament neċessarju u l-fattibbiltà tal-Akkwist-e fil-kuntest tal-istrumenti tal-għajnuna esterna tal-UE || Għaddej [1] Aġenda Diġitali għall-Ewropa
COM(2010) 245 (paġna 32) [2] Id-dikjarazzjoni
Ministerjali ta' Manchester tal-2005 [3] Komunikazzjoni
dwar il-Pjan ta' Azzjoni għall-implimentazzjoni tal-qafas legali
għall-akkwist pubbliku elettroniku ppublikata f'Diċembru tal-2004. [4] Ara
l-Evalwazzjoni tal-Kummissjoni tal-Pjan ta' Azzjoni tal-2004 għall-Akkwist
Pubbliku elettroniku u l-istudju ta' appoġġ ppubblikat fuq is-sit
tal-internet tad-DĠ għas-Suq Intern u s-Servizzi. [5] Dan
jeskludi l-Portugall, li għamel l-użu tal-Akkwist-e mandatorju
mill-1 ta' Novembru 2009, għall-fażijiet kollha
min-notifika sal-għoti tal-offerti. [6] Deutsche
Bank Research ppubblika riċerka "e-Invoicing Final steps of an
efficient invoicing process" (il-passi tal-aħħar tal-Fatturar-e
għall-proċess effiċjenti tal-fatturar) f'Mejju 2010, li kien fih
ċifri li jissuġerixxu li "taħt ċerti
suppożizzjonijiet l-ipproċessar awtomatizzat ta' fattura elettronika
jista' jiswa total ta' aktar minn EUR 18 inqas mill-ipproċessar
tradizzjonali mhux strutturat tal-fattura stampata." [7] Xorta
jistgħu jitwaqqfu milli jipparteċipaw minħabba l-ispejjeż
strutturali jew fatturi oħrajn marbutin mas-suq sottostanti li
jagħmel is-sitwazzjoni anqas attraenti għalihom biex
jipparteċipaw. Madankollu, firxa dejjem tiżdied ta' akkwisti tista'
tiġi ssorsjata remotament inkluż servizzi bħas-software,
il-kompetizzjonijiet tad-diżinn u s-sevizzi ta' assistenza (help-desks). L-Akkwist-e
għandu jkun adattat sew biex jippubblika, jisfrutta u ultimament
jirrealizza dawn l-opportunitajiet. [8] Abbażi
tal-informazzjoni disponibbli fuq is-sit tal-internet www.epractice.eu [9] Paġna 10
tal-Valutazzjoni Estiża tal-Impatt COM 2004(841), annessa
mal-Komunikazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni. [10] Pan-European
Public Procurement Online (PEPPOL) – għal aktar informazzjoni ara s-sit
tal-internet www.peppol.eu [11] Id-Deċiżjoni
tal-Kummissjoni Nru 2009/767/KE kif emendata bid-Deċiżjoni
tal-Kummissjoni Nru 2010/245/UE. [12] Il-Kummissjoni
għandha l-intenzjoni li tagħmel l-Open e-PRIOR iktar
aċċessibbli għall-SMEs permezz tal-iżvilupp ta' portal
tal-fornituri. [13] Id-Direttiva 2004/17/KE
tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Marzu 2004 li
tikkoordina l-proċeduri ta' akkwisti ta' entitajiet li joperaw fis-setturi
tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali, ara http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=CELEX:32004L0017:MT:NOT [14] Id-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
tal-31 ta' Marzu 2004 fuq kordinazzjoni ta' proċeduri
għall-għoti ta' kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi,
kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi
pubbliċi, ara http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=CELEX:32004L0018:MT:NOT